52008DC0038

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' Forum biex jiġu diskussi l-linji ta' politika u l-prattika tal-ġustizzja ta' l-UE /* KUMM/2008/0038 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.2.2008

KUMM(2008) 38 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Dwar il-ħolqien ta' Forum biex jiġu diskussi l-linji ta' politika u l-prattika tal-ġustizzja ta' l-UE

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Dwar il-ħolqien ta' Forum biex jiġu diskussi l-linji ta' politika u l-prattika tal-ġustizzja ta' l-UE

1. INTRODUZZJONI

1. Fl-2004, il-Kunsill Ewropew adotta l-Programm ta' l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea[1] u sejjaħ għat-twaqqif ta' "sistema li tipprovdi għal evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali ta' l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika ta' l-UE fil-qasam tal-ġustizzja bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-indipenza tal-ġudikatura". Dan kien awtorizzat ukoll permezz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew fi Frar ta' l-2005[2]. Il-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' l-Aja[3] innota li dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

2. F'kull stadju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-ġustizzja hemm bżonn djalogu mal-partijiet interessati, sabiex jiġi eżaminat il-mod kif tista' titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja u jiġi promoss il-qasam Ewropew tal-Ġustizzja, biex jiġu deċiżi l-miżuri li għandhom jiġu adottati, biex jiġi mistħarreġ jekk l-istrumenti adottati humiex trasposti u implimentati b'mod korrett u jekk humiex qed jiġu użati kif suppost u jilħqu l-għanijiet tagħhom. B'mod ġenerali, għandna bżonn inkunu nafu jekk il-qasam Ewropew tal-ġustizzja hux qed jopera b'mod effiċjenti u jekk dawk li qed jużawh u jaħdmu fih humiex sodisfatti.

3. Il-Kummissjoni fi ħsiebha twaqqaf Forum tal-Ġustizzja ("il-Forum") li jipprovdi mekkaniżmu permanenti biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati, jirċievi feedback u janalizza l-linji ta' politika u l-prattika ta' l-UE fil-qasam tal-ġustizzja b'mod trasparenti u oġġettiv. Il-Forum se jqis ukoll differenzi bbażati fuq it-trattat, fil-linji ta' politika dwar kwistjonijiet ċivili u kriminali. Se jkollu żewġ sferi ewlenin ta' attività, (1) li jipprovdi lill-Kummissjoni opinjonijiet speċjalizzati dwar il-leġiżlazzjoni u l-politika ta' l-UE fil-qasam tal-ġustizzja, u (2) li jippromwovi fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudizzjarji ta' l-UE billi jtejjeb il-modi kif jistgħu jifhmu aktar lil xulxin.

4. Djalogu miftuħ bejn il-partijiet kollha tas-sistemi tal-ġustizzja madwar l-UE kollha għandu jikkoltiva fiduċja reċiproka b'diversi modi. Se jkollu impatt fuq iċ-ċittadin li allura jkun jista' jaċċetta u jirrispetta aħjar is-sistema ta' l-UE fil-qasam tal-ġustizzja jekk jifhem kif u għaliex topera fil-livell domestiku. Hemm bżonn li jkun hemm fiduċja fil-livell politiku għaliex l-istrumenti ta' l-UE jridu jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali. Fl-aħħar, mhux biss iċ-ċittadini, imma wkoll il-prattikanti, b'mod partikolari l-imħallfin, għandhom bżonn li jifhmuhom u jaċċettawhom u għalhekk hemm bżonn li jkunu personalment konvinti bil-ħtieġa tagħhom u kemm huma effettivi. Jekk ikun hemm nuqqas ta' fiduċja f'xi wieħed minn dawn il-livelli jkun ifisser li s-sistema mhix taħdem kif suppost.

5. Kull ċittadin ta' l-UE huwa intitolat li jistenna ġustizzja ta' kwalità tajba kullimkien fi ħdan il-fruntieri. Dan huwa aktar importanti minħabba li l-Kunsill Ewropew ta' Tampere ta' l-1999 iddikjara li l-prinċipju ta' rikoxximent reċiproku għandu jkun il-"bażi fundamentali taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja." Għaldaqstant id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiċċirkolaw b'mod ħieles fi ħdan l-UE b'mod veloċi mingħajr l-iċċekkjar u s-salvagwardji tradizzjonali. Madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem biss jekk ikun hemm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Il-Programm ta' l-Aja iddikjara li l-kwalità tal-ġustizzja hija fattur ewlieni fit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka: "F'Unjoni Ewropea imkabbra, il-fiduċja reċiproka għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċertezza li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għal sistema ġudizzjarja li jkollha livelli għolja ta' kwalità."

6. Djalogu regolari dwar il-linji ta' politika u l-prattika fil-qasam tal-ġustizzja huwa ta' importanza fundamentali, mhux biss biex isaħħaħ il-fiduċja reċiproka, itejjeb ir-rikonoxximent reċiproku u l-aċċess għall-ġustizzja, imma b'mod aktar ġenerali għall-mod kif taħdem is-soċjetà f'kuntest aktar wiesa'. Aspett li jrid jiġi kkunsidrat huwa l-impatt ekonomiku ta' sistema sana tal-ġustizzja. L-Istrateġija ta' Liżbona[4] taspira lejn ekonomija vibranti Ewropea. Hemm rabta bejn sistemi tajba tal-ġustizzja u ekonomiji dinamiċi. Klima ġudizzjarja ta' min jorbot fuqha hija ta' vantaġġ fl-ambjent globali kompetittiv tal-lum u l-isforzi ta' l-UE f'dan ir-rigward għandhom jikkumparaw tajjeb ma' dawk ta' l-Istati Membri.

7. F'Ġunju ta' l-2006, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-linji ta' politika ta' l-UE dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja[5]. ("il-Komunikazzjoni ta' Ġunju ta' l-2006"). L-attivitajiet tal-Forum għandhom ikunu f'armonija mal-mekkaniżmu stabbilit mill-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2006 billi jikkumplimentaw il-ġbir ta' l-informazzjoni/konsultazzjoni mal-partijiet interessati, u l-fażijiet ta' rappurtaġġ u evalwazzjoni fil-fond.

8. F'Settembru ta' l-2006, il-Kummissjoni laqqgħet grupp ta' esperti sabiex jevalwaw is-saħħa ta' l-appoġġ għall-Forum. Il-feedback kien jindika li l-partijiet interessati jaqblu ma' l-inizjattiva u jaqblu mal-Kummissjoni illi Forum tal-Ġustizzja jservi biex jippromwovi fiduċja reċiproka fuq diversi livelli. Prattikanti u esperti oħra qablu li jkun xieraq li l-veduti, l-esperjenza u l-kompetenza tagħhom tiġi meqjusa matul il-proċess tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

2. L-GĦANIJIET TAL-FORUM

2.1. X' hemm bżonn li jsir?

9. Bħalissa m'hemmx djalogu regolari jew kanal stabbilit ta' komunikazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' l-UE u l-prattikanti biex jiddiskutu kemm il-ħsieb wara proposta għal leġiżlazzjoni jew l-impatt ta' strumenti adottati fuq il-mod kif tiffunzjona l-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq bażi ta' kuljum. L-istrumenti adottati għandhom ikunu evalwati fiid-dawl ta' l-effett tagħhom fuq is-sistemi nazzjonali.

10. Il-prattikanti li se jkunu f'kuntatt u se jaħdmu bil-miżuri Ewropej għandhom jagħtu sehemhom fi stadju bikri. Ladarba l-miżura tkun adottata, għandhom jiġu eżaminati l-limiti sa fejn tista' tintuża, jekk tilħaqx l-għanijiet li għalihom kienet imfassla u l-ispejjeż li saru biex jintlaħaq il-għan, inklużi xi konsegwenzi li ma kinux previsti jew maħsuba.

11. L-għanijiet ewlenin tal-Forum se jkunu li jtejjeb il-formulazzjoni tal-politika fl-oqsma tal-ġustizzja ċivili u kriminali billi jipprovdi pjattaforma permanenti għal djalogu bejn il-partijiet kollha interessati u billi janalizza l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti li jkunu qed jintużaw u jikkontribwixxi għal aktar fiduċja reċiproka fuq livell Ewropew.

2.1.1. Il-kontribuzzjoni għall-fażi ex ante ta' evalwazzjoni

12. Sal-lum, l-orjentazzjonijiet tal-politika u l-programm leġiżlattiv ta' l-UE fil-maġġoranza tagħhom tfasslu mingħajr is-sehem tal-prattikanti fil-fażi inizjali. Is-sehem tal-prattikanti f'dak l-istadju dejjem kien utli meta kien hemm iż-żmien biex tiġi ppreżentata Green Paper qabel tiġi abbozzata proposta. Il-Forum se jipprovdi opportunità ta' djalogu fl-istadju tat-tfassali tal-politika. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni hija impenjata lejn sistema ta' Studju Estiż ta' l-Impatt (li tinkludi eżaminazzjoni ta' kull impatt fuq il-jeddijiet fundamentali) qabel ma tadotta proposta. Il-kompetenza prattika tal-Forum se tintuża biex tgħin fit-tħejjija għall-Istudji Estiżi ta' l-Impatt.

2.1.2. L-analiżi ta' l-implimentazzjoni legali u prattika ta' l-istrumenti

13. Bosta mill-istrumenti adottati fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u ċivili jirrikjedu li l-Kumissjoni tħejji rapport ta' evalwazzjoni fuq l-applikazzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni domestika. F'dan l-istadju[6] l-Kummissjoni tkun tista' tikkonsulta mal-Forum.

14. Konsultazzjoni mal-Forum tkun partikolarment xierqa fejn tidħol l-implimentazzjoni prattika. Fil-qasam ċivili, l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati taħt Titlu IV hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) skond l-Artiklu 68 TKE. Aktar minn hekk, il-mekkaniżmu ta' sorveljanza taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE jippermetti lill-Kummissjoni ddur għall-ECJ jekk xi Stat Membru ma jonorax l-obbligi tiegħu. Għall-ġustizzja kriminali, mekkaniżmu stabbilit permezz ta' Azzjoni Konġunta fl-1997[7] għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata intużat għal tliet ċikli evalwattivi: darba dwar l-operazzjoni prattika ta' l-assistenza legali reċiproka, darba dwar il-politika ta' kontra d-droga u darba dwar l-iskambji ta' l-informazzjoni fuq l-infurzar tal-liġi fi ħdan l-Istati Membri u mal-Europol. Ir-raba' ċiklu, dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, beda fl-2006. L-evalwazzjoni ssir permezz ta' kwestjonarju segwit minn żjara ta' studju minn gruppi ta' esperti maħtura mill-Istati Membri, megħjuna mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, bl-involviment tal-Kummissjoni. L-istess metodu jintuża fl-evalwazzjoni bejn il-pari tal-miżuri nazzjonali kontra t-terroriżmu li twaqqaf wara l-Konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-JHA[8] ta' l-20 ta' Settembru 2001. Dawn l-evalwazzjonijiet wasslu għal rapporti inklużi rakkomandazzjonijiet lil Stati Membri imma, bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel rapport dwar l-assistenza legali reċiproka[9], dawn jiqbgħu kunfidenzjali. Aktar minn hekk, il-qrati fl-Istati Membri li aċċettaw il-ġurisdizzjoni ta' l-ECJ fi kwistjonijiet militari għandhom l-għażla li jirreferu każ lill-ECJ għal sentenza preliminari taħt Artikolu 234 imma din ir-rotta tibqa' limitata .

15. Is-sistema ta' Azzjoni Konġunta hija proċess goff li jieħu fit-tul li m'huwiex ġustifikat għal kull strument, għalhekk xi strumenti ma jiġux evalwati wara l-implimentazzjoni. Il-Forum se joffri qafas għall-iskambju ta' informazzjoni prattika fuq l-applikazzjoni konkreta ta' l-istrumenti u għaldaqstant jippermetti li ssir evalwazzjoni aħjar ta' l-impatt tagħhom fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

2.1.3. Il-kontribuzzjoni lejn l-evalwazzjoni ta' l-impatt globali fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u fuq it-tħaddim tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-miżuri ta' l-UE

16. L-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati kemm mill-perspettiva leġiżlattiva u kemm minn dik prattika m'hijiex suffiċjenti jekk ma jkunx hemm eżami ta' l-impatt ta' dawn l-istrumenti fuq l-għanijiet ġenerali tal-politika, jiġifieri fuq it-tħaddim tal-qasam ġudizzjarju Ewropew b'mod sħiħ.

17. Hemm il-ħtieġa ta' eżami aktar globali ta' l-impatt tal-linji ta' politika ta' l-UE li jistgħu jippermettu t-tfassil ta' kriterji sabiex ikun jista' jingħata ġudizzju dwar jekk il-miżura tkunx:

- laħqet l-għan speċifiku tagħha (per eżempju, l-għan tal-Mandat ta' l-Arrest Ewropew kien li jissimplifika u jħaffef l-estradizzjoni fi ħdan l-UE),

- ikkontribwiet għal għan globali ta' l-UE (eż. l-iffaċilitar u t-tħaffif tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, iż-żieda ta' l-effiċjenza ta' l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-UE, it-titjib ta' l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini ta' l-UE, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka),

- Kellha xi konsegwenzi mhux previsti (pożittivi jew negattivi).

18. Fejn hu meħtieġ, tista' ssir analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji, bil-kunsiderazzjoni ta' kriterji finanzjarji u mhux finanzjarji.

2.1.4. Kontribuzzjoni lejn djalogu fuq il-kwalità tal-ġustizzja bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka

19. Il-Forum se jipprovdi opportunità għal diskussjoni u djalogu dwar is-sistemi differenti tal-ġustizzja u b'hekk tiġi promossa fiduċja reċiproka billi jitjieb l-għarfien tas-sistemi ġudizzjarji fl-UE. Ir-Rappreżentanti tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja għandhom jiltaqgħu regolarment flimkien sabiex jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet u jiskambjaw u, fejn hu xieraq, ifasslu l-aħjar prattika.

20. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2005 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku u t-tisħiħ ta' fiduċja reċiproka fi ħdan l-UE[10], il-Kummissjoni ddeskriviet kif kien fi ħsiebha tippromwovi fiduċja reċiproka permezz ta' serje ta' miżuri laterali (tisħiħ ta' miżuri evalwattivi, promozzjoni ta' networking bejn il-prattikanti tal-ġustizzja u l-iżvilupp tat-taħriġ ġudizzjarju). Il-Forum se jkollu sehem fl-ewwel tnejn minn dawn l-attivitajiet, u jista' jkollu xi impatt fuq it-tielet. Intwera li l-fatt li l-prattikanti jkollhom kuntatt ma' xulxin jippromwovi fiduċja reċiproka. Dawn il-miżuri laterali jwasslu sabiex wieħed jifhem aħjar, mhux biss il-miżuri ta' l-UE, imma wkoll is-sistemi nazzjonali. Per eżempju, fil-kuntest tal-Programm ta' Skambju għall-Awtoritajiet Ġudizzjarji[11]. il-kuntatti li ġew żviluppati bejn il-prattikanti iffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet konkreti u ppermettiet lill-prattikanti li jidentifikaw prattiċi tal-qorti tajbin (eż. Fir-rigward ta' immaniġġar tal-qorti, dati ta' skadenza jew appoġġ għall-vittmi) u bħala riżultat tejbu l-prattika tagħhom stess. Dawn l-attivitajiet għandhom jintużaw b'mod aktar sistematiku sabiex l-effett tagħhom jiġi amplifikat. Fil-qasam ċivili ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda huwa pass ieħor importanti 'l quddiem biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. In-Netwerk Ġudizzjrju Ewropew fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu rwol importanti fil-promozzjoni ta' l-iskambju ta' prattika tajba.

2.2. Ħidma effettiva mal-Kunsill ta' l-Ewropa

21. Hemm diversi mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u valutazzjoni settorjali taħt il-Kunsill ta' l-Ewropa[12] li jaħdmu b'metodu simili. L-aktar relevanti għall-bini ta' fiduċja reċiproka fi ħdan l-UE hija l-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) li taħdem bit-tir li ttejjeb il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji ta' l-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Ix-xogħol ċentrali tas-CEPEJ huwa li tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju u r-regoli dwar l-effiċjenza tal-ġustizzja fl-Istati Membri. Ir-Rapport ta' l-2006 għall-Evalwazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji Ewropej fih data dettaljata dwar l-istat tal-ġustizzja.

22. Huwa essenzjali għall-UE li tkun konsisteni ma' l-attivitajiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa imma fl-istess ħin tevita d-duplikazzjoni tax-xogħol tas-CEPEJ. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-CEPEJ għandha tkompli u għandha tinkludi inizjattivi komuni biex ittejjeb il-kwalità tal-ġustizzja u ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

23. Il-Forum se jikkontribwixxi għal tali kooperazzjoni, eż. billi jagħmel użu mir-riżultati tas-CEPEJ u jaħdem b'manjiera kostruttiva mas-CEPEJ. Rappreżentant tas-CEPEJ għandu jkun inkluż fil-Forum.

24. Huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu l-ispeċifiċitajiet ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-għan ta' aċċess aħjar għall-ġustizzja, bħala riflessjoni tal-livell għoli ta' integrazzjoni li kull Stat Membru taq' l-UE jaspira għalih. Jistgħu jsiru b'mod utli studji speċifiċi billi jintuża x-xogħol tas-CEPEJ. Kwistjonijiet bħall-kwalità ta' interpretazzjoni fil-qorti jew fis-servizzi tal-qorti mill-punt di vista ta' dawk li jagħmlu użu minnhom, billi jigi adottat "il-metodu min-naħa tal-klijent", huma xierqa li jiġu studjati b'dan il-mod.

3. IR-RWOL TAL-FORUM

3.1. Ir-Reviżjoni tal-Ġustizzja ta' l-UE

3.1.1. Il-fażi ex ante

25. Il-Forum se jkun mistieden biex jikkummenta, biex jagħti pariri u biex jipprovdi kompetenza fl-aktar stadju bikri possibbli tat-tfassil ta' programmi leġiżlattivi. Ladarba tittieħed deċiżjoni li hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell ta' UE dwar xi qasam speċifiku, il-Forum se jkun ikkonsultat dwar l-implikazzjonijiet prattiċi ta' kull linja politika li tista' tittieħed u jista' jintalab li jikkontribwixxi speċifikament fit-tfassil ta' l-EIA għal dik il-miżura.

3.1.2. Ir-Reviżjoni ta' l-implimentazzjoni legali u prattika

26. Għall-ġustizzja kriminali, ix-xogħol evalwattiv tal-Kummissjoni jiffoka essenzjalment fuq l-implimentazzjoni legali ta' l-istrumenti. Fil-prattika, l-impatt tar-rapporti tal-Kummissjoni jkun ridott minħabba n-nuqqas tal-Kunsill li jeżaminahom sew u jsegwihom. Is-sitwazzjoni tkompli taggrava minħabba nuqqas ta' rimedju quddiem l-ECJ fil-każ ta' nuqqas ta' konformità.

27. Għall-ġustizzja ċivili, l-istudji li jitħejjew qabel ma jiġi ppreżentat ir-rapport li jevalwa l-applikazzjoni ta' strument leġiżlattiv jistgħu jagħtu deskrizzjoni utli tas-sitwazzjoni kurrenti, imma r-rapporti m'humiex mitluba għall-istrumenti kollha li huma fis-seħħ u l-perjodiċità tagħhom ma tippermettix il-kunsiderazzjoni ta' problemi relatati ma' l-applikazzjoni ta' strumenti kkonċernati.

28. Il-Kummissjoni ma tqisx li f'dan l-istadju hemm bżonn li tiġi ppreżentata leġiżlazzjoni f'dan il-qasam. Madankollu, ladarba l-Forum jitwaqqaf, dan il-bżonn jerġa' jiġi kkunsidrat u b'mod partikolari, sa fejn għandhom x'jaqsmu materji kriminali, jiġi mistħarreġ il-bżonn li l-Azzjoni Konġunta ta' l-1997 tiġi riveduta.

3.1.3. Ħarsa lejn kif taħdem il-kooperazzjoni ġudizzjarja b'mod sħiħ

29. Minħabba li l-Forum se jkun magħmul l-aktar minn prattikanti, rappreżentanti ta' l-aaministrazzjonali nazzjonali tal-ġustizzja u akkademiċi, se jipprovdi perspettiva differenti u jkun jista' jipprovdi approċċ globali lejn kooperazzjoni ġudizzjarja meta wieħed jaraha b'mod sħiħ, fejn meħtieġ, kif ukoll eżaminazzjoni aktar speċifika ta' miżuri ta' l-UE.

30. Il-Forum se jkun qed jintuża wkoll f'dan l-istadju tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà. Il-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2006 tistabbilixxi l-mekkaniżmu evalwattiv tad-Direttorat Ġenerali, maqsum fi tlieta u jkopri l-oqsma ta' politika kollha tiegħu. L-ewwel pass jikkonċerna t-twaqqif ta' sistema ta' ġbir u skambju ta' informazzjoni (billi jintużaw fuljetti ta' tagħrif imfassla apposta). Għandhom jiġu koperti l-għanijiet ta' politika u ta' l-istrumenti ewlenin. It-tieni pass huwa r-reviżjoni u l-analiżi ta' din l-informazzjoni. It-tielet pass jirrikjedi l-evalwazzjoni speċifika[13] ta' oqsma partikolari ta' politika jew strumenti. Il-mekkaniżmu huwa maħsub sabiex ikun komprensiv u biex jiġbor fih il-linji ta' politika kollha li jikkonċernaw id-Direttoar Ġenerali tal-Ċustizzja, Libertà u Sigurtà, jibni fuq il-prattiki kurrenti u juża d-data eżistenti. L-Istati Membri u s-soċjetà ċivili għandhom jintalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom, liema fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati. Il-Kummissjoni tipprova tevita duplikazzjoni ta' sforzi fil-livelli ta' l-UE u dawk nazzjonali u bħalissa għaddejja f'diskussjonijiet mal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu preċiż u dwar kif għandha tiġi użata bl-aħjar mod ix-Xibka ta' Persuni ta' Kuntatt li twaqqfet fi ħdan il-Kummissjoni. Ix-xogħol tal-Kummissjoni jidħol fil-mekkaniżmu evalwattiv ġenerali. Hu jipprovdi l-kompetenza konkreta meħtieġa għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati[14] u għall-fażi ta' l-evalwazzjoni fil-fond[15]. Wieħed mir-rwoli tal-Forum se jkun li jissuġġerixxi oqsma fejn għandu jsir studju fil-fond u li jagħmel superviżjoni u jimmaniġġa tali studji.

3.1.4. It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

31. Billi jġib il-professjonisti flimkien b'mod regolari u jippromwovi l-iskambju ta' ideat dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-UE, fuq il-linji ta' politika tal-ġustizzja ta' l-UE u fuq l-interazzjoni tagħhom mas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja, il-Forum se jkollu rwol ċentrali fit-titjib ta' ftehim min-naħat kollha, fil-bini gradwali ta' kultura ġudizzjarja komuni u fil-promozzjoni ta' fiduċja reċiproka.

4. IL-KOMPOżIZZJONI U L-METODI TAX-XOGħOL TAL-FORUM

4.1. Kompożizzjoni

32. L-Informazzjoni għandha tinġabar minn diversi sorsi: Stati Membri, korpi ġudizzjarji, prattikanti, organizzazzjonijiet non-governattivi speċjalizzati, akkademiċi u idealment, dawk li jużaw is-sistemi tal-ġustizzja. L-Istati Membri, jekk jixtiequ, jistgħu jibgħatu delegati għas-sessjonijiet plenarji u għall-gruppi speċifiċi ta' ħidma. Ċerti delegati ta' l-Istati Membri tal-laqgħa ta' l-esperti ta' Settembru 2006 għamluha ċara li ma ridux ikunu nvoluti fi proċess impenjattiv. Għalhekk il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Forum għandha tibqa' fid-diskrezzjoni ta' l-Istat Membru, apparti mill-plenarja fejn huma mistennija jibgħatu delegati.

33. Il-Kummissjoni se tistieden rappreżentant tal-Kunsill ta' l-Ewropa, preferibbilment mis-CEPEJ, biex jieħu sehem fil-Forum sabiex iż-żewġ korpi jkunu jistgħu jsegwu x-xogħol ta' xulxin u jikkollaboraw biex jevitaw duplikazzjoni u jippromwovu l-kumplimentarjetà.

34. Il-Eurojust u x-Xbieki Ġudizzjarji Ewropej (f'materji kriminali[16], ċivili u kummerċjali[17]) għandhom ikunu rrappreżentati kif għandhom ikunu wkoll ix-xbieki professjonali relevanti Ewropej li huma attivi fil-qasam tal-ġustizzja fil-livell ta' UE. Il-Kummissjoni tagħti valur lill-kontribut ta' xbieki bħax-Xibka Ewropea tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ)[18], ix-Xibka Ewropea tal-Presidenti tal-Qrati Supremi[19], l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat[20], l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' l-Imħallfin Amministrattivi, il-Kunsill ta' l-Avukaturi ta' l-Unjoni Ewropea (CCBE)[21]; l-Assoċjazzjoni ta' l-Imħallfin u l-Presekuturi ta' l-Ewropa[22], l-Assoċjazzjoni ta' l-Avukatura Kriminali Ewropea (ECBA)[23], il-Eurojustice[24], ix-Xibka Notarili Ewropea[25], PEOPIL (l-organizzazzjoni pan-Ewropea ta' l-avukati dwar il-korrimenti personali)[26] u x-Xibka ta' Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew. Il-Kummissjoni se tistieden lill-organizzazzjonijiet non-governattivi speċjalizzati li jirrappreżentaw utenti tas-sistema (eż. MEDEL, JUSTICE, Amnesty International, Victim Support Europe[27]) biex jattendu l-Forum. Esperti Ġudizzjarji mill-pajjiżi kandidati se jiġu nklużi wkoll.

35. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tinvolvi xbieki akkademiċi (in-Netwerk Akkademiku dwar il-Liġi Krimiali ECLAN, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Liġi Penali AIDP, Eurodefensor) bil-għan li tippromwovi approċċ xjentifiku u oġġettiv, u biex tagħmel possibbli skambju robust ta' ideat billi tinkludi esperti li għandhom fehmiet differenti. Il-Kummissjoni wkoll fi ħsiebha tinkludi l-ECJ u l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali bl-aktar mod xieraq possibbli.

36. Skond is-suġġett li jkun qed jiġi dikuss, membri ad hoc jistgħu jiġu mistiedna jekk ikollhom kompetenza fil-qasam in kwistjoni. Ċerti organizzazzjonijiet nazzjonali, professjonali (eż. Assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' l-Avukatura) urew interess f'miżuri speċifiċi. Il-perspettiva tagħhom hija differenti mill-kontropartijiet tagħhom fil-livell Ewropew u l-kontribut tagħhom se jintuża fuq bażi ad hoc jekk huma jkunu jixtiequ hekk.

4.2. Il-metodi tax-xogħol tal-Forum

37. Il-Forum se jiltaqa' regolarment, diversi drabi fis-sena. Se jiltaqa' f'sessjoni plenarja darba fis-sena u f'sotto-gruppi li se jiltaqgħu kemm ikun meħtieġ[28]. Is-sottogruppi se jiġu kkostitwiti fuq il-bażi ta' oqsma ta' interess speċifiċi jew kwistjonijiet li jiġu identifikati bħala dawk li għandhom bżonn l-attenzjoni, b'uħud ikopru l-ġustizzja ċivili u oħrajn materji tal-ġustizzja kriminali u jeżaminaw suġġetti partikolari, bħall-aċċess għall-għajnuna legali, sodisfazzjon ta' l-utent bis-sistema tal-Qorti (eż. ħeffa u ġustizzja), trattament tal-vittmi, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, smigħ tal-partijiet, rispett għad-drttijiet ta' smigħ xieraq, infurzar rapidu tat-talbiet u aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi.

38. Il-Forum jista' jiġi nterpellat fuq bażi ad hoc biex jgħin fil-provvediment ta' evalwazzjoni esterna fl-abbozzar tar-Rapport tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-Forum se jieħu sehem f'eżerċizzji mfassla sabiex jevalwaw traspożizzjonijiet b'suċċess (fl-aħħar tad-data ta' l-iskadenza tat-traspożizzjoni) u s-suċċess ta' miżuri f'data ulterjuri (bħal 5 snin minn meta jidħlu fis-seħħ).

39. Kull organizzazzjoni li hi membru tal-Forum għandha tappunta persuna fissa ta' kuntatt li għandha taħdem sabiex tattendi għal kull sessjoni sabiex tippermetti kontinwità fid-dibattitu. Jekk il-persuni ta' kuntatt jiltaqgħu b'mod regolari u jsiru jafu lil xulxin, dan jiffaċilità l-kontinwità, skambji aktar ħielsa u diskussjonijiet aktar sinċiera.

40. Aspett importanti tax-xogħol tal-Forum se jkun li jidentifika l-aħjar prattika. Skambju ta' l-aħjar prattika jista' jiġi promoss permezz ta' proġetti taħt il-programmi finanzjarji ta' l-UE.

41. Il-Forum ikun involut fl-għażla tar-rebbieħ tal-premju "Miżien tal-Kristall tal-Ġustizzja." Fl-2005 il-Kummissjoni u l-Kunsill ta' l-Ewropa ħolqu l-premju Ewropew "Miżien tal-Kristall tal-Ġustizzja" li jingħata kull sentejn għall-prattika innovattiva fl-organizzazzjoni tal-ġustizzja ċivili u l-proċedura fil-qrati ta' l-Ewropa, sabiex tiġi promossa ħidma aħjar tas-sistema pubblika tal-ġustizzja ċivili. Il-Kummissjoni qed tippjana biex twaqqaf premju kumplimentari bijennali għal proġett transnazzjonali mfassal biex itejjeb l-għarfien reċiproku u l-iskambju ta' l-aħjar prattika fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Il-premju jingħata f'dawk is-snin meta ma jkunx qed jingħata l-premju għall-ġustizzja ċivili. Il-proġetti eliġibbli jinkludu studji komparattivi u/jew proġetti konkreti ta' kooperazzjoni bbażati fuq il-ġemellaġġ tal-qrati, uffiċċji tal-prosekuzzjoni, amministrazzjonijiet ta' l-Avukartura jew tal-ħabs/probation.

42. Ix-xogħol tal-Forum se jinkludi l-eżaminazzjoni tal-kwistjoni ta' l-istatistika. Bħalissa, hemm nuqqas ta' statistika kompatibbli[29] li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel is-sistemi tal-ġustizzja b'metodu ta' min jorbot fuqu, imma huwa mistenni titjib f'dan ir-rigward. Fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, l-istatistika se tinġabar b'mod aktar sistematiku issa li twaqqaf grupp ta' esperti ta' l-UE għal dan il-għan[30]. Il-grupp ta' Esperti fuq il-ħtiġijiet ta' politika ta' data dwar kriminalità u ġustizzja kriminali twaqqaf u ltaqa' darbtejn (April u Diċembru) matul l-2007. Żewġ sotto-gruppi dwar suġġett speċifiku twaqqfu wara diskussjonijiet fil-laqgħa t'April. Is-suġġetti koperti kienu t-Traffikar tal-Bnedmin u l-Ħasil tal-Flus. Ġie deċiż li jitwaqqaf sotto-grupp ta' Esperti li jiffoka fuq l-istatistika dwar il-ġustizzja kriminali. Fir-rigward tal-ġustizzja ċivili, l-istatistika hija disponibbli minn studji speċifiċi u studji ta' l-impatt. Il-Forum se jassisti lill-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha fuq din l-istatistika, ittejjeb il-metodi ta' l-istatistika u tagħmel użu aħjar mid-data disponibbli.

43. Se jitwaqqaf sit elettroniku bil-għan li jxerred is-sejbiet tal-Forum u jippromwovi djalogu u konsultazzjoni. Se jkun post permanenti għad-diskussjoni bejn il-membri tal-Forum u se jiffaċilita skambji mal-partijiet interessati u ċittadini oħra. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol u l-istudji tal-Forum se jkunu mqiegħda fis-sit elettroniku.

44. Il-Kummissjoni se tippubblika Rapport dwar l-attivitajiet tal-Forum, li se jitpoġġa quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fuq bażi regolari.

5. KONKLUżJONI

Il-Forum se jipprovdi lill-Kummissjoni b'għodda unika biex tifhem aħjar l-impatt ta' l-istrumenti eżistenti ta' l-UE, il-ħtieġa ta' strumenti ġodda u b'mod aktar wiesa', biex tippromwovi l-fiduċja reċiproka. Billi tipprovdi post fejn l-esperjenzi differenti u punti di vista kontrastanti se jkunu jistgħu jiġu mqabbla fuq bażi regolari, se twassal għal għarfien reċiproku akbar u biex wieħed jifhem aħjar sistemi oħra. Ir-regolarità ta' dawn il-laqgħat, il-firxa ta' kompetenzi u l-kontribut tas-setturi kollha tas-sistema tal-ġustizzja se jgħinu t-twaqqif ta' l-evalwazzjoni sistematika, oġġettiva u imparzjali li tħabbret fil-Programm ta' l-Aja.

[1] ĠU 3.3.2005 C 53 p.1, para 3.2

[2] Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-kwalità tal-ġustizzja kriminali u l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali fl-Istati Membri: A6-0036/2005.

[3] ĠU 12.08.2005 C198 p.1, para 4.1

[4] Waqt il-Kunsill Ewropew f'Liżbona (23/24 ta' Marzu 2000), il-Kapijiet ta' L-Istat/Gvern niedew l-Istrateġija ta' Liżbona bil-għan li jagħmlu lill-UE l-aktar ekonomija kompetittiva fid-dinja u biex jinkiseb xogħol għal kull min irid jaħdem sa l-2010.

[5] COM (2006) 332 finali ta’ 28.6.2006

[6] Eż. il-Konklużjinijiet tal-Kunsill fuq il-Warrant Ewropew ta' l-Arrest f'Ġunju ta' l-2005 appellaw lill-Kummissjoni biex tikkonsulta ma' l-Istati Membri qabel ma toħroġ ir-rapport sabiex tevita xi nuqqas ta' ftehim li jista' jkun hemm tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

[7] Permezz ta' Azzjoni Konġunta 97/827/JHA, adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Diċembru 1997.

[8] Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/996/JHA tat-28 ta' Novembru 2002 li Tistabbilixxi Mekkaniżmu għall-Evalwazzjoni tas-Sistemi Legali u l-Implimentazzjoni Tagħhom fuq Livell Nazzjonali fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (JO L 349, 12/24/2002)

[9] Rapport Finali, assistenza l;egali Reċiproka fi kwistjonijiet kriminali (2001/C 216/02)

[10] COM (2005) 195 tad-19.5.2005

[11] Fil-Programm Annwali ta' Ħidma ta' l-2007

[12] Eż. GRECO (Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni), MONEYVAL (Kumitat Selettiv ta' esperti fuq il-valutazzjoni tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus) li kienu mmudellati fuq il-FATF, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament jew Punizzjoni Inumana (CPT) u GRETA (li ġew stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin).

[13] Sezzjoni 4.1 tal-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2006

[14] Sezzjoni 4.1 tal-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2006

[15] Ibid. para. 32

[16] http://www.ejn-crimjust.eu.int

[17] http://ec.europa.eu/civiljustice/

[18] http://195.55.151.16/encj/

[19] http://www.uepcsj.org/uk/rpcsjue.php?nopage=187

[20] http://www.juradmin.eu

[21] http://www.ccbe.org/

[22] http://www.amue-ejpa.org

[23] http://www.ecba.org/

[24] http://www.eurojustice.org/

[25] http://www.cnue.eu

[26] http://www.peopil.com

[27] http://www.eurojustice.org/

[28] L-ispejjeż ta' l-azzjonijiet li għalihom saret referenza f'din il-Komunikazzjoni se jitħallsu permezz ta' l-istrumenti finanzjarji relevanti (b'mod partikolari l-programm tal-Ġustizzja Kriminali – Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/126/JHA) taħt l-applikazzjonijiet eżistenti.

[29] Ara r-rapport CEPEJ u l-istatistiċi ta' SPACE

[30] 2006/581/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 t'Awwissu 2006 li twaqqaf grupp ta' esperti dwar il-ħtiġijiet tal-politika għal data dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali ĠU L 234 , 29.08.2006 p 29.