31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf”

COM(2008) 124 finali — 2008/0050 (COD)

(2009/C 77/21)

Nhar it-18 ta' Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikoli 37 u 152(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Allen.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tas-17 ta' Settembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' din il-proposta għal Regolament mill-Kummissjoni.

1.2

Il-KESE jilqa' l-proposta, kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1), li s-sezzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-iġjene tal-għalf u tar-Regolament dwar il-liġi tal-ikel għandhom japplikaw kemm għall-ikel tal-annimali domestiċi kif ukoll għall-għalf tal-annimali li jipproduċu l-ikel.

1.3

Huwa importanti li l-awtoritajiet ta' kontroll ikollhom aċċess għal kull informazzjoni dwar il-kompożizzjoni jew il-proprjetajiet dikjarati tal-għalf imqiegħed fis-suq sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza tat-tikketti.

1.4

L-operaturi fil-qasam tan-negozju tal-għalf li jqiegħdu l-għalf fis-suq Ewropew għall-ewwel darba u li jużaw għalf jew materjal tal-għalf importati minn barra l-UE jridu jiżguraw li dawn l-importazzjonijiet ikunu konformi mal-istess standards daqslikieku ġejjin mill-UE. Dan għandu jkun possibbli li jiġi vverifikat mill-awtoritajiet ta' kontroll.

1.5

Għandu jkun hemm impenn li l-persuna li tirrispondi n-numru tat-telefon b'xejn imniżżel fuq it-tikketta tal-ikel tal-annimali domestiċi tkun taf taqdi lill-klijenti u twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom malajr.

1.6

L-Artikolu 17(1)(a) u (b) japplika f'kwalunkwe każ. Dan ifisser li t-tikketta li tidher fuq l-għalf kompost għandha dejjem tinkludi l-ispeċi jew il-kategorija tal-annimali li għalihom hu maħsub l-għalf u l-istruzzjonijiet għall-użu xieraq.

2.   Sfond

2.1

Bħalissa, iċ-ċirkolazzjoni tal-materjal tal-għalf u tal-għalf kompost hija rregolata b'5 Direttivi qodma tal-Kunsill u b'xi 50 att ta' emenda jew ta' implimentazzjoni. Il-leġiżlazzjoni hija mifruxa wisq u fiha ħafna referenzi inkroċjati li jagħmluha diffiċli li jinftiehmu u li jiġu implimentati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Pereżempju, kien hemm żewġ Stati Membri li applikaw id-Direttiva dwar il-livell permess tal-vitamina D3 fl-għalf kompost b'mod differenti.

2.2

Il-kummerċ intra-Komunitarju tal-għalf kompost jammonta għal 2.6 % biss tal-produzzjoni, li jindika possibbiltà ta' ostakli kummerċjali u nuqqas ta' konsistenza fl-implimentazzjoni tad-Direttivi attwali.

2.3

Fl-2005, fl-UE tal-25, 5 miljun bidwi pproduċew valur totali ta' EUR 129 biljun f'ħalib, majjal, tajr, laħam taċ-ċanga u tal-vitella. L-għalf kompost mixtri kien jammota għal EUR 37 biljun. L-industrija tal-għalf tal-UE (eskluż l-ikel tal-annimali domestiċi) tipprovdi impjieg dirett lil 100 000 persuna f'madwar 4 000 impjant.

2.4

F'termini kwantitattivi, kważi 48 % tal-għalf użat huwa għalf oħxon mill-irziezet eż. ħaxix, ħaxix tal-ħażna, silla, qamħirrum, eċċ. 32 % tal-għalf huwa għalf kompost mixtri.

2.5

Madwar 62 miljun dar fl-UE għandhom annimali domestiċi. Is-suq tal-ikel tal-annimali domestiċi tal-UE stmat li jiswa madwar EUR 9 biljun u jipprovdi impjieg dirett lil 21 000 persuna.

2.6

It-tikketta sservi għal skopijiet ta' infurzar, traċċabilità u kontroll u tipprovdi informazzjoni lill-klijenti.

2.7

Kien hemm tħassib li l-leġiżlazzjoni attwali dwar it-tikkettar tal-ikel tal-annimali domestiċi tista' tiżgwida lill-klijenti fir-rigward tal-kwalità u n-natura tal-ingredjenti fl-ikel tal-annimali domestiċi.

3.   Definizzjonijiet tal-għalf

3.1

L-għalf jinqasam f'erba' kategoriji:

a)

materjal tal-għalf li jista' jingħalef b'mod dirett lill-annimali, bħall-ħaxix jew l-qmuħ jew materjal tal-għalf li jista' jiġi inkorporat f'għalf kompost;

b)

addittivi tal-għalf li huma sustanzi bħal mikroorganiżmi u taħlitiet (minbarra l-materjal tal-għalf u l-premixtures (addittivi lesti minn qabel)) li huma intenzjonalment miżjuda mal-għalf għal ċerti skopijiet;

c)

għalf kompost li huwa taħlita ta' materjal tal-għalf, li jista' jkun fih ukoll addittivi tal-għalf għat-tmigħ f'forma ta' għalf komplut jew komplementari;

d)

l-għalf maħsub għal skopijiet mediċinali fih prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għat-tmigħ tal-annimali mingħajr iktar ipproċessar.

3.2

Il-materjal tal-għalf u l-għalf kompost huma t-tipi ta' għalf l-aktar komuni.

4.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

4.1

Il-proposta hija inkluża fil-programm kontinwu tal-Kummissjoni għas-semplifikazzjoni. Il-proposta tikkonforma mal-Politika tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-Istrateġija ta' Liżbona.

4.2

Bħalissa, ir-regoli ġenerali dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-għalf, inkluż l-ikel tal-annimali domestiċi, huma mifruxa f'għadd ta' Direttivi skont it-tip ta' għalf ikkonċernat. Hemm id-Direttiva 79/373/KEE dwar l-għalf kompost u d-Direttiva 93/74/KEE li tistabilixxi r-regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti tal-ikel maħsuba għal għanijiet ta' nutriment partikolari (“għalf djetetiku”). Id-Direttiva 96/25/KE tinkorpora r-regoli ġenerali dwar iċ-ċirkolazzjoni u l-użu tal-materjal tal-għalf u d-Direttiva 82/471/KEE tistipula l-kondizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti inklużi fil-kategorija maħsuba għall-materjal tal-għalf, użati fin-nutrizzjoni tal-annimali (“bijoproteini”). Il-proposta għal Regolament torganizza aħjar, tissemplifika, taġġorna u timmodernizza d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

4.3

Ir-Regolament (KE) Nru (999/2001) dwar l-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE) jipprojbixxi l-għoti tal-meat and bone meal (taħlita ta' laħam u għadam imfarrak) lill-annimali li jipproduċu l-ikel. Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali jistabilixxi l-kondizzjonijiet ta' dawn l-istess prodotti jekk huma maħsuba għat-tmigħ tal-annimali. Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament jistipula r-regoli dwar l-użu tal-għalf modifikat ġenetikament. Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 dwar l-iġjene tal-għalf għandu l-għan jiżgura s-sigurtà matul il-proċess tal-produzzjoni tal-għalf. Dawn ir-regolamenti, li ġew stabbiliti skont l-approċċ integrat ġdid “mill-għelieqi sa fuq il-mejda”, mhumiex ser jinbidlu.

4.4

L-objettiv ġenerali tar-regolament ġdid li qiegħed jiġi propost huwa li jsaħħaħ, jirrevedi u jimmodernizza d-direttivi attwali dwar iċ-ċirkolazzjoni u t-tikkettar tal-materjal tal-għalf u tal-għalf kompost.

4.5

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika biss sal-punt li l-proposta ma tkunx taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li tarmonizza l-qafas regolatorju għall-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-għalf.

4.6

Il-proposta telimina obligazzjonijiet ta' tikkettar li la huma meħtieġa u lanqas effiċjenti. Issa qed jiġi propost li r-rekwiżiti għat-tikkettar tal-ingredjenti jkunu l-istess bħal dawk tal-ikel. Ir-regola l-ġdida mhux ser tirrikjedi li jintwera l-persentaġġ tal-materja prima kollha, iżda tirrikjedi biss it-turija tal-materjal tal-għalf skont l-ordni tal-piż eżatt. Attwalment, il-materjal tal-għalf kollu użat fl-għalf kompost maħsub għat-tmigħ tal-annimali li jipproduċu l-ikel għandu jiġi elenkat bħala persentaġġ tal-piż totali f'medda b'tolleranza ta' +/- 15 %. Il-bidwi ma jistax jasal għall-persentaġġi ta' kompożizzjoni proprja. Skont il-proposta l-ġdida, jekk manifattur jindika l-persentaġġi, b'mod volontarju, dawn għandhom ikunu eżatti. Barra minn hekk, ġaladarba l-materja prima tkun tidher fuq it-tikketta tal-għalf kompost, f'dak il-każ għandu jitniżżel il-persentaġġ eżatt. Fl-aħħar, il-bidwi jista' jitlob aktar informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-għalf, minbarra l-informazzjoni f'ordni dixxendenti skont il-piż tal-materja prima, u l-manifattur jista' biss jirrifjuta li jagħti tali informazzjoni jekk din tkun kummerċjalment sensittiva.

4.7

L-isem tal-operatur fil-qasam tan-negozju tal-għalf li jqiegħed għalf kompost fis-suq Ewropew għall-ewwel darba jrid ikun muri b'mod ċar fuq it-tikketta.

4.8

Kwalunkwe informazzjoni provduta b'mod volontarju fuq it-tikketta għandha tkun preċiża u tinftiehem mill-utent aħħari.

4.9

Il-Kummissjoni ser tkun obbligata żżomm u taġġorna lista ta' materjal li t-tqegħid tiegħu fis-suq huwa pprojbit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida li jiċċaraw id-distinzjoni bejn il-materjal tal-għalf, l-additivi tal-għalf u l-mediċini veterinarji.

4.10

Il-ħtieġa għall-awtorizzazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq għandha tkun approporzjon tar-riskju sabiex jiġi żgurat li l-materjal tal-għalf il-ġdid jiġi indikat b'mod adegwat bl-għan li jintuża b'mod xieraq. L-approċċ integrat tas-sigurtà tal-ikel “mill-għelieqi sa fuq il-mejda” (skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jippermetti, mingħajr ebda periklu, tnaqqis fil-burokrazija f'dan il-qasam. Xejn ma jiġġustifika l-fatt li l-bijoproteini u l-materjal tal-għalf il-ġdid jkollhom jgħaddu minn proċedura ta' awtorizzazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq.

4.11

It-tendenza hi waħda ta' żieda fil-provvista tal-prodotti anċillari għar-razzjonijiet tal-għalf minħabba kompetizzjoni aktar qawwija għall-qmuħ ewlenin għall-għalf, l-ikel u l-karburant. In-nuqqas ta' informazzjoni ċara dwar dawn il-prodotti jwassal għall-użu limitat tagħhom.

4.12

Huwa propost li l-partijiet interessati (u l-utenti) kollha jkunu involuti fit-tfassil ta' katalogu ta' materjal tal-għalf li jkun aktar komprensiv u aktar adattat għall-iżvilupp tas-suq mil-lista attwali tad-Direttiva, li mhix eżawrjenti. Barra minn hekk, il-partijiet interessati jiġu mħeġġa jħejju Kodiċijiet Komunitarji għal prattika tajba ta' tikkettar fi ħdan il-qafas tat-tikkettar volontarju, b'kodiċi għall-ikel tal-annimali domestiċi u oħra għall-għalf maħsub għat-tmigħ tal-annimali li jipproduċu l-ikel. Il-Kummissjoni għandha tagħti pariri dwar it-tħejjija tal-katalogu Komunitarju volontarju u l-Kodiċijiet li ser jitressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni finali (regolamentazzjoni konġunta).

4.13

Ġeneralment, it-tikkettar tal-addittivi tal-għalf ikun obbligatorju biss għall-addittivi sensittivi. Il-bqija tal-addittivi jistgħu jiġu ttikkettati fuq bażi volontarja, b'konformità mal-kodiċi ta' prattika tajba tal-partijiet interessati approvati mir-Regolament tal-qofol.

4.14

Fil-każ tal-ikel tal-annimali domestiċi, l-objettiv hu li t-tikketti tal-ikel tal-annimali domestiċi jkunu aktar xierqa, li l-klijent jkun jista' jagħmel ix-xiri tiegħu aktar faċilment u li jiġi evitat tikkettar li jiżgwida lill-klijenti. Kull affermazzjoni ta' vantaġġ nutrittiv għandha tkun tista' tiġi vverifikata xjentifikament. Skont l-Artikolu 19, kull tikketta tal-ikel tal-annimali domestiċi għandu jkollha numru tat-telefon b'xejn fejn il-klijent jista' jċempel għal informazzjoni dwar l-addittivi tal-għalf u l-materjal tal-għalf li huma indikati skont il-kategoriji tagħhom.

4.15

Għalf maħsub għal skopijiet nutrittivi partikolari jista' biss jinbiegħ għal tali fini jekk jissodisfa l-karatteristiċi nutrittivi essenzjali indikati u jekk ikun awtorizzat u inkluż fil-lista stabbilita b'konformità mal-Artikolu 10. Skont l-Artikolu 13(3) “It-tikkettar jew il-preżentazzjoni tal-għalf m'għandhomx jaffermaw li l-għalf (…) jipprevjeni, jikkura jew ifejjaq xi marda”.

4.16

It-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-għalf m'għandhomx jiżgwidaw lill-utent. Id-dettalji obbligatorji fit-tikketti għandhom jitpoġġew, fl-intier tagħhom, f'post li jispikka fuq il-pakkett.

4.17

L-operaturi fil-qasam tan-negozju tal-għalf li jqiegħdu prodotti fis-suq Ewropew għall-ewwel darba huma responsabbli għad-dettalji tat-tikketti u jridu jiżguraw it-turija u l-eżattezza sostantiva tagħhom.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Il-livell tas-sigurtà tal-ikel u l-għalf tjieb b'mod sinifikanti bis-saħħa tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, ir-Regolament dwar l-iġjene tal-għalf u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom. Is-sistema mtejba ta' traċċabilità u l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-HACCP (Analiżi tal-Perikli u l-Punti ta' Kontroll Kritiċi) fl-industrija tal-għalf jiggarantixxu sigurtà aħjar f'kull qasam tal-produzzjoni tal-għalf.

5.2

Huwa importanti li t-tibdil propost ma jikkompromettix l-istandards tas-sigurtà li huma meħtieġa fil-każ tal-annimali li jipproduċu l-ikel.

5.3

L-operaturi fil-qasam tan-negozju tal-għalf għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet uffiċjali kull informazzjoni neċessarja sabiex ikun żgurat li r-regoli jkunu qed jiġu applikati kif imiss.

5.4

Normalment, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa mħeġġeġ bis-sħiħ peress li f'ħafna oqsma hemm wisq regolamenti marbuta mal-bżonn ta' dokumentazzjoni amministrattiva.

5.5

Ma jista' qatt jagħti l-każ li jkun hemm diskussjonijiet sabiex jiġi permess it-tmigħ tal-meat and bone meal (MBM) lill-annimali li jixtarru u li jipproduċu l-ikel. Bħalissa, ir-Regolament (KE) Nru (999/2001) dwar l-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE) jipprojbixxi t-tmigħ tal-MBM lill-annimali li jixtarru. L-MBM jista' jintuża fl-ikel tal-annimali domestiċi. Din il-proposta għal Regolament ma tipproponi l-ebda bidla fl-użu tal-meat and bone meal ladarba din il-kwistjoni ma tidħolx fl-ambitu ta' din il-proposta għal Regolament. Dan is-suġġett għandu jiġi diskuss b'rabta mal-proposta għal Regolament li tistabbilixxi regoli tas-saħħa għal prodotti sekondarji mill-annimali, mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

5.6

Ġeneralment, l-impjanti tal-produzzjoni tal-għalf kompost ikunu qrib l-irziezet. Għalhekk, dawn l-impjanti huma sikwit f'żoni rurali fejn l-alternattivi rigward opportunitajiet oħra ta' impjieg huma limitati. Fir-rigward tat-transport tal-għalf lejn l-irziezet, ikun konvenjenti wkoll li jkun hemm sistema ta' distribuzzjoni lokali sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' sewqan fit-tul min-naħa tal-vetturi li jikkonsenjaw il-merkanzija u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra.

5.7

Il-Kummissjoni tisħaq li attwalment hemm ftit kummerċ tal-għalf kompost bejn l-Istati tal-UE u tissuġġerixxi li l-proposta għal Regolament ġdid ser ittejjeb il-kompetizzjoni billi tħeġġeġ aktar kummerċ intra-Komunitarju tal-għalf kompost.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

B'mod ġenerali, il-KESE tilqa' l-proposta ta' semplifikazzjoni, ta' organizzazzjoni u ta' titjib tal-effiċjenża amministrattiva tas-settur tal-għalf.

6.2

Il-proposta għal Regolament ġdid tagħti libertà u responsabbiltà akbar lill-operaturi fil-qasam tan-negozju tal-għalf. L-Artikolu 12(1) jistipula li l-manifattur tal-għalf huwa responsabbli għat-tikkettar tad-dettalji u għandu jiżgura t-turija u l-eżattezza sostantiva tagħhom. Dawn id-dettalji għandhom jissodifaw ukoll l-obligazzjonijiet ta' dan ir-Regolament u ta' dawk imposti minn Regolamenti rilevanti oħra bħal 183/2005, 178/2002 u 1831/2003. Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabilixxi r-regoli ġenerali tal-prestazzjoni tal-kontrolli uffiċjali li jivverifikaw il-konformità mar-regoli, hija r-responsabbiltà tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel tal-Kummissjoni (FVO) li jiżgura li l-applikazzjoni tagħhom tkun waħda konsistenti. L-operaturi fil-qasam tan-negozju tal-għalf li jqiegħdu għalf fis-suq Ewropew għall-ewwel darba, li jużaw prodotti importati minn barra l-UE jridu jiġu kkontrollati b'mod adegwat sabiex ikun żgurat li l-prodotti importati huma tal-istess kwalità daqslikieku ġejjin minn pajjiżi fl-UE.

6.3

Dan l-għoti ta' responsabbiltà akbar lill-manifatturi tal-għalf sabiex jirregolaw in-negozju tagħhom ifisser li jekk tinqala' xi problema serja ta' kontaminazzjoni tal-għalf b'sustanzi velenużi, jew b'għalf li jagħmel ħsara lit-trobbija tal-annimali jew li jagħmel ħsara lill-ambjent, speċjalment fil-qasam tal-materjal tal-għalf ġdid, jista' jilħaq isir dannu kbir lis-settur tal-annimali li jipproduċu l-ikel qabel ma tittieħed azzjoni ta' rimedju. Problemi iktar serji jistgħu jinqalgħu f'każ li l-manifattur ma jkollux riżorsi finanzjarji biżżejjed sabiex jindirizza l-problema.

6.4

Il-klijent li jixtri l-għalf, jiġifieri l-bidwi, għandu bżonn ħarsien adegwat f'każ ta' telf ta' natura finanzjarja, soċjali u ekonomika, li jista' jġarrab b'riżultat ta' avvenimenti katastrofiċi. Għalhekk, din il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata b'rabta ma' regolament speċifiku u fid-dawl tar-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet legali, is-sistemi u l-prattiki eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju relatati mar-responsabbiltà fis-settur tal-ikel u tal-għalf u fuq sistemi fattibbli għall-garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf (1).

6.5

F'dan il-qasam irridu nimxu mal-prinċipju tal-prekawzjoni għaliex fil-passat saru ħafna żbalji serji.

6.6

Tkabbir konsiderevoli fil-kummerċ intra-Komunitarju tal-għalf kompost għall-annimali li jipproduċu l-ikel mhuwiex probabbli peress li l-klijenti jippreferu jmorru għand operaturi lokali fil-qasam tan-negozju tal-għalf. Din is-sitwazzjoni tista' tinbidel jekk kumpaniji multinazzjonali jakkwistaw parti konsiderevoli mis-settur tan-negozju tal-għalf.

6.7

Hemm riskju li kumpaniji multinazzjonali jfittxu li jakkwistaw partijiet kbar tas-settur tan-negozju tal-għalf u b'hekk inaqqsu l-kompetizzjoni. Jekk dan iseħħ, ikun hemm tnaqqis kbir fin-numru tal-imtieħen tal-għalf u żieda fil-kummerċ intra-Komunitarju. Iżda, ma jfissirx li s-suq isir iktar kompetittiv.

6.8

Fir-rigward tal-ikel tal-annimali domestiċi, dak li s-sidien ta' dawn l-annimali vera għandhom bżonn huwa ta' informazzjoni dwar x'ikel hu tal-aħjar kwalità għall-annimali tagħhom, aktar milli lista tal-ingredjenti li fih. Huwa wkoll importanti li jiġu indikati l-kwantitajiet tajbin li għandhom jingħataw lil annimali partikolari u jekk l-ikel huwiex komplementari jew għalf komplut.

6.9

Hekk kif id-domanda għall-proteini qed tiżdied fid-dinja kollha, hemm bżonn kbir ta' żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-għalf.

Brussell, is-17 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 246, 20.10.2007, p.12.