3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rikonċiljazzjoni tad-dimensjoni nazzjonali u dik Ewropea fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa

(2009/C 27/30)

F'ittra datata l-25 ta' Ottubru 2007, il-Presidenza futura Franċiża tal-Kunsill ta' l-Unjoni ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Ir-rikonċiljazzjoni tad-dimensjoni nazzjonali u dik Ewropea fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa.

B'konformità ma' l-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sinjura Béatrice Ouin bħala rapporteur ġenerali.

L-opinjoni tikkunsidra wkoll l-ideat tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Niddibattu l-Ewropa: nibnu fuq l-esperjenza ta' Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu, adottata mill-Kummissjoni fit-2 ta' April 2008 (1).

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju (seduta ta' l-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'115 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jirrakkomanda li:

1.1

L-oriġinalità tal-kostruzzjoni Ewropea, il-valuri tagħha u l-pjan tagħha għandhom jitfissru bi kliem sempliċi li jifhmu kulħadd, inklużi t-tfal.

1.2

Fil-livell Ewropew, għandha tiġi pprovduta bażi komuni ta' għarfien għall-edukazzjoni ċivika Ewropea (ibbażata fuq dak li diġà qiegħed jitwettaq fl-Istati Membri) li tiġi tradotta fit-22 lingwa uffiċjali ta' l-Unjoni. Din il-bażi tista' tiġi kkonfermata mill-Parlament Ewropew, tiġi introdotta fil-kurrikulu ta' l-iskejjel u tipprovdi t-taħriġ prijoritarju għall-multiplikaturi: l-għalliema, il-politiċi eletti u l-ġurnalisti. L-organizzazzjoni ta' dan it-taħriġ hija responsabbiltà nazzjonali.

1.3

Għandha tiġi żviluppata politika komuni ta' komunikazzjoni li għandha tasal għand l-istituzzjonijiet kollha. Il-proposti f'din id-direzzjoni fil-komunikazzjoni Niddibattu l-Ewropa huma inkoraġġanti iżda għad hemm ħafna xi jsir. Komunikazzjoni ta' dan it-tip għandha tevita li tuża l-“eurospeak” li jintuża fi Brussell u għandha tippermetti liċ-ċittadini Ewropej jiddibattu dwar il-kwistjonijiet soċjali.

1.4

Din il-politika komuni ta' komunikazzjoni għandha tinġarr mill-mexxejja politiċi ta' l-istituzzjonijiet Ewropej u mill-membri tal-gvernijiet Ewropej li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kunsilli tal-Ministri u li huma magħrufa f'pajjiżhom. Sabiex minn Brussell tixxandar lill-495 miljun Ewropew, il-komunikazzjoni għandha tiffoka fuq il-multiplikaturi (ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-politiċi eletti lokali, il-ġurnalisti, l-għalliema…), per eżempju billi jingħataw sintesi qasira u li tinftiehem fi tmiem il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.

1.5

Fil-livell nazzjonali, il-membri tas-soċjetà ċivili u l-politiċi eletti lokali għandhom jippromovu d-demokrazija parteċipattiva Ewropea: flimkien, għandhom jiġbru l-fehmiet u r-reazzjonijiet taċ-ċittadini għall-proġetti Ewropej. Il-politiċi eletti lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex ikollhom impatt fl-istampa lokali, li hija l-iktar waħda li tinqara — meta dawn jitkellmu dwar l-Ewropa, l-istampa xxandar il-messaġġ tagħhom. Darba fis-sena dawk kollha li għandhom mandat Ewropew għandhom jinfurmaw lill-kostitwenti dwar l-attivitajiet tagħhom u fil-livell lokali, għandu jiġi kkompilat direttorju ta' persuni b'esperjenza Ewropea u li jkunu jistgħu jagħtu preżentazzjonijiet fl-iskejjel, l-assoċjazzjonijiet, l-assemblej eċċ.

1.6

Il-livell Ewropew għandu jipprovdi lil dawn il-persuni (jiġifieri l-politiċi eletti lokali, il-ġurnalisti, l-għalliema, il-membri tal-KES nazzjonali u r-rappreżentanti l-oħra tas-soċjetà ċivili) b'bażijiet tad-data aġġornati u b'paraguni bejn id-diversi Stati Membri ta' l-Unjoni dwar dawn is-suġġetti kollha. Din l-informazzjoni tista' tinfirex b'mod partikulari permezz tad-diversi servizzi tal-mezzi tax-xandir tas-soċjetà ċivili.

1.7

Fil-livell nazzjonali għandhom jiġu appoġġjati l-laqgħat u l-iskambji diretti bejn iċ-ċittadini: il-ġemellaġġi, il-kompetizzjonijiet sportivi, il-preżenza ta' rappreżentanti ta' Stat Membru ieħor fit-taħriġ b'dimensjoni Ewropea — billi jantiċipaw aċċess sempliċi u deċentralizzat għall-finanzjament ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar (Fond Ewropew għall-Komunikazzjoni) li jikkumplementa l-programmi ta' mobbiltà eżistenti.

1.8

Għandhom jintużaw aħjar ir-riżorsi eżistenti, b'mod partikulari l-użu ta' dokumenti tradotti, li llum ta' spiss jibqgħu biss dokumenti ta' ħidma għall-membri ta' l-istituzzjonijiet, u għandu jiġi appoġġjat il-multilingwiżmu meħtieġ sabiex l-Ewropej (2) ikunu jistgħu jikkomunikaw.

1.9

L-Istati Membri għandhom joħolqu Ministeri sħaħ għall-Affarijiet Ewropej; pajjiż barrani jibda mill-fruntieri ta' l-Unjoni u għaldaqstant, l-affarijiet Ewropej huma affarijiet ta' politika interna, mhux ta' l-affarijiet barranin. Dan għandu jgħodd ukoll għall-organizzazzjonijiet u l-mezzi tax-xandir.

1.10

Għandhom jiġu sfruttati l-avvenimenti li jiġu organizzati fil-livell nazzjonali (il-kompetizzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Jum l-Ewropa, l-anniversarji — inkluż dak ta' meta waqa' l-ħajt ta' Berlin) u għandhom jiġu organizzati avvenimenti fejn l-Ewropa tiġi diskussa bl-użu tas-simboli, l-innu u l-bandiera ta' l-Ewropa.

2.   Memorandum ta' spjegazzjoni

2.1   Ir-rikonċiljazzjoni tad-dimensjoni nazzjonali u Ewropea fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa

2.1.1

Minn mindu l-Franċiżi u l-Olandiżi rrifjutaw l-abbozz ta' Trattat Kostituzzjonali, hemm kunsens li l-messaġġ dwar l-Ewropa għandu jiġi kkomunikat aħjar. Madankollu, ir-riżultat tar-referendum ta' l-Irlanda juri li din ir-rieda għadha ma ġietx tradotta f'azzjoni effettiva, la fil-livell nazzjonali u lanqas fil-livell Ewropew.

2.1.2

Il-Kummissjoni ħejjiet diversi testi li diġà ġew diskussi u l-KESE pprovda opinjonijiet tajbin ħafna dwar din il-kwistjoni, li hawnhekk m'huwiex il-każ li ssir il-parafrażi tagħhom. Il-White Paper dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea (CESE 972/2006 (3)) tirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jaħdmu flimkien għat-tisħiħ ta' l-isfera pubblika Ewropea. L-għan ta' din l-opinjoni m'huwiex li jiġu vvintati proposti ġodda iżda li jiġu ppreżentati dawk li diġà jeżistu b'mod organizzat billi jiġi ċċarat min hu responsabbli f'kull każ — l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni — u li jiġu definiti azzjonijiet prijoritarji.

2.2   Nikkomunikaw il-messaġġ dwar l-Ewropa: kompitu kumpless

2.2.1

Il-komunikazzjoni dwar l-Ewropa bilfors hija waħda kumplessa: il-proġett tal-kostruzzjoni ta' l-Ewropa minn dejjem kellu min jitfalu dell ikrah, sew min-naħa ta' dawk li ma riedux l-Ewropa u sew min-naħa ta' dawk li rieduha, kif ukoll min-naħa ta' dawk li riedu li l-proċess iseħħ mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni dwar l-Ewropa b'mod bilanċjat u li jinftiehem teħtieġ sforz kbir. Dan ma jfissirx li għandna “nbigħu l-Ewropa” iżda li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu fiż-żona Ewropea u li jkollhom aċċess għal għarfien informat dwar l-għażliet li jiddeterminaw il-futur ta' l-Unjoni.

2.2.2

Ir-rwol tal-komunikazzjoni tal-messaġġ dwar l-Ewropa jħaddan kemm id-difużjoni ta' kunċett politiku uniku fl-istorja tal-bniedem kif ukoll il-preżentazzjoni ta' pjan; għandu jinstab bilanċ bejn il-komunikazzjoni tal-pjan — li taqa' f'idejn l-awtoritajiet politiċi — u l-informazzjoni meħtieġa dwar dak li jwettqu l-istituzzjonijiet — li taqa' f'idejn l-istituzzjonijiet individwali u hija mmirata lejn is-sezzjonijiet rilevanti tal-pubbliku.

2.2.3

Il-pjan inizjali għandu bżonn jiġġedded. Li wieħed jispjega li “l-Ewropa tfisser il-paċi” lill- ġenerazzjonijiet li ma trabbewx fil-konsegwenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija u li bdew juru interess fid-dinja hekk kif il-bombi bdew neżlin fuq Sarajevo m'hijiex dikjarazzjoni kredibbli. Dawk il-ġenerazzjonijiet li twieldu wara s-snin sebgħin iħossu li l-Ewropa ġiet imposta fuqhom u li din ma setatx timpedixxi li jkun hemm gwerra fuq l-għatba tagħhom u lanqas ma tista' tipproteġihom minn dik li titqies bħala globalizzazzjoni eċċessiva. Dawn ma jikkunsidrawx li d-drittijiet u l-libertajiet li jgawdu huma frott l-iżviluppi Ewropej.

2.2.4

Approċċ iktar adattat ikun li jitwassal il-messaġġ li “l-Ewropa tfisser it-tkabbir ta' l-orizzont” bit-tneħħija tal-fruntieri, li jintwera b'mod konkret kif, pass wara pass, l-ostakli qed jitneħħew sabiex ikun hemm il-fehim reċiproku, id-djalogu, il-moviment, il-kummerċ, l-impjieg f'pajjiżi oħra u l-migrazzjoni u li jintwera kif l-Ewropa tiftaħ bibien ġodda għall-Ewropej billi tipprovdilhom iktar spazju, miftuħ għal diversi kulturi fejn jistgħu jagħżlu li jgħixu. Il-valur tanġibbli ta' l-Ewropa jista' jintwera wkoll billi jiġi ċċarat kif, permezz tat-tqabbil tas-sistemi differenti, l-Ewropa tippermetti l-aħjar żvilupp personali.

2.2.5

Fl-aħħarnett, għandu jingħad li flimkien, nistgħu niġġieldu kontra l-bidla fil-klima, inħarsu l-ambjent, is-sigurtà alimentari, id-drittijiet tal-konsumaturi, eċċ. L-Ewropa għandha bżonn kunċetti sempliċi, hekk kif għandhom fis-seħħ l-Istati Membri. Huwa faċli li tfiehem lit-tfal li hemm il-ħtieġa ta' rotot u ta' linji tal-ferrovija sabiex wieħed ikun jista' jivvjaġġa min-naħa għall-oħra, li kulħadd għandu jitgħallem jaqra sabiex jifhem id-dinja ta' madwaru, li dawk li jagħmlu d-deni lill-oħrajn, jew lill-kollettiv, għandhom jiġu ppenalizzati, u li l-Istat jipprovdi s-servizzi li jeħtieġ kulħadd — il-ġestjoni tat-territorju, l-edukazzjoni, il-ġustizzja — u li l-Istat jeżisti sabiex iħares is-saħħa, is-sigurtà u s-solidarjetà. Peress li hija kostruzzjoni reċenti, li ċerti ċittadini ma laqgħux tajjeb, huwa diffiċli li wieħed jifhem il-kunċett ta' l-Ewropa, il-ħtieġa tagħha u s-siewi tagħha. Il-fatt li dan il-kunċett jittratta iktar spazju fejn wieħed jgħix u t-tgħaqqid ta' l-isforzi sabiex nissaħħu u nsiru iktar kreattivi billi nkunu numru ikbar għandu jkun sempliċi biżżejjed biex jinftiehem mit-tfal u l-ġenituri tagħhom.

2.2.6

Għalkemm dan kollu ma jikkonċernax lill-Istati kollha ta' l-Unjoni, l-euro jidher li kien suċċess li jista' jintuża b'mod iktar effettiv, kemm bħala simbolu tat-twaqqigħ tal-fruntieri, bħala fattur li saħħaħ is-sentiment ta' appartenenza ma' l-Ewropa, kif ukoll bħala mezz ta' kif nistgħu nkunu iktar sodi flimkien.

2.2.7

Il-promozzjoni ta' l-idea ta' identifikazzjoni ma' l-Ewropa tissaħħaħ b'figuri u simboli emblematiċi li jkunu magħrufa minn kulħadd, b'mod partikulari l-bandiera Ewropea.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1   Komunikazzjoni politika u komunikazzjoni istituzzjonali

3.1.1

Tajjeb li wieħed jinnota li kull istituzzjoni Ewropea, bir-raġun, tiddedika riżorsi konsiderevoli sabiex tispjega dak li tagħmel: servizzi ta' komunikazzjoni attrezzati b'uffiċjali kwalifikati, siti ta' l-Internet, pubblikazzjonijiet u vidjows. Ċittadin li jżur l-istituzzjonijiet joħroġ minnhom b'ħafna dokumenti sbieħ, fatt li ma jfissirx li dan ikun fehem kif jiffunzjona dan kollu u kif dan kollu jikkonċerna l-ħajja ta' kuljum tiegħu. Anzi, miġburin flimkien, dawn id-dokumenti jagħtu pjuttost l-impressjoni ta' kumplessità u ta' kakofonija. Hemm bżonn ta' komunikazzjoni aħjar mhux iżjed komunikazzjoni. Ir-riżorsi m'humiex neqsin, iżda għandhom bżonn jiġu riallokati. Il-mezzi ta' komunikazzjoni m'humiex ta' kwalità ħażina, iżda m'humiex koerenti u ma jservux għal tul ta' żmien. Barra minn hekk, dawn m'humiex maħsuba tajjeb, kemm rigward il-kontenut tagħhom kif ukoll rigward in-nies u l-istituzzjonijiet għand min jintbagħtu. Hemm wisq fuljetti jduru.

3.1.2

Il-kriżi ta' kunfidenza dwar il-kapaċità li l-Unjoni Ewropea tikkomunika b'mod effettiv liċ-ċittadini tagħha tirrikjedi bidla radikali fil-kultura tal-komunikazzjoni. Bħalissa, l-isforzi Ewropej m'humiex adegwati biex jilħqu lil dawk in-nies li m'għandhom l-ebda idea dwar l-UE (u dawn jiffurmaw il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej) u jistgħu jkunu kontroproduttivi. Dan minħabba l-fatt li hemm nuqqas ta' ħsieb konġunt dwar l-istrateġiji ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri.

3.1.3

Meta jingħaddu flimkien, l-ammont ta' flus li jintefaq għall-komunikazzjoni istituzzjonali huma sinifikanti u jista' jintuża b'mod iżjed għaqli għall-komunikazzjoni dwar il-politiki. Ikun interessanti li wieħed jagħmel inventarju tal-baġit allokat għall-komunikazzjoni għal kull istituzzjoni u Stat Membru, u li wieħed isir jaf min hu inkarigat.

3.1.4

Jeżisti kunsens dwar l-idea li l-komunikazzjoni dwar l-Ewropa m'hijiex ħlief mezz għat-twettiq ta' proġett u li ma jistax ikun hemm komunikazzjoni tajba jekk il-proġett innifsu m'huwiex vallapena. Iżda d-diffikultà ma tinstabx biss fil-kwalità ħażina jew tajba tal-proġett, iżda wkoll fil-fatt li m'hemmx il-mezzi biex il-proġett jiġi promoss: il-mezzi jeżistu biss fl-istituzzjonijiet. Il-proġett Ewropew innifsu għandu primarjament jitwettaq mill-awtoritajiet responsabbli politiċi: il-president ta' l-Unjoni fil-kariga (u l-president futur hekk kif previst fit-Trattat ta' Lisbona), il-kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern u l-president tal-Kummissjoni. Il-ministri li jipparteċipaw fil-Kunsilli jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jispjegaw f'pajjiżhom id-deċiżjonijiet li jkunu ħadu b'mod kollettiv.

3.1.5

Il-komunikazzjoni li ssir mill-istituzzjonijiet normalment hija waħda sempliċi billi tikkomunika dak li jagħmlu l-istituzzjonijiet. Madankollu, l-isforz innifsu tal-komunikazzjoni dwar il-proġett Ewropew minn dejjem kien soġġett għall-kritika. In-nuqqas ta' riżorsi speċifiċi, l-esponiment għall-kritika ta' kull għamla, kif ukoll il-fatt li l-politiċi ta' spiss ikunu iżjed imħassba dwar l-immaġni tagħhom fil-livell nazzjonali (minn fejn tkun ġejja l-leġittimità tagħhom) u normalment ftit li xejn ikunu magħrufa barra minn pajjiżhom, huma kollha fatturi li jwasslu sabiex il-komunikazzjoni politika Ewropea tkun waħda dgħajfa u li ma tagħmel l-ebda ħoss.

3.1.6

Permezz tal-komunikazzjoni politika u istituzzjonali, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali flimkien jistgħu jmexxu tajjeb il-politika l-ġdida ta' komunikazzjoni, sfida għall-Unjoni tas-seklu 21 li fl-unità tagħha hija differenti meta mqabbla ma' korpi b'karattru iktar omoġenju f'partijiet oħra tad-dinja. L-istqarrija ta' Henry Kissinger, li 'l-Ewropa m'għandhiex numru tat-telefown', għadha tapplika sal-ġurnata ta' llum.

3.1.7

Għandha tinħoloq politika ta' komunikazzjoni komuni, li tista' torbot lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri f'sett komuni ta' prinċipji bażiċi li jirregolaw il-komunikazzjoni Ewropea u l-istrateġija ta' l-informazzjoni. Din tista' tappoġġja l-isforzi differenti ta' l-organizzazzjonijiet governattivi u dawk non-governattivi sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-Ewropa fil-livell lokali ta' kull pajjiż.

3.1.8

Politika bħal din tista' tkun ukoll mezz importanti sabiex wieħed jiżgura li l-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE jkollhom l-istess approċċ. Sitwazzjoni fejn fil-fatt l-istituzzjonijiet individwali jikkompetu bejniethom m'hija xejn ħlief sitwazzjoni tad-daħq. Naturalment, dawn iridu jakkomodaw bżonnijiet u ħtiġijiet ta' informazzjoni differenti, iżda bażikament dawn qegħdin jaħdmu sabiex jilħqu l-istess objettiv u dan jidher li ntilef fost il-ġenn sabiex jiġġustifikaw il-preżenza tagħhom jew minħabba finijiet egoistiċi.

3.1.9

Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tinvesti f'waħda mill-ikbar sfidi li ser ikollha tħabbat wiċċha magħhom fl-għaxar snin li ġejjin — li tagħti liċ-ċittadini tagħha sens ta' appartenenza f'dan il-proġett importanti u li huwa uniku fid-dinja.

3.2   Għan

3.2.1

Huwa impossibbli li l-messaġġ dwar l-Ewropa jiġi kkomunikat minn Brussell lill-495 miljun ċittadin — lanqas bl-Internet.

3.2.2

Il-komunikazzjoni istituzzjonali għandu jkollha għan u m'għandhiex tipprova tindirizza lilha nnifisha lill-pubbliku ġenerali iżda lil dawk li huma kkwalifikati sabiex jintervienu fil-proġetti fil-qasam speċjalizzat tagħhom, u li jistgħu jadottaw it-testi sabiex japplikawhom u/jew jikkomunikawhom lill-persuni involuti. Dawn il-multiplikaturi huma proprju dawk li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jispjegaw ir-riżultati tal-kostruzzjoni Ewropea, kemm dawk tal-passat u kemm dawk attwali. Minn dan il-lat, il-KESE, billi jgħaqqad ir-rappreżentanti tal-membri kollha tas-soċjetà, huwa, bla dubju ta' xejn, korp pertinenti.

3.2.3

Qabel ma dokument, stampat jew elettroniku, jiġi ppubblikat, wieħed għandu jsaqsi lilu nnifsu min ser ikunu l-qarrejja, sabiex b'hekk il-lingwa jew l-immaġni li jintużaw jintgħażlu skond l-għan tad-dokument. Bosta dokumenti ppubblikati donnhom ma jsibux il-pubbliku tagħhom peress li d-disinn jitfassal għall-pubbliku ġenerali filwaqt li l-kontenut ikun immirat lejn pubbliku speċjalizzat ħafna.

3.2.4

Għandu jkun hemm persuni speċjalizzati li jagħtu l-opinjoni skond il-qasam ta' kompetenza. Minn dan il-lat, l-inizjattiva tal-KESE permezz ta' l-ittra elettronika ta' informazzjoni tiegħu, l-e-bridge, adattata għal kull membru u indirizzata lill-persuni li jagħtu l-opinjoni, tidher li hija mudell ta' prattika tajba. Dan il-mudell jgħodd ukoll għall-proġett tal-Parlament Ewropew tan-netwerk li jgħaqqad lill-membri parlamentari Ewropej u lill-membri parlamentari ta' l-Istati Membri sabiex flimkien, dawn ir-rappreżentanti jistgħu jilħqu għadd kbir ta' multiplikaturi li huma influwenti f'kull pajjiż.

3.2.5

L-informazzjoni għandha tkun immirata speċifikament lejn ir-rappreżentanti eletti, il-membri tal-KES nazzjonali, il-ġurnalisti u l-għalliema; f'dan il-kuntest wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu x'informazzjoni hemm bżonn sabiex tinfirex l-idea Ewropea u dak kollu li wettqet l-Unjoni. L-enfasi għandha tkun fuq il-bżonnijiet tagħhom iktar milli fuq il-bżonnijiet ta' l-istituzzjonijiet għall-pubbliċità dwar xogħlhom.

3.2.6

Huwa importanti wkoll li dawk li jiffurmaw l-opinjoni jilqgħu n-nies fil-post fejn jinsabu. Il-mezzi tax-xandir “soċjali” qegħdin jikbru fl-importanza u kull komunikazzjoni għandha tagħżel il-mezz adattat.

3.3   Ir-rwol tal-politiċi eletti fid-demokrazija parteċipattiva

3.3.1

Il-komunikazzjoni politika għandha tinfluwenza lill-495 miljun Ewropew. Għandha tagħti informazzjoni dwar il-proġett Ewropew, tispjega x'għamlet, x'qed tagħmel u dak li tixtieq tagħmel l-Ewropa; u għal liema raġuni wkoll; x'għajnuna toffri l-Ewropa u għalfejn. Din il-komunikazzjoni hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, b'mod partikulari tal-ministri li jipparteċipaw fil-Kunsill u li huma l-aħjar informati dwar id-deċiżjonijiet, il-mexxejja politiċi u l-membri tas-soċjetà ċivili, li huma kapaċi jitkellmu bil-lingwa tagħhom maċ-ċittadini u huma viċin biżżejjed tagħhom biex jisimgħuhom. Għalkemm il-kisbiet kollettivi ta' l-Ewropa huma l-istess għall-Ewropej kollha, il-benefiċċji għall-pajjiżi individwali għandhom jiġu spjegati b'modi differenti liċ-ċittadini mill-Bulgarija, mill-Estonja jew mill-Isvezja.

3.3.2

Din il-komunikazzjoni dwar il-proġett Ewropew għandha tkun waħda bbażata fuq il-parteċipazzjoni, billi tikkunsidra l-bżonnijiet, l-aspirazzjonijiet u l-opinjonijiet taċ-ċittadini u barra minn hekk teħtieġ li dawk responsabbli jkollhom il-ħila jisimgħu. Din il-konsultazzjoni maċ-ċittadini ma tistax issir minn Brussell jew Strasburgu. Bord ta' ċittadini jistgħu jagħtu l-polz ta' l-opinjoni, iżda m'humiex biżżejjed biex jagħtu l-impressjoni taċ-ċittadini li qegħdin jinstemgħu.

3.3.3

Il-politiċi eletti lokali, li jingħataw il-leġittimità permezz tad-demokrazija rappreżentattiva u li jkunu qrib l-eletturi tagħhom jinsabu f'pożizzjoni aħjar minn dik ta' l-istituti tas-servejs biex jitolbu l-opinjoni taċ-ċittadini dwar il-proġetti Ewropej. Bl-istess mod l-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom jitolbu l-opinjoni lil dawk li jirrappreżentaw dwar il-kwistjonijiet trattati fil-livell Ewropew li jirriżulta mill-qasam ta' kompetenza tagħhom. Meta l-politiċi eletti jitkellmu dwar l-Ewropa, l-istampa xxandar il-messaġġ tagħhom. Għalhekk l-Ewropa ser ikollha tokkupa post importanti fil-mezzi tax-xandir (l-istampa, it-televiżjonijiet u r-radjijiet lokali) u fil-bloggijiet tal-politiċi eletti.

3.3.4

Ir-rappreżentanti kollha ta' l-Istati Membri, il-ministri, il-Membri Parlamentari Ewropej, il-membri tal-KESE u tal-Kumitat tar-Reġjuni, l-imsieħba soċjali, id-delegati ta' l-NGOs jew il-ħaddiema nazzjonali fil-kumitati tal-programm għandhom jagħtu rendikont lill-eletturi jew lill-mandati tagħhom dwar l-esperjenza tagħhom fi Brussell (rapport annwali u laqgħa fil-pajjiż). M'huwiex biżżejjed li wieħed jikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta' l-Ewropa minn Brussell, kull min jagħti l-kontribut tiegħu għal dan il-għan għandu rwol importanti sabiex jispjega lil pajjiżu dak li ġie deċiż fi Brussell. Għaldaqstant, l-inizjattiva Back to School għandha titkompla.

3.4   Edukazzjoni ċivika Ewropea komuni

3.4.1

Fil-livell Ewropew, għandha tiġi pprovduta bażi komuni ta' għarfien lill-istudenti, f'lingwa aċċessibbli għal kulħadd, dwar l-istorja tal-kostruzzjoni Ewropea, il-funzjoni tagħha, il-valuri tagħha u l-proġett tagħha. Tkun idea tajba jekk din il-bażi tkun komuni għaż-żgħażagħ Ewropej kollha u li tiġi kkonfermata mill-Parlament Ewropew. Sabiex jiġi mgħallem lit-tfal għandu jiġi mgħallem ukoll lill-politiċi eletti lokali, li huma r-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet pubbliċi l-eqreb taċ-ċittadini. Il-bażi komuni ta' għarfien għandha tinġabar f'dokument sempliċi. Dan jinkludi l-bandiera Ewropea, il-mappa ta' l-Ewropa u “l-Karta taċ-Ċittadin Ewropew” b'parti allokata għall-għan tal-proġett: l-istorja u l-valuri u parti għall-politiki Ewropej u l-effett tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini (it-tneħħija tal-fruntieri, l-euro, il-Fondi Strutturali, il-programmi ta' mobbiltà, il-karta tad-drittijiet fundamentali, eċċ.). Dan id-dokument għandu jesprimi l-unità li tippreżenta l-loġika tad-diversità u għandu jkun disponibbli fit-22 lingwa ta' l-Unjoni. Dan għandu jingħata lil kull ċittadin meta jingħata l-passaport.

3.4.2

It-tagħlim dwar l-Ewropa huwa l-ewwel sfida li trid tingħeleb: kull Stat għandu jaħdem sabiex jintroduċi dawn is-sisien komuni ta' għarfien fil-livelli amministrattivi kollha possibbli: il-kurrikulu, il-manwali ta' l-edukazzjoni ċivika iżda wkoll it-taħriġ dwar il-kwistjonijiet Ewropej offrut lill-għalliema, il-ħaddiema, il-ġurnalisti, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-politiċi eletti u dawk kollha li huma mdaħħlin f'netwerks differenti ta' konsultazzjoni, ta' koordinazzjoni u ta' deċiżjoni fi Brussell. L-impjegati jistgħu jitħarrġu wkoll fil-qafas tat-taħriġ professjonali kontinwu.

3.4.3

Sabiex wieħed jivverifika li dan l-għarfien inkiseb, wieħed għandu jagħmel ċerti mistoqsijiet dwar l-Ewropa waqt l-eżamijiet fl-aħħar ta' l-istudji, il-kompetizzjonijiet tar-reklutaġġ ta' l-għalliema u l-uffiċjali u fl-iskejjel tal-ġurnaliżmu. Tkun idea tajba li dawk l-għalliema li jgħinu biex jifirxu l-għarfien dwar l-Ewropa jiġu organizzati f'netwerk.

3.4.4

Is-sisien komuni ta' għarfien huma magħmula mill-valuri adottati mill-Unjoni Ewropea u li, flimkien, jiddistingwuha miż-żoni l-oħra tad-dinja:

Ir-rispett għad-dinjità tal-persuna umana permezz tat-tneħħija tal-piena tal-mewt u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti tad-drittijiet tal-bniedem fi Strasburgu, ir-rispett għall-ħajja privata u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

Ir-rispett għad-diversità kulturali, mhux bħala separazzjoni tal-komunitajiet iżda bħala dritt individwali. Ir-razziżmu, l-antisemitiżmu u l-omofobija huma ppenalizzati.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tintegra d-drittijiet soċjali, id-djalogu soċjali u l-opportunitajiet indaqs.

“L-istat tad-dritt transnazzjonali”: fl-Unjoni Ewropea l-istat tad-dritt issostitwixxa l-liġi ta' l-iżjed wieħed b'saħħtu. Dan huwa minnu mhux biss fl-Istati Membri, iżda dan jikkonċerna wkoll l-Unjoni kollha kemm hi. Kull ċittadin Ewropew jista' jikkonferma d-drittijiet tiegħu lilhinn mill-fruntieri ta' pajjiżu u dan japplika għal-liġi nazzjonali u l-liġi Komunitarja.

Żona ta' solidarjetà transnazzjonali, reġjonali, interġenerazzjonali u soċjali permezz tad-diversi fondi Ewropej.

3.5   Il-provvista ta' l-informazzjoni dwar l-Ewropa

3.5.1

Il-korpi intermedjarji diġà għandhom rwol importanti ħafna għall-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tad-diversi setturi tas-soċjetà. Dawn għandhom jingħataw l-għodda sabiex ikollhom il-possibbiltà li jkomplu b'dan ir-rwol.

3.5.2

L-istampa ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — l-għaqdiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, il-mutwalitajiet, il-federazzjonijiet tal-bdiewa, l-NGOs, eċċ. — hija mezz ta' trasmissjoni effettiv ħafna. Minbarra li jipprovdu l-informazzjoni dwar il-proġetti Ewropej fil-qasam tal-kompetenza tagħhom, dawn il-mezzi jistgħu jqabblu dak li qed isir fil-pajjiżi Ewropej l-oħra fid-diskussjoni ta' suġġett partikulari. Tqabbil bħal dan jipprovdi materjal għad-dibattiti nazzjonali dwar ir-riformi meħtieġa.

3.5.3

L-Unjoni tista' tipprovdi bażijiet tad-data għal pubblikazzjonijiet bħal dawn li jkunu qrib il-qarrejja tagħhom iżda neqsin mir-riżorsi.

3.6   Il-promozzjoni tal-laqgħat u l-iskambji

3.6.1

Bħalma wrew il-programmi ta' skambju, fosthom l-Erasmus, m'hemm xejn aħjar mill-kuntatti diretti bejn l-Ewropej sabiex jissaħħaħ is-sentiment ta' appartenenza fl-Ewropa. Il-ġiti skolastiċi, iż-żjarat li jsiru mill-intrapriżi, il-ġemellaġġi tal-bliet, ta' l-istabbilimenti skolastiċi, tad-djar għall-anzjani, ta' l-assoċjazzjonijiet soċjali u umanitarji eċċ. huma mezzi eċċellenti ta' ftehim reċiproku. Iżda jeżistu miżuri oħrajn: tista' tittieħed deċiżjoni li jiġu mistiedna ċittadini minn Stati Membri oħrajn għal taħriġ organizzat mit-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem. Fl-istess ħin kull kunsill muniċipali jista' jistieden politiku elett lokali minn pajjiż Ewropew ieħor talanqas darba fis-sena. Servizz ċivili Ewropew jista' jippermetti lill-voluntiera żgħażagħ jakkwistaw esperjenza professjonali f'pajjiż ieħor Ewropew.

3.6.2

Il-ġemellaġġi tal-kunsilli lokali tat-tfal, l-universitajiet tat-terza età, il-korijiet u l-kompetizzjonijiet sportivi huma kollha mezzi ta' kif in-nies jistgħu jiltaqgħu u jiskopru lil xulxin. Jekk jitneħħa l-ostaklu ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar, dawn il-laqgħat jibdew iseħħu b'mod naturali.

3.6.3

L-organizzazzjoni ta' laqgħat bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri permezz ta' ġabra ta' temi teħtieġ mezzi għall-finanzjament ta' l-ispejjeż ta' vvjaġġar ta' dawk li jiġu mistiedna minn pajjiżi oħra. Il-golden star initiative tad-DĠ għall-Edukazzjoni u l-Kultura li tħeġġeġ il-laqgħat bejn il-kumitati ta' ġemellaġġ u inizjattivi lokali qiegħda fit-triq it-tajba. Hemm bżonn sistema sempliċi u deċentralizzata — l-ammonti jkunu relattivament modesti — għal riżultat effettiv ħafna. Il-flus iffrankati permezz tat-tnaqqis fl-għadd ta' fuljetti jistgħu jitpoġġew f'fond deċentralizzat għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tal-kontropartijiet Ewropej fl-attivitajiet tat-trejdjunjins, tal-komunitajiet tal-bliet, tal-federazzjonijiet industrijali, tal-kumitati tal-ġemellaġġ eċċ. Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tat-territorju, dawn il-flus ikopru biss l-ispejjeż tal-vjaġġ u jitqassmu b'mod sempliċi u mgħaġġel ħafna permezz tar-rappreżentanti lokali, per eżempju l-Europe Direct jew in-netwerk tad-Djar ta' l-Ewropa. Għall-għoti ta' dawn il-flus, l-atturi lokali ta' l-Ewropa jiġu kkonsultati permezz ta' direttorju ta' l-atturi kollha fil-livell prattiku li jieħdu sehem fil-korpi ta' koordinazzjoni u ta' deċiżjoni fi Brussell jew xi mkien ieħor (il-Kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, l-iskambji universitarji eċċ…).

3.6.4

Tista' titħeġġeġ l-idea li kull Ewropew, talanqas darba f'ħajtu, ikollu l-possibbiltà li jmur Brussell, Strasburgu u Lussemburgu sabiex iżur l-istituzzjonijiet u jifhem aħjar kif taħdem l-Ewropa.

3.6.5

Ikun siewi jekk il-proġetti kofinanzjati mill-istituzzjonijiet, bħal dawk proposti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan D Niddibattu l-Ewropa, jinkludu element ta' inizjattivi transkonfinali.

3.7   Użu aħjar tar-riżorsi eżistenti

3.7.1

L-opinjonijiet tal-KESE huma utli mhux biss fir-rigward tal-kontenut — billi jiġbru sintesi tal-kwistjonijiet, huma aċċessibbli għal kulħadd, jiddiskutu t-testi leġislattivi (il-konsultazzjonijiet) jew it-tħassib taċ-ċittadini (opinjonijiet fuq inizjattiva proprja) — iżda wkoll għax test uniku jiġi tradott fil-lingwi kollha ta' l-Unjoni u għaldaqstant iservi bħala bażi komuni għad-diskussjoni.

3.7.2

Hemm bżonn ta' mezzi tax-xandir Ewropej sabiex wieħed ikun jaf x'inhu għaddej fil-pajjiżi l-oħra. It-twaqqigħ tal-fruntieri wkoll iwassal għal dan: billi wieħed ikun jaf kif in-nies fl-Estonja jeliminaw l-iskart, jew kif wieħed isaħħan daru f'Barċellona, l-għadd ta' ġranet li l-ommijiet Irlandiżi jkollhom għall-maternità, kif jistabbilixxu s-salarji fir-Rumanija. Jekk in-nies jintebħu li l-kwistjonijiet lokali jibqgħu l-istess anke mijiet ta' kilometri 'l bogħod u jitgħallmu x'jagħmlu l-oħrajn sabiex isibu soluzzjonijiet, dan kollu jgħin sabiex kulħadd iħossu li qiegħed jagħmel parti mill-istess Ewropa.

3.7.3

Il-mezzi tax-xandir awdjoviżivi transnazzjonali, bħal per eżempju l-Euronews, għandhom rwol essenzjali li jipprovdu immaġni u rapportaġġi. Tajjeb li wieħed jantiċipa li t-trattament ta' l-affarijiet Ewropej għandu jkun integrat b'mod espliċitu fl-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku ta' l-awdjoviżiv fil-livell nazzjonali u għandu jiġi żviluppat servizz pubbliku awdjoviżiv Ewropew.

3.7.4

Il-Eurovision tista' tintuża sabiex ċerti avvenimenti jsiru ritwali u jindraw fl-Ewropa: it-trasmissjoni tad-diskors tal-president tal-Kummissjoni fil-lingwi kollha, il-kompetizzjonijiet sportivi Ewropej.

3.8   L-Ewropa m'hijiex barra l-pajjiż

3.8.1

Hemm wisq gvernijiet ta' l-Unjoni li jqisu l-affarijiet Ewropej bħala parti mill-ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, hemm wisq mezzi tax-xandir li jittrattaw l-informazzjoni dwar l-Ewropa fil-kolonna ta' l-affarijiet barranin, u hemm wisq organizzazzjonijiet fejn il-kwistjonijiet Ewropej jiġu trattati mis-servizzi internazzjonali. Madankollu, billi d-Direttivi Ewropej jgħaddu mill-parlamenti nazzjonali u jikkonċernaw l-oqsma kollha tas-soċjetà, l-iżviluppi Ewropej m'humiex affarijiet “barranin”, iżda affarijiet “interni”. Il-kwistjonijiet Ewropej issa jirfdu l-politiki interni kollha ta' l-Istati Membri. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu ministeri sħaħ ta' l-Affarijiet Ewropej, attrezzati b'dipartimenti tagħhom stess sabiex iwettqu attivitajiet ta' analiżi, tbassir u komunikazzjoni u jipprovdu appoġġ għas-soċjetà ċivili.

3.8.2

Fl-istess ħin, kull darba li tiġi diskussa xi kwistjoni, għandha tissemma d-dimensjoni Ewropea tagħha, u għandha tingħata attenzjoni lil kif din tiġi ttrattata fl-Istati Membri l-oħra.

3.8.3

Il-pajjiżi barranin jibdew mill-fruntieri ta' l-Unjoni, u mhux mill-fruntieri ta' l-Istati Membri. L-attrazzjoni tal-“mudell Ewropew” f'għajnejn l-Istati barra mill-Unjoni tippermetti li nifhmu l-importanza tal-kostruzzjoni Ewropea, kemm jekk din tirrigwarda l-kostruzzjoni ta' suq kbir jew inkella ta' mudell demokratiku transnazzjonali għall-ġestjoni tad-diversità.

3.8.4

Laqgħat ta' informazzjoni għall-maniġers minn kontinenti oħra sabiex jiġi spjegat kif inħolqot u kif tiffunzjona l-Unjoni jistgħu jwasslu għal immaġni aħjar kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Ewropa u b'hekk il-valuri Ewropej jitwasslu fil-bqija tad-dinja.

3.9   L-organizzazzjoni ta' l-avvenimenti

3.9.1

Kif jafu sew l-ispeċjalisti tal-komunikazzjoni, sabiex tingħata pubbliċità u ssir komunikazzjoni, għandhom jiġu organizzati avvenimenti adattati u jiġu sfruttati l-avvenimenti ppjanati. Per eżempju, matul l-avvenimenti sportivi internazzjonali, il-bandiera Ewropea u dik nazzjonali għaliex m'għandhomx jittellgħu flimkien waqt li jkunu qegħdin jingħataw il-medalji lir-rebbieħa? Il-bandiera Ewropea għaliex m'għandhiex titpoġġa fuq dik nazzjonali fuq il-flokkijiet tal-parteċipanti? Għaliex m'għandniex ngħoddu l-medalji Ewropej tal-Logħob Olimpiku?

3.9.2

L-elezzjonijiet Ewropej u l-anniversarju tal-waqgħa tal-ħajt ta' Berlin huma avvenimenti oħrajn li joffru opportunitajiet li m'għandhomx jintilfu. Barra minn hekk, Jum l-Ewropa, nhar id-9 ta' Mejju, għandu jsir festa pubblika, forsi minflok festa oħra. L-avvenimenti Ewropej għandhom jinħarġu 'l barra minn Brussell u l-festi nazzjonali għandhom jiġu sfruttati bil-għan li jingħataw dimensjoni Ewropea.

4.   Nota ta' tfakkir dwar ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kumitat

4.1

Il-Kumitat ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu li ressaq quddiem il-Kummissjoni, b'mod partikulari dawk li jinsabu fl-opinjoni tiegħu ta' Ottubru 2005 dwar Il-perijodu ta' riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-qafas għal evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea (CESE 1249/2005 (4)), fl-opinjoni tiegħu ta' Diċembru 2005 dwar il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-perijodu ta' riflessjoni u lil hinn minnu: il-Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu (CESE 1499/2005 (5)), fl-opinjoni tiegħu ta' Lulju 2006 dwar il-White Paper dwar il-politika ta' komunikazzjoni Ewropea (CESE 972/2006 (6)) u fl-opinjoni tiegħu ta' April 2008 Nikkomunikaw l-Ewropa fi sħubija (CESE 774/2008).

Brussell, l-10 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Brussell, it-2.4.2008, COM(2008) 158 finali.

(2)  Opinjoni tal-KESE tas-26.10.2006 dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' Qafas Ġdida għall-multilingwiżmu COM(2005) 596 final (Mhux disponibbli bil-Malti). Rapporteur: is-Sinjura Le Nouail Marliere (ĠU C 324, 30.12.2006) u l-opinjoni esploratorja SOC/306 Il-Multilingwiżmu abbozzata f'Lulju 2008, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail Marliere, u l-proposti tal-grupp Amin Maalouf.

(3)  ĠU C 309, 6.12.2006, paġni 115-119. Mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 42-46. Mhux disponibbli bil-Malti.

(5)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 92-93. Mhux disponibbli bil-Malti.

(6)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 115-119. Mhux disponibbli bil-Malti.