28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper — infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri”

COM(2008) 128 finali

(2009/C 175/12)

Nhar is-6 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper — infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri.

COM(2008) 128 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Iozia bħala r-rapporteur ġenerali matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008) u adotta din l-opinjoni b’ 161 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Green Paper dwar l-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri (COM(2008) 128 finali tas-6 ta’ Marzu 2008) timxi fuq il-Green Paper dwar is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji (COM(2006) 618 finali) u taqa’ flimkien mal-firxa wiesgħa ta’ miżuri li l-Kummissjoni adottat bil-għan li tistabbilixxi żona ġudizzjarja Ewropea sabiex issostni l-aspetti ġudizzjarji tat-twettiq tas-suq uniku.

1.2   Fil-biċċa l-kbira, il-KESE sostna dawn l-inizjattivi, iżda fl-istess ħin enfasizza l-ħtieġa li jkollhom ġustifikazzjoni xierqa f’termini tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. L-inizjattivi għandhom jikkonformaw mal-prinċipji bażiċi tal-liġi proċedurali li hi komuni għall-Istati Membri kollha u għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

1.3   Kemm fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper preċedenti, dwar is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji, kif ukoll f’din l-opinjoni, il-KESE jemmen li l-inizjattivi mhumiex imfassla sew għas-sitwazzjonjiet speċifiċi li għalihom huma maħsuba. F’termini ta’ proporzjonalità, numru ta’ miżuri mressqa wkoll jeċċedu bil-kbir dak li jenħtieġ u dak li ma jistax jinkiseb bil-miżuri nazzjonali eżistenti. F’xi każijiet jistgħu jwasslu wkoll għal ksur tad-drittiijiet fundamentali, bħad-dritt għall-privatezza jew ta’ opportunità ġusta li wieħed jiddefendi lilu nnifsu.

1.4   Il-KESE jemmen li jista’ u għandu jsir progress fuq dawk l-oqsma li qed jiġu eżaminati bħalissa, permezz ta’ kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet nazzjonali, b’aktar effiċjenza u ħeffa fil-ħidmiet tas-sistemi nazzjonali eżistenti, b’aċċess aħjar għar-reġistri u l-informazzjoni eżistenti, bi skambju ta’ informazzjoni aktar mifrux u b’fehim reċiproku aħjar dwar kif jaħdmu s-sistemi nazzjonali u kif dawn jistgħu jsiru aktar flessibbli.

1.5   Għalhekk il-KESE jopponi bil-qawwi l-ideat a) għall-ħolqien ta’ reġistru ċentrali taċ-ċittadini Ewropej, b) l-għoti ta’ kull total ta’ kreditu u aċċess indiskriminat għar-reġistri tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali u ċ) l-adozzjoni ta’ formola ta’ dikjarazzjoni komuni fil-livell Komunitarju li tinkludi l-assi kollha tad-debituri.

1.6   Il-Kumitat jikkunsidra li l-ħolqien ta’ bażi ta’ data komparattiva, maħluqa minn professjonisti kompetenti u aġġornata regolarment, tista’ tgħin sabiex tingħata stampa aktar ċara tas-sistemi ta’ infurzar nazzjonali u l-operat fil-prattika tagħhom.

1.7   Fl-aħħar nett il-KESE jissuġġerixxi li għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lil numru ta’ inizjattivi alternattivi (punt 5.8) li jaqsmu flimkien l-għan imressaq fil-Green Paper, iżda li ma jeħtieġux leġiżlazzjoni Komunitarja ulterjuri.

2.   Sintesi tal-Green Paper

2.1   B’din il-Green Paper, il-Kummissjoni qiegħda tniedi t-tieni konsultazzjoni (1) tal-partijiet interessati dwar kif jista’ jitjieb l-infuzar tas-sentenzi, b’mod partikolari dwar kif jingħelbu l-problemi kkawżati mid-diffikultajiet ta’ aċċess ta’ informazzjoni konkreta dwar fejn jinsabu d-debituri jew l-assi tagħhom.

2.2   Il-Kummissjoni tikkunsidra l-għarfien tal-inidirzz tajjeb ta’ debitur u l-aċċess għal informazzjoni preċiża dwar l-assi tiegħu, bħala l-punt tat-tluq għal proċeduri ta’ infurzar aktar effettivi. Madankollu, tirrikonoxxi li filwaqt li jistgħu jiġu mqabbla s-sistemi nazzjonali ta’ reġistri u dikjarazzjonijiet tal-assi tad-debituri, dawn ivarjaw konsiderevolment fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ aċċess, ta’ proċeduri ta’ kisba ta’ informazzjoni u fil-kontenut tal-informazzjoni nnifisha u dawn jikkompromettu l-affidabbiltà u l-ħeffa ta’ dawn is-sistemi.

2.3   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-irkuprar tad-dejn transkonfinali hu mxekkel mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali u b’għarfien inadegwat min-naħa tal-kredituri dwar l-istrutturi ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk il-Green Paper hi pass ’il quddiem lejn il-possibbiltà ta’ adozzjoni fil-livell Ewropew ta’ ġabra ta’ miżuri għat-titjib tat-trasparenza tal-assi tad-debituri u għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-kredituri u tal-awtoritajiet ta’ infurzar nazzjonali sabiex tinkiseb informazzjoni li tiżgura l-infurzar effettiv tas-sentenzi għall-infurzar tad-djun ċivili u kummerċjali, fir-rispett tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-privatezza tad-debituri, hekk kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE.

2.4   Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tanalizza bir-reqqa l-miżuri li qed jiġu kkunsidrati u li ġabret f’forma ta’ 10 mistoqsijiet.

3.   Sfond

3.1   Bir-raġun din l-inizjattiva tidħol flimkien mal-firxa wiesgħa ta’ miżuri adottati mill-Kummissjoni, u li għalihom jistħoqqilha tifħir, bil-ħsieb ta’ ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea sabiex issostni l-aspetti ġudizzjarji tat-twettiq tas-suq intern (2). Hawnhekk l-enfasi tinsab fuq l-iffaċilitar tal-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea permezz tal-miżuri li jgħinu l-identifikazzjoni tal-indirizz ta’ residenza jew uffiċċju reġistrat tad-debitur, fejn dan jista’ jingħata l-ordni ta’ infurzar, kif ukoll informazzjoni preċiża dwar l-assi li għandu u li jistgħu jkopru d-dejn li fadallu jħallas u li jista’ jkun lokalizzat f’kull parti ta’ kull Stat Membru.

3.2   Din id-darba l-Kummissjoni ħadet l-intrigu — li għalih jistħoqqilha tifħir — li titlob għar-reazzjonijiet mhux biss mill-15-il Stat Membru, li kellhom iċ-ċirkostanzi tagħhom verifikati fl-istudju li fuqu ġiet imsejsa din il-Green Paper (3), iżda ukoll mit-12-il Stat Membru ieħor li issa huma parti mill-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, id-data miġbura mhijiex kollha eżatta u xi drabi ngħatat ukoll interpretazzjoni ħażina.

3.3   Għandu jiġi nnutat ukoll li din l-inizjattiva tidher li nkludiet ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji, fir-rigward tal-ħtieġa konsiderevoli għal “(…)valutazzjoni serja tal-miżuri mmirati li jiżguraw trasparenza akbar fir-rigward tal-assi tad-debitur(…)”.

3.4   Sfortunatament il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda data statistika dwar l-iskala tal-problema li qed tfittex li tindirizza. U l-anqas ma tiddefinixxi b’mod ċar in-natura tal-problema jew min eżatt jista’ jibbenefika mill-miżuri li qed tmexxi ’l quddiem.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Din il-Green Paper tkompli fuq u żżid mal-Green Paper dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji [COM(2006) 618 finali], li dwarha l-KESE ħareġ opinjoni nhar il-31 ta’ Lulju 2007 (4), li għaliha qed issir referenza.

4.2   Kif dikjarat hawn fuq, il-kwistjoni mressqa f’din il-Green Paper inevitabilment tippreċedi s-sekwestru tal-kontijiet bankarji u tirrifletti b’mod preċiż il-ħtieġa li tkun disponibbli biżżejjed informazzjoni fuq l-assi tal-kredituri sabiex toffri lill-kredituri b’garanzija komuni effettiva, li hi prinċipju ewlieni u definittiv tal-liġi proċedurali ċivili. Madankollu kull kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni, trid teżamina l-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju ta’ firxa sħiħa ta’ oqsma fil-qasam tal-liġi sostantiva ċivili li inevitabilment tippreċedi din il-kwistjoni.

4.3   Għalhekk il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar f’kull Stat Membru jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża fuq fejn jinsab id-debitur, ibda mill-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz tad-dar tiegħu, u dwar il-proprjetà, mobbli u immobbli li tifforma parti mill-assi tiegħu, irrispettivament minn fejn tinsab.

4.4   Madanakollu, hekk kif ġara fl-opinjoni msemmija hawn fuq, il-KESE għandu riżervi serji u dubji konkreti dwar il-ħtieġa reali għal miżuri speċifiċi għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-livell Komunitarju f’dan il-qasam partikolari, għalkemm jirrikonoxxi li l-kompetenza li l-Unjoni Ewropea għandha f’dan il-qasam u li teżisti bażi legali għal dawn il-miżuri.

4.5   Fil-fatt ir-rekwiżiti kollha għal informazzjoni, data u aċċess aħjar identifikati fil-Green Paper xorta mhux bilfors ifissru l-ħtieġa li jinħolqu reġistri ġodda fil-livell Komunitarju jew obbligi għal debitur biex jiddikjara l-assi tiegħu. Barra minn hekk din il-miżura x’aktarx ma tilħaqx il-kriterju tal-proporzjonalità u tista’ twassal għal ksur inaċċettabbli tad-drittijiet fundamentali.

4.6   Il-KESE jikkunsidra li aktar milli l-ħolqien ta’ reġistri ċentrali fi Brussell, li jkopru l-popolazzjoni ġenerali, il-kummerċjanti u l-konsumaturi, il-proprjetà mobbli u immobbli jew reġistri fiskali u tas-sigurtà soċjali, mezz aktar effettiv ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u aċċess eħfef u aktar rapidu għad-data eżistenti jipprovdi biżżejjed garanziji ta’ opportunitajiet u trattament indaqs fl-identifikazzjoni tal-assi tad-debituri, tkun xi tkun in-natura jew in-nazzjonalità tal-kredituri.

4.7   Dan ma jfissirx li l-Komunità m’għandhiex toħloq inċentivi u linji gwida dwar titjib li jrid isir fil-kontenut u l-ħidmiet ta’ u l-aċċess għar-reġistri pubbliċi msemmija hawn fuq u għal bażi ta’ data privati oħrajn, sakemm id-data tkun protetta b’mod adegwat b’konformità mad-direttivi Komunitarji applikabbli u b’kondizzjoni li l-informazzjoni tiġi limitata biss għall-iskop dikjarat tat-talba u sal-punt meħtieġ għall-ħlas lura ta’dejn pendenti.

4.8   M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kredituri privati u pubbliċi fl-aċċess għad-data, u tal-aħħar ma għandhomx jibbenefikaw — bħala konsegwenza tal-pożizzjoni privileġġjata tagħhom — milli jkollhom aċċess eħfef u aktar rapidu għar-reġistri pubbliċi, kemm jekk dawn ikopru s-sistemi fiskali jew ta’ sigurtà soċjali jew tal-assi tad-debituri.

4.9   Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, b’mod speċifiku l-Andorra, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u l-pajjiżi kollha b’rabtiet mill-qrib ma’ rifuġji fiskali jew mas-swieq finanzjarji fl-Ewropa, għandha wkoll tiġi żgurata.

5.   Kummenti speċifiċi: it-tmien mistoqsijiet

5.1   Inizjattiva fil-livell Komunitarju?

5.1.1   L-għaxar mistoqsijiet imqajma f’din il-Green Paper fil-verità huma tmienja, u kull waħda minnhom hi eżaminata fid-dettall.

5.1.2   Dwar jekk għandhomx jiġu adottati fil-livell Komunitarju miżuri li jtejbu t-trasparenza tal-assi tad-debituri, il-KESE jikkunsidra li, bi qbil mar-riżervi msemmija aktar ’il fuq fil-“Kummenti ġenerali”, inizjattivi fil-livell Komunitarju għandhom jiġu implimentati biss sabiex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali u biex itejbu l-kontenut ta’ u l-aċċess għar-reġistri nazzjonali, li jwasslu biex jiġu identifikati u misjuba d-debituri u l-assi meħtieġa biex jitħallas dejn pendenti.

5.2   Manwal ta’ sistemi ta’ infurzar nazzjonali?

5.2.1   Il-KESE jemmen li kull miżura li tista’ tgħin biex jittejjeb l-għarfien u l-informazzjoni tal-liġijiet u prattiki nazzjonali għandha tiġi megħjuna u mħeġġa. Madankollu l-Kumitat ma jemminx li l-ħolqien ta’ “manwal” bażiku hija soluzzjoni adegwata, meta titqies il-kumplessità tal-kwistjoni. Dan il-manwal ma jistax jiġi ssemplifikat għall-użu tal-pubbliku ġenerali minħabba t-telf ta’ kwalità u preċiżjoni fil-proċess.

5.2.2   Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni minflok tikkunsidra l-ħolqien ta’ bażi ta’ data ta’ liġi komparattiva dwar il-proċeduri tal-infurzar fis-27 Stat Membru, b’assigurazzjonijiet li l-bażi ta’ data tiġi aġġornata fuq bażi regolari, li tkun tinkludi noti ta’ spjegazzjoni u li tkun aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi. Din il-bażi ta’ data għandha tinħoloq minn professjonisti kompetenti u kwalifikati mill-Istati Membri rispettivi.

5.3   Informazzjoni aħjar u titjib fl-aċċess għar-reġistri kummerċjali?

5.3.1   Il-grad ta’ armonizzazzjoni li diġà jeżisti f’dan il-qasam jidher li hu biżżejjed għall-objettivi dikjarati. Il-KESE ma jaħsibx li hu meħtieġ jew adegwat li jmur lil hinn minn hekk bil-ħolqien ta’ reġistri kummerċjali ċentrali fil-livell Komunitarju, filwaqt li ma jeskludix l-possibbiltà ta’ armonizzazzjoni tal-elementi komuni involuti.

5.3.2   Madankollu dan ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri għat-titjib tal-kontenut tal-informazzjoni f’dawn ir-reġistri, inkluż b’mod partikolari n-negozjanti individwali, l-aġġornament ta’ din l-informazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess speċifikament permezz ta’ miżuri elettroniċi.

5.3.3   L-istess għandu japplika għar-reġistri tal-artijiet, kif muri mill-EULIS (Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet), konsorzju Ewropew tar-reġistri tal-artijiet (5).

5.4   Aċċess aħjar għar-reġistri tal-popolazzjoni?

5.4.1   Bl-istess argument l-anqas ma hu fattibbli reġistru ċentrali tal-popolazzjoni kollha tal-Ewropa, għaliex hu d-dmir tal-Istati Membri li jżommu reġistri ċivili ċentrali jew lokali tal-popolazzjonijiet tagħhom u li jfasslu kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dawn ir-reġistri billi jiżguraw li ma sseħħ l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni eċċessiva.

5.4.2   Madankollu, l-awtoritajiet tal-infurzar ta’ kull pajjiż għandu jkollhom garanzija ta’ aċċess ħafif għal dawn ir-reġistri sabiex jiksbu informazzjoni meħtieġa dwar l-indirizz ta’ debituri partikolari, b’mod speċifiku permezz ta’ mezzi elettroniċi.

5.5   Aċċess aħjar għar-reġistri fiskali u tas-sigurtà soċjali?

5.5.1   Il-KESE jiċħad bil-qawwi l-idea tal-għoti ta’ aċċess mifrux u indiskriminat għar-reġistri fiskali u tas-sigurtà soċjali.

5.5.2   Il-Kumitat jikkunsidra li huma l-awtoritajiet ġudizzjarji biss li għandu jkollhom aċċess għal dan it-tip ta’ informazzjoni, f’każijiet partikolari u b’garanziji li d-data personali fir-reġistri ser tiġi protetta b’mod adegwat.

5.5.3   F’kull każ, dan it-tip ta’ aċċess f’pajjiż differenti minn dak tal-awtorità tal-infurzar għandu dejjem jinvolvi kooperazzjoni flimkien ma’ awtorità ġudizzjarja fil-pajjiż fejn qed jinżamm ir-reġistru.

5.6   Skambju ta’ informazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar?

5.6.1   Kif diġà ddikkjara hawn fuq fil-kummenti ġenerali, il-KESE huwa tal-fehma li l-inizjattivi Komunitarji għandhom jiġu implimentati sewwa sew fil-qasam ta’ kooperazzjoni imtejba bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar nazzjonali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, permezz tal-ħolqien ta’ sistema għal skambju elettroniku dirett sabiex jiġu identifikati u lokalizzati d-debituri u biex jiġu determinati l-assi tagħhom.

5.6.2   Madankollu, hu importanti li jiġi żgurat li fl-Istati Membri fejn l-awtoritajiet tal-infurzar mhumiex entitajiet pubbliċi, l-informazzjoni miksuba tiġi segwita mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jimmonitoraw il-proċedimenti ta’ infurzar.

5.6.3   Sistemi bħal dawk stipulati fir-Regolament 1206/2001 (6) dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fit-teħid ta’ evidenza fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, jew fid-Direttiva 76/308/KEE, jistgħu, bit-tibdiliet meħtieġa, jsiru mudelli tajbin biex jiġu adottati (7).

5.6.4   Hawnhekk, l-użu ta’ mezzi elettroniċi, jew anke il-ħolqien ta’ sistema intranet li tgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali, għandha titqies bħala essenzjali.

5.6.5   L-informazzjoni mwassla permezz ta’ dan in-netwerk ta’ kooperazzjoni għandu jkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar, bħall-aġenti tal-infurzar, entitajiet li qed jitolbu l-infurzar, il-qrati u l-kuraturi tal-falliment. Barra minn hekk id-debituri għandhom f’kull każ jiġu infurmati bir-riżultati.

5.6.6   L-użu tal-IMI — is-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern — għandha titkompla bħala opportunità ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali.

5.7   Dikjarazzjoni Ewropea tal-assi?

5.7.1   Il-KESE jopponi bil-qawwi l-adozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ formola ta’ dikjarazzjoni komuni li tikxef l-assi kollha tad-debituri għall-għanijiet ta’ infurzar u jirrifjuta bis-sħiħ l-idea li wieħed jista’ jeħel il-ħabs jekk ma jwettaqx dan l-obbligu.

5.7.2   L-ewwel nett, għaliex mhux l-assi kolllha tad-debituri huma sekwestrabbli u huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jiddefinixxu l-assi li ma jistgħux jiġu miżjuda totalment, parzjalment jew relattivament.

5.7.3   Għandu jintqal ukoll li l-obbligu għal debitur li jikxef l-assi tiegħu għandu jkun ristrett għal dawk l-assi meħtieġa għall-ħlas tad-dejn u li hu f’idejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali biex jiżguraw li din l-istqarrija tal-assi tad-debituri timtela tajjeb għax inkella jinħarġu multi finanzjarji.

5.7.4   Barra minn hekk il-Kumitat jemmen li l-ħolqien ta’ formola komuni fil-livell Komunitarju għad-dikjarazzjoni uniformi ta’ assi teċċedi bil-qawwi l-objettivi li għandu jkollha miżura ta’ dan it-tip. Il-KESE minflok jikkunsidra li hu proprju f’dan il-qasam fejn għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar qawwija bejn l-korpi ta’ infurzar. Dawn l-entitajiet għandhom jaħdmu flimkien bl-użu tal-mezzi leġittimi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jidentifikaw dawk l-assi tad-debitur meħtieġa biex jitħallas dejn, speċifikament bl-għoti ta’ setgħa lill-aġenti tal-infurzar li jwettqu l-investigazzjonijiet personali tagħhom tal-assi ta’ debitur.

5.7.5   F’kull każ, id-debitur għandu dejjem ikollu d-dritt li jevita li juri l-assi sekwestrabbli tiegħu jekk hu jkun diġà ħallas d-dejn pendenti, juri li għandu biżżejjed assi li jħallas id-dejn jew jipprovdi sigurtajiet jew garanziji ekwivalenti ta’ ħlas, bħal garanziji bankarji jew xi sigurtà simili. Id-debitur għandu wkoll ikollu d-dritt li jopponi s-sekwestru tal-assi jekk mhux meħtieġa għall-ħlas ta’ dejn pendenti jew ta’ somom oħra preskritti mil-liġi.

5.7.6   Element ieħor li għandu jiġi rifjutat mill-ewwel, għaliex jikser il-prinċipji fundamentali tar-rispett tal-privatezza tad-debitur, hi l-pubblikazzjoni ta’ kull tip ta’ dikjarazzjoni tal-assi tad-debituri f’reġistru b’aċċess pubbliku (lista tad-“debituri”).

5.8   Hemm xi mezzi oħrajn biex titjieb it-trasparenza?

5.8.1   Tressqu dawn is-suġġerimenti li ġejjin bħala osservazzjoni:

a)

Jista’ jingħata aċċess lir-reġistru li jniżżel l-ishma u l-assi ta’ debitur f’xi kumpanija

b)

Jista’ jingħata aċċess bil-prekawzjonijiet adegwati għar-reġistri ta’ data tal-konsumaturi li jittrattaw il-kreditu tal-konsumatur jew ipoteka

c)

Għandu jinħoloq reġistru Ewropew uniku (8) tal-vetturi

d)

Jista’ jinħoloq reġistru tal-proċedimenti ta’ infurzar pendenti, konsultabbli onlajn minn kull Stat Membru

e)

Jista’ jitħalla aċċess għar-reġistri ta’ investimenti fl-ishma li jeċċedu limitu prestabbilit

f)

Jista’ jitħalla l-aċċess għar-reġistri tal-artijiet li jipprovdu informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli tas-sidien

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  L-ewwel kienet il-Green Paper dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji [COM(2006) 618 finali]; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 10, 15.1.2008, p. 2.

(2)  Lista komprensiva ta’ dawn il-miżuri tinstab fl-opinjoni tal-KESE — ĠU C 10, 15.1.2008, p. 2 taħt l-imsemmija Green Paper dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji, li għaliha qed issir referenza.

(3)  Għal fehim sħiħ dwar din il-Green Paper, wieħed irid jikkunsidra mhux biss id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni SEC(2006) 1341 tal-24.10.2006 iżda ukoll l-istudju nru JAI/A3/2002/02, fil-verżjoni aġġornata fit-18.2.2004 mill-Prof. Dr. Burkhard Hess, Direttur ta’ l-Istitut tal-Liġi Internazzjonali Komparattiva u Privata fl-Università ta’ Heidelberg, it-test tal-istudju jinsab f’http://europa.eu.int.comm/justice_home/doc_centr/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

(4)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 2.

(5)  Dan il-konsorzju hu assoċjazzjoni ta’ reġistri tal-artijiet maħluq fl-2006 u jirrappreżenta l-ewwel pass lejn l-aċċess għar-reġistri tal-artijiet fil-pajjiżi membri tal-konsorzju (l-Ingilterra, l-Irlanda, il-Litwanja, in-Norveġja, il-Galles, l-Olanda u l-Iżvezja) www.eulis.org

(6)  Regolament tal-Kunsill 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, ĠU L 174, 27.6.2001. Kwistjoni ta’ importanza partikolari f’dan il-qasam hi dik tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rigward id-differenzi lingwistiċi, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament urew li ma kienux kapaċi jsolvu

(7)  Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 fil-ĠU L 073, 19.3.1976.

(8)  Hekk kif propost fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE, KESE dwar reġistru Ewropew tal-kodiċi tat-triq u tal-vetturi, li ġiet miktuba mir-rapporteur ta’ din l-opinjoni (ĠU C 157, 28.6.2005, p. 34).