31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/38


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ħames Rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali

(2009/C 76/08)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa tal-fehma li biex il-kunċetti tal-inklużjoni u s-solidarjetà jibqgħu robusti, il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tfittex bilanċ ekonomiku u soċjali ġdid, mingħajr ma taqa' għat-tentazzjoni li tgħabbi l-politika ta' koeżjoni b'wisq miri inkompatibbli.

isostni li l-objettivi tal-koeżjoni u t-tkabbir jistgħu — u għandhom — ikunu kompatibbli bejniethom, peress li dawn huma żewġ objettivi li għandhom rabta sfiqa u jisħaq fuq il-bżonn li niskopru kif it-tkabbir jista' jtejjeb il-koeżjoni u mhux kif il-koeżjoni tista' ssaħħaħ it-tkabbir.

jiddubita kemm hija mossa raġonevoli li l-politika ta' koeżjoni tkun assenjata l-objettivi tal-kompetittività għall-istrateġija tat-tkabbir u jitlob li ssir analiżi — fil-qafas tar-riflessjoni dwar il-konfigurazzjoni futura tal-fondi strutturali — tal-impatt tal-“earmarking” skont l-Istrateġija ta' Liżbona dwar ir-riżultati tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

huwa tal-fehma li jiġu analizzati l-possibbiltajiet li jitħejjew indikaturi ta' żvilupp u ġid aktar informattivi u komprensivi li jirriflettu, fil-livell reġjonali u lokali, id-differenzi pjuttost konsiderevoli fir-rigward tad-dħul, id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi, il-kwalità tal-kura tas-saħħa u l-proviżjon ta' tagħlim kulturali u vokazzjonali.

jixħet dawl fuq il-fatt li jekk nixtiequ li l-politika ta' koeżjoni taqdi rwol importanti fit-tisħiħ ta' bilanċ ekonomiku u soċjali ġdid, għandu jkollha r-riżorsi u l-mezzi adatti, filwaqt li jisħaq li l-livell attwali ta' finanzjament mhuwiex ħlief il-minimu li huwa meħtieġ biex din il-funzjoni titwettaq.

Rapporteur

:

Is-Sinjura Marta VINCENZI (PSE/IT), Sindku ta' Genova

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-ħames rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali

Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber

COM(2008) 371 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-istat tad-dibattitu

1.

huwa tal-fehma li hemm il-ħtieġa — li kulma jmur qed tikber — li l-politika ta' koeżjoni tingħata dimensjoni territorjali, minbarra dik ekonomika u soċjali, għaliex minkejja li sar progress u kien hemm titjib, mhux biss għad hemm disparitajiet ekonomiċi bejn ir-reġjuni, iżda l-problemi strutturali fi ħdan ir-reġjuni qed jikbru wkoll. Jisħaq fuq l-importanza li din id-dimensjoni territorjali timxi id f'id mar-rispett tal-prinċipji tal-ugwaljanza u l-proporzjonalità.

2.

jaqbel li għadd kbir ta' attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taw xhieda ta' valur miżjud. Il-fatt li proġett partikolari jiġi aċċettat jagħmilha aktar faċli li l-proġetti jattiraw finanzjament pubbliku u privat u li tiġi żviluppata l-innovazzjoni fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni b'aktar ħeffa.

3.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha mhux qed tqis l-effett ta' lieva tal-fondi strutturali, u jirreferi għall-opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat dwar din il-kwistjoni, fejn ippropona qafas ta' evalwazzjoni għad-diversi dimensjonijiet ta' valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni.

4.

jilqa' l-introduzzjoni tal-kunċett tar-reġjuni li għaddejjin minn bidla, li jiġbor fih mhux biss iż-żoni fl-istadji tal-phasing-in u l-phasing-out, iżda wkoll dawk ir-reġjuni li l-finanzjament tagħhom jiskadi fl-aħħar tal-perijodu ta' finanzjament 2007-2013, u jappoġġja s-soluzzjonijiet li qed jitħejjew għal dawn iż-żoni.

5.

jilqa' l-konsultazzjoni li saret qabel ma l-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali, li jixhed għall-fatt li l-partijiet kollha involuti qed ikomplu jirrikonoxxu u jappoġġjaw ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-kostruzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

6.

jinnota li tqajmet il-possibbiltà li jiġu introdotti kriterji ġodda u diversi ta' ammissibilità fid-dibattitu. Saru talbiet biex mhux biss jitqiesu l-PGD u d-DGN iżda wkoll l-istruttura demografika u fejn jgħixu n-nies (data dwar it-tixrid tal-popolazzjoni, u r-rati ta' tixjiħ u ta' dipendenza), is-suq tax-xogħol, il-provvista tas-servizzi, il-kundizzjonijiet ġeografiċi, il-wirt urban u rurali u l-fatturi ambjentali u klimatiċi. Nistghu ngħidu li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jiddependi minn dawn il-fatturi kollha. Bl-istess mod, l-indikaturi użati fil-Komunità kollha għad-demarkazzjoni tar-reġjuni eliġibbli kellhom valur siewi, iżda għall-evalwazzjoni sostantiva tal-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni għandha tintuża firxa usa' ta' indikaturi minn fost “basket” akbar ta' data.

7.

jittama li l-evalwazzjoni sostantiva tad-disparitajiet fl-iżvilupp u l-progress fil-qasam tal-koeżjoni ser tqis mhux biss il-PGD u d-DGN (Dħul Gross Nazzjonali), iżda s-suq tax-xogħol ukoll (data dwar l-impjiegi, il-mobilità u t-taħriġ), is-servizzi pprovduti (data dwar l-aċċess, l-effiċjenza u d-distribuzzjoni) u l-użu tal-art (data dwar id-daqs, il-kontinwità u l-poliċentriżmu), l-istruttura demografika u fejn jgħixu n-nies (data dwar it-tixrid tal-popolazzjoni, u r-rati ta' tixjiħ u ta' dipendenza), l-istandard ġenerali tal-edukazzjoni, l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni (data dwar ir-riżorsi allokati għall-R&D&I b'relazzjoni għall-PGD), u l-karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi ta' ċerti reġjuni, bħal pereżempju r-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni gżejjer jew dawk muntanjużi.

8.

isostni li l-isfidi tal-bidla fil-klima u l-problemi marbuta mal-provvista tal-enerġija ser ikomplu jkollhom effett — b'modi u livelli differenti — fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u ser jaffettwaw l-isforzi u l-kapaċitajiet tal-politika ta' koeżjoni.

9.

jenfasizza li waqt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għal dawn l-isfidi l-ġodda, joffru wkoll opportunità għall-UE minħabba li jistgħu jintużaw bħala “laboratorji” naturali għall-evalwazzjoni tal-impatt u għar-riċerka dwar kif jistgħu jingħelbu dawn l-isfidi b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-UE kollha.

10.

jenfasizza li għalkemm l-istatistika reġjonali hija strument ewlieni għat-titjib tal-kriterji ta' ammissibilità u t-tibdil tal-indikaturi ta' żvilupp, f'ħafna Stati Membri, fejn din id-data hija diġà disponibbli, hija diffiċli li tintuża jew li tiġi proċessata, u fejn mhijiex disponibbli jista' jkun diffiċli tinġabar jew titkejjel.

Objettivi u prijoritajiet

11.

jindika li l-għan jibqa' l-promozzjoni tal-koeżjoni Ewropea permezz tat-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-iżvilupp. Għalhekk l-appoġġ għandu jingħata l-ewwel u qabel kollox lir-reġjuni li huma l-aktar żvantaġġjati mil-lat ekonomiku, iżda biex il-politika ta' koeżjoni tirnexxi u tkun rilevanti għal kulħadd, għandha tħaddan ir-reġjuni Ewropej kollha.

12.

isostni li l-isfida ewlenija hija li titħaffef il-konverġenza tar-reġjuni li għadhom lura fir-rigward tal-iżvilupp, b'mod partikolari l-integrazzjoni taż-żoni fl-Istati Membri l-ġodda, kif intwera ta' spiss u kif xieraq fid-diversi rapporti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika ta' koeżjoni.

13.

iqis li għandha tingħata prijorità lill-fatt li n-nuqqasijiet fl-infrastruttura jiġu identifikati u indirizzati.

14.

jenfasizza li l-għan tal-politika ta' koeżjoni huwa li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u, fuq din il-bażi, li tikkontribwixxi għall-politiki settorjali tal-Unjoni Ewropea jew il-politiki nazzjonali kollha tal-Istati Membri.

15.

huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-politiki settorjali u ta' koeżjoni għadha mhix mifruxa biżżejjed u jsostni li għat-tisħiħ tal-approċċ integrat jeħtieġ li jiġu stipulati għad ta' objettivi orizzontali biex jiġi armonizzat, fl-ewwel lok, l-iżvilupp tal-agrikoltura, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

16.

jara ħtieġa ikbar fil-klima ekonomika attwali għal proġetti fil-qafas ta' netwerks jew clusters li jaqsmu l-fruntieri reġjonali.

17.

isostni li l-objettivi tal-koeżjoni u t-tkabbir jistgħu — u għandhom — ikunu kompatibbli bejniethom, peress li dawn huma żewġ objettivi li għandhom rabta sfiqa u jisħaq fuq il-bżonn li niskopru kif it-tkabbir jista' jtejjeb il-koeżjoni u mhux kif il-koeżjoni tista' ssaħħaħ it-tkabbir.

18.

jiddubita kemm hija mossa raġonevoli li l-politika ta' koeżjoni tkun assenjata l-objettivi tal-kompetittività għall-istrateġija tat-tkabbir u jitlob li ssir analiżi — fil-qafas tar-riflessjoni dwar il-konfigurazzjoni futura tal-fondi strutturali — tal-impatt tal-“earmarking” skont l-Istrateġija ta' Liżbona dwar ir-riżultati tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

19.

jenfasizza li l-partijiet kollha huma tal-fehma li r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tippermetti li l-ġestjoni tal-fondi tiġi ffaċilitata, iżda jwissi li r-riformi għandhom joqogħdu attenti li ma jissagrifikawx il-valur miżjud tal-parteċipazzjoni — f'diversi livelli — tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-gvernanza Komunitarja.

20.

isostni li l-ambjent legali u amministrattiv huwa essenzjali għas-suċċess tal-politika ta' koeżjoni u josserva li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali jirrappreżenta waħda mill-aktar riżorsi prezzjużi, iżda pjuttost moħbija, għat-tħaddim tal-politika ta' koeżjoni.

21.

jinnota li l-kompetizzjoni dejjem tikber b'rabta mal-effiċjenza produttiva u amministrattiva fost ir-reġjuni Ewropej hija fattur li għandna nqisu fir-rigward tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, peress li dan jaffettwa kemm inkunu kapaċi nattiraw investiment barrani u l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija.

22.

jilqa' l-iżvilupp tal-istrumenti ġodda u innovattivi tal-inġinerija finanzjarja fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni (bħar-revolving funds (fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw)) u, fl-istess ħin, jinnota li l-prinċipju ta' kofinanzjament huwa strument validu u effikaċi biex jiġi assigurat li jinżamm il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni.

23.

jenfasizza l-kontribut kbir li tista' tagħti l-politika ta' koeżjoni għall-viżibbiltà tal-proġett Ewropew u jinnota li l-Kummissjoni, bi sħab mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandha ssib modi aktar effettivi kif tinforma l-pubbliku Ewropew dwar il-benefiċċji u r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni.

L-istadji li jmiss

24.

josserva li l-prinċipji ta' konċentrazzjoni, il-programmazzjoni, il-kofinanzjament, l-addizzjonalità u s-sħubija, li fuqhom tissejjes il-politika Ewropea ta' koeżjoni attwali wrew x'isarrfu u jemmen li għandhom jibqgħu l-fulkru tal-azzjoni Komunitarja fil-ġejjieni.

25.

josserva li l-politika Ewropea ta' koeżjoni għandha tibqa' tissejjes fuq sħubija b'saħħitha fost il-livelli kollha tal-gvern, u għandha tinvolvi dejjem aktar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha, mid-definizzjoni tal-proġetti sal-evalwazzjoni tal-programmi.

26.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni territorjali — fir-rigward tal-valur miżjud u l-viżibilità lokali — għad-dimensjonijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni u jitlob li l-possibilitajiet li fetaħ l-istrument il-ġdid tar-REKT jiġu sfruttati bis-sħiħ.

27.

jitlob li d-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni tissaħħaħ, u jfakkar li filwaqt li ż-żoni urbani huma ta' spiss l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku, jostru wkoll disparitajiet ekonomiċi, inugwaljanzi soċjali u iżolament kulturali serji.

28.

jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni akbar tal-problemi taż-żoni rurali u d-diffikultajiet taż-żoni urbani, peress li l-kollegament bejn ir-realtà urbana u l-ambjent rurali huwa element essenzjali ta' politika integrata għall-iżvilupp reġjonali.

29.

jirrakkomanda li l-istrumenti ta' żvilupp rurali jiġu inkorporati mill-ġdid fil-politika ġenerali ta' koeżjoni, peress li l-fondi strutturali diġà jiffinanzjaw ħafna azzjonijiet b'objettivi paralleli u din l-għażla tista' tkun l-aħjar soluzzjoni biex nevitaw li l-proġetti u l-interventi jiġu ddupplikati.

30.

jipproponi li l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-istituzzjonijiet tal-istatistika jaħdmu flimkien biex ifasslu strumenti ġodda marbuta mal-istatistika reġjonali, bl-għan li l-impatt tal-politika ta' koeżjoni ikun evalwat b'mod rilevanti u ffokat, li l-indikaturi tal-iżvilupp ikunu definiti aħjar jew li l-kriterji ta' ammissibilità jkunu mirquma aktar.

31.

huwa tal-fehma li jiġu analizzati l-possibbiltajiet li jitħejjew indikaturi ta' żvilupp u ġid aktar informattivi u komprensivi li jirriflettu, fil-livell reġjonali u lokali, id-differenzi pjuttost konsiderevoli fir-rigward tad-dħul, id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi, il-kwalità tal-kura tas-saħħa u l-proviżjon ta' tagħlim kulturali u vokazzjonali.

32.

josserva li l-possibbiltà li jintużaw forom integrati ta' finanzjament, bħall-hekk imsejħa revolving funds (fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw) b'fondi ta' kapital spekulattiv u s-self b'imgħax baxx, tista' tipproduċi effett multiplikatur mingħajr ma titħarbat is-sistema ta' sussidji tal-politika ta' koeżjoni.

33.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-ġejjieni ser jintalbu jinvestu aktar milli għamlu fil-passat fil-provvista tas-servizzi ta' interess ġenerali u l-appoġġ li jingħatalhom sabiex jitneħħew id-diskrepanzi li jeżistu, speċjalment fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u t-trasport.

34.

ifakkar li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw l-isfida demografika tax-tixjiħ gradwali tal-popolazzjoni tagħha u jenfasizza li wieħed mill-aspetti ta' din il-bidla huwa d-domanda dejjem tikber għas-servizzi pubbliċi, partikolarment il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, li jiggarantixxu l-istess effiċjenza u kwalità lil kulħadd.

35.

isostni li s-semplifikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u l-obbligi li jingħata rendikont u l-proċeduri ta' monitoraġġ għandhom jintrabtu mad-daqs tal-interventi u l-lokalizzazzjoni ġeografika tal-proġetti biex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiġi deċentralizzata l-ġestjoni tagħhom.

Konklużjoni

36.

isostni li l-Unjoni Ewropea għandha tirrikonoxxi u ssaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni biex tippermetti żvilupp ekonomiku u soċjali li mhux biss ikun ibbilanċjat u sostenibbli fost id-diversi reġjuni, iżda wkoll poliċentriku u armonjuż fir-reġjuni nnifishom.

37.

jenfasizza li l-koeżjoni għadha sfida importanti, peress li mhux talli għad hemm diskrepanzi konsiderevoli fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali fost id-diversi reġjuni u fi ħdanhom iżda dawn kibru mill-aħħar tkabbir tal-Unjoni Ewropea 'l hawn.

38.

huwa tal-fehma li biex il-kunċetti tal-inklużjoni u s-solidarjetà jibqgħu robusti, il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tfittex bilanċ ekonomiku u soċjali ġdid, mingħajr ma taqa' għat-tentazzjoni li tgħabbi l-politika ta' koeżjoni b'wisq miri inkompatibbli.

39.

jixħet dawl fuq il-fatt li jekk nixtiequ li l-politika ta' koeżjoni taqdi rwol importanti fit-tisħiħ ta' bilanċ ekonomiku u soċjali ġdid, għandu jkollha r-riżorsi u l-mezzi adatti, filwaqt li jisħaq li l-livell attwali ta' finanzjament mhuwiex ħlief il-minimu li huwa meħtieġ biex din il-funzjoni titwettaq. Għandha wkoll tirreaġixxi għall-pressjoni li jiġi kkontrollat l-infiq dovut għall-kriżi finanzjarja dinjija, sitwazzjoni li tixhed għall-fatt li l-bżonn li l-politiki ta' koeżjoni jiġu implimenatati huwa akbar minn qatt qabel.

40.

josserva li l-koeżjoni għandha żżomm dimensjoni Ewropea u tirreżisti kull tentattiv ta' rinazzjonalizzazzjoni tal-isforz Komunitarju, li l-valur miżjud tiegħu huwa rifless ukoll fil-fatt li huwa politika komuni wiesgħa b'objettivi ċari li jistgħu jirreaġixxu għall-isfidi kontinentali u globali, u li hija kapaċi tadatta ruħha għall-bżonnijiet reġjonali u lokali.

41.

jenfasizza l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni, peress li l-investiment jipproduċi effetti strutturali fit-tul fuq l-ekonomiji reġjonali u lokali, jippromovi approċċi innovattivi għall-iżvilupp u għall-impjiegi u għandu impatt qawwi fuq il-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet u l-intrapriżi.

42.

jitlob li jiġu applikati strumenti finanzjarji ġodda, li jistgħu jikkontribwixxu b'mod aktar sempliċi u effettiv għall-investiment, l-aktar fir-reġjuni li jeħtieġu ristrutturazzjoni u innovazzjoni, b'mod partikolari biex jappoġġjaw ir-rwol u l-iżvilupp tal-SMEs.

43.

ifakkar li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fl-istadji kollha, mill-ippjanar sal-evalwazzjoni, minħabba li jirrappreżentaw il-livell ta' gvern l-aktar qrib tad-destinatarji finali u ta' dawk li għandhom l-akbar responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni.

Brussell, is-27 ta' Novembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE