3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa

(2009/C 27/14)

F'ittra tal-25 ta' Ottubru 2007, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar:

Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe, u l-ko-rapporteur is-Sur Wilms.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'94 vot favur, 30 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

F'ittra tal-25 ta' Ottubru 2007, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill talbet lill-KESE biex iħejji opinjoni esploratorja dwar “Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa”. Il-Kumitat intalab b'mod speċifiku biex jittratta l-kwistjoni tal-bijokarburanti.

1.2

Il-KESE jinsab inkwetat ħafna dwar l-impatt negattiv li ser tħalli l-bidla fil-klima fuq il-biedja Ewropea kif ukoll fuq is-saħħa ekonomika ta' bosta żoni rurali. L-iktar konsegwenzi serji huma mbassra fl-Ewropa ta' Isfel, speċjalment minħabba l-fatt li l-perijodi ta' nixfa mistennija jitwalu, u dan kapaċi jwassal għall-iskarsezza ta' ilma. Dan jista' jwaqqaf saħansitra għal kollox l-attivitajiet agrikoli fiż-żoni milquta. Però anke l-bdiewa fir-reġjuni l-oħra ta' l-Ewropa ser ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi serji minħabba l-bidliet fil-klima, per eżempju minħabba t-tnaqqis drastiku tax-xita f'perijodi partikolari tas-sena. Ma' dawn il-problemi, maż-żmien jistgħu jiżdiedu wkoll il-problemi marbuta ma' l-iżvilupp jew iż-żieda ta' mard tal-pjanti u impestazzjonijiet tad-dud.

1.3

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-awtoritajiet politiċi jieħdu azzjoni minnufih sabiex jintegraw il-politika tal-klima fl-oqsma ta' politika l-oħra kollha.

1.4

Il-biedja mhix biss vittma tal-bidla fil-klima, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux emissjonijiet tas-CO2, iżda emissjonijiet tal-metanu u ta' l-ossidu nitruż li huma r-riżultat tat-tibdil fl-użu ta' l-art u tal-produzzjoni agrikola stess. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'iktar reqqa d-distinzjoni bejn il-metodi differenti ta' l-użu ta' l-art fil-kuntest tar-rabta tagħhom mal-klima sabiex jinstabu għażliet differenti għall-azzjoni politika, per eżempju fil-qasam tal-politika ta' l-għajnuna. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa' bi pjaċir l-aħbar tal-Kummissjoni li fil-futur ser tintegra il-ħarsien tal-klima fil-politika agrikola komuni iktar.

1.5

Il-biedja tista' tagħti kontributi siewja għall-ħarsien tal-klima, billi fost ħwejjeġ oħra toqgħod attenta li mhux biss tħares il-ħażna tal-karbonju li għad hemm fil-ħamrija iżda wkoll li żżidha permezz ta' azzjoni mmirata lejn iż-żieda tal-kompost. Hija tista' tnaqqas il-ħtieġa ta' l-enerġija u tipproduċi l-bijomassa, b'mod li jirrispetta n-natura u l-ambjent, għal skopijiet enerġetiċi.

1.6

Fil-fehma tal-Kumitat, l-istrateġija futura tal-bijokarburanti ta' l-UE li qed titfassal bħalissa, li skond l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni tinkludi l-importazzjoni enormi ta' materja prima għall-biedja, mhix adatta biex tilħaq l-objettivi relatati mal-ħarsien tal-klima b'mod ekonomiku filwaqt li toħloq postijiet tax-xogħol ġodda fil-qasam agrikolu u tiġġenera iktar dħul. Fil-fatt, minflok din l-istrateġija tal-bijokarburanti għandha titfassal strateġija ġdida tal-bijomassa mgħarbla sew. Din m'għandhiex tistrieħ fuq l-importazzjoni, iżda għandha tipprova iktar minn qatt qabel tbiddel il-prodotti sekondarji/l-iskart tal-biedja f'enerġija li tista' tintuża filwaqt li lill-bdiewa tagħtihom rwol attiv fis-sistemi deċentralizzati ta' l-enerġija li għandhom jiġu ogranizzati mill-ġdid.

2.   L-elementi ewlenin u l-kuntest ta' l-opinjoni

2.1

Il-biedja hija l-iktar s-settur ekonomiku li jiddependi mill-kundizzjonijiet naturali (u għalhekk anke mill-kundizzjonijiet tal-klima), l-iktar li jużahom, ibiddilhom u jiffurmahom.

2.2

Il-prinċipju tal-biedja huwa bbażat fuq l-użu sistematiku ta' l-enerġija solari bis-saħħa tal-fotosinteżi tal-pjanti sabiex tiġi ġġenerata enerġija li tkun tista' tintuża mill-bniedem fil-forma ta' ikel u għalf. L-enerġija marbuta mal-fotosinteżi minn dejjem kienet tintuża bħala sors ta' sħana (per eżempju, bijomassa fil-forma ta' njam).

2.3

Il-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi, li s'issa fl-Ewropa kienu adatti ħafna għall-biedja, huma fattur essenzjali għall-biedja li hija msawra minn diversità kbira u magħmula minn strutturi differenti. Dan ifisser ukoll li bidla f'dawn il-kundizzjonijiet tista' ssarraf f'konsegwenzi fuq il-biedja u l-istrutturi reġjonali ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali marbutin magħha.

3.   Kummenti ġenerali

Il-biedja: vittma tal-bidla fil-klima

3.1

Il-bidliet fil-klima, b'mod partikolari ż-żieda mistennija fit-temperatura, u iktar u iktar it-tibdil fl-ammont ta' xita li tinżel ser iħallu impatt qerriedi fuq il-biedja f'ċerti reġjuni ta' l-Ewropa. Teżisti l-possibbiltà li żmien twil ta' nixfa, l-iskarsezza ta' l-ilma u bħala riżultat ta' dan il-fatt li ċerti meded ta' art qed isiru deżert, b'mod speċjali fl-Ewropa ta' Isfel, iwaqqfu l-produzzjoni agrikola għal kollox. Barra minn dan, in-nirien il-kbar jistgħu jolqtu l-artijiet agrikoli ħażin ħafna (1). Dan jhedded sew l-ekonomiji rurali ta' dawn iż-żoni. L-istudji xjentifiċi kollha li saru jindikaw li l-bidla fil-klima ser ikollha impatt fuq id-dud u l-mard, li ser inaqqsu l-produzzjoni tar-raba' prinċipali għall-ikel b'mod sinifikanti. Il-bidla fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-patoġeni ser twassal għal:

bidliet fid-distribuzzjoni ġeografika ta' dawn il-patoġeni;

bidliet fil-frekwenza u s-serjetà tal-mard; u

bidliet fl-istrateġija użata sabiex jiġi kkontrollat il-mard.

3.2

F'dan il-kuntest, il-KESE jagħmel referenza għad-diversi pubblikazzjonijiet u inizjattivi tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, bħall-Komunikazzjoni Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea  (2) u l-ideat u l-pjanijiet li tiddeskrivi, għall-Green Paper dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa, u għall-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji koerenti għall-użu ta' l-art. Barra minn hekk f'ħafna pajjiżi diġà bdew l-attivitajiet f'dan il-qasam.

3.3

Probabbilment, il-biċċa l-kbira ta' l-Ewropej kif ukoll ta' dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet m'humiex kapaċi jimmaġinaw x'jiġri jekk, per eżempju, il-biedja tiġi abbandunata f'żoni kbar ta' l-Ewropa ta' Isfel minħabba n-nuqqas ta' l-ilma u temperaturi estremi. Il-bidliet fl-użu ta' l-art jista' jkollhom impatt negattiv ukoll fuq l-impjiegi fir-reġjuni milquta.

3.4

Għaldaqstant, il-KESE jsejjaħ lil dawk kollha responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jagħmlu kulma jistgħu sabiex jillimitaw kemm jista' jkun l-impatt fuq il-biedja permezz ta' programm radikali u komprensiv għall-ħarsien tal-klima. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri mmirati lejn l-adattament ta' l-attività agrikola għall-bidla fil-klima. Is-settur tal-biedja ser ikollu jadatta ruħu b'mod effiċjenti u mgħaġġel għat-trasformazzjonijiet u l-bidliet fil-klima, billi l-kontinwazzjoni ta' l-attività agrikola fiha nnifisha tiddependi mis-suċċess jew mill-falliment ta' dawn il-miżuri.

3.4.1

Skond l-aħħar rapporti ta' l-OECD u ta' l-FAO, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu fatturi prinċipali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Fost l-azzjonijiet ta' adattazzjoni għandu jitqies l-iżvilupp ta' speċi ġodda u varjetajiet veġetali iktar adatti għall-bidla fil-klima. Fid-dawl ta' dan, il-progress fit-titjib ġenetiku tal-materjal veġetali u ta' l-annimali permezz ta' proċeduri konvenzjonali jew bijoteknoloġiċi għandu importanza partikolari.

Il-kontribut tal-biedja għall-bidla fil-klima

3.5

Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li mhux biss tinfetaħ id-diskussjoni dwar il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima għall-biedja, iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li l-biedja stess tikkontribwixxi għall-bidla fil-klima u għalhekk għandhom jittieħdu passi sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-biedja fuq il-klima. Huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati d-diversi kontributi li tista' tagħti l-biedja lill-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

3.6

Għalhekk il-Kumitat jilqa' l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK (3) il-Kummissjoni għarfet il-politika tal-klima bħala waħda mill-erba' sfidi l-ġodda tal-PAK.

3.7

L-emissjonijiet li jiġu direttament mill-biedja skond id-definizzjoni ta' l-IPCC jammontaw għal bejn 10 u 12 %. B'kollox huwa stmat li l-biedja tikkontribwixxi bejn 8.5 u 16.5 biljun tunnellata ta' CO2e (4) fl-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra, jiġifieri bejn 17 u 32 % tat-total (5).

3.8

Huwa stmat ukoll li għall-Ewropa s-sehem tal-biedja fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra huwa wisq inqas mill-figura korrispondenti għall-emissjonijiet globali. Skond il-metodi tal-kalkolu li jintużaw mill-IPCC, il-Kummissjoni ssostni li l-figura hi ta' 9 %. Mill-1990 'l hawn il-biedja fl-UE-27 naqqset l-emissjonijiet b'20 %, u dik fl-UE-15 bi 11 % (6). Madankollu, il-metodi tal-kalkolu ta' l-IPCC ma jqisux l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jiġu kkawżati mill-bidliet fl-użu ta' l-art, l-enerġija li tintuża biex isiru l-fertilizzanti u l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, jew il-karburanti tat-trakters. Per eżempju, filwaqt li l-Kummissjoni ħabbret li l-kontribut tal-biedja għall-emissjonijiet fil-Ġermanja huwa ta' 6 %, il-Gvern Federali Ġermaniż qal li dan il-kontribut huwa ta' bejn 11 u 15 % jekk jitqiesu l-emissjonijiet kollha li ġejjin mill-biedja.

Id-diversi implikazzjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-biedja

3.9

Il-biedja tikkontribwixxi biss għal sehem żgħir ta' l-emissjonijiet netti ta' CO2. Ir-raġuni ewlenija għal dan hija li l-pjanti l-ewwel jassorbu s-CO2 u jikkonvertuh f'materja organika. Meta tintuża l-bijomassa, il-karbonju li kien assorbit fuq bażi temporanja jerġa' joħroġ bħala CO2. Għalhekk, iċ-ċiklu tal-karbonju huwa fil-biċċa l-kbira magħluq.

3.10

Skond ir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni ta' l-IPCC (7), fil-qasam tal-biedja, il-politika tal-klima għandha tikkunsidra l-ewwel u qabel kollox l-emissjonijiet tal-metanu u ta' l-ossidu nitruż. Fl-Ewropa, madwar 40 % ta' l-emissjonijiet totali ta' CH4 u N2O ġejjin mill-biedja, u huma dawn il-gassijiet b'effett ta' serra li għandhom impatt qawwi ħafna fuq il-klima; il-potenzjal ta' effett ta' serra ta' l-ossidu nitruż u l-metanu huwa 296 u 23 darba iktar minn dak tas-CO2 rispettivament.

3.11

Bażikament hemm erba' aspetti tal-biedja li jolqtu l-bidla fil-klima:

a)

il-bidla tal-boskijiet, il-bassasiet, l-artijiet mistagħdra jew l-artijiet mimlija ħaxix f'raba',

b)

l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-art maħduma u t-trobbija tal-bhejjem,

c)

l-użu ta' l-enerġija fl-irziezet u fis-setturi relatati, per eżempju l-karburanti u l-enerġija użata għall-manifattura ta' fertilizzanti kimiċi, pestiċidi u prodotti oħra (8), u

d)

il-produzzjoni tal-bijomassa bħala sors ta' l-enerġija.

3.12

Kollox ma' kollox, il-bidla ta' żoni li s'issa ma kinux maħduma f'artijiet għall-biedja hija bla dubju l-iktar sinifikanti, u tikkawża bil-wisq iktar gassijiet b'effett ta' serra mill-produzzjoni agrikola u l-użu ta' l-enerġija. Kull darba li jinħolqu l-għelieqi agrikoli jinħarġu l-gassijiet b'effett ta' serra billi r-raba' taħżen l-inqas ammont medju ta' dijossidu karboniku fil-ħamrija tagħha — apparti d-deżerti, is-semideżerti u ż-żoni mibnija (9).

3.13

B'hekk id-dibattitu dwar il-qerda tal-foresti tropikali fl-Amażonja jew l-Indoneżja huwa meqjus ta' importanza fundamentali. Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-Ewropa u l-biedja Ewropea għandhom x'jaqsmu ħafna mad-deforestazzjoni fuq skala kbira f'dawn il-partijiet tad-dinja (10).

It-tibdil fl-użu ta' l-art/il-bjar tal-karbonju

3.14

Waħda mill-problemi ewlenin f'dan il-qasam ġejja mill-fatt li fl-Ewropa l-art qed tkompli tinbena u b'hekk qed tkompli tonqos l-art disponibbli għall-produzzjoni agrikola u l-bjar tal-karbonju. Il-KESE jiddispjaċih li d-direttiva ppjanata dwar il-ħarsien tal-ħamrija, li tista' tagħti kontribut sostanzjali f'dan il-qasam, ma ġietx adottata.

3.15

Il-politika tal-klima għandha tikkunsidra sitt bjar tal-karbonju ewlenin (11). Minn dawn, il-bijomassa tas-superfiċje u l-ħamrija huma l-iktar rilevanti għall-biedja. Billi l-biedja hija msejsa fuq il-prinċipju tal-ħsad annwali tal-bijomassa li tipproduċi, hi ma toħloqx bjar tal-karbonju tas-superfiċje ġodda għall-ħżin tal-bijomassa.

3.16

Il-bidla tal-boskijiet, tal-bassasa u ta' l-artijiet mimlija ħaxix f'raba' tikkaġuna t-telf tal-karbonju li jkun maħżun fil-ħamrija. Għalhekk, għall-biedja Ewropea huwa importanti li ż-żoni li fihom riżervi kbar ta' karbonju ma jintmessux. Għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati inċentivi li, permezz ta' l-istrumenti ta' appoġġ adatti, iħeġġu l-metodi ġusti tal-biedja.

3.17

Skond l-għarfien li għandna bħalissa, il-bidla fil-klima waħedha hija raġuni biżżejjed biex nipprojbixxu immedjatament il-bidla tal-bassasa u l-boskijiet f'raba'.

3.18

Matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin, l-Ewropa rat ħafna artijiet mimlija ħaxix jinbidlu f'raba'. Minkejja d-diversi restrizzjonijiet (12), dan il-proċess għadu ma ntemmx, u fil-fatt f'xi reġjuni qed jerġa' jiżdied minħabba ż-żieda fl-użu ta' l-enerġija għall-biedja.

3.19

Il-bidla ta' l-artijiet mimlija ħaxix f'raba' żdiedet għaliex il-marġni tal-profitt tal-bdiewa fuq ir-raba' huwa ogħla mhux ħażin. L-art li tintuża għar-regħi tirrikjedi iktar xogħol, u l-ħaxix biss m'għadux biżżejjed biex l-ifrat jilħaq il-livelli “mixtieqa”. Għaldaqstant, il-bhejjem jiddependu mill-għalf enerġetiku u l-produzzjoni tiegħu teħtieġ ħafna iktar enerġija.

3.20

Il-KESE ser joqgħod partikolarment attent għall-mod ta' kif il-politiki ambjentali u agrikoli jindirizzaw din is-sitwazzjoni, per eżempju fil-kuntest tal-proposti leġislattivi marbuta mal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK. Il-Kumitat isejjaħ għal dibattitu intensiv dwar kif l-użu ta' l-art li jirrispetta l-ambjent u li huwa kompatibbli mal-konservazzjoni tan-natura jista' jerġa' jsir attraenti għall-bdiewa.

Il-gassijiet b'effett ta' serra mill-produzzjoni agrikola

3.20.1

L-użu ta' fertilizzanti nitrużi li ġejjin kemm minn materja sintetika kif ukoll minn materja organika huwa s-sors prinċipali ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż. Kull meta jintużaw il-fertilizzanti nitrużi b'mod intensiv dejjem ikun hemm ir-riskju li l-pjanti ma jkunux jistgħu jassorbuhom malajr jew għal kollox, u b'hekk joħroġ l-ossidu nitruż fl-atmosfera. S'issa, il-politika ambjentali indirizzat l-iktar it-tniġġis ta' l-ilma ta' l-art u tas-superfiċje, però l-bidla fil-klima hija raġuni oħra għaliex għandna nħarsu lejn iċ-ċiklu tan-nutrijenti b'mod iktar kritiku.

3.20.2

Fi studju li sar, ir-riċerkatur dwar il-klima Prof. Crutzen, analizza l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż fil-katina tal-produzzjoni mill-kolza sal-bijokarburanti (13). Hu wasal għall-konklużjoni li f'ċerti kundizzjonijiet il-metilester tal-kolza jista' jagħmel ħafna iktar ħsara lill-klima mill-karburanti li ġejjin miż-żejt mhux raffinat, preċiżament minħabba l-ħafna emissjonijiet ta' ossidu nitruż li jirriżultaw mill-użu tal-fertilizzanti kimiċi.

3.20.3

Sors ieħor ta' l-emissjonijiet agrikoli ta' l-ossidu nitruż, li huwa inqas kwantitattiv, huwa d-dekompożizzjoni tal-materja organika fil-ħamrija, speċjalment fil-biedja.

3.20.4

Il-biċċa l-kbira ta' l-emissjonijiet agrikoli tal-metanu fl-Ewropa huma kkawżati mill-bhejjem li jixtarru, u b'mod partikolari l-ifrat. Il-KESE jaf li fil-livell internazzjonali l-importanza ta' l-emissjonijiet tal-metanu mill-bhejjem li jixtarru qiegħda dejjem tikber (14), u li fil-livell dinji din il-problema ser tkompli tiggrava aktar ma jikber in-numru ta' l-ifrat. Huwa veru li l-istokkijiet ta' l-ifrat fl-Ewropa naqsu matul dawn l-aħħar ftit snin (15), imma wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-Ewropa hija importatur nett f'dan il-qasam.

3.21

Il-konsum tal-laħam għandu impatt fuq il-klima. Jinħtieġu madwar 10 kaloriji tal-pjanti biex tiġi prodotta kalorija waħda ta' l-annimali. Iż-żieda fil-konsum tal-laħam tirrikjedi iktar għalf għall-bhejjem, li min-naħa tiegħu jeħtieġ iktar enerġija u jżid il-pressjoni għal iktar produzzjoni fl-art agrikola. B'livelli ta' konsum tal-laħam relattivament għoljin, l-Ewropa timporta parti kbira mill-għalf għall-bhejjem, li l-kultivazzjoni tiegħu toħloq problemi serji ħafna (per eżempju, is-soja fl-Amażonja). Għalhekk, il-KESE huwa favur it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea dwar il-proteini.

3.22

Il-volum ta' laħam prodott mhux l-uniku fattur rilevanti; anke l-mod tat-trobbija tal-bhejjem jidħol hawnhekk. Per eżempju, il-laħam u l-ħalib jistgħu jkunu ġejjin minn sistema tar-regħi li tuża ftit enerġija, fejn il-baqar jirgħu f'meded ta' art mimlija ħaxix — li l-importanza tagħhom għall-ħarsien tal-klima ġiet sottovalutata — matul l-istaġun tal-veġetazzjoni. Però, il-laħam u l-ħalib jistgħu jiġu wkoll minn sistemi tar-regħi li jużaw ħafna enerġija, u ma jużawx l-artijiet mimlija ħaxix. F'sistemi bħal dawn, l-ifrat jingħata l-iktar qamħ fis-sajlos jew għalf tal-bhejjem ieħor li fih ħafna enerġija.

L-użu ta' l-enerġija fil-biedja

3.23

Il-vantaġġ tal-biedja huwa li hi tbiddel l-enerġija solari f'enerġija veġetali li tkun tista' tintuża. Madankollu, aktar ma jiżdied l-ammont ta' enerġija li ġejja mill-karburanti fossili fil-proċess tal-produzzjoni, u aktar ma jonqos l-ammont tal-prodotti veġetali li jiġu kkonsumati direttament min-nies u li minflok jinbidlu fi prodotti għall-annimali, aktar ser jonqos is-sinifikat ta' dan il-vantaġġ.

3.24

Filwaqt li, per eżempju, l-irziezet organiċi ma jużawx fertilizzanti kimiċi u prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jiġu manifatturati fl-industriji u li jinħallu fl-ilma, l-użu tagħhom iżid l-impatt enerġetiku u klimatiku tal-biedja konvenzjonali.

3.24.1

Xi studji komparattivi dwar il-prestazzjoni tal-biedja fir-rigward ta' l-enerġija b'mod ġenerali u l-konsum tal-materja prima, kif ukoll il-ħżin tal-karbonju, juru li l-biedja organika tuża medja ta' inqas enerġija u nitroġenu mill-biedja konvenzjonali. Anke meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-produzzjoni tal-biedja konvenzjonali hija ikbar, il-potenzjal ta' effett ta' serra tal-biedja organika xorta jibqa' iktar baxx (16). Huwa għalhekk li, per eżempju, il-Gvern Federali Ġermaniż iqis li l-appoġġ għall-biedja organika huwa kontribut għall-ħarsien tal-klima (17).

3.24.2

Xi studji oħra li saru waslu għal konklużjonijiet differenti.

3.25

Għaldaqstant l-informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-problema għadha skarsa u kontradittorja. Parzjalment għal din ir-raġuni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel analiżi dettaljata dwar l-impatt differenti tad-diversi forom ta' l-użu agrikolu u mhux agrikolu ta' l-art, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jiġu żviluppati l-għażliet ta' politika, per eżempju fil-qasam ta' l-appoġġ għall-bdiewa.

Il-kontribut tal-biedja għas-soluzzjoni tal-problemi tal-bidla fil-klima

3.26

Il-biedja tista' tikkontribwixxi b'ħafna modi differenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mil-livelli attwali. Fosthom, billi l-boskijiet, il-bassasiet, l-artijiet mistagħdra u l-artijiet mimlija ħaxix ma jinbidlux f'raba', u billi jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż u tal-metanu permezz tal-ġestjoni sostenibbli ta' l-art, u jekk ikun possibbli, il-kopertura ta' l-art għal perijodu twil ta' żmien (catch crop cultivation), newbiet ta' l-uċuħ differenti (per eżempju, biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-problemi relatati mad-dud), l-użu adatt tal-fertilizzanti, eċċ.

3.27

Għal żmien twil, l-użu ta' l-enerġija ma kienx problema, speċjalment minħabba l-fatt li l-enerġija kienet irħisa ħafna. Il-KESE jagħraf il-ħtieġa urġenti li fil-futur tingħata iktar importanza lill-prattiki agrikoli b'iktar effiċjenza enerġetika u li dawn il-prattiki jiġu promossi. Il-biedja organika u l-hekk imsejħa produzzjoni ta' input baxx (per eżempju, ir-regħi estensiv) jistgħu jagħtu kontribut f'dan il-qasam.

3.28

Mill-esperimenti li saru fil-qasam ta' l-hekk imsejħa “kultivazzjoni mħallta” ħarġu riżultati inkoraġġanti ħafna. Dan it-tip ta' biedja tikkonsisti f'li, per eżempju, fl-istess għalqa jinżergħu tipi differenti ta' żrieragħ flimkien mal-legumi u l-pjanti taż-żejt. Dan ifisser li jintużaw inqas fertilizzanti u pestiċidi, kif ukoll li tiżdied il-bijodiversità u l-promozzjoni tal-kompost.

3.29

L-użu tal-kompost huwa importanti immens għall-bidla fil-klima. Fil-futur, l-attenzjoni għandha titpoġġa fuq kif jinkiseb kontenut tal-kompost kemm jista' jkun stabbli u għoli, speċjalment fl-art agrikola, li spiss teħtieġ xi bidliet fin-newba ta' l-uċuħ. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex flimkien ma' l-istituti ta' riċerka fl-Istati Membri tevalwa l-istudji li diġà saru, u biex jekk ikun hemm bżonn tikkummissjona iktar studji bil-għan li jinsabu u jiġu appoġġjati l-aqwa proċeduri.

3.30

F'dan il-kuntest għandu jiġi eżaminat ukoll ir-rwol tal-ġestjoni tradizzjonali tad-demel. Barra minn dan, għandu jiġi ċċarat jekk l-użu tal-pjanta kollha, kif inhu ppjanat għall-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, ixekkilx l-objettivi tal-produzzjoni tal-kompost.

4.   Il-bijoenerġija/il-bijokarburanti mill-biedja

4.1

Il-Presidenza Franċiża talbet lill-KESE janalizza l-kwistjoni tal-bijokarburanti fil-kuntest ta' din l-opinjoni. Filwaqt li l-Kumitat iwiegħed li ser iwettaq din it-talba huwa jixtieq jirreferi għall-opinjonijiet (18) li diġà ħejja dwar dan is-suġġett fejn ippreżenta il-pożizzjoni kritika tiegħu fir-rigward ta' l-istrateġija attwali tal-bijokarburanti b'mod dettaljat.

4.2

Minħabba l-ħafna emissjonijiet tas-CO2 mill-faħam, miż-żejt u mill-gass, huwa tajjeb li wieħed jibda jaħseb bis-serjetà biex juża iktar l-enerġija li tiġi ġġenerata direttament mill-pjanti. Il-KESE kemm-il darba approva essenzjalment l-użu tal-bijoenerġija, iżda jixtieq jenfasizza xi prinċipji bażiċi li fil-fehma tiegħu huma indispensabbli.

4.2.1

Il-KESE jenfasizza li d-dritt għal ikel xieraq huwa rikonoxxut espliċitament bħala aspett importanti mid-drittijiet tal-bniedem. Il-produzzjoni ta' l-ikel bażiku għandha tingħatha iktar prijorità mill-produzzjoni ta' l-enerġija.

4.2.2

Huwa importanti li l-art li hija bir tal-karbonju ewlieni jew ta' importanza kruċjali għall-bijodiversità ma tintużax għat-tkabbir tal-pjanti ta' l-enerġija. Il-KESE jinsab kuntent li l-Kummissjoni għarfet il-ħtieġa li t-tkabbir ta' l-għelejjel għall-produzzjoni ta' l-enerġija jikkonforma mal-kriterji tas-sostenibbiltà. L-opinjoni tal-KESE fuq id-direttiva proposta dwar l-enerġiji rinnovabbli ser tinkludi diskussjoni dettaljata dwar jekk il-kriterji tas-sostenibbiltà tad-direttiva humiex biżżejjed jew le. Il-KESE jappoġġja l-applikazzjoni ta' kriterji tas-sostenibbiltà xierqa għall-karburanti b'mod ġenerali, indipendentement minn fejn ikunu ġejjin, kif ukoll għall-għalf ta' l-annimali.

4.2.3

L-użu ta' l-iskart agrikolu u, per eżempju, il-bijomassa mill-ġestjoni tal-pajsaġġ għandhom pontenzjal enerġetiku kbir fl-Ewropa, però dan il-potenzjal ftit li xejn qed jiġi sfruttat bħalissa għax it-tkabbir speċjalizzat (jiġifieri, li juża iktar enerġija) ta' l-għelejjel għall-enerġija huwa iktar kost-effettiv. S'issa l-politika ta' l-għajnuna bagħtet is-sinjali l-ħżiena f'dan il-qasam.

4.2.4

Meta tintuża l-bijoenerġija, huwa importanti li tiġi assigurata effiċjenza massima. Per eżempju, ma jagħmilx sens li nagħmlu l-bijogass mill-qamħirrun li jitkabbar b'ħafna enerġija jekk is-sħana li tiġi mill-ġenerazzjoni ta' l-elettriku ma tistax tinbiegħ billi f'dan il-każ madwar żewġ terzi ta' l-enerġija li tiġi ġġenerata terġa' tintilef mill-ewwel.

4.2.5

Il-produzzjoni attwali ta' l-għelejjel għall-enerġija ta' sikwit tkun teħtieġ ħafna enerġija, u l-pjanti u ż-żejt li joħorġu minnhom ikollhom jgħaddu minn proċess industrijali li wkoll juża ħafna enerġija. Minħabba dan, fuq il-pjan enerġetiku u dak klimatiku, bosta karburanti jkollhom impatti netti baxxi jew saħansitra negattivi, li parti minnhom ikunu katastrofiċi.

4.2.6

Għal din ir-raġuni, fl-istudju dwar Il-Bijokarburanti fil-Kuntest Ewropew, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) fi ħdan il-Kummissjoni kellu d-dubji tiegħu dwar il-possibbiltà li tinkiseb il-mira tal-Kummissjoni, jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra billi s-sehem tal-bijokarburanti fit-taħlita enerġetika jkun ta' 10 %. Studji (19) oħra waslu għall-istess konklużjoni.

4.2.7

L-istudju taċ-ĊKR jqajjem ukoll punt kruċjali, li fil-fehma tal-KESE għandu jsir wieħed mill-prinċipji fit-tfassil tal-politiki. Il-bijomassa prodotta għandha tintuża fejn tinħtieġ l-iktar. Il-prinċipju ewlieni f'dan il-qasam huwa l-prinċipju ta' l-effiċjenza (20). Għaliex l-istrutturi molekulari ta' l-għelejjel li jeħtieġu ħafna enerġija għandhom jinbidlu bil-proċess industrijali jekk huma jistgħu jipproduċu l-enerġija direttament? Iċ-ĊKR jinnota li fl-UE t-tisħin stazzjonarju u l-ġenerazzjoni ta' l-enerġija jużaw żejt daqs il-vetturi li jaħdmu bil-magni tad-diżil. Jekk hawnhekk jintużaw l-għelejjel għall-enerġija, 1 MJ ta' bijomassa jista' jissostitwixxi madwar 0.95 MJ ta' karburanti fossili. Imma 1 MJ ta' bijomassa jissostitwixxi bejn 0.35 u 0.45 MJ biss ta' żejt mhux raffinat meta jintuża fil-qasam tat-trasport.

4.2.8

Madanakollu, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport jistgħu jitnaqqsu billi jintużaw vetturi ta' l-elettriku li jaħdmu b'enerġija ġejja mill-ħruq tal-bijomassa.

4.3

Fl-opinjoni tiegħu It-taħlita enerġetika fit-trasport  (21), il-KESE jirrimarka li fil-qasam tat-trasport, it-trazzjoni elettrika ser tieħu post il-magna b'kombustjoni interna. Ma jagħmilx sens li tinżamm l-eneġija bbażata fuq l-għelejjel sakemm tkun ineffiċjenti bħalma hi bħalissa għall-bijokarburanti.

4.4

Fi studju komparattiv li wettqet l-Empa (22) ġie kkalkulat li biex VW Golf tagħmel 10 000 km bil-bijokarburanti teħtieġ żona ta' 2 062 metri kwadri ta' kolza. Għall-kuntrarju, iċ-ċelloli solari jistgħu jipproduċu l-enerġija meħtieġa għal vjaġġ ta' 10 000 km f'żona ta' 37 m2, li hija madwar wieħed minn sittin taż-żona meħtieġa għall-kolza.

4.5

Għandu jiġi analizzat ukoll jekk hux siewi li ż-żejt veġetali jiġi raffinat biex jintuża fil-magni b'kombustjoni interna. Il-magni, għaliex m'humiex aġġustati għall-istruttura molekulari tal-pjanti? Diġà ġew żviluppati magni, per eżempju għat-trakters u t-trakkijiet, li jaħdmu biż-żejt veġetali pur u li jilħqu l-limiti ta' l-emissjonijiet kollha li stabbilixxiet u ppjanat l-UE. Jinħtieġ iktar appoġġ għal innovazzjonijiet bħal dawn.

4.6

Iż-żjut meħtieġa għal magni bħal dawn jistgħu jitkabbru f'kultivazzjoni mħallta, jiġu pproċessati fir-reġjun u jintużaw lokalment. Dan ifisser li, permezz ta' proċessi li jirrispettaw il-klima u l-ambjent u li ma jużawx ħafna enerġija, il-bdiewa jistgħu mhux biss jipproduċu l-enerġija meħtieġa biex iħaddmu t-tagħmir tagħhom stess, iżda jistgħu jibdew ċikli ta' enerġija reġjonali ġodda. B'hekk ma jibqax jinħtieġ l-ipproċessar industrijali li juża ħafna enerġija.

4.7

Għaldaqstant, il-KESE jħoss li dak li l-Ewropa għandha bżonn mhux daqstant is-sempliċi strateġija tal-bijokarburanti, imma strateġija Ewropea tal-bijomassa mgħarbla sew. Din kapaċi tkun tirrispetta ħafna iktar il-klima u toħloq iktar impjiegi ġodda mill-istrateġija tal-bijomassa li qed tinbet bħalissa u li x'aktarx ser tistrieħ ħafna fuq l-importazzjoni ta' l-għelejjel għall-enerġija.

5.   Impjiegi ġodda permezz ta' biedja u politika agrikola li jirrispettaw il-klima

5.1

Huwa minnu li l-bidla fil-klima qed thedded il-biedja f'xi partijiet ta' l-Ewropa, però fl-istess ħin hi tista' tkun opportunità għall-biedja u għax-xogħol fl-Ewropa jekk il-biedja tieħu r-rwol tagħha fir-rigward tat-tendenzi l-ġodda fil-politika tal-klima bis-serjetà u tippromovi dak ir-rwol.

5.2

Il-biedja tibqa' sors importanti ta' xogħol fl-Unjoni Ewropea. Waħda mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tiġbor fiha diskussjoni dettaljata dwar it-tendenzi tax-xogħol fiż-żoni rurali (23). Tenfasizza li għalkemm il-biedja tħaddem numru relattivament żgħir ta' nies, hija importanti ferm fiż-żoni rurali. Il-Kummissjoni qed tbassar li l-10 miljun impjieg li hemm fil-biedja bħalissa (ekwivalenti għal impjiegi full-time) ser jonqsu b'bejn 4 u 6 miljuni.

5.3

Fl-istess ħin, f'bosta pajjiżi Ewropej qiegħed ikun imbassar nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, speċjalment ħaddiema li jkunu kapaċi jmexxu jew li jkunu jafu jħaddmu makkinarju kkumplikat. Barra minn hekk, il-fatt li l-impjiegi attwali xejn ma jiġbdu lin-nies ikompli jiggrava n-nuqqasijiet ta' ħaddiema kwalifikati. Il-Kumitat diġà kkummenta b'mod espliċitu dwar dan l-iżvilupp u enfasizza li tinħtieġ diskussjoni dwar il-kwalità ta' l-impjiegi (24).

Il-potenzjal tal-bijoenerġija li toħloq l-impjiegi

5.4

F'rapport ta' l-2006 ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġie eżaminat il-potenzjal tal-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija fl-Ewropa b'mod li jirrispetta l-ambjent. Jekk ninkludu l-bijomassa mill-iskart (per eżempju, skart domestiku) u l-forestrija, sa l-2030 bejn 15 u 16 % ta' l-enerġija primarja li l-UE hija stmata li teħtieġ tista' tiġi prodotta b'dan il-mod. Dan kapaċi jiggarantixxi jew saħasitra joħloq bejn 500 000 u 600 000 impjieg fiż-żoni rurali.

5.5

Jekk il-bijoenerġija toħloqx impjiegi ġodda, u jekk ikun hekk kemm toħloq, jiddependi ħafna mill-istrateġija adottata. Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Biedja jbassar li l-aħjar benefiċċji għall-ħarsien tal-klima u l-ħolqien ta' l-impjiegi ser jinkisbu jekk l-isforzi jkunu ffokati fuq “il-produzzjoni tal-bijoenerġija f'impjanti tal-koġenerazzjoni termika ta' l-elettriku u s-sħana jew f'impjanti tat-tisħin ibbażati fuq il-laqx ta' l-injam jew fuq il-bijogass li jiġi mid-demel likwidu tar-raba' u mill-iskart”. Madankollu, l-impatt ta' l-impjiegi fuq iż-żoni rurali jkun negattiv jekk l-appoġġ għall-bijoenerġija jnaqqas it-trobbija tal-bhejjem jew iżid, kif qed jissuġġerixxu t-tendenzi attwali, id-dipendenza mill-bijokarburanti importati.

5.6

Xi eżempji ta' tranżizzjoni b'suċċess lejn sistemi magħluqa tal-bijoenerġija juru li l-produzzjoni ta' ċerti tipi ta' bijoenerġija hija vantaġġuża mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali kemm għall-biedja kif ukoll għas-swieq tax-xogħol reġjonali. (Il-muniċipalitajiet ta' Mureck u Güssing, it-tnejn li huma fl-Awstrija, u Jühnde, il-Ġermanja, kisbu livelli ta' provvista ta' l-enerġija rinnovabbli li jitilgħu sa 170 %.) Din il-prestazzjoni ambjentali impressjonanti għandha wkoll impatt pożittivi fuq is-swieq tax-xogħol lokali (artiġġjanat lokali), mingħajr ma jingħaddu magħhom l-impjiegi għall-bdiewa li jwasslu l-materja prima (25).

5.7

Billi d-differenzi bejn id-dħul u l-ġid fiż-żoni urbani u dawk rurali mistennija jikbru, fil-politika tax-xogħol iż-żoni rurali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-għelejjel għall-enerġija u l-bidla tagħhom f'enerġija tista' tiggarantixxi u toħloq l-impjiegi fiż-żoni rurali, jekk il-valur miżjud jibqa' fir-reġjun.

Il-garanzija ta' impjiegi ta' kwalità għolja fil-biedja

5.8

L-objettiv tal-ħarsien tal-klima jista' jinkiseb biss bil-għajnuna ta' ħaddiema kwalifikati. In-negozji għandhom joffrulhom qafas ta' taħriġ tajjeb sabiex jiksbu dan.

It-twaqqif u l-garanzija ta' l-istandards soċjali

5.9

Fil-fehma tal-pubbliku ġenerali, id-domanda għall-bijomassa importata mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u mill-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw ser tkompli tiżdied. F'din is-sitwazzjoni, il-vantaġġi eventwali ta' l-ispejjeż m'għandhomx jiġu sfruttati jekk dan jimplika l-qerda tal-qafas ambjentali u soċjali fil-pajjiżi tal-produzzjoni. Għalhekk, il-produzzjoni tal-bijoenerġija għandha tkun konformi ma' l-Istandards Ewlenin tax-Xogħol ta' l-ILO u ma' l-istandards ta' l-istess organizzazzjoni għall-protezzjoni ta' l-impjiegi (26).

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u t-trade unions

5.10

Il-bidla strutturali fil-biedja ser ikollha impatt konsiderevoli fuq il-kwalità ta' l-impjiegi u d-dħul. Għaldaqstant, il-ħaddiema u t-trade unions għandhom jipparteċipaw f'dan il-proċess ta' bidla. Billi l-mudelli tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ivarjaw mhux ħażin madwar l-Ewropa, fi ħdan l-istrutturi Ewropej u nazzjonali attwali għandha tingħata iktar attenzjoni għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema agrikoli. Dan huwa ta' importanza partikolari għax dawn il-forom ta' komunikazzjoni u skambju ta' ideat kapaċi jipproteġu u jippreservaw l-impjiegi.

5.11

Il-kumitat Ewropew għad-djalogu soċjali dwar il-biedja, li twaqqaf fl-1999, huwa raggruppament rappreżentattiv ta' l-imsieħba soċjali għall-kwistjonijiet marbuta ma' l-impjiegi u l-iżvilupp futur tar-rwol il-ġdid tal-biedja. Dan il-kumitat iservi ta' korp speċjalizzat u konsultattiv. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol ta' dan il-korp anke fid-dawl tal-politika tal-klima. Bħala esperti dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-klima fil-biedja, fil-livell nazzjonali r-rwol ta' l-imsieħba soċjali għandu jissaħħaħ fil-kumitati li jissorveljaw l-iżvilupp taż-żoni rurali.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Per eżempju, in-nirien ġewwa l-Greċja fl-2007 li, fost affarijiet oħra, qerdu l-pjantaġġuni taż-żebbuġ.

(2)  COM(2007) 414 finali, 18.7.2007, opinjoni ĠU C 224, 30.8.2008, p. 67 adottata fid-29 ta' Mejju 2008.

(3)  COM(2007) 722 finali.

(4)  CO2e = ekwivalenti tad-dijossidu karboniku.

(5)  Cool Farming: Climate impacts of agriculture and mitigation potential, studju tal-Greenpeace, Diċembru 2007.

(6)  Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-Rapport ta' l-EEA Nru 5/2007.

(7)  IPCC, Gurpp ta' Ħidma III, Kapitolu 8 (2007), Il-Biedja.

(8)  Inkluż l-għalf għall-bhejjem.

(9)  Il-ħamrija hija t-tieni l-ikbar maħżen tad-dijossidu karboniku, wara l-ibħra. Il-KESE jaf li hemm xi diskrepanzi sostanzjali bejn il-figuri minn sorsi differenti, però dawn li ġejjin huma xi ftit statistiċi: f'kull ettaru ta' art agrikola jinżammu 60 tunnellata ta' dijossidu karboniku, il-ħamrija tal-boskijiet u ta' l-artijiet mimlija ħaxix iżżomm d-doppju ta' dan (fil-boskijiet id-dijossidu karboniku jkun maħżun ukoll fis-siġar), u bassasa ta' ettaru tista' taħżen sa 1 600 tunnellata ta' dijossidu karboniku.

(10)  Per eżempju, il-produzzjoni tas-soja bħala għalf għat-trobbija tal-bhejjem fl-Ewropa, u l-produzzjoni taż-żejt mill-palm jew mill-jatropha għall-enerġija (“bijo”-karburanti).

(11)  Ir-riżervi taż-żejt, tal-faħam u tal-gass, il-bijomassa tas-superfiċje, il-karbonju maħżun fil-ħamrija, u l-oċeani.

(12)  Bħall-kriterji tal-kundizzjonalità.

(13)  N 2 O release from agro-biofuel production negates global warming reduction by replacing fossil fuels, in: Atmos. Chem. Phys. Discuss., 7, 11191–11205, 2007.

(14)  Madwar 3.3 biljun tunnellata CO2e fis-sena.

(15)  L-istokkijiet ta' l-ifrat globali: 1 297 miljun ras ta' l-ifrat (fl-1990), 1 339 miljun (fl-2004), EU (25): 111.2 miljun (fl-1990), 86.4 miljun (fl-2004), iċ-Ċina: 79.5 miljun (fl-1990), 106.5 miljuni (fl-2004).

(16)  Per eżempju, ara l-artiklu Klimaschutz und Öko-Landbau (Il-ħarsien tal-klima u l-biedja organika) f'Ökologie & Landbau, 1/2008

(17)  It-tweġiba tal-Gvern Federali għall-mistoqsija parlamentari li ressaq il-Grupp BÜNDNIS 90/Die Grünen dwar “il-ħarsien tal-biedja u tal-klima”, dokument 16/5346, punt 13.

(18)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34, u l-opinjoni TEN 338 dwar il-proposta għal direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli (COM(2008) 019) li qiegħda titħejja bħalissa.

(19)  Per eżempju, l-istudju tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Biedja.

(20)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.

(21)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52.

(22)  L-Empa huwa istitut tar-riċerka dwar ix-xjenza tal-materji u t-teknoloġija fi ħdan l-Istitut Federali Svizzeru tat-Teknoloġija (ETH), Żurigu.

(23)  COM(2006) 857 finali, Il-postijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali: Inneħħu d-differenzi fl-impjiegi.

(24)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 25.

(25)  Għal iktar informazzjoni, ara www.seeg.at.

(26)  http://www.ilo.org/global/What_we_do/InternationalLabourStandards/lang--en/index.htm.