[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 10.3.2008 KUMM(2008) 141 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Azzjonijiet immedjati 2008 għal tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea (preżentata mill-Kummissjoni) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Azzjonijiet immedjati 2008 għal tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea 1. IR-RWOL TA’ AZZJONIJIET IMMEDJATI FIL-PROGAMM TA’ AZZJONI GħAL TNAQQIS TA’ PIżIJIET AMMINISTRATTIVI FL-UE Parti ewlenija tal-Programm ta' Azzjoni dwar tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea[1] tikkonsisti f'kejl fuq skala kbira ta’ piżijiet amministrattivi fl-2007-2008, li għandhom ikunu segwiti minn proposti ewlenija ta' simplifikazzjoni. Minkejja dan, biex jipproduċi riżultati konkreti fuq medda qasira ta' żmien, il-Programm ta' Azzjoni jkopri wkoll miżuri immedjati li probabbli jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti permezz ta' bidliet tekniċi f’regoli attwali. Minħabba n-natura tal-bidliet meħtieġa, dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati pjuttost malajr. Għalhekk huma msejħa 'Azzjonijiet Immedjati’ (AI). Għaxar AI ġew ikkatalogati fl-2007 b'iffrankar stmat ta' € 1.3 biljun għal negozji ta' l-UE. B’kollox, mill-1 ta’ Frar 2008, ħamsa mill-10 azzjonijiet ġew adottati formalment, biex b’hekk qatgħu piżijiet amministrattivi b'madwar € 500 miljun[2]. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill probabbli jadottaw il-proposti li fadal matul l-ewwel xhur ta' l-2008. Kif imħabbar f’Jannar 2008[3], il-Kummissjoni b’dan qed tippreżenta lista ta’ azzjonijiet ġodda immedjati (ara l-Anness I)[4]. Piżijiet amministrattivi bla bżonn ġew identifikati fuq il-bażi ta' reviżjoni interna u suġġerimenti li waslu mingħand partijiet interessati u esperti ta' Stati Membri. 2. L-OPINJONI TA’ GRUPP TA’ LIVELL GħOLI TA’ PARTIJIET INTERESSATI INDIPENDENTI DWAR PIżIJIET AMMINISTRATTIVI Il-Kummissjoni fittxet l-opinjoni ta’ Grupp ta’ Livell għoli mwaqqaf dan l-aħħar ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar Piżijiet Amministrattivi qabel ma ffinalizzat il-lista ta’ Azzjonijiet Immedjati 2008. Il-Grupp ta’ Livell Għoli adotta l-opinjoni tiegħu fit-tieni laqgħa tiegħu tas-26 ta' Frar 2008. Il-Kummissjoni qieset ukoll il-kummenti mibgħuta minn membri tal-Grupp ta’ Esperti Nazzjonali Regolatorji ta’ Livell Għoli. L-opinjoni u l-kummenti li waslu jesprimu appoġġ ġenerali għall-pakkett ta’ l-AI 2008. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Piżijiet Amministrattivi talab ukoll lill-Parlament u lill-Kunsill biex jintroduċu proċeduri ġodda għall-adozzjoni ta’ proposti ta’ simplifikazzjoni. 3. PROċEDURA INTER-ISTITUZZJONALI Bosta Azzjonijiet Immedjati 2008 jeħtieġu impenn qawwi kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill biex jiġu adottati sa tmiem l-2008. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jitlob lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jagħtu prijorità speċjali lill-miżuri stipulati fl-Anness I ladarba l-Kummissjoni tkun għamlet il-proposti korrispondenti. Il-Kummissjoni wkoll qed titlob lill-Kunsill u l-Parlament biex jiżviluppaw b’urġenza metodi ta’ ħidma adattati biex iħaffu l-ipproċessar ta’ proposti ta’ simplifikazzjoni, kif previst fil-Ftehim Inter-Istituzzjonali ta’ l-2003, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u rrakkomandati bil-qawwi mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Piżijiet Amministrattivi. Dan huwa meħtieġ biex jiżgura li għadd sinifikanti ta’ proposti ta’ tnaqqis jistgħu jitmexxew ’il quddiem fl-2008 u l-2009[5] u huwa kundizzjoni kruċjali għall-assigurazzjoni li l-UE se tagħmel suċċess f’li tilħaq l-għan tagħha ta’ tnaqqis ta’25 % sa l-2010. ANNESS I: Punti għal Azzjonijiet Immedjati 2008 Qasam tal-politika | l-att ta’ l-UE kkonċernat | Deskrizzjoni tal-piż ikkonċernat, tal-problema u ta’ l-AI 2008 | Agrikoltura | Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1722/93 tat-30 ta' Ġunju 1993 li jistipula r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 li jikkonċerna r-rifużjonijiet tal-produzzjoni fis-settur taċ-ċereali | Taqsira Simplifikazzjoni ta’ proċeduri ta' kontroll dwar lamti mmodifikati permezz taż-żieda fil-limitu li taħtu dawn il-proċeduri ma japplikawx. | Il-piż / problema attwali Id-dispożizzjonijiet speċjali għal kontroll fuq lamti mmodifikati huma mfassla biex jiżguraw li l-lamtu modifikat ma jiġix ipproċessat mill-ġdid f'materja prima li l-użu tagħha tkun tista' tagħti d-dritt għall-applikazzjoni ta' rifużjoni iktar minn darba. Qed jiġi introdott ammont massimu ta’ rifużjoni (attwalment ta’ 16-il euro/tunnellata) li taħtu d-dispożizzjonijiet speċjali għall-kontroll ma japplikawx. Meta jitqies il-livell attwali tar-rifużjoni u l-ispejjeż relattivament għolja tal-bdil mill-ġdid ta’ lamti modifikati, il-limitu ta’ 16-il euro/tunnellata ta’ lamtu huwa baxx wisq. L-operaturi huma obbligati jirrealizzaw rekwiżiti amministrattivi addizzjonali kull meta l-ammont ta’ rifużjoni jaqbeż dan il-limitu anki jekk ir-riskju tar-riproċessar spekulattiv huwa limitat ħafna. | Miżura ta' tnaqqis Żid il-limitu (attwalment ta' € 16/tunnellata) li taħtu l-miżuri speċjali ta' kontroll stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament 1722/93 ma għandhomx japplikaw, għal livell aktar raġjonevoli biex jiħfief il-piż amministrattiv fuq l-operaturi (il-manifatturi tal-lamtu) permezz tat-tneħħija tal-kontrolli fuq lamti mmodifikati meta r-riskju ta’ l-ipproċessar spekulattiv huwa, għal raġunijiet ekonomiċi, ineżistenti. | Politika ta’ l-industrija | Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal miżuri kontra l-emissjoni ta' pollutanti gassużi u ta' partikolati minn inġenji ta' kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f'makkinarju mobbli mhux tat-triq | Taqsira Neħħi l-piżijiet amministrattivi ġejjin mir-rekwiżiti ta’ notifika skond l-iskema ta’ flessibbiltà u li jaqgħu fuq awtoritajiet ta’ approvazzjoni u manifatturi ta’ l-Istati Membri | Il-piż / problema attwali Skond l-Anness XIII, § 1.5 tad-Direttiva NRMM il-manifatturi tat-tagħmir oriġinali għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ kull Stat Membru dwar l-użu ta’ l-iskema ta’ flessibbiltà (permess għall numru żgħir biss ta' magni li jikkonformaw ma' l-istadju preċedenti ta' valuri ta' limitu ta' emissjonijiet biex jitqiegħdu fis-suq). Barra minn hekk, skond § 1.7 ta’ dan l-Anness, il-manifatturi għandhom jirrappurtaw kull sitt xhur lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ l-iskemi ta’ flessibbiltà li jkunu qed jużaw, inkluża d-data kumulattiva dwar l-għadd ta’ magni u l-NRMM li tqiegħdu fis-suq skond l-iskema ta’ flessibbiltà, il-magni u n-numri tas-sensiela ta’ l-NRMM, u l-Istati Membri fejn l-NRMM tqiegħdu fis-suq. Dawn ir-rekwiżiti ta’ notifika joħolqu piżijiet bla bżonn kemm lill-manifatturi kif ukoll lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni, filwaqt li l-valur tagħhom miżjud ma ġiex ippruvat fis-snin ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva. | Miżura ta' tnaqqis Ħassar ir-rekwiżiti ta’ notifika f’§ 1.5 u 1.7 ta’ l-Anness XIII tad-Direttiva NRMM (waqt li jinżamm il-§ 1.6 speċifika li l-manifattur għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ approvazzjoni bi kwalunkwe tagħrif marbut ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ flessibbiltà li l-awtorità tista’ tagħraf bħala meħtieġ għad-deċiżjoni) | Politika industrijali | Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom | Taqsira Naqqas il-piż amministrattiv għal manifatturi li ġej mill-ħtieġa li tiġi kkomunikata lill-Istati Membri l-intenzjoni li jitpoġġa tagħmir ta’ komunikazzjoni bir-radju fis-suq. | Il-piż / problema attwali Skond l-Artikolu 6.4, il-manifatturi huma obbligati jikkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li jpoġġu ċerti tipi ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni bir-radju lill-awtoritajiet nazzjonali (treġija ta’ frekwenza). Dan japplika għal tagħmir li jaħdem fl-ispettru li mhuwiex kompletament armonizzat fl-UE. Il-proċeduri implimentati mill-Istati Membri mhumiex armonizzati permezz tad-Direttiva. Fuq bażi informali xi armonizzazzjoni dwar it-tagħrif li għandu jingħata ntlaħqet, iżda l-proċeduri għal twassil ta’ dan it-tagħrif ivarjaw. | Miżura ta' tnaqqis L-implimentazzjoni għal faċilità ta’ notifika elettronika waħda, li tittrażmetti t-tagħrif mill-manifattur lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Il-manifattur għalhekk ma għandux bżonn ikun jaf min huma l-indirizzati individwali fl-Istati Membri. | Politika ta’ l-industrija | Il-leġiżlazzjoni farmaċewtika: Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem | Taqsira Irrevedi l-bażi legali tar-Regolamenti dwar il-Varjazzjonijiet biex tasal għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli ta' varjazzjoni fl-UE. Dan għandu jippermetti biex il-qafas regolatorju li jirregola l-bidliet lill-prodotti mediċinali (eż. bidliet fl-ippakkeġġjar, fl-indirizz tal-manifattur, ...) jkun aktar ċar, eħfef u aktar flessibbli. | Il-piż / problema attwali Il-mediċini huma rregolati tul l-eżistenza tagħhom kollha. Kull bidla sussegwenti għat-tqegħid tagħhom fis-suq ta’ l-UE (eż. bidla fil-proċess ta’ produzzjoni, bidla fl-ippakkeġġjar, bidla fl-indirizz tal-manifattur) huma definiti f’termini legali bħala ‘varjazzjonijiet’, u għandhom jiġu ttrattati skond qafas leġiżlattiv kompless. ir-‘Regolamenti dwar il-Varjazzjonijiet’. Il-varjazzjonijiet ipoġġu piż amministrattiv konsiderevoli, kemm lill-industrija kif ukoll lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Huwa stmat li l-ġestjoni tagħhom timmobilizza aktar minn 60 % tar-riżorsi tal-bniedem u ta’ l-ispejjeż finanzjarji tad-dipartimenti regolatorji tal-kumpaniji. Parti sinifikanti mill-piż tinħoloq mill-fatt li fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri, ir-regoli nazzjonali jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, filwaqt li jwasslu għal rekwiżiti mhux armonizzati u għal piż amministrattiv żejjed. Filwaqt li r-regolazzjoni tal-varjazzjonijiet hija essenzjali biex tiżgura li l-mediċini jibqgħu siguri u effettivi, il-piż li din toħloq jista’ jxekkel l-introduzzjoni ta’ ċerti bidliet li huma benefiċjali għall-pazjenti b’mod partikolari, u għas-soċjetà b’mod ġenerali. Illum, dan il-piż jifforma xkiel għall-innovazzjoni u għall-kompetittività. | Miżura ta' tnaqqis Emenda l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2001/82 u l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2001/83 biex ir-regoli tal-varjazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu armoniżżati bis-sħiħ fl-UE. | Ambjent | Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/739/KE tat-3 ta' Settembru 2002 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għoti ta' l-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u verniċ ta' ġewwa u li temenda d-Deċiżjoni 1999/10/KE. | Taqsira Armonizzazzjoni ta’ definizzjonijiet tal-KOV (komposti organiċi volatili) | Il-piż / problema attwali Id-definizzjoni ta’ kompost organiku volatili (KOV) tvarja mingħajr m’hu meħtieġ bejn l-istrumenti leġiżlattivi. Ġeneralment mhuwiex ta’ għajnuna li jkollok definizzjonijiet spjegati bi kliem differenti meta jkunu jkopru l-istess intrapriżi/attivitajiet. Eżempji: Fid-Direttiva 2004/42/KE KOV huwa definit bħala: "...kwalunkwe kompost organiku li jiftaħ jagħli b’temperatura ta' anqas minn jew ekwivalenti għal 250°C meta mkejjel bi pressjoni standard ta' 101,3 kPa.” Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/739/KE tintuża definizzjoni simili iżda bi kliem differenti: “…kompost organiku volatili hu kwalunkwe kompost organiku li għandu, taħt kondizzjonijiet normali ta’ pressjoni, jagħli (jew jibda jagħli) f’temperatura ta’ inqas minn jew ta’ 250°C. | Miżura ta' tnaqqis Id-definizzjonijiet għandhom jiġu armonizzati biex ikunu ċari għall-intrapriżi kollha. b’mod partikolari minħabba l-interfaces bejn l-istrumenti. Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2002/739/KE għandha tiġi emendata biex issegwi d-definizzjoni tal-KOV fid-Direttiva 2004/42/KE. Il-proposta Immedjata għandha tnaqqas il-piżijiet amministrattivi kemm għal kumpaniji kif ukoll għal entitajiet ta’ implimentazzjoni. | Ambjent | Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE | Taqsira L-iċċarar tal-punt li l-batteriji mqiegħda fis-suq legalment qabel is-26 ta’ Settembru 2008 ma għandhomx jiġu rtirati mis-suq jew jerġgħu jiġu ttikkettjati mill-ġdid. | Il-piż / Problema attwali L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE dwar il-batteriji jistipula li l-batteriji li ma jilħqux ir-rekwiżiti tad-Direttiva ma għandhomx jitqiegħu fis-suq wara s-26 ta’ Settembru 2008 jew ikollhom jiġu rtirati minnu. Din tista’ tfisser li l-batteriji li kienu tpoġġew b’mod legali fis-suq qabel is-26 ta’ Settembru 2008, u li għadhom fis-suq wara din id-data u li ma jilħqux ir-rekwiżiti tad-Direttiva, ukoll għandhom jiġu rtirati mis-suq. Jekk id-dispożizzjoni tad-Direttiva taqra bħal hawn fuq, tirriżulta f'li l-batteriji li kienu tpoġġew legalment fis-suq se jsiru skart qabel il-waqt, li huwa kuntrarju għall-prinċipju tal-minimizzazzjoni ta’ l-iskart. Flimkien ma' dan, l-irtirar ta’ dawn il-batteriji mis-suq jew il-konformità tagħhom mad-Direttiva jistgħu joħolqu piż amministrattiv kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-industrija. L-effett ta’ l-Artikolu 6(2) jekk jibqa' ma jinbidilx ikun jinvolvi l-ittikkettjar tal-batteriji li għadhom fis-suq u li mhumiex ittikkettjati bis-simboli tal-landa ta’ l-iskart bir-roti u simboli kimiċi jew l-irtirar tagħhom fis-suq. Dan għandu jinvolvi wkoll l-irtirar mis-suq ta’ batteriji speċifiċi portable li fihom ammont ta’ kadmju aktar milli suppost bid-Direttiva 2006/66/KE.. | Miżura ta' tnaqqis Emenda l-Artikolu 6(2) biex tiċċara li l-batteriji li tqiegħdu fis-suq legalment qabel is-26 ta’ Settembru 2008 u li ma jikkonformawx mad-Direttiva 2006/66/KE ma għandhomx għalfejn jitneħħew mis-suq. | Statistika | Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-PE u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri | Taqsira Is-simplifikazzjoni ta’ l-Intrastat bl-għan li jitħaffef ir-rappurtar statistiku ta’ l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (l-IŻM) | Il-piż / problema attwali Flussi fiżiċi tar-rekords intra-Komunitarji ta' l-istatistika dwar il-kummerċ ta’ merkanzija mobbli bejn l-Istati Membri. Id-data qed tinġabar kull xahar minn kumpaniji mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika. Bħalissa, l-Istati Membri stabbilew il-limiti tagħhom f’livell li jiggarantixxi l-kopertura tal-kummerċ tagħhom ta’ mill-inqas 97 % tal-valur. Minħabba dan, fi tmiem l-2005 madwar 78 % tan-negozji li jikkummerċjaw ma' Stati Membri oħra ġew eżentati mill-obbligu ta' rappurtar. Iżda għad hemm skop għal tnaqqis tar-rata minima ta’ kopertura u eżenzjoni ta’ kumpaniji addizzjonali mill-obbligu ta' rappurtar lill-Intrastat. | Miżura ta' tnaqqis Huwa propost li titnaqqas il-kopertura kummerċjali għall-merkanzija li tasal għal 95 % u li tinżamm il-kopertura kummerċjali attwali ta’ 97 % għal kunsinni li jintbagħtu. Il-potenzjal għal tnaqqis tal-piż tar-rappurtar speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (IŻM) huwa sinifikanti minħabba fl-istruttura tal-kumpaniji ta’ rappurtar fuq in-naħa tal-wasla tal-merkanzija: din hija dominata mill-IŻM. | Is-suq intern (liġi tal-kumpaniji) | L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni tas-salvagwardji li, għall-ħarsien ta’ l-interessi ta’ membri u ta’ oħrajn, huma mitluba mill-Istati Membri tal-kumpaniji | Taqsira Neħħi l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni, fil-gazzetta nazzjonali, tagħrif li diġà ġie żvelat fir-reġistru kummerċjali. | Il-piż / problema attwali Il-kumpaniji għandhom jiżvelaw l-istess dettalji fir-reġistru kummerċjali u fil-gazzetta nazzjonali. Madankollu, billi r-reġistri kummerċjali huma elettroniċi, jistgħu jintlaħqu faċilment onlajn. F’għadd ta’ Stati Membri l-kumpaniji jkollhom iħallsu kemm għall-iżvelar fir-reġistru kif ukoll għall-pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali. | Miżura ta' tnaqqis Agħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jżommu l-obbligu li jippubblikaw id-dettalji tal-kumpanija fil-gazzetta nazzjonali dejjem jekk dan jagħmluh mingħajr ħlas. | Is-suq intern (liġi tal-kumpaniji) | Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666.KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġijiet ta’ l-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor | Taqsira L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu t-traduzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tat-traduzzjoni li għandha ssir fil-pajjiż rispettiv tagħhom. | Il-piż / problema attwali Meta fergħa tiġi rreġistrata, xi dokumenti u dettalji tal-kumpanija (ewlenija) jridu jiġu skedati. Xi Stati Membri jeħtieġu li t-traduzzjoni u/jew iċ-ċertifikazzjoni tat-traduzjoni għandha titwettaq minn tradutturi rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom. Il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż billi jkunu kapaċi jagħżlu fejn għandhom jittraduċu d-dokumenti u billi jużaw l-istess traduzzjoni f’bosta Stati Membri. | Miżura ta' tnaqqis Żġura li l-Istati Membri jaċċettaw it-traduzzjonijiet magħmula u ċċertifikati fi Stat Membru ieħor jekk huma aċċettati mill-awtoritajiet pubbliċi f’dak l-Istat Membru l-ieħor. | Is-suq intern (kontabbiltà) | Ir-raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji | Taqsira It-tneħħija ta’ ċerti ħtiġijiet ta’ żvelar mid-Direttiva. | Il-piż / problema attwali Id-Direttiva titlob li l-kumpaniji jiżvelaw fin-noti tal-kontijiet spjegazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ formazzjoni (l-Artikolu 34(2)), u analiżi tad-dħul nett imqassma f’kategoriji ta’ swieq ta’ attività u swieq ġeografiċi (l-Artikolu 43 §1 (8)). Dan l-iżvelar huwa eċċessiv b'mod ċar għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. | Miżura ta' tnaqqis Il-Kummissjoni tipproponi li tħassar l-iżvelar imsemmi hawn fuq mit-test tad-Direttiva. It-tagħrif xorta jkun jista’ jingħata fuq bażi volontarja. | Is-suq intern (kontabbiltà) | Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati | Taqsira Kjarifika tar-relazzjoni bejn ir-Regolament IAS 1606/2002 u s-Seba’ Direttiva. | Il-piż / problema attwali Ma jintqalx direttament jekk il-kumpaniji ewlenin mingħajr sussidjarji materjali (l-Artikolu 13) jaqgħux taħt ir-Regolament IAS u għalhekk iridux jippreparaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ l-IFRS. | Miżura ta' tnaqqis Il-Kummissjoni tipproponi li jingħad biċ-ċar li l-kumpaniji msemmija hawn fuq ma jaqgħux taħt ir-Regolament IAS. | [1] COM(2007) 23. [2] Għal deskrizzjoni dettaljata tal-qagħda attwali mill-31 ta' Diċembru 2007, ara l-Anness 3 ta’ COM(2008) 35. [3] Seba’ minn dawn l-AI huma parti mill-programm kontinwu ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni. Ara t-Tieni Rapport ta’ Progress dwar l-istrateġija għal simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju, COM(2008) 33. [4] COM(2008) 35. [5] B'elezzjonijiet Ewropej ġodda skedati għal Ġunju 2009, il-Parlament Ewropew ħabbar li ma kienx se jikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi ġodda wara Marzu/April 2009. Fid-dawl ta' bidliet preċedenti ta' leġiżlatura, xogħol leġiżlattiv normali jista' ma jerġax lura għar-ritmu tajjeb tiegħu qabel Novembru 2009.