Green Paper - Infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri /* KUMM/2008/0128 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.3.2008 KUMM(2008) 128 finali GREEN PAPER INFURZAR EFFETTIV TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IT-TRASPARENZA TA' L-ASSI TAD-DEBITURI (preżentat mill-Kummissjoni) GREEN PAPER INFURZAR EFFETTIV TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IT-TRASPARENZA TA' L-ASSI TAD-DEBITURI L-għan ta' din il-Green Paper hu li titnieda konsultazzjoni wiesgħa fost il-partijiet interessati dwar kif għandha titjieb it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri fl-Unjoni Ewropea. Il-Green Paper tiddeskrivi l-problemi tas-sitwazzjoni kurrenti u soluzzjonijiet possibbli. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom qabel it-30 ta’ Settembru 2008 f’dan l-indirizz: Il-Kummissjoni EwropeaDirettorat-Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-SigurtàUnità C1 - Ġustizzja ĊiviliB - 1049 BrussellFax: +32-2/299 64 57Posta elettronika: JLS-coop-jud-civil@ec.europa.eu Il-kontribuzzjonijiet riċevuti se jiġu ppubblikati fuq l-internet, flimkien ma' l-identità tal-kontributur, sakemm ma jkunx probabbli li din il-publikazzjoni tkun ta' ħsara għall-interessi leġittimi tiegħu jew tagħha. F'dak il-każ, il-kontribuzzjoni tista' tiġi ppubblikata f'forma anonima. Jekk ma jsirx dan, il-kontribuzzjoni ma tiġix ippubblikata, u l-kontenut tagħha ma jitteħidx f'kunsiderazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet se jiġu ppubblikati fuq is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni (jew fuq il-portal ta' l-internet ewlieni Il-vuċi tiegħek fl-Ewropa, li huwa l-punt ta' aċċess uniku tal-Kummissjoni għall-konsultazzjoni, jew fuq il-paġna ta' konsultazzjoni tad-DĠ JLS marbuta miegħu). Il-Kummissjoni tista' torganizza smigħ pubbliku dwar is-suġġett tal-Green Paper. I. Daħla: Nuqqasijiet fis-sitwazzjoni preżenti Hemm ir-riskju li l-problemi ta' l-irkupru transkonfinali tad-djun jistgħu jkunu ta' ostaklu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' ordnijiet ta’ ħlas fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jistgħu jimpedixxu l-funzjonament tajjeb tas-Suq Intern. Ħlasijiet tard u ħlasijiet mhux onorati jipperikolaw l-interessi kemm ta' l-impriżi u kif ukoll tal-konsumaturi. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kreditur u l-awtoritajiet ta' l-infurzar ma jkollhomx informazzjoni dwar fejn ikun jinsab id-debitur jew dwar l-assi tiegħu. Il-Kummissjoni diġà nnutat id-diffikultajiet fl-irkupru tad-djun transkonfinali fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-1998 Lejn effiċjenza akbar fl-għoti u l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea[1]. Sentejn wara, il-Programm dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku stqarr li ikun fil-fatt ħafna eħfef li jiġu infurzati s-sentenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea kieku kien possibbli li tinkiseb informazzjoni preċiża dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur. Ikunu għalhekk jistgħu jittieħdu miżuri li jippermettu l-identifikazzjoni preċiża ta' l-assi ta' debitur fit-territorju ta' l-Istati Membri.[2], The Study on making more efficient the enforcement of judicial decisions within the European Union [3] , (L-istudju dwar kif isir aktar effiċjenti l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni Ewropea), li tħejja mill-Kummissjoni fl-2004, analizza s-sitwazzjoni fil-15-il Stat Membru u ppropona diversi miżuri sabiex jittejjeb l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali, il-Kummissjoni talbet lit-12-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea minn dak iż-żmien 'l hawn sabiex jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali fil-pajjiżi tagħhom. It-tweġibiet ġew inkorporati f'din il-Green Paper. Fl-aħħar nett, fl-24 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper dwar it-titjib ta' l-effiċjenza fl-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta' kontijiet bankarji[4]. Filwaqt li dik il-Green Paper iffokat fuq miżura waħda speċifika sabiex ittejjeb l-infurzar tal-pretensjonijiet monetarji, jiġifieri s-sekwestru ta' kontijiet bankarji, li jippermetti lill-kreditur li jakkwista somma ta' flus dovuta lilu jew mitluba minnu billi ma titwaqqaf it-tneħħija jew trasferiment ta' fondi miżmuma bħala kreditu tad-debitur tiegħu f'kont bankarju wieħed jew aktar fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea, din il-Green Paper għandha l-għan aktar ġenerali li ttejjeb it-trasparenza ta' l-assi tad-debitur li hija pprovduta permezz ta' reġistri u tad-dikjarazzjoni tad-debitur. It-tiftix għall-indirizz tad-debitur u/jew għal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu huwa ta' sikwit il-punt tat-tluq għal proċedimenti ta' infurzar. Fil-preżent, it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri ġeneralment tinkiseb fil-livell nazzjonali permezz ta' sorsi differenti ta' informazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' reġistri u d-dikjarazzjoni tad-debitur. Filwaqt li l-istrutturi bażiċi tas-sistemi nazzjonali jidhru simili, hemm differenzi konsiderevoli fil-kundizzjonijiet ta' l-aċċess, fil-proċeduri għall-kisba ta' l-informazzjoni, fil-kontenut u fl-effiċjenza globali tas-sistemi[5]. Minn perspettiva komparattiva, hemm żewġ tipi differenti ta' metodoloġiji li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni[6]. - L-ewwel waħda hija sistema ta' dikjarazzjoni tal-patrimonju kollu mid-debitur[7]. F'xi Stati Membri,[8] hemm sistema simili li taħtha d-debitur huwa wkoll obbligat li jiżvela l-assi tiegħu, iżda biss safejn neċessarju sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni. - Stati Membri oħra, partikolarment dawk fejn id-debitur m'għandux għalfejn jiżvela l-patrimonju tiegħu, jippermettu aċċess għal sistemi ta' tiftix li jipprovdu informazzjoni speċifika[9]. F'dawn il-ġuriżdizzjonijiet, l-informazzjoni mitluba hija miksuba prinċipalement minn reġistri. Din is-sistema hija applikata b'mod differenti ħafna f'termini ta' aċċess għar-reġistri u sorsi oħra ta' informazzjoni u permezz ta' poteri ta' inkjesta u eżaminar. L-irkupru transkonfinali tad-djun huwa mfixkel mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali u mill-għarfien mhux suffiċjenti min-naħa tal-kredituri dwar l-istrutturi ta' l-informazzjoni fi Stati Membri oħra. Madankollu, ix-xebh fl-istrutturi li fuqhom huma bbażati s-sistemi legali ta' l-Istati Membri jista' jipprovdi bażi għall-approssimazzjoni[10]. Bħala għan, miżuri possibbli fil-livell Ewropew jistgħu jtejbu t-trasparenza ta' l-assi tad-debituri u d-dritt tal-kredituri li jiksbu l-informazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-ħarsien tal-privatezza tad-debitur, li jikkontrobilanċjaw id-dritt tal-kreditur għal irkupru effiċjenti u li huma stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data 94/46/KE[11]. Din il-Green Paper tiffoka fuq it-titjib fl-infurzar pubbliku tas-sentenzi. Dan ifisser li m'huma diskussi la kwistjonijiet ta' limiti (materjali) għall-infurzar u lanqas ir-rwoli ta' organizzazzjonijiet privati jew semi-privati fil-proċess ta' l-infurzar. Mistoqsija 1: Inti tal-fehma li hemm ħtieġa għal miżuri fil-livell tal-Komunità sabiex tiżdied it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri? Inti tal-fehma li l-interazzjoni bejn l-infurzar tas-sentenzi u l-ħarsien tad-debitur jew ir-rwol ta' organizzazzjonijiet mhux pubbliċi fl-infurzar tas-sentenzi jeħtieġu attenzjoni espliċita f'dan il-kuntest? Jekk iva, liema elementi tqis li huma importanti? II. Soluzzjonijiet possibbli Informazzjoni dwar l-assi ta' debitur tista' tinkiseb minn diversi sorsi, b'mod partikolari permezz ta' reġistri u permezz tad-debitur innifsu. Għaldaqstant, minflok ikun hemm enfasi fuq miżura Ewropea waħda, huwa ssuġġerit li jiġu kkunsidrati ġabra ta' miżuri li jkunu jistgħu jgħinu sabiex jassiguraw li l-kreditur jikseb informazzjoni affidabbli dwar l-assi tad-debitur f'perjodu ta' żmien raġonevoli. Il-miżuri possibbli kkunsidrati f'din il-Green Paper huma: - It-tfassil ta' manwal ta' liġijiet u prattiċi nazzjonali ta' l-infurzar - Żieda fl-informazzjoni disponibbli fir-reġistri u t-titjib ta' l-aċċess għalihom - L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar - Miżuri li jirrigwardaw id-dikjarazzjoni tad-debitur. 1. It-tfassil ta' Manwal ta' Liġijiet u Prattiċi Nazzjonali ta' l-Infurzar Fil-preżent, ftit hemm informazzjoni dwar sistemi differenti ta' infurzar fis-27 Stat Membru[12]. Bħala pass prattiku, jista' jitfassal manwal dwar is-sistemi ta' infurzar ta' l-Istati Membri. Dan il-manwal jista' jkun fih is-sorsi kollha ta' informazzjoni dwar l-assi ta' persuna li huma aċċessibbli minn kull Stat Membru, l-indirizzi ta' kuntatt tal-persuni li jistgħu jiksbu aċċess għal din l-informazzjoni jekk l-aċċess ikun limitat, xi spejjeż huma meħtieġa għall-aċċess u dettalji relevanti oħra. Dan il-manwal jista' jitpoġġa fuq is-sit ta' l-internet tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali[13]. Mistoqsija 2: B'liema modi tikkunsidra li jkun utli manwal li jkun fih l-informazzjoni kollha dwar is-sistemi ta' infurzar ta' l-Istati Membri? 2. Żieda fl-informazzjoni disponibbli fir-reġistri u t-titjib ta' l-aċċess għalihom a) Reġistri kummerċjali Is-sorsi ewlenin ta' l-informazzjoni huma r-rekords pubbliċi u l-aktar importanti fosthom huma r-reġistri kummerċjali. Ir-reġistri kummerċjali ġew parzjalment armonizzati mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (Id-Direttiva tal-Pubbliċità)[14] ta' l-1968 u l-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (id-Direttiva dwar il-Fergħat) ta' l-1989[15]. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-Pubbliċità jistipula l-iżvelar obbligatorju ta' ċerti dokumenti u informazzjoni mill-kumpaniji[16]. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Fergħat jistipula li l-indirizz tal-fergħa għandu jiġi żvelat. Fil-preżent, ir-reġistri tan-negozju fl-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar ditti individwali (l-istatus legali, id-data tat-twaqqif, il-kapital tal-kumpanija, il-kodiċi tat-test, is-settur ta' l-attività, l-entitajiet korporattivi u l-poteri tagħhom ta' rappreżentazzjoni u f'xi każijiet anki n-numru ta' impjegati)[17]. Din l-informazzjoni hija ta' sikwit irreġistrata elettronikament f'reġistri ċentrali u hija aċċessibbli fuq l-internet[18]. Iż-żewġ direttivi b'hekk għandhom l-għan li jipprovdu trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali f'sens wiesa', inklużi proċedimenti ta' infurzar. Madankollu, huma ma jistipulawx l-armonizzazzjoni sħiħa tar-reġistri kummerċjali. Huma japplikaw biss għal ċerti korporazzjonijiet kummerċjali u mhux għal individwi jew soċjetajiet kummerċjali[19]. Minbarra dan, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu reġistri lokali jew ċentrali kummerċjali jew tal-kumpaniji: filwaqt li fir-Renju Unit hemm tliet reġistri ċentrali li jkopru l-informazzjoni kollha dwar in-negozju, fil-Ġermanja hemm aktar minn 400 reġistru, miżmuma minn qrati lokali. Minbarra dan, l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri kummerċjali mhix dejjem ugwalment affidabbli: f'xi Stati Membri[20], l-informazzjoni mhix verifikata qabel ma tiddaħħal fir-reġistru[21]. F'xi Stati Membri, l-informazzjoni fir-reġistru kummerċjali tista' ma tkunx aġġornata, minħabba li n-nuqqas ta' kumpanija li tirrapporta bidliet fl-istatus tagħha mhux dejjem huwa marbut ma' pieni suffiċjenti[22]. Minbarra dan, id-Direttiva dwar il-Pubbliċità ma titrattax dwar l-ipproċessar elettroniku tad- data jew l-aċċess mill-internet għar-reġistri kummerċjali. Madankollu, ta' min jinnota li l-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2007, ikkonkluda li għandha titwettaq ħidma fil-qasam ta' l-E-Justice bil-għan li tinħoloq pjattaforma teknika fil-livell Ewropew li tagħti aċċess, fl-isfera tal-ġustizzja, għal sistemi elettroniċi eżistenti jew futuri. Il-prijoritajiet għall-ħidma futura jinkludu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet sabiex jiġu konnessi flimkien ir-reġistri ta' l-insolvenza u r-reġistri kummerċjali u tan-negozju. Mistoqsija 3: L-informazzjoni disponibbli fir-reġistri kummerċjali u l-aċċess għalihom għandhom jiżdiedu? Jekk iva, kif u sa liema punt? b) Reġistri tal-popolazzjoni Kreditur li qed ifittex indirizz ta' debitur mhux professjonali jista' jiffaċċja aktar problemi. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri[23], l-indirizzi ta' l-abitanti kollha huma rreġistrati fir-reġistru tal-popolazzjoni. Madankollu, dawn ir-reġistri huma organizzati b'modi differenti ħafna. F'xi Stati Membri[24] huma jinżammu mill-awtoritajiet lokali, u għalhekk kreditur li jkun qed ifittex l-indirizz ta' debitur ikollu jfittex ir-rekords lokali kollha madwar il-pajjiż - li hija ħaġa impossibbli. Ir-reġistri ċentrali ħafna drabi mhumiex disponibbli għall-kreditur[25]. Għaldaqstant, il-kredituri li jkunu qed ifittxu l-indirizz ta' debitur li jkun konsumatur jew ċittadin privat jiffaċċjaw problemi serji. Minbarra dan, mhux il-ġuriżdizzjonijiet kollha jippermettu lill-awtoritajiet ta' l-infurzar ikollhom aċċess għar-reġistri. Il-ħolqien ta' dawn ir-reġistri fi Stati Membri fejn ma jeżistux diġà jista' ma jkunx konsistenti mat-tradizzjonijiet legali tagħhom. Is-servizzi privati għat-tiftix transkonfinali fir-reġistri jinsabu fi stadju bikri ta' żvilupp. Kull miżura possibbli jkollha wkoll tirrispetta r-regoli tal-protezzjoni tad- data u l-protezzjoni tal-privatezza tad-debitur. Mistoqsija 4: L-aċċess għar-reġistri eżistenti tal-popolazzjoni għandu jittejjeb? Jekk iva, kif? c) Reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa Ir-reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa sikwit ikun fihom informazzjoni dwar id-debitur, bħall-indirizz tiegħu, dettalji ta' min jimpjegah jew il-kontijiet tal-bank tiegħu; l-aċċess għal din l-informazzjoni jista' jiffaċilita sostanzjalment l-infurzar ta' pretensjoni monetarja. Is-sistemi legali ta' dawk l-Istati Membri li m'għandhomx dikjarazzjoni tad-debitur jippermettu lill-korpi ta' l-infurzar sabiex ifittxu r-rekords miżmuma mill-istat għal informazzjoni dwar l-assi tad-debitur[26]. Madankollu, l-aċċess dirett mill-korpi ta' l-infurzar għar-reġistri mhux pubbliċi mhux ristrett għall-ġuriżdizzjonijiet li ma jipprovdux dikjarazzjoni tad-debitur. Għall-kuntrarju, il-liġijiet moderni ta' l-infurzar jippermettu lil korpi kwalifikati aċċess għal fajls mhux pubbliċi. Fl-Awstrija[27] u fi Spanja, il-qrati jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impjieg tad-debitur mir-reġistri ta' l-assigurazzjoni soċjali. Fil-Portugall, l-uffiċjali eżekuttivi tal-qorti jridu l-ewwel jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-qrati ta' l-infurzar, iżda l-aċċess miftuħ huwa disponibbli. Fi Spanja u l-Iżvezja, il-korpi ta' l-infurzar jistgħu wkoll jitolbu informazzjoni direttament mir-rekords tat-taxxa. Fis-Slovenja, l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jiżvelaw data dwar persuna taxxabbli partikolari lil awtoritajiet oħra ta' l-istat, awtoritajiet ta' komunitajiet lokali li jiggvernaw lilhom infushom u dawk li għandhom awtorità pubblika għall-eżerċizzju tal-poteri tagħhom stipulati mil-liġi. Fl-Estonja, sa mill-2008, l-uffiċjali eżekuttivi tal-Qorti se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni mir-Reġistru tal-Fond ta' l-Assigurazzjoni tas-Saħħa, ir-Reġistru tal-Bord tas-Sigurtà Soċjali u r-Reġistru tat-Titoli. F'dawn il-ġuriżdizzjonijiet, l-effiċjenza tal-proċedimenti ta' l-infurzar ġiet imtejba konsiderevolment. Minbarra dan, id-djun pubbliċi u privati huma trattati b'mod ugwali (għallinqas sa ċertu punt). Is-sistema Żvediża, fejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar għandhom aċċess għar-reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa, tista' tipprovdi lill-kreditur b'mezzi aħjar ta' informazzjoni mid-dikjarazzjoni tad-debitur, ladarba ma titlobx il-kooperazzjoni tad-debitur, hija ttejjeb iċ-ċansijiet li informazzjoni preċiża tinkiseb malajr u tista' tkun mezz effiċjenti sabiex kreditur jikseb informazzjoni dwar id-debitur tiegħu li altrimenti ma jkunx jista' jakkwistaha. Madankollu, l-aċċess għar-reġistri jista' jkun f'kunflitt mar-regoli tal-protezzjoni tad- data u s-segretezza soċjali u fiskali. B'mod partikolari, l-informazzjoni mir-reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa tista' tkun sensittiva. Għaldaqstant, l-aċċess għal din id- data għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet legali speċifiċi għall-ipproċessar ta' data sensittiva li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Mistoqsija 5: L-aċċess għar-reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa mill-awtoritajiet ta' l-infurzar għandu jiżdied? Jekk iva, kif u sa liema punt? 3. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar a) Is-sitwazzjoni attwali Fil-preżent, il-korpi ta' l-infurzar m'għandhomx aċċess dirett għar-reġistri (mhux pubbliċi) ta' l-Istati Membri l-oħra li huma miftuħa għall-korpi ta' l-infurzar ta' dak l-Istat. Jekk l-aċċess għal dawk ir-reġistri mill-korpi ta' l-infurzar jeżisti, huwa strettament limitat għall-korpi nazzjonali ta' l-infurzar. Fil-preżent m'hemm l-ebda strument internazzjonali li jittratta l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta' l-infurzar[28]. Madankollu, in-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-aġenti u l-korpi ta' l-infurzar f'materji ċivili jikkuntrasta mal-kooperazzjoni mill-qrib ta' l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea. Direttiva li tittratta l-irkupru ta' pretensjonijiet li jirriżultaw mill-Fondi Agrikoli ta' Garanzija[29] tistipula sistema ta' skambju dirett ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. L-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ġie estiż għall-pretensjonijiet relatati ma' ċerti taxxi[30]. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistipula li fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha. It-talbiet issa qed jiġu trażmessi b'mod elettroniku[31]. L-awtorità li ssirilha t-talba mhix obbligata li tipprovdi informazzjoni li tiżvela xi sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali jew li l-iżvelar tagħha jkun jista' jipperikola s-sigurtà jew imur kontra l-politika pubblika ta' l-istat[32]. b) Soluzzjonijiet possibbli Għaldaqstant - fl-assenza ta' reġistri għall-Ewropa kollha – waħda mill-għażliet tista' tkun li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-infurzar u jiġi introdott l-iskambju dirett ta' l-informazzjoni bejniethom. Il-korpi ta' l-infurzar fi Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-korpi kompetenti fl-Istati Membri l-oħra. F'dan ir-rigward, l-istrument eżistenti tal-Komunità dwar l-għajnuna reċiproka ta' l-awtoritajiet tat-taxxa għandu jservi bħala mudell. Għandu jiġi studjat ukoll safejn is-sistema ta' l-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) tista' tintuża għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-infurzar. L-IMI ġiet żviluppata bħala għodda elettronika, li taħdem fil-lingwi uffiċjali kollha, għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u tista' potenzjalment tappoġġja kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja. Skond dan l-approċċ, strument futur tal-Komunità jista' jipprovdi lista ta' awtoritajiet nazzjonali ta' l-infurzar intitolati li jitolbu l-informazzjoni mir-reġistri fi Stat Membru ieħor u jista' jistabbilixxi limiti ta' żmien li fih talba għall-informazzjoni għandha tiġi implimentata. Jista' jkun hemm formoli standardizzati ta' mistoqsija u tweġiba fil-lingwi kollha tal-Komunità, u d- data tista' tiġi skambjata elettronikament safejn hu possibbli. Jekk tiġi segwita din l-għażla, ikun neċessarju li jiġi kkunsidrat kif għandhom jiġu trattati d-differenzi konsiderevoli fl-informazzjoni disponibbli għall-korpi ta' l-infurzar. F'xi Stati Membri[33], l-awtoritajiet ta' l-infurzar mhumiex immexxija mill-Istat u m'għandhomx aċċess għar-reġistri pubbliċi fl-Istati Membri tagħhom stess. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jipprovdu informazzjoni xierqa lill-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri l-oħra. Ir-regoli tal-protezzjoni tad- data għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni matul proċeduri ta' l-għajnuna reċiproka. Mistoqsija 6: L-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar għandu jittejjeb? Jekk iva, kif? 4. Id-Dikjarazzjoni tad-Debitur a) Is-sitwazzjoni attwali Bosta mis-sistemi nazzjonali[34] jagħtu lill-korpi ta' l-infurzar l-awtorità li jagħmlu mistoqsijiet lid-debitur direttament dwar l-assi tiegħu. F'xi Stati Membri, id-dikjarazzjoni tad-debitur issir fil-forma ta' xhieda quddiem qorti ta' l-infurzar. Id-debitur huwa obbligat li jattendi seduta orali li fiha jiġi interrogat mill-imħallef (jew minn skrivan ġudizzjarju)[35]. Il-kreditur jista' jistaqsi mistoqsijiet oħra[36]. Jista' jsir ukoll kontroeżami tad-debitur, u d-debitur irid jippreżenta provi dokumentati ta' l-assi tiegħu[37]. Madankollu, fi Stati Membri oħra d-dikjarazzjoni tad-debitur issir billi jimtlew formoli obbligatorji[38] F'dawn l-Istati Membri, id-dikjarazzjoni tad-debitur ma titqiesx bħala prova, iżda bħala ġbir ta' fatti mill-korpi ta' l-infurzar. Hemm żewġ mudelli differenti tad-dikjarazzjoni: l-ewwel mudell jobbliga lid-debitur sabiex jiżvela l-assi kollha tiegħu, filwaqt li t-tieni jillimita dan l-obbligu għal assi suffiċjenti għall-irkupru tal-pretensjoni tal-kreditur. Il-prerekwiżiti għall-kisba ta' stqarrija tad-debitur huma simili. Fl-Istati Membri kollha, id-dikjarazzjoni hija mitluba mill-kreditur. Normalment, id-dikjarazzjoni tittieħed biss wara tentattiv ta' qbid li ma jirnexxix jew jekk ikun probabbli li tentattiv ta' qbid ma jirnexxix. Is-sistemi moderni ta' l-infurzar jirrikjedu li d-dikjarazzjoni ssir fil-bidu tal-proċedimenti sabiex il-korpi ta' l-infurzar ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni neċessarja fi stadju bikri[39]. F'dawn is-sistemi, tentattiv ta' qbid li ma jirnexxix m'hux prekundizzjoni. Il-problema ewlenija fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-debitur tinsab fil-fatt li d-dikjarazzjoni trid tingħata personalment. Jekk id-debitur jirrifjuta li jiżvela l-assi tiegħu, il-korpi ta' l-infurzar (bl-għajnuna tal-pulizija) jistgħu jeżerċitaw il-koerċizzjoni fiżika u jarrestawh[40]. Fil-Portugall, debitur li ma jkunx irid jagħmel id-dikjarazzjoni jista' jkun suġġett għal pieni; f'bosta Stati Membri oħra, tista' tiġi imposta fuq id-debitur priġunerija (sa sena jew saħansitra sentejn)[41]. Li ssir dikjarazzjoni mhux korretta jew falza jitqies bħala reat kriminali[42]. Għaldaqstant, f'xi Stati Membri, id-dikjarazzjoni hija ġuramentata bħala affidavit[43]. F'xi Stati Membri m'hemmx dikjarazzjoni tad-debitur[44]. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li d-dikjarazzjoni tad-debitur hija simili għal tip ta' infurzar personali (jiġifieri infurzar kontra l-persuna tad-debitur), li jista' jġorr piena ta' priġunerija. Raġuni oħra tista' tinstab fin-natura legali tad-dikjarazzjoni, li tista' titqies bħala teħid ta' xhieda, partikolarment jekk id-dikjarazzjoni tingħata f'seduta orali tal-qorti ta' l-infurzar. Ladarba huwa ċar li l-korpi ta' l-infurzar huma separati mis-sistema tal-qorti fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ta' tradizzjoni legali Rumana, dan it-teħid ta' xhieda jista' jitqies bħala mhux kompatibbli ma' l-istrutturi ta' l-infurzar. Madankollu, fi Stati Membri oħra d-dikjarazzjoni tista' wkoll tittieħed mill-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jew minn korpi oħra ta' infurzar. Minbarra dan, l-obbligu ta' debitur li jiżvela l-assi tiegħu huwa rikonoxxut b'mod wiesa' fi proċedimenti ta' insolvenza u oħrajn simili[45]. b) Għażliet possibbli Jekk il-miżuri fil-livell tal-Komunità fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-debitur kellhom jitqiesu bħala utli u neċessarji sabiex tittejjeb it-trasparenza ta' l-assi tad-debitur, jeżistu firxa ta' għażliet: Possibilità waħda tkun strument Komunitarju li jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jintroduċu proċedura għat-teħid ta' dikjarazzjoni tad-debitur, iżda li jħallilhom id-diskrezzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom issir din id-dikjarazzjoni. Ġie mfassal mudell għal din id-dispożizzjoni mill-Grupp Storme dwar l-Approssimazzjoni tal-Proċeduri Ċivili Ewropej[46]. Madankollu, strument li jistipula biss din l-armonizzazzjoni minima" jkollu diversi żvantaġġi: id-differenzi fis-sistemi legali nazzjonali jkomplu jeżistu; żvelar fuq il-bażi ta' formola komuni unika ma jkunx possibbli, u jibqgħu jeżistu differenzi konsiderevoli fir-rigward ta' l-impożizzjoni ta' pieni għan-nuqqas li jitwettaq l-obbligu. L-introduzzjoni ta' sistema sabiex tinkiseb id-dikjarazzjoni tad-debitur għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-prinċipju tal-proporzjonalità: id-dikjarazzjoni għandha tevita informazzjoni li m'hix neċessarja għall-għan li għalih hija meħtieġa. Soluzzjoni li tobbliga lid-debitur sabiex jiżvela l-assi tiegħu kollha minn qabel twassal għal anqas privatezza minn waħda fejn id-debitur ikun obbligat li jiddikjara biss l-informazzjoni neċessarja fejn jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi. c) L-Introduzzjoni ta' Dikjarazzjoni Ewropea ta' l-Assi Għażla oħra li tista' tiġi kkunsidrata hija l-introduzzjoni ta' Dikjarazzjoni Ewropea ta' l-Assi uniformi li tkun tobbliga lid-debituri sabiex jiżvelaw l-assi kollha fiż-żona Ġudizzjarja Ewropea. It-trasparenza ta' l-assi tad-debitur m'għandhiex tkun limitata mit-territorjalità tal-proċedimenti ta' infurzar fl-Istati Membri, ladarba fi ħdan iż-Żona Ġudizzjarja Ewropea - li fiha l-moviment ħieles tas-sentenzi huwa garantit - l-assi kollha tad-debitur huma fil-prinċipju suġġetti għall-infurzar.[47]Id-dikjarazzjoni tista' tingħata fuq formola standard disponibbli fil-lingwi kollha tal-Komunità. Standards minimi (jew ukoll uniformi) jistgħu jiġu stabbiliti għall-kundizzjonijiet u l-kontenut tad-dikjarazzjoni u l-pieni relatati. B'riżultat ta' dan, il-kredituri jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni dwar l-assi fi ħdan iż-Żona Ġudizzjarja Ewropea, filwaqt li d-debituri fi ħdan is-suq intern jirċievu protezzjoni ugwali. Minbarra dan, l- information shopping fi ħdan iż-Żona Ġudizzjarja Ewropea jitnaqqas. Ladarba l-istrument possibbli m'għandux jinterferixxi ma' l-organizzazzjoni tal-korpi ta' infurzar fl-Istati Membri, kull Stat Membru jista' jindika awtorità pubblika jew korp kompetenti għat-teħid tad-dikjarazzjoni. L-iżvelar isir lill-kreditur jew lill-awtorità kompetenti, kif stipulat mil-liġijiet ta' l-Istati Membri (pereżempju lill- huissier de justice , l-aġenzija ta' l-infurzar jew fil-qorti ta' l-infurzar). Id-debitur għandu jkollu l-opportunità li jevita l-obbligu li jagħmel id-dikjarazzjoni billi joffri ħlas, jew billi jidentifika assi li jkunu suffiċjenti għall-infurzar. Jidher li jkun ukoll tajjeb li d-debitur ikun jista' jevita l-obbligu li jagħmel id-dikjarazzjoni billi joffri ħlas bin-nifs, li jkun assigurat minn garanzija bankarja jew garanzija simili. Id-debitur jista' jagħmel id-dikjarazzjoni billi jimla formola. Fejn possibbli, dan għandu jsir billi jiġu mmarkati kaxxi (sabiex jiġi indikat jekk jeżistux tipi ta' assi speċifiċi). Tista' tiġi offruta wkoll il-possibilità li l-formola timtela fuq l-internet fl-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili[48]. Fl-aħħar nett, l-istrument jista' jistipula pieni li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq. Għażla waħda li trid tiġi kkunsidrata tkun li jiġu stipulati multi u l-arrest tad-debitur. Stqarrijiet mhux korretti mid-debitur jistgħu jingħataw pieni kriminali. Sabiex tiġi evitata koerċizzjoni mhux xierqa tad-debitur, l-istrument jista' jipprojbixxi l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-debitur f'reġistru miftuħ (lista tad-debituri). Mistoqsija 7: Inti tal-fehma li għandha tiġi introdotta Dikjarazzjoni Ewropea ta' l-Assi? Mistoqsija 8: Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet għandu jkun possibbli li din tinkiseb? Għandu jkun hemm pieni għal dikjarazzjonijiet mhux korretti miksuba fid-dikjarazzjoni? Jekk iva, liema? Mistoqsija 9: Liema livell ta' armonizzazzjoni tqis li huwa xieraq għad-Dikjarazzjoni Ewropea ta' l-Assi? X'għandu jkun il-kontenut preċiż tad-Dikjarazzjoni Ewropea ta' l-Assi? 5. Miżuri oħra Minbarra l-miżuri possibbli sabiex tiżdied it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri f'din il-Green Paper, jista' jkun hemm miżuri oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati. Mistoqsija 10: Liema miżuri oħra fil-livell ta' l-UE tipproponi sabiex tiżdied it-trasparenza ta' l-assi tad-debituri? [1] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, ĠU C 33, 31.1.1998 p. 3. [2] Programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1. [3] L-Istudju Nru JAI/A3/2002/02. Ir-rapport finali jista' jinstab hawn: http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm. [4] COM(2006) 618 finali. [5] L-Istudju Nru JAI/A3/2002/02, p. 47. [6] Jekk jogħġbok innota, madankollu, li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri jgħaqqdu flimkien karatteristiċi miż-żewġ sistemi, anki jekk sistema nazzjonali tkun tista' globalment tiġi kklassifikata taħt waħda miż-żewġ sistemi. [7] Pereżempju, fil-Ġermanja, il-Greċja u l-Ingilterra. [8] Spanja u l-Portugall. [9] Pereżempju fl-Iskozja hemm reġistri b'firxa wiesgħa aċċessibbli mill-internet, iżda s-sistema ġudizzjarja ma tipprovdix għal dikjarazzjoni tad-debitur jew ta' debitur terz. [10] L-Istudju Nru JAI/A3/2002/02, p. 48. [11] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data , ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. L-għan tad-Direttiva 95/46/KE huwa li tassigura d-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad- data personali ta' l-individwi iżda wkoll li tassigura ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' din id- data fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Skond id-Direttiva, kull proċessar ta' data personali għandu jkun ġust u legali. Id- data personali għandha tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-finijiet (il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-finijiet). Id- data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva għall-għan li għalih tkun qed tiġi miġbura u/jew proċessata iktar (il-prinċipju tal-proporzjonalità). L-informazzjoni miksuba m'għandhiex tiġi trasferita lil persuni terzi mhux awtorizzati. L-ipproċessar tad- data huwa permess jekk is-suġġett tad- data jkun ta l-kunsens tiegħu jew jekk jiġu rrispettati kundizzjoni waħda jew aktar, li fosthom hemm li l-ipproċessar ikun neċessarju sabiex jiġu rrispettati l-obbligi tal-kontrollur jew jekk l-ipproċessar ikun neċessarju għat-twettiq ta' dmir imwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur. L-ipproċessar ta' data sensittiva huwa possibbli fejn huwa neċessarju għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' pretensjonijiet legali. Minbarra dan, il-kundizzjonijiet ta' trasparenza tad-Direttiva jistipulaw l-obbligu li s-suġġett tad- data jiġi infurmat dwar it-tip ta' pproċessar tad- data personali tiegħu, inkluża l-identità tal-kontrollur, l-għanijiet ta' l-ipproċessar u d-destinatarji possibbli tad- data . Skond ir-regoli ta' hawn fuq, l-għan ta' l-ipproċessar, it-tip ta' informazzjoni personali neċessarja u r-riċevituri tad- data għandhom ikunu definiti b'mod preċiż u s-suġġett tad- data għandu jkun debitament infurmat. Jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, m'hemm l-ebda ostaklu sabiex tiġi stipulata trasparenza effiċjenti ta' l-assi ta' debitur. [12] Xi informazzjoni bażika dwar is-sistemi nazzjonali ta' l-infurzar u l-awtorità kompetenti li għandha tiġi kkuntattjata dwar talbiet ta' infurzar hija diġà disponibbli fuq is-sit tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali: h ttp://ec.europa.eu/civiljustice/enforce_judgement/enforce_judgement_gen_en.htm [13] http://ec.europa.eu/civiljustice/ [14] L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu 1968 dwar il-kordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità, ĠU L 65, 14.3.1968, p.8. [15] Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet ta’ l-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor , ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36 . [16] Dawn id-dokumenti u informazzjoni huma:(a) L-istrument ta' kostituzzjoni u l-istatuti, jekk jinsabu f'dokument separat;(b) Kull emenda għad-dokumenti msemmija f'(a), magħduda kull estensjoni tal-perjodu ta' l-eżistenza tal-kumpanija;(c) Wara kull emenda ta' l-istrument tal-kostituzzjoni jew ta' l-istatuti, it-test sħiħ ta' l-istrument jew statuti kif emendati sal-lum;(d) Il-ħatra, it-tmiem tal-kariga u d-dettalji tal-persuni li, jew bħala korp kostitwit skond il-liġi, jew bħala membri ta' kwalunkwe korp bħal dak:(i) huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fir-rigward ta' terzi u fi proċedimenti legali;(ii) jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.Għandu jidher mill-iżvelar jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu flimkien(e) Mill-inqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn id-dokument ta' kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, sakemm żieda fil-kapital sottoskritt tkun teħtieġ emenda ta' l-istatuti;(f) Il-karta tal-bilanċ u l-kont tal-qligħ u t-telf għal kull sena finanzjarja. Id-dokument li fih il-karta tal-bilanċ għandu jagħti dettalji tal-persuni li għandhom l-obbligu legali li jiċċertifikawha. [17] Fl-Italja, din l-informazzjoni hija rreġistrata f'reġistru ċentrali, li huwa operat mill-Kmamar tal-Kummerċ Taljani u aċċessibbli fuq l-internet fuq: www.infocamere.it. [18] Jekk jogħġbok innota li s-servizzi privati għall-aċċess fuq l-internet għal reġistri kummerċjali jew għal banek ta' data kummerċjali b'informazzjoni dwar in-negozju bħar-Reġistru Ewropew tan-Negozju (www.ebr.org) ukoll jiddependu fuq l-informazzjoni tar-reġistru uffiċjali. [19] Stħarriġ komparattiv juri, madankollu, li l-informazzjoni dwar in-negozjanti individwali hija rreġistrata u disponibbli fl-Istati Membri kollha. [20] Eżempji: l-Irlanda, l-Olanda, il-Finlandja, ir-Renju Unit. [21] Fi Stati Membri oħra, l-informazzjoni hija eżaminata u vverifikata mir-reġistraturi qabel ma tiġi rreġistrata. [22] Eżempju: IL-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, C-191/95, Il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja , Ġabra, 1998, p. I 5449. [23] L-eċċezzjonijiet huma r-Renju Unit u l-Irlanda. [24] Pereżempju: Il-Ġermanja, l-Italja. [25] Eċċezzjoni: Fl-Awstrija, ir-Reġistru Ċentrali tal-Popolazzjoni huwa disponibbli fuq l-internet: www.business.telekom.at. [26] L-eċċezzjonijiet huma l-Italja u l-Iskozja. Fl-Olanda u l-Belġju, l-uffiċjali eżekuttivi tal-Qorti jistgħu jakkwistaw informazzjoni dwar l-indirizz u l-impjieg tad-debitur mir-rekords tas-sigurtà soċjali. Fil-Lussemburgu, kreditur jista' jitlob lill- juge de paix sabiex jikkuntattja r-reġistru tas-sigurtà soċjali sabiex isir jaf l-indirizz u l-impjieg tad-debitur. Fi Franza, is-sitwazzjoni legali hija aktar kumplikata, għax il- huissiers de justice m'għandhomx aċċess dirett għal għajnuna amministrattiva, iżda jridu jitolbu l-għajnuna tal- Procureur de la République. Minbarra dan, il- huissiers huma pprojbiti milli jużaw l-informazzjoni miksuba għal finijiet oħra għajr l-infurzar tat-titolu miżmum mill-kreditur. [27] Il-liġi ta' l-Awstrija tagħti preferenza saħansitra lil informazzjoni minn reġistri soċjali. Dikjarazzjoni tad-debitur tista' tintalab biss jekk ir-reġistru ta' l-assigurazzjoni soċjali ma jkun jista' jipprovdi l-ebda data dwar l-impjieg jew id-dħul tad-debitur. [28] Madankollu, il-Pajjiżi Nordiċi qed jippjanaw li jadottaw Ftehim dwar l-Iskambju ta' l-Informazzjoni fil-Qasam ta' l-Irkupru. Din il-Konvenzjoni tkun l-ewwel strument li jistipula kooperazzjoni diretta bejn il-korpi ta' l-infurzar. Din hija, madankollu, eċċezzjoni, u fil-biċċa l-kbira l-aċċess imtejjeb għar-reġistri li dan l-aħħar ngħata lill-korpi ta' l-infurzar f'xi ġuriżdizzjonijiet għadu strettament territorjali. [29] Id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali, ĠU L73, 19.6.1976, p. 18 . [30] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' l-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew dwa Gwida u Garanzija (FAEGG), u ta' imposti agrikoli u dazji doganali u fir-rigward ta' taxxa fuq il-valur miżjud u ċertu dazji tas-sisa, ĠU L 175, 28.6.2001, p.17 . [31] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE tad-9 ta' Diċembru 2002 li tippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308 KEE fuq l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, ĠU L 337, tat-13.12.2002, p. 41. [32] F'dan il-kuntest, jekk jogħġbok innota wkoll li l-Art. 44 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment (COM (2005) 649 finali) jipprovdi għal sistema ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali nazzjonali li tagħti aċċess għall-informazzjoni li tippermetti li jkun iffaċilitat l-irkupru ta’ talbiet ta’ manteniment. Din l-informazzjoni hija pprovduta sabiex jinkisbu, inter alia , l-għanijiet li jinstab id-debitur u jiġu evalwati l-assi tad-debitur: [33] Pereżempju Franza u r-Renju Unit. [34] Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales).Il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Iskozja ma jipprovdux għal dikjarazzjoni tad-debitur. Madankollu, fi Franza hemm obbligu limitat fuq id-debitur sabiex jiżvela kont tal-bank, fl-Olanda, l-organu ta' l-infurzar jista' jitlob lid-debitur jiżvela d-dħul tiegħu, fil-Belġju, id-debitur irid jiżvela l-assi tiegħu meta japplika għal ordni ta' protezzjoni. L-introduzzjoni ta' dikjarazzjoni tad-debitur qed tiġi diskussa fl-Italja.Fil-Latvja, m'hemm l-ebda dikjarazzjoni tad-debitur. Madankollu, skond il-Liġi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikoli 552 u 557), fl-istadju ta' l-infurzar ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti, d-debitur irid jipprovdi lill-uffiċjal eżekuttiv maħluf tal-qorti informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Jekk jipprovdi intenzjonalment informazzjoni ħażina lill-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti dwar iċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħu/tagħha, id-debitur jista' jkun suġġett għal responsabbiltà amministrattiva jew kriminali.Fir-Rumanija, m'hemm l-ebda obbligu fuq id-debitur sabiex jagħmel dikjarazzjoni dwar l-assi/dħul tiegħu qabel ma tinkiseb ordni ta' infurzar. Skond il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti għandu d-dmir li jinsisti b'kull mod permess mil-liġi sabiex jitwettaq b'mod sħiħ u rapidu l-obbligu stipulat fl-ordni ta' infurzar. L-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jista' jitlob lid-debitur sabiex jagħmel stqarrija bil-miktub dwar id-dħul u l-assi, u l-post fejn dawn jinsabu (art. 373 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).F'Ċipru, id-debitur ifittex l-għajnuna tal-qorti sabiex jiġi ddikjarat fallut. Fl-ewwel stadju d-debitur japplika lill-qorti għal ordni biex jinħatar riċevitur u sussegwentement jiġi ddikjarat fallut mill-qorti. [35] Fid-Danimarka, l-Irlanda, l-Ingilterra, l-Awstrija u Spanja.Fil-Bulgarija, fil-preżent il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ta' l-1952 ma fihx regoli dwar dikjarazzjoni tad-debitur. Skond l-Art. 448 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2008, id-debitur se jkun obbligat li jidher quddiem il-qorti distrettwali u jiddikjara l-proprjetà u d-dħul kollu tiegħu, jekk il-proprjetà stabbilita tad-debitur ma tkunx biżżejjed. Sabiex tinkiseb dikjarazzjoni tad-debitur, l-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jrid jippreżenta talba lill-qorti reġjonali li għandha tikkunsidra t-talba f'seduta miftuħa. Għal informazzjoni mhux korretta jew għar-rifjut li jidher quddiem il-qorti jew li jiżvela l-proprjetà tiegħu, id-debitur iġorr ir-responsabbiltà taħt l-Art. 290a tal-Kodiċi Penali u jista' jeħel sa tliet snin priġunerija.Fir-Repubblika Ċeka, hemm dikjarazzjoni ta' l-assi (§260a – 260h tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). M'hemm l-ebda formola speċifika, u d-dikjarazzjoni tista' ssir ukoll b'mod orali quddiem il-qorti. Ir-rifjut tad-debitur li jiżvela l-assi tiegħu u d-dikjarazzjonijiet ħżiena huma sanzjonati b'terminu ta' priġunerija ta' mhux aktar minn sena jew piena monetarja (§256 d tal-Kodiċi Kriminali).Fis-Slovenja, id-debitur huwa obbligat, fuq applikazzjoni tal-kreditur jew fuq id-diskrezzjoni tal-qorti, jekk il-kreditur jipprova b'mod preżuntiv li l-miżuri proposti ta' eżekuzzjoni ma jkunux biżżejjed sabiex tiġi sodisfatta l-pretensjoni tiegħu, li jressaq fi kwalunkwe żmien matul il-proċedura ta' l-eżekuzzjoni, inventarju tal-proprjetà tiegħu flimkien ma' prova li hija tiegħu u ta' drittijiet reali oħra fir-rigward ta' din il-proprjetà, u li jiddikjara l-provi li jissostanzjaw il-pretensjonijiet tiegħu. Il-qorti għandha tordna b'digriet lid-debitur sabiex iressaq l-inventarju tal-proprjetà tiegħu. Jekk id-debitur jonqos milli jipproduċi l-inventarju sa l-iskadenza mogħtija mill-qorti, il-qorti għandha tiltaqa' f'seduta fejn id-debitur jiġi interrogat dwar il-fatti fir-rigward ta' l-inventarju tal-proprjetà tiegħu. Il-qorti għandha tinforma lid-debitur dwar il-konsegwenzi ta' xhieda falza. Debitur li jkun ġie debitament imħarrek iżda jonqos milli jidher fis-seduta, jew li, fis-seduta jew fl-inventarju tal-proprjetà tiegħu, ma jiddikjarax data preċiża u vera jingħata piena ta' mhux aktar minn EUR 4173 fil-każ ta' persuni naturali, u EUR 41730 fil-każ ta' persuni legali u proprjetarji uniċi. [36] Dan huwa l-każ fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri. [37] Fl-Irlanda u l-Ingilterra. [38] Il-Ġermanja, Spanja, l-Awstrija u l-Iżvezja. [39] Pereżempju fi Spanja u l-Portugall. [40] Fl-Irlanda u l-Ingilterra, in-nuqqas li tiġi rispettata ordni tal-qorti jitqies bħala disprezz tal-qorti. [41] Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Ingilterra, il-Greċja, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja. [42] Fl-Estonja, qorti tista' timponi attendenza obbligatorja jew detenzjoni fuq id-debitur, li - mingħajr l-ebda raġuni valida - jonqos milli jippreżenta l-lista ta' l-assi tiegħu lill-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jew jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jieħu ġurament. Debitur jista' jiġi kkundannat għal detenzjoni ta' mhux aktar minn tletin jum. Sena wara li jkun ħa l-ġurament, debitur ikun obbligat li jerġa' jieħu ġurament biss jekk l-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jkollu raġunijiet għaliex jemmen li d-debitur ikun akkwista assi wara li ħa l-ġurament. [43] Pereżempju, fl-Estonja, qorti tista' – fuq talba ta' l-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti jew ta' persuna li jkollha pretensjoni - tobbliga lid-debitur sabiex jieħu ġurament fil-qorti li l-informazzjoni sottomessa lill-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti dwar l-assi tiegħu hija korretta. [44] Ara aktar 'il fuq - in-noti 33 u 34 f'qiegħ il-paġna. [45] Dan huwa l-każ fil-Belġju għall-insolvenza tal-konsumaturi. [46] Ara l-artikolu 12.4 tal-proposta mill-grupp ta' esperti fir-rapport Storme (ed.) Rapprochement du Droit Judiciaire de l`Union européenne , p. 210-211.Għall-protezzjoni ta' kreditur rikonoxxut b'sentenza li jistabbilixxi l-inabilità tiegħu li jsib assi suffiċjenti f'idejn id-debitur rikonoxxut b'sentenza għas-sodisfazzjoni tas-sentenza, il-liġi ta' l-Istati Membri għandha tipprovdi:1. li d-debitur għandu jiżvela b'mod sħiħ in-natura ta' l-assi tiegħu u fejn dawn jinsabu. Dan l-iżvelar għandu jsir lill-kreditur jew lill-awtorità xierqa kif stipulat mil-liġi;2. li l-awtorità xierqa tista' tobbliga lil terzi sabiex jiżvelaw kull informazzjoni dwar l-assi tad-debitur li tkun fil-pussess tagħhom. Terzi tinkludi kull istituzzjoni li tkun iżżomm kont f'isem id-debitur.3. pieni li permezz tagħhom jiġu infurzati dawn l-obbligi. [47] Jekk jogħġbok innota li huwa diġà l-każ li t-territorjalità ma tapplikax għad-dikjarazzjoni tad-debitur skond il-prattika f'xi Stati Membri (partikolarment fl-Awstrija, il-Ġermanja u l-Ingilterra). L-obbligu li d-debitur jagħmel affidavit mhux limitat għall-assi domestiċi tiegħu, iżda d-debitur irid jiżvela l-assi kollha tiegħu, inklużi dawk barra l-pajjiż. [48] http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/fillinginformation_en.htm