31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-White Paper — Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

COM(2007) 630 finali

(2009/C 77/23)

Nhar it-23 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

White Paper — Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Cser.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'114-il vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli l-White Paper Flimkien għas-Saħħa. Fil-fatt, il-Kumitat ukoll jenfasizza r-rabta bejn is-saħħa minn naħa u l-prosperità ekonomika u l-kompetittività min-naħa l-oħra, u jagħraf id-dritt taċ-ċittadini li jieħdu d-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom fil-qasam tas-saħħa fiżika u mentali u l-kura ta' kwalità tajba.

1.2

Il-KESE jaqbel mal-Kunsill tal-Ewropa li jagħraf il-valuri fundamentali u komuni Ewropej fil-qasam tas-saħħa bħall-universalità, l-aċċess għall-kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà (1). Huwa qiegħed jistenna tibdil fis-settur tas-saħħa pubblika msejjes fuq dawn il-prinċipji fundamentali kif ukoll fuq approċċ ibbażat fuq il-prinċipju tas-“saħħa fil-politiki kollha”. Għalhekk il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġu armonizzati l-politika kummerċjali, il-politika ekonomika u dik tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u li dawn jaqdu l-objettiv politiku tal-UE fir-rigward tal-garanzija ta' livell għoli ta' saħħa pubblika sabiex tissaħħaħ, tiġi segwita u tittejjeb is-saħħa tal-bniedem.

1.3

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni u jappoġġja l-fehma tagħha li ma tistax tissawwar ċittadinanza attiva Ewropea jekk ma jkunx hemm għarfien, garanzija u enfasi fuq id-drittijiet fundamentali — fosthom id-drittijiet tal-morda — u mingħajr informazzjoni adegwata. Fl-assenza ta' dawn l-elementi, ma tista' tissawwar l-ebda politika Ewropea tas-saħħa.

1.4

Il-Kumitat jaqbel mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni, b'mod partikulari fil-qafas tal-ġlieda kontra l-mard u t-theddid transkonfinali li għandhom impatt gravi fuq is-saħħa — u l-miżuri li jikkonċernaw il-monitoraġġ tal-katastrofijiet, it-twissija tagħhom, il-ġlieda kontra l-vizzju tat-tipjip u l-abbuż tal-alkoħol u l-ħarsien tas-saħħa pubblika.

1.5

Kontribut kontinwu u kkoordinat minn aġenziji speċifiċi tal-UE (2) jista' jaqdi rwol importanti sabiex l-istrateġija tiġi aċċettata u implimentata.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif fil-livell Komunitarju ta' sistema tal-ġbir tad-data iktar speċifika kif ukoll evalwazzjoni konġunta ta' din id-data, bil-għan li l-istrateġija jkollha probabbiltà ikbar li tirnexxi. Minbarra indikaturi reali u kumparabbli, hemm bżonn li jsir sforz sabiex jiġu aġġornati l-bażijiet tad-data u jiġu żviluppati metodi biex tiġi kkontrollata l-preċiżjoni tad-data miġbura. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn ta' protezzjoni partikularment rigoruża tad-data ta' natura personali.

1.6.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-pazjenti li jeħtieġu kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-dritt tagħhom għal kura ta' kwalità. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-provvista ħielsa tas-servizzi ma twassalx għad-dumping soċjali f'dan il-qasam, billi dan ikun ta' ħsara għall-persunal tal-kura, għal-livell ta' professjonaliżmu tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar għall-pazjenti.

1.7

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni favur it-tneħħija tal-inugwaljanzi kbar li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Fl-istess ħin jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li l-appoġġ tad-dritt tal-pazjenti għall-mobilità u t-titjib tal-mobilità tal-ħaddiema tas-saħħa m'għandhom bl-ebda mod jikkontribwixxu biex dawn l-inugwaljanzi jiżdiedu.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ u tippromovi l-prevenzjoni u jilqa' l-promozzjoni tal-Kummissjoni ta' programmi li jiffavorixxu l-għarfien f'termini ta' saħħa għal diversi kategoriji ta' età. Il-programmi tar-radju jew tat-televiżjoni pubblika għandu jkollhom rwol imporanti x'jaqdu; dawn għandhom ikunu indirizzati lill-fqar, li jikkostitwixxu parti kbira tal-popolazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikulari t-tfal u ż-żgħażagħ li m'għandhom l-ebda opportunità oħra biex jiksbu informazzjoni u għarfien oġġettivi u importanti.

1.9

Il-KESE jipproponi t-tnedija ta' kampanja fuq perijodu fit-tul dwar is-suġġett “Iċ-ċittadin Ewropew b'saħħtu” li għandha ssir flimkien mal-istrateġija ta' ħames snin sakemm din tasal fi tmiemha. Dan għandu jippermetti li l-evalwazzjoni tkompli u li, fejn hemm bżonn, tiġi adattata bis-saħħa ta' programm annwali u sistema ta' feedback. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni testendi t-tul kemm ta' din l-istrateġija kif ukoll tal-programm jew tal-kampanja għal għaxar snin sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp ta' mġiba li tagħti importanza ikbar lis-saħħa.

1.10

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-partijiet ikkonċernati jiġu involuti kemm jista' jkun fl-isforzi mmirati lejn il-promozzjoni tal-istrateġija u ta' dibattitu dwarha kif ukoll lejn l-implimentazzjoni tagħha. Fil-fatt, huwa permezz tat-trasparenza u l-kooperazzjoni li l-istrateġija ser tiġi aċċettata u li d-demokrazija parteċipattiva ser issir realtà.

1.11

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn ir-rwol importanti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni kkoordinata fil-politiki Komunitarji billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri u billi tissaħħaħ il-prevenzjoni u l-protezzjoni.

1.12

Il-Kumitat jipproponi li l-ispeċjalisti tad-diversi politiki u r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet professjonali u s-soċjetà ċivili joħolqu forums fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarju. Dawn il-forums ta' kooperazzjoni b'diversi livelli jistgħu jikkostitwixxu netwerk, jiffavorixxu l-iskambju ta' informazzjoni u l-preżentazzjoni tad-diversi interessi, jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-politiki nazzjonali u Komunitarji u jippromovu l-aċċettazzjoni tagħhom. L-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar kif għandhom iġibu ruħhom individwalment u kollettivament f'każ ta' kriżi tas-saħħa serja għandha tagħmel parti mill-forums ta' kooperazzjoni li jolqtu lill-pubbliku ġenerali, u għandha tippermetti ġestjoni effikaċi u fl-interess ta' kulħadd matul il-perijodi diffiċli.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ggarantit id-dibattitu tal-kwistjonijiet politiċi kif ukoll it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji permezz tal-ħolqien ta' forums simili fil-qasam tal-politika internazzjonali tal-UE, bil-kollaborazzjoni tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

1.14

Il-KESE jappoġġja l-innovazzjoni fl-iskemi tas-saħħa tal-Istati Membri u jilqa' l-iżvilupp li sar fil-qasam tas-saħħa online. Madankollu, sabiex il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-pazjenti jkunu ggarantiti, ikun xieraq li l-kwistjoni tkompli tiġi analizzata u li jiġu proposti soluzzjonijiet oħra.

1.15

Il-KESE huwa diżappuntat dwar il-fatt li strateġija li tikkonċerna lil kull ċittadin tal-Unjoni m'għandhiex baġit awtonomu. Biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija l-ġdida, huwa jirrakkomanda li jiġi eżaminat il-baġit tal-UE (3), li jiġu definiti l-proġetti li jikkonċernaw is-saħħa taċ-ċittadini u li jsiru evalwazzjoni u segwitu kif ukoll armonizzazzjoni tal-miżuri.Matul l-istrateġija kollha, minbarra l-finanzjament tal-proġetti eċċ., wieħed għandu jistabbilixxi wkoll, għal wara l-2013, il-finanzjament baġitarju tal-missjonijiet il-ġodda li jsiru ripetutament.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Servizzi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa ta' kwalità jiffurmaw parti mill-mudell soċjali Ewropew, u għandhom jinkludu valuri ferm importanti bħas-solidarjetà li għandhom jiġu żviluppati b'attenzjoni kbira (4).

2.2

Id-dritt tad-deċiżjoni fil-kura mentali u fiżika u l-aċċess għall-kura mentali u fiżika huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej u wieħed mill-pilastri ewlenin ta' ċittadinanza Ewropea attiva.

2.3

Huwa importanti li l-ħidma tagħna tiffoka fuq iċ-ċittadin Ewropew u li naħdmu flimkien biex nibnu kultura Komunitarja tas-saħħa u s-sigurtà.

2.4

Fl-Unjoni Ewropea huwa ferm importanti li wieħed jiġġieled kontra l-faqar u jiggarantixxi l-aċċess ta' kulħadd għas-saħħa ta' kwalità tajba, indikatur fundamentali tas-suċċess fil-qasam tas-saħħa iżda wkoll tal-promozzjoni tal-kompetittività (5).

3.   Kontenut tal-White Paper

3.1

Il-Kummissjoni Ewropea żammet żewġ konsultazzjonijiet dwar it-temi tas-saħħa. Is-seduta rrivelat appoġġ ġenerali għall-implimentazzjoni fl-Ewropa ta' strateġija ġdida għall-politika tas-saħħa kif ukoll ix-xewqa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tkompli tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa fi ħdan l-Unjoni.

3.2

Matul il-konsultazzjoni pubblika, ġew enfasizzati bosta kwistjonijiet essenzjali:

il-ġlieda kontra t-theddid għas-saħħa;

l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, inklużi dawk marbutin mas-sess;

l-importanza li ċ-ċittadini jiġu infurmati;

il-kwalità u s-sigurtà tas-servizzi tas-saħħa transkonfinali;

id-definizzjoni tal-fatturi ewlenin tas-saħħa marbutin mal-istil ta' ħajja, in-nutrizzjoni, l-eżerċizzju, il-konsum ta' alkoħol, it-tipjip u s-saħħa psikika;

il-bżonn li tiġi żviluppata sistema ta' informazzjoni Ewropea li tappoġġja l-istrateġija Ewropea għas-saħħa.

3.3

It-Trattat ta' Liżbona, li ġie ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, ser jikkompleta u jispeċifika l-Artikolu 152 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea billi jissostitwixxi l-kunċett ta' saħħa tal-bniedem b'dak ta' saħħa fiżika u mentali. Huwa jestendi l-kontenut tat-Trattat billi jinkludi l-monitoraġġ tat-theddid transkonfinali li jista' jkollu impatt gravi fuq is-saħħa, sistema ta' twissija f'każ ta' theddid kif ukoll miżuri għall-ġlieda kontrih.

3.4

Il-White Paper tisħaq fuq il-valuri komuni bħad-dritt għal aċċess għal kura ta' kwalità, l-ekwità u s-solidarjetà. Il-Kummissjoni fasslet strateġija komuni fuq il-bażi ta' erba' prinċipji fundamentali:

il-valuri komuni tas-saħħa;

is-saħħa bħala l-ikbar ġid;

il-bżonn li s-saħħa tkun fil-qalba ta' kull politika;

it-tisħiħ tar-rwol tal-UE fil-kwistjonijiet ta' saħħa fil-livell globali.

3.5

Fuq din il-bażi, hija fasslet tliet objettivi ewlenin għas-snin li ġejjin:

il-ħarsien tas-saħħa f'Unjoni Ewropea li qiegħda tixjieħ;

il-ħarsien taċ-ċittadini kontra t-theddid għal saħħithom;

l-appoġġ għal sistemi dinamiċi tas-saħħa u teknoloġiji ġodda.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet 18-il proposta ta' azzjoni għat-twettiq ta' dawn l-objettivi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jaqbel mal-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-White Paper. Għal din ir-raġuni, huwa jilqa' b'mod favorevoli l-prinċipju ta' “Saħħa fil-politiki kollha” (l-approċċ HIAP, Health in All Policies). Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija jeħtieġu kooperazzjoni ferm iktar stretta bejn il-Kummissjoni, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata, id-dinja akkademika u l-mezzi tax-xandir.

4.2

Il-Kumitat jagħraf it-tliet prinċipji ewlenin li qiegħda taffaċċja s-saħħa pubblika dinjija: il-ġlieda kontra “dinja mikrobijoloġika” li qiegħda tinbidel kontinwament, l-evoluzzjoni tad-drawwiet u tal-imġiba tal-bniedem, u l-ġlieda għal viżibilità mtejba u iktar fondi (6). Fl-istess ħin jidentifika l-isfidi li qiegħda taffaċċja l-UE u l-possibbiltajiet li għandha:

it-tixjiħ tal-popolazzjoni, li jirrappreżenta sfida rikorrenti kemm fil-qasam tad-dijanjosi kif ukoll f'dak tal-kura u tat-trattamenti;

it-theddid għas-saħħa bħall-pandemiji tal-mard li jittieħed u l-bijoterroriżmu, li huma sors ta' tħassib kostanti;

il-bidla fil-klima u l-perikoli moħbija tal-globalizzazzjoni;

fl-istess ħin, l-iżvilupp dinamiku tat-teknoloġiji l-ġodda u dak daqstant dinamiku tal-mezzi ta' promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni u tat-trattament tal-mard.

4.3

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-partijiet ikkonċernati (l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-morda jew li jaħdmu għall-ħarsien tal-konsumaturi) jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv u determinanti kemm fl-identifikazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi kif ukoll fl-iżvilupp ta' mġiba li tagħti attenzjoni kbira lis-saħħa.

4.4

Il-Kumitat huwa diżappuntat li l-imsieħba soċjali, l-atturi tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-pazjenti ma ġewx involuti. Jissuġġerixxi li jkun hemm kollaborazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi — fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew — fil-qafas tas-sħubija soċjali, u jemmen li l-użu effikaċi tal-mezzi finanzjarji huwa kundizzjoni assolutament indispensabbli għat-twettiq ta' strateġija favur is-saħħa u s-suċċess ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

5.   Is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej

5.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Aġenda taċ-Ċittadini, id-drittijiet ċivili u dawk tal-pazjenti għandhom jirrappreżentaw il-bażi tal-politika Ewropea tas-saħħa. Għall-ġid tas-saħħa ta' kull ċittadin, ikun xieraq li tiġi żviluppata b'mod attiv is-solidarjetà, li hija l-mutur tal-mudell soċjali Ewropew (7).

5.2

Il-Kumitat jappoġġja ċ-ċittadinanza Ewropea attiva fil-qasam tas-saħħa, li hija ħaġa li ma tistax isseħħ jekk din il-kwistjoni ma tingħatax l-importanza li jistħoqqilha. Madankollu, minkejja l-isforzi li saru s'issa mill-UE u l-Istati Membri tagħha, għad hemm diskrepanzi kbar fir-rigward tal-istat ta' saħħa taċ-ċittadini (8), l-aċċess tagħhom għal stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikulari (9) fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fir-rigward ta' gruppi żvantaġġati jew vulnerabbli. Il-KESE jitlob li wara li tkun identifikat il-problemi partikulari ta' dawn il-gruppi, il-Kummissjoni tfassal soluzzjonijiet speċifiċi u sistemi ta' għajnuna, filwaqt li tiffavorixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' programmi speċifiċi għall-evalwazzjoni u t-tħaris tas-saħħa tal-anzjani tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi u tippermetti li jiġu kkunsidrati t-tendenzi demografiċi.

5.3

Fir-rigward tad-diskrepanzi fl-Istati Membri u bejniethom, il-Kumitat jappoġġja l-objettiv komuni li jistipula li l-politiki tas-saħħa għandhom jikkontribwixxu għall-istrateġiji mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-ġlieda kontrih. Anke jekk l-ispejjeż tas-saħħa qegħdin jiżdiedu kontinwament, din iż-żieda m'għandha bl-ebda mod twassal għal tnaqqis fir-riżorsi tal-individwi u tal-familji jew saħansitra għall-faqar, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Fir-rigward tal-użu tas-servizzi tas-saħħa, għandna niggarantixxu mhux biss li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs iżda wkoll li jkun hemm aċċessibilità finanzjarja ugwali fil-livell lokali u provvista ta' firxa adegwata ta' servizzi tas-saħħa pubblika u soċjali. Huwa importanti li nevitaw li nkabbru l-firda li diġà teżisti fis-soċjetà tagħna bejn l-għonja u l-foqra.

5.4

Il-KESE jemmen li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu f'pożizzjoni li jiedħu d-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward tas-saħħa mentali u fiżika tagħhom u li jibbenefikaw minn drittijiet ugwali fil-qasam tal-kura tas-saħħa fiżika u mentali. Din l-ugwaljanza tista' biss tinkiseb jekk il-gruppi żvantaġġati, bħall-persuni emarġinati jew li ilhom jgħixu fil-faqar jew il-persuni esklużi għal raġunijiet reliġjużi, jingħataw attenzjoni partikulari. Sabiex tittejjeb is-saħħa pubblika, jeħtieġ li tingħata attenzjoni ikbar lis-saħħa mentali, b'mod partikulari fi ħdan il-gruppi żvantaġġati (10).

5.5

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkomplu jippromovu d-djalogu interkulturali sabiex jiġu appoġġjati l-attivitajiet tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, b'mod speċjali fir-rigward tal-offerta u l-użu tas-servizzi tas-saħħa. Ir-rikonoxxenza u l-appoġġ tad-diversità kulturali u l-multilingwiżmu għandhom jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli biex is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tas-saħħa tiġi leġittimizzata u ankrata fis-soċjetà, jew saħansitra biex titħeġġeġ l-assistenza reċiproka (11) u r-rikors, fil-ħin, għas-servizzi tas-saħħa, il-prevenzjoni u l-kura.

5.6

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal proposti mmirati lejn l-iżvilupp ta' mġiba li tagħti attenzjoni kbira lis-saħħa bil-għan li tintegra din l-ambizzjoni fil-politiki kollha tal-UE. L-objettiv huwa li tiġi pprovduta informazzjoni indipendenti dwar is-saħħa mentali u fiżika li tkun aċċessibbli wkoll għaċ-ċittadini li m'għandhomx aċċess għall-Internet u għall-persuni żvantaġġjati, li sfortunatament qegħdin jiżdiedu. Eżempju ta' kif dan jista' jsir huwa permezz ta' kollaborazzjoni mal-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni non kummerċjali sabiex jiġu stabbiliti katini ta' informazzjoni dwar is-saħħa pubblika u d-data marbuta mas-saħħa (b'mod partikulari l-prevenzjoni), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-informazzjoni essenzjali sabiex wieħed isib, mingħajr telf ta' żmien, l-istituzzjonijiet responsabbli għas-segwitu u l-kura. Dan jista' jsir ukoll permezz ta' għodod ta' komunikazzjoni bħall-Internet li jkunu aċċessibbli għall-pazjenti u l-ħaddiema tas-saħħa.

5.7

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-kampanja kontra t-tipjip, id-definizzjoni tal-istandards komuni fil-qasam tat-tikkettar tal-ikel, ir-riċerka farmaċewtika u l-iżvilupp u t-tixrid tas-servizzi tas-saħħa online jirrappreżentaw valur miżjud. L-iskambju tal-aħjar prattika u l-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet jistgħu jaqdu rwol importanti f'bosta oqsma f'termini tal-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi finanzjarji limitati.

5.8

Il-KESE jemmen li l-politika ta' appoġġ lill-familji, kif ukoll il-provvista ta' taħriġ u għajnuna adegwati huma importanti ħafna sabiex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tas-saħħa. Din is-sensibilizzazjzjoni għandha tibda mit-tqala tal-ommijiet futuri (12). Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza Ewropea, titnieda kampanja fuq perijodu fit-tul dwar “Iċ-ċittadin Ewropew b'saħħtu”.

5.9

Filwaqt li jappoġġja l-moviment ħieles tal-ħaddiema u jirrikonoxxi d-drittijiet tal-pazjenti, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li l-mobilità tal-pazjenti u tal-ħaddiema tas-saħħa m'għandu qatt jaggrava l-inugwaljanzi li diġà jeżistu fis-settur tas-saħħa. Dawn id-diskrepanzi għandhom pjuttost jinqerdu (13).

5.10

Il-KESE jemmen li servizzi pubbliċi soċjali u tas-saħħa suffiċjenti u ta' kwalità tajba huma kundizzjoni indispensabbli sabiex ikun hemm taħriġ adegwat u numru suffiċjenti ta' professjonisti f'dawn is-setturi. Għal din ir-raġuni, ikun utli li l-ħaddiema f'dawn l-oqsma jitħallsu aħjar u jingħataw rikonoxxenza soċjali u morali aħjar sabiex dawn il-professjonijiet isiru iktar attraenti fost iż-żgħażagħ. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-istat ta' saħħa tal-assistenti soċjali u tal-ħaddiema tas-saħħa li qegħdin jixjieħu u li jbatu mis-sindrome ta' burn out u minn stress professjonali kbir. Jemmen li l-valur tax-xogħol imwettaq mis-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali għandu jiġi enfasizzat hekk kif għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-professjonisti f'dan is-settur qegħdin iwettqu ħidma importanti biex jippromovu s-saħħa fis-soċjetà kollha kemm hi.

5.11

Fil-livell nazzjonali għandu jsir sforz biex titfassal politika tas-saħħa soda. Dan jista' jseħħ biss jekk jiġi allokat ammont suffiċjenti ta' riżorsi baġitarji u/jew riżorsi mis-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-Istati Membri m'għandhomx jinvestu biss fil-prosperità tal-poplu tagħhom iżda wkoll fil-benesseri taċ-ċittadini u s-suġġetti tagħhom.

6.   Il-kwistjonijiet transkonfinali u globali

6.1

Il-KESE jaqbel li fl-oqsma tal-globalizzazzjoni u tas-saħħa, l-UE tista' taqdi rwol importanti fi ħdanha kif ukoll barra mill-fruntieri tagħha, billi tikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta' problemi tas-saħħa dinjin u billi tfassal soluzzjonijiet Ewropej għall-katastrofijiet, il-pandemiji u l-isfidi l-ġodda marbutin mal-bidla fil-klima, kif ukoll billi tindirizza l-iskarsezza dinjija tal-ħaddiema tas-saħħa permezz ta' fond ta' kumpens speċjali (14). Tista' wkoll iġġib valur miżjud fil-qasam tal-promozzjoni tal-aċċess għall-mediċini.

6.2

It-theddidiet attwali (HIV/AIDS) u ġodda għas-saħħa, li jmorru lil hinn minn kull fruntiera, jikkonfermaw dejjem iktar li l-UE tirrappreżenta valur miżjud, billi l-Istati Membri ma jistgħux imexxu azzjoni effikaċi kontra problemi ta' dan it-tip separatament (problema ta' aċċess għat-triterapija). Dan jgħodd fuq kollox għall-mard li jittieħed, li jeħtieġ li jissaħħu l-kontrolli u l-protezzjoni u li tiġi organizzata prevenzjoni kkoordinata.

6.3

Il-KESE huwa diżappuntat bin-nuqqas ta' proposti għal azzjoni speċifika tal-Kummissjoni għall-benefiċċju tal-partijiet involuti li huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija Ewropea favur is-saħħa, jiġifieri l-ħaddiema tas-settur. Il-korrelazzjoni bejn in-nuqqas ta' ħaddiema tas-saħħa u l-problemi marbutin mal-insuffiċjenza jew in-nuqqas tal-kura hija ċara.

6.4

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-etika fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-pazjenti fir-relazzjoni tabib-pazjent-ħaddiema oħra tas-saħħa. F'dinja li qiegħda tinbidel u tiżviluppa — pereżempju bl-iżvilupp dinamiku tat-teknoloġiji tas-saħħa — l-etika u l-ħarsien tad-data personali għandhom jingħataw importanza akbar. Għaldaqstant wieħed għandu jagħti importanza partikulari lil dawn il-kwistjonijiet fil-qafas tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja.

6.5

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn id-defiċit dejjem ikbar fin-numru ta' ħaddiema tas-saħħa u t-tixjiħ ta' din il-kategorija tal-popolazzjoni. Għaldaqstant ir-reklutaġġ tal-ħaddiema jeħtieġ approċċ tassew etiku b'politiki speċifiċi dwar l-integrazzjoni, il-kompetenzi u s-salarji ta' ħaddiema tas-saħħa minn Stati Membri jew minn pajjiżi terzi. Jeħtieġ ukoll li wieħed jikkunsidra l-mezzi li jistgħu jiffavorixxu r-ritorn tal-ħaddiema tas-saħħa migranti li huma kkwalifikati sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistema tas-saħħa tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Rigward il-migrazzjoni intra-Komunitarja tal-persunal tal-kura, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-provvista ħielsa tas-servizzi ma twassalx għad-dumping soċjali billi dan ikun ta' ħsara għall-persunal tal-kura, għal-livell ta' professjonaliżmu tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar għall-pazjenti.

7.   L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija

7.1

Il-KESE huwa diżappuntat bin-nuqqas ta' data u informazzjoni suffiċjenti, oġġettiva, kumparabbli u analizzabbli dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ewropej. Ma teżisti l-ebda sistema ta' segwitu li tista' sservi biex isir paragan bejn l-Istati Membri jew bejn ir-reġjuni. L-informazzjoni pprovduta mis-setturi tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iġġib fid-dieher diskrepanzi kbar u ħafna elementi ta' dubju (15). Ċerti aġenziji tal-Unjoni Ewropea għandhom rwol importanti x'jaqdu hawn.

7.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li jsiru iktar sforzi sabiex jiġu involuti l-partijiet konċernati fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew fil-ġbir tal-istatistika rilevanti u d-definizzjoni tal-indikaturi.

7.3

Is-suċċess tal-istrateġija ta' Liżbona mġedda jiddependi ħafna mis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Adult iqatta' terz ta' ħajtu fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk il-kundizzjonijiet li fihom jaħdem għandhom importanza kbira mil-lat tas-saħħa. Barra minn hekk, ambjent tax-xogħol perikoluż u ħażin għas-saħħa jista' jwassal għal telf ta' 3 % sa 5 % tal-PGD. Il-prevenzjoni tirrappreżenta l-aħjar mezz kif wieħed jista' jħares is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol b'mod permanenti. L-SMEs, li jimpjegaw iktar minn 80 % tal-ħaddiema, għandhom jibbenefikaw — billi jadottaw u jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi — minn appoġġ partikulari, billi jinsabu f'sitwazzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-possibbiltajiet u l-mezzi finanzjarji tagħhom (meta wieħed iqabbilhom mal-kumpaniji multinazzjonali). Il-KESE huwa diżappuntat li l-persuni li jaħdmu għal rashom mhumiex protetti fuq ix-xogħol.

7.4

Il-Kumitat jappoġġja l-adattament tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri favur titjib fil-kwalità tas-servizz. Sabiex jinqerdu l-inugwaljanzi fi ħdan l-Istati Membri u lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, huwa importanti li wieħed jindirizza mhux biss ir-responsabbiltà tal-Istati Membri iżda wkoll ir-rwol li jaqdu r-reġjuni, rwol li m'għandu bl-ebda mod iwassal għal interferenza fil-kompetenzi tal-Istati Membri. F'dan il-kuntest, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar ir-riformi tas-sistemi pubbliċi tas-saħħa li qegħdin isiru f'ċerti Stati Membri bil-għan li jillimitaw l-iskemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u li jwasslu għal privatizzazzjoni qawwija tas-sistemi pubbliċi tas-saħħa.

7.5

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tiffavorixxi u ssaħħaħ il-prevenzjoni. L-intenzjoni hija li tittejjeb is-saħħa tal-persuni anzjani, tat-tfal u taż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni ta' dan l-objettiv jiddependi bil-qawwi mill-proposti għall-azzjoni fl-ambitu tat-tipjip, l-ikel, l-alkoħol, is-saħħa mentali (inkluża l-marda ta' Alzheimer) u l-iscreening tal-kanċer (16).

7.6

Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir il-progress tal-iżvilupp teknoloġiku. Madankollu, jemmen li l-eżiġenzi tal-opportunitajiet indaqs mhumiex ser jiġu sodisfatti permezz tas-soluzzjoni marbuta mas-saħħa online li ġiet proposta. Fil-fatt, ma nafux x'inhi l-fehma tal-professjonisti fir-rigward ta' din il-kwistjoni. Għalkemm huwa xieraq li wieħed isemmi t-tnaqqis tal-ispejjeż u approċċ iktar iffukat fuq il-persuna, il-miżuri għall-garanzija effettiva tad-drittijiet tal-pazjenti u tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp u l-kontroll tas-saħħa ma ġewx spjegati biżżejjed.

7.7

Il-KESE jappoġġja żieda fil-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u inizjattivi ġodda. Billi l-UE taqdi rwol ewlieni fl-ambitu tal-għajnuna internazzjonali, il-Kumitat jaqbel li l-kooperazzjoni mal-WHO għandha tissaħħaħ.

7.8

L-Unjoni tista' biss tiffavorixxi t-twettiq tal-objettivi tal-WHO għas-Seklu 21 jekk tikkollabora b'mod effikaċi mal-Istati Membri, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Unit, il-WHO, l-ILO, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u l-Uffiċċju Internazzjonali għall-Migrazzjoni. Huwa wkoll importanti li jissaħħu r-rabtiet mal-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-IMF u l-World Bank u li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' forums ta' diskussjoni internazzjonali mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet professjonali tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-pazjenti u dawk li jaħdmu għall-ħarsien tal-konsumaturi.

7.9

Il-Kumitat jirrakkomanda li jekk l-UE tikseb preżenza iktar b'saħħitha fil-livell internazzjonali, huwa jingħata rwol iktar attiv, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħi, fid-diskussjonijiet internazzjonali marbutin ma' ċerti kwistjonijiet, b'mod partikulari dawk li jikkonċernaw l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem tal-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-bidla fil-klima.

7.10

L-istrateġija għas-saħħa għandha tkun suġġett permanenti fl-aġenda tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-politika internazzjonali tal-UE, bil-għan li nindirizzaw ilkoll flimkien l-isfidi l-ġodda għas-saħħa u l-pandemiji kif ukoll il-katastrofijiet u l-problemi tas-saħħa l-ġodda marbutin mal-bidla fil-klima jew fatturi oħra.

8.   Riżorsi u mezzi finanzjarji

8.1

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-istrateġija għas-saħħa tiġi kkunsidrata f'kull qasam tal-politika Ewropea. Ir-riżorsi finanzjarji neċessarji għandhom jiġu ggarantiti, billi l-White Paper tindika li l-baġit ma jalloka l-ebda riżorsi addizzjonali għal dan il-għan. Għalhekk, il-Kumitat jiddubita li l-kontroll fil-livell Komunitarju u l-proposti għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' ġestjoni tat-theddidiet għas-saħħa jistgħu jirnexxu mingħajr finanzjament adegwat. Ikun xieraq, kemm għall-effikaċja tal-finanzjament tal-proġetti kif ukoll minħabba n-natura rikorrenti tal-politiki Komunitarji, li jiġi stabbilit finanzjament baġitarju kontinwu speċifiku għal kull missjoni (17).

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea” (C 2006 146/01).

(2)  L-Aġenzija tad-drittijiet fundamentali bbażata fi Vjenna, l-Aġenzija ta' Bilbao, iċ-Ċentru Ewropew ta' prevenzjoni u kontroll tal-mard, eċċ.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-12.3.2008 dwar “Ir-riforma tal-baġit tal-UE u l-finanzjament futur” (rapporteur: is-Sinjura Florio) (ĠU C 204, 9.8 2008).

(4)  Opinjoni tal-KESE tas-6.7.2006 dwar “Il-koeżjoni soċjali: l-iżvilupp tal-mudell soċjali Ewropew” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309, 16.12.2006).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona: is-sitwazzjoni attwali u l-perspettivi għall-ġejjieni”.

(6)  Diskors tas-Sinjura Margaret Chan, Direttur Ġenerali tal-WHO: “Diskors mogħti fil-Kumitat Reġjonali tal-Ewropa”, 18 ta' Settembru 2007, Belgrad, Serbja:

http://www.who.int/dg/speeches/2007/20070918_belgrade/fr/index.html.

(7)  Opinjoni tal-KESE tas-26.9.2007 dwar “Id-drittijiet tal-pazjent” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sur Bouis (ĠU C 10, 15.1.2008).

(8)  Opinjoni tal-KESE tat-13.9.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010”, rapporteur: is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006).

(9)  Ara l-istudju ta' impatt: l-Italja, in-numru ta' snin fi stat ta' saħħa tajjeb huwa ta' 71 sena, filwaqt li l-Ungerija dan huwa ta' 53.

(10)  Opinjoni tal-KESE tas-17.5.2006 dwar il-“Green Paper — Intejbu s-saħħa mentali tal-popolazzjoni — Lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-Unjoni”, rapporteur: is-Sur Bedossa (ĠU C 195, 18.8.2006).

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-20.4.2006 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008)”, rapporteur: is-Sinjura Cser (ĠU C 185, 8.8.2006).

(12)  Pereżempju, in-netwerk tal-infirmiera Ungeriżi li jipprovdi għajnuna lit-tfal u l-familji tagħhom matul l-ewwel 18-il xahar tal-ħajja tat-tarbija.

(13)  Opinjoni tal-KESE tas-27.10.2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Segwitu tal-proċess ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjenti u l-evoluzzjoni tal-kura tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea”, rapporteur: is-Sur Bedossa (ĠU C 120, 20.5.2005).

(14)  Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2007 dwar “Il-Migrazzjoni u l-iżvilupp: opportunitajiet u sfidi” (opinjoni esploratorja), rapporteurs: is-Sinjura Cser u s-Sur Sharma (ĠU C 256, 27.10.2007).

(15)  Opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol — strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol”, rapporteur: is-Sinjura Cser — (ĠU C 224, 30.8.2008).

(16)  Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata mal-alkoħol COM(2006) 625 finali”, rapporteurs: is-Sinjura Van Turnhout u s-Sur Janson (ĠU C 175, 27.7.2007) u Opinjoni tal-KESE tat-28.09.2005 dwar “L-Obeżità fl-Ewropa: ir-rwol u r-responsabbiltajiet tad-diversi msieħba tas-soċjetà ċivili” (opinjoni fuq inizjattiva proprja, rapporteur: is-Sinjura Sharma (ĠU C 24, 24.1.2006); mhux disponibbli bil-Malti.

(17)  Opinjoni tal-KESE tal-5.7.2006 dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej” (//CE, Euratom), rapporteur: is-Sinjura Cser (ĠU C 309, 16.12.2006); mhux disponibbli bil-Malti.