31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/14


Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi

(2009/C 76/03)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Jisħaq fuq l-importanza ta' strateġija Ewropea li tkun tista' tappoġġja t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, ibbażata fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kompetittività, speċjalment meta wieħed iqis il-kriżi attwali tas-swieq finanzjarji u l-impatt ekonomiku previst. Fl-istess ħin l-istrateġija għandha ssir iktar sostenibbli kemm billi tħares il-prinċipji tal-koeżjoni u l-appoġġ reċiproku kif ukoll l-ambjent;

Jinnota li, minkejja s-sejħa tiegħu għal sħubija Ewropea, l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi li tnediet mill-ġdid fl-2005 mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, il-Kumitat ma rnexxilux jinvolvi lill-atturi istituzzjonali bi rwol ewlieni suffiċjenti fl-implimentazzjoni; u josserva li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għaraf “ir-rwol tal-livell lokali u dak reġjonali biex ikun hemm tkabbir u impjiegi” u li “appartenenza akbar tal-aġenda ta' tkabbir u impjiegi fil-livelli kollha tal-gvern twassal għal tfassil aktar koerenti u effettiv tal-politika”;

Jinnota li dan in-nuqqas fir-rigward tal-appartenenza tal-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi msemmija hawn fuq huwa l-kaġun għalfejn l-għanijiet ta' Liżbona ma rnexxilhomx jikkonvertu f'politiki integrati fil-livelli kollha tal-gvern, u li dan wassal għal proċessi li mhumiex dejjem l-iktar effettivi fir-rigward tal-użu tar-riżorsi tal-produzzjoni, tal-finanzi u tar-riżorsi umani u soċjali identifikati għall-ksib tal-għanijiet tat-tkabbir ekonomiku u impjiegi aħjar.

Rapporteur

:

Flavio DELBONO (IT/ALDE)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

Jinnota d-diskrepanza tiżdied bejn it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u l-bqija tad-dinja, partikularment b'riżultat tal-kundizzjonijiet li qed jinbidlu minħabba l-globalizzazzjoni tas-swieq;

2.

Jisħaq fuq l-importanza ta' strateġija Ewropea li tkun tista' tappoġġja t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, ibbażata fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kompetittività, speċjalment meta wieħed iqis il-kriżi attwali tas-swieq finanzjarji u l-impatt ekonomiku previst. Fl-istess ħin l-istrateġija għandha ssir iktar sostenibbli kemm billi tħares il-prinċipji tal-koeżjoni u l-appoġġ reċiproku kif ukoll l-ambjent;

3.

Jinnota li, minkejja s-sejħa tiegħu għal sħubija Ewropea, l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi li tnediet mill-ġdid fl-2005 mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, il-Kumitat ma rnexxilux jinvolvi lill-atturi istituzzjonali bi rwol ewlieni suffiċjenti fl-implimentazzjoni; u josserva li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għaraf “ir-rwol tal-livell lokali u dak reġjonali biex ikun hemm tkabbir u impjiegi” u li “appartenenza akbar tal-aġenda ta' tkabbir u impjiegi fil-livelli kollha tal-gvern twassal għal tfassil aktar koerenti u effettiv tal-politika”;

4.

Josserva b'mod partikulari li l-ħidma tal-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Liżbona kixfet “paradoss ta' Liżbona”: l-awtoritajiet lokali u reġjonali (ALR) jaqdu rwol importanti fl-istrateġija tat-tkabbir u l-impjiegi (l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka f'livell lokali/reġjonali), iżda f'ħafna każijiet f'għajnejhom din mhijiex parti mill-Istrateġija ta' Liżbona (nuqqas ta' ekonomiji ta' skala/ambitu), u l-biċċa l-kbira tagħhom ma jħossux li l-Istrateġija ta' Liżbona hija verament utli għalihom;

5.

Jassumi li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Istrateġija ta' Liżbona tista' tinkiseb biss jekk iż-żoni lokali u reġjonali jkollhom il-kapaċità soda biex jiġġeneraw, jiġbdu u jużaw ir-riżorsi umani, il-ħiliet flessibbli u multidimensjonali, riċerkaturi mħarrġa u speċjalisti ta' livell għoli; jekk jitmexxew minn mudelli ta' mġiba, valuri u relazzjonijiet imsejsa fuq il-fiduċja u l-ħila organizzativa li tiffaċilita l-interazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali u l-intrapriżi u suq li jaħdem b'mod effettiv u l-kwalità tal-ħajja; jekk ikunu mgħammra b'mod adegwat u suffiċjenti b'infrastruttura tanġibbli u intanġibbli; u jekk ikollhom istituzzjonijiet kredibbli u effiċjenti;

6.

Jinnota li dan in-nuqqas fir-rigward tal-appartenenza tal-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi msemmija hawn fuq huwa l-kaġun għalfejn l-għanijiet ta' Liżbona ma rnexxilhomx jikkonvertu f'politiki integrati fil-livelli kollha tal-gvern, u li dan wassal għal proċessi li mhumiex dejjem l-iktar effettivi fir-rigward tal-użu tar-riżorsi tal-produzzjoni, tal-finanzi u tar-riżorsi umani u soċjali identifikati għall-ksib tal-għanijiet tat-tkabbir ekonomiku u impjiegi aħjar;

7.

Itenni l-istqarrijiet li saru dan l-aħħar mill-Kumitat tar-Reġjuni f'għadd ta' opinjonijiet dwar l-Istrateġija ta' Liżbona, dwar:

il-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u programmi rilevanti Ewropej oħrajn, bħall-Programm għall-Kompettitività u l-Innovazzjoni (CIP), is-7 Programm Qafas u l-Programmi għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, sabiex jiġi sfruttat il-valur miżjud Ewropew u jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali (Riżoluzzjoni tas-7 ta' Frar 2008 li tressqet lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2008);

tipi ġodda ta' rabtiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u l-intrapriżi (Opinjoni tat-18/19 ta' Ġunju 2008 dwar il-Clusters u l-politika tal-clusters);

it-titjib fl-aċċess tal-SMEs għall-fondi u l-parteċipazzjoni fil-programmi Komunitarji (Opinjoni tat-13-14 ta' Frar 2007 dwar il-Finanzjament tat-tkabbir tal-SMEs);

l-integrazzjoni tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika għall-parteċipazzjoni attiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE (Opinjoni tat-18-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-inklużjoni attiva);

it-titjib u t-tisħiħ tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ, li huma fatturi ewlenin fl-iżvilupp tal-kompetittività fuq perijodu fit-tul tal-UE (Opinjoni tad-9-10 ta' April 2008 dwar il-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fis-soċjetà);

ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-flessigurtà (Opinjoni tas-6-7 ta' Frar 2008 dwar il-Flessigurtà);

ir-rwol tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSIĠ) u l-kontribut tagħhom għall-implimentazzzjoni tal-għanijiet ta' Liżbona (Opinjoni tas-6 ta' Diċembru 2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona — is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea);

suq uniku iktar integrat bħala strument dinamiku għat-tkabbir soċjali u ekonomiku Ewropew (Opinjoni tat-23 ta' Marzu 2007 dwar Il-futur tas-Suq Uniku u l-evalwazzjoni tas-soċjetà Ewropea);

ir-riforma tal-baġit, il-bidla tal-Ewropa (Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-10 ta' April, CdR 16/2008 fin);

prospetti ġodda għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' Żona Ewropea tar-Riċerka (CdR 83/2007 fin);

Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni tal-UE (CdR 263/2007);

8.

Għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa għal:

koordinazzjoni aħjar tal-politiki tat-tkabbir u l-impjiegi fil-livelli differenti tal-gvern;

politika integrata għat-tkabbir u l-impjiegi fil-livelli kollha (integrati fl-attivitajiet kollha ta' politika);

ftehimiet ta' gvernanza fuq diversi livelli: ftehimiet miktuba, konsultazzjoni regolari u l-koordinazzjoni ta' aġendi ta' politika bejn il-livelli differenti ta' gvernanza.

RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAĊ-ĊIKLU TA' GVERNANZA TAL-2008-2010

Waqt li jieħu nota tas-sħubija attwali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet fl-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona, il-Kumitat tar-Reġjuni:

9.

Jirrakkomanda li, sabiex tirnexxi l-Istrateġija, il-livelli differenti tal-gvern għandhom jimplimentaw fil-prattika d-deċiżjonijiet li ġew stabbiliti fil-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, jikkoordinaw l-aġendi tagħhom fl-oqsma ta' politika rilevanti sabiex jiksbu approċċ iktar integrat u jagħmlu t-tfassil ta' politika iktar effettiva. F'dan il-kuntest, għandhom jitħeġġu l-ftehimiet ta' gvernanza fuq diversi livelli;

10.

Iħeġġeġ l-ARL tal-UE u l-assoċjazzjonijiet u n-netwerks tagħhom (eż. in-Netwerk tar-Reġjuni ta' Liżbona) sabiex joħorġu mill-ambitu normali tal-kompiti taghħom, u fil-kuntest tal-Istrateġija, iniedu politiki u inizjattivi tanġibbli biex jagħtu direzzjoni lill-atturi ekonomiċi u soċjali u jappoġġawhom fl-isforzi tagħhom biex jiskbu t-tkabbir u l-impjiegi;

11.

Isejjaħ lill-gvernijiet nazzjonali tal-UE 27 sabiex jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' pajjiżhom fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona b'mod iktar effettiv mill-bidu nett sal-perijodu finali tagħha. Dan jista' jitwettaq billi:

“Is-Sur/Sinjura Liżbona” nazzjonali ta' kull Stat Membru jsiru responsabbli għall-organizzazzjoni ta' sensiela ta' “evalwazzjonijiet tal-pajjiżi” fil-livell nazzjonali b'kooperazzjoni mal-gvernijiet reġjonali u lokali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom sabiex janalizzaw mill-ġdid l-istatus, l-iskambju tal-prattiki tajbin u l-analiżi tal-bżonn ta' miżuri ta' politika addizzjonali; kif ukoll biex jidentifikaw is-setturi għal azzjoni u l-istrumenti fil-qasam tal-gvernanza li jistgħu jkomplu jestendu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona. Ir-riżultati li joħorġu minn dan l-istħarriġ għandhom jiġu integrati fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) li jitressqu lill-Kummissjoni;

Ir-Rapporti ta' Progress Nazzjonali li jitressqu minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni sa nofs Ottubru jitqiesu bħala opportunità għall-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona. B'rabta ma' dan, l-analiżi tar-rapporti nazzjonali li jitwettqu kull sena mill-Kumitat tar-Reġjuni s'issa wriet li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kienet sporadika. Għalhekk, din is-sitwazzjoni għandha tiġi enfasizzata fir-rapport annwali tal-Kummissjoni;

12.

Isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tanalizza b'mod iktar komprensiv l-istatus fir-Rapport Annwali tagħha li għandu jinħareġ f'Diċembru 2008, billi twettaq analiżi sistematika, pajjiż pajjiż, tar-rwol u l-parteċipazzjoni tal-ARL fil-gvernanza tal-Istrateġija;

13.

Isejjaħ lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 sabiex iħeġġeġ l-iktar tixrid usa' possibbli tal-istrumenti tat-tfassil tal-politika integrat u l-gvernanza fid-diversi livelli bħala element permanenti fit-tfassil ta' politika madwar l-UE, minn issa sal-2010 u lil hinn;

14.

Iġedded l-impenn tiegħu għall-kontribut tas-suċċess tal-Istrateġija kemm bis-saħħa tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha fil-livell reġjonali u lokali kif ukoll billi jappoġġja b'mod attiv l-istħarriġ nazzjonali, permezz tad-delegazzjonijiet nazzjonali;

15.

Barra minn hekk, isejjaħ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet fil-livelli kollha sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni, kemm biex jinfurmaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-politiki u l-programmi li jikkonformaw mal-għanijiet ta' Liżbona, u biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-impatt li l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi jista' jkollha fuq il-ħajja ta' kuljum, u b'hekk iżidu l-għarfien ġenerali ta' x'jistgħu jagħmlu l-inizjattivi Ewropej;

PERSPETTIVI WARA L-2010

16.

Il-bidla internazzjonali li għadha għaddejja u l-fatt li l-Istrateġija ta' Liżbona għadha ma ġietx implimentata kompletament jeħtieġu riflessjoni mifruxa dwar l-approċċ li għandhom jieħdu l-inizjattivi Komunitarji tal-ġejjieni għal iżjed tkabbir u impjiegi aħjar;

17.

iqis bħala prekundizzjoni ewlenija għat-tkabbir u l-impjiegi li tittieħed azzjoni immedjata u kkoordinata mill-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardja u tirregola s-swieq finanzjarji;

Il-Kumitat tar-Reġjuni

18.

Isejjaħ sabiex jingħata bidu għal riflessjoni u dibattitu mifruxin li jinvolvu b'mod prattiku lill-partijiet interessati kollha, li l-kontribut tagħhom jinfluwenza l-ksib tal-għanijiet, dwar:

il-prijoritajiet tal-Istrateġija, li bħalissa hija mifruxa wisq u għaldaqstant vaga wisq fir-rigward tal-miri tagħha: l-għadd kbir ta' objettivi jeħtieġ prijoritizzazzjoni ċara. Kemm għandu jkun hemm objettivi?

l-iktar proċeduri, inizjattivi u miżuri effettivi u effiċjenti għall-ksib ta' dawn l-objettivi, fil-kuntest tal-kompiti attwali tal-livelli differenti tal-gvern, inklużi l-metodi użati għal programmi oħra (eż. il-Fondi Strutturali u l-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp). Kif jistgħu jinkisbu b'suċċess?

l-ispejjeż marbuta mal-Istrateġija u kif jista' jsir l-aħjar użu tar-riżorsi ambjentali u ekonomiċi biex inħarsu l-ambjent u l-klima. Kif nistgħu nindirizzaw il-kumpensi?;

il-bżonn li nirrikonċiljaw iktar inizjattivi ta' kompetittività mal-objettiv fundamentali tal-proġett Ewropew tal-appoġġ għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li hija fattur ta' suċċess. Kif jistgħu jinkisbu kemm il-kompetittività kif ukoll il-koeżjoni?

Min-naħa tiegħu, il-KtR:

19.

Jinnota l-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi tiffoka fuq il-kompetittività bbażata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li hija element ċentrali sabiex iż-żona tal-UE għall-kummerċ u l-ekonomija ssir ġenwinament kompetittiva fil-livell internazzjonali u sabiex tingħata definizzjoni ġdida lis-suq intern tal-impjiegi f'termini ta' kwantità u kwalità ta' xogħol. Fl-istess ħin, għandhom jitkomplew il-miżuri favur il-promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs u sabiex tintlaħaq regolamentazzjoni aħjar. Is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, minbarra dik ekonomika għandha tibqa' l-parametru prinċipali meta jiġu stabbiliti l-arranġamenti għall-objettiv tal-kompetittività;

20.

Jipproponi li l-approċċ Komunitarju jiġi żviluppat mhux bħala strateġija wiesgħa iżda bħala sett strutturat ta' politiki koordinati u integrati, li jagħtuh impatt iktar b'saħħtu u mifrux;

21.

Jenfasizza li huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet Komunitarji, fir-rigward tat-tfassil, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi, li ser jiffurmaw l-aġenda l-ġdida tal-kompetittività, ikollhom impatt ikbar. Fl-istess waqt, il-kompetenzi nazzjonali għandhom jinżammu, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. B'rabta ma' dan, huwa ttamat li l-analiżi mill-ġdid tal-baġit Komunitarju ser tinkludi deċiżjonijiet importanti li ser jiffaċilitaw il-politiki tal-kompetittività, kemm billi jitqiesu l-ammonti identifikati kif ukoll billi tiġi żgurata koordinazzjoni stretta bejn il-politiki stess. Fejn dan jaqa' f'idejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jintroduċu strumenti effettivi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u koordinazzjoni bejn il-livelli ta' gvernanza differenti sabiex jiżguraw is-suċċess tal-politiki;

B'rabta ma' dan, b'mod partikulari:

22.

Josserva l-ħtieġa għal miżuri tenaċi sabiex jiżdied u jittejjeb l-investiment fir-riċerka applikata. Il-livelli kollha tal-gvern għandhom jaħdmu flimkien sabiex jistimulaw u jappoġġjaw il-ħafna SMEs fl-isforzi tagħhom għal proċeduri ta' investiment li, filwaqt li jħarsu l-kompetittività tal-intrapriżi fis-suq intern, ser jiftħulhom it-triq diretta għas-swieq internazzjonali. L-investiment pubbliku fir-riċerka bażika għandu jmur id f'id ma' investiment privat sostanzjali fir-riċerka applikata fl-innovazzjoni tal-prodotti minbarra tal-proċessi;

23.

Konxju tal-importanza tas-suq uniku bħala prerekwiżit għal strateġija tal-kompetittività ġenwina u effettiva, isejjaħ għal sforz mill-ġdid sabiex jiġu implimentati l-miżuri kollha mmirati lejn il-kompletar tas-suq uniku; barra minn hekk, isejjaħ sabiex jinxteħet id-dawl fuq id-dimensjoni lokali u reġjonali bil-għan li l-SMEs jingħataw iktar kapaċità kompetittiva billi tiġi utilizzata d-diversità lokali u reġjonali;

24.

Fl-implimentazzjoni ta' strateġija tal-kompetittività ġenwina u effettiva jenħtieġu sforzi partikolari sabiex jitnaqqsu n-numru ta' inċidenti marbuta max-xogħol;

25.

Jisħaq fuq il-bżonn għal politika Ewropea għall-enerġija fl-oqsma tal-produzzjoni, il-konsum u l-provvista billi titnaqqas progressivament id-dipendenza enerġetika fuq il-pajjiżi terzi; din hija essenzjali biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment tal-SMEs, u sabiex tiġi żgurata l-kwalità xierqa u dejjiema tal-ħajja għaċ-ċittadini;

26.

Jenfasizza l-bżonn ta' azzjoni proattiva u ta' firxa ta' metodi għall-promozzjoni ta' impjiegi ġodda għan-nisa, filwaqt li nżommu f'moħħna li l-miżuri adottati f'dan il-qasam għandhom jiġu fformulati mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, skont il-kompetenzi tagħhom. Evidenza empirika tissuġġerixxi li l-impjiegi tan-nisa huma aktar sensittivi għas-salarju nett mill-impjiegi tal-irġiel u li f'ċerti ċirkustanzi, xi tipi ta' inċentivi għal impjiegi ġodda għan-nisa jistgħu jgħinu biex inaqqsu d-distakk sostanzjali li għadna nsibu f'bosta pajjiżi fir-rigward tal-objettivi ta' Liżbona;

27.

Iwissi li, barra mill-ġlieda kontra l-impatt tat-tnaqqis tal-popolazzjoni f'ħafna reġjuni, hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex tiġi indirizzata l-problema demografika kkawżata mit-tixjiħ tal-populazzjoni tal-UE, li teħtieġ proposta tas-sigurtà soċjali ġdida għall-familji kif ukoll politika ta' immigrazzjoni prudenti li tqis ukoll il-bżonnijiet umani u soċjali. Hemm bżonn politiki ta' immigrazzjoni biex iħeġġu l-immigrazzjoni mhux biss ta' persunal fil-livell eżekuttiv, professjonali u maniġerjali iżda wkoll, fejn jinħass il-bżonn, ta' livelli bi ftit ħiliet li jistgħu jappoġġjaw il-produzzjoni fl-SMEs, skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri individwali u/jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-globalizzazzjoni soċjali u ekonomika ma tħalli l-ebda lok għat-tip ta' attitudni li ta' spiss wasslet għal prattiki illegali fis-suq tax-xogħol;

28.

Josserva l-importanza tal-edukazzjoni xjentifika ta' livell għoli, iżda wkoll tal-edukazzjoni primarja, sekondarja, vokazzjonali u ulterjuri li hija essenzjali għall-ftuħ ta' mogħdijiet lejn taħriġ sussegwenti ta' livell għoli u għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet favur iktar parteċipazzjoni, anke tan-nisa, fil-ħajja tax-xogħol u produttiva. Għaldaqstant għandhom jiżdiedu l-isforzi biex naslu għal tnaqqis reali ta' tluq bikri mis-sistema edukattiva;

29.

Fil-kuntest ta' dak li ssemma hawn fuq, il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq il-bżonn li l-valuri fundamentali tal-proġett Ewropew għandhom jibqgħu punt ta' referenza;

30.

Għaldaqstant, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-mudell soċjali Ewropew u l-Aġenda Soċjali Ewropea, flimkien mal-Proċess ta' Bologna u mal-Proċess ta' Kopenħagen fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Minkejja d-diversità tagħhom, is-sistemi nazzjonali jaqsmu sisien u prinċipji komuni li jsawru fehim komuni tal-progress soċjali, u fi ħdan din l-idea komuni ta' progress soċjali, l-atturi soċjali, il-komunitajiet, gruppi, awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet ċivili fil-livell lokali jaqdu rwol dejjem iktar importanti;

31.

Ifakkar dwar l-impenn dwar il-ħarsien tal-ambjent, kemm bis-saħħa ta' miżuri lokali kif ukoll ta' inizjattivi globali, partikularment b'rabta mal-Protokoll ta' Kyoto dwar il-bidla fil-klima. F'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza għall-partijiet interessati lokali u reġjonali tal-“pakkett għas-sostenibbiltà” tal-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-Komunikazzjoni dwar il-pjan ta' azzjoni għal politika industrijali sostenibbli bħala strateġija integrata biex tgħin l-ekonomija tal-UE ssir mhux biss iktar kompetittiva iżda wkoll iktar sostenibbli mil-lat ambjentali;

32.

Barra minn hekk, josserva li l-għarfien lokali huwa wieħed mill-iktar aspetti importanti għall-adattament tal-objettivi ta' Liżbona għall-implimentazzjoni lokali u reġjonali, u li għalhekk, huwa essenzjali li jiġu żviluppati sistema komuni ta' statistika u faċilità għall-interpretazzjoni tal-indikaturi fil-livell lokali u reġjonali wkoll;

33.

Jipproponi li l-Istrateġija tiġi implimentata wara l-2010 fuq il-bażi ta' gvernanza mtejba li tista' tagħti impetus u enerġija mill-ġdid lis-sforzi Ewropej li jippromovu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Din il-gvernanza għandha tkun tista' tegħleb id-diffikultajiet tal-mekkaniżmi attwali (il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, il-ftehim dwar punti ta' referenza (benchmarks), l-indikaturi strutturali u t-titjib tekniku addizzjonali);

34.

Din il-gvernanza għandha tissejjes fuq:

objettivi li jkunu evalwati, divrenzjati, imfassla b'mod iktar ċar u mmirati aħjar;

orarju sinkronizzat ma' dak tal-leġiżlatura Ewropea li jmiss (2009-2014);

mobilizzazzjoni iktar ċara u sostenibbli tal-istrumenti legali u finanzjarji tal-KE;

inċentivi iktar vigorużi sabiex l-Istati Membri jieħdu azzjoni u iktar parteċipazzjoni mill-mexxejja politiċi nazzjonali;

rwol attiv għall-ALR fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' politika (identifikazzjoni tal-ħtiġijiet, pjanijiet, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni), biex b'hekk ikunu jistgħu jiżguraw l-integrazzjoni u l-adattament tal-korpi lokali u reġjonali, id-diversi politiki lokali u reġjonali u l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea;

35.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ser ikollu jagħti iktar kontributi għad-dibattitu fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li ser ikollhom jittieħdu fir-rigward tal-politika Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi tal-ġejjieni wara l-2010. Għal dan il-għan, il-Kumitat tar-Reġjuni ser jinvestiga jekk għandux jitwaqqaf grupp ta' ħidma tal-KtR li jista' jagħmel skambju ta' fehmiet mal-istituzzjonijiet Komunitarji dwar dawn is-suġġetti;

Brussell, is-26 ta' Novembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE