30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt

2009/C 100/05

Nhar id-29 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt.

Nhar it-8 ta’ Lulju 2008, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza ta’ din il-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur RETUREAU bħala rapporteur ġenerali fl-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), u adotta din l-opinjoni bi 83 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Fl-Istrateġija Annwali tal-Politika għall-2008  (1), il-Kummissjoni tistqarr li, “is-simplifikar u t-titjib tal-ambjent regolatorju għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE kienet prijorità ewlenija... L-2007 se ġġib magħha titjib fis-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt, it-tnedija ta’ Programm ta’ Azzjoni għall-eliminazzjoni ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa kkawżati minn leġiżlazzjoni fil-livelli tal-UE u l-Istati Membri, u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ simplifikazzjoni aġġornat” u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2). “It-twettiq ta’ dawn l-azzjonijiet ikun l-għan ċentrali għall-2008.”

1.2   Din l-istrateġija hija riflessa fil-programm ta’ ħidma, u kull azzjoni jew proposta tal-programm għandha pjan direzzjonali li jinkludi għadd ta’ mistoqsijiet speċifiċi ħafna, bi tweġibiet li normalment ikunu qosra. Dan il-pjan direzzjonali jirrifletti l-ewwel riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jew tal-valutazzjoni tal-impatt preliminari u jqis l-impatt tal-azzjoni jew proposta individwali fuq il-baġit.

1.3   Il-Kummissjoni fasslet abbozz ta’ linji gwida interni għas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li qed jiġi analizzat f’din l-opinjoni (3). Dan l-abbozz tfassal wara l-analiżi esterna, li saret fl-2007, tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li ġiet stabbilita fl-2002 u kompliet tissaħħaħ fl-2005, u fid-dawl tal-esperjenzi u t-tagħlimiet li nsiltu mill-attivitajiet tal-Bord ta’ Valutazzjoni ta’ Impatt. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb il-metodoloġija ġenerali biex din tkun definita sewwa, previdibbli, trasparenti u tkun tista’ tiġi kkalkulata fil-baġit Komunitarju. (Skont il-kumplessità tal-problemi, il-valutazzjoni tal-impatt taf tieħu bejn ħamsa u tlettax-il xahar biex issir b’mod xieraq. Il-Kummissjoni beħsiebha toffri r-riżorsi u l-mezzi li jinħtieġu għal valutazzjoni tal-impatt tajba lid-dipartimenti rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm “Regolamentazzjoni aħjar” f’dik li hi valutazzjoni tal-impatt.)

1.4   Il-linji gwida riveduti huma maħsuba biex iservu ta’ gwida ġenerali għall-valutazzjoni tal-impatt – mill-valutazzjoni tal-impatt preliminari sal-għażliet finali li d-Direttorat Ġenerali inkarigat mit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt jipproponi lill-Kummissjoni. B’hekk il-Kulleġġ tal-Kummissarji jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu, b’mod infurmat, li jagħti bidu għal-leġiżlazzjoni, jew saħansitra jipproponi alternattiva għal-leġiżlazzjoni jew inkella jiddeċiedi, fl-istadju tal-valutazzjoni tal-impatt preliminari, li ma jieħux azzjoni jew li jħejji komunikazzjoni li, skont it-tifsira tagħha, mhix regolatorja.

1.5   Kull valutazzjoni tal-impatt hija unika, speċifika u kkaratterizzata mill-objettivi li jridu jintlaħqu u li huma mniżżlin fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Il-linji gwida jiddeskrivu t-triq, il-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma b’mod flessibbli sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet u l-problemi differenti skont il-kompetenzi Komunitarji u l-eżiġenzi tal-Komunità kif inhuma stipulati fit-Trattati u b’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà.

1.6   Il-valutazzjoni tal-impatt tista’ ssir bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Fil-prattika, il-valutazzjonijiet tal-impatt kważi kollha jsiru bl-Ingliż għal raġunijiet prattiċi ta’ komunikazzjoni interna bejn id-Direttorati Ġenerali u fi ħdanhom, u ta’ komunikazzjoni esterna speċjalment fil-fażi tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Ma’ kull abbozz leġiżlattiv tal-pjan ta’ ħidma annwali qed jinhemżu b’mod sistematiku l-annessi li jkun fihom il-valutazzjoni tal-impatt sħiħa u sommarju eżekuttiv bl-Ingliż bir-referenza [SEC(sena), numru]. B’dan il-mod, il-proposta leġiżlattiva qed tkun appoġġjata mill-valutazzjoni tal-impatt u mill-ispjegazzjoni li tiġġustifika l-għażla tal-Kummissjoni.

2.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

2.1   Għal kull proposta leġiżlattiva ssir proċedura preliminari ta’ valutazzjoni li tista’ tinkludi mumenti jew fażijiet li fihom tiġi analizzata l-ħtieġa tal-proposta u jitqies l-impatt intern kif ukoll estern minn lati differenti.

2.2   Skont il-leġiżtika, ix-“xjenza (applikata) tal-leġiżlazzjoni li tipprova ssib l-aħjar modi biex jitħejjew, jinkitbu, jinħarġu u jiġu applikati d-dispożizzjonijiet legali” (4), il-leġiżlatur nazzjonali m’għandux l-istess restrizzjoni bħal-leġiżlatur Komunitarju. Fil-fatt, dan tal-aħħar jinsab iktar ’il bogħod miċ-ċittadini u xi drabi jinħass li huwa iktar imbiegħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tagħhom. Irid jippreżenta b’mod ċar l-inizjattivi kollha tiegħu, u jrid jappoġġja l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni b’mezzi differenti sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea li hija marbuta b’mod permanenti maċ-ċittadinanza nazzjonali. F’dan il-kuntest politiku partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt issir parti integrali u komponent importanti mill-ħidma regolatorja u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.3   Fost id-diversi kwistjonijiet teoretiċi u prattiċi marbuta mal-attività leġiżlattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea – li ta’ xejn noqogħdu nidentifikawhom u niddiskutuhom fil-kuntest ta’ din l-opinjoni li tiffoka fuq il-prattika leġiżlattiva fl-Unjoni Ewropea – ta’ min nenfasizzaw li l-leġiżlaturi jaħdmu b’“restrizzjonijiet” inevitabbli: it-Trattati tat-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej, il-prinċipji legali ġenerali f’soċjetajiet demokratiċi, żviluppati mil-lat ekonomiku, u li huma membri tal-Unjoni Ewropea (jew qed jippruvaw jissieħbu), inklużi l-prinċipji kostituzzjonali tagħhom u l-interpretazzjonijiet tal-liġi primarja u sekondarja mill-Qrati (5).

2.4   Illum il-ġurnata l-popli kollha tal-Unjoni Ewropea jixtiequ d-demokrazija, soluzzjoni paċifika għall-kunflitti, iktar kooperazzjoni u solidarjetà, il-promozzjoni tad-drittijiet individwali u kollettivi, u leġiżlazzjoni realista u ta’ kwalità tajba li tkun konformi mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi applikabbli fl-Istati Membri kollha. Id-deċiżjonijiet politiċi u l-leġiżlazzjonijiet huma parti minn dan il-qafas globali li għandu jiġi deskritt bħala “kostituzzjonali” billi jagħti d-definizzjoni tan-natura demokratika tal-istituzzjonijiet politiċi u tal-limiti tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi jew ġudizzjarji. Bis-saħħa ta’ dan il-“qafas kostituzzjonali”, li jagħmel distinzjoni bejn il-politiki Komunitarji li jirriżultaw mill-kompetenzi esklużivi tal-Komunità Ewropea u dawk maqsuma mal-Istati Membri, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fi gvern imsejjes fuq il-liġi – u li għalhekk irid joħroġ il-leġiżlazzjonijiet u r-regolamenti – wieħed għandu jkun jista’ jissorvelja l-leġiżlazzjoni, jikkontrolla l-effikaċja tagħha u jara li l-mezzi finanzjarji u oħra disponibbli jintużaw tajjeb. B’dan il-qafas wieħed għandu jkun jista’ wkoll jerġa’ janalizza l-leġiżlazzjoni kull tant żmien bil-għan li jagħmel l-aġġustamenti u l-modifiki meħtieġa jew biex jara li l-objettivi stipulati ntlaħqu.

2.5   Din is-sempliċi lista turi l-kumplessità tal-kompetenzi, tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti mogħtija lill-atturi differenti tal-Unjoni Ewropea, però ma tiddiskutihomx verament fid-dettall.

2.6   Sa mill-bidu nett, il-valutazzjoni tal-impatt kienet maħsuba biex ittejjeb il-kwalità u l-koerenza fit-tħejjija tal-politiki leġiżlattivi u tikkontribwixxi għal ambjent regolatorju effiċjenti u effettiv, u għall-implimentazzjoni koerenti tal-proċess tal-iżvilupp sostenibbli. Hi tappoġġja l-kompetenza politika mingħajr ma toħdilha postha. Il-valutazzjoni tal-impatt għandha tidentifika l-effetti pożittivi u negattivi li jista’ jkollu abbozz leġiżlattiv, u permezz tagħha għandu jintlaħaq kunsens dwar l-objettivi li jmorru kontra xulxin. Fil-prattika, il-valutazzjoni tal-impatt għall-bidu kienet issir għall-iktar abbozzi importanti, imbagħad għal dawk kollha tal-istrateġija annwali tal-politika u tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Fl-anness tal-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2002 insibu l-elementi prinċipali tal-metodu tal-valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li d-dettalji tekniċi għall-implimentazzjoni tagħha ġew ippubblikati b’mod separat fil-ħarifa tal-2002 (6). Il-linji gwida ġew riveduti fl-2005, u saret reviżjoni oħra bejn tmiem l-2007 u l-abbozz attwali ta’ Mejju 2008.

2.7   Sa mill-ewwel sforzi li saru favur ir-regolamentazzjoni aħjar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-Kumitat) dejjem appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal dan il-għan. Din id-darba, għal darb’oħra, jerġa’ jappoġġja b’mod ġenerali l-proposti għat-titjib tal-mod kif isiru u jiġu ppreżentati l-valutazzjonijiet tal-impatt. Dawn il-valutazzjonijiet kisbu importanza li kulma jmur qiegħda tikber fit-tħejjija tal-abbozzi leġiżlattivi, kif ukoll f’oqsma oħra bħall-kodifikazzjoni, is-semplifikazzjoni (kemm jista’ jkun) tal-lingwa, u fuq kollox il-kwalità u ċ-ċarezza tal-kunċetti legali użati. Il-Kumitat jinnota wkoll li l-kwalità tat-traduzzjoni tat-testi u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja huma essenzjali sabiex jittejbu l-armonizzazzjoni u r-rispett tad-dispożizzjonijiet legali.

2.8   Jiġu analizzati tliet tipi ewlenin ta’ impatti:

l-impatti soċjali,

l-impatti ekonomiċi, u

l-impatti ambjentali.

Il-Kumitat josserva li l-“impatti soċjali” jinkludu ġabra vasta ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati f’żewġ kategoriji distinti: minn naħa, l-impatti soċjali fil-veru sens tal-kelma, u min-naħa l-oħra, l-impatti ta’ natura soċjali (il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà, il-ġustizzja, eċċ.). Il-kwistjonijiet soċjali fil-veru sens tal-kelma huma marbuta mal-kwistjonijiet ekonomiċi u jikkonċernaw lill-atturi soċjali, in-negozjati kollettivi kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi, filwaqt li l-kwistjonijiet tas-soċjetà huma marbuta ma’ oqsma oħra (ġustizzja, pulizija, eċċ.), jinvolvu iktar lill-atturi politiċi u jirrigwardaw lis-soċjetà kollha kemm hi.

2.9   Fil-valutazzjoni tal-impatt ekonomika jitqiesu l-iktar l-analiżi tal-kompetizzjoni u tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji. Però, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li fuq perijodu twil ta’ żmien għandha titqies id-data dwar l-impatti kwalitattivi kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-kalkolu ekonomiku. Ifakkar li l-kompetizzjoni hija mezz u mhux għan. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-rekwiżiti tal-politika industrijali u l-kapaċità tal-atturi ekonomiċi u finanzjarji ta’ livell internazzjonali li jirreżistu f’kuntest ta’ kompetizzjoni globali. Id-dimensjoni dinjija tal-ekonomija u l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi terzi huma l-qafas globali għall-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiċi u finanzjarji.

2.10   Fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għandhom jintużaw ukoll għadd ta’ indikaturi bbażati fuq l-osservazzjonijiet regolari u l-informazzjoni miksuba fi sfond u kundizzjonijiet tekniċi komparabbli (il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani, it-tisħin tal-arja, eċċ.). L-għan speċifiku huwa li jiġu kkumbinati l-analiżi kwalitattivi u l-ispejjeż u l-benefiċċji marbuta ma’ dan it-tip ta’ impatti. Il-Kumitat ma jarax għaliex għandna bilfors nagħtu prijorità lill-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji minflok lil riżultati kwalitattivi oħra. Għandu jkun possibbli li nippreżentaw iż-żewġ tipi ta’ riżultati u li jiġu stipulati kriterji prijoritarji, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt ta’ ċertu tniġġis fuq is-saħħa. Fil-prattika mhux possibbli li s-snin ta’ ħajja li jintrebħu bis-saħħa tal-miżuri proposti jiġu kkalkulati fi flus, imma b’din ix-xorta ta’ informazzjoni wieħed ikun jista’ jagħmel paragun ibbażat fuq iż-żmien minkejja li fil-verità l-fatturi li jaffettwaw is-saħħa huma ħafna u l-paraguni bbażati fuq iż-żmien dejjem ikunu xi ftit jew wisq żbaljati b’mod sinifikanti, l-iktar minħabba l-impatt fuq is-saħħa ta’ fatturi oħra minbarra l-kwalità tal-arja (l-istil ta’ ħajja, l-ikel, l-effetti ta’ politiki ta’ prevenzjoni, eċċ.).

2.11   Ir-rwol tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej tagħhom u, b’mod speċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE, li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata u l-fehma politika lokali tagħha, huwa importanti immens. Billi ż-żmien għall-valutazzjonijiet tal-impatt huwa qasir u billi tintuża lingwa waħda għalihom – kundizzjonijiet li joħolqu problema għal numru kbir ta’ organizzazzjonijiet, l-iktar dawk nazzjonali – il-korpi konsultattivi Ewropej għandhom responsabbiltà partikolari fejn tidħol il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-konsultazzjoni b’konformità mal-ftehimiet interistituzzjonali ta’ kooperazzjoni. Huwa importanti li din l-ewwel konsultazzjoni ma xxekkilx il-konsultazzjoni ta’ warajha dwar l-abbozzi li fil-fatt jitressqu quddiem il-leġiżlatur – konsultazzjoni li tkun iktar ta’ xejra politika.

2.12   Il-Kumitat jilqa’ l-approċċ kumpless tal-valutazzjonijiet tal-impatt – fil-livell orizzontali meta jkunu involuti diversi Direttorati Ġenerali – u t-tul ta’ żmien li jkopru (perijodu ta’ żmien qasir, medju u twil). L-analiżi tal-valutazzjonijiet tal-impatt ex post li saret fl-2007 tista’ twassal biex il-Bord ta’ Valutazzjoni ta’ Impatt jintegra l-verifiki ex post fil-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li tkun tista’ ssir riflessjoni fil-fond dwar l-indikaturi u r-rilevanza tagħhom kif ukoll dwar il-validità tal-valutazzjonijiet, kemm jekk ikunu tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll dawk ibbażati fuq stimi kwalitattivi. B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-kwistjoni tal-indikaturi għandha tiġi żviluppata iktar fil-linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt (7) bis-saħħa tal-istatistika miġbura mill-Eurostat jew permezz ta’ sondaġġi speċifiċi li tagħmel il-Kummissjoni. L-istess jista’ jingħad għall-indikaturi mfassla minn organizzazzjonijiet oħrajn, speċjalment l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), u dawk li joħorġu mir-riċerka tal-ministeri u tal-universitajiet f’pajjiżi differenti.

2.13   It-tieni parti tal-abbozz tal-linji gwida tindirizza tajjeb il-kwistjonijiet ġenerali u trasversali: it-tul ta’ żmien kopert, il-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, il-bżonn li nikkunsidraw sewwa kemm l-impatti li jistgħu ma joħorġux mill-ewwel minn analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, kif ukoll ir-relazzjonijiet ta’ bejn fatturi differenti li jinfluwenzaw l-impatti. Matul il-valutazzjoni tal-impatt għandna nqisu l-effetti ta’ abbozzi leġiżlattivi oħra li diġà ġew adottati, b’mod speċjali jekk tkun qed issir il-valutazzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv jew tal-objettivi ġenerali tal-UE (l-Istrateġija ta’ Liżbona, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-Istrateġija Ewropea dwar l-Enerġija, u l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli). L-impatti esterni m’għandhomx jintesew lanqas.

2.14   Għandhom jiġu analizzati b’mod speċifiku l-impatti li jolqtu lill-SMEs u lill-industriji ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMIs), bħall-ispejjeż tar-regolamentazzjoni li jistgħu jkunu ikbar minħabba d-daqs tagħhom u l-piż amministrattiv li jinħass iktar minn kumpanija żgħira milli minn intrapriża kbira. Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-kunsiderazzjoni partikolari tal-impatti fuq l-SMEs u l-SMIs, u jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti miżuri bil-għan li jitnaqqsu l-impatti meta l-valutazzjoni tal-impatt turi li dawn ser ikunu sproporzjonati jew eċċessivi.

2.15   Fl-aħħar nett, l-għażliet possibbli li jitressqu fil-valutazzjoni tal-impatt m’għandhomx ikunu artifiċjali jew sfurzati, iżda għandhom jirrappreżentaw alternattivi ġenwini, kredibbli u operattivi li jippermettu l-iktar għażla politika adatta.

3.   Kummenti kritiċi

3.1   Il-Kummissjoni tħejji fid-dettall il-proċeduri u l-iskadenzi b’rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt kollha. Però dawn il-proċeduri u l-iskadenzi huma flessibbli biżżejjed biex ikopru l-bosta sitwazzjonijiet partikolari differenti.

3.2   Kull valutazzjoni tal-impatt hija eżerċizzju ad hoc oriġinali għalkemm xi regoli u restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu evitati – kemm għall-valutazzjonijiet tal-impatt preliminari kif ukoll għall-valutazzjonijiet tal-impatt fi stadju avvanzat. Nistgħu nsemmu, pereżempju, il-konsultazzjoni bejn id-dipartimenti, id-data tal-istudju li jsir minn konsulent estern, l-ippjanar tal-baġit jew il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.

3.3   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR), li r-riċerkaturi tiegħu spiss jaħdmu flimkien ma’ università jew mal-esperti filwaqt li jibbażaw ir-riċerka tagħhom fuq id-data tal-Eurostat, huwa l-iktar korp li jkun involut fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt. Dawn ir-riċerkaturi, jekk ikun hemm bżonn, jiġbru d-data disponibbli huma stess sabiex jiddeterminaw problema partikolari jew inkella jużaw metodi matematiċi jew baġitarji kif ukoll indikaturi komuni. Jistgħu wkoll jagħmlu stħarriġ u sondaġġi biex isaħħu l-proċeduri ta’ konsultazzjoni normali maħsuba għal dan il-kuntest.

3.4   Waħda mit-tendenzi importanti tal-valutazzjonijiet tal-impatt, li tikkonforma mal-eżiġenzi metodoloġiċi tal-anness (dan huwa manwal jew gwida għat-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt), hija li l-impatti tal-għażliet possibbli differenti jiġu kkalkulati fi flus sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju.

3.5   Għalkemm l-impatti ambjentali (8), pereżempju, jistgħu jitkejlu f’termini ta’ spejjeż u ekonomiji, xi fatturi jkollhom jinżammu minkejja l-ispejjeż minħabba raġunijiet ikbar – l-iktar b’rabta mal-kwalità, l-impatt relattiv fuq il-bidla fil-klima, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet ta’ etika, l-impatt fuq is-saħħa f’perijodu qasir u twil ta’ żmien.

3.6   Bosta drabi l-kriterji tal-kwalità għandhom jingħataw iktar importanza minn kriterji oħrajn billi huma jindirizzaw l-objettivi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. Huwa minnu li fl-aħħar mill-aħħar dawn jirriżultaw fi spejjeż finanzjarji (kumpens lill-vittmi tal-asbestos), iżda l-prevenzjoni hija ħtieġa etika. Fil-fatt, anke kieku l-asbestos kien soluzzjoni effiċjenti u rħisa speċjalment għall-iżolament tal-bini, tal-magni jew tal-pajpijiet, illum il-ġurnata l-ispiża għat-tneħħija tal-asbestos tnaqqas għal kollox il-vantaġġi finanzjarji fuq perijodu qasir ta’ żmien. Għaldaqstant il-bilanċ huwa negattiv, u wara għexieren ta’ snin min iniġġes mhux bilfors ikun dak li jħallas. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jenfasizzaw bil-qawwi l-prinċipju tal-prekawzjoni, iżda dan m’għandux iwassal għal nuqqas ta’ azzjoni.

3.7   Minn ftit ’il bogħod jidher li l-problemi prinċipali huma relatati mal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati. Xi fehmiet jistgħu jitqiesu bħala individwali filwaqt li l-awtur jista’ jkun intraprenditur żgħir jew ħaddiem għal rasu li l-esperjenzi prezzjużi tiegħu ma jistgħux jitħallew barra biex tingħata preferenza lill-lobbies attivi u stabbiliti sewwa, li jipprovdu għarfien espert jew informazzjoni li kapaċi jkunu suġġettivi (9).

3.8   Fil-każ ta’ abbozzi kumplessi ħafna, l-impatti jistgħu jkunu partikolarment diffiċli biex jiġu kkalkulati (pereżempju, REACH). L-għażla tal-ħarsien tal-ħaddiema u tal-konsumaturi tal-prodotti ngħatat iktar importanza minn aspetti oħra, għalkemm is-settur industrijali rnexxielu jikseb appoġġ politiku b’saħħtu biżżejjed biex jiġi limitat l-ambitu tal-leġiżlazzjoni.

3.9   Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex barra min-normal. Fil-fatt, l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati qed jiddefendu l-interessi tagħhom, però huwa l-leġiżlatur li jagħti iktar importanza lill-interess ġenerali u mhux lill-interessi partikolari fuq perijodu qasir ta’ żmien. Ċerti “restrizzjonijiet” fuq perijodu qasir ta’ żmien jistgħu jissarfu f’vantaġġi komparattivi fuq perijodu medju ta’ żmien, b’mod partikolari jekk jiġu stabbiliti l-istandards Ewropej li jsiru universali f’każ ta’ avvanz teknoloġiku (b’mod speċjali l-limiti tal-emissjonijiet mill-magni tal-karozzi, l-isforz għall-promozzjoni tal-enerġiji alternattivi li jniġġsu inqas u li huma iktar sostenibbli).

3.10   L-użu tal-Green Papers u l-White Papers fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni huwa effiċjenti immens fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku sabiex tinkiseb il-fehma tal-partijiet interessati u b’mod iktar ġenerali tas-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan il-KESE jew rappreżentata minn NGOs speċjalizzati Ewropej. Matul id-dibattitu intern il-leġiżlatur stess għandu ċ-ċans li jsib kompromess dinamiku.

3.11   Għall-kuntrarju, il-KESE jirrimarka li l-għaġla żejda u l-ideoloġija kapaċi jolqtu ħażin lill-abbozzi li jistgħu jiġu rifjutati jew modifikati ħafna, filwaqt li approċċ inqas iebes ikun seta’ wassal għal riżultati aċċettabbli għall-partijiet kollha (bħalma ġara fl-abbozz tad-Direttiva dwar is-servizzi portwali li tħejja b’urġenza minn Kummissjoni Ewropea li kienet qorbot lejn tmiem il-mandat tagħha u li f’dak iż-żmien la kkonsultat lil ħadd u lanqas ippruvat issib kompromessi).

3.12   Il-kriżi attwali għandha tqanqalna biex inkunu prudenti ħafna fil-konfront ta’ ċerti “preġudizzji” u prinċipji ta’ awtorità oħrajn. Il-kriterju tal-validazzjoni permezz tal-prattika huwa essenzjali biex tinbena esperjenza kollettiva tal-valutazzjoni tal-impatt li fl-istess ħin tkun ikkaratterizzata mill-prudenza u l-kreattività. Dan l-approċċ imur kontra xi kunċetti li suppost huma xjentifiċi, bħall-fehma li, minn naħa, suq mhux regolat huwa iktar effiċjenti minn regolament adatt bil-għan li jiggarantixxi t-trasparenza, li jwaqqaf id-devjanzi u l-frodi u, min-naħa l-oħra, li kull għajnuna mill-Istat hija negattiva. Viżjoni realista u bbilanċjata għandha tirbaħ fuq il-viżjonijiet sempliċistiċi wisq tal-ekonomija u l-finanzi.

4.   Konklużjonijiet

4.1   Il-Kumitat jaħseb li l-valutazzjonijiet tal-impatt jikkontribwixxu għat-titjib effettiv tal-leġiżlazzjoni, u jikkonferma li hu lest jagħti sehmu fihom bil-kompetezi u r-riżorsi materjali u umani kollha tiegħu. Fil-fatt, dan huwa objettiv politiku essenzjali biex jiggarantixxi li l-liġi Komunitarja tintlaqa’ bl-aħjar mod possibbli fil-liġi nazzjonali. Wieħed irid jiżgura li l-proċess leġiżlattiv jew regolatorju, kemm għall-hard law kif ukoll għas-soft law, isir bl-aħjar mod possibbli biex jinftiehem miċ-ċittadini. Barra minn dan, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi rappreżentattivi għandhom jiġu involuti fil-proċess Komunitarju bil-metodu tradizzjonali tal-kwestjonarji.

4.2   Il-Kumitat huwa konvint li d-Direttorati Ġenerali għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil dawn il-konsultazzjonijiet għaliex jista’ jkun li r-riżervi dwar xi proposti leġiżlattivi ma jitqisux biżżejjed. Xi drabi dan wassal għal bidliet sostanzjali fil-proposti leġiżlattivi permezz ta’ emendi “kbar” jew saħansitra l-proposti leġiżlattivi ġew rifjutati minn wieħed miż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill u l-Parlament, li joqogħdu attenti għar-reazzjonijiet jew il-fehmiet li jista’ jkun hemm min-naħa tas-soċjetà ċivili. Bis-saħħa tad-demokrazija parteċipattiva jistgħu jiġu evitati dawn is-sitwazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jiswew ħafna – kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak baġitarju.

4.3   Ir-rwol tal-leġiżlatur Komunitarju jista’ jiġi valorizzat biss b’metodu modern u effiċjenti għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni.

4.4   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jilqa’ l-isforzi u l-azzjonijiet li ttieħdu matul is-snin bil-għan li jkollna leġiżlazzjoni aħjar. Din hija kwistjoni essenzjali għal Unjoni Ewropea msejsa fuq il-liġi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja b’dawn l-isforzi u l-azzjonijiet.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2007) 65 finali, Frar 2007.

(2)  Ara l-opinjoni CESE, ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9.

(3)  COM, Mejju 2008, dokument ta’ ħidma mingħajr numru (http://ec.europa.eu/governance/impact/consultation/ia_consultation_en.htm).

(4)  Chevallier, J. (1995), “L’évaluation législative: un enjeu politique”, f’Delcamp A. et al., Contrôle parlementaire et évaluation, Paris, 1995, p. 15.

(5)  Ta’ min jitqiesu wkoll l-esperjenzi storiċi traġiċi differenti meta l-kunċetti ta’ liġi b’mod ġenerali u ta’ drittijiet tal-persuni b’mod partikolari nkisru, u xi drabi dan sar b’salvaġiżmu li ma jitwemminx.

(6)  COM(2002) 276 finali, 5.6.2002.

(7)  Nota tat-traduttur: fil-verżjoni Franċiża jintuża l-akronimu “LDAI” għal “linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt”.

(8)  Punt 9.3.4 tal-anness “Environmental Impact Assessment Models”.

(9)  Dan l-aspett intwera fil-konsultazzjoni dwar il-brevettabbiltà tal-invenzjonijiet implimentati mill-kompjuter (dokument ta’ konsultazzjoni mħejji mid-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern tad-19.10.2000).