9.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 257/76


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Clusters u l-Politika tal-Clusters”

(2008/C 257/12)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI JAGĦTI DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal programm qafas biex tiffaċilità l-kooperazzjoni u n-netwerking bejn l-amministrazzjonijiet kollha involuti, u biex tħejji linji gwida għall-ħolqien tal-clusters u r-rabta bejniethom– anki dik transkonfinali. Il-kooperazzjoni bejn il-clusters titqies bħala mezz promettenti biex tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva ta' l-Ewropa u biex tinġibed l-attenzjoni globali ta' l-investituri u l-innovaturi, u huwa għalhekk li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn organizzazzjonijiet fi clusters ma tridx tiġi ristretta biss għall-Ewropa, imma ghandha tkun globali, bil-ħsieb li jinkiseb l-għan finali ta' “clusters ta' livell dinji”;

jidhirlu li għandu jkun hemm qafas strateġiku ġenerali li jiġbor flimkien l-approċċi tal-parteċipanti interessati differenti: l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u n-negozji, sabiex jiġu implimentati b'mod koordinat it-tliet proċessi msemmija aktar 'il quddiem:

sabiex ikun possibbli li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitħeġġeġ il-ħolqien u l-iżvilupp tal-clusters;

sabiex titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' inizjattivi proposti mill-clusters;

sabiex jgħaqqad clusters kemm nazzjonali u transkonfinali, sabiex jikkoperaw u jaqsmu l-esperjenzi;

f'dan il-kuntest, jipproponi li l-ewwel pass biex jiġi żviluppat qafas strateġiku għandu jkun li jinħoloq Grupp Espert ta' Livell Għoli li jistudja l-kwistjoni u jfassal linji gwida għall-inklużjoni u l-armonizzazzjoni ta' kriterji għall-Kunsill u l-Kummissjoni.

Rapporteur

:

Antonio GONZÁLEZ TEROL (ES/PPE), Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Ewropej, Komunità Ewropea ta' Madrid

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

filwaqt li l-Kunsill tal-Kompetittività, li ltaqa' fl-4 ta' Diċembru 2006, identifika l-clusters bħala waħda mid-disa' prijoritajiet għal azzjoni ta' innovazzjoni fil-livell Ewropew;

filwaqt li l-Presidenza Slovena talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni biex sa l-aħħar ta' Ġunju jfassal opinjoni, sabiex jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet tiegħu fil-Komunikazzjoni dwar il-politika tal-clusters li qed tiġi abbozzata mill-Kummissjoni Ewropea (Lulju 2008);

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li nżammu fi Brussell fit-13 u l-14 ta' Marzu 2008, li stqarrew li “l-isforzi sabiex jittejbu l–kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni għandhom ikunu koordinati aħjar, anki permezz ta' rabtiet imtejbin ma' l-industrija tax-xjenza u clusters ta' innovazzjoni ta' klassi dinjija u l-iżvilupp ta' clusters u netwerks reġjonali”, u talbu għall-“faċilitazzjoni ta' iktar parteċipazzjoni minn SMEs innovattivi fi clusters u fl-akkwist pubbliku”;

Kummenti Ġenerali

1.

jitlob il-Presidenza Franċiża li jmiss tkompli tħeġġeġ rapporti, studji u dibattiti politiċi dwar il-clusters, u biex tesplora inizjattivi ġodda li jistgħu jiġu żviluppati bħala parti mill-istrateġija dwar il-politika tal-clusters li qed titfassal mill-Kummissjoni;

2.

jagħraf li l-kelma “cluster” tirreferi għal konċentrazzjoni ġeografika ta' kumpaniji speċjalizzati f'settur uniku, li huma marbuta ma' fornituri speċifiċi u intrapriżi oħrajn f'industriji relatati, u li jikkompetu iżda jikkoperaw ukoll ma' xulxin. Dan is-settur jiġbor fih numru kbir ta' industriji, skambju bejn taħlita ta' dixxiplini u attivitajiet. Il-Clusters jkunu ġew żviluppati kompletament meta jkunu kapaċi jisfruttaw l-interdipendenza tagħhom biex jintefgħu fuq negozji kumplimentari, u b'hekk jiġġeneraw sinerġiji li jwasslu għat-tkabbir tas-settur kollu, li minnu jibbenefikaw il-membri kollha tal-cluster. Il-kelma “koopetizzjoni” tintuża biex tiddefinixxi l-istrateġija intraprenditorjali, partikulari għall-clusters, li tgħaqqad il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni, u tkabbar kemm il-kompetittività kemm jista' jkun. Irid ikun hemm fiduċja reċiproka bejn il-membri tal-cluster, u jridu jaqsmu objettivi u prijoritajiet komuni sabiex jiksbu koordinazzjoni sħiħa f'kuntest ta' ħafna livelli;

3.

jirrikonoxxi d-dgħjufija ta' l-UE fit-trasformazzjoni ta' ideat fi prodotti u servizzi ġodda, u jirrikonoxxi li jridu jiġu adottati politiki pubbliċi ġodda sabiex jiġi ffaċilitat in-netwerking bejn l-atturi soċjali differenti involuti fil-ħolqien, it-transmissjoni u l-applikazzjoni ta' l-għerf. B'mod konkret, iridu jiġu żviluppati rabtiet ġodda bejn amministrazzjonijiet pubbliċi, universitajiet, ċentri ta' riċerka u intrapriżi;

4.

jidhirlu li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp hu meħtieġ iżda s'issa ma kienx biżżejjed. Sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni fl-Ewropa, hu importanti li ningħaqdu u nindirizzaw l-investiment fir-riċerka lejn oqsma strateġiċi speċifikament;

5.

jenfasizza li sempliċiment billi l-intrapriżi jiġu kkonċentrati b'mod ġeografiku ma jwassalx bil-fors għal clusters — jew ekonomiji netwerk, sinerġiji jew kompetittività mtejba. Trid tintlaħaq massa kritika jew kwantità suffiċjenti ta' produzzjoni, li taħtha ma jistax jingħad li jeżistu l-clusters. Iridu jitqiesu ukoll l-aspetti kwantitattivi u l-kundizzjonijiet esterni, partikolarment il-fiduċja reċiproka u relazzjoni b'saħħitha bejn l-intrapriżi, sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni konġunta ta' suċċess fuq bażi sostenibbli;

6.

huwa tal-fehma li m'hemmx biżżejjed data statistika biex jitkejlu dawn iż-żewġ aspetti, u jissuġġerixxi li l-Osservatorju Ewropew tal-Cluster jagħmel studju dwar il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jitqiesu dawn l-aspetti, li jiddeterminaw l-eżistenza ta' cluster; joffri appoġġ, fuq il-bażi ta' l-esperjenza tiegħu u l-prossimità lejn ir-reġjuni;

7.

jaqbel li l-clusters huma mexxejja importanti ta' l-innovazzjoni, jikkontribwixxu għall kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli ta' l-industrija u s-servizzi, u jmexxu 'l quddiem l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni billi joħolqu l-ġid u l-impjiegi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali, wieħed mill-objettivi dikjarati ta' l-UE fit-Trattat ta' Lisbona;

8.

jaħseb li f'ħafna każijiet, l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi privati għandhom ikunu involuti fit-tħeġġiġ tal-ħolqien ta' clusters u fl-għotja t'għajnuna sabiex jibqgħu fuq quddiem nett fis-setturi tagħhom;

9.

is-settur pubbliku jista' wkoll jaqdi rwol sinifikanti biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċjaw l-inizjattivi tal-clusters permezz ta':

assistenza biex jiġi stabbilit l-objettiv u l-monitoraġġ tar-rendiment;

l-iffaċilitar tal-proċess ta' inizjattiva tal-clusters biż-żmien, waqt li jkun qed jiżviluppa u jimmatura (kif imniżżel fil-punt ta' hawn taħt);

l-integrazzjoni ta' l-inizjattiva tal-cluster f'aġenda politika usa'.

10.

jemmen ukoll li għandu jkun ir-rwol tas-settur pubbliku li joħloq ambjent fejn il-clusters jistgħu joktru, per eżempju billi:

jiżgura li jkun hemm kapital uman b'ħiliet tajbin ħafna;

jissemplifika l-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-clusters;

iħeġġeġ l-ħolqien ta' ċentri ta' informazzjoni u ċentri għas-servizzi integrati;

jappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-korpi edukattivi u l-clusters, b'mod partikulari bil-ħolqien ta' ċentri konġunti ta' taħriġ speċjalizzat. Ikun utli kieku kull Stat Membru jkollu għall-inqas ċentru wieħed għal studju u taħriġ speċjalizzat tal-clusters;

jiżgura d-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji adegwati li jilqgħu l-ħtiġijiet tal-cluster, u jiżgura relazzjonijiet tajbin bejn l-intraprendituri, iċ-ċentri ta' innovazzjoni, l-investituri u s-sorsi ta' ffinanzjar;

jiffaċilità l-kanali ta' koordinazzjoni kemm ġol-cluster kif ukoll ma' clusters oħrajn, u r-relazzjonijiet bejn il-clusters u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

iħeġġeġ l-iżvilupp ta' opportunitajiet esterni għall-clusters, jippromovi l-attività internazzjonali tagħhom u jinkoraġixxi l-ħolqien ta' netwerks transkonfinali. Politika pubblika tajba tista' tgħin il-ħolqien ta' immaġini li tiddefinixxi r-reġjun — u l-cluster- sabiex iżżid l-opportunitajiet għal tkabbir estern;

jippromovi r-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni fl-isfera ta' influwenza tiegħu, u jagħti attenzjoni partikulari għall-fatturi ewlenin għat-tnedija u l-iżvilupp ta' inizjattivi innovattivi li, b'żieda ma' dan, ikunu jista' jgħinu biex ikunu ta' lieva għas-settur privat;

jappoġġja u jżid l-inizjattivi privati, filwaqt li jżomm f'moħħu li t-tliet livelli ta'ammministrazzjoni — dik Komunitarja, nazzjonali u reġjonali –jridu jkunu marbuta ma' xulxin, bir-reġjuni jilgħabu rwol ewlieni fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' appoġġ għall-clusters.

Madankollu, jenfassizza li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jevitaw żewġ żbalji importanti:

għandhom jevitaw li joħolqu clusters mix-xejn fejn dawn ma jeżistux: il-clusters għandhom it-tendenza li jinħolqu b'mod naturali, u jekk jinħolqu b'mod artifiċjali x'aktarx li jintemmu f'falliment;

għall-istess raġunijiet, għandhom jevitaw li jestendu l-ħajja tal-clusters b'mod artifiċjali meta is-swieq u t-teknoloġiji jkunu ħadulhom posthom;

11.

jikkunsidra li sabiex jikkompetu fis-suq globali, il-clusters iridu jibnu netwerk b'saħħtu li jgħaqqad in-negozji, l-universitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi, u proċess kontinwu ta' innovazzjoni li jħallihom ikomplu joħolqu sinerġiji ġodda. Dan hu l-uniku mezz biex tiġi żgurata l-vijabbiltà futura tal-clusters. Tajjeb li wieħed iżomm f'moħħu li għalkemm l-eċċellenza hija karatteristika tal-clusters, mhux il-clusters kollha jistgħu jilħqu l-istess livell ta' żvillup jew skop internazzjonali. L-eċċellenza f'dan il-kuntest tinħoloq gradwalment, wara tul ta' żmien, permezz ta' riżorsi finanzjarji speċifiċi, gvernanza tajba u strutturata, riformi indirizzati lejn is-suq, li jippermettu l-fattur neċessarju tal-mobbiltà (kapital riskjuż u riċerkaturi);

12.

jikkunsidra li meta ffaċjat bil-globalizzazzjoni attwali tas-swieq, hu essenzjali li jinħolqu “katini ta' valur globali” (GVC) permezz ta' clusters sabiex itejbu l-koordinazzjoni bejn l-intrapriżi u l-kompetittività globali. Għalkemm l-innovazzjoni hija karatteristika bażika tal-clusters kollha, mhux kollha joperaw fis-setturi high-tech: uħud huma medium- jew low-tech;

13.

jinnota li l-clusters huma partikolarment utli għall-SMEs, għaliex jipprovdu kuntest li jħeġġeġ rabtiet ma' l-universitajiet u n-negozji l-kbar, u jippermettilhom jaċċedu netwerks internazzjonali ta' kummerċ;

14.

madankollu jwissi li xi pajjiżi u reġjuni huma ffukati żżejjed fuq l-SMEs, u ma jagħtux każ il-fatt li jekk ma jkunx hemm biżżejjed kumpaniji kbar preżenti, l-impatt ekonomiku tal-clusters jista' jkun limitat;

Kontribuzzjoni għall-Aġenda ta' Lisbona

15.

fil-preżent jaħseb li l-moviment liberu tal-fatturi ta' produzzjoni u l-ispejjeż għoljin fl-ekonomiji żviluppati jinkoraġġixxu r-rilokazzjoni, li trid tkun iffaċċjata billi s-sistemi ta' produzzjoni jiġu ndirizzati lejn attivitajiet b'aktar valur miżjud, l-iktar attivitajiet li jeħtieġu riċerka u żvilupp intensivi u innovazzjoni;

16.

jikkunsidra li l-Aġenda ta' Lisbona kienet tweġiba għall-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni, bil-għanijiet li ttejjeb il-kapital uman fl-UE, tagħti aktar konsistenza lill-politiki ta' innovazzjoni, toħloq qafas leġislattiv biex tinkoraġixxi dan, tippromovi l-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi innovattivi u ttejjeb l-interfaces fis-sistema ta' l-innovazzjoni. Il-kisba ta' dawn l-għanijiet ser jgħinna nimxu lejn soċjetà miftuħa għall-innovazzjoni u l-għerf u, għalhekk, kompetittiva — jekk mhux f'dawk li huma spejjeż allura f'dak li għandu x'jaqsam ma' valur miżjud;

17.

jenfasizza li, sabiex ir-reġjuni jkunu aktar kompetittivi, hu importanti li jissaħħu dawk is-setturi li għandhom kapital intensiv, li huma innovattivi, b'riżorsi umani ferm speċjalizzati;

18.

jinnota li hemm nuqqas ta' nfiq privat fuq r-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa; iżda jidhirlu li m'hemmx raġuni li jiżdied l-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp jekk l-intrapriżi nfushom ma jaddottawx dawn il-miri u jmexxu 'l quddiem l-inizjattivi meħtieġa. Madankollu, huwa importanti li l-infiq pubbliku nazzjonali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ikun f'livell għoli biżżejjed biex ikun effettiv. Dan hu l-uniku mezz biex, permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, dan l-infiq ikun indirizzat lejn is-suq. L-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun ta' lieva għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni privata sabiex ikabbru b'mod sostanzjali l-persentaġġ tal-PGD ddedikat lilha mir-reġjuni Ewropej. Hemm erba' oqsma ewlenin ta' azzjoni biex dan jinkiseb:

jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-clusters jew konglomerati ta' negozji u istituzzjonijiet pubbliċi madwar attivitajiet ferm innovattivi;

tingħata spinta lill-ħolqien ta' postijiet xierqa għal dawn l-attivitajiet, fejn l-għerf (universitajiet) u n-negozji (intrapriżi) jimxu flimkien: parks tax-xjenza u t-teknoloġija;

jinħolqu strumenti, finanzjarji u oħrajn, li jappoġġjaw il-ħolqien ta' negozji innovattivi ġodda;

jitħeġġeġ in-netwerking bejn ċentri differenti ta' l-għerf u tar-riċerka u żvilupp u ta' l-innovazzjoni, jiġu promossi forums għall-iskambju ta' l-għerf, u tingħata spinta lill-ħolqien ta' netwerks ta' reġjuni li jisbqu fl-innovazzjoni;

L-iżvilupp tad-dimensjoni Komunitarja

19.

jilqa' l-iżviluppi promossi mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' numru ta' programmi u netwerks li wasslu għal progress veru fit-tfassil u t-twaqqif ta' clusters, li ppermettew skambju ta' esperjenzi;

20.

ma jiddubitax l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp ta' clusters ġodda u mtejba fl-livell nazzjonali jew reġjonali; madankollu jaħseb li tinħtieġ informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' prattiki tajba, u għal ċentri biex jagħrfu dawk l-għodda li jistgħu jintużaw jew jiġu kkonsultati sistematikament, u li għandhom ikunu mill-ewwel disponibbli għall-operaturi; Jinnota li f'dan ir-rigward li l-Kumitat bħalissa nieda studju dwar “Il-Clusters u l-politika tal-Clustering: gwida għal min ifassal il-politika Lokali u Reġjonali”;

21.

madankollu, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal programm qafas biex tiffaċilità l-kooperazzjoni u n-netwerking bejn l-amministrazzjonijiet kollha involuti, u biex tħejji linji gwida għall-ħolqien u l-irbit flimkien tal-clusters — inkluż lil hinn mill-konfini tagħhom. Il-kooperazzjoni bejn il-clusters titqies bħala mezz effikaċi biex tissaħħaħ l-kapaċità innovattiva ta' l-Ewropa u biex tinġibed l-attenzjoni globali minn investituri u innovaturi, u huwa għalhekk li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn organizzazzjonijiet fi clusters ma tridx tiġi ristretta biss għall-Ewropa, imma ghandha tkun globali, bil-ħsieb li jinkiseb l-għan finali ta' “clusters ta' livell dinji”;

22.

jikkunsidra li l-kooperazzjoni bejn il-clusters hi ta' interess vitali għall-SMEs: prinċipalment din tiffaċilità l-informazzjoni, l-iskambji tekniċi u l-possibbiltà ta' skambju tar-riżorsi tar-riċerka ta' l-infrastruttura u l-produzzjoni;

23.

jinnota li hemm diskrepanza bejn ir-rieda ta' ħafna clusters li jiżviluppaw in-negozji tagħhom fir-reġjuni jew fil-pajjiżi tagħhom, u l-opportunitajiet kbar offruti bl-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki ma' clusters ġirien minn Stati oħra;

24.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli kollha għall-kummerċ u l-investiment fl-Ewropa. It-twettiq sħiħ tas-suq intern hu mezz ewlieni kif jinfetħu s-swieq għall-kompetizzjoni;

25.

jinnota li l-ostakoli għall-kummerċ, flimkien ma' leġislazzjoni diffferenzjata, protezzjoni soċjali, sistemi amministrattivi u fiskali, jistgħu jkunu ta' xkiel sinifikanti għall-kooperazzjoni transkonfinali. Fl-aħħarnett, l-ostakoli lingwistiċi jfissru ukoll li l-clusters ġeneralment jirnexxielhom jimmaniġjaw u jwettqu l-attivitajiet tagħhom ġewwa l-fruntieri ta' pajjiżhom stess, u b'hekk jillimitaw ir-rabtiet internazzjonali tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet tal-KtR

26.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tirranġa n-natura frammentarja tal-miżuri ddedikati għall-promozzjoni tal-cluster fl-UE u jikkunsidra li dawn għandhom jinġabru taħt linja waħda ta' azzjoni speċifika biex jiġu promossi l-clusters u jingħata appoġġ lill-kooperazzjoni bejn il-clusters;

27.

Meta jitqies ir-rwol dejjem akbar li l-Kummissjoni qed tafda f'idejn l-awtoritajiet reġjonali fil-promozzjoni, il-koordinament u l-valorizzar ta' l-inizjattivi ta' clustering (COM/2007/0474 finali — Reġjuni Ewropej Kompetittivi Permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni) il-KtR jemmen li għandha tkun il-Kummissjoni nnifisha li tagħti garanzija lir-Reġjuni li l-inizzjativi li hi tmexxi b'mod dirett f'dik li hi riċerka u innovazzjoni jingħataw aktar viżibbiltà (prinċipalment is-Seba' Programm ta' Qafas u Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)). Dan ifisser kemm interazzjoni xierqa fil-fażi ta' impostazzjoni tal-programmi annwali kif ukoll viżibbiltà akbar u f'waqtha għall-inizjattivi ffinanzjati. Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikulari sabiex tiġi żgurata interazzjoni tajba ma' l-aġenziji awtonomi maħluqa mill-Kummissjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-JTI (Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti).

28.

jitlob għall-adozzjoni u l-armonizzazzjoni ta' kriterji biex il-clusters jingħataw spinta fil-livell Ewropew, li l-KtR jemmen li tkun żieda ewlenija għall-politiki ta' kooperazzjoni eżistenti fil-livelli kollha, sabiex jinħoloq approċċ uniku strutturat aktar milli approċċ parzjali meħud mill-inizjattivi differenti ta' cluster Ewropej li attwalment jeżistu f'numru ta' oqsma differenti (ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika ta' kooperazzjoni interreġjonali, is-segwitu tat-teknoloġija/kompetizzjoni, l-appoġġ għall-iffinanzjar ta' proġetti, eċċ.);

Image

29.

jenfassiza li l-miżuri kollha mħeġġa minn dan l-approċċ li jiġbor kollox għandhom jiffukaw fuq it-tkabbir u l-kompetittività, u fuq oqsma prijoritarji ta' azzjoni li jridu jmorru lil hinn minn sempliċi skambju ta' esperjenzi u informazzjoni biex jinkludu proġetti u inizjattivi konġunti, skambji bejn il-proġetti ta' persunal u benefiċarji, l-iżvilupp ta' netwerks Komunitarji u istituzzjonijiet, eċċ.;

Għal dan il-għan,jipproponi:

1.

L-IMPLIMENTAZZJONI TA' QAFAS STRATEĠIKU KOMUNI GĦALL-CLUSTERS

jikkunsidra li għandu jkun hemm qafas strateġiku ġenerali li jiġbor flimkien l-approċċi tal-parteċipanti interessati differenti: l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u n-negozji, sabiex jiġu implimentati b'mod koordinat it-tliet proċessi msemmija aktar 'il quddiem:

sabiex ikun possibbli li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitħeġġeġ il-ħolqien u l-iżvilupp tal-clusters;

sabiex titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' inizjattivi proposti mill-clusters;

sabiex jgħaqqad clusters kemm nazzjonali u lil hinn mill-fruntieri, sabiex jikkoperaw u jaqsmu l-esperjenzi;

f'dan il-kuntest, jipproponi li l-ewwel pass biex jiġi żviluppat qafas strateġiku għandu jkun li jinħoloq Grupp Espert ta' Livell Għoli li jistudja l-kwistjoni u jfassal linji gwida għall-inklużjoni u l-armonizzazzjoni ta' kriterji għall-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-grupp għandu jkun kompletament indipendenti u ppresedut minn xi ħadd b'fama Ewropea fil-qasam. Għandu jinkludi rappreżentanti tal-korpi u l-oqsma kollha involuti: politiki, amministrazzjonijiet (b'mod partikulari dawk reġjonali), negozji b'esperjenza fil-ġestjoni tal-clusters, universitajiet, korpi finanzjarji u korpi oħrajn li jistgħu joffru fondi (netwerks ta' business angels, fondi għal kapital riskjuż, eċċ.).

jemmen li dan il-qafas strateġiku jkun jibbenefika minn inizjattivi ta' clusters differenti li diġà jeżistu f'oqsma speċifiċi, u jqarribhom lejn xulxin, u b'hekk joħloq linji ta' azzjoni li jiffaċilitaw il-proċessi involuti fl-iżvilupp tal-clusters:

FAŻI TA' INKUBAZZJONI

il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ambjentali meħtieġa għall-iżvilupp;

il-forniment ta' għajnuna finanzjarja li li tagħmilha aktar faċli li tinħoloq konnessjoni bejn intrapriżi żgħar u kbar fl-istess żona u tisfrutta sinerġiji potenzjali;

l-involviment ta' intrapriżi “mexxejja”;

ir-relazzjonijiet maċ-ċentri ta' riċerka fis-settur;

FAŻI TAT-TLUQ

l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' fiduċja;

l-irbit flimkien ta' negozji minn clusters differenti sabiex jinħolqu meta-clusters transkonfinali;

il-ħolqien ta' struttura organizzattiva proprja u immaġni li tiddefinixxi l-marka;

l-iżvilupp ta' aġenda ta' kooperazzjoni strateġika;

FAŻI TA' TKABBIR

il-ħolqien u l-iżvilupp ta' proġetti proprji;

l-inklużjoni ta' clusters fil-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej;

alleanzi bejn il-clusters, pjattaforma ta' kooperazzjoni interreġjonali;

disseminazzjoni ta' riżultati ta' kooperazzjoni bejn il-clusters, li jiżguraw li r-riżultati tal-proġett jaslu f'reġjuni oħra;

prodotti ġodda bħala riżultat ta' inizjattivi konġunti;

FAŻI TA' MATURITÀ

brevetti u innovazzjonijiet proprji;

jitfaċċaw sub-clusters kummerċjali;

sħubijiet strateġiċi għall-iżvilupp ekonomiku;

l-attrazzjoni ta' investiment ġdid għar-reġjun;

2.

INIZJATTIVI TA' PROMOZZJONI TAL-ĦOLQIEN TA' QAFAS STRATEĠIKU LI JAGĦTI KREDIBBILTÀ LILL-PROĊESS

Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi fi clusters għandha titħeġġeġ biex b'hekk jitħeġġeġ il-ħolqien ta' netwerk ta' l-ewwel livell ta' netwerks tal-clusters li jippermettilhom jaqsmu s-servizzi u l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew u globali,, pereżempju permezz ta':

żvilupp u twettiq ta' għodod ta' kooperazzjoni sabiex jinqasam l-għarfien miksub mill-clusters reġjonali;

il-promozzjoni ta' avvenimenti/laqgħat/match-days flimkien ma' l-atturi differenti, b'mod partikulari l-intrapriżi, fi clusters differenti;

l-abbozzar ta' rapport ta' attività annwali konġunt għall-clusters kollha Ewropej;

il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' servizzi komuni fl-oqsma tat-taħriġ, l-informazzjoni, eċċ.;

jenfasizza li huwa strumentali li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jħeġġu proġetti ta' talba bikrija billi:

jintrabtu flimkien l-osservatorji u l-korpi ta' segwitu tat-teknoloġija f'reġjuni differenti bil-ħolqien ta' sistema Ewropea li ssegwi r-riċerka u l-innovazzjoni industrijali, u t-titjib ta' informazzjoni dwar il-kapital intelletwali, sabiex jiġu antiċipati s-soluzzjonijiet possibbli min-naħa tal-provvista u tat-teknoloġiji ta' valur miżjud;

titħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-pjattaformi Ewropej tat-teknoloġija;

jiġu implimentati proġetti konġunti pubbliċi bejn ħafna reġjuni (speċifiki u proċessi ta' akkwist komuni);

jiġu promossi regolamenti komuni f'oqsma differenti biex jitħeġġeġ jew jiġi antiċipat l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi;

isostni li hu essenzjali li tinġabar l-informazzjoni eżistenti fi Pjattaforma unika ta' Informazzjoni Ewropea dwar il-Clusters (INFOCLUSTER) u jiġu nklużi elementi li huma utli għall-intrapriżi u fil-preżent huma koperti parzjalment biss; f'dan il-kuntest, iqis li l-aktar korp xieraq biex jaqdi r-rwol ta' pjattaforma ta' informazzjoni jkun l-Osservatorju Ewropew tal-Clusters:

sistema ta' informazzjoni reġjonali li tniżżel il-firxa attwali ta' l-infrastrutturi u ċ-ċentri ta' riċerka, l-attività ta' l-intrapriżi fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni, l-universitajiet u l-korpi l-oħrajn, l-oqsma ta' riċerka promossi, il-kuntatti tekniċi u l-politiċi ewlenin, eċċ. Dan ir-riżors jiffaċilità in-netwerking bejn iċ-ċentri ta' l-għerf u l-clusters. Tista' titmexxa mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjon mal-KtR, li jista' jipprovdi l-kuntatti mar-reġjuni u l-clusters eżistenti f'livell reġjonali;

barometru dinamiku tal-kompetizzjoni Ewropea fejn kull cluster jista' jitqabbel ma' oħrajn simili, u jsib il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-kompetizzjoni;

mappa tal-politika tal-clusters li turi l-politiki nazzjonali u reġjonali f'kull żona ġeografika, fl-oqsma kollha (l-iffinianzjar tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjojni, strumenti ta' appoġġ finanzjarju, programmi ta' taħriġ u ta' skambju, eċċ) għall-iskambju ta' l-informazzjoni;

rapporti differenti dwar l-aħjar prattiki għall-iskambju ta' l-għerf applikati mill-intrapriżi jew mill-clusters;

jaħseb li huwa neċessarju li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn strumenti finanzjarji għall-innovazzjoni (kapital/dejn/għajnuna diretta) fir-reġjuni jew il-pajjiżi, sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fi proġetti kbar li jinvolvu ħafna reġjuni minn pajjiżi differenti Ewropej permezz tal-clusters, li jistgħu jibbenefikaw minn aktar effett ta' lieva minn fondi Ewropej bħall-EIB u l-EIF;

jemmen li hu possibbli li l-clusters jaqsmu riżorsi u servizzi sabiex ikollhom aċċess konġunt għal servizzi ta' kwalità ogħla:

skambju speċjalizzat ta' impjiegi u programmi għall-skambji ta' riċerkaturi u taħriġ fis-settur privat;

mobbiltà ta' intrapriżi li jaqsmu l-faċilitajiet u s-servizzi ta' inkubatur;

skambju ta' ħiliet tekniċi, strutturi ta' riċerka u faċilitajiet ta' produzzjoni sabiex jinkisbu l-ekonomiji ta' skala u skop;

sistema Ewropea ta' segwitu ta' riċerka, innovazzjoni industrijali u informazzjoni aħjar dwar il-kapital intelletwali;

3.

MIŻURI TA' REVIŻJONI EX-ANTE, EX-DURANTE U EX-POST BIEX ISERVU TA' GWIDA GĦAL INIZJATTIVI FUTURI

jikkunsidra li r-reviżjoni hi mezz ta' riċerka li tista' tuża tekniċi speċifiċi u twieġeb mistoqsijiet bħal: Inqdew il-ħtiġijiet tal-clusters? Tfasslet u ġiet implimentata tajjeb politika adegwata? Ser ikollha l-effett mixtieq? L-objettivi mhux milħuqa jistgħu jerġgħu jiġu eżaminati mill-ġdid? Tista' tiżdied l-effettività tal-politika?

iqis ir-reviżjoni bħala għodda li għandha tintuża matul il-proċess kollu ta' implimentazzjoni u li, fost benefiċċji oħra, għandha tkabbar il-kredibbiltà tal-politika tal-clusters.

Brussell, id-19 ta' Ġunju 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE