31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli

COM(2008) 19 finali — 2008/0016 (COD)

(2009/C 77/12)

Nhar it-3 ta' Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 175(1) u l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe.

Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tas-17 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'105 voti favur, 38 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE laqa' bi pjaċir il-pjanijiet għall-ħarsien tal-klima tal-Kunsill Ewropew 2007, li fost affarijiet oħra għandhom jiġu implimentati permezz ta' din id-Direttiva.

1.2

Il-Kumitat japprova b'mod espliċitu l-istqarrija tal-Kummissjoni, li tgħid li l-għan tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli (minn issa 'l quddiem imsejħa ER) mhuwiex vantaġġuż biss għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, iżda għandu jew jista' jkollu wkoll impatt pożittiv ċar fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-opportunitajiet ta' żvilupp reġjonali u lokali, l-iżvilupp rurali, il-prospetti tal-esportazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-opportunitajiet ta' impjieg, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u għall-produtturi indipendenti tal-enerġija.

1.3

Għaldaqstant, il-KESE jilqa' din il-proposta għal Direttiva u l-objettiv li 20 % tal-enerġija jiġi minn sorsi rinnovabbli. Fil-fehma tiegħu l-ER mhumiex kontribut għall-ħarsien tal-klima biss, iżda wkoll objettiv strateġiku ġenwin marbut mal-politika tal-enerġija li ser iwassal għall-awtosuffiċjenza tal-enerġija u b'hekk sigurtà ikbar tal-provvista.

1.4

L-objettiv li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'20 % sal-2020, li jrid jintlaħaq permezz ta' direttivi oħra (1), u l-objettiv li 20 % tal-enerġija finali jiġi mill-ER, li qed jiġi indirizzat fil-proposta li qed nittrattaw, huma marbuta flimkien mill-qrib ħafna u jikkomplementaw lil xulxin. Però għandhom jitqiesu separatament, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li wħud mill-ER mhux bilfors għandhom effett pożittiv fuq il-klima (ara punt 6 “argo-karburanti”).

1.5

Billi r-rikostruzzjoni meħtieġa tas-sistema tal-enerġija ser tkun marbuta ma' spejjeż kbar, l-Istati Membri għandhom jingħataw iktar flessibbiltà sabiex ikunu fil-qagħda li jieħdu azzjoni f'dawk l-oqsma fejn jistgħu jiksbu impatt qawwi fir-rigward tal-ħarsien tal-klima u l-ħolqien tal-impjiegi, bl-inqas spejjeż.

1.6

Il-KESE jenfasizza li hu jappoġġja l-iżvilupp tal-ER, u jaf li, minn issa sal-2020, biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Kunsill (tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 ta' bejn 60 % u 80 % u iktar awtosuffiċjenza tal-enerġija) jeħtieġ li l-proporzjon tal-ER fuq perijodu medju u twil ta' żmien ikun ogħla mill-objettiv ta' 20 %.

1.7

Il-KESE jirrimarka li l-pass strateġiku li jikkonsisti fis-sostituzzjoni parzjali tad-diżil jew tal-petrol permezz tal-agro-karburanti hija waħda mill-miżuri għall-ħarsien tal-klima li hija l-inqas effettiva u l-iżjed li tiswa flus, u li llum il-ġurnata din tfisser allokazzjoni ħażina ħafna tal-fondi. Il-KESE ma jarax għaliex l-iżjed miżuri li jiswew il-flus huma dawk li jiġu appoġġjati l-iktar fil-livell politiku. Barra mill-aspetti ekonomiċi għad hemm ukoll nuqqas kbir ta' risposti għall-kwistjonijiet ekoloġiċi u soċjali (ara punt 6). Għalhekk huwa jirriffjuta l-objettiv speċifiku ta' 10 % għall-agro-karburanti.

1.8

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-UE beħsiebha tħejji kriterji ta' sostenibbiltà għall-agro-karburanti. Madankollu, il-kriterji ambjentali mfassla fil-proposta mhumiex biżżejjed, u d-dokument ma joffri l-ebda risposta għall-kwistjonijiet soċjali. Għalhekk, il-proposta għal Direttiva hija assolutament inadegwata rigward dan l-aspett (2).

2.   Introduzzjoni

2.1

B'din id-Direttiva għandhom jitwaqqfu objettivi vinkolanti għall-iżvilupp tal-ER. L-għan huwa li sal-2020, is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-UE jilħaq l-20 %, u li kull Stat Membru jilħaq minimu vinkolanti ta' 10 % ta' bijokarburanti (3) fis-settur tat-trasport (4).

2.2

L-għan Ewropew tal-20 % għandu jitwettaq billi jintlaħqu l-objettivi nazzjonali vinkolanti li jinsabu f'Anness I Parti A. Barra minn hekk, fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għanijiet għall-oqsma tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, it-trasport u l-agro-karburanti, u għandhom jistipulaw ukoll il-miżuri adegwati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

2.3

Id-Direttiva hija msejsa fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2007 — fuq il-bażi li l-enerġiji rinnovabbli jistgħu jiġġieldu l-bidla fil-klima. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ssostni li anke s-“settur tal-enerġija rinnovabbli jispikka għall-abbiltà tiegħu li […] jisfrutta sorsi ta' enerġija lokali u deċentralizzati, u jistimola l-industriji ta' teknoloġija għolja ta' livell internazzjonali”.

2.4

Fil-fehma tal-Kummissjoni, “is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huma fil-parti l-kbira indiġeni, ma jistriħux fuq id-disponibbiltà futura tas-sorsi ta' enerġija konvenzjonali, u n-natura prevalentament deċentralizzata tagħhom tagħmel l-ekonomiji tagħna inqas vulnerabbli għall-provvista volatili ta' enerġija”. Għalhekk, flimkien mal-ħarsien tal-klima u l-iżvilupp tal-innovazzjoni u l-kummerċ, is-sigurtà tal-provvista hija waħda mill-ġustifikazzjonijiet tal-proposta tal-Kummissjoni.

2.5

Il-Kummissjoni tgħid li, “l-iżvilupp ta' suq għal sorsi u teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli għandu […] impatt pożittiv ċar fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, opportunitajiet ta' żvilupp reġjonali u lokali, żvilupp rurali, prospetti għall-esportazzjoni, koeżjoni soċjali u opportunitajiet ta' impjieg, speċjalment fir-rigward ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju kif ukoll produtturi indipendenti ta' enerġija”.

2.6

Id-Direttiva ma tistabbilixxix biss l-għanijiet kwantitattivi msemmija hawn fuq, iżda fost affarijiet oħra tistipula wkoll:

kif ser jiġi kkalkulat is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fl-enerġija (Art. 5), inkluża l-kwistjoni tal-importazzjoni,

il-garanziji tal-oriġini (Art. 6 — Art. 10),

l-aċċess għas-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku (Art. 14),

il-kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali tal-agro-karburanti kif ukoll ir-rilevanza tagħhom għall-klima (Art. 15 u ta' warajh),

il-qafas tas-sistemi nazzjonali ta' appoġġ għall-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

2.7

Id-Direttiva l-ġdida tħassar id-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku, li tistipula l-objettiv preżenti, jiġifieri li 21 % tal-elettriku globali tal-Komunità jiġi ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli sal-2010, kif ukoll id-Direttiva 2003/30/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti rinnovabbli oħra għat-trasport, li tistabbilixxi l-objettiv ta' 5.75 % ta' bijokarburanti sal-2010.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-objettivi ġenerali favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima fid-Direttiva

3.1

Fl-2007 l-Kunsill Ewropew saħaq mill-ġdid li,“l-impenji assoluti għal tnaqqis fl-emissjonijiet huma s-sinsla tas-suq globali tal-karbonju. Il-pajjiżi żviluppati għandhom ikomplu jmexxu billi jimpenjaw ruħhom li kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett serra sa 30 % sal-2020 meta mqabbla mal-1990. Għandhom jagħmlu dan ukoll bil-ħsieb li kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'60 % sa 80 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990”.

3.2

Din il-proposta għal Direttiva hija element importanti fl-implimentazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni. Il-KESE laqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-klima, u jenfasizza li l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija għandhom ikunu fost il-prijoritajiet prinċipali. Għall-iżvilupp sostanzjali tal-ER ser jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet kollha, għax dan ma jinvolvix biss il-ħarsien tal-klima, iżda n-nuqqas ta' riżorsi fossili mbassar fuq perijodu medju u twil ta' żmien ukoll. Iż-żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġiji fossili ser jikkontribwixxu biex bosta ER jsiru ekonomikament vijabbli b'rata iktar mgħaġġla.

3.3

Il-KESE jilqa' l-fatt li fil-memorandum ta' spjegazzjoni l-Kummissjoni mhux talli tindirizza l-aspetti klimatiċi, iżda tagħti importanza kbira wkoll lill-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista u l-impjiegi. Hija kemm-il darba tenfasizza l-importanza li jista' jkollhom l-istrutturi deċentralizzati għall-provvista tal-enerġija, pereżempju għall-ekonomija reġjonali u għaż-żoni rurali (punti 2.4 u 2.5). Il-Kumitat huwa tal-istess opinjoni. Madankollu, huwa tal-fehma li l-istrateġiji differenti relatati mal-ER jibdew jitqiesu minnufih b'mod differenti u b'kunsiderazzjoni ta' dawn l-aspetti.

3.4

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rwol prinċipali tal-Ewropa fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-ER għandu impatt pożittiv kemm fuq il-klima kif ukoll fuq l-ekonomija Ewropea minħabba ċerti vantaġġi marbuta mal-kompetizzjoni. Il-proposta għal Direttiva hija pass ċar favur il-politika tal-enerġija, tal-ambjent u tal-industrija — pass li, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima fil-futur qarib, jindirizza wkoll il-komunità internazzjonali kollha.

3.5

It-tqassim konkret tar-responsabbiltà, jiġifieri l-kontributi nazzjonali rispettivi għall-objettiv Ewropew li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'20 %, jinsab fil-“Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020” (COM(2008) 17 finali) u fil-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra” (COM(2008) 16 finali).

3.6

Il-KESE japprova l-objettiv ta' 20 % ta' ER sal-2020 kemm mil-lat politiku kif ukoll mil-lat strateġiku, u jaħseb li jista' jitwettaq kemm fil-livell tekniku kif ukoll fil-livell ekonomiku, u b'hekk tinfetaħ it-triq għal politika tal-enerġija ta' wara l-karburanti fossili. Huwa wkoll tal-opinjoni li l-objettivi individwali nazzjonali jistgħu jintlaħqu, speċjalment minħabba l-fatt li l-Istati Membri għandhom għadd ta' possibbiltajiet flessibbli (xiri, parteċipazzjoni fi proġetti, eċċ.). Huwa ċar li r-rikostruzzjoni tas-sistema tal-enerġija ma tistax isseħħ mingħajr spejjeż jew mingħajr bidliet strutturali. Hemm bżonn ta' investimenti fl-impjanti tal-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll ta' investimenti fl-impjanti u t-teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija, sabiex inpattu għall-varjazzjonijiet fil-produzzjoni tal-elettriku kkawżati minn forza tar-riħ baxxa wisq jew xemx mhux qawwija biżżejjed. Jeħtieġ li ninvestu wkoll fl-estensjoni tal-linji tal-elettriku bejn l-Istati Membri tal-UE. Jekk nikkonċentraw fuq il-produzzjoni tal-enerġija biss, mhux ser nilħqu l-objettivi stipulati.

3.7

Il-Ġermanja, pereżempju, tippromovi l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli permezz tal-liġi dwar il-provvista, u attwalment 15 % tal-elettriku huwa ekoloġiku. L-ispejjeż żejda, li jitħallsu mill-konsumaturi tal-enerġija, jitilgħu għal madwar EUR 3.5 biljun fis-sena. Madankollu, hawnhekk mhux qed jiġi kkunsidrat il-benefiċċju għall-ekonomija Ġermaniża permezz ta' impjiegi ġodda, prevenzjoni tal-ħsara ambjentali jew dħul ġdid mit-taxxi.

3.8

Sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż marbuta mal-objettivi, id-Direttiva tistipula li l-objettivi individwali nazzjonali jistgħu jintlaħqu wkoll permezz tal-appoġġ ta' miżuri għall-iżvilupp tal-ER fi Stati oħra. Huwa possibbli wkoll li jiġi importat l-elettriku ġġenerat mill-ER — b'garanzija tal-oriġini. Fil-prinċipju, il-KESE jemmen li dan jista' jsir. Madankollu, il-KESE jappoġġja x-xewqa ta' xi Stati Membri li dan in-negozju jkun suġġett għall-approvazzjoni sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-promozzjoni tal-ER ffinanzjati minn Stat Membru (5) tintuża sabiex jiġu ffrankati l-flus fi Stat Membru ieħor.

4.   It-tnaqqis tal-flessibbiltà fl-iżvilupp tal-ER

4.1

Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li jistipula objettiv globali għat-tliet setturi li għandhom x'jaqsmu mal-ER (jiġifieri s-settur tal-elettriku, is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, u s-settur tat-trasport) minflok objettiv separat għal kull wieħed minnhom. B'dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jikkombinaw il-miżuri fit-tliet setturi bil-għan li jilħqu l-objettiv globali nazzjonali stipulat.

4.2

Madankollu, il-flessibbiltà hija mxekkla ħafna mill-fatt li ser jiġi stabbilit objettiv vinkolati li japplika għal wieħed mit-tliet setturi biss, jiġifieri s-sostituzzjoni tad-diżil u l-petrol fis-settur tat-trasport.

5.   Ir-rwol speċifiku tal-agro-karburanti fil-proposta għal Direttiva

5.1

Il-Kummissjoni tagħti rwol speċifiku lill-agro-karburanti.

5.2

F'ħafna studji dwar l-agro-karburanti li ġew ippubblikati f'dawn l-aħħar xhur, ta' spiss jiġi enfasizzat il-fatt li l-bijomassa, għall-kuntrarju tal-enerġija solari, hija sors limitat u bla dubju ta' xejn ser ikollha tiffaċċja ċertu livell ta' kompetizzjoni mill-produzzjoni tal-ikel jew il-ħarsien tal-bijodiversità. Il-livell ta' kompetizzjoni għadu ma ġiex determinat. Għalhekk, qabel ma tintervjeni l-politika, tinħtieġ analiżi strateġika preċiża ħafna dwar liema hija l-iktar forma ta' ER utli u f'liema qasam. U dan kollu jeħtieġ valutazzjonijiet tal-impatt preċiżi ħafna.

5.3

F'rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija, ippubblikata f'Novembru tal-2007, il-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv tal-Ministeru Federali tal-Agrikoltura fil-Ġermanja jsostni li fuq perijodu twil ta' żmien l-enerġija solari u l-enerġija mir-riħ ser ikollhom rwol dominanti fil-qasam tal-ER billi, fost affarijiet oħra, għandhom potenzjal sostanzjalment ogħla mill-bijomassa. Huwa jsemmi tliet raġunijiet għal dan:

a)

L-enerġija solari tista' tuża ż-żoni li ma jkunux ser jintużaw għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-ikel. Apparti dan kull żona tista' tipproduċi ħafna iżjed enerġija minn dak li tipproduċi l-bijomassa.

b)

Fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol, in-nuqqas ta' raba' madwar id-dinja ser iwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-bijoenerġija u għalhekk ser jiżdied ukoll il-prezz tal-prodotti agrikoli. Barra minn dan, ser jiżdiedu wkoll l-ispejjeż marbuta mal-materja prima għall-impjanti tal-bijoenerġija, filwaqt li l-enerġija solari ser issir iktar vijabbli minħabba l-prezzijiet għolja taż-żejt, tal-faħam u tal-gass.

c)

Minħabba n-nuqqas ta' raba', l-espansjoni wiesgħa tal-bijoenerġija ser twassal bla dubju ta' xejn għall-fatt li l-artijiet li qabel ma kinux jintużaw għall-biedja jibdew jintużaw (ħrit ta' artijiet mimlija ħaxix, deforestazzjoni) jew li l-art tibda tintuża għall-biedja b'mod iktar intensiv. Dan ser jikkawża żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u l-N2O bir-riżultat li ż-żieda tal-produzzjoni tal-bijoenerġija fir-raba' tista' tkun ta' dannu għall-ħarsien tal-klima.

5.4

Jekk ir-riżorsi naturali huma skarsi u l-bidla għal strutturi, ġodda u kemm jista' jkun deċentralizzati, ta' provvista tal-enerġija rinnovabbli hija marbuta ma' investimenti relattivament għoljin, il-prinċipju li wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh huwa dak li jiffoka r-riżorsi finanzjarji fuq l-iktar strateġiji effiċjenti għall-ħarsien tal-klima.

5.5

Madankollu, fil-livell Ewropew, xi forom ta' bijoenerġija attwali, li wħud minnhom huma appoġġjati mill-Istati, bħall-agro-karburanti kif ukoll il-produzzjoni tal-bijogass mill-qamħirrun, huma marbuta ma' spejjeż kbar biex jiġi evitat is-CO2  (6) (minn EUR 150 sa 'l fuq minn EUR 300 għal kull tunnellata CO2).

5.6

L-ispiża ta' xi forom oħra ta' bijoenerġija, pereżempju l-produzzjoni tal-bijogass minn demel likwidu (l-iktar marbuta mas-sħana), il-koġenerazzjoni tal-elettriku u s-sħana mil-laqx tal-injam (magħmul mill-iskart tal-injam jew pjantaġġuni b'newba tal-uċuħ tar-raba' qasira) kif ukoll il-kombustjoni tal-laqx tal-injam f'impjanti tal-elettriku kbar, biex jiġi evitat is-CO2 hija ta' EUR 50 biss għal kull tunnellata CO2  (7).

5.7

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea jiddikkjara li, sabiex jitnaqqsu l-gassijiet serra għal kull ettaru, huwa ferm iżjed effiċjenti li tintuża l-bijomassa għall-produzzjoni tal-elettriku minflok l-agro-karburanti likwidi (8). L-impjanti moderni tal-bijomassa huma effiċjenti kważi daqs li kieku jkunu qed jużaw il-karburanti fossili. Fil-fatt, fil-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku, mega joule (MJ) ta' bijomassa jissostitwixxi madwar 0.95 MJ ta' karburanti fossili. L-effiċjenza tal-enerġija tat-trasformazzjoni minn bijomassa għal karburant likwidu għall-qasam tat-trasport normalment tkun bejn it-30 % u l-40 %. Għalhekk MJ ta' bijomassa jissostitwixxi biss madwar 0.35 sa 0.45 MJ ta' żejt mhux maħdum għall-qasam tat-trasport.

5.8

Bil-produzzjoni tal-agro-karburanti jistgħu jitnaqqsu madwar tliet tunnellati CO2 għal kull ettaru, filwaqt li għall-forom ta' bijoenerġija li jissemmew f'punt 6.6 dan l-ammont jitla' għal 12-il tunnellata għal kull ettaru.

5.9

F'dan il-kuntest, il-KESE jixtieq ikun jaf għaliex il-Kumissjoni trid tistabbilixxi objettiv espliċitu ta' 10 % għall-agro-karburanti. Huwa jfakkar li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa spjega li dan l-objettiv għandu jintlaħaq b'mod “kost-effettiv” u li għandhom jitwettqu tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li:

il-produzzjoni tkun sostenibbli,

l-agro-karburanti tat-tieni ġenerazzjoni jkunu għall-bejgħ, u

id-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil tiġi emendata.

5.10

Rigward is-sostenibbiltà hemm iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet mogħtija (ara wkoll punt 9) u l-agro-karburanti tat-tieni ġenerazzjoni għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk, mill-inqas, tnejn mit-tliet kriterji stipulati mill-Kunsill Ewropew ma twettqux, però dan ma waqqafx lill-Kummissjoni milli tinkludi l-objettiv tal-10 % fil-proposta għal Direttiva.

5.11

Il-Kummissjoni tiġġustifika dan, fost affarijiet oħra, bl-argument li s-settur tat-trasport juri l-ikbar żieda ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra meta mqabbel ma' setturi ekonomiċi oħra u l-agro-karburanti “bħalissa […] jiswew iktar biex jiġu prodotti minn forom oħra ta' enerġija rinnovabbli, li jista' jfisser li bilkemm jiġu żviluppati mingħajr ħtieġa speċifika”.

5.12

Il-KESE ma jistax jaċċetta dan ir-raġunament:

5.12.1

Huwa minnu li fis-settur tat-trasport l-emissjoni tal-gassijiet serra ma tistax tiġi kkontrollata. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, limiti tal-egżost iktar stretti u s-sostituzzjoni ta' 10 % tad-diżil u l-petrol ma jsolvux il-problema, lanqas biss ser ikunu kapaċi jikkumpensaw għall-impatt ambjentali tat-tkabbir li ser iseħħ matul is-snin li ġejjin fis-settur tat-trasport.

5.12.2

Il-Kumitat kemm-il darba enfasizza l-fatt li din il-problema għandha tiġi indirizzata permezz ta' politika għat-tnaqqis tat-traffiku u ta' bidla fit-tqassim tal-mezzi tat-trasport favur mezzi tat-trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent bħalma huma t-tramm, it-trasport pubbliku u l-vapuri.

5.12.3

Mil-lat teknoloġiku, il-KESE qiegħed ibassar li fil-ġejjieni l-vetturi privati mhux ser jibqgħu jaħdmu b'magna tal-kombustjoni interna, iżda bi trazzjoni elettrika prodotta minn enerġiji rinnovabbli. Skont l-istimi tal-EMPA (9), biex VW Golf tagħmel vjaġġ ta' 10 000 kilometru bl-agro-karburanti tinħtieġ żona ta' 2 062 metru kwadru ta' kolza għall-agro-diżil. Min-naħa l-oħra, f'sena ċ-ċelloli solari jistgħu jipproduċu l-istess ammont ta' enerġija f'żona ta' 37 metru kwadru, li hija madwar wieħed minn sittin taż-żona meħtieġa għall-kolza.

5.12.4

Id-deċiżjoni strateġika li l-agro-karburanti jieħdu post id-diżil u l-petrol hija waħda mill-inqas miżuri effettivi u li tiswa l-aktar. Dan ifisser allokazzjoni ħażina ferm tar-riżorsi finanzjarji. Huwa propju għalhekk li l-KESE ma jifhimx għaliex l-iżjed miżuri li jiswew il-flus huma dawk li jiġu appoġġjati l-iktar fil-livell politiku, iktar u iktar meta bosta kwistjonijiet ambjentali u soċjali, biex ma nsemmux dawk ekonomiċi, għadhom mingħajr soluzzjoni.

5.12.5

Għaldaqstant, il-KESE ma jaqbilx mal-Kummissjoni meta tgħid li, “[…] iż-żieda fl-użu tal-bijokarburanti għat-trasport hija waħda mill-għodod l-aktar effettivi” sabiex jiġu indirizzati l-isfidi.

5.13

Meta wieħed iqis li l-Kummissjoni qed timmira li tawtorizza l-agro-karburanti jekk dawn inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 35 % — meta mqabbla mal-karburanti taż-żjut fossili — l-objettiv tal-10 % ser iwassal għal tnaqqis ta' 3.5 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tat-trasport bil-magna — jekk l-ammont ta' traffiku jibqa' kif inhu. Billi t-trasport jikkontribwixxi għal madwar kwart tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra, hawnhekk qed nitkellmu dwar tnaqqis potenzjali ta' 1 % tal-emissjonijiet! Dan huwa ammont li m'għandu x'jaqsam xejn mal-ispiża finanzjarja u mal-perikli involuti.

5.14

Għalkemm l-agro-karburanti fil-qasam tat-trasport jistgħu jitqiesu bħala użu tajjeb tal-bijomassa, l-enfasi għandha dejjem tibqa' fuq l-effiċjenza assoluta. Madankollu, Anness VII tad-Direttiva juri biċ-ċar li l-bidla tal-bijomassa f'ester etanol mhix l-approċċ it-tajjeb. Kull bidla molekolari (industrijali) hija marbuta mal-użu tal-enerġija, u b'hekk mat-telf tal-enerġija. Ikun jagħmel iktar sens li kieku l-bijomassa tintuża b'mod dirett, mingħajr bidla industrijali/kimika.

5.15

Il-fatt li xi manifatturi tat-trakters issa qed joffru magni li jaħdmu b'żejt veġetali pur jixhed li dan huwa teknikament possibbli.

5.16

Anness VII juri li permezz ta' din it-teknoloġija jista' jitnaqqas l-ikbar ammont ta' egżost: iż-żejt pur magħmul miż-żerriegħa tal-kolza joffri nuqqas standard ta' egżost ta' 55 %, l-agro-diżil magħmul miż-żerriegħa tal-kolza 36 % biss, l-etanol magħmul mill-qamħirrun 0 % meta mqabbel mal-karburanti magħmula minn żejt fossili. Il-KESE ma jistax jifhem għaliex il-Kummissjoni ma tistqarrx li dan il-metodu joffri l-iktar benefiċċji, b'mod partikolari ladarba dan huwa l-aħjar mod kif l-istrutturi deċentralizzati tal-provvista tal-enerġija — u b'hekk l-impjiegi fil-biedja u ż-żoni rurali — jistgħu jiġu żviluppati.

5.17

Fil-fehma tal-KESE, hija strateġija tajba li kieku jiġu promossi ż-żjut veġetali puri, li jistgħu jinkisbu pereżempju mill-kultivazzjoni mħallta li tkun tirrispetta l-ambjent, fil-biedja stess u anke fit-trasport lokali jew għall-vapuri (10). B'hekk il-bdiewa jkunu jistgħu jiġu involuti direttament fl-iżvilupp ta' ċikli ta' enerġija reġjonali u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan b'mod dirett. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istrateġija tal-agro-karburanti, dawn isiru l-produtturi tal-irħas materja prima għall-industrija taż-żejt minerali, jekk il-materja prima fil-fatt tintuża għall-produzzjoni fl-Ewropa.

6.   Kummenti dwar l-argument tas-sigurtà tal-provvista

6.1

Il-Kummissjoni temmen li l-maġġoranza tal-bijomassa meħtieġa għall-agro-karburanti ser tiġi prodotta f'reġjuni lil hinn mill-UE li għandhom klima iżjed adatta. Madankollu, is-sostituzzjoni tal-importazzjoni taż-żejt b'importazzjoni ta' bijomassa ma tfissirx li ser titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni, iżda tfisser biss diversifikazzjoni f'din id-dipendenza.

6.2

Ma jistax ikun tabilħaqq li l-għan tal-politika l-ġdida tal-enerġija tal-UE huwa li tibdel dipendenza b'oħra.

6.3

Fil-fatt, l-approċċ prijoritarju għandu jkun li s-sorsi deċentralizzati, lokali jew reġjonali li huma disponibbli jitpoġġew fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida tal-ER. Hawnhekk il-bijoenerġiji jistgħu u għandhom jaqdu r-rwol tagħhom, però mhux dak li ġie stabbilit fl-istrateġija tal-agro-karburanti.

7.   L-impjiegi

7.1

Il-Kummissjoni tikteb li, “l-enerġija rinnovabbli hija sostitut mill-qrib għall-enerġija konvenzjonali u hija pprovduta permezz tal-istess infrastruttura u sistemi loġistiċi”. Fil-fehma tal-KESE din l-istqarrija hija qarrieqa: l-ER minn strutturi deċentralizzati jvarjaw parzjalment mill-enerġija “konvenzjonali” li normalment tiġi minn strutturi ċentralizzati kbar.

7.2

Strateġija tal-agro-karburanti li hija bbażata fuq l-importazzjoni tal-enerġija u fuq taħlitiet ta' diżil u petrol tuża strutturi “konvenzjonali”, jiġifieri strutturi ċentralizzati tal-kumpaniji internazzjonali taż-żejt. B'hekk tgħaqqad l-istrutturi tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tagħhom u dan huwa totalment fl-interess tal-industrija taż-żejt. Madankollu, dan l-approċċ ftit li xejn joħloq impjiegi ġodda fl-Ewropa (11).

7.3

Min-naħa l-oħra, jekk l-enfasi titpoġġa fuq l-użu iktar effiċjenti tal-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku mil-laqx tal-injam, jew fuq iż-żjut veġetali puri kkultivati fir-reġjun, jew fuq il-provvista tal-bijogass tal-vetturi, jew fuq żoni mingħajr netwerk tal-gass naturali, jew inkella fuq teknoloġiji solari deċentralizzati, eċċ., ikun possibbli li jiġu żvluppati metodi ta' produzzjoni u distribuzzjoni reġjonali ġodda li joffru opportunitajiet kbar ta' impjieg.

7.4

Rigward l-enerġija solari termali u l-użu deċentralizzat tal-enerġija fotovoltajka, il-konsumaturi (ta' l-enerġija) joħolqu l-parti l-kbira tal-enerġija meħtieġa huma stess, fatt li juri li l-provvista tal-enerġija bbażata fuq l-ER hija organizzata b'mod differenti għal kollox minn dak użat fl-istruttura tal-provvista tal-enerġija attwali.

7.5

Anke miżuri oħra, bħal pereżempju ż-żieda fl-effiċjenza u fl-iffrankar tal-enerġija, jistgħu joħolqu mijiet ta' eluf ta' impjiegi fl-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju — fil-fażi tal-kostruzzjoni biss. Eżempji ta' dan huma l-iżolament tal-bini, l-installazzjoni ta' tagħmir tal-enerġija solari u tal-enerġija mir-riħ, jew il-bini ta' impjanti tal-bijogass. Hija r-responsabbiltà tal-politiċi li jisfruttaw dan il-potenzjal b'mod effettiv billi l-istrateġija li tiffoka fuq l-agro-karburanti li hija mressqa fil-proposta għal Direttiva mhix l-iktar soluzzjoni effiċjenti.

7.6

Dan ifisser li anke fir-rigward tal-impjiegi tinħtieġ minnufih analiżi bir-reqqa u differenti ħafna tad-diversi ER. Fil-fatt, l-ER jistgħu jippromovu u jappoġġjaw l-istrutturi ekonomiċi reġjonali, iżda min-naħa l-oħra jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-istrutturi ċentrali l-kbar.

7.7

L-istess ħaġa tgħodd ukoll għal dawk il-pajjiżi fejn il-bijomassa hija kkultivata għall-agro-karburanti. F'dokument ta' diskussjoni ta' Marzu 2008 bit-titlu “Il-Pożizzjoni Politika għall-Iżvilupp tal-Agro-karburanti”, il-Ministeru Federali responsabbli mill-għajnuna għall-iżvilupp fil-Ġermanja jasal għall-konklużjoni li, mil-lat tal-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, strateġija tal-produzzjoni bil-massa tal-bijomassa bbażata fuq l-esportazzjoni hija marbuta ma' riskji kbar u ma toħloqx impjiegi, filwaq li l-bijomassa għall-provvista tal-enerġija deċentralizzata, li fiha jiġu involuti l-irziezet iż-żgħar, ġeneralment tħalli l-frott.

8.   Kummenti dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà

8.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tistabbilixxi wkoll kriterji ta' sostenibbiltà għall-produzzjoni tal-agro-karburanti. Dan huwa pass 'il quddiem importanti, però fil-fehma tal-Kumitat il-proposta għal Direttiva hija insuffiċjenti għall-aħħar.

8.2

Il-Kummissjoni stess enfasizzat kemm-il darba l-importanza li jkun hemm bilanċ bejn il-pilastri ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali fil-politika ta' sostenibbiltà. Madankollu, l-esklużjoni totali tal-kwistjonijiet soċjali mill-kriterji biss twassal biex il-KESE jikkonkludi li l-abbozz ta' Direttiva ma jimplimentax strateġija ta' sostenibbiltà maħsuba sewwa jew kriterji ta' sostenibbiltà għall-agro-karburanti. F'dan ir-rigward, l-abbozz għandu jiġi rivedut kollu kemm hu.

8.3

F'dan il-kuntest, il-KESE jaħseb li huwa importanti li, minħabba l-bidliet fl-użu indirett tal-art, jitħejjew kriterji ekoloġiċi u soċjali effettivi mhux biss għall-agro-karburanti, iżda għall-prodotti agrikoli importati kollha, inkluż l-għalf.

8.4

Barra minn hekk, hija illużjoni li wieħed jemmen, pereżempju, li jew il-foresti tropikali jew il-bassasiet jistgħu jiġu mħarsa mill-użu għall-produzzjoni tal-agro-karburanti billi jiġu stipulati skandenzi (f'dan il-każ: Jannar tal-2008). Dan kollu jirrikjedi sistema funzjonali għar-reġistrar tal-artijiet kif ukoll sistema amministrattiva u tas-sorveljanza. L-esperjenza turi li f'ħafna mill-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw dawn ma jeżistux.

8.5

Il-KESE jemmen li l-kriterji tal-Artikolu 15(3) u (4) biex tinżamm il-bijodiversità u biex jiġi evitat li jintużaw l-artijiet b'ħafna ħażniet tal-karbonju mhumiex biżżejjed. Jeżistu ħafna iktar artijiet minn dawk imsemmija f'paragrafi 3(a) u (c) li huma importanti għall-preservazzjoni tal-bijodiversità. L-istess japplika għall-Artikolu 4(a) u (b) rigward il-ħażniet tal-karbonju.

8.6

F'sezzjoni B ta' Anness VII, il-Kummissjoni tagħmel lista tal-“valuri stmati tipiċi u valuri awtomatiċi għal bijokarburanti […] li mhumiex fis-suq, jew huma fis-suq fi kwantitajiet negliġibbli”. Il-KESE huwa tal-fehma li l-valuri għandhom ikunu bbażati fuq data affidabbli u mhux fuq stimi.

Brussell, is-17 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara punt 3.5.

(2)  Il-KESE diġà enfasizza l-ħtieġa ta' kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali u soċjali għall-agro-karburanti fl-opinjonijiet tiegħu “L-użu tal-bijokarburanti — progress miksub”, TEN/286 — CESE 1449/2007, ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34 u “Tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra/Trasport fit-triq”, NAT/354 — CESE 1454/2007.

(3)  Fil-proposta għal Direttiva jintuża t-terminu “bijokarburanti”. F'bosta opinjonijiet, il-KESE għamel referenza għal ħafna problemi ambjentali, li huma r-riżultat ta' dawn il-“bijokarburanti”. Billi l-prefiss “bijo” jimplika li l-prodott m'għandu l-ebda impatt ekoloġiku negattiv (bħal fit-terminu kultivazzjoni “bijoloġika”), f'din l-opinjoni l-KESE juża t-terminu newtrali “agro-karburanti” minflok “bijokarburanti”.

(4)  Id-Direttiva tgħid li, “qed ikun propost li kull Stat Membru għandu jilħaq għall-inqas sehem ta' 10 % ta' enerġija rinnovabbli (primarjament bijokarburanti) fis-settur tat-trasport sa l-2020 […]”.

(5)  Jew mill-konsumaturi ta' Stat.

(6)  Meta jissemmew l-ispejjeż kbar biex jiġi evitat is-CO2, dan ifisser l-ekwivalenti tas-CO2.

(7)  Sors: Nutzung von Biomasse zur EnergiegewinnungEmpfehlungen an die Politik, Kunsill Xjentifiku Konsultattiv tal-Politika Agrikola fil-Ministeru Federali Ġermaniż ta' l-Ikel, l-Agrikoltura u l-Ħarsien tal-Konsumaturi, ippubblikat f'Novembru ta' l-2007.

(8)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea: “Biofuels in the European Context: Facts, Uncertainties and Recommendations”, 2008,

http://ec.europa.eu/dgs/jrc/downloads/jrc_biofuels_report.pdf (disponibbli bl-Ingliż biss).

(9)  L-EMPA huwa istitut tar-riċerka dwar ix-xjenza tal-materji u t-teknoloġija fi ħdan l-Istitut Federali Svizzeru tat-Teknoloġija (ETH), Żurigu. Sors: Ökobilanz von Energieprodukten: Ökologische Bewertung von Biotreibstoffen. Schlussbericht, April 2007. Fuq it-talba ta' l-Uffiċċju Federali ta' l-Enerġija, l-Ambjent u l-Agrikoltura; Empa, Dipartiment tat-Teknoloġija u s-Soċjetà, St. Gallen: R. Zah, H. Böni, M. Gauch, R. Hischier, M. Lehmann, P. Wäger.

Jista' jitniżżel minn din il-ħolqa: http://www.news-service.admin.ch/NSBSubscriber/message/attachments/8514.pdf

(10)  Ara wkoll l-opinjoni dwar “Is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli” (TEN/211 — CESE 1502/2005 tal-15 ta' Diċembru 2005, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen, punt 3.3.1).

(11)  Ara wkoll l-istudju li diġà ssemma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea: “Biofuels in the European Context: Facts, Uncertainties and Recommendations”, 2008,

http://ec.europa.eu/dgs/jrc/downloads/jrc_biofuels_report.pdf (disponibbli bl-Ingliż biss).