15.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 93/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 5/2008

adottata mill-Kunsill fit-3 ta' Marzu 2008

bi ħsieb li jadotta r-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill … li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament ta' l-Aġenzija)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 93 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 stabbilixxa Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (3), hawn aktar 'il quddiem “l-Aġenzija”, biex jitwettaq kontribut tekniku għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja Ewropea mingħajr fruntieri. Wara l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà ferrovjarja, l-iżvulupp tas-suq u abbażi ta' l-esperjenza miksuba mill-operazzjoni ta' l-Aġenzija u r-rabta bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni, jeħtieġ li jsiru ċerti emendi għal dak ir-Regolament, u, b'mod partikolari, jeħtieġ li jiżdiedu ċerti kompiti.

(2)

Ir-Regoli nazzjonali għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni kemm skond id-Direttiva 2008/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Komunitarja (4), minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija (5) tal-Komunità minn issa 'l quddiem imsejħa d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja. Iż-żewġ settijiet ta' regoli għandhom għalhekk jiġu eżaminati sabiex jiġi valutat, b'mod partikolari, jekk humiex kompatibbli mal-metodi komuni ta' sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' l-interoperabilita' (TSI) fis-seħħ, kif ukoll jekk jippermettux li jintlaħqu l-Miri Komuni ta' Sigurtà fis-seħħ.

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi li ma jikkonformawx mat-TSIs, ir-regoli kollha tekniċi u ta' sigurtà fis-seħħ f'kull Stat Membru għandhom jiġu kklassifikati fi tliet gruppi u r-riżultati ta' din il-klassifikazzjoni għandhom jiġu ppreżentati f'dokument ta' referenza. Għaldaqstant l-Aġenzija hi meħtieġa tfassal abbozz biex jinħoloq u jiġi aġġornat dan id-dokument billi ssir referenza reċiproka għar-regoli nazzjonali għall-parametri kollha rilevanti u billi jiġu provduti opinjonijiet tekniċi ad hoc dwar aspetti speċifiċi ta' aċċettazzjoni reċiproka ta' proġetti. L-Aġenzija, wara li tirrivedi l-lista tal-parametri, tista' tirrakkomanda li din tkun modifikata.

(4)

Minħabba l-attributi legali tagħha u l-livell għoli ta' kompetenza teknika, l-Aġenzija hi l-entità li għandha tipprovdi kjarifika dwar materji kumplessi li jfeġġu mill-attività fis-settur. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri li jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' vetturi, għandu jkun possibbli li l-Aġenzija tintalab li toħroġ opinjonijiet tekniċi fil-każ ta' deċiżjoni negattiva minn awtorità ta' sigurtà nazzjonali jew dwar l-ekwivalenza tar-regoli nazzjonali għall-parametri tekniċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

(5)

Għandu jkun possibbli li tintalab l-opinjoni ta' l-Aġenzija dwar modifiki urġenti għat-TSIs.

(6)

Taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, l-Aġenzija tista' tissorvelja l-kwalità tal-ħidma tal-korpi nnotifikati mill-Istati Membri. Madankollu, studju mwettaq mill-Kummissjoni wera li hemm kamp wiesa' ta' applikazzjoni għall-interpretazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu applikati għan-notifika ta' dawn il-korpi. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-korpi li huma jagħżlu li jinnotifikaw u l-kontrolli li huma jistgħu jwettqu biex ikun żgurat li dawn il-kriterji jkunu ntlaħqu, huwa importanti li jiġi valutat l-impatt ta' tali differenzi fl-interpretazzjoni, u li jiġi vverifikat li huma ma jikkawżawx diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' konformità u d-dikjarazzjoni ta' verifika KE. Għalhekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tkun tista' tissorvelja l-attività tal-korpi notifikati u, jekk ġustifikat, twettaq kontrolli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kriterji msemmijin fid-Direttiva dwar Interoperabbiltà Ferrovjarja jintlaħqu mill-korp notifikat rilevanti.

(7)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 jawtorizza l-Aġenzija biex tivvaluta, fuq talba tal-Kummissjoni u mill-lat ta' interoperabbiltà, applikazzjonijiet għal finanzjament Komunitarju għal proġetti ta' infrastruttura ferrovjarja. Id-definizzjoni ta' dawn il-proġetti għandha tiġi estiża biex il-koerenza tas-sistema tkun tista' wkoll tiġi valutata, bħal fil-każ ta' proġetti li jimplimentaw is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), per eżempju.

(8)

Wara żviluppi ta' dimensjoni internazzjonali, u b'mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) fl-1999, l-Aġenżija għandha tintalab li tivvaluta r-relazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u s-sidien, b'mod partikolari fir-rigward tal-manutenzjoni, bħala estensjoni tal-ħidma tagħha f'dan il-qasam ta' ċertifikazzjoni tal-workshops tal-manutenzjoni. F'dan il-kuntest, għandu jkun possibbli għall-Aġenzija li tindirizza rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni volontarja ta' manutenzjoni skond l-Artikolu 14b tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja.

(9)

Meta tkun qed tiżviluppa l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-workshops ta' manutenzjoni, l-Aġenzija għandha tiżgura li dawn l-iskemi jkunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji u r-rwol futur ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. Dawn l-iskemi għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta' ċertifikazzjoni ta' sigurtà ta' impriżi ferrovjarji u jevitaw piż amministrattiv bla bżonn u d-duplikazzjoni ta' kontrolli, spezzjonijiet u/jew verifiki.

(10)

Wara l-adozzjoni tat-tielet pakkett ferrovjarju, għandha ssir referenza għad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja fil-Komunità (6), minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija”, li tistabbilixxi diversi kompiti li għandhom jitwettqu mill-Aġenżija u tagħti l-possibbiltà li jkunu indirizzati rakkomandazzjonijiet ukoll.

(11)

Safejn hu kkonċernat il-persunal ferrovjarju, l-Aġenzija għandha wkoll tidentifika għażliet possibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà u jivvalutaw l-impatt ta' dawn l-għażliet differenti. Hu maħsub li, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji u membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu dmirijiet kritiċi għas-sigurtà, l-Aġenzija tirrifletti dwar l-ispeċifikar ta' kriterji biex jiġu definiti kompetenzi vokazzjonali ta' persunal ieħor involut fl-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja.

(12)

Id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja jipprevedu diversi tipi ta' dokumenti, jiġifieri, dikjarazzjonijiet ta' verifika tal-KE, liċenzji u ċertifikati ta' sigurtà u regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni. Għalhekk, għandu jkun il-kompitu ta' l-Aġenzija li jiġi żgurat aċċess pubbliku għal dak id-dokumenti kif ukoll għar-reġistri nazzjonali dwar vetturi u infrastruttura u għar-reġistri miżmumin mill-Aġenzija.

(13)

L-Aġenzija għandha teżamina d-dħul xieraq għall-kompiti relatati ma' l-aċċessibbiltà ta' dokumenti u reġistri skond l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004.

(14)

Mill-adozzjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju, ittieħdu diversi inizjattivi marbutin ma' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-ERTMS. Dawn jinkludu l-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u d-diversi partijiet interessati fis-settur, l-istabbiliment ta' kumitat ta' tmexxija għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-insedjament tas-Sistema Ewropea ta' Sinjalazzjoni tal-Ferroviji ERTMS/ECTS, il-ħatra, mill-Kummissjoni ta' koordinatur Ewropew għall-proġett ERTMS bħala proġett prijoritarju ta' interess Komunitarju, id-definizzjoni tar-rwol ta' l-Aġenzija bħala awtorità tas-sistema fil-kuntest tad-diversi programmi ta' ħidma annwali, u l-adozzjoni tat-TSI “kontroll-kmand u s-sinjalar” għal ferroviji konvenzjonali (7). Minħabba l-importanza dejjem tikber ta' l-input mill-Aġenzija f'dan il-qasam, il-kompiti tagħha għandhom jiġu speċifikati.

(15)

L-Aġenzija issa għandha numru kbir ta' esperti li jispeċjalizzaw fl-interoperabbiltà u s-sigurtà tas-sistema ferrovjarja Ewropea. L-Aġenzija għandha tkun awtorizzata twettaq kompiti ad hoc fuq talba tal-Kummissjoni, soġġetti għall-kompatibbiltà ta' dawk il-kompiti mal-missjoni ta' l-Aġenzija u konformità mal-prijoritajiet l-oħrajn ta' l-Aġenzija. F'dak id-dawl, id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jevalwa l-amissibbiltà ta' din l-assistenza u jirrapporta mill-anqas darba fis-sena lill-Bord Amministrattiv dwar l-għoti tagħha. Il-Bord jista' jivvaluta dan ir-rapport skond is-setgħat attribwitu lilu bir-Regolament (KE) Nru 881/2004.

(16)

Ir-reklutaġġ ta' l-uffiċjali tal-proġett b'kuntratt għal massimu ta' 5 snin kien intensiv matul l-ewwel sena meta ġiet stabbilita l-Aġenzija, li jfisser li ħafna mill-persunal tekniku għandu jħalli l-Aġenzija fi żmien qasir. Biex tiġi żgurata kwantità u kwalità adegwata ta' kompetenza u biex jiġu antiċipati diffikultajiet possibbli fil-proċeduri ta' reklutaġġ, l-Aġenzija għandha titħalla testendi l-kuntratti ta' ħidma ta' persunal bi kwalifiki speċjali għal tliet snin oħra.

(17)

Id-data li fiha għandu jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi emendata biex tippermetti sinkronizzazzjoni aħjar mal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet baġitarji.

(18)

Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettiv ta' kull attività u lil minn għandu jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar ir-riżultati tekniċi ta' kull attività peress li din l-informazzjoni tmur ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport ġenerali, li hu indirizzat lill-istituzzjonijiet kollha.

(19)

Billi l-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tal-missjoni ta' l-Aġenzija biex tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tagħha fis-simplifikazzjoni tal-proċedura Komunitarja għaċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, ma jistax jintlaħaq b' mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jista' għalhekk, minħabba l-iskala ta' dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 għandu għalhekk jiġi emendat għaldaqstant,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

It-tip ta' azzjonijiet ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija tista':

a)

tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6, 7, 9b, 12, 14, 16, 16a, 16b, 16c, 17 u 18; u

b)

tagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 9a, 10, 13 u 15, u lill-awtoritajiet konċernati fl-Istati Membri skond l-Artikolu 10.”;

2)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“1.   Għat-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 7, 9b, 12, 14, 16, 17 u 18 l-Aġenzija għandha tistabbilixxi numru limitat ta' gruppi ta' ħidma.”;

b)

il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà definiti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja, jew, skond is-suġġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom għall-gruppi ta' ħidma li jixtiequ jieħdu sehem fihom.”;

3)

L-Artikolu 8 għandu jitħassar;

4)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 9:

5)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Regoli nazzjonali

1.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha twettaq eżami tekniku tar-regoli nazzjonali ġodda mibgħuta lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja jew l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja fil-Komunità (8), hawn aktar 'il quddiem ‘id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja’.

2.   L-Aġenzija għandha teżamina l-kompatibbiltà tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mas-CSMs u mat-TSIs fis-seħħ. L-Aġenzija għandha wkoll teżamina jekk dawk ir-regoli jippermettux li jintlaħqu s-CSTs fis-seħħ.

3.   Jekk, wara li tkun ħadet kont tar-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri, l-Aġenzija tikkunsidra li kwalunkwe minn dawn ir-regoli tkun jew inkompatibbli mat-TSIs jew is-CMSs jew ma tippermettix li jintlaħqu s-CSTs, hija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni xahrejn wara t-trasmissjoni tar-regoli lill-Aġenzija mill-Kummissjoni.

Artikolu 9b

Il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali

1.   L-Aġenzija għandha tiffaċilità l-aċċettazzjoni tal-vetturi mqegħda fis-servizz fi Stat Membru ieħor skond il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4.

2.   L-Aġenzija għandha, sa … [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja] tirrevedi l-lista ta' parametri fit-taqsima 1 ta' l-Anness VII għal dik id-Direttiva u tagħmel rakkomandazzjonijiet li hi tikkunsidra addati lill-Kummissjoni.

3.   L-Aġenżija għandha tfassal abbozz għal dokument ta' referenza li jagħmel korrelazzjoni għar-regoli nazzjonali kollha applikati mill-Istati Membri għat-tqegħid ta' vetturi fis-servizz. Dan id-dokument għandhu jkun fih ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru għal kull parametru elenkat fl-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u jispeċifika wkoll il-grupp imsemmi fit-Taqsima 2 ta' dak l-Anness li għandu dawn ir-regoli. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dawk notifikati taħt l-Artikolu 17(3) ta' Direttiva 2008/…/KE, inklużi dawk notifikati wara l-adozzjoni tat-TSIs (każijiet speċifiċi, kwistjonijiet pendenti, derogi), u dawk notifikati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja.

4.   Bil-ħsieb li gradwalment jitnaqqsu r-regoli nazzjonali fil-Grupp B msemmi fit-Taqsima 2 ta' l-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, l-Aġenzija għandha regolarment tfassal abbozz biex jiġi aġġornat id-dokument ta' referenza u jibagħtu lill-Kummissjoni. L-ewwel verżjoni tad-dokument għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn … [sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

5.   Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà stabbiliti taħt l-Artikolu 6(5) u tistabbilixxi grupp ta' ħidma skond il-prinċipji ta' l-Artikoli 3.

6)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 10:

“2a.   L-Aġenzija tista' tintalab li tipprovdi opinjonijiet tekniċi:

(a)

minn Awtorità Nazzjonali ta' Sigurtà jew mill-Kummissjoni, dwar l-ekwivalenza ta' regoli nazzjonali għal parametru wieħed jew aktar elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness VII għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

(b)

mill-korp ta' appell kompetenti imsemmi fl-Artikolu 21(7) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fil-każ ta' deċiżjoni minn awtorità kompetenti għas-sigurtà nazzjonali li tirrifjuta t-tqegħid fis-servizz ta' vettura ferrovjarja.

2b.   L-Aġenzija tista' tintalab mill-Kummissjoni li tipprovdi opinjonijiet tekniċi dwar modifiki urġenti għat-TSIs, skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.”;

7)

L-Artikolu 11 għandu jitħassar;

8)

L-Artikolu 13 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Korpi notifikati

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-korpi notifikati li huma jaħtru, l-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni, tissorvelja l-kwalità tal-ħidma ta' dawk il-korpi. L-Aġenzija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni fejn xieraq.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni meta hija, skond l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, tikkunsidra li korp notifikat ma jilħaqx l-kriterji msemmijin fl-Anness VIII għal dik id-Direttiva, tivverifika biex tiżgura li dawk il-kriterji jintlaħqu. L-Aġenzija għandha toħroġ opinjoni għall-Kummissjoni.”;

9)

L-Artikolu 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Kommunitarja

Mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha teżamina, mill-perspettiva ta' l-interoperabbiltà, kwalunkwe proġett li jinvolvi t-tfassil u/jew kostruzzjoni jew it-tiġdid jew it-titjib tas-sottosistema li għalih tkun intbagħtet applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja Komunitarja. F'perijodu li għandu jkun miftiehem mal-Kummissjoni skond l-importanza tal-proġett u r-riżorsi disponibbli u li ma jistax jestendi aktar minn xahrejn, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar jekk il-proġett huwiex konformi mat-TSIs rilevanti.”;

10)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufihqabel l-Artikolu 16:

11)

Għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej ma' l-Artikolu 16:

“Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja u l-entità responsabbli mill-manutenzjoni kif previst fl-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva, u għandhom jieħdu kont sħiħ tal-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' impriżi ferrovjarji u entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni.”;

12)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni

Sa … (9), l-Aġenzija għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport li jippreżenta, jekk meħtieġ, rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ċertifikazzjoni volontarja ta' manutenzjoni skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja.

Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Aġenzija għandhom b'mod partikolari jkopru l-aspetti li ġejjin b'kont debitu meħud tar-rabtiet li entità responsabbli mill-manutenzjoni jista' jkollha ma' partijiet oħrajn bħal sidien ta' vetturi, impriżi ferrovjarji u amministraturi ta' l-infrastruttura:

a)

jekk l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandhiex is-sistemi adegwati attwati, inklużi l-proċessi ta' ġestjoni u operattivi, biex tkun żgurata l-manutenzjoni effettiva u sikura tal-vetturi;

b)

il-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet ta' sistema ta' ċertifikazzjoni volontarja valida fil-Komunità kollha;

c)

it-tip ta' korpi kompetenti għaċ-ċertifikazzjoni;

d)

l-ispezzjonijiet u l-kontrolli tekniċi u operattivi.

13)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufihwara l-Artikolu 16a:

14)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16b

Sewwieqa tal-ferroviji

1.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (10), minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘Id-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija’, l-Aġenzija għandha:

a)

tipprepara abbozz għal mudell Komunitarju għal-liċenzja, iċ-ċertifikat u l-kopja awtentika taċ-ċertifikat, il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, waqt li tieħu kont fihom tal-miżuri kontra l-falsifikazzjoni;

b)

tikkoopera ma' l-awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tar-reġistri għal-liċenzji ta' sewwieqa tal-ferroviji. Għal dan il-għan l-Aġenzija għandha tipprepara abbozz dwar il-paramentri bażiċi tar-reġistri li għandhom jiġu stabbiliti, bħad-data li għandha tiġi rreġistrata, il-format tagħhom u l-protokoll dwar skambju tad-data, id-drittijiet ta' aċċess, it-tul ta' żmien għaż-żamma tad-data u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'każijiet ta' falliment;

c)

tipprepara abbozz ta' kriterji Komunitarji dwar l-għażla ta' eżaminaturi u eżamijiet;

d)

tevalwa l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji billi tippreżenta lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mimm erba' snin wara l-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri, kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, rapport li jkun fih, fejn xieraq, titjib li għandu jsir fis-sistema u l-miżuri rigward l-eżami teoretiku u prattiku ta' l-għarfien professjonali ta' l-applikanti għaċ-ċertifikat armonizzat għal materjal bir-roti u l-infrastruttura rilevanti;

e)

sa' l-4 ta' Diċembru 2012, teżamina l-possibbiltà ta' l-użu ta' smartcard li tikkombina l-liċenzja u ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija u għandha tipprepara analiżi ta' spejjeż/benefiċċji tagħha. L-Aġenzija għandha tipprepara abbozz għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi għal tali smartcard;

f)

tassisti l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija u torganizza laqgħat adatti ma' rappreżentanti ta' l-awtoritajiet kompetenti;

g)

jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' spejjeż/benefiċċji ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija għal sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fit-territorju ta' l-Istat Membru rikjedenti. L-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tkopri perijodu ta' għaxar snin. Din l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mill-istabbiliment tar-reġistri konformement mal-punt 1 ta' l-Artikolu 37 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

h)

jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' spejjeż/benefiċċji li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel l-iskadenza temporanja ta' l-eżenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni;

i)

tiżgura li s-sistema stabbilita fil-paragrafu 2(a) u (b) ta' l-Artikolu 22 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (11).

2.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar:

a)

modifika tal-Kodiċijiet Komunitarji għat-tipi differenti fil-kategoriji A u B kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

b)

il-kodiċijiet jirriflettu informazzjoni addizzjonali, jew restrizzjonijiet mediċi għall-użu impost minn awtoritajiet kompetenti skond l-Anness II tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.

3.   L-Aġenzija tista' tagħmel talba raġunata lill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni dwar l-istatus ta' liċenżji tas-sewwieqa tal-ferroviji.

15)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16c

Persunal ieħor abbord

Skond l-Artikolu 28 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha, f'rapport li għandu jiġi ppreżentat sa' l-4 ta' Ġunju 2009, u b'kont meħud tat-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operar u t-traffiku żviluppata taħt id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, tidentifika l-profil u l-kompiti ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi ta' sigurtà li l-kwalifiki professjonali tagħhom kif meħtieġ jikkontribwixxu għas-sigurtà ferrovjarja li għandha tkun regolata fil-livell Komunitarju permezz ta' sistema ta' liċenzji u/jew ċertifikati li tista' tkun simili għas-sistema stabbilita bid-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.”;

16)

Fl-Artikolu 17, it-titolu u l-paragrafu 1 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Kompetenzi u taħriġ professjonali

1.   L-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-ispeċifikar ta' kriterji komuni biex jiġu definiti l-kompetenzi professjonali u għall-valutazzjoni tal-persunal involut fl-operar u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja iżda mhux koperti mill-Artikoli 16b u 16c.”;

17)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 17:

18)

L-Artikolu 18 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Reġistri

1.   L-Aġenzija għandha tfassal u tirrakkomanda lill-Kummissjoni speċifikazzjonijiet komuni għal:

a)

ir-reġistri nazzjonali dwar il-vetturi skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data u formula standard ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

b)

ir-reġistru nazzjonali dwar il-vetturi awtotizzati skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data ma' l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Sigurtà;

c)

ir-reġistru ta' infrastruttura skond l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta' tipi ta' vetturi ferrovjarji awtorizzati mill-Istati Membri għat-tqegħid fis-servizz fin-netwerk ferrovjarju fil-Komunità, skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja. L-Aġenzija għandha wkoll tipprepara abbozz għall-mudell ta' dikjarazzjoni ta' konformità għat-tip, skond l-Artikolu 26(4) ta' dik id-Direttiva.”;

19)

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Aċċessibbiltà għal dokumenti u reġistri

1.   L-Aġenzija għandha pubblikament tagħmel aċċessibbli d-dokumenti u r-reġistri li ġejjin previsti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja:

a)

id-dikjarazzjonijiet KE ta' verifika tas-sottosistemi;

b)

id-dikjarazzjonijiet KE ta' konformità tal-kostitwenti disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà;

c)

il-liċenzji maħruġa skond id-Direttiva 95/18/KE;

d)

iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja;

e)

ir-rapporti ta' investigazzjoni mibgħuta lill-Aġenzija skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja;

f)

ir-regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja u l-Artikoli 5(6) u 17(3) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

g)

kollegament għar-reġistri nazzjonali dwar il-veturi;

h)

kollegament għar-reġistri ta' infrastruttura;

i)

ir-reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi awtorizzati;

j)

ir-reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);

k)

ir-reġistru ta' marki tas-sidien tal-vetturi miżmuma mill-Aġenzija skond it-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operat u t-traffiku.

2.   L-arranġamenti prattiċi biex jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu diskussi u maqbula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni abbażi ta' abbozz imħejji mill-Aġenzija.

3.   Meta jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, il-korpi konċernati jistgħu jindikaw liema dokumenti m'għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku għal raġunijiet ta' sigurtà.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jinħarġu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1(c) u (d) għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija fi żmien xahar minn kull deċiżjoni individwali biex jinħarġu, jiġġeddu, jiġu emendati jew revokati.

5.   L-Aġenzija tista' żżid ma' din id-database pubblika kwalunkwe dokument pubbliku jew kollegament rilevanti għall-objettivi ta' dan ir-Regolament.”;

20)

It-titolu tal-Kapitolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

21)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 21a

ERTMS

1.   L-Aġenzija għandha tassumi l-kompiti mniżżlin fil-paragrafi 2 sa 5 bil-ħsieb li tikkontribwixxi għal żvilupp u implimentazzjoni koerenti ta' l-ERTMS.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċedura għall-ġestjoni tat-talbiet għal bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS. Għal dan il-għan, reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet ERTMS għandu jiġi stabbilit u miżmum mill-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni fil-migrazzjoni lejn l-ERTMS, kif ukoll fil-koordinazzjoni ta' l-installazzjoni ta' l-ERTMS matul il-kurituri tat-trasport trans-Ewropej.

4.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa strateġija għall-ġestjoni tal-verżjonijiet differenti ta' l-ERTMS, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà teknika u operattiva bejn netwerks u vetturi fitted b'verżjonijiet differenti.

5.   F'każ li joħorġu inkompatibilitajiet tekniċi bejn netwerks u vetturi fil-kuntest ta' proġetti ERTMS speċifiċi, korpi notifikati u awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà għandhom jiżguraw li l-Aġenżija tikseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri applikati għal verifika ‘KE’ u t-tqegħid fis-servizz kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet operattivi. Jekk meħtieġ, l-Aġenzija għandha tirrikkomanda lill-Kummissjoni miżuri adatti.

Artikolu 21b

Assistenza lill-Kummissjoni

1.   Fil-limiti ta' l-Artikolu 30(2)(b), l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mmirata lejn it-titjib tal-livell ta' interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji u lejn l-iżvilupp ta' approċċ komuni għas-sigurtà dwar is-sistema ferrovjarja Ewropea.

2.   Din l-assistenza għandha tkun limitata fiż-żmien u l-ambitu, u mwettqa mingħajr preġudizzju għall-kompiti l-oħrajn kollha assenjati lill-Aġenzija f'dan ir-Regolament u tista' tinkludi:

a)

komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar kif aspetti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jkunu implimentati;

b)

provvediment ta' parir tekniku f'affarijiet li jeħtieġu know-how speċifiku;

c)

ġbir ta' informazzjoni permezz tal-kooperazzjoni ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sigurtà u l-korpi investigattivi previsti fl-Artikolu 6(5).

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta ta' l-anqas darba fis-sena lill-Bord dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inkluż l-impatt tiegħu fuq ir-riżorsi.”;

22)

L-Artikolu 24(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(1), il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn:

impjegati temporanji reklutati mill-Aġenzija għall-massimu ta' ħames snin minn fost professjonisti mis-settur abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom fil-qasam ta' sigurtà u interoperabbiltà ferrovjarja;

uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri għal massimu ta' ħames snin; u

ħaddiema oħrajn, kif definit fil-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' ħaddiema oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, biex iwettqu kompiti implimentattivi jew segretarjali.

Matul l-ewwel 10 snin ta' operat ta' l-Aġenzija, il-perijodu ta' 5 snin imsemmi fl-ewwel inċiż jista' jiġi estiż għal perijodu ieħor sa massimu 3 snin meta meħtieġ biex tiġi garantita l-kontinwità tas-servizzi ta' l-Aġenzija.”;

23)

L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“c)

taddotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, u b'kont meħud ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li jmiss u tibagħtu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura Komunitarja baġitarja annwali. Jekk, fi żmien 15-il jum mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni tesprimi in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-programm, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid il-programm u jadottah, jekk meħtieġ emendat, f'perijodu ta' xahrejn, fit-tieni qari jew b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri;”;

b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettivi ta' kull attività. B'mod ġenerali, kull attività u/jew kull eżitu huwa soġġett għal rapport lill-Kummissjoni.”;

24)

L-Artikolu 26(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun fih rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru u erba' rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll sitt rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot, dawn ta' l-aħħar jirrappreżentaw fil-livell Ewropew, il-gruppi li ġejjin:

a)

l-impriżi ferrovjarji,

b)

l-amministraturi ta' l-infrastruttura,

c)

l-industrija ferrovjarja,

d)

l-unions tal-ħaddiema,

e)

il-passiġġieri,

f)

il-klijenti tas-servizzi tat-trasport ta' merkanzija.

Għal kull wieħed minn dawn il-gruppi, il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant u sostitut, minn lista ta' preselezzjoni ta' erba' ismijiet ippreżentata mill-organizzazzjonijiet Ewropej rispettivi tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni adatta ta' l-interessi kollha.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru abbażi ta' l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom.”;

25)

L-Artikolu 33(1) għandu jinbidel b' dan li ġej:

“1.   Sabiex twettaq il-kompitit fdati lilha mill-Artikoli 9, 9a, 10, 13 u 15, l-Aġenzija tista' twettaq mawriet fl-Istati Membri skond il-politika definita mill-Bord Amministrattiv. L-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ix-xogħol tal-persunal ta' l-Aġenzija.”;

26)

L-Artikolu 36(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għal parteċipazzjoni mill-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li kkonkludew ftehim mal-Komunità Ewropea fejn il-pajjiżi konċernati adottaw u qed japplikaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2008 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-… (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

(4)  Ara paġna … ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.

(6)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta' Marzu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilita relatata mas-subsistema tal-kmand ta' kontroll u ta' senjalar tas-sistema trans-Ewropea ta' ferrovija konvenzjonali (ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1), Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/153/KE (ĠU L 67, 7.3.2007, p. 13).

(8)  ĠU L …”;

(9)  6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.”;

(10)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”;


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fit-13 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat tliet proposti leġiżlattivi primarjament immirati lejn il-faċilitazzjoni tal-moviment tal-vetturi ferrovjarji fl-Unjoni Ewropea kollha:

proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2004/49/KE fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferroviji);

proposta għal Direttiva dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja Komunitarja (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja);

proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-Regolament ta' l-Aġenzija).

Fid-29 ta' Novembru 2007, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.

Fit-3 ta' Marzu 2008, il-Kunsill ser jadotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu. Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont ukoll ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2). Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jadottax opinjoni dwar il-proposti msemmijin hawn fuq.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Bil-ħsieb li tippermetti lill-ferroviji jkollhom ir-rwol ewlieni tiegħu rigward il-mobbiltà sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jimmira lejn l-iżvilupp gradwali ta' żona Ewropea integrata tal-linji tal-ferroviji. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jikkunsidra li t-tliet proposti leġiżlattivi li jagħtu rwol ġdid lid-direttivi dwar l-interoperabbiltà għal ferroviji konvenzjonali u ta' veloċità għolja u li jemendaw kemm id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija kif ukoll ir-Regolament ta' l-Aġenzija jistgħu jġibu titjieb importanti għall-parti teknika tal-qafas regolatorju għal-linji tal-ferrovija Ewropej. Dawn il-proposti jnaqqsu l-ostakli eżistenti għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-vetturi ferrovjarji fuq in-netwerk ferrovjarju Ewropew b'hekk tiġi faċilitata l-aċċettazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet ta' vetturi ferrovjarji fost l-Istati Membri.

Il-Kunsill u l-Parlament irnexxielhom jilħqu ftehim fl-ewwel qari dwar il-proposta għal Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja sabiex il-Kunsill ikun jista' jadotta l-att propost hekk emendat. Madankollu, il-Kunsill u l-Parlament ma setgħux jallinjaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-ewwel qari dwar il-proposti li jemendaw id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u r-Regolament ta' l-Aġenzija. Konsegwentement, il-Kunsill adotta Pożizzjonijiet Komuni dwar iż-żewġ proposti, b'hekk ittieħed kont ta' xi emendi li l-Parlament adotta fl-Opinjonijiet ta' l-ewwel qari tiegħu.

2.   Kwistjonijiet ewlenin ta' politika

Il-proposta li temenda r-Regolament ta' l-Aġenżija hija primarjament immirata lejn li jiġi adottat il-qafas leġislattiv għall-Aġenżija Ewropea tal-Ferroviji għall-kompiti l-ġodda li jirriżultaw mid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferroviji u d-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja emendati. Għalhekk, fit-tfassil tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni li temend ir-Regolament ta' l-Aġenzija, il-Kunsill bħala punt ta' bidu ħa t-test li jifforma l-bażi tal-ftehim fl-ewwel qari bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar id-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja u l-Pożizzjoni Komuni dwar il-proposta li temenda d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija. Barra minn hekk, il-Kunsill għamel xi bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat użu aħjar ta' l-għarfien espert tekniku ta' l-Aġenzija.

2.1.   Klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali

Għalkemm il-Kunsill jirristruttura b'mod sinifikanti l-proposta tal-Kummissjoni, in ġenerali jżomm id-dispożizzjonijiet importanti kif proposti mill-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, jeħtieġ jintqal li l-Kunsill iżomm id-dispożizzjoni ewlenija dwar il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali kollha dwar l-awtorizzazzjoni biex vetturi ferrovjarji jitqegħdu fis-servizz. L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għandha l-kompitu li toħloq dokument ta' referenza li jqabbel ir-regoli nazzjonali tas-sigurtà u tekniċi u li ġġeddu regolarment. B'dan il-mod, jista' gradwalment jiġi identifikat liema regoli nazzjonali għandhom ikunu kkunsidrati ekwivalenti u, konsegwentement, ma jkunux jistgħu jintużaw bħala raġuni għall-kontrolli addizzjonali. Dan ser jikontribwixxi għal aktar aċċettazzjoni reċiproka ta' l-awtorizzazzjonijiet ta' vetturi fost l-Istati Membri.

Il-Kunsill jaqbel ma' l-emenda 3 tal-Parlament li timmira lejn it-tnaqqis ta' regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjonijiet biex il-vetturi jitqiegħdu fis-servizz li huma ekwivalenti fost l-Istati Membri. Madankollu, fil-kondiviżjoni ta' dak il-għan, il-Kunsill jikkunsidraha aktar effettiva li jitlob lill-Aġenzija tippreżenta aġġornament regolari tad-dokument ta' referenza milli — kif jipproponi l-Parlament — tiġi stabbilita data unika u fissa (l-1 ta' Jannar 2010) li qabilha l-Aġenzija għandha tipproponi soluzzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emenda 2, peress li jippreferi li jistabbilixxi kompitu ġenerali għall-Aġenzija biex tipprepara dokument ta' referenza milli li jitlob lill-Aġenzija biex tati prijorità lil dawk ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw id-differenzi bejn l-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà għall-infrastruttura u l-materjal fuq ir-roti.

2.2.   Modifiki prinċipali għall-proposta tal-Kummissjoni

Filwaqt li jieħu l-proposta tal-Kummissjoni bħala l-bażi, il-Kunsill jintroduċi diversi modifiki.

a)

Il-Kunsill qabel li jagħmel użu aħjar mill-għarfien espert ta' l-Aġenzija. L-ewwelnett, l-Aġenzija tista' tintalab tipprovdi opinjonijiet tekniċi fil-każ ta' deċiżjoni negattiva minn Aġenzija Nazzjonali dwar is-Sigurtà jew l-ekwivalenza ta' regoli nazzjonali għall-parametri tekniċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. It-tieninett, l-Aġenżija tista' tintalab ukoll li tagħti opinjoni dwar modifiki urġenti ta' Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabilità (TSIs);

b)

Fil-Pożizzjoni Komuni, l-Aġenzija għandha l-kompitu li tipprepara — fi żmien 6 xhur mid-data li fiha tidħol fis-seħħ id-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja — rapport li jistabbilixxi, jekk meħtieġ, rakkomandazzjonijiet dwar l-implimetazzjoni ta' sistema ta' ċertifikazzjoni volontarja tal-manutenzjoni tal-vetturi kif imniżżel fid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija. Fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill jindika ulterjorment li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mar-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' impriżi u entitajiet ferrovjarji responsabbli mill-manutenzjoni kif stabbilit fid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija filwaqt li tiġi faċilitata l-proċedura ta' ċertifikazzjoni tas-sigurtà ta' impriżi ferrovjarji u jiġi evitat il-piż amministrattiv ta' dupplikar ta' kontrolli, spezzjonijiet u/jew verifiki. B'kont meħud li dan iżid il-piż amministrattiv u jimponi spejjeż addizzjonali għall-industrija, il-Kunsill ma jistax jappoġġa l-element prinċipali ta' l-emenda 6 li tappella għal sistema obbligatorja ta' ċertifikazzjoni.

c)

Fir-Regolament ta' l-Aġenzija, il-Kunsill jelenka l-kompiti kollha ta' l-Aġenzija li huma definiti fid-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja fil-Komunità, minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar is-Sewwieqa tal-Ferrovija (3). Fl-elenkar ta' dawn il-kompiti, il-Kunsill jiddistingwi bejn il-kompiti fir-rigward tas-sewwieqa tal-ferrovija, min-naħa l-waħda, u l-kompiti fir-rigward ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà, min-naħa l-oħra. Fir-rigward tas-sewwieqa tal-karrozzi, il-lista tinkludi kompiti bħat-tħejjija ta' abbozz għal mudell Komunitarju għal-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieqa tal-ferroviji u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tar-reġistri għal-liċenzji tas-sewqan tas-sewwieqa tal-ferroviji. Fir-rigward tal-membri l-oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà, l-Aġenzija għandha tippreżenta rapport li jidentifika l-profil u l-kompiti tagħhom.

Fl-aħħarnett, għall-persunal involut fl-operar u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja iżda li ma jappartjenu għall-ebda waħda miż-żewġ kategoriji msemmija hawn fuq, l-Aġenzija għandha l-kompitu li tagħmel rakkomandazzjonijiet li jissuġġerixxu kriterji komuni biex jiġu definiti l-kompetenzi u jiġi valutat il-persunal.

d)

Il-Kunsill jadatta d-dispożizzjoni dwar reġistri fir-Regolament ta' l-Aġenzija fid-dawl tal-bidliet li saru fid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u d-Direttiva miktuba mill-ġdid dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. Id-dispożizzjoni dwar reġistri fil-Pożizzjoni Komuni tirrifletti li l-Aġenzija teħtieġ tfassal speċifikazzjonijiet komuni għar-reġistru li għadu kif inħoloq ta' tipi ta; vetturi awtorizzati kif ukoll għar-reġistru ta' l-infrastruttura, uli għandha tistabbilixxi u iżżomm ir-reġistru għat-tipi ta' vetturi. Il-Parlament jagħmel l-istess proposta dwar l-istabbiliment u ż-żamma ta' reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi fl-emenda 7, li ovvjament il-Kunsill jappoġġa. Barra minn hekk, il-Kunsill jelabora r-regoli dwar l-aċċessibbiltà ta' dokumenti u reġistri f'Artikolu separat.

e)

Filwaqt li jibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jispeċifika l-kondizzjonijiet skond liema l-Kummissjoni tista' titlob assistenza mill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-qafas leġislattiv Komunitarju dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-linji tal-ferrovija.

f)

Il-Kunsill jieħu l-emenda 9 tal-Parlament Ewropew li jipprevedi aktar possibbilitajiet biex jiġu estiżi l-kuntratti tax-xogħol tal-persunal bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità ta' l-operati tiegħu. Madankollu, il-Kunsill jillimita dan ir-reġim aktar flessibbli għall-ewwel 10 snin ta' l-operat peress li dan il-perijodu huwa l-perijodu fejn ser ikun partikolarment importanti li jinżamm persunal kwalifikat.

g)

Bidliet oħrajn li l-Kunsill għamel għall-proposta tal-Kummissjoni:

Bil-ħsieb tas-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti, il-Kunsill jipprevedi l-possibbiltà li mhux biss l-aġenziji nazzjonali tas-sigurtà, iżda, skond is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss, anki awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn jistgħu jaħtru rappreżentanti biex jipparteċipaw fil-gruppi ta' ħidma ta' l-Aġenzija.

Il-Kunsill jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni li jkun hemm korpi notifikati li jiffunzjonaw abbażi ta' l-istess kriterji fil-Komunità kollha. Bil-ħsieb li tiġi ċċarata din id-dispożizzjoni, fil-Pożizzjoni Komuni, issir distinzjoni bejn ir-rwoli differenti ta' l-Aġenzija rigward il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ħidma tal-korpi notifikati, min-naħa l-waħda, u rigward il-kontroll dwar jekk korp notifikat għadux jissodisfa il-kriterji stabbiliti, min-naħa l-oħra.

Il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni li l-Aġenzija għandha tkun involuta fil-valutazzjoni ta' l-aspetti ta' interoperabbiltà ta' ċerti talbiet għall-finanzjament Komunitarju, iżda jispeċifika li d-dewmien fiż-żmien li matulu l-Aġenzija għandha tagħti risposta hu ristrett għal mhux aktar minn xahrejn.

Il-Kunsill isegwi l-proposta tal-Kummissjoni b'konsiderazzjoni li l-kompiti ta' l-Aġenzija fir-rigward ta' l-ERTMS jeħtieġu jiġu speċifikati fir-Regolament iżda jagħżel li b'xi mod jifformola mill-ġdid id-dispożizzjoni rilevanti.

III.   EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Ir-rispons tal-Kunsill għall-emendi 2, 3, 6, 7 u 9 huwa stabbilit b'rabta mal-kwistjonijiet prinċipali ta' hawn fuq. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emendi li ġejjin:

L-emenda 1 dwar il-gruppi ta' ħidma ta' l-Aġenzija peress li taqa' barra mill-kamp ta' aplikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni;

L-emenda 4 li mill-2015 tafda lill-Aġenzija bil-kompitu li tagħti awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi konformi mat-TSIs. Madankollu, din il-kwistjoni tista' tiġi kkunsidrata solvuta, peress li l-istess emenda kienet ir-riżultat ta' kompromess fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja fejn il-Kunsill u l-Parlament elaboraw proċedura għall-Awtoritajiet Nazzjonali dwar is-Sigurtà meta jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-servizz ta' vetturi, b'hekk iżidu l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' tali awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li jistiednu lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-effettività ta' din il-proċedura l-ġdida u dwar approċċi kollaborattivi futuri possibbli bejn l-Aġenzija u l-Aġenziji Nazzjonali dwar is-Sigurtà;

L-emendi 5 u 8 dwar Opinjonijiet Tekniċi mill-Aġenzija ġew inkorporati biss parzjalment fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. F'konformità mal-kompromess dwar id-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja, il-Kunsill jirrifjuta l-possibbiltà li applikanti individwali jitolbu Opinjoni Teknika direttament mill-Aġenzija kif jipproponi l-Parlament fl-emenda 5. Rigward il-possibbiltà li l-Aġenzija tagħti Opinjonijiet Tekniċi dwar l-ERTMS kif propost fiż-żewġ emendi 5 u 8, il-Kunsill jaqbel dwar dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Aġenzija tistabbilixxi proċedura biex jiġu ġestiti t-talbiet għall-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet ta' l-ERTMS.

IV.   KONKLUŻJONI

It-tliet proposti leġislattivi dwar l-interoperabbiltà, is-sigurtà u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji li jimmirw lejn il-faċilitazzjoni tal-moviment ta' vetturi ferrovjarji fl-Unjoni Ewropea kollha jagħmlu kontribut importanti għal aktar integrazzjoni taż-żona Ewropea tal-linji tal-ferrovija. Il-Kunsill u l-Parlament diġà kisbu progress sinifikanti dwar dawn it-tliet proposti, b'mod partikolari billi fl-ewwel qari kisbu qbil dwar id-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. Dan jistabbilixxi bażi solida għaż-żewġ ko-keġislaturi biex isibu soluzzjonijiet ta' kompromess dwar il-proposti li jemendaw ir-Regolament ta' l-Aġenzija u d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija matul id-diskussjonijiet tat-tieni qari tagħhom.


(1)  ĠU C 126, 7.6.2007, p. 7.

(2)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.

(3)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.