31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-multilingwiżmu

(2009/C 77/25)

Permezz tal-ittra tagħha tal-4 ta' Frar 2008, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-multilingwiżmu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Le Nouail-Marlière.

Matul l-447 sessjoni plenarja li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'144 vot favur, 8 voti kontra u 13-il astensjoni.

Sommarju tal-opinjoni u l-konklużjonijiet tagħha

Meta wieħed jikkunsidra li s-suġġett qiegħed kulma jmur jikber fl-importanza politika u ekonomika tiegħu, il-Kumitat jiddispjaċih li mhux talli l-Kummissjoni ma ressqitx programm konkret li jibni fuq “l-istrateġija ta' qafas ġdida għall-multilingwiżmu” li ġiet adottata fl-2005, iżda minflok, għażlet li tippreżenta strateġija ġdida lejn tmiem il-mandat tagħha.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu r-ritmu tad-dibattitu dwar l-objettivi li għandhom jintlaħqu, u mbagħad jiċċaraw x'miżuri ser jieħdu permezz ta' koordinazzjoni konġunta fl-oqsma tal-kultura u t-tagħlim.

Fir-rigward tal-għażla tal-ewwel lingwa ħajja mgħallma u mitgħallma, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jivvalorizzaw lingwi oħra minbarra dawk Anglo-Amerikani, u sabiex jippromovu t-tagħlim u l-użu tal-lingwi Ewropej permezz ta' skambji extra-Komunitarji.

Jinnota l-korrelazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-ħtiġijiet lingwistiċi taċ-ċittadini Ewropej, l-istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol, u l-objettivi ta' konverġenza stabbiliti fil-Fondi Strutturali tal-UE, b'mod partikolari l-Fond ta' Koeżjoni. Għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jużaw il-fatturi li ssemmew hawn fuq għall-promozzjoni tal-għarfien taċ-ċittadini tal-lingwa materna tagħhom u żewġ lingwi oħra, u sabiex jagħtu prijorità wkoll lil dak l-objettiv fl-użu tal-fondi. Iżid li dan l-objettiv għandu jinkorpora żewġ għanijiet kwalitattivi: il-preservazzjoni tal-vitalità tal-lingwi Ewropej u d-diversifikazzjoni tal-għarfien tal-lingwi b'tali mod li jiġu inklużi wkoll il-lingwi non-Komunitarji li huma utli għall-iskambji kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi tal-Ewropej, li jippromovu l-għarfien ta' kulturi oħra, il-paċi u l-ħbiberija bejn il-popli.

Jinnota li ma sar l-ebda progress għall-popolazzjonijiet li huma l-aktar maqtugħin mix-xogħol dinjituż, jiġifieri xogħol iddikjarat bi protezzjoni soċjali, u lanqas għal dawk li huma l-aktar imbiegħda miċ-ċentri urbani jew turistiċi. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-inizjattivi li jieħdu ma jwasslux għal diskriminazzjoni u differenzi fit-trattament, u lanqas għal aktar esklużjoni u frustrazzjoni. Biex dan jinkiseb, jagħtihom il-parir li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma impenjati b'mod attiv f'dan il-qasam.

Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkonsulta d-dipartimenti interni kkonċernati, il-miżuri ppjanati għandhom iqisu t-titjib tar-regolamentazzjoni, b'tali mod li ma jxekklux il-kompetittività tal-SMEs.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħabirku sabiex jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa, fil-qafas tas-sistema Ewropea tal-kwalifiki, tat-tagħlim kemm formali u dak mhux formali, bil-għan li jkun jista' jitkejjel il-valur tiegħu u sabiex it-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għaċ-ċittadini u l-impjegati — irrispettivament mill-istatus tagħhom — ikunu jistgħu jiġu ffaċilitati.

Fil-kuntest tal-konsultazzjoni soċjali, il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jħeġġu l-professjonijiet b'rabta mal-lingwi bħat-tagħlim, it-traduzzjoni u l-interpretar, sabiex jiġi promoss l-użu tal-lingwi uffiċjali fil-komunikazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet, u jsostni li l-ħtiġijiet f'dan il-qasam ma ġewx issodisfati, hekk kif ġara fis-settur privat.

1.   Introduzzjoni

Nhar is-6 ta' Settembru 2006, ftit qabel il-ħolqien ta' portafoll ġdid ta' Kummissarju għall-Multilingwiżmu u d-Djalogu Interkulturali, u l-ħatra tal-Kummissarju Leonard Orban, il-KESE adotta opinjoni dwar “strateġija ta' qafas ġdida għall-multilingwiżmu” (1).

Ftit taż-żmien wara, fil-25 ta' Ottubru 2007, il-Kummissarju, fuq stedina tal-President tal-KESE, is-Sur Dimitriadis, mar quddiem il-plenarja tal-Kumitat u esprima l-interess tiegħu f'din il-ħidma.

Bix-xewqa li jressaq strateġija ġdida dwar dan is-suġġett, il-Kummissarju talab lill-Kumitat iħejji opinjoni esploratorja.

Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li:

jevalwa s-segwitu tal-istrateġija preċedenti tal-Kummissjoni u tar-rakkomandazzjonijiet li ressaq f'dak il-mument;

jagħmel sommarju tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni;

jirrispondi kmieni biżżejjed għall-konsultazzjoni li saritlu fil-qafas aktar ġenerali tal-konsultazzjoni pubblika wiesgħa organizzata mill-Kummissjoni u tas-seduta tal-15 ta' April 2008, sabiex fil-Komunikazzjoni li l-Kummissjoni qed tippjana li tippubblika f'Settembru tal-2008 jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

2.   Osservazzjonijiet ġenerali

2.1

Il-Kumitat josserva li din il-kwistjoni, minn ġurnata għall-oħra, qed tkompli tikber, mhux għax bħalissa hija moda, iżda minħabba kuntest reali ħafna ta' globalizzazzjoni li kulma jmur qed ilaqqa' għadd dejjem akbar u firxa iktar wiesgħa ta' atturi. Għal sitwazzjonijiet ġodda għandhom jinstabu soluzzjonijiet u risposti ġodda. Id-dinja qed tinbidel fl-oqsma ekonomiċi u tekniċi, kif ukoll fl-oqsma soċjali, politiċi, kulturali u ċivili. Ċerti fenomeni ilhom jeżistu minn dejjem jew minn żmien twil, iżda llum jiksbu intensità akbar u jsiru viżibbli, saħansitra kruċjali.

2.2

F'oqsma differenti ħafna, fix-xogħol, kif ukoll fl-iskambji kummerċjali, f'dawk tar-rikreazzjoni u tat-turiżmu, id-dimensjoni kulturali qed tinbidel b'tali mod li l-KESE għandu jħossu fl-obbligu li jifhimha fid-dimensjonijiet kollha tagħha, sabiex jiġbor it-tħassib tal-konċittadini tagħna u jressaq suġġerimenti prattiċi u għaqlin quddiem l-istituzzjonijiet, b'mod partikolari billi jieħu sehem fil-konsultazzjonijiet u jqajjem dibattiti.

Id-diversità u r-rikkezza tal-opinjonijiet juru l-interess taċ-ċittadini Ewropej f'din il-kwistjoni li tirrifletti l-umanità komuni tagħhom.

2.3

Fl-opinjoni msemmija hawn fuq, il-Kumitat irrakkomanda li:

il-Kummissjoni għandha tfiehem lill-Istati Membri, billi tindikalhom eżattament ir-rabtiet li jkunu jistgħu jistabbilixxu jew il-miżuri l-oħra li jistgħu jimplimentaw fil-pjanijiet nazzjonali rikjesti, u għandha tenfasizza li l-multilingwiżmu jew il-plurilingwiżmu jista' jkun ta' għajnuna għall-integrazzjoni politika u kulturali tal-UE u jista' jikkontribwixxi għall-komprensjoni u għall-inklużjoni soċjali;

jekk irridu li jinkisbu riżultati li jibqgħu għal żmien twil, it-tagħlim lingwistiku offrut għandu jkun imfassal fil-livell Ewropew, u l-ġabra potenzjali ta' ħiliet lingwistiċi m'għandhiex tkun limitata għal numru ristrett ta' lingwi;

għandhom ikunu żviluppati u mħeġġa l-prattiki multilingwi kollha fl-oqsma professjonali, kulturali, politiċi, xjentifiċi u soċjali;

l-esperti involuti m'għandhomx ikunu biss speċjalisti f'dixxiplini soċjali u xjentifiċi iżda għandhom jinkludu wkoll lingwisti, interpreti, tradutturi, għalliema u professjonisti fil-lingwi;

il-ġenerazzjonijiet żagħżugħa u aktar adulti attwali għandhom jiġu kkunsidrati aħjar u kif xieraq matul dawn l-iżviluppi, permezz ta' tagħlim tul il-ħajja, u tad-drittijiet kulturali tagħhom meta l-Kummissjoni tidħol fil-fażi tal-ipprogrammar;

il-Kummissjoni ma tiddependix biss mir-riċerki universitarji, iżda wkoll mix-xogħlijiet ta' assoċjazzjonijiet attivi f'dan il-qasam, u għandha tappoġġja l-inizjattivi popolari meħuda fi ħdan in-netwerk tas-soċjetà ċivili.

2.4

B'mod ġenerali, il-KESE wera l-importanza li jinkludi l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini fl-istrateġiji tiegħu ta' tagħlim, ta' prattika, tal-għarfien tal-lingwi u li jsib mezzi realistiċi sabiex dan jitwettaq. Wissa kontra l-ħolqien ta' diskriminazzjonijiet soċjali ġodda. Talab li ssir riflessjoni dwar l-għadd globali ta' lingwi ewlenin fl-Unjoni Ewropea, sabiex din tkun tista' tegħleb il-fruntieri lingwistiċi, kulturali u ekonomiċi tagħha stess. Irrakkomanda approċċ ibbilanċjat bejn l-aspetti ekonomiċi, kulturali u ċivili, u xogħol sfiq sabiex ma nibqgħux lura fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol.

2.5

Il-Kumitat fakkar ukoll li ż-żoni lingwistiċi u kulturali żviluppaw l-istess bħalma żviluppaw il-ġemgħat politiċi u ekonomiċi fid-dinja, u li, sfortunatament, it-tendenza ta' ċerti lingwi li jinqerdu mxiet pari passu mal-kapaċità li ċerti gruppi soċjali u politiċi jingħaqdu jew jisparixxu. L-Ewropa tiffaċċja l-istess sfidi bħar-reġjuni l-oħra tad-dinja, jiġifieri 1) it-tendenza li lingwa waħda tiddomina r-relazzjonijiet transnazzjonali, u 2) fid-dawl tad-diversità tal-lingwi reġjonali tagħha, l-istess theddida li jinqerdu ċerti lingwi u djaletti; b'differenza essenzjali però: l-istatus tal-lingwi uffiċjali nazzjonali tagħha f'din il-ġemgħa politika u ekonomika magħquda (jew għaqda li għadha trid isseħħ, skont il-viżjoni li wieħed ikollu tal-grad ta' integrazzjoni tal-UE).

2.6

Għalkemm l-UE qiegħda tiffaċċja l-istess tħassib dwar l-identità li tikkaratterizza kwalunkwe approċċ kulturali u lingwistiku, il-proċess tal-kostruzzjoni tagħha ħoloq ċerti vantaġġi. Nistgħu nsemmu, pereżempju, l-istrumenti għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, ċerti kriterji komuni ta' demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva, u għadd ta' mudelli soċjali msejsa fuq ċerta solidarjetà.

2.7

Madankollu l-isfidi demografiċi u l-interessi kulturali, meta dawn ikunu assoċjati, iwasslu għal mistoqsijiet importanti li wieħed jinħtieġlu jkollu l-kuraġġ li jagħmilhom: x'interess għandhom l-Ewropej sabiex il-lingwi proprji tagħhom jaqsmuhom ma' ħaddieħor, iħarsuhom, jagħtuhom il-ħajja u ma jħalluhomx imutu, f'kelma waħda li jitħaddtuhom bejniethom u mal-oħrajn?

3.   Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1

Il-Kummissjoni bdiet proċedura ta' konsultazzjoni pubblika fl-14 ta' Settembru 2007 li ntemmet fil-15 ta' April 2008 b'konferenza li matulha ppreżentat ir-riżultati tal-gruppi ta' ħidma li jidhru hawn taħt lil għadd kbir ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam kulturali jew pedagoġiku:

Il-grupp ta' intellettwali presedut mis-Sur Amin Malouf

Il-“Business Forum”, presedut mis-Sur Davignon

Ir-“Rapport Elan: L-Impatti tan-Nuqqas ta' Ħiliet Lingwistiċi tal-Intrapriżi fuq l-Ekonomija Ewropea”, taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Lingwi

Il-konsultazzjonijiet formali tal-Kumitati (KtR u KESE)

Il-konsultazzjoni tal-Istati Membri: Konferenza Ministerjali, Frar 2008

Ir-rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar il-multilingwiżmu

Il-kontribuzzjonijiet dwar il-konsultazzjoni li waslu onlajn.

3.2

Matul id-diskussjonijiet, tqajmu diversi sfidi:

Sfidi ekonomiċi

Sfidi politiċi (il-multilingwiżmu u l-integrazzjoni reġjonali)

Sfidi fil-qasam kulturali (il-multilingwiżmu u l-interkulturaliżmu)

Il-komunikazzjoni personali u kollettiva tista' twassal sabiex wieħed iqis li l-lingwa hija strument ta' komunikazzjoni bħall-oħrajn. X'futur hemm għal-litteratura?

Il-multilingwiżmu u l-plurilingwiżmu: xi wħud jistaqsu huwiex meħtieġ li jkun hemm ħiliet personali plurilingwi f'ambjent lingwistiku li qed isir monolingwi.

Il-Kunsill tal-Ewropa enfasizza l-ħtieġa li jħares il-lingwi minoritarji u li jiffaċilita l-użu tagħhom jekk wieħed irid jissielet b'mod effettiv kontra n-nazzjonaliżmu: il-multilingwiżmu għas-servizz tad-diversità m'għandux jippreżenta riskji ta' esklużjoni.

Għadd kbir ta' parteċipanti esprimew sens ta' frustrazzjoni u inugwaljanza rigward il-lingwi, il-konfront tal-lingwi Ewropej bejniethom u fid-dinja, u nikkuntrastaw il-politiki kulturali nazzjonali.

Id-drittijiet kulturali u d-drittijiet soċjali: Ħafna jistaqsu x'mezzi disponibbli ser ikun hemm għal impenji bħal dawn? Issemma l-każ partikolari tar-Roma rigward l-integrazzjoni ġenerali tagħhom, b'mod partikolari l-possibilità li l-lingwa tagħhom tiġi mgħallma u mħarsa.

Fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol, id-dritt ta' kull ħaddiem li juża l-lingwa proprja tiegħu fuq il-post tax-xogħol mingħajr ma jkollu għalfejn jakkwista livell ta' għarfien li jkun sproporzjonat għall-ħtiġijiet tal-impjieg ikkonċernat, kif ukoll kwistjonijiet ta' sigurtà marbutin ma' ambjent multilingwi li huwa mmaniġġjat ħażin jew mhux biżżejjed.

3.3   L-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika, li kienu ppreżentati matul din is-seduta

3.3.1

Diversifikazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi fi ħdan l-UE (“l-Ingliż mhux biżżejjed”).

Jidher biċ-ċar li l-għan tal-Kummissarju għall-Multilingwiżmu Leonard Orban, matul id-diskors tiegħu waqt din is-seduta u f'diversi okkażjonijiet oħra, huwa li jbiddel it-tendenza ta' “Ingliż biss”.

3.3.2

Fil-qasam soċjali:

jiġi enfasizzat ir-rwol tal-lingwi fil-koeżjoni soċjali.

tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti, jitħeġġeġ it-taħriġ fil-lingwa tal-pajjiżi ospitanti, jiġi promoss l-użu u l-ħarsien tal-lingwa materna u l-passaġġ tagħha għad-dixxendenti, u jiġu kkunsidrati l-lingwi tal-migranti bħala riżorsa li tipprovdi ġid kbir.

3.3.3

Fil-qasam ekonomiku:

jiġu żviluppati l-ħiliet lingwistiċi għall-iskop tal-impjieg tal-ħaddiema u tal-kompetittività tal-intrapriżi.

jiġu integrati fil-politiki Ewropej kollha l-aspetti li jinvolvu l-multilingwiżmu, u l-ewwel ħaġa għandu jsir stħarriġ (rapport dwar is-sitwazzjoni attwali).

3.3.4

L-aspett tal-multilingwiżmu rigward il-politika esterna tal-UE:

Il-Kummissjoni tikkonferma “l-objettiv ta' Barċellona”, jiġifieri: lingwa materna waħda + 2 lingwi ħajjin għal kull ċittadin, li b'danakollu nbidel f'lingwa materna waħda + lingwa internazzjonali + lingwa msejħa “tal-qalb” jew inkella “adottiva” (kunċett ispirat mir-rapport tal-grupp ippresedut mis-Sur Amin Maalouf).

3.3.5

Il-mezzi u l-metodi:

Il-Kummissjoni tixtieq tippromovi t-tagħlim informali “business literacy system”, li jaċċellera l-komprensjoni u l-aċċess faċli, iżda ma tantx tat dettalji dwar din il-kwistjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jagħti ċ-ċans liċ-ċittadini Ewropej li jkunu esposti għal elementi lingwistiċi barranin, pereżempju fuq ix-xarabank jew f'postijiet pubbliċi oħra, u li t-tagħlim isir permezz tal-“familjarizzazzjoni”.

3.3.6

Rigward il-futur:

Il-Kummissjoni tixtieq li tkun tista' tuża kooperazzjoni strutturali f'qafas strateġiku ta' perijodu ta' żmien medju bejn l-Istati Membri, u tipprovdi valur miżjud Ewropew sabiex tiżviluppa din il-politika.

3.4   Ir-Rapport ELAN (2):

Ir-Rapport ELAN jiżviluppa l-idea tal-benefiċċji li l-intrapriżi jgawdu jekk ikollhom forza tax-xogħol kwalifikata li tkun multilingwi. Madankollu, ma jistabbilixxix xi tipoloġija ta' ħtiġijiet relatati mal-impjiegi u l-postijiet tax-xogħol, jew mas-settur ekonomiku. Il-Kummissjoni jkun jaqblilha li tikseb mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, li tinsab Dublin, (jew minn entità Ewropea oħra) stima ta' tipoloġija aktar preċiża tal-bżonnijiet professjonali kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-ħaddiema.

3.4.1

Ir-Rapport tal-Grupp tal-Forum tal-Intrapriżi, ippresedut mis-Sur Davignon (3):

Dan ir-rapport, li ġie ppubblikat lejn l-aħħar ta' Ġunju 2008, juri għaliex, mill-perspettiva tal-Forum tan-Negozju, huwa importanti li jsir investiment fil-kompetenzi lingwistiċi. Huwa jixħet dawl fuq dak li twettaq diġà għall-promozzjoni tal-lingwi fil-qasam tan-negozju u jagħti għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-intrapriżi sabiex itejbu l-prestazzjoni tagħhom fil-qasam tal-komunikazzjoni kummerċjali “multilingwi”: skont ir-rapport, l-intrapriżi għandhom janalizzaw is-sitwazzjoni rigward il-kompetenzi lingwistiċi eżistenti fi ħdanhom; jikkunsidraw mill-ġdid il-politiki ta' reklutaġġ u l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom f'termini ta' riżorsi umani; jinvestu fit-taħriġ lingwistiku; jimpjegaw kelliema nattivi ta' lingwi differenti; jużaw it-teknoloġija fil-qasam lingwistiku u jaħdmu mat-tradutturi u l-interpreti, u ma' professjonisti fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-medjazzjoni; itejbu l-mobilità internazzjonali tal-persunal tagħhom. Barra minn hekk, ir-rapport jagħti għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Ewropa, lill-istituzzjonijiet tagħha u lill-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Jiżvolġi wkoll għadd ta' argumenti favur il-multilingwiżmu.

3.5   Ir-rapport tal-grupp tas-Sur Amin Maalouf (4):

Il-Kumitat japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tikkonsulta grupp ta' intellettwalisti ta' fama, li r-rapport tiegħu ġie deskrittt minn rappreżentant tal-grupp matul is-seduta tal-15 ta' April, bħala “x'aktarx l-aħjar rapport miktub u l-aktar wieħed sempliċi għall-qari mir-rapporti kollha tal-Kummissjoni s'issa” — u sa ċertu punt dan huwa veru — u li jipproponi li l-Ewropej jixtarru l-idea li jitgħallmu lingwa internazzjonali u lingwa “tal-qalb” jew “adottiva”, fi kliem ieħor, minħabba interess personali, mhux skopijiet ekonomiċi. Minkejja li dan is-suġġeriment għandu xejra ġeneruża u jirrikonoxxi r-rwol ta' xprun tal-kultura u komunuikazzjoni li jaqdu l-lingwi, xorta waħda jagħti x'jifhem li ċ-ċittadini kollha jħaddnu l-istess interess u ħin li jitgħallmu dawn il-lingwi, li verament mhux il-każ, għal raġunijiet kulturali, iżda wkoll għaliex il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej m'għandhiex il-mezzi ekonomiċi li tippermettilha li jkollha l-prattiki kulturali “meħtieġa”, bħalma ġew definiti mill-Professur Pierre Bourdieu.

Huwa veru li wieħed jista' jgħid pereżempju li għadd dejjem akbar ta' Ewropej, jew ta' żgħażagħ Ewropej, għandhom l-interess li jipprattikaw lingwi ħajjin barranin kemm Ewropej kif ukoll mhux Ewropej, iżda għadd dejjem akbar ta' Ewropej qegħdin iħossu wkoll id-diffikultajiet sabiex jgħixu huma u sabiex irabbu t-tfal tagħhom, u li — anke jekk wieħed ma jippuntax subgħajh lejn il-ġlieda tal-klassijiet biss — jibqa' l-fatt li s-soċjetà Ewropea hija maqsuma u li għandhom jintużaw il-Fondi ta' Koeżjoni, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-objettivi ta' Liżbona.

Il-kontribut potenzjali tal-programmi Grundtvig u dawk ta' taħriġ għall-adulti, kif ukoll it-taħriġ tul il-ħajja, għandhom jiġu kkwantifikati u evalwati malli ssir konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, qabel ma jiġu ppreżentati lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Parlament. Dan jippermetti li l-kompetenza tal-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-edukazzjoni tiġi kkomplementata b'valur Ewropew miżjud.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jinnota li dan ma jsolvix il-kwistjoni tal-għażla tal-Ingliż bħala l-ewwel lingwa ħajja, sakemm ma titħalliex totalment f'idejn l-Istati Membri u l-ġenituri, u sakemm il-Kummissjoni ma tqajjimx il-kwistjoni f'diskussjoni xierqa. Ċertament, “l-Ingliż mhux biżżejjed”, iżda din tibqa' l-lingwa aċċettata mill-UE għall-iskambji internazzjonali. Il-proposta hija biss l-ewwel pass, mhijiex soluzzjoni. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew għal dan il-punt.

3.6   Abbozz ta' opinjoni tal-KtR (5):

L-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tqis li l-kwistjoni lingwistika hija tal-akbar importanza għall-komunitajiet territorjali, peress li din tiddetermina mhux biss il-kwistjonijiet dwar l-impjiegi, iżda wkoll dawk dwar il-ħajja flimkien fost l-Ewropej u fost dawk li mhumiex Ewropej fil-livelli kollha tas-soċjetà u fis-setturi kollha ta' ħidma, mis-saħħa (“nuqqas ta' forza tax-xogħol”) sat-turiżmu, mingħajr ma ninsew is-servizzi personali, it-tagħlim f'ambjent kemm tal-kindergarten kif ukoll dak skolastiku, jew l-integrazzjoni tal-migranti. Barra dan, din hija kwistjoni kruċjali f'ħajjet għadd dejjem akbar ta' reġjuni. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda wkoll, ġustament, li jintużaw il-Fondi ta' Koeżjoni u li jkun ikkonsultat mill-bidu dwar deċiżjonijiet strateġiċi.

3.7   Rapport ta' Informazzjoni “Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni: Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan t'Azzjoni 'Nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika'” (6):

Il-Kumitat jibża' li l-fatt li tiġi miċħuda n-neċessità li jiġu allokati mezzi Ewropej iwassal għal inerzja, jiġifieri għal sensiela ta' dispożizzjonijiet li ma jirriflettux iż-żieda fil-bżonnijiet, u li r-riżultat ikun qarrieq f'terminu ta' żmien medju u twil. Il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri sabiex jixtarru din il-kwistjoni: it-televiżjoni mhuwiex biżżejjed u t-taħriġ mhux formali għandu jkun jista' jitkejjel. Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi li l-metodu ta' koordinazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni għandu jsarraf f'pass 'il quddiem mil-lat amministrattiv iżda mhux neċessarjament iqarrbu lejn iċ-ċittadin.

4.   Konklużjonijiet

4.1

Il-Kumitat iqis li l-argumenti tal-Kummissjoni, minkejja li indubbjament tressqu b'intenzjoni tajba, għandhom pjuttost xeħta ta' “kantaliena” u l-Kummissjoni mhi qed tissuġġerixxi l-ebda azzjoni sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, ħlief li qed titlob lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom.

4.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jissoktaw f'dan l-approċċ li jikkunsidra d-diversifikazzjoni f'lingwi oħra ta' komunikazzjoni internazzjonali li mhumiex l-Ingliż.

4.3

L-Istati Membri għandhom ikomplu jippromovu r-rabtiet ta' parentela u ta' viċinanza lingwistika u ġeografika fl-offerta tal-lingwi Ewropej li jipproponu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni (ta' qabel l-età tal-iskola, primarja, sekondarja, terzjarja u tul il-ħajja), u jħabirku sabiex jippreservaw id-diversità tagħha.

4.4

It-tagħlim għall-adulti, hekk kif ikkunsidratu l-Kummissjoni (7), għandu jikkunsidra l-ħtieġa li l-ewwel u qabel kollox jinkludi aktar liċ-ċittadini fis-sens li huwa mistenni minnhom li jkunu jafu l-lingwa nattiva tagħhom u żewġ lingwi ħajjin oħra, billi ġiet emendata l-offerta u billi tqajmu l-interess u l-motivazzjoni permezz ta' miżuri konkreti ta' viċinanza, bl-assoċjazzjoni tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li diġà qegħdin jaħdmu f'dan il-qasam, il-professjonisti tas-settur pubbliku u privat, billi ġie ffaċilitat id-djalogu soċjali u ċivili, billi ġie żgurat li l-inizjattivi l-ġodda ma joħolqux inġustizzji diskriminatorji fost iċ-ċittadini li jkollhom ftit aċċess għall-iskambju interkulturali.

4.5

Id-demokratizzazzjoni u t-taħriġ informali kif promossi mill-Kummissjoni għandhom ikunu s-suġġett ta' stimi eżatti fil-qafas tas-sistema Ewropea ta' ċertifikazzjonijiet, bl-iskop li:

jitkejjel l-impatt tal-azzjonijiet li jkunu nbdew mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-atturi l-oħra involuti kemm statali u kemm mhux statali;

ikun jista' jsir it-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għaċ-ċittadini u għall-ħaddiema dipendenti, u dan irrispettivament mill-istatus tagħhom.

4.6

Jiġu assoċjati b'mod konkret il-komunitajiet lokali u territorjali meta toħroġ l-offerta ta' tagħlim li jmiss, fil-kuntest tal-miri stabbiliti mill-Kummissjoni.

4.7

Peress li l-intrapriżi u l-ħaddiema dipendenti jitqiesu b'mod speċjali mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-ħtiġiet ekonomiċi tal-intrapriżi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu lill-imsieħba soċjali sabiex jinkludu din il-kwistjoni fid-djalogu soċjali sabiex jeżaminaw flimkien l-isfidi u jsibu l-aħjar soluzzjonijiet u prattiki xierqa.

4.8

L-immersjoni f'ambjent ħaj, meħtieġa għall-prattika ta' lingwa u marbuta ma' taħriġ konsolidat, għandha tkun permessa u mħeġġa fil-livelli kollha għall-pubbliku kollu, iżda x'aktarx li, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet tas-setturi tal-popolazzjoni li jkunu anqas esposti għall-iskambji transnazzjonali jkunu aktar intensi, jiġifieri tal-popolazzjonijiet l-anqas mobbli, u għandhom jinstabu mezzi konkreti u materjali. Ħadd m'għandu jkun obbligat li jsiefer, iżda ċerti nies għandhom anqas mezzi minn oħrajn. L-Ingliż mhux biżżejjed, u lanqas it-televiżjoni.

4.9

Rigward il-lingwi tal-migranti, l-enfasi għandha ssir fuq ir-riżorsi li l-istess lingwi jikkostitwixxu. Jeżistu diversi fehmiet dwar dan. Uħud jaħsbu li l-migranti għandhom l-obbligu li jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti sabiex jintegraw ruħhom, saħansitra sabiex jidħlu fit-territorju tal-UE, filwaqt li oħrajn jaħsbu li l-migranti għandhom id-dritt li jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti biex ikunu jistgħu jaħdmu, jgħixu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu inkarigati mill-organizzazzjoni ta' dan it-taħriġ. Hu x'inhu hemm baħar jaqsam bejn it-teorija u l-fatti. L-esperjenza turi li ma ġewx imħeġġa l-prattiki t-tajba kollha, u li għall-kuntrarju, ħafna assoċjazzjonijiet raw jispiċċaw fix-xejn is-sussidji li kienu jirċievu. Illum l-isfida pedagoġika li tittieħed hija immensa, għax wieħed ma jitgħallimx bl-istess mod fl-etajiet kollha. F'dan ir-rigward il-Kumitat jirrakkomanda r-riċerki fil-qasam tal-iskambju interkulturali li fuqu hemm imsejjes it-taħriġ lingwistiku kollu  (8). Il-Kumitat jinsisti dwar in-neċessità li jikkonsulta u jgħaqqad il-professjonisti kollha tat-tagħlim u tal-pedagoġija, mill-kindergarten sat-tagħlim tul il-ħajja inkluż it-taħriġ għall-adulti. Iż-żewġ partijiet l-aktar involuti huma dawk li jitgħallmu u dawk li jgħallmu wkoll għaċ-ċertifikazzjoni futura tal-ħiliet imsejħa informali. (9)

4.10

Il-lingwi mitkellma fl-Ewropa jinkludu l-lingwi reġjonali u nazzjonali kif ukoll il-lingwi li jitkellmu l-migranti. Hija firxa konsiderevoli, u l-ġestjoni tad-diversità kulturali fl-Ewropa titkejjel meta jitqiesu ż-żewġ sfidi: il-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea u t-tolleranza u r-rispett lejn il-migranti. Il-koeżjoni soċjali u territorjali tal-UE m'għadhiex biss ekonomika jew politika; fil-ġejjieni, u saħansitra fi żminijietna, ma tistax tinfired mid-dimensjoni kulturali tagħha.

4.11

Anki l-lingwi tal-migranti, l-istess bħal-lingwi li huma nattivi għall-Ewropej, għandhom jgħaddu għand id-dixxendenti, u peress li ebda lingwa ma tibqa' ħajja jekk ma tkunx mitkellma, il-migranti għandhom jitqiesu bħala riżorsi għat-trasmissjoni jew għat-tagħlim tal-lingwa materna tagħhom għall-membri tal-pubbliku li jixtiequ jiddiversifikaw il-komunikazzjoni tagħhom.

4.12

Dan ifisser li llum il-ġurnata s-soċjetà ċivili Ewropea għandha aspirazzjonijiet oħra u li mhuwiex biżżejjed li ngħolluha bit-tifħir għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-fatt li hija plurilingwi f'ambjent multilingwi, iżda tixtieq li jiġu rikonoxxuti l-inizjattivi tagħha fi ħdan l-assoċjazzjonijiet, li jiġu rikonoxxuti l-bżonnijiet tagħha u fil-każijiet kollha tixtieq ukoll il-mezzi, kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati, sabiex tikseb dan.

4.13

Bl-istess mod, dan jimplika li l-imsieħba soċjali jaċċettaw li jħarsu 'l bogħod u li flimkien jiddefinixxu l-kwalifiki meħtieġa, li jistabbilixxu t-tagħlim tal-bidu u ta' tul il-ħajja u li jikkunsidraw l-investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, filwaqt li jħabirku sabiex itejbu l-kompetittività tal-intrapriżi.

4.14

Jekk it-taħriġ fil-lingwi jkun meqjus ukoll bħala ħtieġa għall-kompetittività u għall-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona, minn dak il-mument 'il quddiem ir-rakkomandazzjoni ta' hawn fuq titwettaq totalment.

4.15

L-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipulaw il-promozzjoni tad-diversità lingwistika u jipprojbixxu diskriminazzjoni kkawżata mil-lingwi. Għalhekk, jinħtieġ li l-Kummissjoni teżamina liema huma dawk l-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni, u f'każ ta' bżonn, tirreferihom lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, u teżamina jekk il-fatt li l-Istati Membri jkollhom skemi ta' applikazzjoni differenti joħloqx distorsjonijiet jew inġustizzji fit-trattamenti fost l-Ewropej, b'mod partikolari dwar il-mobilità, ir-reklutaġġ, eċċ. Għal dan l-iskop, pereżempju, wieħed għandu jiddistingwi żewġ livelli ta' rilevanza: min-naħa l-waħda l-livell meħtieġ ta' għarfien lingwistiku għat-twettiq ta' xogħlijiet marbuta mal-impjieg li wieħed jokkupa (kuntatt ma' membri tal-pubbliku jew ma' klijenti barranin), u min-naħa l-oħra l-għoti ta' istruzzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tax-xogħlijiet fil-lingwa ta' dak li jkun sejjer iwettaqhom.

4.16

Dwar din l-implimentazzjoni b'mod partikolari, il-Kumitat ser janalizza bir-reqqa l-proposta tal-Kummissjoni rigward l-istrateġija li ser tippreżenta f'Settembru 2008, u l-iżviluppi li saru vis-à-vis l-istrateġija preċedenti tagħha.

4.17

Rigward id-drittijiet kulturali taċ-ċittadini Ewropej, tar-residenti mhux Ewropej u tal-kooperazzjoni esterna tal-UE, il-Kummissjoni x'aktarx għandha tibbaża ruħha fuq il-Konvenzjoni tal-UNESCO rigward id-diversità, filwaqt li tipproponi linji gwida li jidentifikaw il-konsegwenzi tar-ratifika tagħha mill-Istati Membri għall-Ewropa, permezz ta' ħidma mal-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li huma diġà attivi fil-qasam kulturali.

4.18

Il-mobilità tiġi promossa mill-imsieħba soċjali u hija mistennija minn ċertu numru ta' sidien, ħaddiema u awtoritajiet pubbliċi, fosthom il-Kummissjoni, bħala kura universali kontra l-qgħad u n-nuqqas ta' forza tax-xogħol. L-ostaklu lingwistiku ma jiġbidx l-attenzjoni li tixraqlu. Nistgħu nsemmu pereżempju, fil-kuntest tat-taħriġ tul il-ħajja, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawk il-persuni kollha li jkunu qed jagħmlu taħriġ professjonali u fl-istess ħin ikunu jridu jilħqu l-objettivi stabbiliti fil-qasam lingwistiku, jew pereżempju l-impossibilità li l-ġenituri jirreġistraw lit-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-għażla tagħhom, meta l-ħajja professjonali tagħhom tagħmilha impossibbli li jkollhom residenza fissa, pereżempju r-Roma f'ħafna pajjiżi tal-Ewropa u ċerti gruppi ta' Taljani fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni m'għandhiex tħalli biss f'idejn l-Istati Membri, iżda għandha titlob għall-informazzjoni b'rabta ma' kwistjoniet ta' diskriminazzjoni fuq bażi lingwistika fl-iskejjel, fost tfal ta' nazzjonalitajiet Ewropej differenti.

4.19

Jeħtieġ ukoll insemmu d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar “l-impjieg ta' ħaddiema”, kif ukoll l-imsieħba soċjali, għal raġunijiet ta' komprensjoni fuq il-post tax-xogħol, li l-Kummissjoni ma ttraskuratx, iżda li jridu jiġu diskussi kif jixraq mal-partijiet ikkonċernati (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali, nazzjonali, is-servizzi tal-impjiegi, eċċ.) kif huwa spjegat aktar 'il fuq (10).

4.20

Fl-aħħar nett jinħtieġ li wieħed jaħseb dwar il-mezzi tal-iskema lingwistika tal-istituzzjonijiet Komunitarji lil hinn mill-komunikazzjoni istituzzjonali uffiċjali: il-Kumitat josserva li l-kwistjoni għadha diffiċli peress li għadd kbir ta' dokumenti pubbliċi mhumiex tradotti, ħaġa li għal darba oħra tqajjem il-kwistjoni tar-riżorsi. Ta' min isemmi, b'mod partikolari, il-homepages tas-siti elettroniċi tal-istituzzjonijiet Komunitarji, b'mod partikolari dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew tal-Presidenza tal-UE.

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal-KESE tas-26.10.2006 dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ta' qafas ġdida għall-multilingwiżmu”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 324, 30.12.2006).

(2)  Ara r-rapport ELAN “L-impatt tan-nuqqas tal-kompetenzi lingwistiċi tal-intrapriżi fuq l-ekonomija Ewropea” hawnhekk:

http://ec.europa.eu/education/policies/lang/doc/elan_en.pdf (Dan ir-rapport mhuwiex disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara r-Rapport tal-Forum tan-Negozju għall-Multilingwiżmu hawnhekk:

http://ec.europa.eu/education/languages/news/news1669_en.htm (Attwalment, dan ir-rapport mhuwiex disponibbli bil-Malti).

(4)  Ara r-Rapport tal-Grupp tal-Intellettwalisti għad-Djalogu Interkulturali, ippresedut mis-Sur Amin Maalouf: “Sfida li tagħti sodisfazzjon — Kif il-multipliċità tal-lingwi tista' ssaħħaħ l-Ewropa” hawnhekk:

http://ec.europa.eu/education/languages/pdf/doc1646_en.pdf (Dan ir-rapport mhuwiex disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-multilingwiżmu, rapporteur: is-Sur Roberto Pella (CdR 6/2008).

(6)  Ara COM(2007) 554 finali/2, 15.11.2007.

(7)  Ara COM(2006) 614 finali u COM(2007) 558 finali.

(8)  Ara www.newcomersinturkey.com — is-Sur Noureddine Erradi ħadem għal snin twal għaċ-ċentri ta' taħriġ għall-migranti fl-Olanda u żviluppa strumenti pedagoġiċi għall-użu tal-edukaturi u tal-kunsilliera politiċi fl-aġenziji tal-komunitajiet territorjali.

(9)  L-opinjoni tal-KESE tat-18.09.2008 dwar “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (CESE 1066/2008).

(10)  L-opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar “L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta' l-għoti ta' servizzi — jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 224, 30.8.2008).