28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/41


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar servizz universali għal komunikazzjonijiet elettroniċi u netwerks tal-ġejjieni u l-internet

2009/C 120/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-ħtieġa għal aċċess funzjonali għall-internet bi prezz raġonevoli huwa essenzjali għat-tkabbir u l-inklużjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE.

jinnota li bħala servizz li jista’ jitqabbel ma’ utilitajiet oħra bħall-ilma u l-elettriku, il-Broadband qed jitqies dejjem iktar bħala r-“raba’ utilità”.

jenfasizza li hemm bżonn li l-UE tiggarantixxi li servizzi u komunikazzjonijiet ta’ kwalità għolja jiġu offerti bi prezzijiet raġonevoli lir-residenti u l-konsumaturi kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni soċjali jew ġeografika tagħhom.

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u r-responsabilità tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġi assigurat aċċess għall-broadband bi prezz raġonevoli f’żoni fejn il-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux biżżejjed, li jkunu quddiem nett fit-tmexxija ta’ proġetti piloti bil-għan li “titnaqqas il-firda fl-aċċessibilità elettronika”, u li jiżviluppaw approċċi ġodda li jipprovdu servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin.

analizza u ddiskuta f’diversi okkażjonijiet il-firxa ta’ soluzzjonijiet li qed jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa u jirrkonoxxi li ma teżistix soluzzjoni waħda li tkopri kull każ. Xi ħaġa xierqa għal ċentru urban kbir forsi ma tkunx tajba għal żoni oħra, bħal reġjun muntanjuż b’terren kumpless u selvaġġ, jew popolazzjoni baxxa fejn huma meħtieġa sforzi żejda biex jiġi pprovdut kwalunkwe tip ta’ servizz.

Rapporteur

:

Robert Bright (UK/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Newport

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tieni reviżjoni perjodika tal-ambitu tas-servizz universali ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE

COM(2008) 572 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Komunikazzjoni dwar netwerks tal-ġejjieni u l-internet

COM(2008) 594 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI (KtR)

A.   Servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi

Kummenti ġenerali

1.

għandu d-dmir jiżgura li kull min jitlob servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi (komunikazzjonijiet-e) jiġi pprovdut bis-servizzi essenzjali għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà u għall-iżvilupp tagħha, jilqa’ t-tieni reviżjoni perjodika tal-ambitu tas-servizz universali ma’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan huwa pass importanti fir-reviżjoni tal-ugwaljanza fl-aċċess, l-inklusività u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-kummerċ fl-UE. Bħala servizz li jista’ jitqabbel ma’ utilitajiet oħra bħall-ilma u l-elettriku, il-Broadband qed jitqies dejjem iktar bħala r-“raba’ utilità”. Il-KtR identifika l-ICT bħala mutur għal iktar kompetittività u servizzi pubbliċi aqwa, fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda tal-UE, sabiex:

it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jservu ta’ bażi għal soċjetà tal-informazzjoni li hija miftuħa għal kulħadd u tissodisfa l-ħtiġijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, inklużi dawk b’diżabilitajiet, l-anzjani u kull min hu fil-periklu tal-esklużjoni soċjali.

il-komunikazzjonijiet elettroniċi jindirizzaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ aċċessibilità għal ċittadini li jgħixu f’dawn ir-reġjuni (l-aktar fiż-żoni rurali) li bħalissa m’għandhomx aċċess xieraq għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

is-servizz universali għal komunikazzjonijiet elettroniċi, li jesiġi servizz minimu ddefinit ta’ kwalità jew veloċità speċifikata disponibbli għall-utenti kollha, ikun f’pożizzjoni aħjar biex jagħlaq il-firda diġitali fil-ġejjieni.

is-servizz universali jiġi aġġornat, meta wieħed iqis li minn mindu ġie implimentat l-ambitu tiegħu baqa’ ma nbidilx u għadu restritt għal konnessjoni waħda.

l-użu tal-Internet jista’ jiżdied fil-ġejjieni u fl-Unjoni Ewropea mhuwiex limitat minn kwistjonijiet bħal skarsezza dejjem tikber ta’ indirizzi IP (Internet Protocol) jew ta’ sigurtà. F’dan il-kuntest, il-KTR jilqa’ l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-“Internet tal-oġġetti” u jixtieq jenfasizza l-bżonn għal trasferiment mill-protokoll tal-Internet IPv4 għall-IPv6 aġġornat li jiffaċilita l-espansjoni tal-Internet b’konsegwenza diretta fuq il-kompetittività tal-Ewropa.

2.

jappoġġja l-erba’ elementi speċifiċi fl-ambitu tad-direttiva dwar is-servizz universali u jenfasizza li l-iżvilupp futur tal-aċċess għal broadband, tas-servizz universali u tal-internet ser ikollu implikazzjonijiet importanti għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Istati Membri tal-UE. Hemm bżonn li l-UE tiggarantixxi li servizzi u komunikazzjonijiet ta’ kwalità għolja jiġu offerti bi prezzijiet raġonevoli lir-residenti jew il-konsumaturi kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni soċjali jew ġeografika tagħhom, kif ukoll li titqies id-dimensjoni reġjonali b’mod iktar ċar meta jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi tal-miżuri (1).

3.

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u r-responsabilità tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġi assigurat aċċess għall-broadband bi prezz raġonevoli f’oqsma fejn il-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux biżżejjed, li jkunu quddiem nett fit-tmexxija ta’ proġetti piloti bil-għan li “titnaqqas il-firda fl-aċċessibilità elettronika”, u li jiżviluppaw approċċi ġodda li jipprovdu servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin (2);

4.

jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tat-telekomunikazzjoni tal-UE tkun flessibbli u wiesgħa b’mod ġenerali fl-ambitu tagħha sabiex tkun tista’ tadatta għal bidliet mgħaġġlin u mhux prevedibbli fit-teknoloġija u fis-suq, li jkollhom impatt fuq is-setturi l-oħra tas-soċjetà (3).

5.

jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati miżuri fundamentali, f’oqsma ta’ prijorità orizzontali, favur opportunitajiet indaqs (eż. is-siti elettroniċi pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd jew tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-broadband). Huwa essenzjali intervent fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex dan jiġi żgurat (4).

6.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinbeda riflessjoni dwar ir-rwol futur tas-servizz universali fil-provvediment ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari fir-rigward il-provvediment ta’ aċċess usa’ għal servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-utenti kollha, inklużi dawk b’diżabilitajiet.

Aċċess universali suffiċjenti pprovdut mis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

7.

jappoġġja l-Kummissjoni fit-twettiq ta’ reviżjoni tas-servizz universali fin-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fuq bażi regolari u frekwenti.

8.

jenfasizza li l-ħtieġa għal aċċess funzjonali għall-internet bi prezz raġonevoli huwa essenzjali għat-tkabbir u l-inklużjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE.

9.

jirrikonoxxi b’mod fundamentali li hemm nuqqas ta’ ugwaljanza u differenza fl-aċċess, fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp madwar l-Istati Membri tal-UE, l-iktar f’dawk ir-reġjuni (l-iktar fiż-żoni rurali) li huma neqsin mill-penetrazzjoni ta’ aċċess funzjonali għall-internet bi prezz raġonevoli meta jitqabblu ma’ żoni urbani u metropolitani.

10.

huwa mħasseb li nħolqot firda mhux biss ta’ natura diġitali iżda wkoll waħda soċjali u ekonomika li tistrieħ dejjem iktar fuq it-tekonoloġiji diġitali u l-aċċess għalihom.

11.

jirrikonoxxi d-diffikultajiet li s-swieq għandhom biex jipprovdu netwerks tal-broadband ta’ veloċità qawwija u bi prezz raġonevoli lil ċerti żoni ġeografiċi u jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa politiki u tipprovdi gwida li jirrikonoxxu l-falliment tas-suq u jiffaċilitaw inizjattivi mill-istat u mis-settur pubbliku bil-għan li jiġu żviluppati netwerks miftuħa, separati b’mod funzjonali, minn servizzi f’dawk iż-żoni.

Rati ta’ data suffiċjenti sabiex ikun permess aċċess funzjonali għall-internet

12.

jenfasizza li l-aċċess għal broadband bi prezz raġonevoli madwar l-UE huwa kundizzjoni bażika sabiex jiġu garantiti l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, il-promozzjoni tal-kompetittività u l-produttività. (5) Aċċess għal broadband ta’ kwalità għolja bi prezz raġonevili jista’ jżid l-aċċessibilità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, waqt li jkun iktar faċli għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex joffru l-prodotti tagħhom għall-bejgħ. Reġjuni u komunitajiet remoti, b’mod speċjali dawk ultraperiferiċi huma mistennija jibbenefikaw b’mod konsiderevoli minn aċċess usa’ u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband (6).

13.

jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni li huma ekonomikament inqas żviluppati, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li jipprovdu l-ICT għal konverġenza effettiva, u b’hekk jevitaw ir-riskju tal-esklużjoni. (7)

14.

itenni li l-mira ta’ Riga għal Broadband li jilħaq 90 % tal-popolazzjoni tal-UE sal-2010, iżda li, waħdu, dan l-objettiv mhuwiex biżżejjed u jrid jiġi kkumplimentat minn fatturi oħrajn: il-firxa ġeografika, id-densità tal-popolazzjoni, eċċetra. Fadal differenza sostanzjali bejn l-Istati Membri u l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li s’issa hija koperta 70 % biss tal-popolazzjoni rurali tal-UE. (8)

15.

iħeġġeġ il-promozzjoni ta’ miżuri mill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistgħu jservu ta’ eżempji ta’ soluzzjonijiet dwar servizzi ta’ gvern elettroniku bbażati fuq l-utenti għall-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali u għall-assigurazzjoni tal-aħjar kondizzjonijiet għall-intrapriżi u l-attivitajiet ta’ riċerka fil-qasam tal-ICT. (9)

16.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-broadband bħala servizz li huwa dejjem mixgħul, u li jippermetti l-użu simultanju tas-servizzi tal-leħen u tad-data b’veloċitajiet minimi għad-“download” u l-“upload” li huma suffiċjenti għal aċċess funzjonali għall-internet fir-reġjuni kollha.

Referenza għal broadband fl-ambitu emendat ta’ obbligu għal servizz universali

17.

jenfasizza li firda diġitali persistenti toħloq l-esklużjoni soċjali u ekonomika. Il-ksib ta’ opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess u l-kompetenzi diġitali huwa bżonn għas-soċjetà; fl-istess waqt, joffri wkoll potenzjal ekonomiku li għadu ma ġiex sfruttat. Huwa importanti li l-ICT jintuża bħala “strument soċjali”; b’hekk, l-istrateġiji tal-ICT jintrabtu mal-politiki soċjali Komunitarji (10) u bħala strument ta’ żvilupp lokali u reġjonali marbut mal-politika ta’ koeżjoni;

18.

jesprimi tħassib serju ħafna li ostaklu komuni fl-implimentazzjoni tal-broadband huwa r-riskju tal-falliment tas-suq, fejn operaturi privati jaraw ftit dħul mill-investiment infrastrutturali f’żoni remoti, rurali u ta’ densità baxxa tal-popolazzjoni jew fejn it-terren muntanjuż ifisser li huwa xogħol kumpless u oneruż. (11)

19.

jipproponi l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi għall-promozzjoni ta’ aċċess broadband funzjonali għall-internet fiż-żoni rurali, reġjuni b’densità baxxa tal-popolazzjoni u r-reġjuni ultraperiferiċi. Jekk hemm bżonn għandu jkun hemm appoġġ għall-investiment fl-iżvilupp tal-ICT u tal-infrastruttura mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew, b’kooperazzjoni magħhom, mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew permezz ta’ inizjattivi lokali. (12)

20.

isejjaħ għall-formulazzjoni ta’ miżuri speċifiċi bħal Fondi Strutturali tal-UE bil-għan li jiġu żgurata ċ-ċarezza u l-konsistenza fil-forniment ta’ aċċess funzjonali għall-internet madwar ir-reġjuni tal-UE qabel ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term (MTR) ta’ dawn il-programmi fl-2010.

21.

jirrikonoxxi l-kontribut importanti li sar mill-portali tal-UE fil-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattika bejn il-partijiet interessati kollha fit-tfassil u l-iżvilupp tan-netwerks tal-Broadband b’aċċess miftuħ permezz tal-użu tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u reġjonali b’konformità mar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat (eż. http://www.broadband-europe.eu)

22.

waqt li jirrikonoxxi li t-teknoloġija tal-Broadband għandha impatt qawwi fuq iktar żvilupp tas-Suq Uniku Ewropew kollu kemm hu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi, fil-politiki mġedda tagħha li qed jitressqu biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ekonomika attwali, li jiġi kkunsidrat l-użu tal-mekkaniżmi kollha disponibbli għall-promozzjoni tal-investiment f’dawn l-infrastrutturi.

23.

jemmen li l-kompetittività tal-UE, l-ambitu u l-kwalità tas-servizzi, il-produttività, u fl-aħħar nett, ir-rata tal-impjieg f’ħafna setturi oħrajn jistgħu jiddependu b’mod qawwi fuq id-disponibilità ta’ aċċess funzjonali għall-internet b’veloċità qawwija.

24.

f’ambjent fejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll istituzzjonijiet oħra jipprovdu iktar u iktar servizzi liċ-ċittadini permezz ta’ mezzi elettroniċi (“gvern elettroniku”, “e-Saħħa”, “e-Tagħlim”, “e-Akkwist”), aċċess xieraq għat-teknoloġiji tal-broadband qed isir dejjem iktar importanti fil-kuntest tal-parteċipazzjoni demokratika (“e-Inklużjoni”) (13). Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew tista’ wkoll tissaħħaħ billi jitjieb l-aċċess tal-broadband għall-amministrazzjoni pubblika, partikolarment fid-dawl tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-UE li qed tiġi trasposta bħalissa.

Flessibilità suffiċjenti tal-obbligu ta’ servizz universali li jieħu ħsieb l-iżvilupp kollu tas-suq madwar l-Istati Membri kollha

25.

huwa tal-fehma li l-Kumitat tar-Reġjuni analizza u ddiskuta f’diversi okkażjonijiet il-firxa ta’ soluzzjonijiet li qed jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa u jirrkonoxxi li ma teżistix soluzzjoniu waħda li tkopri kull każ. Xi ħaġa xierqa għal ċentru urban kbir forsi ma tkunx tajba għa żoni oħra, bħal reġjun muntanjuż b’terren kumpless u selvaġġ, jew popolazzjoni baxxa fejn huma meħtieġa sforzi żejda biex jiġi pprovdut kwalunkwe tiħ ta’ servizz (14).

26.

jirrikonoxxi li għad baqa’ inugwaljanzi konsiderevoli fir-rigward tal-kompetenzi diġitali. Dan jaffettwa lill-anzjani, lil dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, il-persuni li huma ekonomikament inattivi u dawk li m’għandhomx l-għarfien diġitali neċessarju sabiex jiżviluppaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet diġitali tagħhom fid-dinja tax-xogħol.

27.

jisħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ u tagħlim adattati għall-ħtiġijiet li joriġinaw minn progress diġitali kontinwu fis-soċjetà kollha, b’kunsiderazzjoni speċjali għal dawn il-gruppi vulnerabbli (15).

28.

jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-firda bejn l-implimentazzjoni tal-broadband u l-użu reali tiegħu, li mhuwiex qed jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu minħabba l-fatt li l-ħiliet diġitali fost il-pubbliku jistgħu jittejbu. Sabiex tingħalaq din il-firda, jeħtieġ li jittieħdu miżuri fil-livell lokali u f’livell ogħla, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-użu tal-broadband, pereżempju avvenimenti ta’ dimostrazzjoni tal-internet, il-provvediment ta’ punti ta’ aċċess pubbliċi (16), il-finanzjament ta’ proġetti edukattivi mmexxija minn assoċjazzjonijiet tar-residenti u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħrajn bil-għan li jgħallmu l-ħiliet diġitali, kif ukoll it-tħeġġiġ tal-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-broadband.

B.   Netwerks tal-ġejjieni u l-internet

Kummenti ġenerali

29.

waqt li għandu d-dmir li jevalwa l-iżvilupp ġenerazzjonali li jmiss tat-teknoloġiji tal-internet, jilqa’ l-opportunità biex jirrevedi l-avvanzi teknoloġiċi ġodda tan-netwerks tal-ġejjieni u l-Internet tal-Oġġetti.

30.

jirrikonoxxi li l-internet hu wieħed mill-iktar innovazzjonijiet brillanti tal-epoka tagħna. Il-potenzjal tiegħu biex jiġġenera tkabbir ekonomiku jista’ jwassal għal benefiċċji sostanzjali bħall-ħolqien ta’ servizzi ġodda, il-ftuħ ta’ investiment ġdid u ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, żjieda fil-produttività, tnaqqis fl-ispejjeż u żjieda fil-kwalità tal-ħajja (17).

31.

jinnota li f’qasir żmien, l-internet ta’ veloċità għolja (broadband) saret fundamentali għall-ekonomiji moderni. Bidlet il-mod kif ikollna aċċess għall-internet u kif nużawh.

32.

jilqa’ l-fatt li bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar in-netwerks tal-ġejjieni, il-Kummissjoni Ewropea trid twitti t-triq għal possibilment l-ikbar revoluzzjoni li qatt ra l-internet, bl-emerġenza tal-Internet tal-Oġġetti.

L-isfidi li qed tiffaċċja l-politika

33.

jesprimi t-tama li l-għan ġenerali tal-komunikazzjoni futura u l-aġġornament eventwali tal-qafas regolatorju ser ikunu li tiġi promossa l-kompetizzjoni u jirrikonoxxi l-objettiv biex tiġi żgurata d-disponibilità ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni suġġetti għal kompetizzjoni madwar il-Komunità (18).

34.

jaqsam mal-Kummissjoni l-fehma li t-trasferiment ta’ servizzi ta’ kontenut kreattiv għall-ambjent tal-internet huwa bidla ewlenija u jenfasizza li l-kontenut tas-servizzi l-ġodda u tal-media diġitali ġodda għandu jkun ippjanat, mhux biss fuq il-bażi ta’ kriterji ekonomiċi iżda wkoll jiġi żviluppat skont il-ħtiġijiet soċjali u kulturali (19).

35.

iħeġġeġ lill-KtR biex jenfasizza l-importanza li tinżamm d-diversità u l-identità kulturali f’soċjetà Ewropea pluralista fid-dinja diġitali tal-ġejjieni. (20)

36.

jisħaq fuq l-importanza ta’ approċċ ġdid li jipprovdi servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin, u fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma inkarigati mill-iżvilupp ta’ dan l-approċċ. Dan il-kompitu huwa ta’ rilevanza partikolari għar-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u rurali, kif ukoll għall-komunitajiet tal-gżejjer fejn il-benefiċċji soċjoekonomiċi marbuta mal-iżvilupp tal-ICT huma vitali għall-koeżjoni u joffru l-ikbar valur miżjud (21).

37.

jenfasizza li sabiex tiġi evitata l-marġinliazzazzjoni mis-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjonijiet għandhom jieħdu approċċ fuq bosta kanali, fejn jippermettu l-utenti jinteraġixxu permezz ta’ kwalunkwe mezz li huma jippriferu (ħanut fiżiku, sit tal-internet, televiżjoni diġitali, telefonija ċellulari, eċċetra) (22).

38.

jenfasizza r-rwol imsejjes fuq il-Komunità tal-web interattiv (WEB 2.0), li qed iġib miegħu revoluzzjoni fil-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali, waqt li jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ trasparenza fil-mekkaniżmi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u t-tisħiħ tad-demokrazija parteċipattiva;

39.

isejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar gwida dwar kif ir-reġjuni u l-bliet għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari għall-aġġornament għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-broadband fejn hemm falliment tas-suq għal servizzi bħal dawn u għall-implimentazzjoni tal-broadband mingħajr fil fir-reġjuni.

40.

jisħaq dwar il-ħtieġa li jitfassal l-Internet tal-Oġġetti tal-ġejjieni, b’mod li jkun jista’ tlaħħaq mar-riskji ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ li jinħolqu mill-konverġenza diġitali kontinwa, iż-żjieda fl-aċċess għall-broadband, u t-tagħmir tal-utent aħħari li kapaċi jirċievi l-internet (23).

41.

isejjaħ biex tingħata importanza speċjali lis-sikurezza tat-tranżazzjonijiet u għall-ġlieda kontra l-kontenut tal-internet illegali u li jagħmel ħsara (24). Is-soċjetà hija partikolarment sensittiva għal kwistjonijiet ta’ ħarsien tal-konsumatur u tal-ħarsien tad-data personali (25).

42.

jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-attenzjoni li tat il-Kummisjsoni Ewropea lit-tisħiħ tal-ħarsien tal-privatezza u tad-data personali tal-individwi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

43.

isejjaħ għal dispożizzjonijiet imsaħħa relatati mas-sikurezza u mekkaniżmi ta’ infurzar mtejba u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-fatt li ċerti miżuri għall-iżgurar tas-sikurezza tan-netwerk u tal-ħarsien tal-konsumatur jesiġu koordinazzjoni u implimentazzjoni fil-livell internazzjonali aktar milli f’dak tal-UE. (26)

44.

jesprimi t-tama li jsiru attivitajiet oħrajn li jkollhom l-għan li jistimulaw u jħeġġu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex jiġi ttrattat il-kontenut illegali u l-kontenut li jagħmel ħsara fuq l-internet, u li jippromovu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn għadd kbir ta’ partijiet interessati fil-livell lokali, reġjonali, Ewropej u internazzjonali (27).

45.

jirrikonoxxi l-ħtiġijiet tas-settur edukattiv fir-rigward ta’ servizzi funzjonali tal-broadband u għall-ħolqien ta’ materjali għat-tagħlim dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u ħiliet fil-mezzi tax-xandir li jkopru ambjenti online li huma sikuri. Jenfasizza wkoll li l-azzjonijiet m’għandhomx ikunu mmirati biss lejn il-ħarsien tat-tfal iżda wkoll lejn it-tagħlim ta’ ħila kompetenti u attiva tal-użu sikur tal-internet (l-għoti tas-setgħa). (28)

46.

jirrakkomanda li jiġu kkoordinati l-attivitajiet investigattivi fl-oqsma rilevanti ġewwa u barra l-UE u li jiġi żviluppat għarfien dwar il-modi ta’ kif in-nies jużaw it-teknoloġiji online, ir-riskji assoċjati u l-effetti possibbli ta’ ħsara li jista’ jkollu fuqhom l-użu tat-teknoloġiji online, inklużi kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjali (29).

47.

jesprimi l-fehma li s-suċċess tal-politika regolatorja dwar it-telekomunikazzjonijiet ma jistax jiġi evalwat b’mod preċiż fil-livell nazzjonali, peress li d-differenzi fit-telekomunikazzjonijiiet u fil-provvediment ta’ servizzi ma jeżistux biss bejn ir-reġjuni tal-UE iżda wkoll fir-reġjuni nnifishom: pereżempju bi bliet b’popolazzjoni kbira u żoni rurali f’kull reġjun li huma differenti b’mod sostanzjali mill-medja nazzjonali. (30)

48.

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tissorvelja aħjar id-disponibilità u l-kwalità tas-servizzi f’livell ġeografiku iktar baxx milli sar s’issa, sabiex tingħata iktar attenzjoni lid-differenzi bejn is-swieq reġjonali u bil-għan li tiġi żgurata l-inklusività (31).

Azzjonijiet speċifiċi

49.

jenfasizza li l-kompetizzjoni ħielsa fil-qasam tat-telekomunikazzjoni ma twassalx għal aċċess u servizzi ugwali għar-reġjuni u s-sottoreġjuni kollha. Id-dispożizzjonijiet dwar servizz universali għandhom ikunu riveduti b’mod kostanti u proattiv sabiex jiggarantixxu aċċess li huwa verament universali għas-soċjetà tal-informazzjoni (32).

50.

jipproponi l-inklużjoni ta’ servizzi broadband fi ħdan l-ambitu tad-direttiva attwali tas-servizzi universali u jesiġi li r-regolaturi nazzjonali jistipulaw b’mod trasparenti l-firxa ta’ miżuri, jqisu l-mod kif qed jevolvu t-teknoloġiji u l-veloċitajiet, jinnotaw fid-dettall ir-riżorsi u fl-aħħar mill-aħħar sanzjonijiet li ser jużaw biex jgħinu jimplimentaw Internet funzjonali u miftuħ f’dan l-Istat Membru. Il-KtR ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm quddiemha li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-konsumaturi aħħarija fir-reġjuni kkonċernati m’għandhomx jiġu penalizzati finanzjarjament jew jiffaċċjaw dewmien mill-operaturi li qed jkunu qed jistennew biex jaraw x’se joħroġmill- arranġamenti l-ġodda għal servizzi universali f’dak l-Istat Membru (33).

51.

jipproponi li għandha tiġi stabbilita lista ta’ kriterji definiti b’mod ċar (densità tal-popolazzjoni, it-tip ta' terren, il-prestazzjoni tan-netwerk, l-orografija) biex tidentifika r-reġjuni prijoritarji fejn is-suq ikun falla.

52.

jaħseb li fil-ġejjieni l-livell meħtieġ ta’ servizz universali m’għandux ikun baxx wisq biex jilħaq il-ħtiġijiet eżistenti u futuri tal-utenti attwali. Għandu jirriferi għal konnessjoni funzjonali tal-internet iktar rapida li tippermetti għal avvanzi rapidi tat-teknoloġija fil-ġejjieni. L-Istati Membri għandhom ikunu inkoraġġuti jistipulaw rekwiżiti iktar stretti għal servizz universali fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva attwali. (34)

53.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu identifikati u kkunsidrati mudelli differenti għall-provvediment ta’ broadband lid-djar permezz tal-użu ta’ netwerks b’aċċess miftuħ miċ-ċentrali tat-telekomunikazzjoni.

54.

jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet pubbliċi, partikolarment fil-livell muniċipali, biex jinvestu fin-netwerks il-ġodda u li jnaqqsu l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili billi jiffaċilitaw l-aċċess għat-tubi tagħhom jew billi jikkoordinaw dawn l-aġġornamenti max-xogħol fit-toroq jew fuq utilitajiet oħra, bħal tal-elettriku jew tad-drenaġġ.

55.

jesiġi l-aċċess għal infrastrutturi, permezz tal-awtoritajiet pubbliċi u l-utilitajiet, billi jiġu pprovduti tubi suffiċjenti b’aċċess miftuħ f’siti mhux mibnija u billi jittraċċa l-infrastruttura li diġà teżisti jew billi l-pjanijiet tal-ħidmiet ċivili jkunu pubbliċi u jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz u s-sidien tal-bini meta qed jitqiegħdu l-kejbils f’binjiet ġodda.

56.

jirrakkomanda li jiġu identifikati modi ġodda u flessibbli li huma effettivi għal interventi, kemm permezz ta’ politiki li jipprovdu appoġġ ekonomiku lil skemi tal-infrastruttura mfassla fil-livell lokali jew reġjonali u kkoordinati fil-livelli nazzjonali u tal-UE, kif ukoll permezz ta’ linji gwida dwar il-mod kif jiġu indirizzati fallimenti tas-suq, li huma komuni fiż-żoni msemmija qabel, skont il-prinċipji tal-UE tal-kompetizzjoni ħielsa. (35)

57.

jirrakkomanda iktar l-inkoraġġiment u l-iskambju tal-aħjar prattika (36) ta’ inizjattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jagħmlu użu ottimali tal-Fondi Strutturali, il-Fond tal-Iżvilupp Rurali u l-Għajnuna mill-Istat fil-provvista u l-użu tal-broadband. F’diversi okkażjonijiet il-KtR wera l-ħtieġa għal dan l-approċċ u l-benefiċċji tiegħu.

58.

jitlob lill-Kummissjoni tuża l-indikaturi fir-rigward tat-tixrid u l-użu tal-ICT fir-reġjuni, ħalli b’hekk ikun hemm sors kontinwu ta’ konklużjonijiet li jkunu utli u neċessarji għall-adozzjoni ta’ miżuri li jwasslu għal konverġenza soċjoekonomika u teknoloġika bejn ir-reġjuni (37).

59.

isejjaħ għal proposti sodi għall-promozzjoni tal-interessi tal-utenti u tal-konsumaturi jekk iseħħ l-aġġornament tad-Direttiva tas-Servizz Universali. (38)

60.

Isejjaħ lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-involviment tal-pubbliku bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni u s-servizzi amministrattivi billi tiġi stabbilita faċilità online permanenti fejn utenti jkunu jistgħu jibagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom. (39)

Brussell, 13 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 520/99 fin

(2)  CdR 5/2008 fin

(3)  CdR 520/1999 fin

(4)  CdR 5/2008 fin

(5)  CdR 5/2008 fin, CdR 272/2006 fin,

(6)  CdR 252/2005 fin

(7)  CdR 5/2008 fin

(8)  CdR 272/2006 fin

(9)  CdR 5/2008 fin

(10)  CdR 5/2008 fin

(11)  CdR 272/2006 fin

(12)  CdR 4/2008 fin

(13)  Ir-rwol ewlieni li jaqdi l-aċċess għal servizzi tal-broadband f’numru ta’ setturi oħrajn tal-ekonomija u tal-amministrazzjoni pubblika ġie enfasizzat f’opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni; ara: Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Frar 2007 dwar “Innaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward tal-broadband” u “Pjan ta’ azzjoni i2010 għall-gvern elettroniku”, ĠU C 146, 30 ta’ Ġunju 2007, pġ. 63-68, punti 1.3 sa 1.5; Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ April 2000 (nota fil-qiegħ nru 1), punt 2.3.

(14)  CdR 272/2006 fin

(15)  CdR 5/2008 fin

(16)  CdR 272/2006 fin

(17)  CdR 272/2007 fin

(18)  CdR 274/2000 fin

(19)  CdR 252/2005 fin

(20)  CdR 94/2008 fin

(21)  CdR 5/2008 fin

(22)  CdR 272/2006 fin

(23)  IDATE, Mejju 2006: ara l-appendiċi.

(24)  CdR 252/2005 fin

(25)  CdR 252/2005 fin

(26)  CdR 4/2008 fin

(27)  CdR 174/2008 fin

(28)  CdR 174/2008 fin

(29)  CdR 174/2008 fin

(30)  CdR 52/2001 fin

(31)  CdR 274/2000 fin

(32)  CdR 520/99 fin

(33)  CdR 272/2006 fin

(34)  CdR 274/2000 fin

(35)  CdR 272/2006 fin

(36)  http://www.broadband-europe.eu

(37)  CdR 5/2008 fin

(38)  CdR 274/2000 fin

(39)  CdR 272/2006 fin