52008DC0032




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.1.2008

KUMM(2008) 32 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

{KUMM(2008) 33 finali}{KUMM(2008) 35 finali}{SEG(2008) 120}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjarfl-Unjoni Ewropea

I. DAĦLA

Il-Kummissjoni tat l-akbar prijorità lis-simplifikazzjoni u lit-titjib ta’ l-ambjent regolatorju fl-ambjent Ewropew. Dan huwa parti mill-għan usa’ tagħha li twassal riżultati liċ-ċittadini u lin-negozji. L-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, li ġiet adottata fl-2005, għandha l-għan kemm li tiżgura li l-inizjattivi l-ġodda kollha jkunu ta’ kwalità għolja, kif ukoll li timmodernizza u tissimplifika l-korp eżistenti ta’ leġiżlazzjoni. Meta tagħmel dan, tkun qed tgħin biex jingħata stimolu lill-intraprenditorija u lill-innovazzjoni, biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, u b’hekk ikunu promossi t-tkabbir u l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Għaldaqstant, regolamentazzjoni aħjar hija element ewlieni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi. L-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar ukoll tgħin lill-UE biex din tirreaġixxi aħjar għall-globalizzazzjoni u biex issawwar ir-regolamentazzjoni globali aktar milli tissawwar hija minnha.

Il-Kummissjoni qed tagħmel titjib f’diversi stadji taċ-ċiklu tal-politika. Regolamentazzjoni aħjar ma tfissirx deregolamentazzjoni jew li ma jiġux implimentati r-regoli l-ġodda Ewropej meta jkunu meħtieġa. Imma l-proposti ta’ politika u dawk regolatorji issa qed jiġu vvalutati b’mod sistemiku, u għal kull inizjattiva qed jiġu eżaminati firxa wiesgħa ta’ alternattivi – regolatorji u mhux regolatorji. Il-kwalità ta’ dawn il-valutazzjonijiet tiġi superviżjonata minn Bord għall-Valutazzjoni ta’ l-Impatt indipendenti. Il-liġijiet eżistenti qed jiġu simplifikati u kodifikati, u qed isir sforz ikkombinat sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-liġijiet ta’ l-UE. Il-proposti pendenti qed jiġu eżaminati u rtirati jekk ma jkunux aktar rilevanti jew konsistenti mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Bi sħubija ma’ l-Istati Membri, qed jiġi żviluppat metodu aktar effettiv sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ u biex tkun żgurata konformità mal-liġi tal-Komunità.

L-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar diġà qed iġġib benefiċċji konkreti lin-negozji u lill-konsumaturi. Iżda l-benefiċċji sħaħ ta’ regolamentazzjoni aħjar se jinkisbu biss jekk l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha jaħdmu flimkien. Din il-Komunikazzjoni qed tanalizza l-progress u tenfasizza oqsma fejn ikunu meħtieġa aktar sforzi, u hija kontribuzzjoni għall-evalwazzjoni tal-Kunsill Ewropew rigward regolamentazzjoni aħjar ta’ Marzu 2008.

II L-IMMODERNIZZAR TAL-ġABRA TA' LEġIżLAZZJONI EżISTENTI

Il-leġiżlazzjoni Ewropea ta’ spiss tissimplifika l-affarijiet għan-negozji, għaċ-ċittadini u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi billi tissostitwixxi 27 sett ta’ regoli b’sett wieħed biss. Imma f’dinja li qed tinbidel malajr, il-leġiżlazzjoni li ġiet adottata tul l-aħħar 50 sena trid tkun kostantement riveduta u modernizzata.

1. Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni tal-Kummissjoni għandu l-għan li jissimplifika u jimmodernizza l-leġiżlazzjoni ta’ l-UE. Ikopri 164 miżura għall-2005-2009 u issa huwa parti mill-programm ta’ ħidma annwali. Il-Kummissjoni diġà proponiet jew adottat 91 minnhom, u fl-2008 se tippreżenta 44 miżura ġdida.

L-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni jġib benefiċċji konkreti. Il-bdiewa u l-kumpaniji agrikoli, pereżempju, issa qed jiffaċċjaw qafas regolatorju ferm simplifikat : 21 Organizzazzjoni tas-Suq Komuni nġiebu fi skema waħda. In-negozji qed igawdu minn regoli għall-ippakkjar aktar sempliċi, hekk kif ir-rekwiżiti għal qabel l-ippakkjar fuq xi 70 prodott ta’ konsum ġew revokati. Ġew introdotti tnaqqis fil-ħlasijiet u għajnuna amministrattiva għall-SMEs li jirreġistraw il-prodotti farmaċewtiċi. L-approvazzjoni tat-tip siannwali simplifikata se tagħmilha aktar faċli li wieħed jirreġistra u jbigħ vetturi bil-mutur filwaqt li se żżomm l-istandards tas-sikurezza. Suq tal-pagamenti aktar effiċjenti u kompetittivi se jagħmel kwalunkwe pagamenti madwar l-Unjoni Ewropea faċli, irħas u siguri daqs il-pagamenti fi ħdan Stat Membru. In-negozji se jibbenefikaw minn regoli ta’ l-assigurazzjoni aktar sempliċi hekk kif ir-reviżjoni tal-liġi eżistenti ta’ l-assigurazzjoni (Solvency II) tiġi adottata fil-ġejjieni qrib. Dawn se jibbenefikaw ukoll minn kodiċi doganali mmodernizzat, u diġà qed jibbenefikaw mill-ħolqien ta’ ambjent bla karti għad-dwana u l-kummerċ.

Din il-ħidma fuq is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE laħqet veloċità kostanti. Il-Kummissjoni se żżomm dan il-momentum. Se ttemm l-eżami bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE kollha sabiex tidentifika l-oqsma possibbli fejn jistgħu jiffokaw attivitajiet ta’ simplifikazzjoni futuriu se tintegra r-riżultati fil-programm kontinwu aġġornat ta’ simplifikazzjoni li għandu jkun ippreżentat fil-bidu ta’ l-2009. Se jkunu preparati aktar inizjattivi ta’ simplifikazzjoni b’valutazzjoni ta’ impatt[1]. Il-Kummisjoni se tagħti prijorità lis-simplifikazzjoni li tibbenefika lill-SMEs u se tinvolvi lill-partijiet interessati aktar mill-qrib fil-preparazzjoni. Se tuża wkoll is-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt sabiex tkun żgura li l-inizjattivi leġiżlattivi l-ġodda jużaw kull opportunità biex jissimplifikaw.

Il-Kummissjoni qiegħda dejjem aktar tirriformula[2] l-leġiżlazzjoni u bħalissa għaddejja bil-kodifikazzjoni[3]. Minn madwar 400 att li jistgħu jiġu kodifikati, il-Kummissjoni ffinalizzat 152: 87 ġew adottati, u 65 għadhom pendenti quddiem il-Kunsill u l-Parlament. Il-programm ta’ kodifikazzjoni għandu jkun ikkompletat fit-18-il xahar li ġejjin. Il-Kummissjoni qed tidentifika u tirrevoka wkoll atti skaduti li m’għad għandhom l-ebda effett reali, imma li għadhom fis-seħħ . Jista’ jiżdied il-pass ta’ din il-ħidma, li tkopri madwar 2500 att legali, jekk jista’ jintlaħaq ftehim dwar il-proċeduri ta’ aċċelerazzjoni għar-revoka ta’ leġiżlazzjoni skaduta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni regolarment teżamina bir-reqqa l-proposti kollha pendenti quddiem il-koleġiżlaturi sabiex tkun żgura li jibqgħu rilevanti u li jissodisfaw l-istandards ta’ kwalità. Sa mill-2005 ġiet irtirata 78 proposta, u 30 oħra ġew identifikati fil-Programm Legali u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008.

2. Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

F’Jannar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat Programm ta’ Azzjoni sabiex, sa l-2012, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji fl-UE b’25%[4]. Il-Kunsill Ewropew approva l-Programm ta’ Azzjoni f’Marzu 2007. Huwa qabel mal-mira għall-piżijiet amministrattivi li joriġinaw fl-UE u stieden lill-Istati Membri sabiex jiffissaw “miri nazzjonali ta’ ambizzjoni paragunabbli fi ħdan l-isferi ta’ kompetenza tagħhom sa l-2008”[5]. Tnax-il Stat Membru issa għamel dan[6].

Parti ewlenija tal-Programm ta’ Azzjoni hija l-kejl tal-piżijiet amministrattivi għan-negozji sabiex jissodisfaw l-obbligi li jipprovdu informazzjoni skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE u skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni. L-eżerċizzju ta’ kejl tnieda f’ Lulju 2007 u jkopri 43 biċċa ta’ leġiżlazzjoni (fi 13-il qasam prijoritarju) li huwa stmat li jammontaw għal aktar minn 80% tal-piż amministrattiv li joriġina fl-UE[7].

Mijiet ta’ obbligi fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE qed jiġu identifikati u reġistrati. Il-mod li bih il-leġiżlazzjoni nazzjonali trasponiet ir-rekwiżiti ta’ l-UE wkoll qed jiġi analizzat, bl-appoġġ ta’ Punti ta’ Kuntatt Waħdanija maħtura minn kull Stat Membru. Iż-żewġ proċessi mistennija jiġu finalizzati kmieni fl-2008. Imbagħad, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħin u l-flus li n-negozji jonfqu bħala riżultat ta’ dawn ir-rekwiżiti. Dan se juri liema obbligi jmorru lilhinn mir-rekwiżiti ta’ l-UE u b’liema spiża. Din hija l-ewwel darba li qed isir paragun fuq din l-iskala u se jgħin biex tkun identifikata l-aħjar prattika fit-traspożizzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għandhom ikunu lesti sa tmiem l-2008. L-eżerċizzju għal-liġi tal-kumpaniji miexi b’rata aktar mgħaġġla milli kien mistenni, biex sas-Sajf ta’ l-2008 il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni li tippreżenta l-proposti għal dan il-qasam. L-eżerċizzji ta’ kejl ta’ l-Istati Membri jindikaw li hemm piżijiet sostanzjali f’dan il-qasam: għaldaqstant, azzjoni bikrija għandha ġġib benefiċċji sinifikanti.

Il-Kummissjoni qed tanalizza wkoll suġġerimenti mibgħuta mill-Istati Membri u mill-parteċipanti f’konsultazzjoni onlajn dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi[8]. Se tirċievi wkoll pariri mill-“Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi” ippresjedut minn Dr Edmund Stoiber, li beda ħidmietu f’Jannar 2008. Il-membri tal-Grupp jinkludu l-mexxejja ta’ diversi entitajiet li jissuperviżjonaw programmi sabiex tinqata’ l-burokrazija żejda fl-Istati Membri, u rappreżentanti mill-industrija, mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u mill-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi, ilkoll b’esperjenza diretta ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tnaqqa il-piżijiet amministrattivi mhux neċessarji billi tippromwovi l-użu tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Sabiex jipproduċi riżultati malajr, il-Programm ta’ Azzjoni identifika wkoll 10 ‘azzjonijiet aċċelerati’ maħsuba sabiex jiġġeneraw benefiċċji sinfikanti (stamat li jilħaq €1.3 biljun) permezz ta’ bidliet relattivament minuri fil-leġiżlazzjoni sottostanti. F’madwar sitt xhur il-Kummissjoni adottat erba’ pakketti korrispondenti ta’ miżuri leġiżlattivi. Intlaħaq ftehim dwar proposta waħda permezz ta’ ko-deċiżjoni fi żmien rekord; il-ħamsa li fadal għandhom jiġu adottati kmieni fl-2008. Il-Kummissjoni se tippreżenta numru ta’ azzjonijiet aċċelerati oħra quddiem il-Kunsill tar-Rebbiegħa[9].

III. L-UŻU TAL-VALUTAZZJONI TA’ IMPATT FIL-PROĊESS TAL-POLITIKA

Is-sistema integrata ta’ valutazzjoni ta’ impatt tal-Kummissjoni qed tgħin lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE jfasslu politiki u liġijiet aħjar. Il-valutazzjoni ta’ impatt tiffaċilta teħid ta’ deċiżjonijiet informat aħjar permezz tal-proċess leġiżlattiv; ittejjeb il-kwalità tal-proposti; tippromwovi konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità; u tiżgura konsistenza ma’ għanijiet ta’ livell għoli bħall-istrateġiji ta’ Liżbona u għal Żvilupp Sostenibbli. Tagħti l-possibbiltà wkoll li l-Kummissjoni tikkomunika l-politika b’mod aktar effettiv. Sa mill-2003 il-Kummissjoni kkompletat u ppubblikat 284 valutazzjoni ta’ impatt. Dawn il-valutazzjonijiet huma pubbliċi u sommarju tagħhom huwa disponibbli fl-ilsna uffiċjali kollha[10].

Bħala parti minn bidla kulturali aktar ġenerali, il-valutazzjoni ta’ impatt saret parti mill-prattiki ta’ ħidma u mit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoi, u bidlet kif tissawwar il-politika. Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk u kif wieħed jipproċedi b’inizjattiva huma bażati fuq evidenza trasparenti, fuq il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati u fuq analiżi ta’ l-għażliet, inklużi dawk tal-ko-regolamentazzjoni u ta’ l-awto-regolamentazzjoni. Fl-2007, pereżempju, il-Kummissjoni waqqfet tliet inizjattivi ppjanati fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet ta’ impatt peress li wrew li l-azzjoni ta’ l-UE ma kinitx se żżid valur sinifikanti f’dan iż-żmien:[11] dwar l-istabbiliment ta’ proporzjonalità sħiħa bejn drittijiet ta’ kapital u ta’ kontroll; dwar l-emendi għall-14-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji fejn għandu x’jaqsam it-trasferiment transkonfinali ta’ l-uffiċċji reġistrati, u dwar il-ħarsien tax-xhieda. Huwa wkoll il-każ li s-servizzi tal-Kummissjoni qed jieħdu l-inizjattiva sabiex jagħmlu valutazzjonijiet ta’ impatt anki meta dawn ma jkunux formalment meħtieġa minnhom[12]. Il-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt jipprovdi kontroll indipendenti tal-kwalità u jgħin biex tkun żviluppata l-metodoloġija.

Il-Kummissjoni hija impenjata li ttejjeb aktar is-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt. Qed taġġorna l-metodoloġija u tikkonsolida l-valutazzjoni ta’ impatt fiċ-ċiklu ta’ politika, billi tagħmel użu mill-kompetenza interna, mis-suġġerimenti ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, ta’ l-Istati Membri u tal-partijiet interessati u mis-sejbiet ta’ l-evalwazzjoni esterna ta’ l-2007[13]. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet qed tagħmel progress fl-għanijiet tal-valutazzjoni ta’ impatt tagħha: kienet qed ittejjeb il-kwalità tal-proposti, tipprovdi għajnuna effettiva għat-teħid tad-deċiżjonijiet, u tkabbar it-trasparenza. Madankollu, identifikat ukoll il-ħtieġa li jkun iċċarat il-kunċett ta’ analiżi proporzjonata (jiġifieri, analiżi skond l-importanza tal-proposta) u b’hekk ikunu identifikati aħjar l-inizjattivi li għandhom jiġu valutati. Irrakkomandat li l-valutazzjonijiet ta’ impatt jiġu preparati fi stadju aktar bikri fil-proċess ta’ l-iżvilupp tal-politiki u li jittejjeb l-appoġġ għall-kwalità, inkluż l-aċċess għas-sorsi tad- data . L-evalwazzjoni ġibdet l-attenzjoni għal perċezzjoni li kienu qed jitwettqu wisq valutazzjonijiet ta’ impatt sabiex tkun iġġustifikata għażla ta’ politika predeterminata.

Il-Kummissjoni wieġbet billi għamlet it-titjib li se jiġi deskritt fil-qosor aktar ’l isfel. Se jsegwi titjib ieħor bħala parti mir-reviżjoni tal-Linji ta’ Gwida għall-Valutazzjoni ta’ Impatt tal-Kummissjoni li għandhom jiġu finalizzati wara li l-Kunsill Ewropew ikun irreveda l-progress f’regolamentazzjoni aħjar f’Marzu 2008.

1. Il-konsolidazzjoni tal-valutazzjoni ta’ impatt fit-tfassil tal-politiki

Is-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt hija soda u wriet x’tiswa bħala għajnuna fit-teħid tad-deċiżjonijiet, primarjament għall-Kummissjoni nfisha imma anki għall-istituzzjonijiet l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-valutazzjonijiet ta’ impatt u l-opinjonijiet korrispondenti tal-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt qed jintużaw fil-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Filwaqt li wieħed jibni fuq dan il-progress, hemm oqsma fejn is-sistema tista’ tittejjeb. Qasam wieħed huwa ż-żmien. Il-valutazzjonijiet ta’ impatt jeħtieġ li jitwettqu fi stadju aktar bikri fil-proċess ta’ żvilupp tal-politika sabiex il- possibbiltajiet alternattivi ta’ azzjoni jkunu jistgħu jiġu eżaminati bir-reqqa qabel ma proposta tiġi preżentata . Dan ifisser għażla bikrija tal-punti għall-valutazzjoni ta’ impatt u parir bikri mill-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt dwar il-ħidma pjanata. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa din il-koordinazzjoni “fl-ewwel stadji operattivi” u dan l-appoġġ għall-kwalità tal-valutazzjonijiet ta’ impatt ta’ inizjattivi ewlenin.

2. Ir-riżorsi jiġu ffokati fejn jiġi miżjud l-aktar valur

Meta tnediet is-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt , il-punti kollha fil-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni kienu suġġetti għal valutazzjoni ta’ impatt. L-esperjenza wriet li dan il-metodu jeħtieġ li jiġu rfinut. Il-valutazzjonijiet ta’ impatt għandhom jitwettqu fuq il-proposti l-aktar importanti u fuq dawk li għandhom impatti l-iktar wesgħin, irrispettivament minn jekk ikunux inklużi fis-CLWP. Għandhom ikunu proporzjonati għas-sinifikat ta’ l-inizjattiva korrispondenti, li jfisser li r-rekwiżiti tal-valutazzjoni ta’ l-impatt għall-inizjattivi b’impatti limitati jew ġenerali għandhom jonqsu jew jitneħħew. Fl-2008, il-Kummissjoni se twettaq bejn wieħed u ieħor 180 valutazzjoni ta’ impatt meta paragunati mal-130 ta’ l-2007. Aktar minn nofshom jikkonċernaw inizjattivi li mhumiex fis-CLWP, inklużi miżuri li ġew adottati permezz tal-proċedura ta’ komitoloġija.

3. Ikun provdut aktar appoġġ

L-appoġġ u l-gwida għall-kwalità jeħtieġ li jissaħħu, u l-Kummissjoni se tagħmel dan partikolarment permezz tal-Linji ta’ Gwida għall-Valutazzjonijiet ta’ Impatt u l-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt tagħha. Oqsma li jeħtieġu attenzjoni jinkludu:

- Tittieħed deċiżjoni dwar livell proporzjonat ta’ analiżi għal kull valutazzjoni ta’ impatt, fejn jitqies kemm ikunu sinifikanti l-impatti probabbli u kemm l-inizjattiva tkun politikament sensittiva .

- Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità: It-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar jekk u kif l-UE għandha taġixxi huwa intrinsiku għall-proċess tal-valutazzjoni ta’ impatt. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impatti reġjonali u nazzjonali – ta’ spiss importanti sabiex ikun żgurat li l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità jiġu rispettati – jeħtieġu aktar attenzjoni. Se jkunu meħtieġa għodod ġodda.

- Tissaħħaħ l-analiżi ta’ l-impatti speċifiċi: Id-dipartimenti tal-Kummissjoni ser joqgħodu iktar attenti għall-analiżi ta’ ċerti oqsma bħall-impatti soċjali u ta’ distribuzzjoni, impatti fuq is-suq intern, fuq il-konsumaturi u l-SMEs, fuq ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, u l-impatti internazzjonali. Hemm ukoll ħtieġa li jiġu antiċipati kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni u ta’ implimentazzjoni aħjar.

- Il-kwantifikazzjoni: Il-valutazzjoni ta’ impatt għandha tikkwantifika l-impatti fejn dan ikun fattibbli u proporzjonat – mingħajr ma jitwarrbu l-inċertezzi sottostanti. Minkejja l-progress li sar (pereżempju, l-ispejjeż amministrattivi qed jitqiesu b’mod sistematiku u, jekk ikunu sinfikanti, imkejla bil-Mudell Standard ta’ l-Ispejjeż ta’ l-UE), data insuffiċjenti jew inaffidabbli ta’ spiss tipprevjeni l-kwantifikazzjoni. Appoġġ u gwida aħjar ifissru t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, mal-Kumitat tar-Reġjuni, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u mal-partijiet interessati dwar dan il-punt.

- Il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati u ta’ l-esperti huma indispensabbli. Il-konsultazzjoni issa saret rutina u l-fehmiet tal-partijiet interessati qed jtiqiesu mill-bidu tal-proċess ta’ politika. L-esperti esterni qed jiġu involuti b’mod estensiv. Il-Kummissjoni rrivediet l-istandards minimi għall-konsultazzjoni esterna fl-2007. Hija kkonfermat ir-regoli kurrenti u ddeċidiet li tapplikahom b’mod iktar effettiv billi ttejjeb ir-rispons, tiżgura l-pluralità ta’ l-opinjonijiet, eċċ[14]. Il-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt jivverifika li l-istandards jiġu applikati tajjeb.

4. Ikun żgurat kontroll tal-kwalità rigoruż

Lejn l-aħħar ta’ l-2006, il-Kummissjoni stabbiliet il-Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt taħt l-awtorità tal-President, u magħmul minn uffiċjali ta’ livell għoli tal-Kummissjoni li joperaw indipendentement mid-dipartimenti li jagħmlu l-proposti. Dan jipprovdi pariri u kontroll tal-metodoloġija u tal-kwalità u, fejn ikun meħtieġ, jagħmel użu minn kompetenza esterna. L-opinjonijiet tal-Bord jintużaw meta l-Kummissjoni tkun qed tieħu d-deċiżjoni finali tagħha, u jsiru pubbliċi hekk kif l-inizjattiva tiġi adottata[15].

Il-Kummissjoni issa valutat l-esperjenza ta’ l-ewwel sena, ibbażata parzjalment fuq ir-rapport tal-Bord stess[16]. Hija qed tilqa’ l-awtorità imparzjali tal-Bord u tapprezza r-rakkomandazzjonijiet professjonali tiegħu li, fil-parti l-kbira tal-każi, wasslu għal titjb reali fil-valutazzjonijiet ta’ impatt. Il-Bord għen sabiex jogħlew l-istandards u provda gwida utli dwar il-metodoloġija. Se jsir aktar titjib fil-metodi u fil-proċeduri ta’ ħidma interni. Pereżempju, jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet ta’ impatt ippreparati minn servizzi għal ċerti proposti jirċievu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord qabel ma l-proposti korrispondenti jitressqu quddiem il-Kulleġġ għal deċiżjoni politika.

IV. taqsim tar-responsabbiltà

Ir-regoli ta’ l-UE jiġu proposti mill-Kummissjoni, u jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jittrasponuhom f’liġijiet nazzjonali, u jadottaw il-leġiżlazzjoni anki taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, fejn ta’ spiss jikkomplimentawha b’regoli reġjonali u lokali. Dawn ir-regoli kollha jaffetwaw lin-negozji u liċ-ċittadini. Għaldaqstant, l-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar trid tiġi segwita bħala sforz konġunt min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri[17]. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli bl-iskambji siewja tagħha mal-Grupp ta’ Esperti Regolatorji Nazzjonali ta’ Livell Għoli.

1. Riżultati matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-UE

L-eżerċizzju ta’ Regolamentazzjoni Aħjar se jipproduċi biss benefiċċji tanġibbli meta t-titjib leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni jiġi adottat u implimentat. Il-proċess jieħu ż-żmien. Standards ta’ kwalità ogħla jżidu ż-żmien li jkun meħtieġ sabiex jiġu preparati l-inizjattivi tal-Kummissjoni. Bejn wieħed u ieħor, ikunu meħtieġa sentejn biex l-inizjattivi jiġu adottati mill-ko-leġiżlaturi. Flimkien mal-perjodi li jingħataw għat-traspożizzjoni u għad-dħul fis-seħħ ta’ direttivi ġodda[18], jgħaddu madwar erba’ snin u ta’ spiss id-doppju ta’ dak iż-żmien bejn il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ inizjattiva ta’ l-UE.

Minkejja dan l-isfond, hemm ħtieġa li jkun żgurat li l-Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni jirċievi appoġġ sostnut fl-Istituzzjonijiet Ewropej kollha. S’issa, il-Kunsill u l-Parlament adottaw 16-il inizjattiva fil-Programm Kontinwu biss. Fl-2008 il-Kummissjoni se tkompli tagħmel proposti għal simplifikazzjoni, dejjem tittama li l-koleġiżlaturi se jagħtu prijorità sabiex l-adozzjoni tkun żgurata sar-Rebbiegħa ta’ l-2009. Bl-istess mod, fl-2008 u fl-ewwel xhur ta’ l-2009, il-Kummissjoni tistenna li l-koleġiżlaturi jagħtu prijorità lill-adozzjoni ta’ proposti sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

Il-Parlament u l-Kunsill qegħdin jagħmlu dejjem aktar użu mill-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Kummissjoni sabiex jeżaminaw il-proposti, imma jeħtieġ li jsaħħu l-isforzi tagħhom. Jeħtieġ ukoll li jipproduċu l-valutazzjonijiet ta’ impatt tagħhom stess fejn jipprevedu emendi sinifikanti għal proposta tal-Kummissjoni fuq kwistjonijiet li mhumiex koperti mill-valutazzjoni ta’ impatt tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tipprova tiżgura ruħha li l-valutazzjonijiet ta’ impatt se jqisu aħjar il-kwistjonijiet li probabbilment se jitqajmu fil-Kunsill u fil-Parlament, pereżempju l-għażla ta’ strument għal azzjoni ta’ l-UE. Il-Kunsill u l-Parlament jistgħu anki jitolbu li l-Kummissjoni tespandi fuq aspetti tal-valutazzjoni oriġinali tagħha. Għalkemm dawn il-valutazzjonijiet huma maħsuba primarjament sabiex jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi b’mod kostruttiv kif se twieġeb għal dawn it-talbiet fuq bażi ta’ każ b’każ. L-analiżi ta’ l-“Approċċ Komuni għall-Valutazzjoni ta’ Impatt”[19] min-naħa ta’ tliet istituzzjonijiet f’nofs l-2008, se tkun okkażjoni sabiex isir aktar progress fuq dawn il-kwistjonijiet.

2. L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja

Il-Kummissjoni tagħti prijorità kbira lill-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja. F’Settembru 2007, hija ssuġġeriet modi li permezz tagħhom tista’ taħdem flimkien ma’ l-Istati Membri sabiex ittejjeb il-proċess kurrenti biex jiġu solvuti l-problemi, fejn tipproduċi riżultati aktar mgħaġġla u aħjar[20]. Hija tidentifika wkoll modi biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffokaw fuq azzjoni preventiva, u biex il-Kummissjoni tieħu ħsieb il-ksur b’mod aktar effiċjenti u tipprovdi aktar informazzjoni. Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se tiżviluppa u se timplimenta dawn l-inizjattivi u fl-2009 se tevalwa l-progress li sar.

V. It-Tfassil tar-regolamentazzjoni globali

F’dinja dejjem aktar globalizzata, u wara bosta snin li ġew eliminati l-barrieri tariffarji, il-barrieri mhux tariffarji bħad-diverġenza regolatorja qegħdin jiġu identifikati dejjem aktar bħala ostakli għall-kummerċ u għall-investiment internazzjonali. Bosta differenzi regolatorji jirriflettu għażliet ta’ politika leġittimi, u huma konformi mad-WTO u ma’ ftehimiet internazzjonali oħrajn. Uħud, madankollu, iseħħu bħala effetti sekondarji mhux maħsuba tal-mod kif kull parti tirregola, u jistgħu ma jkunux meħtieġa jew dannużi għan-negozji u għall-konsumaturi.

Fit-tfassil ta’ l-inizjattivi, il-Kummissjoni diġà tibbenfika mill-kontribuzzjonijiet ta’ pajjiżi terzi għall-proċess ta’ konsultazzjoni tagħha. Minbarra dan, is-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt teħtieġ li jitqiesu l-impatti esterni. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn l-impatti esterni, pereżempju, fuq il-kummerċ u l-investiment u fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġu eżaminati bir-reqqa. Fejn jeżistu standards internazzjonali, il-valutazzjonijiet ta’ impatt se jivvalutaw l-alternattiva li wieħed jistrieħ fuq dawn aktar milli jieħdu inizjattiva speċifikatament Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha prattika ta’ djalogu li ilha għaddejja dwar kwistjonijiet regolatorji f’organizzazzjonijiet multilaterali bħall-OECD u n-NU u ma’ msieħba kummerċjali ewlenin. Sabiex l-istrateġija ta’ Liżbona tiġi projettata lilhinn mill-konfini ta’ l-UE, il-Kummmissjoni se tuża djalogu internazzjonali biex, kulfejn ikun possibbli, tindirizza barrieri orizzontali u sistemiċi u tiffaċilita l-konverġenza. Il-metodu għal regolamentazzjoni aħjar ta’ l-UE jista’ jipprovdi ispirazzjoni barra mill-UE u viċe versa.

VI. IL-PASSI LI JMISS

Din ir-reviżjoni turi li l-UE qed tipprovdi riżultati rigward l-impenn li ħadet li tirregola sew. Madankollu, jista' jsir aktar mill-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Istati Membri, meta jaġixxu flimkien:

Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

- Il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta 45 inizjattiva fil- Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni bħala parti mill-programm ta’ ħidma tagħha għall-2008, u 8 inizjattivi għall-2009. Il-programm ta’ kodifikazzjoni se jkun ikkompletat fit-18-il xahar li ġejjin.

- Il- Kunsill u l-Parlament għandhom jiżguraw adozzjoni mgħaġġla ta’ proposti għal simplifikazzjoni pendenti, li minnhom issa hemm madwar 45, u jiżguraw irwieħhom li matul il-proċess jinżammu s-simplifikazzjonijiet.

- Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex flimkien jeżaminaw għażliet għal proċeduri aċċelerati sabiex tkun revokata l-leġiżlazzjoni skaduta .

- Il-Kummissjoni tkompli teżamina bir-reqqa l- acquis ta’ l-UE , peress li dan wassal għal fluss kostanti ta’ inizjattivi ġodda. Se tikkompleta l-eżerċizzju ta’ eżamijiet bir-reqqa qabel tmiem il-mandat tagħha.

- Il-Kummissjoni tkompli teżamina bir-reqqa l-proposti pendenti bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali tagħha . Hija tirrepeti r-rakkomandazzjoni tagħha li, malli jieħdu l-mandat, Kummissjonijiet futuri jeżaminaw bir-reqqa l-proposti pendenti sabiex jiżguraw irwieħhom li l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni jkunu skond il-prijoritajiet politiċi.

It-tnaqqis ta’ l-ispejjeż amministrattivi

- Meta jitqies li sforz konġunt biss se jwassal għal tnaqqis fil-burokrazija, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri li m’għamlux dan, jadottaw jew iħabbru l-miri ta’ tnaqqis tagħhom sa Marzu 2008 sabiex il-Kunsill tar-Rebbiegħa jista’ jwieżen is-sitwazzjoni u jagħti aktar gwida.

- Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jadottaw il- proposti aċċelerati pendenti li hemm quddiem il-Kunsill Ewropew u jagħtu prijorità lill-proposti aċċelerati li l-Kummissjoni se tagħmel fl-2008.

- Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri u se tagħti għajnuna.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta r-riżultati ta’ l-eżerċizzju ta’ kejl sa tmiem is-sena, flimkien ma’ numru ta’ miżuri addizzjonali sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 25%. Il-proposti dwar it-tnaqqis tal-piżijiet fil-liġi tal-kumpaniji se jsiru qabel is-Sajf. L-informazzjoni miksuba minn dan l-eżerċizzju se tgħin lill-Istati Membri jnaqqsu l-piżijiet li ġejjin mit-traspożizzjoni u mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE.

L-użu tal-valutazzjonijiet ta’ impatt sabiex jiġu abozzati l-inizjattivi

- Fl-2008 il-Kummissjoni qed tistenna li twettaq aktar minn 180 valutazzjoni ta’ impatt.

- Fir-Rebbiegħa ta’ l-2008, il-Kummissjoni se tirrevedi l-Linji ta’ Gwida għall-valutazzjoni ta’ impatt tagħha u se tiżviluppa gwida u appoġġ f’konformità ma’ din il-komunikazzjoni.

- Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rwol u r-riżorsi tal- Bord għall-Valutazzjoni ta’ Impatt .

- Il-Kunsill u l-Parlament għandhom isaħħu l-użu tal- valutazzjoni ta’ impatt fil-proċess leġiżlattiv , billi jeżaminaw il-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Kummissjoni u billi jipproduċu valutazzjonijiet ta’ impatt ta’ emendi sostantivi. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra sabiex ikunu aktar trasparenti dwar ħidmiethom b’relazzjoni għall-valutazzjonijiet ta’ impatt, kif inhu previst mill-Approċċ Komuni għall-Valutazzjonijiet ta’ Impatt.

- Fl-analiżi ta’ l-Approċċ Komuni għall-Valutazzjonijiet ta’ Impatt, il-Kummissjoni qed tistenna impenn sabiex jitwettqu valutazzjonijiet ta’ impatt fuq l- inizjattivi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-Titolu VI tat-TUE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali) .

It-tqasim tar-responsabbiltà

- Fl-2008, il- Kunsill Ewropew se jirrivedi l-progress fuq regolamentazzjoni aħjar u l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien se jirrivedu l-“ Approċċ Komuni għall-Valutazzjonijiet ta’ Impatt ”.

L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja

- Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu magħha sabiex jiżguraw applikazzjoni korretta tal-Liġi Komunitarja.

L-għajnuna fit-tiswir tar-regolamentazzjoni globali

- Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-valutazzjoni, fejn tkun rilevanti, ta’ l- impatti internazzjonali ta’ l-azzjoni ta’ l-UE sabiex tiffaċilta l-kummerċ u l-investiment internazzjonanli, u sabiex tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

- Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ pajjiżi terzi sabiex tiżviluppa metodi rispettivi għat-tfassil tar-regoli u, fejn ikun possibbli, tippromwovi l-konverġenza.

VII. KONKLUŻJONI

Sar ħafna fl-iżvilupp ta’ regolamentazzjoni aħjar fl-UE. It-titjib tar-regolamentazzjoni u l-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini u lin-negozji jeħtieġu żmien, riżorsi finanzjarji u umani, u aġġustament ta’ l-istrutturi istituzzjonali u amministrattivi. Dan ma jistax jintlaħaq mingħajr appoġġ politiku sostnut.

Il-Kummissjoni hija impenjata bil-kbir sabiex tagħmel sehemha, b’investiment qawwi fil-Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni tagħha u fil-Programm ta’ Azzjoni li għandha biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, u bit-tisħiħ kontinwu tas-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess se jiddependi fuq l-impenn ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, ta’ l-Istati Membri, ta’ l-awtoritajiet lokali/reġjonali, u tal-partijiet interessati, u l-Kummissjoni tistiedinhom ilkoll sabiex jingħaqdu magħha f’dan l-isforz kollettiv.

[1] Kważi nofs l-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni skond il-Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni (76) se jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni ta’ impatt, meta paragunati ma’ madwar 10% fl-imgħoddi.

[2] Ir-riformulazzjoni tikkombina att u l-emendi preċedenti kollha tiegħu f’liġi waħda meta jiġu adottati emendi ġodda.

[3] Il- kodifikazzjoni tikkombina l-atti eżistenti ma’ l-emendi sussegwenti kollha f’liġi waħda, bla ebda emenda ġdida. Dan inaqqas il-volum tal-leġiżlazzjoni u jipprovdi testi legalment aktar ċari.

[4] KUMM(2007) 23.

[5] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew (Marzu 2007), p.10.

[6] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni “It-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE”, KUMM(2008) 35.

[7] http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/admin_burdens_en.htm. Barra dan, diġ2 sar u ġie ppubblikat studju li jevalwa l-piż amministrattiv fuq l-irziezet li jiġi mill-Politika Agrikola Komuni.

[8] http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/index_en.htm.

[9] Ara KUMM(2008) 35

[10] Għandu jiġi nnotat li fl-2007, il-Kummissjoni saħħet il-politika ta’ evalwazzjoni tagħha (Komunikazzjoni dwar “Nirrispondu għall-Ħtiġiet Strateġiċi: Rinfuzar ta' l-użu ta' valutazzjoni". SEG(2007) 213, u pjanijiet sabiex il-leġiżlazzjoni u attivitajiet oħra jiġu evalwati b’mod aktar sistematiku sabiex ikunu verifikati s-suppożizzjonijiet li saru fl-istadju tal-valutazzjoni ta’ impatt.

[11] Dawn il-valutazzjonijiet ta’ impatt ġew ippubblikati (Ara http://ec.europa.eu/governance/impact/cia_2007_en.htm u KUMM(2007) 693). Mill-2008, il-Kummissjoni se tippubblika wkoll il-valutazzjonijiet ta’ impatt għal inizjattivi fis-CLWP li twaqqfu minħabba l-valutazzjoni ta’ impatt.

[12] Fl-2006 u fl-2007, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu, rispettivament, madwar 10 u 15 valutazzjonijiet ta’ impatt “volontarji”; għall-2008, huma ppjanati madwar 50.

[13] Din l-evalwazzjoni tas-sistema ta' valutazzjoni ta' impatt tal-Kummissjoni mill-Partenarjat ta' l-Evalwazzjoni hija ppubblikata fuq http://ec.europa.eu/governance/impact/key_en.htm. Il-Kummissjoni ddiskutietha f’konferenza pubblika għall-partijiet interessati f’Lulju 2007 u mal-Grupp ta’ Esperti Regolatorji Nazzjonali ta’ Livell Għoli tagħha.

[14] Komunikazzjoni dwar Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza', KUMM(2007) 127, 21.3. 2007.

[15] http://ec.europa.eu/governance/impact/cia_2007_en.htm.

[16] Ara r-Rapport ta’ l-2007 mehmuż.

[17] Għall-progress fl-Istati Membri, ara It-tieni rapport annwali ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, KUMM(2006) 816.

[18] Pereżempju, l-inizjattiva ta’ simplifikazzjoni li temenda d-Direttiva 70/156/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-vetturi bil-mutur kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali f’Ottubru 2007 imma tidħol fis-seħħ f’April 2009. Il-Kummissjoni preżentat il-proposta f’Lulju 2003 KUMM(2003) 418.

[19] Adottat skond il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ta’ l-2003.

[20] Komunikazzjoni dwar “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”. KUMM(2007) 502.