52008DC0069




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2008

KUMM(2008) 69 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea {SEG(2008) 153}{SEG(2008) 154}

INTRODUZZJONI

Il-Kuntest tal-politika

Aktar minn 300 miljun vjaġġatur jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-UE kull sena, meta jingħaddu flimkien iċ-ċittadini ta' l-UE u dawk ta' pajjiżi terzi. L-Ewropa hi, u se tkompli tkun, l-aktar destinazzjoni turistika importanti fid-dinja[1]. Dan jirrifletti l-importanza tal-wirt kulturali ta' l-UE u s-suċċess tal-mudell politiku u soċjo-ekonomiku tagħha. Sabiex taqsam il-valuri tagħha ma' l-oħrajn u tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, l-UE trid tibqa' miftuħa u aċċessibbli.

It-tneħħija tal-kontrolli interni tal-fruntieri fl-UE hija wieħed mill-akbar kisbiet ta' l-integrazzjoni Ewropea. Żona mingħajr fruntieri interni, li espandiet minn 7 pajjiżi fl-1995 għal 24 pajjiż fi tmiem l-2007 – kisba unika u storika - ma tistax tiffunzjona, madankollu, mingħajr qsim tar-responsabbiltà u s-solidarjetà fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha.

L-aġenda ambizzjuża stabbilita mill-Kummissjoni u l-Kunsill fl-2002, fil-pjan għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-UE, issa tlestiet. Il-qafas leġiżlattiv ġie kkonsolidat. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen[2] daħal fis-seħħ fl-2006. Ġew introdotti regoli ssimplifikati għat-traffiku lokali tal-fruntieri[3]. Ġiet miżjuda dimensjoni operattiva bit-twaqqif ta' l-Aġenzija FRONTEX[4]. Il-kunċetti ta' qsim tal-piżijiet u tas-solidarjetà ingħataw sinifikat reali mill-Fond Ewropew tal-Fruntieri li, għall-ewwel darba, qed jalloka riżorsi finanzjarji sostanzjali għal dawn l-oqsma ta' politika.

Il-pressjoni migratorja, flimkien mal-prevenzjoni tad-dħul ta' persuni li qed ifittxu li jidħlu fl-UE għal raġunijiet illeġittimi, huma sfidi ovvji li qed tiffaċċja l-Unjoni u, għalhekk, ukoll il-politika tagħha dwar il-fruntieri u l-viżi. L-isfidi fundamentali tal-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni jridu jiġu indirizzati mill-perspettiva ta' politika sħiħa dwar l-immigrazzjoni (cf l-Approċċ Globali), li tinkludi partikolarment li l-UE taħdem id f'id mal-pajjiżi terzi. Għalhekk hemm ukoll il-ħtieġa li wieħed iħares mill-perspettiva tal-politika ta' l-immigrazzjoni kollha kemm hi, lejn numru ta' kwistjonijiet orizzontali li għandhom impatt fuq l-abilità ta' l-UE li tamministra l-fruntieri esterni tagħha u li tħares l-acquis ta' Schengen – id-dimensjoni esterna, l-aspetti baġitarji fit-tul u fuq perjodu ta' tul medju relatati mas-solidarjetà finanzjarja u l-qsim tal-piżijiet, u l-impatt tat-Trattat il-ġdid. F'dan il-kuntest aktar wiesa', il-Kummissjoni se tadotta f'Ġunju Komunikazzjoni dwar politika komprensiva dwar l-immigrazzjoni.

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri tagħhom stess, il-politika komuni ta' l-Unjoni b'appoġġ għall-isforzi ta' l-Istati Membri għandha tiġi kontinwament żviluppata u msaħħa f'rispons għat-theddidiet il-ġodda, il-bidliet fil-pressjonijiet migratorji u kull nuqqas li jiġi identifikat, bl-użu estensiv u proporzjonat ta' teknoloġija ġdida. Id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi għandhom jingħataw piż ugwali. Il-qsim tal-fruntieri esterni għandu jkun sempliċi u rapidu għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti mill-Komunità u l-liġi nazzjonali. Il-kuntatti bejn in-nies fir-reġjuni tal-fruntieri u bejn il-membri tal-familji għandhom jiġu ffaċilitati. Il-ġestjoni tal-fruntieri għandha tappoġġa, u mhux ittellef, it-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni tal-fruntieri tal-pajjiżi ġirien. Għall-istess għan, l-UE reċentement ikkonkludiet ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi ma' tmien pajjiżi ġirien[5], u tinsab fi djalogu ma' bosta minnhom sabiex jitneħħa l-obbligu tal-viża.

Ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-għodda kurrenti

Il-kunċett ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri jinvolvi t-taħlita tal-mekkaniżmi ta' kontroll u l-użu ta' għodda bbażati fuq il-flussi tal-persuni lejn l-UE u għal ġewwa l-UE. Huwa jinvolvi miżuri meħuda fil-konsulati ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi, miżuri f'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ġirien, miżuri fuq il-fruntiera nnifisha, u miżuri meħuda fiż-żona ta' Schengen. L-elementi ewlenin ta' dan il-kunċett attwalment jinkludu l-miżuri li ġejjin, li japplikaw fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn Stat Membru li jkun qed jipparteċipa fil-kooperazzjoni ta' Schengen jew pajjiż assoċjat ma' din il-kooperazzjoni.

Kif definiti fil-liġi tal-Komunità, vjaġġaturi minn ċerti pajjiżi terzi huma suġġetti għall–obbligu tal-viża[6]. Għal din il-kategorija, l-ewwel kontroll ta' jekk ikunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul u ż-żjara jsir flimkien ma' l-applikazzjoni tal-viża fil-konsolati ta' l-Istati Membri u f'pajjiżi terzi.

Ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq viża għal żjara qasira jiġu ċċekkjati fis-Sistema ta' l-Informazzjoni tal-Viżi, li se tkun operattiva għal kollox mhux qabel l-2012 inkluża l-implimentazzjoni fil-konsolati u fil-punti li minnhom tinqasam il-fruntiera. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku fuq il-bażijiet legali għall-VIS fl-2007 u dan huwa mistenni li jiġi adottat formalment fl-ewwel nofs ta' l-2008. L-għanijiet ewlenin tal-VIS huma li, mad-dħul, tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-viża u l-identità tal-persuna li tkun fil-pussess tagħha. Il-bijometriċi - l-immaġini tal-wiċċ u l-marki tas-swaba - se jiġu introdotti sa mill-bidu tal-VIS. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta sabiex jiġi emendat l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u li jsir obbligatorju l-ivverifikar ta' l-identità ta' min ikun fil-pussess tal-viża ma' kull dħul.

Għal persuni li jivvjaġġaw bl-ajru lejn l-UE, qabel ma', jew fil-mument meta dawn jitilgħu fuq l-ajruplan, tiġi trażmessa data ekwivalenti għal dik li tinsab fil-passaport bħala Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (API) fuq talba ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni sabiex l-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri jkunu allertati dwar passiġieri riskjużi[7].

Id- data ta' l-API ma tistax tintuża sabiex persuna titwaqqaf milli tasal fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen[8], ċittadini ta' pajjiżi terzi jridu jkunu suġġetti, mad-dħul, għal "kontroll sħiħ", li jinvolvi li jinstab x'inhu l-iskop taż-żjara tagħhom u jekk dawn ikollhomx mezzi suffiċjenti għas-sussistenza, flimkien ma' tiftixa fis-Sistema ta' l-Informazzjoni ta' Schengen u fil-banek tad- data nazzjonali sabiex jiġi vverifikat li mhumiex ta' theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istati ta' Schengen. Għaldaqstant, il-kontrolli jinvolvu numru ta' kundizzjonijiet li huma vverifikati mill-gwardji tal-fruntieri permezz ta' mistoqsijiet li jsiru lill-vjaġġatur. Il-validità tad-dokument ta' l-ivvjaġġar ukoll trid tiġi spezzjonata mill-gwardja tal-fruntiera f'kull każ. Il-kontrolli huma l-istess indipendentement minn jekk il-persuni humiex suġġetti għall-obbligu tal-viża jew le.

Il-gwardji tal-fruntieri huma obbligati li manwalment jittimbraw id-dokument ta' l-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera esterna – b'mod li jindikaw id- data u l-post tad-dħul u l-ħruġ.

Fil-konsolati u kif ukoll fuq il-fruntieri, is-Sistema ta' l-Informazzjoni ta' Schengen (SIS) hija kkonsultata sabiex jiġi vverifikat li l-persuna mhix issenjalata minn Stat Membru sabiex jiġi rrifjutat lilha d-dħul. Is-Sistema ta' l-Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u l-SIS II futura jirreġistraw allerti, fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, fuq persuni li għandu jiġi rrifjutat lilhom id-dħul fiż-żona ta' Schengen, persuni riċerkati, u persuni li għandha tingħatalhom protezzjoni. Iċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE, sew taħt obbligu ta' viża u kif ukoll jekk le, huma ċċekkjati sistematikament fl-SIS.

Għal kontrolli fit-territorju ta' Schengen, l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi se jkollhom aċċess għall-VIS li jippermettilhom li jidentifikaw persuni mhux dokumentati jekk dawn tkun inħarġitilhom viża qabel.

Fl-aħħar nett, għandha ssir ukoll referenza għall-proposta tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-Rekords ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri għal persuni li jaslu bl-ajru, essenzjalment l-ekwivalenti għall-informazzjoni li tkun tinsab fir-riżervazzjoni tat-titjira[9]. Din l-informazzjoni hija wkoll trażmessa eżatt qabel jew waqt it-tlugħ fuq l-ajruplan, lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. Din is-sistema tkun tapplika għall-Istati Membri kollha, għax mhix marbuta mal-kooperazzjoni ta' Schengen innifisha. It-trażmissjoni tad- data tal-PNR issir għall-finijiet tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u mhux għall-kontrolli tal-fruntieri.

Għodod ġodda possibbli għall-iżvilupp futur ta' strateġija integrata dwar il-ġestjoni tal-fruntieri

Jekk l-UE trid tilħaq l-għan ta' ġestjoni tal-fruntieri tassew integrata, bil-għan li tilħaq iż-żewġ għanijiet tat-tisħiħ tas-sigurtà u l-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, jistgħu jiġu kkunsidrati passi oħra.

Sa mill-miżuri meħuda fil-konsolati, u mill-angolu ta' l-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar u l-aċċess għat-territorju ta' l-UE, il-politika kurrenti dwar il-viżi hija bbażata fuq il-prinċipju ta' jew kollox jew xejn. Għalkemm ġew konklużi Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viżi ma' numru ta' pajjiżi terzi, il-politika komuni dwar il-viżi ma tippermettix għażliet oħra ħlief li ċittadini ta' pajjiż terz jitpoġġewx taħt obbligu ta' viża jew le.

Mil-lat tas-sigurtà, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża attwalment mhuma suġġetti għall-ebda kontroll sistematiku fuq il-fruntieri għall-finijiet ta' kontroll qabel ma jaslu fuq il-fruntiera nnifisha.

F'dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda fuq il-fruntieri, u mil-lat ta' l-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar, il-qafas legali attwali għall-kontrolli tal-fruntieri huwa approċċ ta' 'daqs wieħed jgħodd għal kulħadd', jiġifieri li l-liġi Komunitarja kif inhi llum ma tippermettix li jiġu ssimplifikati l-kontrolli għal ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi. L-unika eċċezzjoni huma ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti fiż-żoni tal-fruntieri ta' pajjiżi ġirien – bħala regola ġenerali sa 30 km mill-fruntiera - li jistgħu jibbenefikaw minn kontrolli ssimplifikati fuq il-fruntieri u eżenzjoni mill-obbligu tal-viża taħt ir-regoli tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali fuq il-Fruntieri. Ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi li jivvjaġġaw ta' sikwit lejn iż-żona ta' Schengen, u lura minnha, għal raġunijiet leġittimi, pereżempju persuni li jivvjaġġaw għan-negozju, u li jirrispettaw il-kundizzjonijiet dwar it-tul taż-żjara tagħhom f'kull okkażjoni, huma suġġetti għall-istess kontrolli bir-reqqa fuq il-fruntieri ma' kull dħul. Dan japplika wkoll għal dawk li huma suġġetti għall-obbligu tal-viża u li tinħarġilhom viża għal aktar minn żjara waħda. Billi jimponi kontroll bir-reqqa fuq il-persuni kollha, il-qafas legali attwali b'hekk iwaqqaf il-modernizzazzjoni tal-mod kif isiru l-kontrolli fuq il-fruntieri - teknoloġija ġdida tippermetti l-awtomatizzazzjoni, u b'hekk tħaffef sostanzjalment il-kontrolli fuq il-fruntieri għall-vjaġġaturi bona fide .

Meta wieħed iħares lejn il-miżuri li jistgħu jittieħdu fi ħdan it-territorju ta' Schengen, l-Unjoni tista' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' għodda effiċjenti sabiex tidentifika lil dawk li jibqgħu fit-territorju wara li jkun skadielhom il-permess, għaliex id-dati għall-movimenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq il-fruntieri esterni attwalment mhumiex irreġistrati. Dawk li jibqgħu meta jiskadilhom il-permess huma l-akbar kategorija ta' immigranti illegali fl-UE[10]. Anki jekk din id- data tinġabar mill-Istati Membri individwali m'hemm l-ebda mezz kif hija tinqasam bejn l-Istati Membri. IL-gwardji tal-fruntieri la huma f'pożizzjoni li jikkalkulaw it-tul taż-żjara meta jintużaw dokumenti ta' l-ivvjaġġar differenti għad-dħul fl-UE u l-ħruġ minnha u lanqas meta jkunu kkonfrontati b'diffikultajiet prattiċi bħal passaport mimli timbri jew fejn it-timbri ma jkunux jinqraw. F'dan l-isfond din il-Komunikazzjoni tippreżenta suġġerimenti għal għodod ġodda li jistgħu jiffurmaw parti integrata mill-istrateġija futura Ewropea tal-ġestjoni tal-fruntieri. Hija tipproponi modi sabiex inħarsu 'l quddiem u nirriflettu fuq il-ġenerazzjoni li jmiss ta' għodda tal-ġestjoni, bil-għan li nippriżervaw l-integrità taż-żona ta' Schengen filwaqt li fl-istess ħin niffaċilitaw il-proċeduri u l-qsim tal-fruntieri għal dawk li jixtiequ jidħlu għal raġunijiet leġittimi. L-għodda possibbli li għandhom jiġu studjati, li jkunu japplikaw fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn Stat Membru li jkun qed jipparteċipa fil-kooperazzjoni ta' Schengen jew pajjiż assoċjat ma' din il-kooperazzjoni, jistgħu jinkludu:

- iffaċilitar tal-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi bona fide [11]; u

- l-introduzzjoni possibbli ta' reġistrazzjoni tad-dħul/ħruġ; u

- l-istudju ta' l-introduzzjoni ta' Sistema Elettronika ta' l-Awtorizzazzjoni ta' l-Ivvjaġġar (ESTA).

Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq valutazzjoni ta' l-impatt li twettqet bl-appoġġ ta' żewġ studji minn kuntratturi esterni. Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li għandu jiġi ppreżentat f'Marzu se jivvaluta f'aktar dettall kwistjonijiet reletati ma' l-implimentazzjoni teknika.

L-IFFAċILITAR TAL-QSIM TAL-FRUNTIERI GħAL VJAġġATURI BONA FIDE

- Vjaġġaturi minn pajjiżi terzi, li jippreżentaw riskju baxx, sew dawk li huma suġġetti għall-obbligu tal-viża u kif ukoll dawk li m'humiex, jistgħu jiġu offruti proċess ta' pre-kontroll, fuq bażi volontarja, sabiex jingħataw status ta' Vjaġġaturi Rreġistrati.

- Meta jaslu fuq il-fruntieri ta' l-UE, il-Vjaġġaturi Rreġistrati jistgħu jibbenefikaw minn kontroll tal-fruntiera ffaċilitat u awtomatizzat.

Il-qafas legali kurrenti li jirregola l-kontrolli li għandhom isiru fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq il-fruntieri esterni jista' jiġi emendat sabiex jipprovdi għat-tnaqqis tal-kontrolli li għandhom isiru fuq ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi, li jingħatalhom l-istatus ta' "Vjaġġaturi Rreġistrati". Applikanti għal dan l-istatus jistgħu jkunu suġġetti għal pre-kontroll, u l-kriterji jkunu definiti sabiex jikkumpensaw għall-kontrolli aktar ħfief li għalihom ikunu suġġetti fuq il-fruntieri. Il-kontrolli li għandhom isiru fuq il-fruntiera nnifisha jistgħu jiġu definiti b'tali mod li tinfetaħ it-triq għall-użu ta' passaġġi awtomatizzati.

F'termini konkreti, l-għoti ta' l-istatus ta' "Vjaġġatur Irreġistrat" u l-provvediment għal kontrolli awtomatiċi għal dawk il-persuni jkun ifisser it-tneħħija tal-verifika ta' ċerti kundizzjonijiet tad-dħul fuq il-fruntiera (l-għan taż-żjara, il-mezz tas-sussistenza, l-assenza ta' theddida għall-ordni pubbliku). Il-persuni jistgħu jingħataw l-istatus ta' "Vjaġġatur Irreġistrat" wara kontrolli xierqa abbażi tal-kriterji komuni tal-kontroll li għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi tal-Komunità. Dawn jistgħu jinkludu bħala minimu storja ta' l-ivvjaġġar affidabbli (il-persuna m'għandha qatt tkun eċċediet it-tul awtorizzat taż-żjara waqt żjajjar preċedenti fl-UE), provi ta' mezzi suffiċjenti tas-sussistenza, u l-pussess ta' passaport bijometriku. Jistgħu jiġu kkunsidrati kriterji oħra u l-kriterji sabiex jingħata l-istatus ta' Vjaġġatur Irreġistrat lil dawk li huma taħt l-obbligu tal-viża jistgħu jiġu allineati mal-kriterji applikabbli għall-għoti ta' viżi għal aktar minn dħul wieħed.

Ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu japplikaw għall-istatus ta' Vjaġġatur Irreġistrat fi kwalunkwe Stat Membru. Il-proċedura ta' l-applikazzjoni tista' tiġi organizzata fl-uffiċċji konsulari ta' l-Istati Membri jew fiċ-ċentri ta' applikazzjoni komuni futuri.

Sabiex ikun possibbli l-użu ta' l-istess infrastruttura u tagħmir, jistgħu jintużaw l-istess identifikaturi bijometriċi (l-immaġini tal-wiċċ u l-marki tas-swaba) bħal dawk għal min tinħariġlu viża. Tinqasam ukoll l-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar dawk li jkollhom l-istatus ta' Vjaġġaturi Rreġistrati, għax dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kontroll simplifikat fuq il-fruntieri esterni taż-żona ta' Schengen indipendentement minn liema punt tal-qsim tal-fruntiera huma jiddieċiedu li jidħlu minnu.

Minbarra l-kriterji li twarrbu sabiex ikun possibbli kontroll issimplifikat tal-vjaġġaturi rreġistrati fuq il-fruntieri, fuq il-fruntiera nnifisha l-introduzzjoni tal-passaġġi awtomatizzati tista' tippermetti l-verifika awtomatizzata ta' l-identità tal-vjaġġaturi mingħajr l-intervent tal-gwardji tal-fruntiera. Magna taqra d- data bijometrika li jkun hemm fid-dokumenti ta' l-ivvjaġġar jew li tkun maħżuna f'sistema jew bank tad- data u tqabbilha mal-bijometriċi tal-vjaġġatur.

Minbarra aspetti pożittivi oħra bħas-sodisfazzjon tal-vjaġġaturi u l-effett simboliku li jintwera li l-UE hija miftuħa għad-dinja, sistemi ta' Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-effiċjenza ekonomika għax aktar passiġġieri jiġu pproċessati fuq il-fruntieri minn numru iżgħar ta' gwardji tal-fruntieri, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż globali għall-Istati Membri li jiffaċċjaw flussi dejjem akbar ta' passiġġieri. Gwardjan tal-fruntiera wieħed għandu jkun jista' jissorvelja sa għaxar passaġġi awtomatiċi tal-fruntiera li jkunu qed joperaw. Il-kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri għal vjaġġaturi bona fide jipprovdu benefiċċji maġġuri f'ħin iffrankat fil-qsim tal-fruntieri esterni u jippermettu lill-awtoritajiet tal-fruntieri sabiex jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq dawk il-gruppi ta' ċittadini tal-pajjiżi terzi li jeħtiġilhom aktar attenzjoni, biex b'hekk titjieb is-sigurtà ġenerali fuq il-fruntieri.

Id-deċiżjoni dwar il-punti tal-qsim tal-fruntieri li fihom jiġu introdotti l-miżuri ta' faċilitazzjoni għandha tittieħed mill-Istati Membri individwalment, fuq il-bażi tal-fluss tal-passiġġieri u l-kundizzjonijiet tat-traffiku. Fil-prattika, passaġġ wieħed addizzjonali jista' jiġi miżjud fil-punt tal-qsim tal-fruntiera fejn il-passaġġi awtomatizzati tal-fruntiera jkunu qed jiġu użati.

L-użu ta' passaġġi awtomatizzati miċ-ċittadini ta' l-UE

Għandu jiġi nnutat ukoll li ċ-ċittadini ta' l-UE u persuni oħra li jgawdu d-dritt tal-Komunità għall-moviment ħieles[12] jistgħu jibbenefikaw mill-passaġġi awtomatizzati meta jaqsmu l-fruntiera esterna. Din il-kategorija hija suġġetta għal "kontroll minimu", sew fid-dħul u anki fil-ħruġ, u dan jikkonsisti fil-kontroll tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar sabiex tiġi vverifikata l-identità ta' l-individwu. Il-kontrolli tal-fruntieri taħt il-qafas legali kurrenti jistgħu għalhekk diġà minn issa jiġu awtomatizzati għaċ-ċittadini ta' l-UE li jkunu fil-pussess ta' passaport elettroniku. Is-sistemi ta' passaġġi awtomatizzati għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu użati wkoll miċ-ċittadini ta' l-UE meta jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni, u jwettqu l-istess funzjonijiet, ħlief li jistgħu jsiru biss kontrolli ta' kampjuni każwali fuq l-SIS u l-banek tad- data nazzjonali skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen[13].

Minn Awissu 2006, l-Istati Membri bdew joħorġu passaporti bijometriċi[14] li fihom l-immaġini diġitalizzata tal-wiċċ ta' min tkun inħarġitlu l-viża, u mit-28 ta' Ġunju 2009 se jibdew joħorġu passaporti li jkun fihom ukoll il-marki tas-swaba tal-pussessur tagħhom[15]. L-introduzzjoni tal-bijometriċi fil-passaporti tista' titlesta sa mhux aktar tard mill-2016 għal identifikatur bijometriku wieħed u sa mhux aktar tard mill-2019 għal żewġ identifikaturi (jekk wieħed jassumi perjodu massimu ta' validità ta' għaxar snin għall-passaporti). Iċ-ċittadini kollha ta' l-UE jkunu jistgħu f'dak iż-żmien jibdew jibbenefikaw mill-punti tal-fruntiera awtomatizzati jekk dawn jiġu attwati mill-Istati Membri b'mod wiesa'. Il-punti tal-fruntiera awtomatizzati għaċ-ċittadini ta' l-UE fuq il-bażi tal-passaporti bijometriċi jkunu jużaw l-istess passaġġi awtomatizzati għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li huma vjaġġaturi rreġistrati.

Sakemm jiġu introdotti b'mod sħiħ il-passaporti bijometriċi, il-qafas legali kurrenti jippermetti skemi bbażati fuq reġistrazzjoni volontarja li tiġi attwata mill-Istati Membri, taħt il-kundizzjoni li l-kriterji għar-reġistrazzjoni jikkorrispondu ma' dawk tal-kontrolli minimi fuq il-fruntieri u li l-iskemi jkunu miftuħa għall-persuni kollha li jgawdu d-dritt tal-moviment ħieles fil-Komunità. Dawn l-iskemi għandhom ikunu interoperabbli fi ħdan l-UE, abbażi ta' normi tekniċi komuni, li għandhom ikunu definiti sabiex jappoġġjaw l-użu wiesa' u koerenti tas-sistemi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri. L-attwazzjoni ta' l-iskemi interoperabbli mill-Istati Membri tista' tiġi promossa permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Fruntieri Esterni.

IL-ħOLQIEN TA' SISTEMA SABIEX JIġU RREġISTRATI D-DħUL/ħRUġ TAċ-ċITTADINI TAL-PAJJIżI TERZI

- Ir-reġistrazzjoni awtomatika taż-żmien u l-post tad-dħul u l-ħruġ taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, sew dawk li jeħtiġilhom viża u sew dawk li le, sabiex jiġu identifikati dawk li jkun skadielhom il-permess, tista' tiġi introdotta fuq il-fruntieri.

- Allerta disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tista' tinħareġ ladarba l-validità taż-żjara ta' individwu fl-UE tkun skadiet u ma tkun inġabret l-ebda data dwar ħruġ.

Sistema ta' dħul/ħruġ tista' tapplika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal żjara qasira (sa 3 xhur), li tkopri sew lil dawk li huma suġġetti għall-obbligu tal-viża u kif ukoll dawk li le, għaliex huma dawn il-kategoriji li jistgħu jippreżentaw problemi fir-rigward ta overstaying . Is-sistema tista' tinkludi r-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni dwar iż-żmien u l-post li fihom isir id-dħul, it-tul taż-żjara awtorizzata, u t-trażmissjoni ta' l-allerti awtomatizzati direttament lill-awtoritajiet kompetenti, jekk persuna tiġi identifikata bħala ' overstayer ', sew meta dan iseħħ u kif ukoll mat-tluq mill-UE. F'każijiet eċċezzjonali (pereżempju viża nazzjonali mogħtija minħabba kanċellazzjoni ta' titjira, mard jew raġuni ġustifikabbli oħra) jew f'każ ta' bidla fl-istatus tal-persuna (pereżempju dritt ta' residenza estiż) is-sistema għandha awtomatikament iżżomm kont ta' l-informazzjoni aġġornata.

L-informazzjoni ta' l-allerta tkun tippermetti:

- Li l-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw lil dawk li tkun skaditilhom il-viża u jieħdu l-miżuri xierqa;

- Li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jitwaqqfu milli jibqgħu fit-territorju mingħajr permess;

- Li tiġi pprovduta informazzjoni għal finijiet operattivi dwar ix-xejriet fost dawk li jibqgħu meta jkun skadielhom il-permess (pereżempju, ir-rotta li jivvjaġġaw minnha, l-isponsors frawdolenti, il-pajjiż ta' l-oriġini u r-raġunijiet għall-ivvjaġġar) u kif ukoll data dwar il-flussi ta' l-immigrazzjoni u dwar dawk li jibqgħu meta jkun skadielhom il-permess għall-finijiet tal-politika dwar il-viżi.

Iċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jeħtieġu viża jkunu jistgħu jipprovdu d- data bijometrika tagħhom meta japplikaw għal viża fl-uffiċċju konsulari ta' Stat Membru għas-Sistema ta' l-Informazzjoni tal-Viżi, u l-punti fejn jinqasmu l-fruntieri jistgħu jkunu mgħammra sabiex tkun possibbli l-verifika ta' l-identità tal-pussessur tal-viża abbazi ta' dik id- data . Sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ minn dawn l-investimenti u jiġu mminimizzati l-impatti fuq il-kontrolli tal-fruntiera, ikun raġonevoli li l-implimentazzjoni tas-sistema tad-dħul/ħruġ fil-prattika ssir wara l-implimentazzjoni sħiħa u b'suċċess tal-VIS fl-uffiċċji konsolari u punti tal-qsim tal-fruntieri kollha.

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ta' verifika identiċi għal dawk tal-pussessuri ta' viża fuq il-fruntieri, bl-għajnuna ta' l-istess tagħmir bijometriku. Ikun neċessarju li tinġabar u tinħażen id- data bijometrika tagħhom ma' l-ewwel dħul sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-kontrolli bijometriċi sussegwenti mal-ħruġ u fi ħdan iż-żona ta' Schengen, u dan jista' potenzjalment jikkomplika l-ġestjoni tal-flussi tal-passiġġieri, partikolarment fil-punti tad-dħul u l-ħruġ fuq il-fruntieri ta' l-art.

Iż-żieda fiż-żmien meħtieġ u kjuwijiet itwal minħabba l-introduzzjoni ta' sistema ta' dħul/ħruġ tista' tiġi kkumpensata minn ġestjoni aħjar tal-fluss tal-passiġġieri permezz ta' passaġġi tal-qsim tal-fruntiera awtomatizzati. Għall-Vjaġġaturi Rreġistrati, il-ġbir tal-bijometriċi ma' l-ewwel dħul għall-finijiet tas-sistema tad-dħul/ħruġ għandu jitwarrab għax ir-reġistrazzjoni tad-dati għad-dħul u l-ħruġ hija inkluża fil-proċess ta' kontroll tal-fruntieri awtomatizzat għal dawn il-vjaġġaturi.

Element li għandu jiġi kkunsidrat fl-analiżi huwa jekk hix meħtieġa sistema separata għall-ħażna ta' data tad-dħul/ħruġ dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, flimkien mad- data bijometrika tagħhom. Din is-sistema l-ġdida tista' tuża l-istess pjattaforma teknika bħall-SIS II u l-VIS u b'hekk tisfrutta s-sinerġiji mas-Sistema tat-Tqabbil Bijometriku (BMS) li bħalissa tinsab taħt żvilupp u li tista' tifforma l-bażi komuni għas-sistema tad-dħul/ħruġ, il-VIS u l-SIS II. Il-Kummissjoni se tippreżenta analiżi teknika dettaljata ta' dawn is-soluzzjonijiet, inkluża jekk il-VIS tistax tiġi estiża għall-iskop speċifiku li taħżen id- data tad-dħul/ħruġ taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jeħtieġu l-viża.

L-ispejjeż li jirriżultaw mill-investimenti neċessarji li jkollhom isiru mill-Istati Membri sabiex jekwipaġġaw il-punti tal-qsim tal-fruntiera jkunu, kif inhu l-każ għall-investimenti li qed isiru fil-preżent fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-SIS u l-VIS, koperti mill-Fond għall-Fruntieri Esterni. Huma pprovduti estimi fil-valutazzjoni ta' l-impatt mehmuża u dawn se jiġu ddettaljati aktar fid-dokument ta' ħidma li se jinħareġ mis-servizzi tal-Kummissjoni. L-ebda spejjeż m'għandhom jinġarru minn pajjiżi terzi bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tas-sistema tad-dħul/ħruġ u l-programm tal-Vjaġġaturi Rreġistrati.

SISTEMA ELETTRONIKA TA' L-AWTORIZZAZZJONI TA' L-IVVJAġġAR (ESTA)

Il-Kummissjoni se teżamina l-possibilità li tintroduċi sistema elettronika ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-ivvjaġġar . Din is-sistema tkun tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex suġġetti għall-obbligu tal-viża u li jiġu mitluba sabiex jagħmlu applikazzjoni elettronika, minn qabel ma jivvjaġġaw, li tagħti data li tidentifika l-vjaġġatur u li tispeċifika d-dettalji tal-passaport u tal-vjaġġ. Din id- data tkun tista' tintuża sabiex jiġi vverifikat li l-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul qabel ma tivvjaġġa lejn l-UE, filwaqt li tintuża proċedura eħfef u aktar sempliċi meta mqabbla ma' viża. Il-Kummissjoni biħsiebha tniedi studju fl-2008 sabiex tanalizza l-fattibilità, l-implikazzjonijiet prattiċi u l-impatti ta' din is-sistema.

KWISTJONIJIET TAL-PROTEZZJONI TAD- DATA

Is-sistemi għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-protezzjoni tad- data ta' l-UE inklużi l-kundizzjonijiet tal-proporzjonalità, il-limitazzjoni ta' l-iskop u l-kwalità tad- data . Attenzjoni partikolari għandha tingħata sabiex tiġi assigurata l-konformità sħiħa ma' l-obbligi ta' l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-kunfidenzjalità u s-sigurtà, u kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta mas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tan-netwerk stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Ir-regoli tal-protezzjoni tad- data għall-VIS u l-istatus quo inkluża ż-żamma ta' l-informazzjoni għal ħames snin biss jidhru li huma tajbin.

Id- data ġġenerata mis-sistema tad-dħul/ħruġ tkun użata l-aktar mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-immigrazzjoni. L-individwi għandu jkollhom id-dritt ta' l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma dwarhom u wkoll id-dritt li jopponu u jikkoreġu din l-informazzjoni kif stipulat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u dik nazzjonali. Għandhom isiru dispożizzjonijiet għal mekkaniżmu ta' appell f'każijiet fejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jkunu 'sfurzati' li jibqgħu fit-territorju wara li jkun skadielhom il-permess.

L-istudju li għandu jitnieda mill-Kummissjoni dwar il-possibilità ta' awtorizzazzjoni elettronika ta' l-ivvjaġġar se jikkunsidra wkoll il-kwistjonijiet relevanti tal-protezzjoni tad- data li jirriżultaw minn din is-sistema.

KONKLUżJONIJIET

Fid-dawl tal-progress magħmul sabiex tiġi miftehma u mnedija Sistema ta' l-Informazzjoni tal-Viżi, l-UE għandha serjament tikkunsidra li tibni fuq dan is-suċċess billi tirrifletti dwar il-parametri neċessarji sabiex tiġi introdotta sistema ta' dħul/ħruġ għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi ammessi għal żjara qasira. Jekk din ir-riflessjoni tikkonkludi li l-bini ta' din is-sistema huwa opportun, din tista' tkun operattiva sa l-2015 u jkunu meħtieġa proposti futuri sabiex:

- Jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jassigura li r-reġistrazzjoni tad-dati tad-dħul u l-ħruġ issir b'mod sistematiku fil-punti kollha tal-qsim tal-fruntiera esterna, u li t-teħid tal-bijometriċi fuq il-fruntiera għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża jsir kundizzjoni obbligatorja għad-dħul. Minbarra dan, jekk jinħoloq il-"vjaġġatur irreġistrat", il-Kodiċi tal-Fruntieri jkun jeħtiġilha li tipprovdi għal kontroll issimplifikat fuq il-fruntieri għall-vjaġġaturi li jingħatalhom dan l-istatus;

- Jiġi deċiż it-twaqqif ta' sistema ġdida tad-dħul/ħruġ għar-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni dwar id-dħul u l-ħruġ u għall-ħażna tad- data bijografika u bijometrika taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Is-sistema tista' tibni fuq l-istess pjattaforma teknika bħall-VIS/SIS II.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jirriflettu fuq il-ħtieġa li jużaw sistemi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri għaċ-ċittadini ta' l-UE , abbażi ta' l-e-passport jew l-iskemi nazzjonali. Diskussjoni dwar l-iżvilupp ta' standards tekniċi sabiex tinkiseb l-interoperabilità ta' l-iskemi nazzjonali mhux ibbażati fuq l-e-passport għandha ssir fil-fora relevanti. Minn perspettiva aktar wiesgħa, l-iżvilupp ta' standards globali jista' jiġi kkunsidrat, bil-għan li jiġu kkoordinati r-reġistrazzjoni, l-eliġibilità u l-karatteristiċi ta' l-interoperabilità teknika ta' dawn l-iskemi fuq il-livell internazzjonali.

Il-Kummissjoni se terġa' tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' l-istudju dwar sistema ta' l-awtorizzazzjoni elettronika ta' l-ivvjaġġar matul l-2009.

Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jirriflettu dwar l-arkitettura globali futura tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri ta' l-UE u l-użu ta' sistemi, mill-aspett tat-tisħiħ tas-sigurtà u l-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar. Abbażi ta' din ir-riflessjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iżvilupp ulterjuri ta' dawn is-sistemi, inkluża l-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi neċessarji.

[1] L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (WTO): Viżjoni 2020 Volum 4 paġ. 48. 'Turiżmu' tinkludi wkoll l-ivvjaġġar għall-finijiet tat-titjib tal-kwalifiki professjonali u tas-saħħa.

[2] Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006.

[4] Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

[5] Ir-Russja, l-Ukrajina, is-Serbja, il-Montenegro, l-Albanija, il-Bożnja-Ħerżegovina, FYROM, u r-Repubblika tal-Moldova.

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

[7] Id-Direttiva 2004/82/KE.

[8] ĠU L 105 tat-13.4.2006, p. 1.

[9] KUMM(2007) 654.

[10] Ara l-valutazzjoni ta' l-impatt għall-istima taċ-ċifri.

[11] Il-Kummissjoni inkludiet il-ħolqien ta' sistema ta' dħul-ħruġ u l-introduzzjoni ta' skema ta' faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri fost l-iżviluppi possibbli fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-interoperabilità msaħħa u s-sinerġiji fost il-banek tad- data Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni - KUMM(2005) 597, ta' l-24 ta' Novembru 2005 - u l-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Prijoritajiet tal-Politika fil-ġlieda kontra l-Immigrazzjoni Illegali ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi - KUMM(2006) 402, tad-19.7.2006.

[12] Membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-UE; ċittadini oħra taż-ŻEE u ta' l-Iżvizzera, inklużi membri tal-familja.

[13] Ir-RAPID Portugiża hija eżempju ta' sistema bħal din li diġà qed titħaddem.

[14] Ir-Regolament tal-Kunsill 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-Bijometriċi fil-Passaporti.

[15] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 2909 tat-28 ta’ Ġunju 2006.