3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-minoranzi — ir-Roma”

(2009/C 27/20)

Nhar is-27 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

L-integrazzjoni tal-minoranzi — ir-Roma

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-10 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sigmund u l-ko-rapporteur kienet is-Sinjura Sharma.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li jmiss b'130 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet

Il-bidla radikali li hija neċessarja fir-relazzjonijiet bejn il-minoranzi (1), speċjalment ir-Roma, u l-maġġoranza tal-popolazzjoni, inkluża l-integrazzjoni tagħhom u bidla fil-pożizzjoni soċjo-ekonomika tagħhom, hija proċess twil li madankollu jeħtieġ approċċ “doppju”:

a)

fuq perijodu qasir, l-indirizzar ta' dawk il-kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni urġenti u immedjata bħal, per eżempju, l-adozzjoni ta' leġislazzjoni fl-Istati Membri sabiex il-leġislazzjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni li tħares id-drittijiet taċ-ċittadini tissaħħaħ u ssir iktar effettiva.

b)

it-tnedija ta' proċess fuq perijodu twil, li ser jieħu għexieren ta' snin, fil-livell ta' l-Istati Membri u/jew il-livell reġjonali u lokali, bħal per eżempju t-titjib ta' l-edukazzjoni tat-tfal u t-tfajliet u l-ġuvintur Roma, jew il-promozzjoni tal-lingwa u l-kultura Roma, eċċ.

Għalhekk hemm bżonn ta' soluzzjonijiet mhux biss fil-livell ta' l-UE iżda fuq kollox f'dak ta' l-Istati Membri u fil-livell reġjonali u lokali, u għaldaqstant jinħtieġu kooperazzjoni u sħubijiet aktar b'saħħithom.

L-integrazzjoni tal-minoranzi, b'mod speċjali tar-Roma, teħtieġ:

1.

bażi legali għal azzjoni bbażata fuq l-acquis kif ukoll fuq l-oqsma rilevanti tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (edukazzjoni, xogħol, protezzjoni soċjali u inklużjoni soċjali);

2.

strateġija dwar politika ġenerali koerenti u fit-tul mill-Kummissjoni;

3.

kooperazzjoni strutturata, trasparenti u sostenibbli bejn l-imsieħba kollha tas-soċjetà ċivili organizzata u l-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità għall-NGOs;

4.

l-involviment attiv u responsabbli tar-rappreżentanti Roma fil-proċess;

5.

pjattaforma istituzzjonalizzata responsabbli għall-implimentazzjoni prattika ta' miżuri speċifiċi;

6.

programmi ta' azzjoni pożittiva li għandhom jiġu żviluppati fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, inkluż ix-xogħol indipendenti.

Barra minn hekk, il-Kumitat isejjaħ għall-istabbiliment ta' katedra Jean Monnet għal-lingwa (Rromani jew Rromanes) u l-kultura Roma.

Ir-rakkomandazzjonijiet mhux ser jiġu sodisfatti jekk l-approċċ ikun minn fuq għal isfel (top-down). Jistgħu biss jinkisbu żviluppi pożittivi jekk il-komunità Roma, b'mod speċjali l-mexxejja rġiel, jiġu persważi li jikkooperaw. Dan jeħtieġ ċertu investiment fit-taħriġ tar-Roma. Il-Fondi Strutturali Ewropej jistgħu jintużaw f'dan il-kuntest.

1.   Introduzzjoni

1.1

F'ittra ddatata s-27 ta' Ottubru 2006, il-Viċi-President tal-Kummissjoni u Kummissarju għall-affarijiet inter-istituzzjonali, Margot Wallström, talbet lill-Kumitat, fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd 2007, sabiex jabbozza opinjoni esploratorja dwar “kif nistgħu nippromovu sforzi konġunti biex nimmassimizzaw l-impatt u l-effettività ta' l-istrumenti relevanti kollha sabiex niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u nippromovu l-integrazzjoni tal-minoranzi, b'mod partikolari tar-Roma”.

1.2

Minħabba li l-Kumitat diġà indirizza d-diskriminazzjoni tal-minoranzi f'oqsma varji tal-ħajja ta' kuljum f'numru ta' opinjonijiet (2), inizjalment huwa jiġbed l-attenzjoni lejn il-punti li saru fihom u r-relevanza tagħhom għar-Roma, u fl-opinjoni preżenti jikkonċentra fuq is-sitwazzjoni partikolari ta' din il-minoranza fl-oqsma kollha tal-ħajja. Il-Kumitat jittama li l-proposti tiegħu jgħinu sabiex din il-kwistjoni ssir magħrufa aktar u jenfasizza l-importanza ta' strateġija ġenerali koerenti li ġġib lir-Roma fil-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea.

2.   Ir-Roma fl-Ewropa

2.1

Ir-Roma u l-istorja tagħhom: Minħabba li l-oriġini storika ta' minoranza partikolari għandha impatt proporzjonali fuq l-identità soċjali u politika tagħha u fuq il-potenzjal assoċjat għall-kunflitt, l-għarfien ta' l-istorja tagħha stess huwa ta' importanza kbira ħafna kemm għall-minoranza kif ukoll għall-maġġoranza.

Ir-Roma għexu fl-Ewropa għal aktar minn seba' sekli. Il-preżenza ta' varjetà ta' gruppi ta' Roma fi kważi l-pajjiżi Ewropej kollha mill-aħħar tas-seklu ħmistax hija ddokumentata bħalma huma ddokumentati l-miżuri li ttieħdu sabiex issir diskriminazzjoni kontrihom, ikunu esklużi u jiġu ppersegwitati. F'ċerti pajjiżi, ir-Roma kienu l-vittmi ta' l-iskjavitù u fis-seklu għoxrin ir-Roma ġew soġġetti għal persekuzzjoni mħeġġa mill-istat li kienet partikolarment orrenda: huwa diffiċli li wieħed jagħti stima tan-numru ta' vittimi Roma tal-persekuzzjoni razzjali u l-ġenoċidju li sar min-Nazisti, iżda b'mod ġenerali huwa stmat li ċ-ċifra taqbeż in-nofs miljun.

Fil-qosor, l-istorja tar-Roma fl-Ewropa hija waħda ta' persekuzzjoni u ta' diskriminazzjoni persistenti matul is-sekli, u għalhekk wieħed jifhem li dan ta' spiss irriżulta fi trawma għal ħafna minnhom.

Huwa għalhekk li jrid isir kull sforz sabiex ir-Roma jkunu jistgħu jneħħu t-timbru tal- vittimizzazzjoni u li minn persuni passivi — ftit li xejn fdati — isiru imsieħba attivi li huma lesti u li jista' jkollhom rwol attiv u responsabbli fis-soċjetà, b'mod partikolari fil-politiki relatati mar-Roma.

2.2

Ir-Roma u d-demografija tagħhom: Il-fatt li ma teżistix statistika affidabbli jfisser li ma hemm l-ebda data demografika sinjifikattiva dwar ir-Roma. B'konsegwenza ta' dan, in-numru tagħhom li huma maħsuba li jgħixu fl-Ewropa jvarja bejn l-għaxar u t-tnax-il miljun (bejn seba' u disa' miljuni fl-UE). Huwa stmat li madwar 60 % minn dawn jgħixu f'faqar assolut fil-marġini tas-soċjetà (3). Il-mudell u l-medda ta' l-esklużjoni huma simili fl-Istati Membri kollha minkejja l-fatt li hemm differenzi li jirriżultaw minn fatturi storiċi u soċjo-politiċi.

It-tendenzi demografiċi fost ir-Roma jvarjaw minn dawk tal-maġġoranza tal-popolazzjoni: il-proporzjon dejjem jikber — minkejja l-mortalità għolja fost it-tfal u l-medja baxxa ta' l-għomor tal-ħajja — fil-popolazzjoni totali fuq perijodu fit-tul hija sfida kbira għall-oqsma kollha tal-politika soċjali u ta' l-edukazzjoni. Mingħajr titjib sinjifikanti għal-livelli ta' edukazzjoni u ta' kapaċitajiet tar-Roma, l-Istati Membri ser ikollhom numru dejjem ikbar ta' nies bi ftit kapaċitajiet u li m'humiex imħarrġa sew, li jkunu ta' impediment għall-iżvilupp ekonomiku u jsiru piż fuq is-sistemi ta' siġurtà soċjali. Dan jitlob politiki u strateġiji tax-xogħol u ta' l-edukazzjoni li jkunu sensittivi għat-tradizzjonijiet u għaċ-ċirkostanzi soċjo-eknomiċi tal-ħajja tar-Roma. Huwa biss jekk jiġu pprovduti u jittieħdu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ li r-Roma jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut attiv lis-soċjetà li jgħixu fiha, li, b'mod leġittimu, huwa mistenni minnhom.

2.2.1

Ir-Roma u l-lingwa tagħhom: Ir-Romani hija lingwa Indo-Ewropea li hija mitkellma f'forom numerużi f'diversi komunitajiet Roma fl-Ewropa. Jeżistu varjanti/djaletti tar-Romani. Madankollu jeżisti vokabolarju vast u komuni li jinftiehem mill-biċċa l-kbira tar-Roma fl-Ewropa kollha. F'ħafna komunitajiet il-lingwa Romani hija saħansitra l-lingwa materna, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-pajjiżi, bħal per eżempju Spanja, fejn il-lingwa ġiet ipprojbita u ntilfet parzjalment. Li tiġi rikonoxxuta l-importanza tar-Romani, kif ukoll li din tiġi standardizzata u mgħallma, huwa ta' importanza kbira ħafna kemm ġewwa kif ukoll barra l-minoranza. Minbarra l-Institut des langues et des civilisations orientales ta' Pariġi, il-fakultà tal-lingwi barranin ta' l-Università ta' Bukarest toffri lezzjonijiet fil-lingwa. Qiegħed isir ukoll xogħol fuq id-djalett lokali tar-Roma fl-Università Charles ta' Praga, u l-Università Eötvös f'Budapest għandha inizjattiva għal kors lingwistiku taħt il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji. Qed issir riċerka fl-Università ta' Manchester ukoll.

Lingwa komuni tfassal identità komuni. Il-promozzjoni tal-lingwa tagħhom hija ta' importanza fundamentali għar-rikonoxximent soċjali u l-identità kulturali tar-Roma.

Għal din ir-raġuni, il-Kumitat isejjaħ għat-twaqqif ta' katedra Jean Monnet għar-Romani u l-kultura tar-Roma.

2.3   Ir-Roma bħala komponent tal-kultura Ewropea

Il-fatt li r-Roma taw kontribut lid-diversità tal-kultura Ewropea matul is-sekli jidher sew f'ħafna oqsma bħall-mużika u l-arti viżiva. Billi s-sena 2008 hija s-Sena tad-Djalogu Interkulturali, din hija opportunità tajba sabiex l-interkonnettività tagħhom tiġi enfasizzata u intensifikata.

3.   Ir-Roma u l-ħajja differenti tagħhom

3.1

Ir-RomaĦajja ta' diskriminazzjoni: Illum id-diskriminazzjoni min-naħa tas-soċjetà u ta' l-awtoritajiet, inkluża d-diskriminazzjoni kontra ż-żingari, hija ħaġa ta' kuljum u spiss tirrifletti ruħha fil-mezzi tax-xandir. Dan huwa inaċċettabbli taħt il-liġi Komunitarja. Ir-Roma huma ċittadini ta' l-Ewropa estiża u għandhom id-drittijiet tagħhom, hekk kif stipulat fit-Trattat irratifikat, b'mod speċjali fl-Artikolu 13; jekk dawn id-drittijiet ma jitħarsux, insibu ruħna f'sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni (saħansitra istituzzjonali).

3.1.1

Qabel u wara t-twelid: Minħabba d-diskriminazzjoni li saret parti mis-sistemi soċjali, ħafna tfajliet Roma huma fqar, għandhom nutrizzjoni ħażina u m'humiex edukati, bir-riżultat li ħafna ommijiet Roma jwelldu trabi li jiżnu ħafna inqas min-normal. Il-kura prenatali fil-komunitajiet minoritarji hija ineżistenti b'mod ġenerali, bir-riżultat li kemm l-omm kif ukoll it-tarbija jkollhom nutrizzjoni batuta. Il-provvista ta' servizzi tas-saħħa fir-rigward tat-twellid hija limitata, is-servizzi tal-qabla u tal-“health visitors” huma ristretti u l-aċċess għall-isptarjiet jiddependi mill-infrastruttura tat-trasport u mir-riżorsi finanzjarji. Is-sempliċi inklużjoni tar-Roma fis-sistemi tas-saħħa eżistenti m'hijiex biżżejjed biex jitnaqqsu t-tendenzi negattivi fil-qasam tal-provvista tal-kura għar-Roma. Jinħtieġu miżuri ta' emerġenza bbażati fuq il-kultura speċifika tal-popolazzjoni u miżuri ta' ppjanar familjali, kampanji kbar ta' tilqim u screening tat-TB għal komunitajiet sħaħ. Dan għandu jitħeġġeġ permezz ta' involviment attiv (bis-saħħa tat-taħriġ) tan-nisa Roma u medjaturi tas-saħħa Roma, bl-għajnuna ta' ċentri tas-saħħa mobbli u informazzjoni aċċessibbli u ċara għall-komunitajiet Roma. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull tarbija Roma tidher fir-reġistru tat-twelid u jkollha ċertifikat tat-twelid.

3.1.2

L-iżvilupp fl-ewwel snin tat-tfulija huwa essenzjali għal parteċipazzjoni u integrazzjoni tajba l-iskola: “l-ewwel snin huma għal dejjem”. Minn dan il-lat, il-programmi omm-tarbija u l-play groups isaħħu l-ommijiet bl-istess mod bħall-programmi għall-edukazzjoni tal-ġenituri, iżda jipprovdu wkoll approċċ integrat f'kull sens u jqisu l-bżonnijiet tal-familji. Il-programm “Sure Start” li ġie introdott fir-Renju Unit u li qiegħed jinxtered għal bosta pajjiżi ta' l-UE, huwa eżempju tajjeb ta' l-inklużjoni ta' l-ommijiet u t-tfal żgħar u joffri xi arranġamenti ta' day care wkoll. Hemm nuqqas ta' servizzi ta' day care fi kważi kull pajjiż ta' l-UE u skond l-objettivi ta' Barċellona, u t-tfal Roma spiss jiġu rrifjutati.

3.1.3

L-età ta' l-iskola (6-14): L-attendenza batuta tar-Roma fl-iskejjel. In-nuqqas ta' reġistrazzjoni u n-nuqqas ta' volontà min-naħa tal-ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom (partikolarment il-bniet) l-iskola, is-segregazzjoni u t-tagħlim ta' kwalità baxxa, huma fatturi addizzjonali rikonoxxuti f'ħafna rapporti (4). L-għodda biex tittejjeb l-attendenza l-iskola u tingħeleb is-segregazzjoni huma essenzjali biex jinkiser iċ-ċiklu ta' ġenerazzjonijiet ta' Roma mhux edukati. Is-CCT (Conditional Cash Transfer) li ġiet introdotta f'xi pajjiżi hija possibbiltà biex titħeġġeġ l-attendenza tat-tfal l-iskola u għandha tkun ibbażata fuq l-esiġenza li t-tfal ikunu rreġistrati u jkollhom ċertifikat tat-twelid. L-attendenza l-iskola tittejjeb jekk it-tfal ikunu integrati u pprovduti bis-servizzi u l-metodi edukattivi kollha biex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti (lingwa, dewmien, eċċ.). L-ikliet (skond il-kriterju tad-dħul (means test)) u l-kotba ta' l-iskola għandhom jerġgħu jsiru b'xejn għat-tfal tal-primarja kollha. Jekk l-edukazzjoni hija prijorità fuq perijodu twil, il-gvernijiet għandhom jikkunsidraw din il-kwistjoni.

Is-segregazzjoni fl-edukazzjoni l-ewwelnett tirriżulta mis-separazzjoni ġeografika bejn iż-żoni li fihom jistabbilixxu ruħhom ir-Roma u dawk fejn tgħix il-maġġoranza tal-popolazzjoni. Minbarra dan, il-persuni li m'humiex Roma spiss ineħħu lit-tfal tagħhom mill-iskejjel jekk il-perċentwal tat-tfal Roma fi klassi jsir għoli wisq u dan iwassal għall-ħolqien ta' skejjel segregati jew klassijiet għat-tfal Roma. Għal għadd ta' raġunijiet, dawn l-iskejjel ma jissodisfawx l-istandards meħtieġa, u dan iwassal għall-fatt li tfal Roma li huma perfettament kapaċi jitqiegħdu fi skejjel speċjali u ġeneralment jiġu esklużi mill-possibbiltà li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom.

Problema partikolari tikkonċerna t-tqegħid tat-tfal Roma fi skejjel speċjali għat-tfal b'diffikultajiet ta' tagħlim. Dan spiss isir permezz ta' testijiet ta' ammissjoni fl-iskejjel li huma diskriminatorji, iżda xi drabi wkoll permezz ta' inċentivi mhux reali bħal trasport mingħajr ħlas jew ikel fl-iskejjel mingħajr ħlas. Il-prattika ta' tqegħid bla bżonn fi skejjel speċjali hija ksur evidenti tad-drittijiet fundamentali u trid tiġi miġġielda b'mezzi legali u amministrattivi.

Hawnhekk irid jingħad ukoll li raġuni għaliex ċerti tfal ma jmorrux l-iskola hija l-faqar, billi l-ġenituri jew ma jistgħux (jew ma jridux) iħallsu l-ispejjeż involuti, jew jibagħtu lil uliedhom jaħdmu biex jgħinu jmantnu lill-familja jew biex jieħdu ħsieb lil ħuthom iż-żgħar. Dan jolqot lill-bniet b'mod partikolari.

3.1.4   L-età adulta

3.1.4.1

L-akkomodazzjoni hija karatterizzata minn kundizzjonijiet fqar ta' għajxien u segregazzjoni kontinwa. Il-faċilitajiet tal-kwartieri foqra (slums), li għandhom infrastruttura jew manutenzjoni ta' kwalità baxxa, ma għandhomx faċilitajiet għall-bżonnijiet u għandhom tniġġis ambjentali u sanitarju, ma jipprovdu lill-okkupanti bl-ebda drittijiet fuq il-proprjetà u ma jagħtuhomx indirizz permanenti fejn jirreġistraw id-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji soċjali jew għax-xogħol jew id-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, ix-xogħol u s-servizzi tas-saħħa. Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet huma marbutin mad-diskriminazzjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra ż-żingari. Ta' min isemmi l-fatt li l-istil ta' ħajja nomadiku tagħhom huwa l-konsegwenza iktar milli l-kawża ta' l-esklużjoni tagħhom. Minkejja l-fatt li l-biċċa l-kbira tar-Roma huma stabbiliti, l-għażla tal-ħajja nomadika ta' spiss tintuża minn dawk li jippruvaw jiġġustifikaw l-esklużjoni tagħhom.

3.1.4.2

L-edukazzjoni hija mezz fundamentali ta' kif wieħed jinvesti fil-futur. Ir-rata għolja ta' analfabetiżmu u l-livell baxx ta' l-edukazzjoni tar-Roma ġeneralment ma jbassrux tajjeb għall-futur. L-Istati Membri għandhom bżonn jiżguraw li s-sistemi ta' edukazzjoni tagħhom ma jiddiskriminawx kontra r-Roma. Barra minn hekk, għandhom ifasslu programmi adulti għall-alfabetiżmu, il-kultura (bażika) matematika u xjentifika u t-tagħlim tul il-ħajja.

Huwa eżaġeratament diffiċli għar-Roma li jilħqu livelli ta' edukazzjoni għoljin u li jiksbu taħriġ vokazzjonali tajjeb. Minbarra l-isforzi biex jiġu integrati fis-sistemi normali ta' edukazzjoni u taħriġ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu wkoll użu mill-mudelli li jagħrfu b'mod informali l-kapaċitajiet miksuba u jkunu ħafna aktar ġenerużi meta jagħrfu l-kwalifiki miksuba minn barra l-pajjiż.

Il-politika integrata dwar l-edukazzjoni lingwistika introdotta mill-Kummissjoni, li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tippromovi t-tagħlim fil-lingwi minoritarji, għandha tibbenefika lir-Roma wkoll.

3.1.4.3

L-integrazzjoni ekonomika teħtieġ li l-membri ta' minoranzi jegħlbu serje ta' ostakoli li spiss isaħħu lil xulxin (5). Bniedem jiġi ddiskriminat b'mod awtomatiku jekk ma jkollux kwalifiki akkademiċi jew ta' taħriġ, jew jekk dawn ikunu baxxi ħafna jew ma jkunux adegwati jew mhux rikonoxxuti, u d-diskriminazzjoni kontra ż-żingari tirdoppja l-ostakoli. Bosta każijiet iddokumentati jġibu l-prova li l-qgħad fost ir-Roma ta' spiss huwa kkawżat mid-diskriminazzjoni razzjali. Il-membri ta' komunitajiet minoritarji prattikament ma għandhomx aċċess għal miżuri li jippromovu t-tagħlim tul il-ħajja.

Membru tal-komunità Roma b'mod ġenerali għandu kapaċità tajba għall-ħsieb u l-inizjattiva intraprenditorjali. Għaldaqstant jistgħu jinstabu mezzi biex ir-Roma jinħarġu mill-ekonomija klandestina u jiġu integrati f'attività ekonomika regolari, per eżempju permezz ta' mikro-krediti u mekkaniżmi ta' start-up u appoġġ għan-negozju, b'tali mod li jkunu jistgħu jegħlbu l-isfidi u l-ostakoli.

Id-dħul ta' ħafna familji Roma jiddependi ħafna mill-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali u minn kontribuzzjonijiet oħra tal-gvern (per eżempju, pensjonijiet jew benefiċċji għat-tfal), waqt li l-parteċipazzjoni fl-ekonomija formali hija relattivament limitata. Dan jagħmel il-parteċipazzjoni tar-Roma fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali waħda mhux simetrika (jiġifieri bħala grupp jirċievu aktar milli jħallsu). Dan in-nuqqas ta' simetrija huwa kawża importanti ta' tensjonijiet soċjali u preġudizzji li jwasslu għall-esklużjoni.

B'konformità mal-prinċipju “servizzi tajbin għal sforzi tajbin”, jistgħu jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali biex jitħejjew inċentivi sabiex ir-Roma jkunu impjegati b'mod uffiċjali. Jekk dan ma jsirx, sors ewlieni ta' l-esklużjoni razzjali ser jibqa' hemm. Jistgħu jiġu introdotti programmi ta' dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol fil-qafas ta' sħubijiet ma' organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jew privat.

Id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u waqt il-proċess ta' applikazzjoni hija ddokumentata sewwa u l-miżuri legali kontra din il-prattika għandhom jissaħħu. Fl-istess ħin, għandu jiġi żviluppat l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali rilevanti sabiex ir-Roma jkunu jistgħu jmorru lil hinn minn livell mingħajr kwalifiki jew bi kwalifiki baxxi, u jkun hemm bidla kulturali totali.

3.1.4.4

Il-kura tas-saħħa: Il-livell ta' għajxien baxx (nuqqas ta' dħul) u l-kundizzjonijiet fqar ta' għajxien (ħmieġ, kwalità baxxa ta' sanità, nuqqas ta' ilma nadif) jikkostitwixxu riskju kbir għas-saħħa. L-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fiż-żoni li fihom jistabbilixxu ruħhom ir-Roma huwa ristrett, partikolarment minħabba li ħafna ma ġewx reġistrati mat-twelid, u għalhekk, jibqgħu mhux reġistrati fis-sistemi tas-saħħa. Ħafna drabi r-Roma jiġu ammessi fi swali tal-pazjenti segregati; din hija diskriminazzjoni. L-aċċess għal servizzi ta' kwalità huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej kollha.

3.1.4.5

Bħala regola ġenerali, in-nisa Roma għandhom status baxx fil-ġerarkija tal-familja, edukazzjoni limitata jew l-ebda edukazzjoni u għalhekk ftit opportunitajiet ta' xogħol. Spiss dawn jiżżewġu żgħar u jkunu tqal frekwentement. Il-vjolenza domestika, li spiss ma tiġix rappurtata, ma għandhiex tiġi sottovalutata. Huwa partikolarment inkwetanti li din spiss tiġi kkumplikata mill-prostituzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin.

Madankollu, huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li filwaqt li dan mhux dejjem ikun evidenti għal dawk li m'humiex Roma, in-nisa Roma huma wkoll il-mutur tal-bidla fil-komunità, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-bidla kulturali, per eżempju billi jenfasizzaw l-importanza ta' l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, b'mod partikolari tal-bniet. Il-fatt li l-ommijiet jiġu involuti u jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fi ħdan l-għaqdiet tal-ġenituri għandu impatt ferm pożittiv fuq l-attendenza tat-tfal l-iskola.

3.1.4.6

Id-diskriminazzjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra ż-żingari fil-forma ta' stereotipi u preġudizzji li jiffaċċjaw il-komunitajiet minoritarji, speċjalment ir-Roma, għandhom għeruq fondi u jirriżultaw minn ġenerazzjonijiet ta' injoranza u differenza kulturali. Il-preġudizzju li jsostni li dawn il-komunitajiet għandhom valur inqas importanti għas-soċjetà huwa mifrux, u jwassal biss għal iżolament ikbar, faqar, vjolenza u fl-aħħar għall-esklużjoni.

3.2   Ir-Roma — Ħajja ta' integrazzjoni

3.2.1

L-integrazzjoni ma ssirx bi sforz minn direzzjoni waħda biss, iżda hija proċess li jimxi f'żewġ direzzjonijiet u jitlob sforzi kemm mill-minoranzi kif ukoll mill-maġġoranza. Beżgħana li jkollhom iħallu l-prinċipji, it-tradizzjonijiet u l-identità tagħhom warajhom biex jintegraw ruħhom, ħafna Roma għandhom riżervi kbar fir-rigward tal-miżuri ta' integrazzjoni. Bl-istess mod, minħabba d-diskriminazzjoni li ġiet ipprattikata għal ġenerazzjonijiet sħaħ, huwa diffiċli għall-persuni li m'humiex Roma li jwarrbu l-preġudizzji tagħhom u jilqgħu l-kultura Roma.

3.2.2

Mill-banda l-oħra, 40 % tar-Roma ma jgħixux fil-faqar, iżda fil-prosperità — għalkemm xi drabi biss modesta. Dawn jistgħu ma jkunux ir-Roma li jidhru l-aktar, iżda huma prova li r-Roma fil-prinċipju jistgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà li fiha jgħixu mingħajr ma jirrinunzjaw għall-identità tagħhom.

3.2.3

Id-dokumentazzjoni wiesgħa li saret mill-organizzazzjonijiet Roma bil-għan li tittejjeb il-viżibilità, il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u s-sensibilizzazzjoni hija pass importanti 'l quddiem (6). Jista' jsir iktar billi l-investiment isir fuq il-bażi ta' l-impenji, ir-rieda u r-responsabbiltà. Il-mikro-krediti, li tradizzjonalment jintużaw għall-intraprenditorija, jistgħu jintużaw bħala mekkaniżmu ta' appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura u s-sistemi ta' tagħlim. Il-fondi jistgħu jingħataw f'ammonti żgħar bil-kundizzjoni li jittieħed impenn ġenwin min-naħa tar-Roma, per eżempju billi jibagħtu lit-tfal l-iskola jew billi jmorru għal eżami tas-saħħa regolarment (7).

3.2.4

Il-parteċipazzjoni indaqs tal-minoranzi fis-soċjetà titlob miżuri apposta, effettivi u li jdumu. Filwaqt li dawn għandhom jiġu mmirati, ma għandhomx jeskludu gruppi oħrajn. Għandhom bżonn ir-rieda tal-politiċi, tan-negozji u tas-soċjetà b'mod ġenerali sabiex japplikaw b'mod simultanju l-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, jippromovu l-opportunitajiet ugwali u jamministraw id-diversità. Il-Fondi Strutturali Ewropej jistgħu jintużaw bħala appoġġ għall-programmi.

Irid isir kull sforz sabiex jitneħħew ir-riżervi u l-preġudizzji kemm tar-Roma u kif ukoll ta' dawk li m'humiex Roma, mhux biss billi jittieħdu l-passi prattiċi neċessarji, iżda wkoll — bl-għajnuna tal-kapijiet u tal-medjaturi fuq iż-żewġ naħat — billi jiġu formulati strateġiji komuni għall-futur. Il-persuni li jistgħu jkunu mudelli ta' mġiba mill-komunitajiet tar-Roma għandhom rwol partikolari hawn.

4.   Ir-Roma u l-Ewropa

4.1   Il-Kummissjoni Ewropea

4.1.1

Il-Kummissjoni ilha taħdem sabiex tgħin issolvi l-problema ta' l-integrazzjoni. It-twaqqif ta' grupp li jgħaqqad is-servizzi tal-Kummissjoni għal kwistjonijiet relatati mar-Roma ftit snin ilu tejjeb il-fluss ta' l-informazzjoni bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u kiseb ċerta miżura ta' koordinazzjoni bejn id-diversi oqsma ta' attività.

4.1.2

Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi mwaqqaf mill-Kummissjoni f'Jannar 2006 ħareġ ir-rapport — kritiku — tiegħu f'Diċembru 2007 (8). Dan jinkludi rakkomandazzjonijiet għal “politiki biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma f'termini ta' edukazzjoni, xogħol, saħħa u akkomodazzjoni”. Il-grupp ta' esperti għamilha ċara fir-rapport tiegħu li hija biss it-taħlita tajba tal-politika flimkien ma' approċċ pragmatiku, li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet li jdumu.

4.1.3

L-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tittratta din il-kwistjoni fil-fond (9). Iridu jissemmew ukoll l-istudji, ir-rapporti u l-avvenimenti b'impatt mifrux tal-predeċessur tagħha, iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija.

4.2   Il-Parlament Ewropew

4.2.1

Il-Parlament Ewropew, f'ħidma rigoruża li tinvolvi l-gruppi politiċi kollha, ilu jittratta l-kwistjonijiet tal-minoranzi, l-integrazzzjoni tar-Roma u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tagħhom. Diġà ġew adottati numru ta' rapporti u riżoluzzjonijiet dwar din il-kwistjoni, l-aktar reċenti fosthom fil-31 ta' Jannar 2008 (10).

4.3   Il-Kunsill

4.3.1

Il-Kunsill Ewropew indirizza din il-kwistjoni l-aktar reċentement fl-14 ta' Diċembru 2007 b'konnessjoni mas-Sena Ewropea ta' l-Opportunitajiet Indaqs (11).

4.4   Il-Kunsill ta' l-Ewropea u l-OSCE

Iż-żewġ organizzazzjonijiet ikkontribwew f'numru ta' oqsma sabiex itejbu s-sitwazzjoni u qegħdin ikomplu x-xogħol tagħhom permezz ta' miżuri mmirati b'mod speċjali lejn ir-Roma. Il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji huma ta' importanza partikolari għall-ħarsien tal-minoranzi (u b'hekk tar-Roma). Il-Kampanja Dosta! hija wkoll eżempju eċċellenti ta' kif tista' tittejjeb is-sensibilizzazzjoni fost il-maġġoranza tal-popolazzjoni fir-rigward tal-preġudizzji u l-istereotipi negattivi.

4.5

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat serje ta' sentenzi deċiżivi li ħolqu bażi importanti għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tar-Roma (12).

4.6

In-Nazzjonijiet Uniti ilha snin tippromovi l-integrazzjoni tar-Roma, speċjalment fi ħdan l-UNDP, l-UNICEF u l-UNESCO.

4.7   Is-soċjetà ċivili organizzata

4.7.1

L-Open Society Institute, appoġġjata mill-Bank Dinji, nediet id-Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma 2005-2015 (13).

4.7.2

Il-Koalizzjoni tal-Politika tar-Roma ta' l-UE (EU Roma Policy CoalitionERPC)  (14) li ġiet stabbilita reċentement impenjat ruħha għall-prinċipju ta' l-inklużjoni permezz tal-parteċipazzjoni u “għandha l-għan li tippromovi l-parteċipazzjoni tar-Roma fil-proċessi relevanti kollha”.

4.7.3

Il-Forum Ewropew tar-Roma u tal-Vjaġġaturi (European Roma and Travellers ForumERTF)  (15) jistħoqqlu attenzjoni partikolari: ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-President Findanliż Tarja Halonen u għandu ftehim ta' sħubija mal-Kunsill ta' l-Ewropa li jagħtih status privileġġjat f'din l-istituzzjoni u l-possibbiltà li jipparteċipa b'mod attiv fil-ħidma tagħha.

4.7.4

Minħabba li wieħed mill-oqsma ta' prijorità għall-integrazzjoni tar-Roma — ix-xogħol — jaqa' taħt il-kompetenzi tagħhom, l-imsieħba soċjali jaqdu rwol importanti wkoll f'dan ir-rigward. L-esperjenza tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (European Trade Union Confederation — ETUC), kif ukoll it-trade unions nazzjonali u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem nazzjonali u Ewropej, jistgħu jkunu elementi importanti fil-proċess li għandu jitnieda.

5.   Konklużjoni

5.1

L-għarfien li l-isforzi kollha li saru s'issa sabiex ir-Roma jiġu inklużi u sabiex id-drittijiet tagħhom jiġu infurzati ma kenux adegwati huwa tema rikorrenti fix-xogħol kollu li sar f'dan il-qasam.

5.2

It-teħid tal-miżuri neċessarji hija kompetenza kemm ta' l-Unjoni kif ukoll ta' l-Istati Membri. Taħt l-Artikolu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam, ġew adottati direttivi kontra d-diskriminazzjoni fl-2000, li taw impetu importanti u ħolqu qafas istituzzjonali biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra r-Roma. Il-Kummissjoni għandha teżamina kif il-leġislazzjoni Komunitarja tista' tiġi estiża sabiex tindirizza s-sitwazzjoni tar-Roma, per eżempju permezz ta' Direttiva ta' Desegregazzjoni. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tar-Roma għandha tkun prijorità fl-użu tal-Fondi Strutturali.

5.3

Fl-oqsma fejn il-kompetenza fir-rigward ta' kwistjonijiet li jolqtu lir-Roma tinsab f'idejn l-Istati Membri, approċċ potenzjali u effettiv għal soluzzjoni nstab fis-snin 90 bil-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (Open Method of Coordination — OMC) (16). Għalhekk il-Kumitat jipproponi li l-OMC jiġi estiż għal kwistjonijiet marbutin mal-minoranzi, speċjalment l-integrazzjoni tar-Roma. Bħala l-ewwel pass, nissuġġerixxu li s-sitwazzjoni tar-Roma tiġi kkunsidrata fid-diversi proċessi eżistenti ta' l-OMC (b'mod partikolari x-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni). L-OMC u l-istrumenti tiegħu jistgħu jinqasmu bejn l-Istati Membri sabiex jiġu analizzati mudelli ta' l-aqwa prattika, filwaqt li jiġu eżaminati wkoll mudelli globali jew proġetti fil-livell lokali. Sabiex dawn il-proġetti jkunu ta' suċċess u sostenibbli, għandhom ikunu trasversali u għandhom jinkludu pjanijiet ta' azzjoni li jinvolvu l-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet Roma. Dawn il-pjanijiet ta' azzjoni għandu jkollhom mekkaniżmi ta' impenji, attivitajiet, evalwazzjonijiet, feedback u tixrid b'appoġġ adegwat, inkluż permezz tal-Fondi Strutturali. Il-Kumitat huwa konvint li l-OMC jirrappreżenta approċċ ideali u effettiv għal ħafna kwistjonijiet legali, soċjali u storikament emozzjonali li huma relatati mal-minoranzi, b'mod speċjali mar-Roma.

5.4

Is-suċċess ta' dawn l-inizjattivi ser jiddependi b'mod kruċjali minn jekk jistax jiġi stabbilit netwerk funzjonali ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha. F'diversi okkazjonijiet il-Kumitat wera l-valur miżjud li jirrappreżenta bħala punt ta' kuntatt mas-soċjetà ċivili organizzata (17) u ser jikkontribwixxi permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonalizzata, u għalhekk sostenibbli, għall-integrazzjoni tal-minoranzi, speċjalment tar-Roma.

5.5

Il-Konferenza ta' Livell Għoli dwar l-Inklużjoni tar-Roma li hija ppjanata għal Settembru mill-Kummissjoni, tkun kuntest xieraq għad-diskussjoni pubblika tal-proposti tagħha għat-titjib ta' l-effiċjenza tal-politiki nazzjonali u ta' l-UE u għall-ewwel passi konkreti f'dan il-proċess.

F'din l-okkazzjoni, il-Kumitat jista' jippreżenta l-miżuri konkreti ppjanati bħala segwitu ta' din l-opinjoni. Għandhom jiġu studjati wkoll il-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni mal-mezzi tax-xandir li għandhom viżjoni fit-tul u li jmorru lil hinn milli jirrapportaw biss l-inċidenti hekk kif dawn iseħħu.

6.   Kummenti finali

6.1

Il-Kumitat inizjalment beda l-ħidma tiegħu b'referenza għas-Sena ta' l-Opportunitajiet Indaqs, iżda mbagħad — bi ftehim mal-Kumissjoni — adattaha għall-kuntest tas-Sena tad-Djalogu Interkulturali.

Il-kultura, hekk kif jifhimha l-Kumitat, hija proċess b'impatt fuq l-oqsma kollha tal-ħajja, proklamazzjoni tal-valuri komuni, stil ta' ħajja komuni, u mezz ta' komunikazzjoni essenzjali bħala parti minn kull sforz għal integrazzjoni aħjar fl-oqsma kollha, minħabba li tgħaqqad ir-razzjonalità mas-sentimenti u għalhekk toffri approċċ olistiku sabiex issolvi problemi li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Din id-dimensjoni soċjali tal-kultura tgħin sabiex id-djalogu interkulturali jsir strument ta' paċi u stabbilità kemm internament kif ukoll esternament. Fil-każ tal-minoranzi, iżda partikolarment tar-Roma, dan ifisser li d-djalogu interkulturali huwa l-aħjar mod sabiex jitneħħew b'mod gradwali l-isterjotipi ta' nuqqas ta' fiduċja, preġudizzju u nuqqas ta' ftehim li kibru matul is-sekli u sabiex flimkien insibu, f'atmosfera ta' rispett reċiproku, forma ta' integrazzjoni li hija aċċettabli għaż-żewġ naħat, appoġġjata minn qafas legali sod.

6.2

Il-Kumitat jittama li l-ewwel passi konkreti lejn l-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti jiġu implimentati qabel ma tispiċċa s-Sena tad-Djalogu Interkulturali, b'miżuri addizzjonali fl-2009, is-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni, u fl-2010 kif ukoll is-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Rakkomandazzjoni 1201 (1993) ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa, Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. L-espressjoni “minoranza nazzjonali” tirreferi għal grupp ta' persuni f'pajjiż li: jgħixu fit-territorju tal-pajjiż u huma ċittadini tiegħu; għandhom rabta twila, soda u dewwiema mal-pajjiż; għandhom karatteristiċi kulturali, reliġjużi u lingwistiċi speċifiċi; huma rappreżentattivi biżżejjed, anke jekk iżgħar fin-numru mill-popolazzjoni ta' dak il-pajjiż jew ta' reġjun f'dak il-pajjiż; għandhom il-motivazzjoni komuni li jħarsu dak li jagħmel l-identità komuni tagħhom, inkluża l-kultura, it-tradizzjonijiet, ir-reliġjon jew il-lingwa tagħhom:

http://assembly.coe.int/Main.asp?link=/Documents/AdoptedText/ta93/EREC1201.htm

(2)  Opinjoni tal-KESE tat-13.9.2006 dwar “L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006), Opinjoni tal-KESE ta' l-10.12.2003 dwar “L-Immigrazzjoni, l-integrazzjoni u x-xogħol”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (OJ C 80 of 30.3.2004), Opinjoni tal-KESE tal-5.6.2000 dwar “Il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni”, rapporteur: is-Sur Sharma (ĠU C 20, 18.7.2000), Opinjoni tal-KESE ta' l-10.12.2003 dwar “Iċ-ċentru ta' monitoraġġ tar-razziżmu u l-ksenofobija”, rapporteur: is-Sur Sharma (ĠU C 80, 30.4.2004).

(3)  Dawn li ġejjin huma wħud mid-dokumenti ewlenin li jindirizzaw il-kwistjoni. Is-siti ta' l-Internet jinkludu bosta referenzi u links oħra, kif ukoll eżempji ta' prattika tajba u verżjonijiet lingwistiċi differenti, meta dawn huma disponibbli.

 

“The Situation of Roma in an Enlarged Europe”, Report of the European Commission, 2004)

(http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/roma/)

 

“Avoiding the Dependency Trap”, UNDP, 2003

(http://roma.undp.sk/)

 

“Final Report on the Human Rights Situation of Roma, Sinti and Travellers in Europe”, Council of Europe, 2006, by Alvaro Gil Robles, High Commissioner for Human Right

(http://www.coe.int/t/dg3/romatravellers/documentation/default_en.asp)

 

“Action Plan on Improving the Situation of Roma and Sinti Within the OSCE Area”

(www.osce.org/odihr/)

 

“Analysis of the Anti-Segregation Policies in the Countries Participating in the Decade of Roma Inclusion”

(www.romadecade.org)

(4)  40 % tat-tfal Roma ma jmorrux l-iskola (meta mqabbla ma' 0.5 % tal-maġġoranza tal-popolazzjoni) u 38 % jitilqu (meta mqabbla ma' 4 % tal-maġġoranza tal-popolazzjoni). Il-bniet qegħdin fi żvantaġġ akbar; waħda minn tlieta biss tispiċċa l-edukazzjoni primarja (meta mqabbla ma' 19 minn 20 fil-maġġoranza tal-popolazzjoni).

8 % biss tat-tfal Roma jtemmu l-edukazzjoni sekondarja (meta mqabbla mas-64 % tal-maġġoranza tal-popolazzjoni) u anqas minn 0.5 % jibdew l-edukazzjoni terzjarja (data dwar it-tlestija ta' l-edukazzjoni terzjarja m'hijiex disponibbli). Sors: UNDP.

(5)  Il-Grupp Konsultattiv ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-integrazzjoni soċjali tal-minoranzi etniċi u l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol ippreżenta r-rapport tiegħu “Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol” f'Diċembru 2007. Isemmi l-ostakoli l-aktar importanti għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Per eżempju:

http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/hlg/ etmin_en.pdf.

(6)  Per eżempju: http://www.soros.org/initiatives/roma, http://www.romeurope.org/?page_id=14, http://www.romnews.com/community/index.php, http://www.enar-eu.org/, http://www.unionromani.org/union_in.htm, http://www.romanicriss.org/, http://www.erionet.org/, http://www.grtleeds.co.uk/index.html, http://www.etudestsiganes.asso.fr/, http://www.fnasat.asso.fr/, http://romove.radio.cz/en/, http://www.spolu.nl/index.html

(7)  Premju Nobel 2006 — Muhammad Yunus. Il-mudell tal-Bank Grameen ta' Bangladesh jista' jiġi adattat għall-komunitajiet Roma.

(8)  “Minkejja l-ħafna programmi u inizjattivi mmirati lejn ir-Roma, il-bidla saret bil-mod u r-riżultati ma kenux tajbin daqs dawk mistennija, l-aktar minħabba problemi strutturali. Irid jiġi enfasizzat li anke jekk l-ugwaljanza għandha tkun għan strateġiku fl-UE u fl-Istati Membri, tinħtieġ azzjoni speċifika u mmirata għall-inklużjoni tar-Roma”. (Ara n-nota f'qiegħ il-paġna numru 6).

(9)  “Roma and Travellers in Public Education”, EUMC/FRA, 2006

(http://fra.europa.eu/fra/material/pub/ROMA/roma_report.pdf).

(10)  Riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fil-31.1.2008 dwar “Strateġija Ewropea għar-Roma”, punt 6: “Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' l-UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma u fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal Pjan ta' Azzjoni Komunitarju komprensiv għall-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jipprovdi għajnuna finanzjarja għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma”.

(http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2008-0035+0+DOC+XML+V0//FR&language=FR)

(11)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, punt 50. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew, li huwa konxju tas-sitwazzjoni speċifika ħafna li jiffaċċjaw ir-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni sabiex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom. Għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti u tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress miksub qabel l-aħħar ta' Ġunju 2008.

(http://www.consilium.europa.eu/cms3_fo/showPage.asp?id=432&lang=fr&mode=g)

(12)  http://cmiskp.echr.coe.int/tkp197/portal.asp?sessionId=7828574&skin=hudoc-en&action=request

(13)  Il-kunċett ta' “Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma 2005-2015” ġie adottat fil-konferenza ta' Ġunju 2003 dwar “Roma f'Ewropa li qiegħda tespandi — Sfidi għall-Futur” bil-kollaborazzjoni attiva tal-Kummissjoni. Il-pajjiżi li pparteċipaw (ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, is-Serbja, il-Maċedonja u l-Montenegro) adottaw pjanijiet ta' azzjoni li kienu jinkludu proposti sabiex jintlaħqu erba' għanijiet ewlenin — l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Din il-konferenza fetħet ukoll Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma

(http://www.romadecade.org/) (http://romaeducationfund.hu/).

(14)  Membri: Amnesty International (AI), European Roma Rights Centre (ERRC), European Roma Information Office (ERIO), European Network against Racism (ENAR), Open Society Institute (OSI), Spolu International Foundation (SPOLU), Minority Rights Group International (MRGI), European Roma Grassroots Organisation (ERGO)

(http://www.romadecade.org/portal/downloads/News/Towards %20an %20EU %20Roma %20Policy %20ERPC %20- %20Final.pdf).

(15)  Forum Ewropew tar-Roma u tal-Vjaġġaturi

(http://www.ertf.org/en/index.html).

(16)  Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona applika l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-proċess ta' Lisbona fl-oqsma tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali, tat-trobbija tat-tfal u l-edukazzjoni, tal-politika ta' l-intrapriżi, tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fir-rifoma ekonomika strutturata. Il-Kunsill Ewropew ta' Gothenburg estenda l-ambitu tiegħu għall-immigrazzjoni u r-refuġju. Iktar 'il quddiem, l-OMC ġie estiż għall-qasam tal-kwistjonijiet dwar iż-żgħażagħ. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi globalizzata” ((COM)2007 242 finali), il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-OMC jiġi applikat għall-qasam tal-kultura. F'dan il-kuntest, stipulat b'mod ċar li l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu involuti fil-proċess.

(17)  Ara x-xogħol tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidla Industrijali (Consultative Commission on Industrial Change — CCMI), il-Grupp ta' Lisbona u l-Grupp ta' Kuntatt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili.