30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

COM(2008) 106 finali — 2008/0047 (COD)

(2008/C 224/13)

Nhar is-7 ta' April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 153 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

Fil-11 ta' Marzu 2008 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, matul l-445 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), ħatar lis-Sinjura Sharma bħala rapporteur-ġenerali, u adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifaħħar lill-Kummissjoni għall-ħidma li diġà wettqet sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-ħarsien tat-tfal “mit-teknoloġiji online” (1) u jinnota speċifikament li grazzi għall-kampanji ta' l-imsieħba soċjali, b'mod partikolari l-NGOs u l-avveniment annwali tal-Kummissjoni, “Jiem ta' l-Internet aktar Sikur”, il-livell medju ta' għarfien fost il-pubbliku dwar dan qiegħed jiżdied.

1.2

Il-KESE ħejja diversi opinjonijiet li jenfasizzaw dawn il-kwistjonijiet (2). Huwa jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq sħubija internazzjonali li jħeġġeġ:

1.2.1

L-iskambju internazzjonali tad-data, l-iskambju ta' l-ideat fost il-gvernijiet, l-infurzar tal-liġi, hotlines, istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, ċentri ta' l-għoti ta' pariri kontra l-abbuż tat-tfal, organizzazzjonijiet għall-ġid tat-tfal u l-industrija ta' l-internet.

1.2.2

Grupp ta' ħidma ta' l-UE u/jew internazzjonali li jiltaqa' kull tliet xhur bil-għan li jiffaċilita l-iskambju tad-data, ta' l-għarfien espert u tal-prattika tajba bejn il-partijiet interessati u li jinkludi l-hotlines, l-infurzar tal-liġi, il-gvernijiet u b'mod partikolari l-industrija internazzjonali ta' l-internet.

1.2.3

It-tifsira u l-promozzjoni ta' mudell internazzjonali u Ewropew ta' prattika tajba għall-ġlieda kontra l-materjal ta' l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet permezz tal-hotlines.

1.2.4

Evalwazzjoni tal-hotlines kollha li jeżistu jew li ser jibdew jeżistu fil-futur fid-dawl tal-prattika tajba li hija aċċettata bħal issa u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom fid-dawl tal-mudelli l-ġodda ta' prattika tajba.

1.2.5

Ir-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi għall-programmi u ta' l-allokazzjoni tal-fondi li ser jintużaw fil-futur b'riżultat ta' l-evalwazzjoni tal-hotlines.

1.2.6

Il-parteċipazzjoni tal-hotlines fil-proġett Ewropew tal-bażi tad-data.

1.2.7

It-tħeġġiġ ta' sħubiji bejn il-hotlines u organizzazzjonijiet relevanti oħra u r-reġistri nazzjonali bl-ismijiet tad-dominji sabiex jitneħħew l-ismijiet ta' dawk id-dominji li jippromovu l-abbuż sesswali tat-tfal jew li jipprovdu aċess għal kontenut bħal dan.

1.2.8

Sforzi konġunti sabiex il-poplu jsir aktar konxju mill-problemi ta' “grooming” u “cyber-bullying” (3) li jeżistu u sabiex l-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tal-karità tat-tfal taslilhom l-informazzjoni neċessarja.

1.2.9

L-introduzzjoni ta' proċeduri ta' appoġġ għall-analisti u dawk li jaħdmu fl-ambjent tal-hotlines u li jkollhom jaraw il-kontenut.

1.2.10

Ħidma sabiex tiġi assigurata l-armonizzazzjoni ta' l-oqfsa legali f'dan il-qasam fl-Istati Membri kollha.

1.2.11

It-twaqqif ta' uffiċċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni li jassumi r-rwol ta' awditur indipendenti f'dan il-qasam, li jikkoordina r-riċerka u li jeżamina l-implimentazzjoni tal-programmi u tar-rakkomandazzjonijiet.

1.2.12

It-twaqqif ta' pjattaforma annwali ta' “esperti” li tintensifika t-trasferiment ta' l-informazzjoni.

1.2.13

It-twaqqif ta' forum taż-żgħażagħ sabiex nassiguraw li l-fehmiet tat-tfal u taż-żgħażagħ ikunu jagħmlu parti mir-riċerka u l-implimentazzjoni tal-programmi li jsiru fil-futur.

1.2.14

L-użu proattiv u kollaborattiv tal-fondi li ġejjin minn sorsi bħall-programm Daphne u l-Programmi favur Internet aktar Sikur.

1.2.15

Li naħdmu flimkien ma' l-awtoritajiet ikkonċernati ta' l-Istati Uniti sabiex inħeġġu li jitnaqqas il-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal ospitat fl-Istati Uniti u sabiex jibda jsir skambju transatlantiku attiv tad-data.

1.3

Meta jittieħed approċċ ibbażat fuq is-sħubija għal ħidma bħal din inkunu qed nassiguraw il-ksib tal-livell massimu ta' għarfien espert, tad-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni u ta' fondi. Barra minn hekk approċċ bħal dan jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u ta' l-imsieħba soċjali fl-isforzi li qed tagħmel l-UE sabiex tnaqqas il-kontenut illegali disponibbli online u l-aċċess għalih.

2.   Kumment ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni:

2.1

It-teknoloġiji ta' l-internet u tal-komunikazzjoni (minn issa 'l quddiem “it-teknoloġiji online”) (4) kienu għodda ta' komunikazzjoni maħsuba u ddisinjati prinċiparjament għall-akkademiċi u għar-riċerkaturi. Illum-il-ġurnata madankollu, din l-għodda qed tintuża fid-djar, fl-iskejjel, fin-negozji u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-biċċa l-kbira tad-dinja.

2.2

It-tfal huma utenti attivi tat-teknoloġiji online, tendenza li kull ma jmur qed tkompli tiżdied. Barra mill-benefiċċji li jistgħu jiksbu mill-interattività u l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta' fuq l-internet, it-tfal jistgħu jaffaċċjaw ukoll riskji serji:

(a)

Ħsara diretta meta jisfaw vittmi ta' l-abbuż sesswali ddokumentat permezz ta' stampi, films jew files awdjoviżivi u trażmess fuq l-internet (il-materjal ta' l-abbuż tat-tfal);

(b)

Ix-xandir perpetwu ta' l-abbuż sesswali tal-vittmi b'riżultat tat-trażmissjoni ripetuta ta' l-abbuż li ġie ddokumentat u li huwa disponibbli globalment fuq l-internet.

(c)

Kuntatt dirett mal-predaturi li jagħmlu ħbieb magħhom sabiex iwettqu l-abbuż sesswali (“grooming” (il-fażi ta' qabel l-abbuż sesswali);

(d)

Vittmi tal-bullying li jseħħ online (“cyber-bullying”).

2.3

Tendenzi oħra jinkludu (irreferi għall-Appendiċi 1) (5):

(a)

L-evoluzzjoni rapida u dinamika ta' xenarji teknoloġiċi ġodda kkaratterizzata dejjem aktar mill-konverġenza diġitali, mir-rotot ta' distribuzzjoni veloċi, l-aċċess għall-internet fuq iċ-ċellulari, il-Web 2.0, l-aċċess Wi-Fi, u formati ġodda tal-kontenut u tas-servizzi teknoloġiċi online;

(b)

Ir-rikonoxximent ta' l-età ferm żgħira tat-tfal li jisfaw vittmi u l-estrem ta' abbuż sesswali serju li qed isofru;

(c)

Dettalji preċiżi dwar l-iskala tal-problema tal-websites li jeżistu, li jxandru l-abbuż sesswali tat-tfal: il-problema hija konkreta u “maniġġabbli” u tinvolvi madwar 3000 sit ospitati fis-sena madwar id-dinja kollha li jiffaċilitaw l-aċċess għal mijiet ta' eluf ta' stampi ta' l-abbuż sesswali tat-tfal;

(d)

Id-data riċenti dwar in-netwerks reġjonali li jospitaw l-abbuż sesswali tat-tfal timplika li fil-maġġoranza tiegħu, il-kontenut huwa ospitat fl-Istati Uniti;

(e)

Id-data riċenti timplika li l-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal fuq l-internet regolarment jgħaddi mingħand kumpanija li tospitah għall-oħra jew mingħand pajjiż għall-ieħor sabiex jiġi evitat ir-riskju li r-responsabbli jinqabad u jkollu jwarrab il-materjal. Dan huwa fattur li jikkomplika l-investigazzjonijiet legali li jsiru fuq livell nazzjonali biss;

(f)

In-nuqqas ta' sforzi internazzjonali min-naħa tar-reġistri nazzjonali ta' l-ismijiet tad-dominji sabiex jitneħħew id-dominji li jippromovu l-abbuż tat-tfal jew li jipprovdu aċċess għal kontenut bħal dan;

(g)

Id-differenza li teżisti bejn il-ġenerazzjonijiet (generation gap) u li potenzjalment ser tkompli tikber, jiġifieri d-differenza bejn l-użu li jagħmlu ż-żgħażagħ mit-teknoloġiji online u l-perċezzjoni li għandhom tar-riskji involuti u l-perċezzjoni li għandhom l-adulti dwar l-użu ta' l-internet;

(h)

L-aċċess tal-pubbliku għall-materjal li jesponi l-abbuż sesswali tat-tfal jista' jitnaqqas min-naħa tal-proveddituri tas-servizzi billi dawn volontarjament jibblokkaw l-aċċess għall-URLs individwali;

(i)

L-importanza tar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali dwar l-għodda online bħall-prodotti ta' l-iffiltrar, preferenzi li jsaħħu s-sikurezza waqt l-użu ta' l-għodod tat-tiftix eċċ.

2.4

Il-ħarsien ta' dawk kollha li jużaw l-internet, b'mod speċjali t-tfal, minn kontenut u imġiba illegali u dannuża fuq l-internet u l-ġlieda kontra t-tixrid ta' dal-kontenut illegali huma kollha kwistjonijiet ta' tħassib kostanti għal dawk li jfasslu l-politika u l-liġijiet, għall-industrija u għall-utenti finali u b'mod partikolari għall-ġenituri, għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u għall-edukaturi.

2.5

Mill-perspettiva legali, għandha ssir distinzjoni essenzjali bejn dak li huwa illegali u dak li huwa dannuż għaliex it-tnejn jeħtieġu metodi, strateġiji u għodda differenti. Dak li jitqies illegali jvarja minn pajjiż għall-ieħor, huwa definit mil-liġi nazzjonali applikabbli u jieħdu ħsiebu dawk inkarigati mill-infurzar tal-liġi, il-korpijiet tal-gvern u l-hotlines li għandhom l-awtorità.

2.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-armonizzazzjoni leġislattiva bejn l-Istati Membri tiġi implimentata u infurzata fil-livell nazzjonali u tkun tinkludi mill-inqas il-punti li ġejjin hekk kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-kriminalità elettronika (6):

a)

id-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi l-materjal ta' l-abbuż tat-tfal;

b)

il-fatt li dan l-abbuż sesswali jirrigwarda minuri li għandhom anqas minn 18-il sena,

c)

il-fatt li l-pussess jew li wieħed jara jew iniżżel kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal huma kollha reati soġġetti għal sentenzi ħorox.

2.7

Minkejja li diġà ġew stabbiliti standards Ewropej li jiċċaraw il-kwistjonijiet legali permezz ta' rakkomandazzjonijiet u direttivi, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dawn l-istandards ġewx implimentati fl-Istati Membri.

2.8

Il-kontenut dannuż jikkonsisti f'kontenut li l-ġenituri, l-għalliema u adulti oħrajn iqisu li jagħmel ħsara lit-tfal. Id-definizzjonijiet ta' dan il-kontenut ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor u minn kultura għall-oħra, u jistgħu jirreferu għall-pornografija, il-vjolenza, ir-razziżmu, il-ksenofobija u s-siti li jippromovu diskors u mużika ta' mibegħda, il-mutilazzjoni personali, l-anoressja u s-suwiċidju. Il-KESE jagħraf hemm hu diffiċli li jinħolqu sħubiji internazzjonali dwar dan il-materjal madankollu jemmen li jistgħu jsiru sforzi nazzjonali sabiex jiżdied l-għarfien dwar dawk l-għodda, il-metodi u t-tekonoloġiji li jistgħu jipproteġu lit-tfal milli jkunu esposti għal dan il-kontenut.

2.9

L-UE ilha minn ta' quddiem nett fil-ħarsien tat-tfal fuq l-internet sa mill-1996, u l-programmi suċċessivi ta' Internet Aktar Sikur (il-Pjan ta' Azzjoni għal Internet aktar sikur 1999-2004 u l-Programm ta' Internet Aktar Sikur Plus 2004-2008) kienu karatteristika ewlenija tal-ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' Internet aktar Sikur Plus matul il-perijodu mill-2005 sa l-2006 (7). Barra minn hekk il-valutazzjoni ta' l-impatt li saret bejn April u Lulju 2007 (8) ikkonfermat li l-azzjonijiet li twettqu kienu effettivi, filwaqt illi saħqet fuq il-ħtieġa li dawn jiġu adattati għat-teknoloġiji ta' l-internet il-ġodda u l-kriminalità dinamika f'dan il-qasam.

2.10

L-għan tal-programm il-ġdid se jkun li jippromovi użu aktar sikur ta' l-Internet u tat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari għat-tfal, u li jiġġieled il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet billi jiffaċilita l-kooperazzjoni, l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aqwa prattiki fil-livelli kollha dwar il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tat-tfal fuq l-internet u b'hekk jiġi assigurat il-valur miżjud Ewropew.

2.11

Il-programm ser jinkludi erba' azzjonijiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mmirati li jħeġġu l-kooperazzjoni internazzjonali:

(a)

it-tnaqqis tal-kontenut illegali u l-ġlieda kontra l-imġiba dannuża fuq l-internet;

(b)

il-promozzjoni ta' ambjent aktar sikur fuq l-internet;

(c)

it-tixrid tal-kuxjenza pubblika;

(d)

il-ħolqien ta' bażi ta' l-għarfien.

2.12

Madankollu l-KESE jixtieq li tingħata definizzjoni u kjarifika legali tat-termini “dannuż” u “imġiba” b'mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali. Jeħtieġ ukoll kjarifika tar-rwol tal-hotlines li ma jinvestigawx lill-persuni suspettati u li m'għandhox il-poter neċessarju sabiex dan jagħmluh. (Irreferi għal Appendiċi 2) (9).

3.   Mudell internazzjonali

3.1

L-internet mhuwiex il-proprjetà ta' gruppi multinazzjonali li jikkontrollaw il-kontenut, u l-anqas ma huwa mmexxi minnhom. L-internet huwa magħmul minn mijiet ta' miljuni ta' paġni ġejjin min-numru enormi ta' pubblikaturi, fattur li jagħmilha diffiċli li wieħed jikkontrolla l-kontenut illegali. Madankollu l-azzjoni favur it-tnaqqis tad-disponibbiltà tal-kontenut illegali hija possibbli kemm fil-livell lokali (fid-djar) kif ukoll fil-livelli nazzjonali u internazzjonali (inkluż is-cyberspace) dejjem jekk il-partijiet interessati jaħdmu flimkien.

3.2

L-Internet Watch Foundation identifikat 2755 sit li jxerrdu l-abbuż sesswali tat-tfal u li kienu ospitati fuq livell internazzjonali fl-2007. 80 % ta' dawn is-siti huma operazzjonijiet kummerċjali li spiss jgħaddu minn kumpanija li tospitahom għall-oħra jew minn reġjun għall-ieħor sabiex jevitaw li jinqabdu (10). Minħabba tattiċi bħal dawn u sforz il-kumplessità multinazzjonali ta' l-atti kriminali, huwa biss permezz ta' approċċ globali konġunt li jinvolvi l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi, il-gvernijiet u s-settur internazzjonali ta' l-internet online, li ser jirnexxielna nassiguraw l-investigazzjoni effettiva ta' dawn is-siti, tal-kontenut tagħhom u l-organizzazzjonijiet li jmexxuhom.

3.3

Il-KESE jagħraf li jeħtieġ “approċċ ibbażat fuq is-sħubija” sabiex nassiguraw il-ħarsien tat-tfal. Jeħtieġ li l-imsieħba soċjali li jinkludu l-gvern, l-industrija ta' l-internet, l-agenziji ta' l-infurzar tal-liġi, l-organizzazzjonijiet tal-karità favur il-ħarsien tat-tfal, in-negozji, ir-rappreżentanti ta' l-impjegati, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-pubbliku, jaħdmu flimkien sabiex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-perikli u r-riskji involuti. Fl-istess ħin għandhom jassiguraw li ż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minn din l-għodda revoluzzjonarja li tippermetti s-soċjalizzazzjoni, it-tagħlim u l-innovazzjoni.

3.4

L-internet tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' ħafna, b'mod partikolari taż-żgħażagħ, ta' l-anzjani u tan-nies li jbatu minn diżabilità. Huwa għodda ta' komunikazzjoni unika li qed tiżviluppa dejjem aktar “f'netwerk soċjali”. Id-dinamika ġdida li nibtet f'dak li jikkonċerna stil ta' ħajja, tendenzi familjali u l-mudelli tax-xogħol ġabet magħha aktar indipendenza u ammont ta' ħin li wieħed iqatta' iżolat. Li nipproteġu lill-utent, b'mod partikolari lill-utent l-aktar vulnerabbli, speċjalment it-tfal, mhijiex ir-responsabbiltà ta' dawk li jieħdu ħsiebhom biss.

3.5

It-teknoloġiji u s-servizzi ġodda huma importanti ħafna għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tan-negozji fuq livell globali. Ta' spiss iż-żgħażagħ ikunu minn ta' l-ewwel li jifhmu dawn il-possibbiltajiet u li jidħlu għall-innovazzjoni. Madankollu, dan l-iżvilupp iġib miegħu ukoll abbuż u din kwistjoni li qed issir dejjem aktar inkwetanti. Il-korpi awtoregolatorji ta' l-industrija u tal-partijiet interessati jafu ħafna dwar dawn it-teknoloġiji u għalhekk jistgħu jiżviluppaw miżuri li jiġġieldu dan l-abbuż. Li jseħħ skambju ta' l-għarfien, li titqajjem il-kuxjenza pubblika, li l-konsumaturi jkunu jafu x'għandhom jagħmlu biex jirrapurtaw sit u li jkun hemm distribuzzjoni tal-fondi għall-kontra l-abbuż, b'mod speċjali l-abbuż tat-tfal, huma kollha dmirijiet essenzjali li jagħmlu parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta' l-industrija ta' l-internet.

3.6

L-iskala u n-natura tal-problema tad-distribuzzjoni tal-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet huma s-suġġett ta' ħafna spekulazzjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni għaraf li fl-Istati Membri jeżisti nuqqas ta' informazzjoni statistika dwar dan. L-isforzi għandhom ikunu indirizzati lejn l-investigazzjoni tal-movumenti u l-attivitajiet tas-siti assoċjati mad-distribuzzjoni tal-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal sabiex l-informazzjoni tkun tista' tingħata lill-korpi awtorizzati u lill-agenziji internazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi sabiex jordnaw li dan il-kontenut jitneħħa minn fuq l-internet u li d-distributuri jiġu investigati.

3.7

Dawn iridu jkunu organizzazzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali u għandhom jiltaqgħu regolarment fi ħdan il-Kummissjoni sabiex joħolqu strateġiji. Għodda li tista' tkun ta' valur f'dan il-qasam hija pjattaforma fil-livell ta' l-UE li tiġbor fiha rappreżentanti ta' l-industrija, il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, l-NGOs, il-qasam ta' l-edukazzjoni u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem. Il-pjattaforma tista' sservi ta' għodda għall-analiżi rapida u għall-azzjoni fl-UE kollha u tista' tikkontribwixxi għat-tixrid ta' l-informazzjoni lil hinn mill-fruntieri ta' l-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-infurzar internazzjonali tal-liġi.

3.8

Għandha titħeġġeġ laqgħa annwali ta' l-esperti ta' l-UE dwar l-iżviluppi teknoloġiċi, il-fatturi psikosoċjali u l-infurzar tal-liġi sabiex insaħħu l-iskambju ta' l-għarfien. Ir-riżultati ta' dawn il-laqgħat imbagħad ikunu jistgħu jixxerdu madwar l-Istati Membri u l-membri tal-pjattaforma kollha sabiex jiġu addattati, integrati jew użati fil-livell nazzjonali u lokali.

3.9

Għandu jitwaqqaf imbagħad uffiċċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni li jkun inkarigat mir-riċerka dwar proġetti Ewropej u proġetti oħra li saru fil-livell globali. L-uffiċċju għandu jappoġġja lill-pjattaforma sabiex l-informazzjoni tkun aġġornata, relevanti u tinkludi statistika u sabiex il-mezzi effettivi ta' kif tista' tiġi miġġielda l-kwistjoni kkonċernata jaslu għand l-imsieħba attivi kemm jista' jkun malajr. Iż-żjarat u l-monitoraġġ tal-programm jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-uffiċju speċjalizzat ukoll. Barra minn hekk l-uffiċċju jista' jassisti lill-hotlines indipendentement u janalizza l-applikazzjonijiet għal proġetti ġodda sabiex nassiguraw li ma jsirx xogħol żejjed u li jkun qiegħed isir użu effettiv u effiċjenti tal-fondi. L-uffiċċju jista' jipproponi wkoll l-imsieħba. Ir-rwol ta' l-uffiċċju speċjalizzat ikun li jirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda bl-istess veloċità li biha jkunu qed jiżviluppaw.

3.10

Il-“forum taż-żgħażagħ” jista' jkollu valur kbir għaliex permezz tiegħu jkunu qed jiġu involuti ż-żgħażagħ u tkun qed tixxerred l-informazzjoni fost in-networks soċjali wżati minn dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Iż-żgħażagħ għandhom il-linwaġġ tagħhom u ħafna drabi jsibuha bi tqila li jagħtu widen lill-kbar iżda normalment ikunu lesti li jilqgħu il-pariri ta' żgħażagħ li ġejjin mill-istess ambjent soċjali tagħhom. “Id-drittijiet tat-tfal” għandhom jiġu kkunsidrati wkoll għalhekk jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikunu involuti f'dan il-proċess.

3.11

Neħtieġu mudell effettiv u neħtieġu wkoll l-impenn tal-partijiet interessati li jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien sabiex inkunu nistgħu naddattaw għall-forom ġodda ta' kriminalità li ġejjin mid-dinja kollha.

4.   Linji gwida għall-implimentazzjoni tal-hotlines

4.1

Mudell ta' prattika tajba għall-hotlines:

4.1.1

Analisti mħarrġa u rikonoxxuti fil-qasam ta' l-analiżi tal-kontenut illegali fuq l-internet.

4.1.2

Analisti mħarrġa li jitraċċaw kontenut illegali potenzjali fuq l-internet.

4.1.3

Approċċ ibbażat fuq is-sħubija bejn il-partijiet interessati ewlenin tal-pajjiżi li jinkludu l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, il-qasam ta' l-infurzar tal-liġi, l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-familji, l-organizzazzjonijiet tal-karità tat-tfal u b'mod partikolari l-industrija ta' l-internet.

4.1.4

Hotline ko-regolatorja u awto-regolatorja li taħdem fi sħubija ma' l-industrija ta' l-internet nazzjonali u timxi magħhom skond Kodiċi ta' Prattika.

4.1.5

Proċedura universali ta' “notifikazzjoni u tneħħija” ta' kontenut illegali ospitat minn kwalunkwe kumpanija nazzjonali.

4.1.6

Il-parteċipazzjoni tal-hotlines fil-proġett Ewropew tal-bażi tad-data ta' URLs li għandhom kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal.

4.1.7

L-impenn tal-kumpaniji internazzjonali ta' l-internet li jibblukkaw in-netwerks tal-lista sħiħa ta' siti li jxandru l-pornografija tat-tfal sabiex inħarsu lill-utenti milli jesponu ruħhom għal kontenut bħal dan bi żball.

4.1.8

Li l-hotlines ikollhom websites komprensivi fil-lingwi nazzjonali tagħhom li jipprovdu mekkaniżżmu anonimu li permezz tiegħu jistgħu jsiru rapporti lill-hotlines u lill-organizzazzjonijiet relevanti oħra dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom bħall-grooming u s-cyber-bullying.

4.1.9

Li titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol tal-hotlines u l-kwistjonijiet relatati.

4.1.10

Id-disponibbiltà ta' data Ewropea u internazzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-kompetenzi.

4.1.11

Il-parteċipazzjoni fi sħubiji mal-partijiet interessati fuq livell Ewropew u fuq livell internazzjonali sabiex isir skambju ta' data, informazzjoni u ideat għall-ġlieda kontra n-natura transkonfinali ta' dawn l-atti kriminali.

4.1.12

Azzjoni fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali sabiex il-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal jitneħħa minn fuq l-internet u sabiex id-distributuri responsabbli jiġu investigati kull fejn huwa ospitat dan il-kontenut madwar id-dinja.

4.1.13

Li tingħata għajnuna lil kwalunkwe korp nazzjonali jew internazzjonali mwaqqaf sabiex jaħdem kontra dawn is-siti fuq livell internazzjonali u li tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni multinazzjonali bejn l-agenżiji ta' l-infurzar tal-liġi.

4.1.14

Id-disseminazzjoni tal-linji gwida lil min iħaddem, lill-għalliema, lill-organizzazzjonijiet, lill-ġenituri u lill-għalliema permezz ta' programmi edukattivi bħal “ThinkuKnow” tas-CEOP (The Child Exploitation and Online Protection Centre (tal-pulizija tar-Renju Unit).

4.1.15

Li titqajjem kuxjenza fost l-utenti ta' l-internet bis-sħubija jew sponsorship tal-kumpaniji nazzjonali online.

4.1.16

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu membri ta' l-INHOPE (International Association of Internet Hotlines — Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Hotlines fuq l-Internet) li tassigura li jsir skambju internazzjonali tal-prattika tajba bejn il-hotlines u li l-industrija telimina l-kontenut (11).

4.1.17

Il-proċeduri tar-rapporti għandhom ikunu sempliċi, jirrispettaw l-anonimità ta' min ikun qed jirrapporta u jipproċessaw l-informazzjoni malajr.

4.1.18

L-operaturi tal-hotlines għandhom jipprovdu proċeduri li jiggarantixxu appoġġ u pariri għall-analisti li jaħdmu magħhom u li jkollhom jaraw il-kontenut.

4.2

Barra minn hekk il-hotlines għandhom:

(a)

Jiżviluppaw sħubiji mar-reġistri nazzjonali ta' l-ismijiet tad-dominji sabiex jassiguraw li d-dominji li jipprovdu aċċess għall-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal jew li jippromovuh jiġu investigati u eliminati;

(b)

Jippruvaw jiksbu fondi volontarji u fuq bażi awto-regolatorja mingħand kumpaniji internazzjonali ta' l-internet li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tar-rapporti tal-hotlines, mill-proċedura ta' “notifikazzjoni u tneħħija” u mill-informazzjoni aġġornata dwar siti li għandhom jiġu bblukkati.

(c)

Iħeġġu u jiffaċilitaw l-eliminazzjoni tas-siti li jxandru l-abbuż sesswali tat-tfal min-naħa ta' l-industrija ta' l-internet fil-pajjiż ikkonċernat.

(d)

Iħeġġu relazzjonijiet pożittivi bejn il-hotlines u l-helplines, u lill-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-vittmi joffrulhom il-possibbiltà li jirraportaw l-informazzjoni. Permezz t'hekk titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet relevanti u aġġornati.

5.   Kummenti speċifiċi: Il-proposta tal-Kummissjoni

5.1

Il-Proposta tal-Kummissjoni ma tweġibx diversi mistoqsijiet:

(a)

Min ser jikkoordina l-miżuri proposti u b'liema kwalifiki?

(b)

Kif qed jitħejjew il-kriterji għas-setturi differenti? Ħafna mill-programmi stabbiliti jaqgħu taħt aktar minn kriterju wieħed tal-bażi ta' data ta' l-għarfien proposta (12).

(c)

Min hu inkarigat mill-għażla tal-kandidati adegwati?

(d)

Min hu responsabbli għall-evalwazzjoni kontinwa u n-netwerking ta' dawn il-proġetti?

5.2

Billi nwieġbu dawn il-mistoqsijiet inkunu qed nevitaw li nerġgħu nwettqu u nagħmlu xogħol li diġà sar u nkunu qed nassiguraw li jsir użu effettiv u effiċjenti tal-fondi. Huwa importanti ħafna li niggarantixxu li l-esperti f'dan il-qasam jiġu involuti b'mod attiv u jaħdmu fil-qrib mal-konsulenti u l-ħaddiema taċ-ċivil. Dan jgħodd ukoll għall-proposta li għamilna għal uffiċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni ikarigat milli jistħarreġ dwar il-proġett, jsir midħla tagħhom, iżur l-organizzazzjonijiet li qed iwettquhom u jibqa' f'kuntatt magħhom.

5.3

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-użu aktar proattiv u kollaborattiv tal-fondi li ġejjin minn sorsi bħall-programm Daphne u l-Programmi favur Internet aktar Sikur.

5.4

Fl-aħħar il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tenfasizza l-importanza u l-impatt ta':

L-Addozzjoni, fl-Istati Membri kollha, tal-proċedura ta' “notifikazzjoni u tneħħija” tal-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal min-naħa tal-hotlines u l-industrija ta' l-internet.

L-addozzjoni mifruxa ta' l-inizjattiva għall-ħarsien ta' l-utenti ta' l-internet billi l-aċċess għall-URLs li jxandru kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal jiġi bblukkat.

Sforz internazzjonali min-naħa tar-reġistri ta' l-ismijiet tad-dominji u l-awtoritajiet relevanti sabiex jiġu eleminati d-dominji assoċjati ma' l-abbuż sesswali tat-tfal.

5.5

Dawn il-miżuri jnaqqsu l-okkażjonijiet fejn l-utenti innoċenti ta' l-internet jiġu esposti għal kontenut trawmatiku u illegali, inaqqsu l-vittimizzazzjoni perpetwa tat-tfal billi jirrestrinġu l-opportunità li wieħed jarahom jiġu abbużati, jostakolaw l-aċċess u l-forniment ta' kontenut bħal dan għal dawk li jixtiequ jaċċessawh u jostakolaw id-disseminazzjoni ta' immaġnijiet fost l-utenti ta' l-internet għall-profitt kummerċjali ta' organizzazzjonijiet kriminali.

5.6

L-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet ser ittellef l-operazzjonijiet tad-distributuri tal-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal bil-kbir. Filwaqt li n-natura dinamika ta' l-att kriminali u s-sofistikazzjoni teknika ta' dawk responsabbli jagħmluha diffiċli li l-problema tiġi miġġielda għal kollox, aktar ma noħolqu ostakoli li jżidu l-ispejjeż ta' operazzjonijiet bħal dawn u jagħmluhom aktar perikolużi u transitorji anqas ser jibqgħu mezz ta' qligħ finanzjarju jew qligħ ieħor faċli.

5.7

Id-data riċenti dwar l-iskala u n-natura tas-siti ta' l-abbuż sesswali tat-tfal (mhux immaġnijiet individwali jew URLs) kienet sors ta' tama fil-ġlieda kontra l-eliminazzjoni totali ta' dawn is-siti. Permezz ta' data bħal din nistgħu noħolqu objettivi konkreti u nagħtu prova tal-benefiċċji ta' l-iskambju tad-data, tal-pussess ta' l-informazzjoni fuq l-aktar livell internazzjonali għoli possibbli u ta' l-impatt pożittiv u ta' suċċess li għandha sħubija internazzjonali magħquda fil-ħidma sabiex jitnaqqas b'mod sostanzjali n-numru ta' siti li jxandru l-abbuż sesswali tat-tfal.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Għall-iskopijiet ta' dan id-dokument, “it-teknoloġiji online” tirreferi għat-teknoloġiji li jintużaw għall-aċċess għall-Internet u għat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, f'xi każijiet, bħal fil-logħob tal-kompjuter, hemm użi kemm “online” kif ukoll “offline” tal-kontenut u tas-servizzi u t-tnejn jistgħu jkunu rilevanti għas-sikurezza tat-tfal.

(2)  “Kontenut illegali — l-Internet”ĠU C 61, 14.3.2003, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti) u “L-użu aktar sikur ta' l-Internet”ĠU C 157, 28.6.2005, p. 136 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  “Grooming” (il-fażi ta' qabel l-abbuż sesswali): kuntatt dirett min-naħa ta' dawn il-predaturi li jikkuntattjaw lit-tfal sabiex jikkommettu abbuż sesswali;“Cyber-bullying”: bullying li jseħħ online.

(4)  Irreferi għall-ewwel nota.

(5)  Dan l-Appendiċi huwa disponibbli bl-Ingliż biss u jinstab mehmuż mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet.

(6)  Il-Kunsill ta' l-Ewropa ETS 185 Il-Konvenzjoni dwar il-kriminalità elettronika XI2001, http://conventions.coe.int/Treaty/en/Treaties/Html/185.htm

(7)  COM (2006) 661 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali dwar il-promozzjoni ta' użu aktar sikur ta' l-internet u ta' teknoloġiji online ġodda (Safer Internet Plus).

(8)  http://ec.europa.eu/saferinternet.

(9)  Dan l-Appendiċi huwa disponibbli bl-Ingliż biss u jinstab mehmuż mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet.

(10)  Il-hotline tar-Renju Unit fejn wieħed jista' jirraporta kontenut illegali: Il-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal ospitat madwar id-dinja u l-kontenut li juri oxxenitajiet kriminali u li jqanqal il-mibgħeda razzista ospitat fir-Renju Unit * Irreferi għal Appendiċi 1 u 2 (li huma disponibbli bl-Ingliż biss u jinstabu mehmuża mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet).

(11)  Bejn Settembru 2004 u Diċembru 2006 INHOPE ipproċessat 1,9 miljun rapport, 900 000 minnhom mingħand il-pubbliku, 160 000 intbagħtu għand l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi.

(12)  Per eżempju: Il-proġett ta' prevenzjoni l-Innoċenza fil-Periklu kapaċi jirrispondi għal diversi kriterji. Bħal dan jeżistu diversi eżempji oħra.