31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq”

COM(2008) 151 finali — 2008/0062 (COD)

(2009/C 77/18)

Nhar it-13 ta' Mejju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 71(1)(ċ) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u fit-18 ta' Settembru 2008 (seduta tas-17 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Fil-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti proposti sabiex ir-reati tat-traffiku mwettqa fit-toroq ta' Stat Membru differenti minn dak li fih tkun irreġistrata l-vettura kkonċernata jiġu segwiti u kkontrollati b'mod iżjed effiċjenti u effettiv.

1.2

Hija tippreżenta din il-proposta sabiex tkun tista' tilħaq l-objettiv stabbilit għall-perijodu 2001-2010 li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' persuni li jmutu kawża ta' inċidenti tat-traffiku.

1.3

Dan l-għan ma jistax jintlaħaq sakemm ma jittiħdux miżuri komplimentari. It-test ta' din l-opinjoni jinkludi miżura waħda u huwa ffukat fuq it-trattament marbut ma' dawn ir-reati tat-traffiku li jseħħu fi Stat Membru li ma jkunx irreġistra l-vettura msemmija.

1.4

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-abbozz tad-Direttiva joffri strument effiċjenti għal approċċ adegwat b'rabta mal-ksur tar-regoli tat-traffiku f'pajjiż li jkun differenti minn dak fejn tkun ġiet irreġistrata l-vettura. Azzjoni bħal din għalhekk għandha tkun akkumpanjata minn kontrolli u sanzjonijiet effettivi u effikaċji u l-Kumitat jappella lill-Kunsill sabiex jagħmel titjib rigward dan il-punt.

1.5

Il-Kumitat iħoss li sabiex id-Direttiva tkun iżjed effettiva, il-lista ta' reati proposti mill-Kummissjoni għandha tiġi estiża sabiex tinkludi r-reati kollha li jolqtu t-titjib tas-sikurezza fit-toroq.

1.6

Għal raġunijiet ta' effiċjenza u effettività, il-Kumitat iħoss li għall-fini tal-iskambju ta' informazzjoni, ikun għaqli jekk jintuża netwerk elettroniku eżistenti; hawnhekk, tista' tiġi kkunsidrata s-sistema Eucaris, li mhijiex sistema li tiswa ħafna flus. Għalhekk jagħti parir lill-Kummissjoni li twettaq hi stess — jew tqabbad lil xi ħadd iwettaq — studju ta' probabilità dwar il-possibilità li jiġu żviluppati s-sistemi eżistenti billi jiġi inkorporat l-iskambju ta' data ppjanat.

1.7

Fir-rigward tal-penaltajiet tar-reati, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li għandhom jitqiesu elementi bħal-liċenzji tas-sewqan bil-punti, is-sekwestru tal-vettura u t-teħid temporanju tal-liċenzja, li jistgħu jiġu imposti jew le flimkien mal-pieni.

1.8

Il-Kumitat jaħseb li sabiex l-azzjoni tkun waħda effiċjenti, ikun tajjeb li l-proposta għad-Direttiva tantiċipa li kull Stat Membru jaħtar awtorità ċentrali li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli.

1.9

Il-Kumitat ma jarax li jista' jinkiseb xi valur miżjud mill-mudell propost mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita formola ta' notifika tar-reati. Huwa tal-fehma li l-interess ma jinsabx fil-forma li jingħata iżda fil-kontenut. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni neċessarja għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.

1.10

Il-Kumitat japprova l-proċedura tal-kumitat li l-Kummissjoni tipproponi għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti.

2.   Introduzzjoni

2.1.1

Fil-White Paper tagħha tal-2001 dwar il-politika Ewropea tat-trasport, l-UE stabbilixxiet l-għan li n-numru ta' nies li jmutu kawża ta' inċidenti tat-traffiku jitnaqqas bin-nofs sal-2010. Bażikament, dan ifisser li din iċ-ċifra, li kienet ta' 54 000 mewta fl-2001 fl-UE-27, sal-2010 tinżel għal 27 000 mewta fis-sena.

2.1.2

Bejn l-2001 u l-2007, it-total ta' persuni li tilfu ħajjithom f'inċidenti tat-traffiku naqas b'20 %, filwaqt li kellu jonqos b'37 % sabiex jintlaħaq it-tnaqqis bin-nofs sal-2010. Għalhekk hemm bżonn li l-isforzi jirduppjaw.

2.2   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.2.1

Sabiex tipprepara għal din il-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni organizzat seduta pubblika ta' informazzjoni kif ukoll laqgħa mal-partijiet interessati rappreżentattivi. Minn dawn il-laqgħat ħareġ it-test tad-dokument li huwa s-suġġett ta' din l-opinjoni.

2.2.2

Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-proposta għal Direttiva toffri strument effettiv sabiex dan l-għan jintlaħaq xorta waħda u jiġi assigurat trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

2.2.3

L-abbozz ta' Direttiva tipprova ttejjeb l-infurzar tar-reati li jitwettqu fi Stat Membru differenti minn dak li tkun irreġistra fih il-vettura kkonċernata.

2.2.4

Bħalissa, ir-reati tat-traffiku li jseħħu b'vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor ta' spiss ma jiħdux il-kastig dovut. Pereżempju, il-persentaġġ ta' sewwieqa mhux residenti involuti f'reati ta' eċċess ta' veloċità juri firxa ta' bejn 2.5 % u 30 %.

2.2.5

Kif turi d-data disponibbli, dan l-eċċess ta' veloċità permissibbli huwa l-kawża ta' 30 % tal-imwiet ikkawżati fit-toroq, u jekk wieħed jaħdem fuq dan il-fatt, dawn iċ-ċifri jistgħu jonqsu b'mod drastiku.

2.2.6

Reati oħra msemmija fil-proposta wkoll għandhom importanza prinċipali, kemm jekk ikunu saru minħabba sewqan taħt l-influwenza tax-xorb (25 %), jew minħabba li ma ntlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza (17 %) jew inkella minħabba nuqqas ta' waqfien meta jkun hemm id-dawl l-aħmar tat-traffiku (4 %).

2.2.7

Il-Kummissjoni mhijiex tipproponi li tarmonizza r-regoli dwar it-traffiku fit-toroq jew il-pieni għall-ksur tal-kodiċi tat-traffiku, li jibqgħu jagħmlu parti mill-ġurisdizzjoni ta' kull Stat Membru. Il-proposta sempliċiment tinkludi ċerti miżuri ta' natura amministrattiva li jistabbilixxu sistema effiċjenti u effettiva sabiex jiġu infurzati r-reati tat-traffiku prinċipali transkonfinali, biex b'hekk jintlaħaq l-għan li fl-2010 n-numru ta' vittmi li jitilfu ħajjithom kawża ta' inċidenti tat-traffiku jonqos bin-nofs.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Fl-opinjoni adottata fil-11 ta' Diċembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Programm Ewropew ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq — innaqqsu bin-nofs in-numru ta' vittmi fit-toroq tal-Unjoni Ewropea minn issa sal-2010: naqsmu r-responsabilità, il-Kumitat diġà wera d-dubji tiegħu rigward l-objettivi, pjuttost ambizzjużi żżejjed, tal-Kummissjoni. Issa jidher ċar li fil-fatt hemm bżonn ta' azzjonijiet addizzjonali sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

3.2

Għalhekk, il-Kumitat iħoss li jista' jinkiseb valur miżjud minn approċċ Ewropew għall-infurzar transkonfinali tar-reati tat-traffiku. Huwa jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jsir minn kollox sabiex jiġi assigurat li l-mira stabbilita fl-2001 xorta tista' tintlaħaq, jiġifieri li minn issa sal-2010 n-numru ta' mwiet minħabba inċidenti tat-traffiku jonqos bin-nofs, u jħoss li l-abbozz tad-Direttiva li qed jiġi diskuss, potenzjalment, huwa pass importanti f'dik id-direzzjoni, jekk dawn ikunu akkumpanjati minn kontrolli u sanzjonijiet effettivi u effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella b'mod urġenti lill-Kunsill u l-Istati Membri sabiex jagħmel titjib urġenti fid-dispożizzjonijiet ta' kontroll u ta' sanzjonijiet.

3.3

L-approċċ imressaq min-naħa tal-Kummissjoni jidher wieħed sempliċi. Permezz ta' netwerk ta' skambju ta' data, liema dettalji għadhom iridu jiġu ppreċiżati, kull Stat Membru jkun f'qagħda li javża lis-sewwieqa li jkunu ċittadini ta' pajjiżi oħra fl-Unjoni dwar ir-reati li jkunu wettqu fit-territorju tiegħu. Għadu mhux magħruf b'mod ċar x'tip ta' netwerk jew sistema għandha f'moħħha l-Kummissjoni.

3.4

Fl-Artikolu 4 tal-abbozz ta' Direttiva, il-Kummissjoni tiddikjara li l-iskambju ta' informazzjoni għandu jseħħ b'mod rapidu permezz ta' netwerk elettroniku Komunitarju li jitwaqqaf fi żmien tnax-il xahar. F'parti oħra tal-Komunikazzjoni, fir-rigward tal-iskambju ta' data hemm imniżżel li għandha tintuża sistema ta' informazzjoni eżistenti diġà fl-UE bil-għan li l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista' jkun. Madankollu l-Kummissjoni ma tindikax liema sistema ser tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li sabiex ma jinħlewx ħin u flus, l-aħjar soluzzjoni hija li tintuża sistema ta' informazzjoni tal-Unjoni Ewropea li teżisti diġà.

3.5

F'termini speċifiċi, rigward din il-kwistjoni, il-Kumitat jikkunsidra approċċ simili għal dak adottat fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fid-dawl tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, fejn isir użu mit-teknoloġija EUCARIS. Din is-sistema attwalment qed tintuża minn tmintax-il pajjiż tal-Unjoni u ser tiġi adottata mis-sebgħa u għoxrin Stat Membru hekk kif id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ. Meta mqabbla ma' sistemi oħra ta' netwerk, l-ispejjeż involuti huma baxxi ħafna.

3.6

Il-Kumitat jagħti parir li l-Kummissjoni għallinqas twettaq studju ta' probabilità fuq is-sistemi kollha eżistenti, fosthom it-teknoloġija Eucaris, sabiex tiġi studjata l-possibilità li jiġu estiżi ħalli jinkorporaw l-iskambju ta' data li huwa ppjanat.

3.7

Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha raġun li tillimita l-proposta tagħha għall-provvediment ta' bażi ġuridika għall-iskambju ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu huma stess il-proċeduri ta' taħrik. Dan huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.8

Il-Kumitat jenfasizza li l-infurzar ikun aktar effettiv jekk jintlaħqu ftehimiet fl-UE kollha, fejn l-implimentazzjoni u l-kontroll tagħhom iseħħu b'mod armonizzat fl-Istati Membri kollha, pereżempju permezz tal-omoġenizzazzjoni tal-limiti ta' veloċità massima awtorizzata, tal-livell ta' alkoħol permess, tal-politika rigward is-sanzjonijiet, eċċ. Il-Kunsill ukoll irid jipproduċi riżultati f'dan il-qasam.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Ladarba hemm il-pjan li n-numru ta' mwiet ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku jonqos bin-nofs sal-2010, meta mqabbel mal-2001, u li sadanittant, sal-aħħar tal-2007, ġie ddikjarat li mhuwiex ser ikun possibbli li dan l-għan jintlaħaq mingħajr miżuri komplimentari, il-Kumitat jaħseb li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni transkonfinali fl-erba' oqsma li ġejjin:

l-eċċess ta' veloċità,

is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb,

in-nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sikurezza,

u l-qbiż tad-dawl l-aħmar,

hija pass fid-direzzjoni t-tajba, peress li skont iċ-ċifri tal-Kummissjoni, dawn jistgħu jnaqqsu n-numru ta' mwiet ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku b'bejn 200 u 250 fis-sena.

4.2

Il-Kumitat iħoss li fl-Artikolu 1 tal-abbozz tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha żżid reati oħra li jitwettqu lilhinn mill-fruntiera, bħal pereżempju l-użu taċ-ċellulari waqt is-sewqan mingħajr ma jintuża l-apparat handsfree, sewqan aggressiv, in-nuqqas ta' rispett tal-projbizzjoni li vettura taqbeż lill-oħra, sewqan wrong way, jew sewqan taħt l-effett tad-drogi. Hekk kif diġà kkummenta fl-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Programm Ewropew ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq — innaqqsu bin-nofs in-numru ta' vittmi fit-toroq tal-Unjoni Ewropea minn issa sal-2010: naqsmu r-responsabilità, għandu jsir kwalunkwe tentattiv sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit.

4.3

Fir-rigward tal-penaltajiet tar-reati, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li għandhom jitqiesu elementi bħal-liċenzji tas-sewqan bil-punti, is-sekwestru tal-vettura u t-teħid temporanju tal-liċenzja, li jistgħu jiġu imposti jew le flimkien mal-pieni.

4.4

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni mniżżla fl-Artikolu 6 tal-abbozz tad-Direttiva, li kull Stat Membru għandu jkun responsabbli li jaħtar awtorità ċentrali li tikkoordina l-implimentazzjoni ta' dan it-test.

4.5

Fir-rispett tas-sussidjarjetà, il-Kumitat jemmen li mhux mixtieq li l-Kummissjoni tistabbilixxi mudell ta' formola għan-notifika hekk kif għamlet fl-Artikolu 5 tal-proposta għal Direttiva. Fil-fatt, l-aktar ħaġa importanti hija l-kontenut mhux kif jiġi ppreżentat. Il-Kumitat iħoss li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni neċessarja.

4.6

L-Artikolu 8 tal-proposta għal Direttiva jipproponi li l-Kummissjoni tkun megħjuna minn Kumitat dwar l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq. Il-Kumitat japprova l-proċedura ta' kumitat proposta hawnhekk.

Brussell, is-17 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS