28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa

2009/C 120/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (l-Att) u jaqbel mal-aġenda tal-politika li qed tiġi segwita u li qed tfittex li toffri żvolta lill-politika tal-UE dwar l-SMEs billi toffri qafas li jiffaċilita l-promozzjoni tal-intraprenditorija u liġijiet li jgħinu lill-SMEs filwaqt li jippermettu li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medji jikbru madwar l-Ewropa permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”;

jagħraf li l-Att ma jorbotx b’mod legali iżda jqis li, biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u jkun hemm garanzija tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, l-Att irid ikun jorbot politikament u joffri direzzjoni lill-politika tal-SMEs u gvernanza stabbli lill-istruttura ta’ din il-politika u għalhekk jappella lill-Kunsill Ewropew biex jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward u lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kontrazzjoni attwali fl-ekonomija u l-kriżi fis-settur internazzjonali tal-banek għandu impatt sproporzjonat fuq il-kapaċità tal-SMEs li jiksbu aċċess għall-fondi u jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li s-settur bankarju jqis b’mod xieraq il-kondizzjonijiet diffiċli li l-SMEs jaħdmu fihom u li r-rakkomandazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom fil-Ħames Roundtable (1) bejn il-banek u l-SMEs li jfittxu li jiżguraw li n-negozji ż-żgħar ikollhom aċċess akbar għall-fondi jiġu implimentati b’mod sħiħ;

jagħraf li l-infilsar tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fl-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma huwa l-approċċ korrett u għandu jgħin fil-monitoraġġ u jappella li ssir valutazzjoni annwali rigoruża f’dan il-kuntest biex jitkejjel il-progress tal-politika dwar l-SMEs f’kull Stat Membru meta mqabbel ma’ miri u skandenzi li jkun hemm ftehim dwarhom, b’rakkomandazzjonijiet għal miżuri kkonċertati fil-ġejjieni, dan għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att u l-miri tiegħu.

Rapporteur

:

Is-Sinjura Hanniffy (IE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Offaly, l-Awtorità Reġjonali ta’ Midland u l-Fruntiera, il-Midland u l-Assemblea Reġjonali tal-Punent

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa

COM(2008) 394 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (l-Att) u jaqbel mal-aġenda tal-politika li qed tiġi segwita u li qed tfittex li toffri żvolta lill-politika tal-UE dwar l-SMEs billi toffri qafas li jiffaċilita l-promozzjoni tal-intraprenditorija u liġijiet li jgħinu lill-SMEs filwaqt li jippermettu li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medji jikbru madwar l-Ewropa permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”;

2.

jagħraf li l-Att ma jorbotx b’mod legali iżda jqis li, biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u jkun hemm garanzija tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, l-Att irid ikun jorbot politikament u joffri direzzjoni lill-politika tal-SMEs u gvernanza stabbli lill-istruttura ta’ din il-politika u għalhekk jappella lill-Kunsill Ewropew biex jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward u lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra;

3.

jemmen li fil-klima ekonomika attwali l-Attt u l-għanijiet tiegħu issa saru iktar importanti minn qabel peress li l-SMEs joffru potenzjal li għadu mhux sfruttat għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi. jqis ukoll li l-att jipprovdi opportunità għal tmexxija politika u li jikkonkretizza l-kunfidenza fis-settur tal-intrapriża Ewropea.

4.

jirrakkomanda li fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE d-diversità tal-SMEs, fid-daqs, il-forma, l-oqfsa regolatorji u l-kulturi tan-negozju li fihom huma joperaw, jridu jitqiesu, flimkien mal-profili varji żgħar ħafna/żgħar/medji tal-intrapriżi u l-prestazzjoni differenti tan-negozji skont ir-reġjuni u għalhekk jissuġġerixxi li l-Att għandu jipprovdi għarfien aktar espliċitu tad-dimensjoni lokali u reġjonali biex iqis b’mod xieraq u sħiħ dawn il-fatturi kollha.

5.

jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-intrapriżi u jħeġġeġ li jkun hemm kawtela biex ma tintefax enfażi żejda fuq il-bidu u l-SMEs il-ġodda għad-detriment tan-negozji li jkunu stabbiliti u dawk li jkunu għaddejjin minn żvilupp jew restrutturazzjoni.

6.

jagħraf l-importanza tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ intraprenditorija; jilqa’ l-Gimgħa Ewropea tal-SMEs u “l-Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ” iżda jqis li biex l-ispirtu tal-intraprenditorija jidħol fil-kuxjenza nazzjonali u dik Ewropea rridu nibdew fl-iskejjel u bl-iżvilupp ta’ djalogu ġenwin bejn nies b’negozju żgħir, l-istudenti u l-għalliema u għalhekk, jappella lill-Istati Membri biex jagħtu aktar importanza lill-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali u l-iżvilupp ta’ mentalità intraprendenti fost l-istudenti u lit-taħriġ tal-għalliema u r-reviżjoni tal-Programm ta’ Ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 skont il-bżonn;

7.

jilqa’ l-għarfien li hemm fl-Att tal-ħtiġijiet partikolari tal-intrapredituri nisa iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri immigranti, li minħabba fiċ-ċirkostanzi, ġeneralment huma iktar intraprendenti u jibżgħu inqas mir-riskju u jirrakkomanda li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, il-minoranzi u l-intraprendituri ta’ età aktar avvanzata barra mill-ħolqien tad-distinzjoni bejn l-isfidi u l-ħtiġijiet differenti tal-intraprendituri mill-UE u l-migranti minn pajjiżi terzi.

8.

jisħaq fuq ir-rilevanza partikolari tal-flessikurità kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema fl-SMEs u jappella li l-flessikurità tiddaħħal iktar fl-Att;

Garanzija ta’ Livell Għoli ta’ Implimentazzjoni u Twaqqif ta’ Proċeduri ta’ Valutazzjoni

9.

jagħraf li l-infilsar tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fl-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma huwa l-approċċ korrett u għandu jgħin fil-monitoraġġ u jappella li ssir valutazzjoni annwali rigoruża f’dan il-kuntest biex jitkejjel il-progress tal-politika dwar l-SMEs f’kull Stat Membru meta mqabbel ma’ miri u skandenzi li jkun hemm ftehim dwarhom, b’rakkomandazzjonijiet għal miżuri kkonċertati fil-ġejjieni, dan għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att u l-miri tiegħu;

10.

jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jinżamm kompletament informat dwar il-valutazzjonijiet annwali u jenfasizza li ser ikun qed josserva l-progress fil-livell lokali u reġjonali, permezz tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Liżbona li hija stabbilita sew;

11.

iqis li peress li qed jiġu proposti aktar minn 90-il miżura, fl-Att, il-miżuri għandhom jitpoġġew fi skala ta’ prijorità għax dan jgħin il-proċess tal-implimentazzjoni, u biex jintlaħqu riżultati konkreti għall-SMEs u jidħol sens ta’ urġenza dwar l-azzjoni. F’dan ir-rigward jissuġġerixxi: (a) l-aċċess għall-finanzi; (b) il-viċinanza għall-implimentazzjoni sħiħa lejn il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għal ambjent regolatorju u amministrattiv aħjar; u (c) it-titjib tal-aċċess għas-swieq, fosthom l-akkwist pubbliku; bħala oqsma ta’ azzjoni prijoritarji;

12.

jilqa’ l-ħsieb li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u jisħaq li dawn il-prinċipji japplikaw mill-UE għall-pajjiżi iżda wkoll għall-livell lokali u reġjonali;

13.

jappella lill-Kummissjoni li tagħti aktar informazzjoni dwar il-mod kif it-“test tal-SMEs” se jiġi meqjus bħala parti mill-proċessi ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, fir-rigward tal-iskop u n-natura tal-impatt li jridu jiġu vvalutati u l-livell u ż-żmien ta’ konsultazzjoni li ser jittieħdu;

14.

jenfasizza li l-komunikazzjoni ma tiżviluppax biżżejjed ir-rwol tar-Rappeżentant tal-SMEs u jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-Rappreżentant tal-SMEs jingħata riżorsi politiċi u finanzjarji adegwati biex ikun jista’ jimplimenta b’suċċess l-għanijiet tal-Att u jtejjeb il-viżibbiltà u l-sensibilizzazzjoni dwar l-attività marbuta mal-politika tal-SMEs;

15.

jappoġġja l-għan tal-istatut għal Kumpanija Privata Ewropea (SPE) li jnaqqas l-ispejjeż biex titwaqqaf kumpanija u jissemplifika l-qafas regolatorju biex jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali u biex jelimina kull ostakolu;

16.

jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-aħjar prattiki u l-amministrazzjoni tajba li diġà jeżistu fl-Istati Membri u l-gvernijiet lokali u reġjonali tagħhom fil-promozzjoni tal-intraprenditorjia u l-ħolqien ta’ politiki b’mod li jgħin lill-SMEs ma jidgħajfux minħabba f’miżuri li jkun hemm fl-Att u il-proposti leġiżlattivi l-ġodda;

17.

iqis li d-dipendenza fuq il-programmi differenti u fuq strumenti finanzjarji preeżistenti għall-kisba tal-miri tal-SBA mingħajr strumenti ta’ finanzjament addizzjonali hi nuqqas.

Titjib fl-aċċess għall-finanzi

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kontrazzjoni attwali fl-ekonomija u l-kriżi fis-settur internazzjonali tal-banek għandu impatt sproporzjonat fuq il-kapaċità tal-SMEs li jiksbu aċċess għall-fondi u jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li s-settur bankarju jqis b’mod xieraq il-kondizzjonijiet diffiċli li l-SMEs jaħdmu fihom u li r-rakkomandazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom fil-Ħames Roundtable (2) bejn il-banek u l-SMEs li jfittxu li jiżguraw li n-negozji ż-żgħar ikollhom aċċess akbar għall-fondi jiġu implimentati b’mod sħiħ. Dawn jinkludu: (i) trasparenza akbar bejn il-bankiera u l-SMEs; (ii) il-kombinazzjoni tad-dejn mal-eqwità; (iii) żjieda fil-volum tas-self mas-sekurizzazzjoni; (iv) investiment transkonfinali aktar ħafif fil-kapital ta’ riskju; u (v) regolamentazzjoni aħjar tal-mikro kreditu;

19.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal-isforzi tagħhom biex ikun hemm diversi strumenti finanzjarji disponibbli għall-SMEs iżda b’mod ferm jitlob lill-Kummissjoni biex terġa tivvaluta l-inizjattiva JEREMIE b’mod partikolari – biex tindirizza l-kopertura ġeografika tagħha li tvarja madwar l-UE u tqis aħjar l-implikazzjonijiet potenzjali għall-oqsma l-oħra ta’ politika, bħalma huma l-politika tal-kompetizzjoni, li qed ifixklu mill-applikazzjoni sħiħa jew parzjali tal-inizjattiva f’xi reġjuni Il-KtR jirrakkomanda wkoll li l-grupp tal-BEI jkun aktar proattiv fil-komunikazzjoni dwar ir-rwol tiegħu, il-valur miżjud u l-metodi tal-aċċess għall-JEREMIE u l-programm CIP;

20.

Jirrakkomanda li l-miżuri finanzjarji tal-UE jiġu akkumpanjati minn strumenti kumplimentari li jiżguraw li l-SMEs jkollhom opportunità akbar ta’ suċċess u jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-imsieħba naturali biex jipprovdu dan l-appoġġ supplimentari;

21.

jilqa’ l-emenda proposta għad-Direttiva dwar il-ħlasijiet li jsiru tard li għandha tikkontribwixxi biex tiżgura li l-SMEs jitħalsu fil-ħin iżda jenfasizza li l-infurzar ta’ din id-Direttiva tibqa’ l-kwistjoni ewlenija u l-Istati Membri jridu jaħdmu biex itjebu l-kultura tal-ħlas fost in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u jappella lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jirreaġixxu għat-tħassib li l-Ombudsman Ewropew esprima riċentement biex jitħaffu l-mezzi li bihom isiru l-ħlasijiet lill-kuntratturi, il-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra (3);

22.

iqis li, fid-dawl tal-varjetà fid-daqs u l-ambitu tal-SMEs, li numru ta’ programmi tal-UE jista’ jkollhom miżuri mfassla b’mod aktar speċifiku għall-intrapriżi żgħar ħafna, żgħar u medji biex l-intrapriżi żgħar ħafna ma jkollhomx jikkompetu ma’ kumpaniji ta’ daqs medju għandhom possibbiltajiet u kundizzjonijiet imtejba ta’ finanzjament, aħjar biex jirċievu appoġġ finanzjarju ewlieni jew forom oħra ta’ sostenn;

23.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li r-regim tal-VAT jiġi ssemplifikat bl-introduzzjoni ta’ livell ta’ eżenzjoni uniformi u direttiva li tgħolli l-livell li fih tibda titħallas il-VAT u jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jirrevedu xi aspetti oħra tal-politika fiskali bil-ħsieb li jtejbu l-kondizzjonijiet biex il-profitt f’kumpanija jiġi investit mill-ġdid, ikun hemm fluss ta’ flus kontanti u t-trasferiment tan-negozju;

24.

jilqa’ r-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali ta’ Kategorija li jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna tal-Istat lill-SMEs, liż-żvilupp reġjonali, l-innovazzjoni, ir-riċerka, it-taħriġ, l-impjiegi u l-kapital ta’ riskju mingħajr ma l-ewwel javżaw lill-Kummissjoni u jinnota ż-żjieda fil-livell massimu permess fir-Regolament De minimis minn EUR 100 000 għal EUR 200 000.

25.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u, meta jkun rilevanti lill-Istati Membri, li jivvalutaw il-firxa ta’ programmi, inizjattivi u netwerks ta’ appoġġ għan-negozji, billi fejn ikun possibbli ġġib flimkien strumenti u fondi bil-għan li ttejjeb il-viżibbiltà tagħhom u jkun hemm koerenza akbar għall-SMEs, (dan il-punt jista’ jingħaqad mal-punt 4446 (d) dwar il-punti ta’ kuntatt uniċi);

26.

Jirrakkomanda b’qawwa li l-Kummissjoni ddaħal l-aħjar prattiki lokali u reġjonali fid-diskussjonijiet l-oħra tagħha fil-livell Ewropew. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jistimulaw il-potenzjal tal-kapital privat disponibbli billi joħolqu u jiffinanzjaw netwerks ta’ “kapital informali”, li jġibu l-investituri privati f’kuntatt ma’ kumpaniji fl-aktar fażi bikrija jew li għadhom fil-bidu;

Regolamentazzjoni aħjar għall-benefiċċju tal-SMEs

27.

jagħraf l-introduzzjoni li qed tiġi proposta ta’ dati ta’ bidu komuni għar-regolamenti marbutin mal-SMEs; jistaqsi jekk dan ikollux impatt li jinħass fuq it-tħaffif tal-piż amministrattiv fuq l-SMEs u jirrakkomanda li dan jiġi vvalutat wara perjodu ta’ prova fil-bidu;

28.

jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li n-negozji żgħar ħafna m’għandhomx ikollhom għalfejn jirrispondu għal stħarriġ statistiku lokali aktar minn darba fi tliet snin iżda jenfasizza li data annwali hi meħtieġa għall-analiżi ta’ politika bbażati fuq l-evidenza u jirrakkomanda li jkun aktar xieraq li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba biss” sabiex jitnaqqas l-irduppjar tat-tweġibiet f’uffiċċji differenti bħal pereżempju għal finijiet ta’ taxxa, u statistika;

29.

jixtieq jenfasizza x-xkiel konsiderevoli għad-dħul u l-espansjoni tal-mikroskala minħabba fl-“indurar” tal-leġiżlazzjoni u jitlob li jsir iktar biex jidħlu miżuri li jindirizzaw din il-problema fl-Att;

30.

jilqa’ l-impenn li jitneħħew l-ostakoli li jeżistu għat-trasferiment tan-negozji u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din hi kwistjoni importanti speċjalment fit-trasferiment tan-negozju bejn membri tal-familja peress li numru mdaqqas ta’ sidien tal-SMEs qed jikbru fiż-żmien u ser jirtiraw min-negozju fl-għaxar snin li jmiss; bl-istess mod, jenfasizza li hemm kwistjonijiet simili għall-proprejtarji u l-operaturi tal-SMEs;

31.

japprezza i-Il-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jimmiraw li fi żmien sena jtemmu l-proċedimenti legali għal fallimenti mhux qarrieqa u li dawk li jerġgħu jibdew mill-ġdid jenħtieġu jiġu trattati bl-istess mod bħal min għadu se jibda għall-ewwel darba, iżda jappella lill-Kummissjoni biex tindirizza l-isfida simili għalkemm differenti li jsibu ma fiċċhom l-intrapredituri li ma jkunu ddikkjarati formalment bħala falluti;

32.

jistenna bil-ħerqa il-ftehim dwar is-sistema ta’ ġurisdizzjoni mifruxa mal-UE għall-privattiva u jilqa’ d-dispożizzjonijiet ugwali proposti fl-Istatut għal Kumpanija Privata Ewropea, ser jagħmluha possibbli għall-SMEs sabiex jiffrankaw il-ħin u jitnaqqsu l-ispejjeż u jagħti parir li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom biex jiżguraw li l-għanijiet jintlaħqu;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-piż tal-ispiża tal-firxa ta’ assigurazzjonijiet meħtieġa mill-SMEs (bħalma huma dawk għar-responsabbiltà pubblika u ta’ min iħaddem u l-assigurazzjoni għall-impjieg ta’ min iħaddem) u t-tfixkil li dan jista’ joffri lill-iżvilupp u saħansitra s-soppravvivenza tagħhom u jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jaħdmu mal-industrija tal-assigurazzjoni biex jaraw jekk hemmx xi miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu biex jirrispondu għall-preokkupazzjonijiet partikolari tal-SMEs;

L-iffaċilitar tal-aċċess għas-Swieq

34.

iqis li l-Att għandu jagħraf ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffaċilitaw it-tkabbir transkonfinali tal-SMEs u b’mod partikolari joffru aċċess għall-informazzjoni li l-SMEs ikollhom bżonn biex joperaw fuq skala internazzjonali bħal pereżmepju dwar l-oqfsa u r-rekwiżiti regolatorji, it-taxxa, il-proċeduri tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u servizzi ta’ konsulenza u sostenn għall-SMEs;

35.

jagħraf ir-rwol tal-investiment barrani dirett bħala mezz biex l-SMEs ikollhom aċċess għas-swieq internazzjonali u jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri li jiżguraw li l-SMEs jkollhom parteċipazzjoni akbar fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni peress li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ twassal għal diffużjoni importanti tat-teknoloġija, mudelli tan-negozju aktar effiċjenti u bħala riżultat ta’ dan il-kompetittività ġenerali tal-SMEs fuq pjan internazzjonali titjieb; jappoġġja l-komunikazzjoni riċenti dwar il-clusters ta’ klassi dinjija (4) u l-għan li l-SMEs jiġu integrati aħjar fi clusters u jiġi sostnut it-trasferiment tal-għarfien u l-internazzjonalizzazzjoni;

36.

jenfasizza t-theddida dejjem tikber tal-bejgħ illegali u jappella lill-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi li dan ipoġġi quddiem l-SMEs, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri li jistgħu jtejbu l-ħarsien tal-proprjetà intellettwali u jiġġieldu l-falsifikazzjoni b’mod aħjar;

Titjib tal-aċċess għas-swieq – Parteċipazzjoni akbar fl-akkwist pubbilku

37.

jinnota li s-suq tal-akkwist pubbliku jibqa’ fframmentat u l-akkwist transkonfinali għadu limitat u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas aktar trasparenti li jkun jista’ jiftaħ is-suq tal-akkwisti fl-UE u jipprovdi opportunitajiet ulterjuri lill-SMEs;

38.

jilqa’ l-kodiċi Ewropew tal-aħjar prattiki dwar l-iffaċilitar tal-aċċess tal-akkwist pubbliku mill-Kummissjoni (5) għall-SMEs u jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromovu miżuri kuntrattwali innovattivi biex ikabbru l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku bħala li s-sejħiet għall-offerti jinqasmu fi gruppi jew l-inklużjoni ta’ opportunitajiet biex ikun hemm kooperazzjoni fejn hu xieraq fis-sejħa għall-offerti;

39.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tuża’ l-Enterprise Europe Network (EEN) biex tippromovi l-kodiċi tal-aħjar prattika fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali tul l-2009, biex tiffaċilita l-iskambji dwar l-aħjar prattiki u tibbilanċja mill-ġdid il-kultura tax-xiri fi ħdan dawn l-awtoritajiet u jenfasizza l-ħtieġa li l-EEN taħdem mal-assoċjazzjonijiet rappreżentanti xierqa dwar dan f’kull Stat Membru;

40.

japprezza l-importanza li l-SMEs jegħlbu l-ostakli tal-bidu għas-suq tal-akkwist pubbliku, peress li l-SMEs li jkollhom l-akbar suċċess għandhom it-tendenza li jkollhom l-akbar esperjenza tal-proċess tas-sejħiet għall-offerti u għalhekk iħeġġeġ li l-SMEs ikollhom provvista aħjar ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet li jeżistu fis-suq tal-akkwist pubbliku u li jiġi żgurat li l-SMEs jiżviluppaw approċċ strateġiku biex jidħlu fis-suq li hu informat tajjeb;

41.

jagħraf li hemm piż amministrattiv eċċessiv fuq l-SMEs fit-tħejjija tal-offerti u jissuġġerixxi li l-użu ta’ kwistjonarji ta’ prekwalifika, li jnaqqsu ħafna x-xogħol meħtieġ biex l-istess informazzjoni tiġi adattata għal offerti oħra wara, jista’ jkun aktar mifrux fl-Istati Membri kollha;

42.

jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp potenzjali li ftit li xejn hu sfruttat tal-akkwist elettroniku; jissuġġerixxi li l-vantaġġi miksuba mit-tnaqqis tal-ispejjeż ipprovduti mis-soluzzjonijiet tal-ICT għall-SMEs jeħtieġu jiġu sfruttati aktar peress li attwalment terz biss tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku madwar l-UE huma aċċettati f’format elettroniku u għalhekk jappella li dan l-aspett ikun indirizzat aħjar fl-Att u implimentat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

Id-dimensjoni lokali u reġjonali

43.

jagħraf li r-rwol li jista’ jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar u jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħdmu b’mod kostruttiv mal-awtoritajiet, b’mod partikolari, biex jiżguraw li l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” jkun imdaħħal sew fit-tfassil tal-politiki biex l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha tikkontribwixxi lejn l-appoġġ tal-intraprendituri;

44.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu ambjent li joffri ċerti possibbiltajiet lill-SMEs, li huma klijenti importanti għall-oġġetti u s-servizzi tagħhom u li jipprovdu firxa ta’ servizzi ta’ sostenn ta’ natura konsultattiva, finanzjarja u oħrajn bħalma huma l-offerta ta’ stabbilimenti għan-negozju bi prezzijiet aċċessibbli;

45.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jagħmlu l-Att tagħhom u fejn hu possibbli jkunu politikament aktar responsabbli billi jsostnu l-SMEs tagħna billi jkunu aktar konxji tal-ħtiġijiet tagħhom; jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu; jirrispondu għall-ħtiġijiet tagħhom u jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom;

46.

F’dan ir-rigward, jinkoraġġixxu l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha biex ikunu proattivi billi jindirizzaw l-ħtiġijiet tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju f’oqsma bħalma huma:

a)

It-twaqqif ta’ fora konsultattivi, bejn il-gvern lokali/reġjonali u l-interessi tal-SMEs, li jikkontribwixxu lejn it-titjib tal-konsultazzjoni u jaħdmu lejn politika pubblika li tirrispondi għan-negozji ż-żgħar;

b)

It-titjib u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kuntratti fis-settur pubbliku billi tiġi bbilanċjata mill-ġdid il-kultura tax-xiri u l-proċeduri tal-akkwist fl-awtoritajiet tagħhom, sabiex ikun aktar faċli għall-kumpaniji ż-żgħar li joffru jew ikunu parti minn offerta ma’ kumpaniji oħra. Barra minn hekk, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jiffaċilitaw l-użu tal-akkwist elettroniku, li jikkontribwixxi biex jonqsu l-piżijiet fuq l-SMEs fil-proċess tal-offerti;

c)

Il-valutazzjoni tal-livell tar-rati, ħlasijiet u nollijiet li l-awtoritajiet jitolbu lis-settur tan-negozji u jfittxu l-mezzi biex jibbilanċjaw mill-ġdid l-kontribuzzjonijiet għall-baġits tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-ħsieb li japplikaw għall-kollox il-prinċipju li jħallas min juża’ u jnaqqsu l-piż finanzjarju fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

d)

Il-ħidma mal-aġenziji rilevanti fl-oqsma tagħhom biex l-aċċess għall-informazzjoni, it-taħriġ u l-konsulenza għall-SMEs jiġu kkoordinati aħjar – u jiżviluppaw strateġiji koerenti lokali u reġjonali dwar l-offerta tal-informazzjoni, b’ punt uniku ta’ kuntatt li jkun magħruf b’mod mifrux – Bażi ta’ Għarfien lokali u reġjonali, biex jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-SMEs f’kull stadju tal-iżvilupp tan-negozju. Punti ta’ kuntatt uniċi fil-livelli xierqa lokali u reġjonali – li huma viċin ta’, u aċċessibbli għall-intrapriżi – jistgħu jnaqqsu l-frustrazzjoni, il-ħela ta’ ħin u l-opportunitajiet li jintilfu min-negozji żgħar u medji.

e)

It-tħeġġiġ tal-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku għall-SMEs u l-interazzjonijiet diġitali magħhom;

Faċilitar tal-iżvilupp tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħiliet

47.

jikkunsidra li l-Att għandu bżonn jiffoka fuq li tiżdied l-effikaċja tat-trasferiment tat-teknoloġija mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-SMEs, il-ħolqien tal-ambjent u l-infrastruttura meħtieġa għall-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija huwa ta’ importanza kruċjali għas-sostenn tal-kompetittività, l-invenzjoni mill-ġdid ta’ negozji ġodda, il-ġlieda kontra l-qagħad u l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp fl-SMEs;

48.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dibattitu attwali dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jidhru li huma mmirati lejn l-intrapriżi l-kbar u kumpaniji fil-bidu li għandhom potenzjal kbir, dan għandu effett ħażin fuq il-bilanċ tal-ispazji billi jsaħħaħ il-konċentrazzjonijiet li diġà jeżistu tal-attività ekonomika f’ċentri urbani kbar u jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li dan ipoġġi quddiem SMEs li joperaw barra minn dawn iż-żoni ekonomiċi;

49.

jinnota li d-definizzjoni tal-innovazzjoni fl-Att hija dejqa ħafna u tirreferi għall-innovazzjoni fit-teknoloġija avvanzata u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni li jqis klassifika aktar wiesgħa tal-innovazzjoni billi tikkunsidra l-livelli u t-tipi ta’ innovazzjoni differenti li qed iseħħu f’diversi industriji u attivitajiet tal-SMEs madwar l-UE;

50.

jilqa’ il-proposta li tiġi żviluppata viżjoni globali tal-ħiliet li ser ikunu meħtieġa fil-ġejjieni fl-UE iżda jappella lill-Kummissjoni li taħdem mar-reġjuni biex tiżviluppa din il-viżjoni fil-livell reġjonali u fejn xieraq, lokali u mhux biss fil-livell tal-Istati Membri, minħabba fid-diversità tal-ekonomiji reġjonali u l-ħtiġijiet tagħhom għall-ħiliet;

L-isfidi ambjentali li jinbidlu f’opportunitajiet

51.

jinnota li l-komunikazzjoni ma tirreferix għall-Programm ta’ Assistenza għall-Konformità mal-Ambjent (ECAP) u jirrakkomanda li dan jinbidel biex ikun żgurat li r-rekwiżiti tal-konformità ambjentali jkunu propozjonati mal-impatt tal-kumpanija fuq l-ambjent;

52.

jqis li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ inċentivi u użu aktar innovattiv tal-politika fiskali mill-Istati Membri għall-SMEs biex jinvestu fi prodotti u proċessi li jirrispettaw l-ambjent jikkontribwixxu lejn użu akbar min-negozji ż-żgħar u jtejjeb b’mod sinifikanti l-għarfien dwar dawn il-prodotti u l-proċessi.

Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Kummissjoni Ewropea. Roundtable bejn il-Bankiera u l-SMEs. Mejju 2007.

(2)  Kummissjoni Ewropea. Roundtable bejn il-Bankiera u l-SMEs. Mejju 2007.

(3)  Bejn l-2005-2007, il-Kummissjoni irnexxielha tnaqqas bin-nofs il-persentaġġ tal-ħlasijiet tard tagħha. Madankollu fl-2007, kien hemm dewmien li kien jinvolvi aktar minn 22% tal-ħlasijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn klusters ta’ klassi dinjija fl-Unjoni Ewropea”- COM(2008) 652)

(5)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SEC(2008) 2193): Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għall-Iffaċilitar tal-Aċċess mill-SMEs għall-Kuntratti tal-Akkwist Pubbliku.