30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

COM(2007) 697 finali — 2007/0247 (COD)

COM(2007) 698 finali — 2007/0248 (COD)

COM(2007) 699 finali — 2007/0249 (COD)

(2008/C 224/11)

Nhar l-10 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it- 8 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'80 voti favur, u astensjoniji waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-mira tal-Kummissjoni li tgħin lill-utenti jiksbu l-ikbar benefiċċju mis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda distorzjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jiġi inkoraġġit l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura u titrawwem l-innovazzjoni, barra milli jiġu promossi l-użu u l-ġestjoni effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.

1.2

Minħabba fil-livell għoli ta' innovazzjoni teknoloġika u s-swieq li huma dinamiċi ħafna fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-KESE jaċċetta l-mudell regolatorju għall-qafas tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-modifiki proposti, li huma bbażati fuq l-aspetti li ġejjin:

1.2.1

ir-regolamentazzjoni deċentralizzata fl-Istati Membri, li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali r-responsabbiltà li jissorveljaw is-swieq skond lista ta' prinċipji u proċeduri komuni. L-indipendenza, l-amministrazzjoni ta' kuljum u d-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) huma msaħħa wkoll, billi qed jiġi żgurat li jkollhom il-baġits tagħhom, riżorsi umani biżżejjed u poteri ta' infurzar aktar b'saħħithom biex titjieb l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju;

1.2.2

it-tisħiħ tas-suq intern, billi xi poteri marbuta mas-swieq trans-nazzjonali, li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, jiġu f'idejn il-Kummissjoni;

1.2.3

titjib fil-konsistenza leġislattiva, bl-immodernizzar ta' dispożizzjonijiet speċifiċi biex tintlaħaq konformità ma' l-iżviluppi fit-teknoloġija u s-suq, inkluż it-tħassir ta' għadd ta' dispożizzjonijiet li għadda żmienhom jew li m'għadx hemm bżonnhom;

1.2.4

id-definizzjoni ta' strateġija għall-ġestjoni effiċjenti ta' l-ispettru tar-radju, bil-għan li jinkiseb Spazju Uniku Ewropew ta' l-Informazzjoni;

1.2.5

f'każijiet eċċezzjonali, is-separazzjoni funzjonali, adottata mill-awtoritajiet (NRAs) u soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-provvista tal-prodotti ta' aċċess tkun kompletament ekwivalenti għall-operaturi kollha li jieħdu s-servizz mingħand l-istess operatur, inkluż id-diviżjonijiet ta' l-operatur stess, li huma integrati vertikalment u li jieħdu s-servizz mingħandu.

1.2.6

il-kisba ta' komunikazzjoni li tkun affidabbli u effettiva fuq in-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-Awtorità, (l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) għalhekk, għandha tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni ta' miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà xierqa billi tipprovdi pariri esperti;

1.2.7

it-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi fejn jidħlu ċerti aspetti tal-kuntratti, it-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni, id-disponibbiltà tas-servizzi, is-servizzi ta' l-informazzjoni u ta' l-emerġenza u d-dritt li n-numru jinġarr. Madankollu, il-proposti ma jiksbux livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi kif hemm fit-Trattat dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, peress li huma ma jkoprux aspetti oħra bħalma huma r-regolamentazzjoni tas-servizzi tal-klijenti, livelli minimi ta' kwalità, klawsoli ta' penali jew l-akkwist konġunt potenzjali ta' servizzi u terminali;

1.2.8

ħarsien akbar tal-privatezza, għalkemm mhux il-proposti kollha huma ambizzjużi biżżejjed, per eżempju fil-ħarsien mill-ispam li, il-KESE jemmen, għandu jkun ibbażat b'mod ċar fuq il-prinċipju ta' kunsens espliċitu minn qabel mill-konsumaturi biex jirċievu komunikazzjonijiet ta' natura kummerċjali.

1.3

Il-KESE jilqa' l-inklużjoni ta' tagħmir terminali fl-ambitu tal-qafas regolatorju, peress li dan itejjeb l-aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-utenti b'diżabbiltà. Jilqa' wkoll il-miżuri obbligatorji favur l-utenti b'diżabbiltà fejn jidħol servizz universali, li jtejjeb l-aċċess għas-servizz telefoniku pubblikament disponibbli, inkluż l-aċċess għas-servizzi ta' l-emergenza, is-servizzi ta' l-informazzjoni marbuta mad-direttorju u s-servizzi tad-direttorji, ħalli jkun daqs dak li jgawdu utenti oħra kif ukoll miżuri oħra speċifiċi.

1.4

Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż amministrattivi huwa importanti. Flessibbiltà ikbar fil-kompiti tal-ġestjoni ta' l-ispettru tar-radju se tiffaċilita l-proċeduri amministrattivi u l-użu ta' l-ispettru tar-radju mill-operaturi. Il-KESE jemmen li għandhom jeżistu eċċezzjonijiet tekniċi limitati, flimkien ma' eċċezzjonijiet aktar mifruxa għall-iskopijiet ta' oġġettivi ta' interess ġenerali (li jridu jiġu imposti mill-Istati Membri) f'oqsma bħalma huma d-diversità kulturali u lingwistika, il-libertà ta' l-espressjoni u l-pluralità tal-mezzi tax-xandir, il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, is-sigurtà umana, li jirriflettu l-bżonnijiet tekniċi, soċjali, kulturali u politiċi ta' l-Istati Membri kollha skond id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali b'konformità mal-liġi Komunitarja.

1.5

It-twaqqif ta' l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, bħala korp indipendenti mill-Kummissjoni, li jsaħħaħ il-poteri ta' l-awtoritajiet, jista' jkun utli, peress li jipprovdi l-mezzi għal sħubija effettiva bejn il-Kummissjoni u r-regolaturi nazzjonali fuq kwistjonijiet li fihom hija meħtieġa l-konsistenza ta' l-UE, bħad-definizzjonijiet tas-suq, l-analiżi u s-soluzzjonijiet, l-armonizzazzjoni ta' l-użu ta' l-ispettru tar-radju, u d-definizzjoni tas-swieq trans-konfinali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2002 ġiet approvata riforma tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li wasslet għat-twaqqif ta' qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (inkluż in-netwerks kollha satellitari u terrestri, kemm fissi u tar-radju), li jinkludu d-Direttivi ta' Qafas ta' l-Awtorizzazzjoni u ta' l-Aċċess u d-Direttivi dwar is-Servizz Universali u d-Direttivi dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur.

2.2

Dan il-qafas regolatorju kien ġie mfassal biex jiffaċilita l-aċċess ta' l-operaturi l-ġodda għall-infrastruttura eżistenti, jinkoraġġixxi l-investiment f'infrastrutturi alternattivi u joffri għażla ikbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi.

2.3

Il-mudell regolatorju għall-qafas attwali huwa bbażat fuq il-prinċipju tar-regolamentazzjoni deċentralizzata fl-Istati Membri, u jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali r-responsabbiltà li jissorveljaw is-swieq skond lista ta' prinċipji u proċeduri komuni.

2.4

Dan il-qafas jistabbilixxi livell minimu ta' armonizzazzjoni, filwaqt li jħalli d-definizzjoni tal-miżuri implimentattivi f'idejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew l-Istati Membri.

2.5

L-għan tal-qafas regolatorju huwa li b'mod progressiv ir-regoli ex ante speċifiċi skond is-settur jonqsu hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq; dan iseħħ permezz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika s-swieq tal-prodotti u s-servizzi fejn jistgħu jiġu ġġustifikati obbligi regolatorji ex ante.

2.5.1

L-għan ta' kwalunkwe intervent regolatorju ex ante huwa li jibbenefika l-konsumaturi u jiżgura li s-swieq tal-bejgħ bl-imnut ikunu kompetittivi. Id-definizzjoni ta' swieq rilevanti tista' tinbidel tul iż-żmien hekk kif il-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi jiżviluppaw u l-possibbiltajiet ta' sostituzzjoni fit-talba u l-provvista jinbidlu, kif indikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2007 (1).

3.   Proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi reviżjoni wiesgħa tal-leġislazzjoni Ewropea li tirregola l-komunikazzjonijiet elettroniċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa “qafas regolatorju”), permezz tat-tressiq konġunt ta':

żewġ proposti għal direttiva: waħda temenda d-Direttivi ta' l-Awtorizzazzjoni u ta' l-Aċċess, u l-oħra li temenda d-Direttivi dwar is-Servizz universali u dwar il-ħarsien tal-privatezza;

proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-“Awtorità”).

3.2

Fil-qosor, dawn il-proposti għandhom l-għan li jirregolaw il-qafas regolatorju “emendat” Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex iġibuh konformi mat-talbiet tar-regulaturi nazzjonali, u l-operaturi u l-konsumaturi ta' l-oġġetti u s-servizzi.

3.3

L-għan huwa li jiġi stabbilit “qafas regolatorju emendat” konsistenti għall-ekonomija diġitali, li japprofitta kemm jista' mill-progress li sar mill-iżvilupp tas-suq intern. Il-proposti jolqtu dawn l-aspetti li ġejjin:

3.4

Il-proposta li temenda d-Direttivi ta' Qafas, ta' l-Awtorizzazzjoni u ta' l-Aċċess:

(a)

tiżgura, fir-rigward tal-ġestjoni ta' l-ispettru tar-radju, li l-Istati Membri jikkonsultaw ukoll mal-partijiet interessati meta jikkunsidraw il-possibbiltà ta' deroga mill-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz, anke fl-interess ta' l-għanijiet ta' interess ġenerali.

(b)

iżżid il-konsistenza tal-qafas regolatorju billi tirrazzjonalizza xi elementi proċedurali fil-proċess tar-reviżjoni tas-suq, inkluż il-possibbiltà li l-Kummissjoni tieħu f'idejha l-analiżi tas-suq jekk l-awtorità tittardja ħafna fil-qadi ta' dmirijietha;

(c)

ittejjeb l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk billi ssaħħaħ l-obbligi attwali, u testendi l-ambitu tar-rekwiżiti ta' l-integrità lil hinn min-netwerks tat-telefon biex tkopri n-nertwerks mhux fissi u ta' l-IP;

(d)

issaħħaħ il-garanziji legali tal-partijiet interessati billi tiddefinixxi l-kriterji varji li huma marbutin ma' l-interdipendenza ta' l-awtoritajiet, u tagħraf id-dritt ta' l-appell kontra d-deċiżjonijiet ta' xi awtorità u l-possibbiltà li jiġu sospiżi miżuri adottati minnha sabiex f'każijiet urġenti tiġi evitata ħsara serja u irreparabbli;

(e)

tieħu ħsieb tal-bżonnijiet ta' gruppi vulnerabbli, billi tinkludi rekwiżiti tekniċi għat-tagħmir tat-terminali ħalli ttejjeb l-aċċessibbiltà elettronika għall-persuni b'diżabbiltà u taġġorna l-għanijiet ta' l-awtoritajiet għall-utenti ta' età avvanzata u utenti bi bżonnijiet soċjali;

(f)

tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet li jimponu s-separazzjoni funzjonali bi qbil minn qabel mal-Kummissjoni;

(g)

twaqqaf proċedura komuni ta' l-għażla;

(h)

fl-aħħar, issaħħaħ il-poteri ta' infurzar ta' l-awtoritajiet, li għandhom ikollhom il-kapaċità li jimponu kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali biex jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-utenti b'diżabbiltà, jipproteġu d-drittijiet ta' l-awtur u l-proprjetà intellettwali, u jiggarantixxu l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi f'każ ta' theddid imminenti.

3.5

Il-proposta li temenda l-iskema tas-servizz universali, l-ipproċessar tad-data personali, il-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet ta' l-utenti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kooperazzjoni fil-ħarsien tal-konsumatur, tibni fuq il-progress li diġà nkiseb fl-approċċ leġislattiv tal-Kummissjoni fis-settur.

3.5.1

Hemm għarfien tal-fatt li l-kompetizzjoni waħidha mhix biżżejjed biex tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha u tħares id-drittijiet ta' l-utenti; għalhekk hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jipproteġu s-servizz universali, id-drittijiet ta' l-utenti u l-ħarsien tad-data personali.

3.5.2

B'mod partikolari, il-proposta għandha l-iskop li ttejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet u l-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni għall-utenti, billi titolb lill-operaturi li jippubblikaw informazzjoni li tista' titqabbel, li tkun xierqa, aġġornata u f'format li huwa faċilment aċċessibbli, u billi tagħti s-saħħa lill-awtoritajiet li jinfurzaw il-konformità ta' l-operaturi ma' dawn l-obbligi.

3.5.3

Hemm inklużi dispożizzjonijiet dwar id-dritt li n-numru jinġarr, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri faċilment (il-limitu massimu ta' żmien għall-ġarr reali tan-numri ġie stipulat għal tul ta' jum tax-xogħol, u l-awtoritajiet ngħataw il-poter li jwaqqfu prattiki min-naħa tal-fornituri intiżi li jiskoraġġixxu dan); qed isir titjib fl-obbligu li tingħata l-informazzjoni lis-servizzi ta' l-emerġenza dwar fejn jinsabu dawk li jċemplu, fost l-oħrajn permezz ta' l-obbligu li tingħata l-informazzjoni lill-awtoritajiet ta' l-emerġenza.

3.5.4

Il-“possibbiltà” li l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi għall-benefiċċju ta' l-utenti b'diżabbiltà qed tinbidel b'“obbligu” espliċitu biex jieħdu dawn il-miżuri, u b'hekk l-awtoritajiet jistgħu jobbligaw lill-operaturi li jippubblikaw l-informazzjoni li tinteressa lill-utenti b'diżabbiltà.

3.5.5

Barraminhekk, l-awtoritajiet ser ikollhom il-poter li jevitaw li l-kwalità tas-servizz tmur lura billi jistabbilixxu livelli minimi ta' kwalità għas-servizzi għall-utenti bi trasmissjoni b'netwerk, u jkunu jistgħu josservaw it-tariffi bl-imnut jekk l-ebda intrapriża ma tkun ġiet innominata bħala fornitur ta' servizz universali.

3.5.6

Ser jittieħdu passi wkoll biex l-utenti jiġu notifikati dwar xi ksur fis-sigurtà li jwassal għat-telfien tad-data personali tagħhom jew li din tiġi kompromessa b'xi mod, u li jkunu infurmati dwar il-prekawzjonijiet li jistgħu jieħdu biex jimminimizzaw il-ħsara kkawżata.

3.5.7

B'rabta ma' dan, huwa projbit li jintuża “spyware” jew software malizzjuż ieħor, irrispettivament mill-metodu użat biex jiġi installat fit-tagħmir ta' l-utenti; il-ġlieda fl-Ewropa kontra komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mixtieqa qed tiġi msaħħa bid-dispożizzjoni għall-Fornituri ta' Servizz ta' l-Internet li jieħdu azzjoni legali kontra min jispammja.

3.6

Fl-aħħar, ta' min isemmi l-proposta li tinħoloq “Awtorità”, li tirrispondi lill-Parlament Ewropew, li se tinkludi bord ta' regolaturi magħmul mill-kapijiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-UE kollha u se tissostitwixxi l-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (ERG) (2).

3.6.1

Din l-Awtorità se tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta' ċerti deċiżjonijiet, u se tagħmilha ta' ċentru ta' kompetenza għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fuq il-livell ta' l-UE, filwaqt li ser tieħu l-funzjonijiet li kellha l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerk u ta' l-Informazzjoni (ENISA).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE japprezza l-proposti li resqet il-Kummissjoni billi għandhom l-iskop li jirrispondu għall-bżonn ta' regolamentazzjoni u ġestjoni tas-suq pan-Ewropew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

4.1.1

Il-KESE jaqbel mal-mira tal-Kummissjoni li tkompli tiftaħ is-swieq tat-telekomunikazzjoni għall-kompetizzjoni u ssaħħaħ l-investiment fin-netwerks b'veloċità għolja (inklużi t-teknoloġiji kollha fissi, mhux fissi u satellitari (3)), u l-għan tagħha li ġġib 'il quddiem l-Internet tal-futur (l-Internet ta' l-affarijiet u n-nisġa semantika(semantic web)) u l-ġestjoni ottimizzata ta' l-ispettru tar-radju fis-suq intern, anke fil-kuntest tas-servizzi awdjoviżivi diġitalizzati. Dan hu fl-interess komuni tal-konsumaturi u n-negozji li għandhom bżonn ta' l-aċċess għal netwerks u servizzi tat-telekomunikazzjoni bi prestazzjoni għolja.

4.1.2

Il-KESE jinnota li bir-regolamentazzjoni attwali, il-qafas regolatorju fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet għamilha possibbli li:

jsir progress sostanzjali lejn swieq aktar miftuħa u dinamiċi, kif indikat il-Kummissjoni fit-12-il Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Pakkett Regolatorju tat-Telekomunikazzjonijiet;

jiġġieled id-diżugwaljanzi kbar li hemm bejn l-operaturi, li huma l-frott tal-vantaġġi li kellhom il-monopolji qodma ta' l-Istat.

4.2

Il-KESE jikkunsidra wkoll li huwa pożittiv li l-iskema regolatorja stabbilita fil-proposti hija estiża għall-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u, għalhekk, għan-netwerks kollha tat-trasmissjoni u forniment tas-servizz li b'hekk qed jiġu inklużi.

4.3

Flimkien mat-titjib fl-aspetti purament tekniċi u ta' ġestjoni msemmija hawn fuq, il-Kumitat jilqa' wkoll il-firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet li jimmiraw, b'mod speċifiku, li jsaħħu d-drittijiet ta' l-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, flimkien mal-garanziji proċedurali u amministrattivi għall-operaturi biex ikun hemm ċertezza li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati tajjeb (id-dritt tal-partijiet milquta li jinstemgħu, raġunijiet għad-deċiżjonijiet, miżuri ta' prekawzjoni u d-dritt ta' l-appell). L-introduzzjoni ta' dawn il-garanziji hija konformi mad-“dritt għal amministrazzjoni tajba” stipulat f'Artikolu 41 fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.4

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposti qiesu t-talbiet li huwa kien għamel f'opinjonijiet preċedenti, dwar:

ir-rekwiżit li l-Istati Membri jadottaw miżuri speċfiċi sabiex jgħinu lill-utenti b'diżabbiltà (4), ħalli jikkonformaw ma' l-oġġettivi tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet;

il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni ta' l-ispettru (peress li l-ispettru huwa ta' interess pubbliku u għandu jitmexxa f'perspettiva ekonomika, soċjali u ekoloġika) li barra min-newtralità teknoloġika u tas-servizz, jridu jiżguraw id-diversità kulturali u lingwistika, il-libertà ta' l-espressjoni u l-pluralità tal-mezzi tax-xandir, u jirriflettu l-bżonnijiet, tekniċi, soċjali, kulturali u politiċi ta' l-Istati Membri kollha (5).

4.4.1

Iż-żamma tad-diversità kulturali u lingwistika tfisser ukoll li jkun żgurat li l-ittri ta' l-alfabett li fihom marki diakritiċi, kif ukoll ittri Ċirilliċi, Griegi u kwalunkwe karattri oħrajn, ikunu leġġibbli fil-posta elettronika. SMSs li fihom dawn l-ittri m'għandhomx jiġu jiswew iktar.

4.5

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward:

(a)

is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' l-analiżi tas-suq li jorganizzaw aħjar il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet u jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi għall-operaturi;

(b)

it-tisħiħ tas-sigurtà u l-integrità tan-netwerk, li jiggarantixxi użu affidabbli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

(c)

it-tisħiħ ta' l-indipendenza ta' l-awtoritajiet billi jillimitaw l-influwenza possibbli minn entitajiet pubbliċi oħra fuq il-ġestjoni ta' kuljum tagħhom, u jiżguraw li jkollhom baġit indipendenti tagħhom stess u biżżejjed riżorsi umani.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-proposti huma bbazati għal kollox fuq l-Artikolu 95 TKE peress li l-iskopijiet tal-proposti tal-Kummissjoni huma, l-ewwel, li jadottaw miżuri li jqarrbu l-leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u t-tieni, li joħloqu korp ġdid sovranazzjonali.

5.1.1

Filwaqt li din id-dispożizzjoni tista' tkun bażi xierqa u suffiċjenti għall-oġġettivi li qed jiġu segwiti (6), skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-miżuri adottati fil-fatt għandhom impatt fuq il-liġijiet interni (billi jippermettulhom li jiġu emendati) u jirregolaw b'mod komplut il-livell sovranazzjonali f'dawk l-aspetti kollha li għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u l-utenti tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll l-aspetti marbuta mal-garanziji legali u ta' proċedura stabbiliti fil-proposti (7).

5.1.2

Fil-qosor, l-adozzjoni tal-qafas regolatorju sovranazzjonali tal-futur f'dan il-qasam m'għandux ikun eżerċizzju sempliċi u kosmetiku fuq il-qafas regolatorju sovranazzjonali attwali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.1.3

Dan japplika wkoll għall-ħolqien ta' l-Awtorità, li l-eżistenza tagħha hija ġġustifikata kompletament sakemm tkun kapaċi tikkontribwixxi biex il-firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet proposti li għalihom hija responsabbli, minħabba fil-poteri speċifiċi li ngħatawlha, jiġu implimentati b'mod konsistenti u effiċjenti.

5.1.4

Il-ħolqien ta' din l-Awtorità jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li s-sistema kurrenti:

(a)

m'għandhiex struttura u mekkaniżmi effiċjenti u tifframmenta s-suq intern;

(b)

din ma tiggarantixxix opportunitajiet indaqs bejn l-operaturi stabbiliti fi Stati Membri differenti; u

(c)

itellef il-benefiċċji li l-kompetizzjoni u s-servizzi transkonfinali jġibu lill-konsumaturi.

5.1.5

Dan huwa konformi wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita sħubija effettiva bejn il-Kummissjoni u r-Regolaturi Nazzjonali dwar kwistjonijiet fejn tkun meħtieġa l-konsistenza Ewropea.

5.2

L-Awtorità għandha sservi bħala l-forum esklussiv għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-eżerċizzju tal-firxa sħiħa tar-responsabbiltajiet tagħhom skond il-qafas regolatorju.

5.2.1

Il-KESE qiegħed jistenna l-valutazzjoni li jmiss dwar l-operat ta' l-Awtorità, biex jiżgura li hija bbażata fuq it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-indipendenza, u li s-setgħat ta' l-awtoritajiet issaħħew billi ngħataw sisien b'saħħithom u trasparenti stabbiliti fil-liġi Komunitarja.

5.3

Fir-rigward ta' l-approċċ leġislattiv tal-qafas regolatorju propost, huwa importanti li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta' l-applikazzjoni ta' kriterji speċifiċi għar-regolamentazzjoni tas-settur, flimkien mal-prinċipji u r-regoli tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern (8). Dan japplika b'mod partikolari fis-settur li qiegħed jiġi kkunsidrat, li jeħtieġ interventi amministrattivi ex ante li jinkludu analiżi ekonomiċi sofistikati tas-suq rilevanti, li m'humiex bżonnjużi f'setturi oħra tas-suq intern (9).

5.3.1

Il-KESE jaqbel mal-mira tal-qafas regolatorju li b'mod progressiv inaqqas ir-regoli ex ante speċifiċi skond is-settur hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq, kif kienet qed tagħmel il-Kummissjoni b'mod gradwali, per eżempju, fir-rakkomandazzjonijiet tas-17 ta' Diċembru 2007. Il-KESE jittama li, minħabba d-dinamiżmu tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-karatteristiċi tal-prodotti, is-servizzi u l-possibbiltajiet ta' sostituzzjoni jiżviluppaw b'tali mod li dawn il-miżuri ta' intervent isiru superfluwi.

5.3.2

Il-KESE jemmen li “s-separazzjoni funzjonali” hija miżura eċċezzjonali li għandha tiġi applikata b'kawtela. Għandha tkun imposta biss mill-awtoritajiet, wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha titlob l-opinjoni ta' l-Awtorità l-ġdida.

5.3.3

Din it-tip ta' soluzzjoni tista' tkun iġġustifikata bħala rimedju fejn b'mod persistenti ħafna mis-swieq ikkonċernati ma rnexxilhomx jilħqu sitwazzjoni effettiva ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, jew fejn ftit li xejn ikun hemm prospetti ta' kompetizzjoni fl-infrastruttura f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara li wieħed ikun dar għal wieħed jew iktar rimedji li kienu ġew ikkunsidrati xierqa.

5.4

Madankollu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi proposti għal dan is-settur ma jkoprux ċerti kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-implimentazzjoni effiċjenti u trasparenti tal-kompetizzjoni ħielsa bejn l-operaturi u l-fornituri tas-servizzi fis-suq pan-Ewropew, jew ċerti aspetti sustantivi tad-drittijiet ta' l-utenti.

5.5

L-ewwel, għandu jkun iċċarat l-ambitu tas-“sigurtà nazzjonali”, skond l-Artikolu 3a(2) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona, li l-Istati Membri għandhom “responsabbiltà esklussiva” li jissalvagwardjaw.

5.5.1

Ir-rikonoxximent ta' poteri mhux regolati jippermettu diskrezzjoni konsiderevoli meta jkunu qed jiġu stabbiliti kawżi u miżuri li, għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, jistgħu jirriżultaw f'eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli u l-prinċipji tal-liġi settorjali u tal-kompetizzjoni li hemm fil-proposti tal-Kummissjoni.

5.5.2

Fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħalissa jeżistu regolamenti nazzjonali li jħallu f'idejn l-Istati Membri biex jidentifikaw in-netwerks tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi, il-faċilitajiet u t-tagħmir li bihom iwettqu attivitajiet essenzjali għad-difiża nazzjonali u s-sigurtà pubblika (10). F'dan il-kuntest, il-KESE jindika li l-prattika segwita fil-proġett Galileo tista' sservi ta' referenza utli.

5.6

Biex jiġu ppreżervati l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali meta jkunu qed jiġu stabbiliti infrastrutturi ġodda tan-netwerk, b'mod partikolari “netwerks tal-ġenerazzjoni l-ġdida”, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom bżonn jippromovu l-progress ekonomiku u soċjali u livell għoli ta' impjieg, b'konformità mal-liġi tal-Komunità u l-prinċipji tad-demokrazija, sabiex jinħoloq suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b'teknoloġija avvanzata.

5.6.1

Miżuri ta' intervent b'fondi pubbliċi, speċjalment mill-awtoritajiet lokali, jridu jservu biex isaħħu l-programm il-ġdid tan-netwerks tal-ġenerazzjoni l-ġdida, billi jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt fuq in-newtralità teknoloġika, u li, b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tiġi evitata d-dupplikazzjoni bla bżonn tar-riżorsi tan-netwerk.

5.7

Fir-rigward ta' l-effetti tal-qafas regolatorju propost fuq id-drittijiet ta' l-utenti, f'xi każijiet ikun hemm bżonn li jiġi analizzat b'mod speċifiku l-ħarsien tad-drittijiet ta' l-aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (11)(li, barra milli huwa rikonoxxut bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE, ser ikun regolat permezz ta' l-Artikolu 16 tat-Trattati u protokoll (Nru. 9) anness mat-Trattati), u l-ħarsien tal-kompetizzjoni ħielsa, li mhux ser ikun imniżżel bħala oġġettiv speċifiku ta' l-UE f'Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona, iżda jkun is-suġġett ta' regolamentazzjoni ad hoc li ssegwi l-Protokoll dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni anness mat-Trattati.

5.7.1

Għalkemm il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta dwar is-servizz universali tistabbilixxi mekkaniżmu ta' konsultazzjoni fl-Istati Membri li jiżgura li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-interessi tal-konsumaturi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiddispjeċih li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ma tirreferi għar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni ta' l-adozzjoni mill-korpi kompetenti sopranazzjonali, ħalli tagħżel miżuri xierqa li jiggarantixxu implimentazzjoni effettiva fl-UE.

5.7.2

Fir-rigward ta' l-aspetti fiżiċi tas-servizz universali, il-KESE qiegħed jistenna l-proposta tal-Kummissjoni dwar is-suġġett, li ser toħroġ din is-sena, qabel ma jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu b'mod definittiv. B'mod provviżorju (12), il-KESE jfakkar il-prinċipji ewlenin li jqis li huma applikabbli:

(a)

l-aċċess għal servizzi li jkunu ta' kwalità tajba ħafna bi prezzijiet ġusti, xierqa u aċċessibbli;

(b)

aċċess għall-informazzjoni ta' malajr permezz tal-broadband pubbliku u servizzi tat-telekomunikazzjonijiet avvanzati fir-reġjuni kollha;

(c)

aċċess għall-konsumaturi kollha, irrispettivament mid-dħul tagħhom jew fejn jinsabu ġeografikament, bid-dritt għall-ugwalizzazzjoni tal-prezz;

(d)

kontribut ġust u bla diskriminazzjoni lejn il-manutenzjoni u t-titjib fis-servizz universali mill-fornituri kollha tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni;

(e)

L-eżistenza ta' mekkaniżmi speċifiċi, bla sorpriżi u adegwati li jiggarantixxu li s-servizz universali jinżamm u jestendi ma' l-iżviluppi fit-teknoliġija u dawk soċjali;

(f)

kwalunkwe prinċipju ieħor li l-awtoritajiet iqisu li jkun meħtieġ biex iħares l-interess pubbliku;

(g)

il-ħolqien ta' forum tat-telekomunikazzjonijiet jew osservatorju fil-livell Komunitarju, biex iqis l-opinjonijiet ta' l-atturi ekomoniċi u soċjali kollha u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili.

5.7.3

F'termini tas-servizz universali, id-Direttiva għandha tkopri dawn li ġejjin:

(a)

il-ħtieġa li s-servizzi tal-konsumaturi pprovduti mill-operaturi jiġu regolati, inkluża l-possibbiltà li jiġu imposti livelli ta' kwalità fuq is-servizzi tal-konsumaturi, meta jibdew sejrin lura;

(b)

id-definizzjoni ta' klawsoli ta' penalizzazjoni biex ikun hemm ċertezza legali akbar;

(c)

emendi tal-kuntratt;

(d)

livelli ta' kwalità għal ċerti aspetti, li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet li jimponu livelli minimi ta' kwalità għas-servizzi kollha jekk huma jixtiequ;

(e)

servizzi ta' fatturar iddettaljat u pprezzar imtejjeb, li jiżguraw li l-fatturi jinkludu d-dettalji ta' kwalunkwe servizz ta' komunikazzjoni mhux elettroniku.

(f)

akkwist konġunt ta' servizzi u terminali, li għandhom ikunu soġġetti għal arranġamenti kuntrattwali aktar trasparenti.

5.7.4

Iż-żieda fil-ħarsien tal-konsumaturi li hemm fil-proposta dwar is-servizz universali ma tagħtix garanzija sħiħa lill-konsumaturi ta' livell għoli ta' ħarsien, kif inhu meħtieġ fl-Artikolu 153 tat-TKE, peress li l-proposta ma tagħtix id-dritt lill-abbonati li jirtiraw fi kwalunkwe ħin, mingħajr penalizzazzjoni minn kuntratti mal-fornituri tan-netwerk jew tas-servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħala prinċipju ġenerali.

5.7.5

Madankollu, hemm xi aspetti li fihom dan il-ħarsien tjieb, bħal:

informazzjoni dwar il-prezzijiet, b'rati trasparenti, aġġornati u li jistgħu jitqabblu u informazzjoni dwar it-tip ta' servizzi pprovduti;

ir-riforma tar-Regolament Nru. 2006/2004 li tirrendi l-kooperazzjoni internazzjonali possibbli biex tevita prattiki mhux mixtieqa bħalma hu l-“phishing” (13), is-“cyberstalking” u l-“ispoofing”.

5.8

F'dik li hija l-privatezza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-KESE jqis li l-proposta hija pass 'il quddiem fuq il-leġislazzjoni eżistenti, u jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li jsiru permezz tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma disponibbli għall-pubbliku, u tad-data tat-traffiku relatata, skond il-kriterji maħruġa mill-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (14).

5.8.1

Il-KESE jaqbel li tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni tad-drittijiet fundamentali marbuta mal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħalma huma l-protezzjoni tal-privatezza, il-ħarsien tad-data personali, is-segretezza tal-komunikazzjonijiet u l-konfidenzjalità, u ċerti aspetti kummerċjali marbuta mal-proprjetà intellettwali.

5.8.2

F'dik li hija sikurezza (15), għandhom jiġu adottati l-miżuri rilevanti biex jiggarantixxu s-sikurezza tan-netwerk (16) u l-użu ta' materjal li huwa kkodifikat b'mod li hu b'saħħtu biżżejjed, biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-privatezza.

5.8.3

Il-KESE jqis bħala xi ħaġa pożittiva li l-protezzjoni li toffri din id-direttiva tapplika wkoll għan-netwerks tal-komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u t-tagħmir ta' identifikazzjoni (inkluż tagħmir bla kuntatt bil-wajer bħat-Tagħmir ta' Identifikazzjoni permezz ta' Frekwenza tar-Radju) (17).

5.9

Fejn tidħol il-komunikazzjoni kummerċjali mhux mixtieqa (spam), il-KESE jinsisti (18) fuq il-konvinzjoni tiegħu li l-leġislazzjoni għandha tkun ibbażata b'mod ċar fuq il-prinċipju li l-konsumaturi jridu jagħtu l-kunsens tagħhom minn qabel: għandha tingħata prijorità lill-interess tal-konsumatur biex jiġu evitati komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba. Għalhekk għandhom jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex ikun hemm konformità ma' dan il-prinċipju u fejn hu rilevanti jiġu stabbiliti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU L 344, 28.12.2007, p. 65.

(2)  Mwaqqfa b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tad-29.7.2002, kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/641/KE tas-6.12.2007, ĠU L 323, tat-8.12.2007, p. 43.

(3)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 50, rapporteur: is-Sur Retureau.

(4)  Opinjoni Esploratorja dwar “Leġislazzjoni futura dwar l-Aċċessibilità Elettronika” ĠU C175, 27.7.2007, p. 91-95.

(5)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 25.

(6)  Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-2.5.2006, każ C-436/03.

(7)  Ibid, sfond legali, punti 44 u 45.

(8)  Ara A. Bavasso, 'Electronics Communications: A New Paradigm for European Regulation', CML Rev. 41, 2004, p.110 et seq

(9)  A De Streel, “The Integration of Competition Law Principles in the New European Regulatory Framework for Electronics Communications”, World Competition, 26, 2003, pġ. 497

(10)  Għal analiżi aktar iddettaljata dwar dawn il-kwistjonijiet, ara Carlos J. Moreiro González, Las cláusulas de Seguridad Nacional, Iustel, 2007, pġ. 26-31, 53-64.

(11)  Ara l-opinjonijiet CESE 267/2008 (adottata nhar l-14.2.2008) :Rapporteur: is-Sur Hencks.

(12)  Opinjoni tal-KESE adottata fis-Sessjoni Plenarja fit-28 ta' Frar u l-1 ta' Marzu 2001ĠU C 139, 11.5.2001, pġ. 15.

(13)  Tip ta' frodi fejn wieħed jikseb id-dettalji tal-bank ta' xi ħadd b'mod falz ħalli jkun jista' jidħol fil-kontijiet u jmexxi l-fondi.

(14)  B'mod partikolari, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-29.1.2008, każ C-275/06.

(15)  Il-KESE qed ifassal opinjoni (INT/417) DT R/CESE 480/2008 dwar Il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalzifikar tal-metodi ta' ħlas mhux kontanti

(16)  Ara l-opinjoni dwar “Netwerks u s-sigurtà ta' l-informazzjoni”, rapporteur: is-Sur Retureau.

(17)  Ara l-opinjoni dwar “L-identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID)”, rapporteur: is-Sur Morgan, ĠU C 256 tas-27.10.2007, p. 66.

(18)  Opinjoni adottata fis-Sessjoni Plenarja fl-24 u l-25 ta' Jannar 2001. ĠU C 123, 25.4.2001, pg. 53.