28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2001/470/KE tal-Kunsill li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali”

COM(2008) 380 finali — 2008/0122 (COD)

(2009/C 175/15)

Nhar it-12 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 61(c) u 67.5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2001/470/KE ta1-Kunsill li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali

COM(2008) 380 finali — 2008/0122 (COD).

Fit-8 ta’ Lulju 2008, il-Bureau tal-Kumitat ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-449 sessjoni plenara tiegħu tat-3 u l-4 ta’ Diċembru 2009 (seduta tat-3 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’124 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2001/470/KE li ħolqot in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, mhux biss minħabba li hija konformi mar-rekwiżit ta’ reviżjoni stipulat mid-dispożizzjoni stess, iżda wkoll minħabba li dan isir fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura matul dan il-perijodu dwar it-tħaddim tiegħu, u li hi tipprova tikseb riżultati aħjar fit-twettiq tal-għan tagħha li tinforma liċ-ċittadini Ewropej.

1.2   Hemm bżonn li jiġi enfasizzat it-titjib fil-koordinazzjoni stabbilita bejn l-awtoritajiet li jagħmlu parti min-Netwerk Ewropew u l-punti nazzjonali ta’ kuntatt, li huma kruċjali għall-ħolqien u t-tħaddim tan-Netwerk, kif ukoll lis-semplifikazzjoni tal-informazzjoni bl-użu tat-teknoloġiji adegwati. Dan kollu jgħin sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-professjonisti legali u għaċ-ċittadini li huma interessati li jkunu jafu bil-possibbiltajiet sabiex jissolvew it-tilwimiet ċivili u kummerċjali transkonfinali.

1.3   Bis-saħħa tal-parteċipazzjoni mhux biss tal-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll tal-professjonisti legali ser jiġu identifikati l-istrumenti legali adegwati għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini Ewropej fl-attivitajiet ċivili u kummerċjali tagħhom. B’dan il-mod, l-armonizzazzjoni taż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-UE ser tkun aktar effettiva. Il-KESE jemmen fi ftuħ u aċċess massimu għan-Netwerk min-naħa tal-partijiet interessati kollha bħala mod kif jiġu promossi t-trasparenza u l-proċess Ewropew tal-integrazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   B’riżultat tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni Ewropewa nediet proċess ta’ armonizzazzjoni u ta’ ħolqien ta’ strumenti legali li jippermettu l-ħolqien ta’ żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja u li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-persuni ġewwa l-fruntieri tal-UE. Wieħed mill-aktar strumenti importanti huwa r-Regolament dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1), li jintroduċi, fost miżuri oħra, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ infurzar, il-bdil fil-miżuri protettivi li jiżguraw l-infurzar tad-deċiżjonijiet, u r-rikonoxximent ta’ miżuri protettivi li jistgħu jiġu infurzati fl-Ewropa kollha.

2.2   Bħala parti mill-istess approċċ, il-Kummissjoni ressqet id-Deċiżjoni 2001/470/KE (2), li waqqfet in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, li l-għan tiegħu kien li jinħoloq strument Ewropew ta’ kooperazzjoni legali sabiex il-professjonisti legali, l-istituzzjonijiet, l-amministrazzjonijiet u l-pubbliku inġenerali jiġu informati bid-drittijiet applikabbli fid-diversi Stati Membri tal-UE, u bil-proċeduri sabiex jiġu solvuti t-tilwimiet legali transkonfinali.

2.3   In-netwerk kellu wkoll jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja speċjalment, kif diġà ġie indikat, fil-qafas ta’ tilwimiet transkonfinali, fejn mhux dejjem ikun hemm qbil fil-kontenut jew fil-proċedura. Huwa għalhekk li tingħata attenzjoni speċjali lill-punti ta’ kuntatt li huma faċli li jiġu kkuntattjati mill-partijiet interessati, mill-professjonisti jew miċ-ċittadini. Dwar is-sitwazzjoni fil-bidu tal-2008, il-Kummissjoni qalet li jeżistu 102 punt ta’ kuntatt, 140 awtorità ċentrali, 12-il maġistrat ta’ kooperazzjoni u 181 awtorità ġudizzjarja attivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

2.4   Għandu jingħad ukoll li fid-Direttiva 2008/52/KE (3) dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, skont il-proċedura ġudizzjarja, jissemma li n-Netwerk huwa strument neċessarju għall-medjazzjoni fit-tilwimiet legali transkonfinali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Kif stabbilit fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2001/470/KE, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport kull ħames snin dwar ir-riżultati tan-Netwerk matul il-perijodu preċedenti. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni mogħtija mill-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri. Skont din l-informazzjoni jistgħu jiġu proposti modifiki. Dan huwa l-iskop tad-Deċiżjoni emendata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 61(c) tat-Trattat u b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, sabiex jinkisbu l-objettivi mixtieqa.

3.2   S’issa, in-netwerk irnexxielu jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-informazzjoni bejn l-imħallfin u l-professjonisti legali fi ħdan l-UE. Il-KESE jemmen li l-punti ta’ kuntatt għandhom iservu bħala uffiċċji ta’ informazzjoni dwar il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali applikabbli għat-tilwimiet transkonfinali. Teżisti x-xewqa li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni tan-Netwerk.

3.3   B’mod ġenerali, ir-riforma proposta tipprova tirfina n-Netwerk, mekkaniżmu li għandu jsaħħaħ l-objettivi ppjanati, speċjalment fir-rigward tat-tagħmir u r-riżorsi umani allokati għalih.

Il-KESE jilqa’ r-riforma proposta, mhux biss minħabba l-miżuri li għandhom itejbu t-tħaddim tan-Netwerk, iżda wkoll minħabba l-kjarifiki fit-terminoloġija, li għandhom jippermettu l-użu tiegħu b’aktar preċiżjoni legali.

3.4.1   L-emenda għall-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, pereżempju, tirreferi għall-għan tan-Netwerk bħala “kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali” minflok il-kliem ġenerali preċedenti “kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali”.

3.4.2   Ir-riforma proposta fiha wkoll id-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt — f’każ li jkunu jeżistu aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed fi Stat Membru — u huwa stipulat ukoll li għandu jinħatar punt ta’ kuntatt prinċipali.

3.4.3   Il-punt ta’ kuntatt prinċipali għandu jiġi megħjun minn imħallef, li mhux biss huwa membru tan-Netwerk iżda għandu wkoll jgħinu fix-xogħol ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali.

3.5   Skont l-objettiv prinċipali tar-riforma, l-Artikolu 5 huwa emendat sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni fi ħdan in-Netwerk u l-awtoritajiet ġudizzjarji bil-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-liġi għal kull każ individwali, anke jekk tali liġi hija ta’ Stat Membru ieħor jew hija strument legali internazzjonali. Il-KESE jqis li n-Netwerk ser jipprovdi valur miżjud jekk l-għan tiegħu jkun li jinforma lill-pubbliku dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja eżistenti u s-sistemi ġudizzjarji differenti. L-għan ta’ dan it-tkabbir huwa li jitqarrbu u jiġu garantiti d-drittijiet li ċ-ċittadini kisbu fir-rabtiet ċivili u kummerċjali tagħhom fi ħdan l-UE.

3.6   Huwa importanti li tiġi enfasizzata l-emenda li saret lill-proċedura ta’ informazzjoni — il-kliem ġdid tal-Artikolu 8 — li tirrikonoxxi r-reġistru elettroniku li għandu jinżamm mill-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jixtieq biss li jagħmel kumment wieħed dwar dan: għandu jkun attrezzat bil-mezzi tekniċi u ekonomiċi neċessarji sabiex jaħdem b’mod effikaċji kemm jista’ jkun malajr.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-KESE jaqbel mal-kontenut tar-riforma proposta u mal-metodu użat sabiex din titwettaq. Barra minn dan, in-Netwerk għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali u l-professjonisti fl-Istati Membri jista’ jitqies bħala kisba prinċipali.

4.2   Għalkemm ġiet rikonoxxuta n-natura pożittiva tiegħu, hemm bżonn li jiġi indikat li l-pożizzjoni tad-Danimarka bħala osservatur tan-Netwerk twassal sabiex parti miż-żona komuni Ewropea tibqa’ bla koordinazzjoni ġudizzjarja, għalkemm dan il-pajjiż huwa koperti mill-istess leġiżlazzjoni Komunitarja. Minkejja dan, l-Artikolu 11 bis il-ġdid jistipula li fin-Netwerk jistgħu jipparteċipaw osservaturi flimkien ma’ membri ġodda u pajjiżi terzi msieħba fil-Konvenzjoni ta’ Lugano (4) l-ġdid ikunu jistgħu jattendu ċerti laqgħat tan-Netwerk.

4.3   Nemmnu li għandu jkun hemm aktar flessibilità fl-iskadenza qasira għar-risposta għat-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja: għalkemm nagħrfu l-effiċjenza attwali, irid jiġi rikonoxxut li bit-titjib tal-informazzjoni u b’aktar pajjiżi involuti, mhux possibbli li tintlaħaq din l-iskadenza. Għal kull pajjiż, u anke għal kull livell reġjonali, trid tiġi kkunsidrata firxa ta’ sitwazzjonijiet li jkopru l-aspetti organizzattivi u tekniċi. Irridu nistennew u naraw ir-riżultati tar-riforma l-ġdida, partikularment fir-rigward tal-mezzi tekniċi pprovduti għall-punti ta’ kuntatt u n-Netwerk, u speċjalment kif ser jaħdem ir-reġistru.

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 — ĠU L 12, 16.1.2001.

Opinjoni tal-KESE — ĠU C 117, 26.4.2000, p. 6.

(2)  Opinjoni tal-KESE — ĠU C 139, 11.5.2001, p. 6.

(3)  Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008; ĠU L 136, 24.5.2008.

Opinjoni tal-KESE — ĠU C 286, 17.11.2005, p. 1.

(4)  Adottata fit-30.10.2007.