52008DC0164

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill - Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2007 {SEC(2008) xx01} {SEC(2008) xx02} {SEC(2008) xx03} {SEC(2008) xx04} {SEC(2008) xx05} {SEC(2008) xx06} {SEC(2008) xx07} {SEC(2008) xx08} {SEC(2008) xx09} {SEC(2008) xx10} {SEC(2008) xx11} {SEC(2008) xx12} {SEC(2008) xx13} /* KUMM/2008/0164 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell xxx

COM(2008) 164

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2007{SEC(2008) xx01}{SEC(2008) xx02}{SEC(2008) xx03}{SEC(2008) xx04}{SEC(2008) xx05}{SEC(2008) xx06}{SEC(2008) xx07}{SEC(2008) xx08}{SEC(2008) xx09}{SEC(2008) xx10}{SEC(2008) xx11}{SEC(2008) xx12}{SEC(2008) xx13}

KUNTEST

Matul dawn l-aħħar snin, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ippermettiet lill-UE u lis-sħab tagħha jagħmlu progress ċar fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom u jilħqu aħjar il-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet tas-sħab. Il-PEV gradwalment qed tistabilixxi ruħha bħala sħubija għar-riforma u l-iżvilupp reċiprokament benefika, billi tgħin lill-ġirien tagħha jersqu iktar viċin l-UE, b'benefiċċji ġodda liċ-ċittadini tagħhom u tagħna u tippromwovi integrazzjoni reġjonali lil’hinn mill-fruntieri ta’ l-Unjoni . Din il-Komunikazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi tar-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-ġirien li huma parti mill-PEV[1]. Din tkopri l-perjodu minn Novembru 2006[2]. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2007[3] identifikat l-oqsma li fihom in-naħa ta' l-UE teħtieġ tagħmel iktar, notevolment fl-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika, il-mobilità, jew l-indirizzar tal-kunflitti reġjonali.

L-istrutturi u l-istrumenti, fil-qafas li fihom isir id-djalogu u l-kooperazzjoni, issa huma żviluppati sew. Dawn huma diskussi fit-tieni sezzjoni. Iktar importanti, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha huma dejjem iktar intensivi, jappoġġjaw aġenda mifruxa għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi orjentati lejn l-UE f'bosta pajjiżi u f'firxa wiesgħa ta' setturi. It-tielet sezzjoni tipprovdi sommarju tal-progress sostanzjali li sar mill-pajjiżi sħab, kif ukoll l-oqsma fejn huma meħtieġa iktar sforzi. Iktar informazzjoni dettaljata tinsab fir-Rapport ta’ Progress speċifiku għal kull pajjiż u r-Rapport ta' Progress Settorjali li huma mehmuża bħala dokumenti ta’ ħidma tal-persunal. Fid-dawl tad-diversità politika, ekonomika, soċjali u kulturali fost l-imsieħba tal-PEV, u minħabba li hemm varjazzjonijiet fis-sekwenzar u l-prijoritizzazzjoni tar-riformi tagħhom, dawn ir-rapporti m'humiex direttament kumparabbli. L-analiżi tal-progress dwar il-governanza li tinsab f'din il-Komunikazzjoni u fl-annessi mehmuża ser tkun il-bażi għad-deċiżjoni dwar l-allokazzjonijiet tal-Faċilità Governattiva 2008. Is-sezzjoni 4 tindirizza l-iżviluppi multilaterali li jikkonċernaw l-UE u s-sħab tagħha. Il-konklużjonijiet li jirrigwardaw iktar żvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali ta’ l-UE mal-pajjiżi sħab jinsabu fis-Sezzjoni 5.

IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

Relazzjonijiet kuntrattwali: Ġew konklużi Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (fil-Lvant) u Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (fin-Nofsinhar) mal-pajjiżi koperti mill-PEV, minbarra l-Belarus, il-Libja u s-Sirja.

Biex ikomplu jibnu fuq il-progress sod li sar qabel, f'Marzu 2007 l-UE u l-Ukrajna fetħu negozjati dwar Ftehim Imtejjeb Gdid (FIĠ) li għandu l-għan li javviċina lill-Ukrajna iktar qrib b'mod sinifikanti billi jappoġġja iktar riformi interni, billi jintegra l-ekonomija ta' l-Ukrajna progressivament fis-suq intern u billi jmur lil’hinn mill-Ftehim ta’ Partenarjat u Kooperazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna fejn possibbli. Minn dakhinar saru seba’ gruppi ta' negozjati u ż-żewġ naħat huma involuti bil-kbir fl-iżvilupp ta’ qafas ġdid ambizzjuż għar-relazzjoni dejjem tikber tagħhom. Wara l-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ adeżjoni ta’ l-Ukrajna mad-WTO fi Frar 2008, fl-istess xahar ġew imnedija negozjati dwar żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva bħala element ċentrali ta’ l-NEA.

F’Ottubru 2007, il-Kunsill adotta konklużjonijiet ġodda dwar it-talba tal-Libja biex il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati bil-għan li jsir ftehim ta’ qafas bejn l-UE u l-Libja fil-futur. Il-Kummissjoni ppreżentathom fi Frar 2008. L-UE toffri sħubija sħiħa mal-Belarus sakemm il-Belarus tieħu passi konkreti u konvinċenti fid-direzzjoni tad-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Passi mill-awtoritajiet Belorussi biex jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ governanza demokratika tal-pajjiż jibqgħu limitati, u s’issa għadu ma kienx possibbli li jsir progress lejn sħubija ta’ dan it-tip. Fl-istess ħin, qed jiġu mħeġġa kuntatti fil-livell tekniku dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sirja huma rregolati minn Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta’ l-1977 li jiddependi fuq l-iffirmar ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Pjanijiet ta’ Azzjoni: Wara l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni ma’ l-Armenja (Novembru 2006), l-Ażerbajġan (Novembru 2006), il-Ġeorġja (Novembru 2006), il-Libanu (Jannar 2007), u l-Eġittu (Marzu 2007), total ta’ tnax-il pajjiż issa għażlu li jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-UE bl-użu ta' din l-għodda biex takkumpanja r-riformi domestiċi u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali. Fir-rigward ta’ l-Alġerija, beda djalogu politiku f’bosta gruppi ta’ ħidma u sotto-Kumitati fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tagħha. Fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ta’ Marzu 2008 ġie deċiż li jiġi stabbilit programm ta’ ħidma konġunt sabiex jiġu stipulati prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-ewwel Pjanijiet ta’ Azzjoni daħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ l-2005. Tlieta minnhom (l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Iżrael) kellhom limitu ta’ żmien inizjali ta’ tliet snin. Minħabba li dawn il-pajjiżi għamlu avvanzi sinifikanti u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-UE qegħdin jiġu riveduti, bil-għan li jissaħħu b’mod sostanzjali, bħalissa l-kooperazzjoni tkompli, fil-preżent, u għal raġunijiet prammatiċi, fuq il-bażi ta’ dawn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

L-AġENDA TA’ RIFORMA DOMESTIKA FIL-PAJJIżI SħAB

Djalogu Politiku u riforma

Il-proċessi ta’ riforma politiċi, filwaqt li jaqsmu prinċipji ċentrali ewlenin huma differenti fil-pajjiżi diversi taħt il-PEV, u jirriflettu l-impenji li għamlu f'dan ir-rigward. Fil-Lvant, l-imsieħba kollha tal-PEV li għandhom Pjanijiet ta' Azzjoni miftiehma huma membri ta’ l-OSCE u l-Kunsill ta’ l-Ewropa, li tikkontribwixxi għal aġenda ta’ riforma partikolari immirata lejn approssimazzjoni fil-qrib għall-istandards fundamentali prevalenti fl-UE. L-implimentazzjoni ta' riformi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun saru wkoll fuq l-isfond ta’ tkabbir ekonomiku u stabbiltà relattiva. Fin-Nofsinhar, l-aġenda ta’ riforma hija bbażata fuq il-valuri li dwarhom sar ftehim imnaqqax fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona u tikkunsidrahom u l-impenji tan-NU bħala kriterji. F’bosta pajjiżi li għad iridu jilħqu dawn l-istandards bis-sħiħ, ir-riforma politika hija miexja bil-mod. Fil-każ tal-Libanu u t-territorju okkupat tal-Palestina, il-kuntest politiku s’issa għadu ma ppermettiex li l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni jiġu indirizzati b’mod sinifikanti, minkejja sforżi notevoli. B’mod iktar ġenerali, id-djalogu politiku u l-aġenda ta’ riforma tas-sħab tal-PEV huwa differenzjat ħafna u jeħtieġ li l-kummenti li ġejjin jiġu kkunsidrati b’referenza għall-Pjanijiet ta’ Azzjoni u r-rapporti individwali ta' progress.

Għadd ta’ pajjiżi, b’mod partikolari r-Repubblika tal-Moldova u l-Armenja, qed jintroduċu riformi biex isaħħu l- istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom. Dan jinkludi, fil-każ tar-Repubblika tal-Moldova, il-miżuri leġiżlativi relatati mar-riforma parlamentari u t-tmexxija awtonoma lokali, u, fil-każ ta’ l-Armenja, is-separazzjoni tal-poteri, inkluż żieda fil-poteri għall-Assemblea Nazzjonali u tmexxija awtonoma lokali mtejjba. Il-Marokk sar membru tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Għamel progress fir-responsabbiltà ġudizzjarja tal-membri tal-gvern u r-riforma tat-tmexxija awtonoma lokali. L-Eġittu introduċa pakkett ta' emendi Kostituzzjonali bil-għan li, fost oħrajn, jintemm l-Istat ta’ Emerġenza sa Lulju 2008. Il-Ġordan adotta liġi ġdida ta’ Muniċipalitajiet li tipprevedi l-elezzjoni diretta tal-membri tal-kunsill muniċipali u sindki (ħlief f’Amman) u għalhekk għamel progress fil-promozzjoni tad-demokrazija lokali. Ir-relazzjonijiet bejn il-parlamenti jista’ jkollhom rwol importanti f'iktar żvilupp tal-kultura parlamentari. L-intenzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif imniżżel fir-rapport tiegħu ta’ Novembru 2007 dwar il-PEV, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-parlamenti tal-pajjiżi sħab ser ikun fattur ewlieni f'dan ir-rigward.

L- Elezzjonijiet , sew dawk presidenzjali, leġiżlativi, jew lokali, saru f’għadd ta’ pajjiżi sħab. Dawn ipprovdu sinjali importanti dwar l-iżvilupp tad-demokrazija. Fir-Repubblika tal-Moldova, l-elezzjonijiet lokali f’Ġunju 2007 kienu ġeneralment amministrati sew u taw lill-votanti għażla ġenwina, għalkemm kien hemm xi nuqqasijiet, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-aċċess ekwitabbli għall-mezzi tax-xandir għall-kandidati kollha. Wara l-elezzjonijiet fil-kamra l-għolja ta’ l-Eġittu, il-Presidenza ta’ l-UE ħarġet dikjarazzjoni li tesprimi xi tħassib dwar il-kondotta tagħhom. Fl-elezzjonijiet leġiżlativi ta’ Settembru 2007, il-Marokk għamel progress fit-trasparenza tal-proċess elettorali u fil-permess ta' aċċess għall-mezzi tax-xandir għall-kandidati politiċi. Fl-Ukrajna, minkejja l-kontroversja dwar is-sejħa ta’ elezzjonijiet parlamentarji bikrija, intlaħqet konsolidazzjoni tal-proċess demokratiku fl-2007. L-evalwazzjoni ta’ l-elezzjonijiet uriet li dawn saru l-parti l-kbira skond l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi. L-elezzjonijiet parlamentarji tal-Ġordan f’Novembru 2007 saru taħt leġiżlazzjoni li ma tilħaqx l-istandards internazzjonali kollha. Il-Ġordan ma aċċettax osservaturi elettorali internazzjonali. Fil-Ġeorġja, il-proposta biex jiġu postposti l-elezzjonijiet Presidenzjali għall-Ħarifa 2008 wasslu għal inkwiet fil-pajjiż u kellu jiġi impost stat ta' emerġenza. Bħala tweġiba għat-tħassib li qajjmu dawn l-avvenimenti, l-elezzjonijiet Presidenzjali saru f'Jannar 2008. Dawn żvelaw għadd ta' nuqqasijiet fil-proċess elettorali, inkluż il-prominenza żbilanċjata fil-mezzi tax-xandir ta’ kandidati, l-użu ta’ riżorsi ta’ l-istat għal skopijiet ta’ kampanja, atti rrappurtati ta’ intimidazzjoni ta’ votanti, u irregolaritajiet fl-għadd u t-tabulazzjoni. Jeħtieġ li dawn jiġu indirizzati jekk il-Ġeorġja trid tilħaq l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-qasam ta’ riforma politika. Fl-Armenja l-elezzjonijiet Presidenzjali fi Frar 2008 saru l-parti l-kbira skond l-istandards internazzjonali. Madankollu, in-nuqqas ta' separazzjoni ċara bejn il-karigi ta' stat u partit u l-ħtieġa għal aċċess ugwali għall-mezzi tax-xandir għall-kandidati ġew imsemmija bħala kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati. Kien hemm ukoll tħassib dwar l-istat ta’ emerġenza li ġie introdott wara l-elezzjonijiet.

L-ammont ta' votanti li vvutaw jista’ jkun indikatur tal-livell ta’ kunfidenza fost iċ-ċittadini li jistgħu jkollhom influwenza permezz tal-kaxxa tal-voti. Fl-elezzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-rati ta’ parteċipazzjoni kienu: Ir-Repubblika tal-Moldova – 52%, l-Eġittu – 31%, l-Ukrajna – 63%, il-Marokk – 37%, il-Ġordan – 54%, il-Ġeorġja – 56% u l-Armenja – 69%.

Bosta pajjiżi (notevolment l-Armenja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Marokk) introduċew miżuri biex isaħħu l-indipendenza u t-trasparenza tal- ġudikatura , element importanti ta’ riforma politika. Il-livell ġenerali ta’ korruzzjoni jibqa' ta’ tħassib fil-parti l-kbira tal-pajjiżi sħab. Il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk u l-Ukrajna adottaw kontromiżuri bħall-eżami antikorruzzjoni tal-leġiżlazzjoni qabel l-adozzjoni tagħha, dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ l-assi għall-uffiċjali għolja, jew iż-żieda fl-għarfien. Saru passi limitati lejn l-istabbilitment ta’ amministrazzjoni pubblika trasparenti, responsabbli u effettiva fl-Armenja, fl-Ażerbajġan, fil-Ġeorġja, fil-Ġordan, fil-Libanu, fit-territorju okkupat tal-Palestina u fl-Ukrajna.

F'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, il-Ġordan (Diċembru 2006) daħal fil-Protokoll mhux Obbligatorju (OP) dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Eġittu (fi Frar 2007) u l-Ġordan (f’Mejju 2007) daħlu fl-OP dwar it-Tfal fil-Kunflitti Armati fl-istess Konvenzjoni. Il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk u l-Ukrajna għamlu wkoll progress lejn ir-ratifika ta’ għadd ta’ konvenzjonijiet internazzjonali. Ittieħdu miżuri għat-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem f’numru ta’ pajjiżi: issaħħaħ ir-rwol ta’ l-Ombudsman fl-Armenja u l-Ażerbajġan; Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Prevenzjoni taħt l-OP għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura qed jiġi stabbilit fir-Repubblika tal-Moldova; fl-Eġittu, il-Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem adotta pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

L-Ukrajna (Lulju 2007) daħlet fit-tieni OP (Abolizzjoni tal-Piena tal-Mewt) taħt il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Għadd ta’ pajjiżi żammew il-moratoria de facto dwar il- piena kapitali , u l-Ġordan naqqas ukoll l-għadd ta’ reati li jingħataw piena kapitali. Każijiet ta’ tortura u maltrattament għadhom qed jiġu rrappurtati fil-parti l-kbira ta’ pajjiżi sħab, għalkemm b’livelli differenti ta’ frekwenza u severità. Inċidenti spiss isiru fil-perjodu ta’ detenzjoni qabel il-proċess u fil-faċilitajiet tal-ħabs. Kien hemm xi ftit progress fil-prevenzjoni tat-tortura u l-maltrattament, pereżempju fil-Ġeorġja, fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna. It-Tuniżija u l-Marokk għamlu xi progress fil-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu reati. Hemm tħassib dwar l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir u l- libertà ta’ l-espressjoni f’bosta pajjiżi sħab tal-PEV. L-Armenja għamlet progress fit-titjib tal-libertà tal-mezzi tax-xandir. Sar progress dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi f’għadd ta’ pajjiżi: fl-Eġittu, il-Mutilazzjoni tal-Ġenitali Femminili ġiet formalment ipprojbita; u fil-Marokk, saret emenda fil-Kodiċi tan-Nazzjonalità li tippermetti t-trażmissjoni tan-nazzjonalità permezz ta' l-omm; u fit-Tuneżija, bdiet il-proċedura biex tiġi ratifikata l-OP tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika avvanzat fil-Ġordan, fir-Repubblika tal-Moldova u fil-Marokk. Ittieħdu passi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal- minoritajiet nazzjonali fil-Georġja, permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ integrazzjoni ċivika, fir-Repubblika tal-Moldova, bl-adozzjoni ta’ Pjan ta' Azzjoni għall-appoġġ tal-popolazzjoni Roma, u fl-Ukrajna, li rratifikat il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità. Għal dak li jirrigwarda d- drittijiet ċentrali għax-xogħol , ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet ILO għadhom problematiċi f'bosta pajjiżi sħab.

Fir-rigward tas- soluzzjoni tal-kunflitti reġjonali, l-UE qed iżżomm djalogu miftuħ mal-pajjiżi sħab kollha. Ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna kooperaw fil-viċin ma’ l-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ l-isforzi ta’ soluzzjoni tat-Transnistrija. Il-mandat tal-Missjoni ta’ Assistenza fil-Fruntieri ta’ l-UE għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) ġiet estiża sa l-aħħar ta’ Novembru 2009. Fit-territorju okkupat tal-Palestina, il-missjoni ta’ taħriġ għall-pulizija EU POL COPPS reġgħet ġiet attivata u l-Ministri ta' l-UE indikaw li huma lesti jużaw il-missjoni ta' monitoraġġ fil-fruntieri EU BAM Rafah malli l-kundizzjonijiet jippermettu li dan isir. Fil-Ġeorġja, l-implimentazzjoni ta’ pakkett ta’ miżuri ta’ bini ta’ kunfidenza fl-Abkhażja u l-Ossetja tan-Nofsinhar bdew fil-Ħarifa 2007; madankollu riżultati dwar kif ser jiġu riżolti dawn il-kunflitti huma limitati ħafna. Minkejja laqgħa informali bejn il-Presidenti ta’ l-Armenja u l-Ażerbajġan f'Ġunju 2007, progress dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Nagorno-Karabakh huwa limitat ukoll. L-Eġittu u l-Ġordan kellhom rwol importanti fit-tnedija mill-ġdid ta' l-Inizjativa Għarbija għall-Paċi, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitat ta’ segwitu tal-Lega Għarbija u fil-laqgħa ta’ Annapolis f’Novembru 2007. In-negozjati dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent ġew imnedija mill-ġdid reċentement, imma s’issa l-progress kien ftit.

Fl-aħħarnett, il-parti l-kbira tal-pajjiżi sħab tal-PEV qed jagħtu iktar attenzjoni għat-titjib fil-ġestjoni tal-flussi migratorji tagħhom u biex isaħħu l-kooperazzjoni ma’ l-UE dwar din il-politika importanti.

Ir-Riforma Soċjoekonomika

Fir-rigward ta’ żviluppi makroekonomiċi , il-parti l-kbira tal-pajjiżi sħab tal-PEV irreġistraw tkabbir ekonomiku għoli fl-2007. Fir-Repubblika tal-Moldova, it-tkabbir naqas ftit minħabba l-konsegwenzi ta’ nixfa serja. Fil-Marokk il-produzzjoni agrikola wkoll ġiet effetwata minn nixfa. Fil-Libanu l-instabbiltà politika għamlet ħsara lill-ekonomija. Il-pajjiżi bi dħul importanti mis-settur ta’ l-enerġija, notevolment l-Ażerbajġan, kellhom l-ogħla rati ta’ tkabbir. Id-defiċit tal-baġit tal-gvern u d-djun ġenerali baqgħu ġeneralment maneġġevoli. L-inflazzjoni żdiedet fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, l-iktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-komoditajiet, imma r-rata ta’ espansjoni monetarja hija ta’ tħassib f’uħud mill-każijiet. Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-imsieħba tal-PEV żdied b’mod sostanzjali, u b’hekk saħħaħ ir-relazzjonijiet tagħhna, filwaqt li l-bilanċi kummerċjali u d-defiċits kurrenti tal-parti l-kbira tal-pajjiżi sħab iddeterjoraw. Żieda fl-investiment barrani dirett qed jiffinanzja d-defiċits f’għadd ta’ każijiet. L-Iżrael u l-Ġordan raw titjib fil-bilanċ kummerċjali tagħhom. Madankollu, fil-każ tal-Ġordan, id-defiċit kummerċjali kbir ma’ l-UE jeħtieġ attenzjoni kontinwa. L-Ażerbajġan u l-Alġerija kellhom bilanċ pożittiv fil-baġit u l-kummerċ. L-Iżrael żamm rata ta' tkabbir sostanzjali, naqqas id-dejn pubbliku b’mod sinifikanti u ġab id-defiċit tal-gvern iktar qrib il-bilanċ. Il-pożizzjoni ta’ l-UE bħala s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-pajjiżi PEV ġiet ikkonsolidata iktar fl-2007, notevolment bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

L-Armenja, l-Eġittu, il-Ġeorġja, il-Ġordan, u t-Tuneżija għamlu progress fit-titjib ta’ l-ambjent tan- negozju tagħhom, permezz ta’ miżuri bħas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni ta' kumpaniji, it-tnaqqis fil-prezz ta' liċenzji, jew l-introduzzjoni ta’ “one-stop shops”. Il-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża li fiha daħlu l-parti l-kbira tal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar, rifdet dan il-proċess. Madankollu, dan għad ma wassalx għal żieda fl-investiment barrani dirett fil-każijiet kollha, partikolarment fost xi uħud mill-imsieħba Mediterranji tal-PEV. Fl-Eġittu, il-Ġeorġja u r-Repubblika tal-Moldova, l-investiment barrani dirett laħaq livelli rekord fl-2007.

Il-parti l-kbira tal-pajjiżi PEV għandhom ekonomiji informali sostanzjali, u jeħtieġ li t-tmexxija ekonomika titjieb. Minkejja rati ta’ tkabbir relattivament għoljin il-parti l-kbira ta' l-imsieħba tal-PEV ilhom jiffaċċjaw rati għoljin ta' qgħad, partikolarment fost iż-żgħażagħ fil-pajjiżi Mediterranji tal-PEV. L-Iżrael u l-Ukrajna raw tnaqqis gradwali fil-qgħad. Sfida ewlenija hija l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Minkejja sforzi f’xi uħud mill-pajjiżi, ir-rwol tan-nisa fil-ħajja soċjali u ekonomika ma tjiebx b’mod sinifikanti.

Il-Kummissjoni ser tippubblika Reviżjoni Ekonomika tal-Pajjiżi tal-Viċinat ta' l-UE f'Ġunju 2008.

Riforma Settorjali

Ħarsa ġenerali lejn il-progress f’oqsma oħra ta’ politika tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV, kif ukoll xi indikaturi ta’ tmexxija u ekonomiċi, jistgħu jinsabu fir-Rapport ta' Progress Settorjali anness. Ġeneralment, il-pajjiżi sħab tal-PEV għamlu iktar progress fit-trasformazzjoni tal-politiki settorjali tagħhom, billi adottaw strateġiji u ħadu passi fit-triq għar-riforma u l-modernizzazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom ma’ l-ekonomija u s-suq ta’ l-UE. Introduċew leġiżlazzjoni ġdida u saħħew il-ħiliet istituzzjonali tagħhom. Il-leġiżlazzjoni sekondarja u l-ħiliet amministrativi għall-implimentazzjoni tar-riformi jkomplu jkunu l-isfida ewlenija. Il-progress kien varjat fir-rata u l-grad kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll bejn is-setturi. F’bosta pajjiżi sħab tal-PEV jista’ jiġi osservat impenn dejjem jiżdied biex tiġi adattata l-leġiżlazzjoni nazzjonali għal-liġi ta' l-UE, fi gradi varjati u skond is-settur. Barra minn hekk , l-għajnuna finanzjarja tal-KE saret dejjem iktar immexxija mill-politika u ffokata fuq il-prijoritajiet ta’ riforma miftiehma fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV.

F’għadd ta’ oqsma politiki, il-progress jista’ jsir biss biż-żmien; għalhekk, ir-rapport ta’ progress jindika regolarment il-miżuri attwali kif ukoll il-passi ta’ modernizzazzjoni li saru. Fl-oqsma kolha, id-djalogu politiku bejn il-KE u l-pajjiżi sħab tal-PEV ġie intensifikat iktar.

Id-djalogu ta’ politika settorjali huwa bażi importanti għall-"partenarjat-għar-riforma" li teħtieġ il-PEV. Il-proċess ta’ ħolqien ta’ amministrazzjoni pubblika li twieġeb il-ħtiġijiet u d-drittijiet taċ-ċittadini - bil-provvediment ta' reġistrazzjoni one-stop-shop għan-negozji; pulizija jew servizzi doganali orjentati lejn iċ-ċittadini u ħielsa mill-korruzzjoni; ġestjoni effettiva tal-portijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ u t-trasport; jew aċċess għall-informazzjoni ambjentali; bħala ftit mill-eżempji - jirrappreżentaw, jekk ikun sostnut, kontribut politiku qawwi għat-tmexxija tajba u l-istat tad-dritt.

ŻVILUPPI MULTILATERALI

F’Novembru 2005 s-Samit ta' Barċellona adotta programm ta' ħidma ta' ħames snin u f'Novembru 2006, fil-Laqgħa Ministerjali li saret f'Tampere, l-imsieħba Euro-Mediterranji adottaw progamm ta' ħidma għall-2007. Matul l-2007, ix-xogħol li sar f’erba’ kapitli ta’ kooperazzjoni kien konsiderevoli u d-djalogu ta' politika bilaterali li sar fil-qafas tal-PEV kompla jikkontribwixxi biex iħaddan progress lejn kooperazzjoni reġjonali f’bosta oqsma. Il-parti l-kbira tal-21 inizjattiva li dwarhom sar ftehim f’Tampere ġew implimentati sa l-aħħar ta’ l-2007. Sar ftehim dwar għadd ta’ inizjattivi ġodda għall-2008 fil-laqgħa Ministerjali Ewro-Mediterranja li saret f'Liżbona f’Novembru 2007. Id-djalogu politiku u ta’ sigurtà ffoka fuq reviżjoni regolari tas-sitwazzjoni politika fil-Lvant Nofsani, l-implimentazjoni tal-Kodiċi ta’ Imġiba fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-tisħiħ tad-djalogu dwar l-ESDP u kwistjonijiet ta’ sigurtà, it-tnedija ta’ djalogu reġjonali dwar kooperazzjoni konġunta fil-qasam ta’ l-elezzjonijiet u inizjativi relatata mas-soċjetà ċivili, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Fil-qasam ta’ kooperazzjoni ekonomika, sar progress fil-kooperazzjoni finanzjarja fil-qafas tal-Faċilità ta' lnvestiment u Sħubija Ewro-Mediterranji (FEMIP), il-ħolqien ta’ netwerk Ewro-Mediterranju ta’ esperti tal-finanzi pubbliċi, negozjati dwar servizzi u d-dritt għal stabbiliment u t-twaqqif ta’ grupp ta’ Uffiċjali Għolja biex jaħdmu iktar fuq l-għan ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles sa l-2010 u lil’hinn. Kompla wkoll id-djalogu dwar firxa wiesgħa ta' setturi, inkluż l-isfidi ambjentali li jiffaċċjaw l-imsieħba Mediterranji. Fil-qasam ta’ l-enerġija, f’Diċembru 2007 il-laqgħa Ministerjali Ewro-Mediterranja approvat pjan ta’ azzjoni ta’ prijorità għall-2008-2013. Fir-rigward tad-dimensjoni kulturali u umana, kien hemm involviment ikbar mis-soċjetà ċivili. Id-djalogu ffoka fuq kwistjonijiet bħar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, edukazzjoni għola u r-riċerka xjentifika, u s-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Id-djalogu politiku ma’ l-imsieħba tal-PEV issaħħaħ ukoll wara s-Summit bejn l-Afrika u l-UE f’Liżbona f’Diċembru 2007, li adottat Strateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni ser joħloq iktar sinerġiji fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani msieħba rispettivament.

F’Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju ta’ Unjoni għall-Mediterran li ser tinkludi l-Istati Membri ta’ l-UE u l-pajjiżi fuq ix-xtut tal-Mediterran li m’humiex fl-UE. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Kunsill il-proposti meħtieġa sabiex jiġu definiti l-modalitajiet ta’ dak li ser jissejjaħħ "il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” bil-għan li jsir is-Summit f’Pariġi fit-13 ta' Lulju 2008. Il-Kummissjoni ser tniżżel dawn il-proposti malajr u f'dan il-proċess twettaq ukoll konsultazzjonijiet mal-ġirien tan-Nofsinhar.

F’Komunikazzjoni ta’ April 2007 il-Kummissjoni spjegat l-inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed bħala tweġiba għall-isfidi u l-opportunitajiet li jeħteġu tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-Baħar l-Iswed. Din l-inizjativa tieħu vantaġġ ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-UE u l-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija, u hija kumplementari għall-isforzi prinċipalment bilaterali taħt il-PEV u l-politiki l-oħra applikati fir-reġjun. Hija toffri bażi ġdida ta’ kooperazzjoni reġjonali li tinvolvi l-UE, it-Turkija, l-imsieħba kollha tal-PEV tal-Lvant mal-Pjanijiet ta' Azzjoni li dwarhom sar ftehim u l-Federazzjoni Russa. Wara l-approvazzjoni tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed mill-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet timplementa serje ta' miżuri konkreti, l-iktar fl-oqsma ta' l-enerġija, it-trasport, l-ambjent, is-sajd, il-migrazzjoni u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni kisbet status ta’ osservatur fi, u żviluppat rabtiet ta’ ħidma ma’, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC). Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ l-UE u l-imsieħba tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed saret fi Kjiv fl-14 ta’ Frar 2008. Il-laqgħa adottat Dikjarazzjoni Konġunta, li nediet is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed bħala impenn komuni għal terminu twil. F’Ġunju 2008 l-Kummissjoni ser tippreżenta reviżjoni lill-Kunsill dwar l-ewwel sena tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

IKTAR EVOLUZZJONI TAR-RELAZZJONIJIET TA’ L-UE MAL-PAJJIżI IMSIEħBA

Tkompli l- evoluzzjoni fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni

Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Frar 2008, il-Kunsill enfasizza r-rwol ċentrali tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni fil-mixja 'l quddiem ta' l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-progress li dwaru sar rapport f’din il-Komunikazzjoni jappoġġja bis-sħiħ din il-valutazzjoni. Pjanijiet ta’ Azzjoni kienu importanti fil-kontribut ta’ sostanza operazzjonali għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-UE u l-imsieħba tagħha u qed isiru wkoll punti ta’ referenza importanti għall-komunità ta’ donaturi. Hekk kif dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu u kif jinkisbu xi għanijiet filwaqt li jsir ftehim dwar għanijiet ġodda, jenħtieġ li dawn l-għodod jiġu adattati kif xieraq. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni nnfushom għandhom dispożizzjonijiet għal din l-adattazzjoni, li għandha tippermetti li l-ambizzjonijiet dejjem jikbru ta' l-imsieħba jiġu riflessi f’dokument li jservi biex jorganizza l-ħidma konġunta tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tip ta' għodod, ikun x'ikun isimhom, ikomplu jkunu utli wkoll fil-kuntest ta’ ftehimiet kuntrattwali ġodda li għandhom jiġu konklużi ma’ imsieħba tal-PEV.

L-esperjenza li nkisbet s’issa matul l-implimentazzjoni ta’ l-ewwel ġenerazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni turi li l-adattazzjonijiet futuri għandhom iwasslu għal dokumenti li huma kkalibrati iktar fil-viċin għall-ambizzjonijiet u l-ħiliet speċifiċi tal-pajjiżi imsieħba, u jirriflettu r-relazzjonijeit differenzjati ta’ l-UE mas-sħab tagħha, filwaqt li jippromwovu passi li jistgħu jintlaħqu fid-direzzjoni ta’ konverġenza regolatorja mal-leġiżlazzjoni u l-istandards ta' l-UE. Din id-differenzjazzjoni ser twassal ukoll għal pussess ikbar min-naħa tal-pajjiżi sħab.

Il-karatteristiċi tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni, fosthom li huma relattivament speċifiċi, limitati bil-ħin u orjentati lejn l-azzjoni, għandhom jinżammu u jiġu mtejba. Sekwenza iktar ċara tal-miżuri li ttieħdu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu jkunu utli wkoll. B’mod ġenerali, l-iskop tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni (jiġifieri n-numru ta’ setturi indirizzati) għandu jinżamm, minħabba li dan jirrappreżenta r-rikkezza tar-relazzjonijiet li l-UE qed tiżviluppa mas-sħab tagħha. Għandha ssir valutazzjoni realistika tal-firxa ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

Żviluppi futuri fir-relazzjonijiet mas-sħab

Il-PEV gradwalment qed tagħmel progress bħala mezz għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet iktar intensi u li jagħtu frott bejn l-UE u l-imsieħba tagħha. Issa l-UE għandha tkompli l-istrateġija tagħha ta’ 1) intensifikazzjoni tal-politika u t-twettiq tagħha sabiex iġġib benefiċċji iktar ċari, 2) tkompli t-triq gradwali, ibbażata fuq il-prestazzjoni u differenzjata u 3) turi r-rieda li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' l-imsieħba magħżula fejn dan huwa mixtieq u mfittex mill-pajjiżi kkonċernati.

Ma' erba’ pajjiżi, il-ħidma konġunta fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni intensifikat b’tali mod li tisħiħ partikolari tar-relazzjonijiet ma’ l-UE huwa ġġustifikat. Dan ser ikompli f’kull każ b’mod imfassal għaċ-ċirkostanzi speċifiċi, konsistenti mal-filosofija globali tal-PEV, inkluż il-prinċipju tal-kriterji stipulati. Ma’ l- Ukrajna, qafas ġdid ambizzjuż qed jitfassal għal din is-sħubija permezz ta' negozjati dwar Ftehim Imtejjeb ġdid, li qed jimxu 'l quddiem malajr u li ser jinkludu dispożizzjonijiet għal żona ta' kummerċ ħieles imsaħħha u komprensiva. Ir- Repubblika tal-Moldova għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV tagħha u wriet rieda politika qawwija biex tavvanza iktar. Kif ikkonkluda l-Kunsill fi Frar 2008, l-UE hija lesta, abbażi tal-progress sostnut, li tibda riflessjoni dwar ftehim ġdid, adattat għall-interessi tar-Repubblika tal-Moldova u li jmur lil'hinn mill-FPK. Qed isir ukoll progress fit-taħdidiet mal- Marokk dwar mezzi konkreti biex jinkiseb "status avvanzat" li jista' jkun pakkett mifrux li jinkludi miżuri sinifikanti dwar il-mobbilità tal-persuni b'mod parallel għall-progress fir-rijammisjoni. Ma’ l- Iżrael , grupp ta' riflessjoni qed jikkunsidra oqsma fejn ir-relazzjonijiet ma’ l-UE jistgħu jitjiebu għal status speċjali; dan għandu jinkludi kemm tisħiħ tad-djalogu politiku kif ukoll l-involviment iktar mill-viċin ta’ l-Iżrael fl-ekonomija u s-suq ta' l-UE u f’għadd ta’ politiki ewlenin ta’ l-UE.

Ser tkompli l-ħidma konġunta dwar firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika settorjali mal- Ġordan u t- Tuneżija fl-appoġġ ta' l-aġendi ta' riforma politika rispettivi għall-pajjiżi.

Mal-pajjiżi l-oħra, l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni PEV bdew biss relattivament reċentement. Il-progress ma’ l- Armenja, l- Eġittu u l- Ġeorġja ser jibni fuq il-bidu promettenti li diġà sar, bil-kunsiderazzjoni f’kull każ taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-ambizzjonijiet tal-pajjiżi. Il-ħidma qed tagħmel progress ukoll ma’ l- Ażerbajġan f’għadd ta’ setturi, inkluż il-kooperazzjoni dwar l-enerġija.

Fil-każ tal- Libanu u t-territorju okkupat Palestinjan , il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV ser jipprovdu ankra solida għar-riforma ladarba l-kundizzjonijiet jippermettu iktar progress. Sadanittant, il-kuntatti jistgħu jkomplu f’ħafna livelli biex jinbnew il-kunfidenza u l-ħila. Laqgħa tal-Kumitat Konġunt ma’ l-Awtorità Palestinjana ppjanata għat-tieni kwart ta’ l-2008 ser ikollha l-għan li tniedi mill-ġdid l-implimentazzjoni konġunta tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha.

B’erba’ pajjiżi koperti mill-PEV, ma ġew miftiehma l-ebda Pjanijiet ta’ Azzjoni, imma f’bosta każi kien possibbli li jsiru avvanzi fir-relazzjonijiet. Ma’ l- Alġerija , l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni miexja sew; ir-relazzjonijiet qed jissaħħu b’mod rapidu f’oqsma li jvarjaw mill-enerġija għall-migrazzjoni. Mal- Libja , ir-relazzjonijiet tjiebu b’mod tanġibbli; il-Kummissjoni tipproponi li jiġi nnegozjat ftehim ambizzjuż u mifrux ma' dan il-pajjiż importanti. Mas- Sirja , ir-relazzjonijiet jistgħu jissaħħu abbażi ta’ l-abbozz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni meta ċ-ċirkostanzi politiki jippermettu. Filwaqt li r-relazzjonijiet mal- Belarus fil-livell ministerjali għadhom diffiċli minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż, fl-istess ħin qed jiġu żviluppati kuntatti ta’ livell tekniku. Bil-ftuħ ta' Deleġazzjoni tal-KE f'Minsk ser ikun possibbli li jissaħħu dawn il-kuntatti kif ukoll ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili tal-Belarus.

Politika iktar viżibbli

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2006 innotat il-ħtieġa għal viżibbiltà ikbar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat biex tavvanza l-pussess tal-proċess ta' riforma, u biex tirfed l-appoġġ ta' l-UE għall-ġirien tagħha kif jersqu iktar viċin l-Unjoni. Flimkien mal-konferenza li saret fi Brussel f’Settembru 2007, li laqqgħat lill-ministri u s-soċjetà ċivili mill-UE u l-pajjiżi sħab, fl-2007 kien hemm żieda sostanzjali fl-għarfien tal-pubbliku ġenerali f’bosta pajjiżi sħab dwar l-impenji tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni u fiċ-ċentru ta’ attenzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-PEV. Fl-UE, l-importanza tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħhna resqet iktar viċin iċ-ċentru tad-dibattitu politiku. Il-Kummissjoni ser tibni fuq dawn il-kisbiet, f’kooperazzjoni ma’ l-Istituzzjonijiet l-oħra, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab.

[1] L-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libja, il-Libanu, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk, it-Territorju okkupat tal-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija, u l-Ukrajna. Għal raġunijiet ta’ qosor, it-terminu "pajjiżi sħab" ser jintuża minn hawn 'il quddiem biex jinkludi wkoll it-Territorju okkupat tal-Palestina.

[2] COM(2006) 726.

[3] COM(2007) 774.