31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Inqisu l-ħtiġijiet tal-anzjani

(2009/C 77/26)

Nhar it-18 ta' Frar 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

“Inqisu l-ħtiġijiet tal-anzjani”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Heinisch.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'106 voti favur, 32 vot kontra u 20 astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ġustifikazzjoni

1.1.1

Il-bidliet demografiċi li għaddejja minnhom l-Ewropa huma kkaratterizzati minn żieda kbira fin-numru ta' anzjani u fl-istess waqt minn tnaqqis ġenerali fil-popolazzjoni (1). Il-Kunsill kemm-il darba esprima l-fehma tiegħu dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni. It-tendenzi jvarjaw minn reġjun għal ieħor. L-Unjoni Ewropea għalhekk qed tiffaċċja sfidi soċjali kbar (2). Sal-aħħar tal-2008, il-Kummissjoni mistennija tadotta komunikazzjoni li fiha ser tressaq proposti dwar kif, permezz tal-Fondi Strutturali, nistgħu nqisu bl-aħjar mod il-bżonnijiet ta' popolazzjoni li qed tixjieħ.

1.1.2

Din l-opinjoni tenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li nagħrfu u napprezzaw lill-anzjani, li nwaqqfu d-diskriminazzjoni kontrihom u li naħdmu favur il-ħarsien tad-dinjità tagħhom. Għandna nagħrfu li l-anzjani mhux kollha għandhom l-istess kapaċitajiet, sigurtà finanzjarja jew ħtiġijiet tas-saħħa u soċjali, u b'hekk il-politiki u s-servizzi għandhom jirriflettu l-fatt li “soluzzjoni waħda għal kulħadd” jew it-tqassim tas-soċjetà skont l-età mhumiex approċċi xierqa.

1.1.3

Għalhekk, din l-opinjoni tindirizza firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jolqtu lill-individwu minn meta jirtira formalment sa xjuħitu. Dan jgħodd bla dubju, u mingħajr il-bżonn li nirrepetu l-fatt kull darba, għall-anzjani kollha, irġiel, nisa, anzjani b'diżabilità u anzjani bi sfond ta' immigrazzjoni.

1.1.4

Dan id-dokument ma jistudjax il-ħtiġijiet assoċjati mal-ħaddiema ta' età kbira jew mal-anzjani li jiddependu minn ħaddieħor u għandhom bżonn tal-kura, għax it-tnejn huma oqsma li dwarhom diġà tfasslu bosta proposti (3). Madankollu, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja għal soċjetà li qiegħda tixjieħ sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-istereotipi, kif ukoll il-bżonn ta' politiki integrati għall-ġenerazzjonijiet kollha.

1.1.5

Sabiex l-anzjani jkomplu jipparteċipaw fis-soċjetà u jgħixu ħajja deċenti, huwa essenzjali li jkollhom sigurtà finanzjarja u aċċess volontarju għal attivitajiet b'sinifikat, bħat-tagħlim tul il-ħajja, l-impjieg, ix-xogħol volontarju u l-użu ta' teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, it-trasport, l-enerġija, id-djar u l-kura tas-saħħa għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli bi prezz raġonevoli.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1

F'dan il-perijodu kkaratterizzat minn ċirkustanzi dejjem jinbidlu, sabiex nassiguraw li n-numru dejjem jiżdied ta' anzjani fil-bliet u l-irħula qed jgħixu f'kundizzjonijiet sostenibbli u li għandhom aċċess għall-attivitajiet, il-Kumitat jitlob li jittieħdu dawn il-miżuri:

rapporti regolari dwar is-sitwazzjoni nazzjonali u reġjonali;

il-ġbir u t-tixrid tal-prattiki li kellhom l-aktar suċċess fl-Istati Membri;

it-tixrid ta' immaġni ġdida tax-xjuħija, li tagħraf is-servizz li l-anzjani taw matul ħajjithom kollha (inklużi l-migranti) u li tħeġġeġ ir-rispett lejhom fil-politika, fil-kummerċ u fis-soċjetà;

kampanji tal-mezzi tax-xandir dwar it-tema “ix-xjuħija attiva”;

b'mod partikolari għandhom jittieħdu miżuri fl-oqsma tas-servizzi ta' interess ġenerali, l-infrastruttura, il-provvista tal-prodotti u s-servizzi, il-finanzjament, l-alloġġ, is-servizzi tas-saħħa, l-arranġamenti ta' tmiem il-ħajja u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali.

Destinatarji: l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

it-twaqqif ta' grupp addizzjonali ta' esperti dwar ix-xjuħija fil-qafas tal-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet demografiċi (4);

it-twaqqif ta' Alleanza Ewropea għax-Xjuħija Attiva fuq l-istess mudell tal-Alleanza Ewropea għall-Familji (5), li fost affarijiet oħra torganizza workshops u konferenzi;

it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għar-Riċerka dwar l-Anzjani għall-ipproċessar, il-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni, u biex jiġi stabbilit il-bżonn ta' aktar riċerka u titħeġġeġ ir-riċerka f'dan il-qasam;

il-ħolqien ta' fokus interdixxiplinari fuq l-anzjani b'baġit speċifiku għalih fit-tmien Programm Qafas għar-Riċerka;

il-ħolqien ta' portal tal-internet Ewropew fejn id-Direttorati Ġenerali jwasslu l-informazzjoni dwar l-inizjattivi relatati mal-anzjani lill-pubbliku;

il-ħolqien ta' portali tal-internet lokali, reġjonali u nazzjonali fuq l-istess mudell tal-portal Ewropew;

l-appoġġ għall-Fond Demografiku  (6), fil-qafas tal-Fondi Strutturali, li jipprovdi kumpens finanzjarju lir-reġjuni li jieħdu passi attivi sabiex jindirizzaw il-bidla demografika (pereżempju politika tal-familja attiva);

l-inklużjoni ta' prijoritajiet ġodda fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għat-taħriġ tal-ħaddiema sabiex ikunu kapaċi jakkumpanjaw lill-anzjani fit-transizzjonijiet tal-ħajja li jridu jgħaddu minnhom.

Destinatarji: il-Presidenzi tal-UE; il-Parlament Ewropew; il-Kummissjoni Ewropea.

1.2.2

Sabiex dan ikun jista' jseħħ jinħtieġ approċċ ibbażat fuq ġestjoni sostenibbli u li jkun jista' jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Din l-opinjoni esploratorja tiffoka fuq il-bżonn ta' azzjoni b'rabta ma' dan is-suġġett fir-reġjuni tal-Ewropa. Hemm bżonn ta' distribuzzjoni ġdida tar-riżorsi disponibbli fil-pajjiżi kollha (7), li ser iżżid il-piż fuq iċ-ċittadini tal-bliet u l-irħula. Fl-istess waqt l-infrastruttura lokali ser ikollha tadatta għall-bżonnijiet importanti (8). Hemm bżonn partikolari ta' approċċi innovattivi u integrati biex jassiguraw li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet jinsabu fil-qagħda li jindirizzaw il-bidla demografika.

3.   L-oqsma li jeħtieġu azzjoni

Jeħtieġ li jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet sabiex inkunu nistgħu nassiguraw ruħna li l-anzjani qed jgħixu ħajja sigura, b'saħħitha u attiva. Dawn jinkludu azzjonijiet f'dawn l-oqsma:

3.1   Servizzi ta' interess ġenerali

3.1.1

Is-servizzi ta' interess ġenerali huma strumenti essenzjali għar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u d-dritt li għandu li jirċievi ħarsien komprensiv tad-drittijiet bażiċi tiegħu. Permezz tagħhom iċ-ċittadni jistgħu jeżerċitaw drittijiethom fil-prattika. B'mod konkret dawn is-servizzi jikkonċernaw l-ippjanar tal-art u l-ambjent, speċjalment l-infrastrutturi muniċipali (9). L-għadd dejjem jonqos ta' abitanti, b'mod partikolari fiż-żoni rurali (10), jimplika li fil-futur, għal raġunijiet ekonomiċi, is-servizzi essenzjali mhux ser ikunu disponibbli jew ekonomiċi, ser jispiċċaw għal kollox, jew inkella mhux ser ikunu jissodisfaw il-bżonnijiet il-ġodda. Is-sitwazzjoni għalhekk tirrikjedi l-provvediment tas-servizzi bażiċi u l-assigurazzjoni li l-popolazzjoni kollha jkollha aċċess għalihom u fl-istess waqt li jitqiesu l-bżonnijiet partikolari tal-anzjani u dawk li għandhom bżonn il-kura. Dan jolqot:

il-provvista tal-enerġija, b'mod partikolari tal-elettriku, tal-gass u tas-sħana;

il-ġestjoni tal-ilma u l-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-iskart;

is-sigurtà u l-indafa tal-ambjent pubbliku;

l-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi.

3.1.2   L-infrastruttura tat-trasport, il-provvista tal-oġġetti u s-servizzi għall-bżonnijiet ta' kuljum

Mill-indipendenza u l-mobbiltà jiddependu l-kwalità tal-ħajja u l-attività tal-anzjani (11)  (12). Għalhekk jinħtieġu:

l-aċċess faċli u mingħajr ostakli għall-ħwienet li jbigħu l-oġġetti għall-bżonnijiet ta' kuljum bi prezz raġonevoli, l-aċċess faċli għal ċentri importanti bħall-posta, il-bank, l-ispiżerija, iċ-ċimiterju, il-bini u l-faċilitajiet pubbliċi u b'mod partikolari ċ-ċentri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jippermettu lill-anzjani li jipparteċipaw fis-soċjetà, bħall-uffiċċji tal-awtoritajiet lokali, l-uffiċċji tal-pariri għaċ-ċittadini, eċċ.;

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tat-trasport pubbliku (lokali) bi prezz raġonevoli;

il-garanzija tas-servizzi tat-trasport, b'mod partikolari fir-reġjuni b'popolazzjoni żgħira;

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà taż-żoni pubbliċi (żoni għall-mixi, żoni fejn wieħed jista' jpoġġi bilqiegħda, dwal fit-toroq, is-sigurtà tat-trasport, eċċ.).

3.1.3   Il-politika tad-djar

Jista' jagħti l-każ li l-provvista attwali tad-djar ma tlaħħaqx mal-ħtiġijiet ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-Ewropa, b'mod partikolari fid-dawl tal-valur li nagħtu lill-possibbiltà li wieħed jgħix ħajja indipendenti fid-dar personali tiegħu. It-tfassil u l-istandards tad-djar li jinbnew issa għandhom iqisu t-telfien tal-kapaċitajiet fiżiċi, tas-sensi jew mentali, u jużaw sistemi tal-enerġija li huma teknoloġikament effiċjenti (pereżempju Ambient Assisted Living) sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajja indipendenti. Approċċ bħal dan jista' jkollu riżultati pożittivi għall-ġenerazzjonijiet li jmiss ukoll.

L-awtoritajiet responsabbli mill-ħtiġijiet tad-djar fl-Istati Membri għandhom jassiguraw it-twaqqif ta' servizzi għall-immodernizzar tad-djar tal-lum u għall-promozzjoni ta' kunċetti ġodda fid-disinn tad-djar u tal-ħajja f'komunità, kif ukoll il-miżuri finanzjarji u legali xierqa.

3.1.4   Is-servizzi tas-saħħa

Aktar ma jikbru n-nies, aktar qed isir importanti li jkollna servizz tal-kura tas-saħħa, affidabbli, qrib tad-djar u speċifiku għall-bżonnijijiet tal-anzjani (13). Is-servizzi tas-saħħa fir-reġjuni rurali u/jew imbiegħda b'popolazzjoni żgħira huma mhedda mit-tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni kif ukoll mill-fatt li ħafna mit-tobba li għadhom joperaw fiż-żoni tagħhom stess qed jixjieħu. Qed jikber il-bżonn urġenti li nkomplu niżviluppaw servizz tas-saħħa komprensiv u li jkopri sew il-bżonnijiet kollha. Dan jirrikjedi (inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-anzjani bħala pazjenti (14)):

kura medika, b'mod partikolari l-kura ġerjatrika u r-riabilitazzjoni minn tobba u fornituri tas-servizzi mħarrġa fl-oqsma tal-ġerontoloġija u l-ġerjatrija;

servizzi ta' kura u assitenza bażika għall-pazjenti barra mill-istabbilimenti ta' kura;

servizzi ta' kura paljattiva u ta' għajnuna psikoloġika lill-familji;

pariri u informazzjoni dwar id-drittijiet u l-mezzi differenti ta' appoġġ li jeżistu;

servizzi ta' konsulenza u informazzjoni, faċilitajiet u inċentivi ta' prevenzjoni (informazzjoni dwar dietà tajba, eżerċizzju fiżiku, prevenzjoni kontra l-waqgħat, stil ta' ħajja tajba assoċjati ma' bonus speċjali);

għajnuna teknika u sistemi ta' appoġġ tekniċi mingħajr ma jieħdu post l-għajnuna umana (ara l-parti dwar l-aċċess għat-TIK);

il-promozzjoni u l-ħolqien ta' sistemi ta' appoġġ soċjali formali u informali li jinkludu uffiċċji ta' pariri għaċ-ċittadini, gruppi fejn wieħed jitgħallem jgħin ruħu (self-help groups), gruppi għall-familjari involuti fil-kura, u sistemi ta' għajnuna bejn il-ġirien.

Jeżistu eżempji ta' sistemi ta' appoġġ bħal dawn li rnexxew f'diversi Stati Membri (15).

3.2   Arranġamenti għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u għal tmiem il-ħajja dinjituż

3.2.1   Sitwazzjonijiet ta' emerġenza

Jeħtieġ li jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex f'każijiet ta' emerġenza, bħall-għargħar ta' ilma, sħana kbira għal perijodi twal ta' żmien jew diżastri oħra, l-anzjani li ma jistgħux jgħinu lilhom innifishom jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu.

3.2.2   Tmiem il-ħajja

Il-kwistjonijiet relatati ma' tmiem il-ħajja huma kontroversjali u suġġetti għal regoli differenti fl-Istati Membri (ewtanasja passiva u attiva). F'dan ir-rigward tinħtieġ ċertezza legali sabiex jitqiesu x-xewqat tal-anzjani, anke fil-każijiet ta' problemi mentali gradwali, bħal pereżempju f'dawk il-każijiet li jiddependu minn metodi li jtawlu l-ħajja. Waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun l-advance directives, iżda jeħtieġ li nħarsu wkoll lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Il-mediċina li ttaffi l-uġigħ u d-djar għall-morda jaqdu rwol importanti. Id-dinjità sal-aħħar mumenti hija l-prinċipju li rridu nsegwu f'dan il-qasam.

F'UE fejn 25 % tal-popolazzjoni għandha 60 sena jew iktar jeħtieġ li jitwaqqaf qafas li jħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu fil-liġi tagħhom miżuri li joħolqu s-sigurtà legali neċessarja biex isiru l-arranġamenti meħtieġa għal tmiem il-ħajja dinjituż.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ id-dibattitu bejn l-Istati Membri dwar il-potenzjal li jiġi żviluppat qafas li jiġbor fih kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' tmiem il-ħajja u li jista' jwassal għall-iżvilupp ta' miżuri legali fl-Istati Membri.

3.3   L-integrazzjoni soċjali u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali

L-integrazzjoni soċjali u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali huma bżonnijiet bażiċi tal-bniedem li jikkonċernaw diversi aspetti ta' ħajjet l-anzjan. Fost l-aktar bżonnijiet importanti nsibu l-familja, il-ħbieb, l-impjieg bi ħlas, ix-xogħol volontajru, l-attivitajiet sinifikanti, it-tagħlim tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali u soċjali.

3.3.1   L-integrazzjoni soċjali permezz tal-familja u l-ħbieb

L-ambjent soċjali li jgħixu fih l-anzjani qed jinbidel drastikament (16). In-numru ta' anzjani li jgħixu waħedhom qiegħed jiżdied. F'ħafna bliet din iċ-ċifra laħqet il-50 % tad-djar. Għalhekk jinħtieġu miżuri fil-qasam tal-politika soċjali u/jew miżuri ta' ġestjoni kif ukoll innovazzjonijiet tekniċi li:

jappoġġjaw in-netwerks familjari u nonfamiljari permezz ta' miżuri adegwati li jżidu l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja personali ta' dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani (17),

f'dan il-kuntest il-KESE jagħraf il-ħidma li qed twettaq il-Kummissjoni fil-qasam tal-aġenda soċjali mġedda u li qed iwettqu l-imsieħba soċjali Ewropej favur ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u privata,

jagħtu kontribut favur l-attivitajiet bejn il-ġenerazzjonijiet (18),

jippromovu l-inizjattivi personali u impenn ċiviku, u

jippromovu l-kostruzzjoni ta' djar li jlaqqgħu ġenerazzjonijiet differenti.

3.3.2   L-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni permezz ta' attivitajiet sinifikanti

L-integrazzjoni soċjali u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà jistgħu jiġu kemm mix-xogħol imħallas kif ukoll mix-xogħol volontarju. Sabiex wieħed ikun jista' jkompli jgħix ħajja soċjali attiva għall-itwal żmien possibbli għandu jipparteċipa fiż-żewġ oqsma.

3.3.2.1   Il-parteċipazzjoni permezz tax-xogħol imħallas

Għal dawk l-anzjani li għal raġunijiet finanzjarji jew għas-sodisfazzjon personali tagħhom, wara li joħorġu bil-pensjoni, ikunu jixtiequ jkomplu jipparteċipaw fil-ħajja soċjali permezz ta' impjieg (ara l-punt 1.1.3 għal iktar informazzjoni dwar il-pubbliku konċernat), jistgħu jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

b'konformità mad-Direttiva għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (19), it-transizzjoni mix-xogħol għall-irtirar għandha ssir aktar flessibbli. Għandu jsir ukoll it-tibdil adegwat fis-sistema tal-pensjonijiet u tat-taxxi bħala parti minn strateġija tal-impjiegi li tkopri kull ġenerazzjoni ta' adulti (20) u b'konformità mal-prinċipju ta' pagi ndaqs. Fil-prinċipju, il-limiti tal-età fl-Istati Membri għandhom jitfasslu biss b'rabta mad-dritt li wieħed jieqaf jaħdem, u mhux biex iwaqqfu lil dawk li jkunu jridu jibqgħu jaħdmu fuq bażi volontarja;

jinħolqu x-xogħlijiet u ambjent tax-xogħol favur l-anzjani billi jitneħħa l-piż fiżiku u billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ħinijiet u l-organizzazzjoni tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol;

jintużaw, u fejn meħtieġ, jiġu adottati metodi li jħaffu l-proċeduri tax-xogħol;

jitneħħew l-ostakli li jistgħu jinqalgħu u jitħeġġu tipi ta' kuntratti ġodda relatati ma' dan il-perijodu speċifiku ta' transizzjoni bejn il-ħajja ta' qabel u wara l-irtirar li joffru s-sigurtà legali sabiex ma jinħolqux forom ġodda ta' insigurtà;

tinbidel il-mentalità fil-qasam tan-negozju li tippermetti strateġija komprensiva tal-impjiegi li tippromovi l-ħiliet individwali irrispettivament mill-età (21).

3.3.2.2   Il-parteċipazzjoni permezz ta' impenn volontarju u attivitajiet sinifikanti

Sabiex jiġi vvalorizzat il-potenzjal tal-anzjani u fl-istess ħin jingħatawlhom attivitajiet sinifikanti u li huma marbuta mal-ħiliet tagħhom jeħtieġ li:

jinġabar u jitħares l-għarfien li nkiseb mill-esperjenza, inklużi l-għarfien dwar l-imġiba soċjali u l-ħiliet artistiċi artiġjanali;

jitħeġġu forom innovattivi sabiex jitwassal l-għarfien, inkluż l-appoġġ għal ġenerazzjonijiet oħra (22);

tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mix-xogħol għall-irtirar jew li l-anzjani jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw f'sistema ta' xogħol imħallas u xogħol volontarju mingħajr telf finanzjajru u fuq bażi volontarja;

jitħeġġeġ ix-xogħol volontarju mingħajr ħlas (23) permezz tat-taħriġ u l-parteċipazzjoni fi proġetti lokali u interreġjonali;

jinfetħu istituzzjonijiet li fihom l-anzjani jkunu jistgħu jwettqu xogħol volontarju mingħajr ma jieħu post ix-xogħol imħallas.

3.4   It-taħriġ u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali

L-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja huma ż-żewġ elementi ċentrali li permezz tagħhom l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu attivi fis-soċjetà. Magħhom nistgħu nżidu wkoll il-parteċipazzjoni fi proġetti mmirati lejn il-bżonnijiet tal-anzjani. Għalhekk jeħtieġ li jsiru l-bidliet segwenti fl-attivitajiet li joffru l-livelli lokali, reġjonali u interreġjonali:

it-tagħlim tul il-ħajja sabiex jitħarsu l-ħiliet tal-ħaddiema anzjani. In-negozji għandhom jiffaċilitaw u jappoġġjaw il-miżuri rilevanti f'dan il-qasam. Fl-istess waqt jeħtieġ li jitwaqqfu l-inċentivi rilevanti (pereżempju l-inċentivi fiskali);

opportunitajiet ġenerali ta' edukazzjoni kontinwa (24) matul il-fażijiet kollha tal-ħajja (mill-aktar opportunitajiet aċċessibbli għall-edukazzjoni universitarja);

il-valutazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-korsijiet tat-taħriġ;

l-għarfien tal-kwalifiki (25), ħiliet u kompetenzi li jinkisbu anke fix-xjuħija madwar l-UE kollha sabiex niffaċilitaw il-mobbiltà (26) transkonfinali, u l-apprezzament tal-għerf miksub b'mezzi informali;

it-taħriġ li jipprepara lin-nies għall-irtirar;

it-taħriġ għal dawk li jaħdmu mal-anzjani sabiex jippreparawhom għal fażi ġdida f' ħajjithom (27);

it-taħriġ immirat lejn il-ġenerazzjonijiet kollha u mhux limitat biss għal età partikolari jew oħra (kompromess);

it-taħriġ għall-promozzjoni ta' impenn bejn il-ġenerazzjonijiet (pereżempju s-servizzi li joffru n-nanniet);

it-taħriġ bażiku dwar kwistjonijiet finanzjarji u legali (28) (għall-ħarsien tal-interessi tal-anzjani u b'mod partikolari fir-rigward tax-xiri fuq l-internet);

it-taħriġ dwar it-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-mezzi tax-xandir (gazzetti, radju, televiżjoni, internet);

opportunitajiet varjati ta' sport immirati lejn ħiliet u interessi differenti;

passatempi u turiżmu (29) li jikkunsidraw il-ħtiġijiet kulturali differenti (30).

3.5   L-anzjani bħala konsumaturi

L-anzjani għandhom diversi bżonnijiet kemm fir-rigward tal-provvista tal-oġġetti għall-bżonnijiet ta' kuljum (ara punt 3.1.2) u l-oġġetti tal-konsum li jservu għal żmien twil kif ukoll fir-rigward tal-mezzi u s-sistemi tekniċi tal-għajnuna (ara punt 3.6) u s-servizzi ta' kull xorta, fatt li għandu joffri prospetti ġodda ta' impjieg għall-persuni iżgħar fl-età.

Għaldaqstant, jinħtieġu:

disinn ġenerali tal-prodotti skont il-prinċipji tal-“Universal Design” jew id-“Design for All” (31), inklużi istruzzjonijiet ċari u li jinftiehmu sewwa;

il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u d-diżabilità fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi, speċjalment dawk finanzjarji (32);

l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur anke għall-anzjani;

is-sitwazzjoni tal-migranti li joħorġu bil-pensjoni nbidlet tul is-snin. Ħafna minnhom isibu ruħhom b'inqas riżorsi meta jirtiraw u jista' jagħti l-każ li jkollhom ħtiġijiet tas-saħħa jew ħtiġijiet soċjali li ma jitkoprewx mis-sistemi attwali tas-saħħa u tal-għajnuna soċjali. Il-migranti rtirati jsibu ruħhom f'pożizzjoni fejn drittijiethom la huma koperti mill-pajjiż tal-oriġini u lanqas mill-pajjiż ospitanti. Jeħtieġ li fl-UE titqajjem kuxjenza akbar u li jsiru aktar dibattiti dwar din il-kwistjoni sabiex tkun tista' tinbidel is-sitwazzjoni f'dawk il-każijiet fejn azzjoni fuq livell Ewropew hija rilevanti u ta' ġid għaċ-ċittadini.

3.6   L-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK)

L-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, kemm fl-oqsma tad-djar, tas-saħħa, tal-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u tal-edukazzjoni kif ukoll b'rabta mal-aċċess għas-servizzi amministrattivi online (gvernanza elettronika), qed isir dejjem aktar indispensabbli sabiex l-anzjani jgħixu ħajja indipendenti u attiva. Dan jgħodd ukoll għas-servizzi ta' interess ġenerali għall-anzjani kif ukoll għall-miżuri relatati ta' żvilupp ekonomiku fil-livell reġjonali u sovrareġjonali (33). Għaldaqstant, l-aspetti ewlenin huma:

il-ħidma, fl-iktar stadju bikri, għall-iżvilupp ta' software li faċli jintuża, u ta' hardware li jiggarantixxi aċċess massimu sabiex dawk li mhumiex (jew m'għadhomx) familjari ma' dawn it-teknoloġiji xorta waħda jkunu jistgħu jużawhom bl-aħjar mod;

id-disponibbiltà u l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi s-sistemi Ambient Assisted Living, it-teknoloġiji tat-tagħlim online, is-saħħa online, il-kura online u r-riabilitazzjoni online. It-teknoloġiji jistgħu jgħinu mingħajr ma jissostitwixxu l-kuntatti personali (34);

is-semplifikazzjoni tal-aċċess għat-tagħmir u n-netwerks tekniċi rilevanti u l-użu tagħhom, fid-dawl tal-kumplessità dejjem tikber ta' dawn is-sistemi u tal-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-anzjani (pereżempju l-problemi bil-vista, it-tnaqqis tas-sens tal-mess);

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-konsumaturi anzjani, u l-miżuri li jinkoraġġixxuhom jużaw aktar dawn it-teknoloġiji;

l-inklużjoni tal-partijiet konċernati kollha, u l-ħarsien tal-kriterji etiċi u legali speċjalment meta jintużaw sistemi elettroniċi tas-sorveljanza f'każ ta' dimenzja;

il-miżuri ta' akkumpanjament, bħas-servizzi integrati ta' pariri, installazzjoni u manutenzjoni kif ukoll servizzi soċjali;

il-kunsiderazzjoni tat-tibdil minħabba l-iżvilupp tas-soċjetà kif ukoll l-esperjenzi l-ġodda u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal-anzjani.

3.7   L-assigurazzjoni finanzjarja

Huwa importanti li nħeġġu lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għas-sigurtà u d-dinjità tal-anzjani bil-pensjoni matul l-irtirar tagħhom, irrispettivament minn jekk dawn jikkontribwixxux fil-ħajja soċjali jew le.

It-tibdil strutturali, ir-riforma attwali fis-sistema tal-pensjonijiet u s-sistema soċjali, l-għoli tal-ħajja u poter tal-akkwist li jinsab fit-triq tan-niżla jfissru li l-ammont ta' nies li jinsabu fir-riskju tal-faqar fix-xjuħija qed jiżdied. Ħafna drabi huma n-nisa kbar u dawk li ilhom bla xogħol għal ħafna żmien li jgħixu fil-faqar f'ċerti Stati Membri.

Sabiex tinżamm is-sostenibilità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, l-Istati Membri jridu jħeġġu lill-persuni li għadhom qegħdin jaħdmu sabiex jużaw sistema ta' pensjoni individwali jew kollettiva, u għandhom jassiguraw is-solvibilità tal-operaturi privati li jaħdmu f'dan il-qasam. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiggarantixxu livell minimu ta' dħul liċ-ċittadini kollha li bis-saħħa tiegħu l-anzjani jkollhom ħajja deċenti, indipendentement miċ-ċirkustanzi personali.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

Sabiex titħejja bażi soda għall-istrateġiji meħtieġa ta' ristrutturar u innovazzjoni, il-Kumitat jitlob li jittieħdu miżuri kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak Ewropew:

4.1   Miżuri fil-livell tal-Istati Membri

4.1.1   It-tħejjija ta' rapporti dwar is-sitwazzjoni nazzjonali u reġjonali

L-ewwel u qabel kollox għandha ssir analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni hija mitluba tħejji r-rapporti regolari dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali u dawn ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-potenzjal tal-attività tal-anzjani.

4.1.2   Il-ġbir u t-tixtrid tal-informazzjoni

Il-Kumitat jaħseb li l-informazzjoni rilevanti, l-għarfien u l-esperjenza kif ukoll ir-riżultati tar-riċerka li nstabu s'issa u l-għarfien li nkiseb dan l-aħħar għandhom ikunu disponibbli għall-kumitati speċjalizzati, il-partijiet konċernati u l-anzjani stess. B'mod partikolari, ir-riżultati tar-riċerka jridu jinqasmu aħjar bejn ir-riċerkaturi, il-politiċi u l-konsumaturi (l-anzjani u r-rappreżentanti tagħhom).

4.1.3   L-ipproċessar u t-tqabbil tal-esperjenzi attwali mill-Istati Membri

Fil-fehma tal-Kumitat, l-aħjar prattiki reġjonali għandhom jinġabru, jitqabblu u jiġu analizzati bil-għan li jintużaw f'oqsma u f'reġjuni oħra. L-objettiv huwa li titħejja lista ta' eżempji tal-aħjar prattiki li tkun disponibbli għall-oħrajn (35).

4.1.4   Il-promozzjoni ta' immaġni ġdida tax-xjuħija

F'soċjetà li kulma jmur qiegħda tixjieħ, in-nies ma jistgħux jitqiesu aktar bħala “inattivi” hekk kif jieqfu jaħdmu. B'rabta ma' dan tinħtieġ bidla fil-mentalità fil-livelli kollha (politika, ekonomija, soċjetà). L-Istati u r-reġjuni jinsabu f'pożizzjoni partikolarment tajba biex jibdew kampanji regolari bit-tema “ix-xjuħija attiva”.

4.1.5

Il-Kumitat jirrakkomanda kampanji Ewropej fil-mezzi tax-xandir li jikkontribwixxu għal immaġni tax-xjuħija li tagħraf is-servizz li taw l-anzjani (anke l-migranti anzjani) lis-soċjetà matul ħajjithom u r-rispett lejhom.

4.2   Miżuri fil-livell Ewropew

4.2.1

It-twaqqif ta' grupp addizzjonali ta' esperti dwar ix-xjuħija fil-qafas tal-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet demografiċi.

4.2.2

It-twaqqif ta' Alleanza Ewropea għax-Xjuħija Attiva fuq l-istess mudell tal-Alleanza Ewropea għall-Familji (36) bil-għan li tixpruna x-xjuħija attiva permezz tal-iskambju tal-esperjenzi tal-Istati Membri u li tippromovi l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku fl-Unjoni Ewropea. Din tkun tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex torganizza konferenzi u workshops Ewropej.

4.2.3   It-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għar-Riċerka dwar l-Anzjani

Ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-esperjenzi juru liema aspetti u speċifiċitajiet reġjonali jeħtieġu aktar riċerka (37). Jeħtieġ jinġabru r-riżultati preċedenti mill-programmi qafas ta' riċerka u mill-istatistika, jinxterdu iktar u jiġu inkorporati fil-politika u l-prattika (38). Ċentru Ewropew għar-Riċerka dwar l-Anzjani, fuq il-mudell tan-“National Institute on Ageing” Amerikan, ikun adatt ferm biex jiġbor, jintegra u jxerred l-istatistika u informazzjoni rilevanti oħra li diġà nkisbu.

4.2.4   Il-ħolqien ta' fokus interdixxiplinari fuq l-anzjani fit-tmien Programm Qafas għar-Riċerka

L-introduzzjoni ta' fokusinterdixxiplinari fuq l-anzjani b'baġit speċifiku għalih fit-tmien Programm Qafas għar-Riċerka tlaqqa' flimkien l-attivitajiet ta' riċerka.

4.2.5   Il-ħolqien ta' portal tal-internet komuni Ewropew

F'dan il-portal, il-pubbliku — b'mod partikolari l-anzjani — għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw l-inizjattivi kollha relatati mal-anzjani ta' kull Direttorat Ġenerali. Din l-informazzjoni għandha tkun tista' tinstab permezz ta' ħoloq speċjali.

4.2.6   Il-ħolqien ta' portali tal-internet lokali, reġjonali u nazzjonali fuq l-istess mudell tal-portal Ewropew

4.2.7   L-appoġġ għall-Fond Demografiku fil-qafas tal-Fondi Strutturali (39)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolarment prekarja ta' ċerti reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, il-Fond Demografiku Ewropew għandu jappoġġja l-aktar ir-reġjuni rurali u r-reġjuni b'rata tat-tkabbir taħt il-medja u jippromovi inizjattivi tajbin.

4.2.8

L-inklużjoni ta' prijoritajiet ġodda fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex jiġi ffaċilitat it-taħriġ tal-ħaddiema li jkunu kapaċi jakkumpanjaw lill-anzjani fit-transizzjonijiet differenti tal-ħajja li jridu jgħaddu minnhom.

4.3

Fuq il-bażi tal-miżuri proposti jistgħu jiġu żviluppati kunċetti xierqa għat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet ta' azzjoni u l-miżuri politiċi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn il-proposti fil-Komunikazzjoni prevvista.

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara, pereżempju, ir-rapport ta' informazzjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza CES 930/99 finali; Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni “Il-futur demografiku tal-Ewropa: Fatti u Figuri”.

(2)  Ara COM(2006) 571 tat-12 ta' Ottubru 2006; SEC (2007) 638; EPC & EC (DG ECFIN): “L-impatt tat-tixjiħ fuq l-infiq pubbliku” Rapport Speċjali Nru 1/2006.

(3)  Ara, pereżempju, l-opinjoni tal-KESE tas-16.12.2004 dwar “L-istrateġiji/Inżidu l-età tal-irtirar”, rapporteur: is-Sur Dantin (ĠU C 157, 28.6.2005); l-opinjoni tal-KESE tat-28.10.2004 dwar “Il-kura tas-saħħa u l-kura tal-anzjani”, rapporteur: is-Sur Braghin (ĠU C 120, 20.5.2005); l-opinjoni tal-KESE tas-26.9.2007 dwar “Id-drittijiet tal-pazjent”, rapporteur: is-Sur Bouis (ĠU C 10, 15.1.2008); l-opinjoni tal-KESE tal-24.10.2007 dwar “It-trattament ħażin tal-anzjani”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 44, 16.2.2008); u l-opinjoni tal-KESE tat-13.3.2008 dwar “Il-garanzija tal-aċċess ġenerali għall-kura fit-tul u l-finanzjament sostenibbli ta' sistema tal-kura fit-tul għall-anzjani”, rapporteur: is-Sinjura Klasnic (ĠU C 204, 9.8.2008).

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/397/KE.

(5)  Ara http://ec.europa.eu/employment_social/families/index_en.html

(6)  Ara punt 4.5.2 tal-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2007 dwar “Ir-raba' rapport dwar il-koeżjoni”, rapporteur: is-Sur Derruine, (ĠU C 120, 16.5.2008).

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.3.2007 dwar “L-impatt ekonomiku u baġitarju fuq il-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu”, rapporteur: is-Sinjura Florio (ĠU C 161, 13.7.2007) u l-opinjoni tal-KESE tal-15.9.2004 dwar “Il-bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74, 23.3.2005).

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.2.2008 dwar “Is-servizzi ta' interess ġenerali”, rapporteur: is-Sur Hencks, (ĠU C 162,-25.6.2008).

(9)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE tat-18.1.2007 dwar “L-istruttura tal-politiki/il-koeżjoni fl-UE”, rapporteur: is-Sur Derruine (ĠU C 93, 27.4.2007) u tal-25.4.2007 dwar “L-aġenda territorjali”, rapporteur: is-Sur Pariza (ĠU C 168, 20.7.2007).

(10)  Pereżempju ż-żoni rurali fi Franza, Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja tal-Lvant, f'xi reġjuni fl-Ewropa tal-Lvant u f'xi reġjuni rurali fil-periferiji tal-Iżvezja u l-Finlandja; ara “The Spatial Effects of Demographic Trends and Migration”, il-proġett ESPON 1.1.4, rapport finali 2002.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar “Il-Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana”, rapporteur: is-Sur Hernández Bataller, korapporteur: is-Sur Barbadillo López (ĠU C 224, 30.8.2008), u l-opinjoni tal-AGE — the European Platform of Older People — dwar din il-Green Paper (COM(2007) 551 finali); http://ec.europa.eu/education/programmes/llp/index_en.html, jew anke Mollenkopf et al. (Eds.) (2005). “Enhancing mobility in later life — Personal coping, environmental resources, and technical support”. Amsterdam: IOS Press.

(12)  Eżempji ta' miżuri addizzjonali favur l-indipendenza jeżistu ġewwa Franza (Hautes Corbières; CG VAL de Marne; Franza — discours colloque ANDASS), il-Ġermanja (pereżempju Berlin u Frankfurt/Main), u r-Renju Unit (Newcastle), fost pajjiżi oħra.

(13)  Ara, pereżempju, il-pubblikazzjoni tad-DĠ SANCO “Healthy Ageing: keystone for a sustainable Europe”

(http://ec.europa.eu/health/ph_information/indicators/docs/healthy_ageing_en.pdf).

(14)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE 1447/2004, 1465/2007, 1256/2007 u 501/2008; nota f'qiegħ il-paġna 3.

(15)  Pereżempju, fil-Finlandja: Preventive work in Jyväskylä — Finland.ppt; fi Franza: Poitiers.pdf; Strasbourg.pdf; “Le Guide de l'Aidant Familial”.

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.9.2004 dwar “Il-bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74, 23.3.2005). Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tas-16.12.2004 dwar “Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet”, rapporteur: is-Sur Bloch-Lainé (ĠU C 157, 28.6.2005); l-opinjoni tal-KESE tal-14.3.2007 dwar “Il-familja u l-bidla demografika”, rapporteur: is-Sur Buffetaut (ĠU C 161, 13.7.2007); l-opinjoni tal-KESE tal-11.7.2007 dwar “Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata”, rapporteur: is-Sur Clever (ĠU C 256, 27.10.2007); u l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2007 dwar “Nappoġġjaw is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, rapporteur: is-Sur Jahier (ĠU C 120, 16.5.2008).

(17)  Ara, pereżempju, l-attivitajiet tal-Flemish Association VVSG (Flemish association Ageing VVSG-Vergrijzing-GRV-2006.pdf) u tal-Assoċjazzjoni Żvediża, Swedish Association of Local Authorities and Regions (Sweden — care for the elderly in Sweden today.pdf).

(18)  Ara, pereżempju, il-programm mudell “Generationsübergreifende Freiwilligendienste” (servizzi ta' volontarjat bejn il-ġenerazzjonijiet) tal-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Familji, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ.

(19)  Direttiva 2000/78/KE.

(20)  L-eżempju tal-Finlandja juri kif inċentivi pożittivi (minflok telf finanzjajru) u limiti taż-żmien flessibbli (bejn it-63 u t-68 sena) joffru l-possibbiltà li wieħed jorganizza l-irtirar tiegħu skont il-bżonnijiet individwali tiegħu jew li jkompli jaħdem.

(21)  Ara, pereżempju, Naegele, G. & Walker, A. (2006): “A guide to good practice in age management. European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions”, Dublin.

(22)  Pereżempju l-FSE jiffinanzja proġett fir-Renju Unit li jagħti l-opportunità lill-maniġers li għandhom 'il fuq minn 50 sena li jagħtu pariri u jiggwidaw kollegi iżgħar minnhom jew studenti universitarji li għadhom jistudjaw f'aktar minn 200 SME.

(23)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar “L-attivitajiet volontarji, ir-rwol tagħhom fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħhom”, rapporteur: is-Sinjura Koller (ĠU C 325, 30.12.2006).

(24)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE tad-9.2.2005 dwar “Il-programm ta' azzjoni integrat għat-tagħlim tul il-ħajja”, rapporteur: is-Sur Koryfidis (ĠU C 221, 8.9.2005); tat-18.5.2006 dwar “Il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja”, rapporteur: is-Sinjura Herczog (ĠU C 195, 18.8.2006); tat-30.5.2007 dwar “It-tagħlim tul il-ħajja”, rapporteur: is-Sur Rodriguez (ĠU C 175, 27.7.2007); u l-opinjoni tal-KESE tat-13.3.2008 dwar “It-tagħlim lill-adulti”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 204, 9.8.2008).

(25)  Mingħajr preġudizzju lejn id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

(26)  Pereżempju fil-kuntest ta' taħriġ prattiku jew xogħol volontarju għall-anzjani.

(27)  Hawnhekk nistgħu nirreferu għall-proġett “Transition — Ausbildung zum/zur Übergangsbegleiter/in für frühkindliche Bildungsprozesse” (Transizzjoni — Taħriġ dwar it-transizzjoni għall-edukazzjoni fil-fażijiet bikrija tat-tfulija) fil-kuntest tal-programm Socrates Grundtvig 1.1

(http://www.elternverein-bw.de).

(28)  Ara l-Komunikazzjoni dwar l-edukazzjoni finanzjarja COM(2007) 808 tat-18.12.2007, p. 8.

(29)  Ara, pereżempju, il-proġett “Travelagents”

(www.travelagentsproject.org).

(30)  Ara, pereżempju, il-proġett “AAMEE”

(http://www.aamee.eu/).

(31)  Ara d-“Disinn ta' netwerk Ewropew għall-aċċessibbiltà elettronika kollha” (European Design for All e-Accessibility Network, EDeAN;

http://www.edean.org/)

(32)  Is-self ta' ammonti żgħar huwa mod kif l-anzjani jistgħu jiksbu s-sisien għal attività indipendenti f'każ li jirtitraw jew jispiċċaw qiegħda.

(33)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar “Il-persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz u l-użu ta' Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ġodda”, rapporteur: is-Sinjura Darmanin (ĠU C 224, 30.8.2008). Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew RR\39694EN.doc, PE396.494v03-00; Malanowski, N., Özcivelek, R. u Cabrera, M.: “Active Ageing and Independent Living Services: The Role of Information and Communication Technology”. JRC Scientific and Technical Report, EUR 2346 EN — 2008.

(34)  Ara l-pjan ta' azzjoni dwar “It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) u x-Xjuħija” (COM(2007) 332 fin.), il-programm “Ambient Assisted Living Joint Research Programm” (http://www.aal-europe.eu/), l-attivitajiet ta' riċerka tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013) (http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm) u “Seniorwatch 2 — Assessment of the Senior Market for ICT, Progress and Developments”

(http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/research/ageing/index_en.htm).

(35)  F'Wales, pereżempju, mill-esperjenza tal-Kummissarju għat-tfal inħoloq il-Kummissarju statutarju għall-anzjani li jissorvelja l-politiki u l-leġiżlazzjoni, kif ukoll jappoġġja u jikkummissjona r-riċerka.

(36)  Ara http://ec.europa.eu/employment_social/families/european-alliance-for-families-de.html.

(37)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-24.5.2000 dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn żona tar-riċerka Ewropea”, rapporteur: is-Sur Wolf (ĠU C 204, 18.7.2000).

(38)  Rakkomandazzjoni tas-Sitt Programm Qafas ta' Riċerka. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tal-15.9.2004 dwar “Il-bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74, 23.3.2005).

(39)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2007 dwar “Ir-raba' rapport dwar il-koeżjoni”, rapporteur: is-Sur Derruine (ĠU C 120, 16.5.2008).