30.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 224/46 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta' azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija
COM(2007) 607 finali
(2008/C 224/10)
Nhar it-18 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta' azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.
Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'99 vot favur u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat japprova l-pjan ta' azzjoni li pproponiet il-Kummissjoni, u jixtieq li jiġi kkonsultat dwar ir-rapport interim li għandu jsir fl-2010 sabiex jiddetermina l-progress li jkun sar u, eventwalment, il-problemi li jkun għad baqa'. |
1.2 |
Il-KESE jaqbel li ta' min isiru benchmarks separati għal terminals intermodali, inklużi l-portijiet u l-ajruporti, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur. B'sett ta' benchmarks ġeneriċi Ewropej, li jħallu lok għal aktar speċifikazzjoni fil-livell lokali, għandu jkun possibbli li ssir distinzjoni biżżejjed bejn il-benchmarks biex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi differenti ħafna tat-terminals ta' l-art, il-portijiet tal-baħar, l-ajruporti u l-portijiet fuq l-ilmijiet interni. |
1.3 |
L-iffissar tal-prezzijiet tat-trasport skond il-mezzi tat-trasport differenti ġeneralment ma jirriflettix l-impatt reali tagħhom fuq l-infrastrutturi, l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika, u lanqas ma jirrifletti biżżejjed l-ispiża soċjali, territorjali u komunitarja. |
1.4 |
Għalhekk l-istrumenti ta' paragun u ta' valutazzjoni li huma maħsuba għall-valutazzjoni komparattiva għandhom iqabblu l-ktajjen tat-trasport li jistgħu jintużaw fuq il-bażi tas-sostenibbiltà tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu bbilanċjat għall-iffissar tal-prezzijiet u t-tħejjija ta' sistema regolatorja li bis-saħħa tagħha jingħażel b'mod loġistiku l-iktar mezz effiċjenti u sostenibbli skond it-tip ta' merkanzija li tkun ser tinġarr u l-mezzi disponibbli. |
1.5 |
Loġistika tat-trasport li twieġeb għall-bżonnijiet ta' l-utenti u tas-soċjetà kollha kemm hi teħtieġ mingħajr l-iċken dubju żvilupp sostanzjali fl-implimentazzjoni rapida tat-teknoloġiji avvanzati l-ġodda attwali u tar-riċerki l-ġodda, kif ukoll sforz kostanti fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-persunal kif ukoll it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-infrastrutturi attwali jintużaw bl-aħjar mod possibbli, u li jiġu żviluppati r-riżorsi umani, il-materjali u r-riżorsi finanzjarji li huma investiti fit-trasport u l-loġistika. Jeħtieġ ukoll li dawn il-professjonijiet jieħdu spinta 'l quddiem u jsiru iktar attraenti. Hemm bżonn kbir ta' investimenti ġodda biex iħaffu l-integrazzjoni tal-membri l-ġodda u jiffaċilitaw il-politika Ewro-Mediterranja u l-politika tal-viċinat. It-tendenzi tad-domanda f'perijodu ta' żmien twil għad iridu jiġu vvalutati sabiex jibda jintefaq l-investiment li ser jiġi rkuprat wara perijodu ta' żmien twil ħafna. |
1.6 |
Jeħtieġ jissaħħu s-sigurtà u s-sikurezza fit-toroq, speċjalment fiż-żoni tal-fruntiera ma' pajjiżi terzi. |
1.7 |
Il-kosta ta' l-UE kibret. Issa tinkludi l-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed u tingħaqad permezz tal-fulkru prinċipali tad-Danubju li għandu jerġa' jingħata l-ħajja. L-Ewropa għandha pjattaformi portwali li minnhom jgħaddi 90 % tal-kummerċ mal-pajjiżi terzi u 40 % tal-kummerċ bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea. Hawnhekk l-attivitajiet loġistiċi qed jiżviluppaw b'mod importanti. Però hemm bżonn ta' bosta titjib. B'mod partikolari, hemm bżonn li jiġu mmodernizzati s-servizzi ta' l-art billi jkun hemm iktar mezzi tat-trasport differenti u jintużaw iktar l-approċċi intermodali. Għandhom jittejbu wkoll it-tekniki u l-organizzazzjoni tat-trasbord. Fl-istess ħin għandu jinstab bilanċ aħjar bejn id-diversi portijiet. Barra minn hekk, dawn il-portijiet u l-pjattaformi ta' l-art għandhom jikkomplementaw iktar lil xulxin. |
1.8 |
Il-Kumitat japprova l-użu ta' teknoloġiji ġodda, ir-riċerka applikata dwar dawk l-aspetti kollha li jistgħu jittejbu tal-mezzi tat-trasport differenti (infrastruttura, tagħmir tat-trasport u tal-manutenzjoni, organizzazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol, eċċ.), il-kontribut volontarju għat-tfassil ta' standards tekniċi u standards tal-komunikazzjoni u tal-messaġġi sabiex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp tal-ko-modalità u l-flussi tat-traffiku, kif ukoll l-“akkoppjar” aħjar bejn iż-żieda fil-produzzjoni u l-kummerċ fuq naħa u ż-żieda fil-mezzi tat-trasport fuq in-naħa l-oħra, li jistgħu biss jiżviluppaw. F'dan ir-rigward, wieħed mill-fatturi essenzjali huwa ż-żieda ta' l-effiċjenza fil-ktajjen loġistiċi. |
1.9 |
Għandha tkompli ssir ir-riċerka dwar il-magni u l-effiċjenza enerġetika tagħhom, dwar il-fjuwils mhux fossili kemm għall-vetturi tat-trasport privati u pubbliċi li jkunu maħsuba għall-passiġġieri kif ukoll dawk maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija. |
1.10 |
Il-loġistika tat-trasport urban teħtieġ miżuri ta' urġenza u sforzi akbar biex l-ekonomija tal-bliet il-kbar ma tiddgħajjefx b'mod progressiv, u biex ma tintilifx b'mod konsiderevoli l-effiċjenza bħala riżultat tal-ħin li wieħed iqatta' fil-konġestjonijiet tat-traffiku. Dan huwa niġġiesi u mhux produttiv għar-residenti u l-intrapriżi. Fl-ambjent urban jinħtieġ approċċ komprensiv, li jikkunsidra l-ħtiġijiet tat-trasport privat u pubbliku għall-persuni u għall-merkanzija, bil-għan li n-netwerk tat-toroq jitqassam aħjar u li tinqaleb it-tendenza li r-residenti u bosta attivitajiet jiċċaqalu lejn il-periferija u ż-żoni mbiegħda. |
1.11 |
Is-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-intermodalità jinsabu fil-qalba ta' dan il-pjan. L-iskeda proposta tpoġġi l-enfasi fuq l-urġenza tal-politika li għandha tittieħed. Il-proposti tal-Kummissjoni jagħtu preferenza lill-kooperazzjoni u d-djalogu minflok lill-miżuri obbligatorji. Jeħtieġ nuru li din l-għażla ser taħdem. Is-suċċess tagħha jiddependi mill-operaturi tal-qasam tat-trasprort u mill-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom għad-domandi urġenti tas-soċjetà ċivili. |
2. Proposti tal-Kummissjoni
2.1 Introduzzjoni
2.1.1 |
Nhar it-28 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa — il-muftieħ għall-mobilità sostenibbli (1). Din il-Komunikazzjoni wriet ir-rwol tal-loġistika għat-trasport sostenibbli, inqas niġġiesi u li verament jirrispetta l-ambjent. Wara din il-Komunikazzjoni kellu jkun hemm konsultazzjoni sabiex jitfassal pjan ta' azzjoni Ewropew għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija (2) li ġie ppubblikat fit-18 ta' Ottubru 2007. |
2.1.2 |
Il-Kummissjoni kien beħsiebha ddaħħal id-dimensjoni loġistika fil-politika tat-trasport ta' l-Unjoni Ewropea bil-għan li jitnaqqsu l-ostakli kostanti, jonqos il-konsum ta' l-enerġija, tiġi sfruttata aħjar il-ko-/multi-modalità ta' l-infrastrutturi u l-mezzi tat-trasport, jitħares l-ambjent, jiġu limitati l-ħsarat, u jitħeġġeġ it-taħriġ kontinwu tal-persunal. |
2.1.3 |
Il-Kumitat intalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan il-pjan, li jinkludi l-objettivi li jridu jintlaħqu u skeda ta' l-implimentazzjoni. Il-pjan jippromovi l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni maħsuba biex isaħħu l-effiċjenza tal-loġistika tat-trasport fir-rigward ta' l-oġġetti (oġġetti individwali, pakki, kontenituri). Huwa maħsub ukoll li titwaqqaf sistema ta' ċertifikazzjoni fuq bażi volontarja għall-professjonisti tal-loġistika kif ukoll it-taħriġ u l-kwalifiki meħtieġa biex dawn jeżerċitaw il-professjoni tagħhom bil-għan li tiġi ffaċilitata l-mobilità tagħhom. |
2.1.4 |
Iżda fl-2006, il-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat li diffiċli tissawwar l-idea ta' suq Ewropew tal-loġistika mingħajr l-istatistika adegwata. B'mod ġenerali jingħad li l-loġistika tirrappreżenta minn 10 sa 15 % ta' l-ispejjeż tal-prodotti trasportati. |
2.1.5 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' qafas Ewropew għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, u li tittieħed azzjoni b'mod partikolari f'oqsma differenti. Dan il-pjan jagħti d-dettalji u jistabbilixxi skadenzi qosra ħafna għall-implimentazzjoni bejn l-2008 u l-2012:
|
2.1.6 |
Il-pjan ta' azzjoni li ġie ppubblikat fl-2007 jippreżenta l-azzjonijiet li kienu tfasslu diġà fi programm ta' l-objettivi iktar dettaljati, flimkien ma' skeda ta' l-implimentazzjoni. |
2.1.7 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha (4) Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna, li ġiet ippubblikata fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-term — u fl-istess ħin ta' l-aġġornament tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 (5), il-Kummissjoni tinsisti fuq il-kunċett tal-“mobilità intelliġenti” li tinkludi l-loġistika tat-trasport u s-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS). Fil-pjan ta' azzjoni din it-tema terġa' tingħata prijorità. |
2.2 It-trasport elettroniku tal-merkanzija u s-sistemi intelliġenti tat-trasport
2.2.1 |
L-użu ġenerali tat-TIC attwali u li għad irid jinħoloq jista' jtejjeb bis-sħiħ il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, però għadu jikkawża xi problemi li għandhom jiġu solvuti, bħall-istandardizzazzjoni, il-kompetenzi ta' l-utenti, l-ostakli regolatorji jew oħrajn li jxekklu l-“iżmaterjalizzazzjoni” tad-dokumenti, is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza. |
2.2.2 |
L-introduzzjoni tat-“trasport elettroniku tal-merkanzija” fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal “internet ta' l-oġġetti” (merkanzija: oġġetti waħedhom, pakki u pakketti, kontenituri — kull komponent jista' jiġi personalizzat, jingħata isem u jiġi identifikat permezz ta' “tikketta komunikattiva” attiva jew passiva li tkun attivata bis-saħħa ta' l-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju jew RFID); permezz ta' dan “l-internet ta' l-oġġetti” l-ġdid it-trasferiment tad-data marbuta mal-merkanzija (pożizzjoni ġeografika, informazzjoni dwar in-natura u l-volum, messaġġi tad-dwana jew oħrajn) ser jiġi awtomatizzat u ssemplifikat. Jeħtieġ ninqdew tajjeb bis-sistemi preżenti bil-għan li titwettaq din id-dimensjoni l-ġdida ta' l-internet fuq il-bażi ta' l-identifikazzjoni ta' l-oġġetti. |
2.2.3 |
Għall-2008, il-Kummissjoni ppjanat proġett kbir ta' riċerka li huwa bbażat fuq pjan ta' rotta għall-użu ta' l-ITS u tat-teknoloġiji marbuta mal-loġistika tat-trasport. |
2.3 Inħarsu 'l quddiem
2.3.1 |
Billi jiżviluppa l-effiċjenza, il-pjan jipprova jikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-problemi bħall-konġestjoni, it-tniġġis u l-istorbju, l-emissjonijiet tas-CO2 u d-dipendenza mill-fjuwils fossili. Dawn l-azzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati minn ħidma fuq perspettiva fit-tul, u jridu jittieħdu b'mod konġunt ma' l-Istati Membri sabiex tiġi stabbilita bażi komuni għall-investiment fis-sistemi tat-trasport tal-merkanzija tal-ġejjieni. |
2.3.2 |
Fl-2010, il-Kummissjoni ser tħejji rapport dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
It-tkabbir ta' l-UE, il-globalizzazzjoni dejjem tikber tal-kummerċ, it-twelid ta' qawwiet ekonomiċi ġodda (mhux biss iċ-Ċina) u l-proċess ta' rilokazzjoni huma fatturi importanti ħafna għall-iżvilupp tal-kummerċ. Il-kummerċ qed jikber b'rata iktar mgħaġġla mill-produzzjoni. Fil-White Paper ta' l-2001, il-Kummissjoni kienet ippjanat id-“diżakkoppjar” tal-mezzi tat-trasport u t-tkabbir ekonomiku. Jeħtieġ terġa' tibda r-riflessjoni dwar dan is-suġġett mill-iktar fis possibbli, għall-inqas sabiex jerġa' jiddaħħal l-“akkoppjar”, il-“paralleliżmu”. Fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper fl-2006 (6), jekk il-loġistika tlaqqa' d-diversi mezzi tat-trasport u l-operaturi differenti (organizzaturi tal-flussi, trasportaturi, utenti, awtoritajiet nazzjonali, komunitarji u internazzjonali), u tistrieħ fuq it-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni, ta' l-ippakkjar u ta' l-immaniġġjar, hija tista' tkun fattur determinanti sabiex jinkiseb trasport tal-merkanzija iktar razzjonali u effiċjenti. |
3.2 |
Il-ktajjen loġistiċi fil-livell dinji jeħtieġu li l-konnessjonijiet fiżiċi u elettroniċi bejn is-sistemi tat-trasport differenti, fl-aħħar mill-aħħar jiġu integrati bis-sħiħ biex jintuża l-iktar mezz jew numru ta' mezzi flimkien effiċjenti, u biex tittejjeb il-loġistika bis-saħħa ta' l-objettiv li tinkiseb effiċjenza tripla: ekonomika, soċjali u ambjentali (inkluż it-tnaqqis ta' l-ispejjeż marbuta ma' l-enerġija). |
3.3 |
Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-ippjanar tat-trasport jitlob skadenzi twal u l-kollaborazzjoni ta' bosta partijiet interessati. L-investimenti fl-infrastrutturi tat-trasport u fil-pjattaformi loġistiċi jsiru għal perijodi ta' żmien twal ħafna u huma għaljin immens, b'mod partikolari l-portijiet marittimi u interni jew l-ajruporti, imma anke l-“portijiet niexfa” jew il-faċilitajiet tat-trasport ikkombinat. Huma proprju dawn il-pjattaformi l-iktar li qed joħolqu problemi, u jinħtieġu malajr soluzzjonijiet permanenti li wieħed jista' jorbot fuqhom. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kumitat ikun tajjeb li tingħata prijorità lill-aħjar użu ta' l-infrastrutturi attwali fejn l-iskambju ta' informazzjoni u ta' esperjenzi jista' jħalli ħafna frott. Però mhux ser ikun biżżejjed li nisfruttaw bl-aħjar mod l-infrastrutturi attwali u li ninqdew bit-teknoloġiji avvanzati. Għall-investimenti jinħtieġ l-ippjanar fuq perijodu medju u twil ta' żmien. |
3.4 |
L-infrastrutturi ġodda b'ħajja twila għandhom jiġu żviluppati jekk tkun imbassra l-ħtieġa għal perijodu ta' żmien twil ħafna u jekk ma tkunx teżisti soluzzjoni alternattiva ta' ko-modalità, per eżempju b'infrastrutturi eżistenti oħra. Per eżempju, it-trasport bit-tren jista' joffri alternattiva sabiex jikber in-netwerk tat-toroq eżistenti jew jinħolqu rotot ġodda. L-ippjanar meħtieġ għandu jinvolvi lill-operaturi kollha tal-ktajjen loġistiċi: l-awtoritajiet Komunitarji, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-manifatturi, id-distributuri u ħaddiema oħra li jgħabbu, il-loġistiċi u t-trasportaturi, kif ukoll l-imsieħba soċjali. Il-popolazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-dibattiti li jsiru qabel u fil-konsultazzjonijiet differenti dwar dawn il-kwistjonijiet, u l-opinjoni tagħhom għandha tittieħed bis-serjetà. |
3.5 |
Dan l-ippjanar għandu joħloq sħubijiet fuq perijodu ta' żmien twil li jiggarantixxu l-vijabilità permanenti (kemm ekonomika, kemm ekoloġika kif ukoll soċjali) ta' l-infrastrutturi. Għandu jkun konformi ma' l-Iskema ta' Żvilupp fiż-Żona Komunitarja, u għandu jikkontribwixxi biex l-investimenti fit-trasport ikunu garantiti għal perijodu ta' żmien twil filwaqt li jiġu strutturati u kkoordinati aħjar ma' l-attivitajiet industrijali u kummerċjali u ma' l-ippjanar ta' l-art u ż-żoni urbani (l-iktar sabiex jiġi evitat it-“tixrid” tal-pjattaformi loġistiċi u r-“rilokazzjonijiet” prematuri u għaljin, kif ukoll l-ostakli ta' xi fulkri u żoni fuq naħa, u l-waqgħa ta' xi żoni minħabba n-nuqqas jew il-medjokrità ta' ċerti servizzi fuq in-naħa l-oħra). |
3.6 |
Fir-rigward ta' l-istandards il-ġodda maħsuba għall-unitajiet tat-tagħbija, huwa ċar li dawn għandhom jiffaċilitaw it-trasbord fir-rigward tal-piż massimu li jista' jkun immanuvrat u tad-daqs. Madankollu, fid-dawl tal-problemi marbuta mal-fatt li t-trasport tal-merkanzija jsir kważi fit-toroq biss, dawn l-istandards m'għandhomx iwasslu għal tagħbija żejda li għandha mnejn tagħmel il-ħsara fl-infrastrutturi u tkompli tnaqqas is-sigurtà tat-trasport bit-triq. Għandhom jiffavorixxu l-ko-modalità. |
3.7 |
Wara li kkunsidra l-proposta ta' l-2003 dwar unità volontarja ġdida ta' tagħbija intermodali, il-Kumitat itenni l-fehma tiegħu li kombinazzjoni ta' unitajiet ta' tagħbija ta' daqsijiet differenti hija problema loġistika kbira. Iż-żewġ ostakli msemmija fl-opinjoni (id-daqsijiet ta' plieri ċellolari fissi u inċertezza dwar min ser iħallas għas-sistema l-ġdida) diġà qed iwasslu għat-tħassib li s-sistema mhux ser tintuża. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-Kumitat jixtieq ħafna li jiġi kkonsultat dwar ir-rapport li ser tħejji l-Kummissjoni fl-2010 dwar il-progress li jkun sar bil-pjan ta' azzjoni u, eventwalment, il-problemi li jinsabu fl-implimentazzjoni tiegħu. |
4.2 |
L-internet ta' l-oġġetti żgur ser ikun mezz sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-loġistika tat-trasport u s-servizzi li jingħataw lill-klijenti. Madankollu, wara l-esperjenza ta' l-internet ta' l-ismijiet, il-Kumitat qed iqajjem xi domandi dwar il-proċeduri u l-istrumenti ta' kontroll li għandhom jiġu stabbiliti għall-“għoti ta' l-ismijiet”. Għal raġunijiet storiċi, il-kontroll finali ta' l-internet ta' l-ismijiet jinsab f'idejn il-US DoC, id-Dipartiment tal-Kummerċ ta' l-Istati Uniti. Fid-dawl ta' l-importanza ekonomika ta' l-internet ta' l-oġġetti u tan-natura primarjament intra-reġjonali tal-kummerċ, il-Kumitat jemmen li l-internet ta' l-oġġetti għandu jkun ibbażat fuq il-multipolarità (per eżempju, korpi reġjonali jew sotto-reġjonali li jagħtu l-ismijiet) u m'għandux jitpoġġa taħt il-kontroll finali ta' awtorità unika, iktar u iktar jekk din ma tkunx awtorità ta' l-UE. Il-Kumitat jappoġġja l-għażla ta' gvernanza Ewropea fl-għoti ta' l-ismijiet u l-ġestjoni tal-bażijiet tad-data, kif ukoll it-tfassil ta' standards tekniċi. |
4.2.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni integrat l-iżvilupp tal-loġistika fl-aġenda mġedda ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Però, fuq il-bażi ta' l-esperjenza huwa jistieden lill-Kummissjoni tagħmel tajjeb għad-dewmien li kien hemm fl-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, b'mod speċjali fl-implimentazzjoni ta' Galileo. |
4.3 |
Fid-dawl ta' l-importanza ekonomika ta' l-internet ta' l-oġġetti u tan-natura primarjament intra-reġjonali tal-kummerċ, il-Kumitat jemmen li l-internet ta' l-oġġetti għandu jkun ibbażat fuq il-multipolarità (per eżempju, korpi reġjonali jew sotto-reġjonali li jagħtu l-ismijiet) u m'għandux jitpoġġa taħt il-kontroll finali ta' awtorità unika, iktar u iktar jekk din ma tkunx awtorità ta' l-UE. |
4.4 |
Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li jiġu ċċarati l-problemi tal-protezzjoni tad-data personali u kummerċjali marbuta mad-diversifikazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-informazzjoni li jintużaw biex jiġi identifikat il-kontenut tal-merkanzija, sabiex b'mod partikulari jiġi evitat li informazzjoni taqa' f'idejn l-organizzazzjonijiet kriminali, speċjalment f'pajjiżi terzi (għandhom jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet marbuta mad-dazju u ma' l-assigurazzjoni), jiġu ssorveljati s-segwitu tal-merkanzija u min qed jibgħatha, l-intermedjarji u d-destinatarji, fil-kuntest tal-promozzjoni tas-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS) u tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni relatata magħhom. |
4.5 |
Dan jgħodd l-iktar għal-loġistika dettaljata marbuta mal-kummerċ elettroniku. |
4.6 |
Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha “timmodernizza” l-professjoni tal-loġistiċi bis-saħħa ta' sistema ta' “definizzjoni” u “ċertifikazzjoni” ta' l-operaturi, u jixtieq li din is-sistema jkollha ħafna valur miżjud. |
4.7 |
Il-Kumitat jilqa' wkoll il-fatt li l-Kummissjoni pproponiet li taħdem, flimkien ma' l-imsieħba soċjali, fit-tħejjija tar-rekwiżiti ta' kwalifiki u taħriġ. B'rabta ma' dan, il-Kumitat jittama li t-taħriġ u l-kwalifiki meħtieġa jkomplu jiżviluppaw matul il-ħajja attiva kollha, u li jitqies il-progress li jsir fil-qasam ta' l-għarfien u tat-teknoloġiji. Jilqa' wkoll il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem għall-għarfien reċiproku ta' dawn iċ-ċertifikati volontarji. |
4.8 |
Huwa importanti ħafna li tittejjeb il-prestazzjoni loġistika billi jiżdied l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u bis-saħħa ta' semplifikazzjonijiet amministrattivi, l-iskambju ta' esperjenzi, l-iżvilupp tal-kwalifiki u t-taħriġ, kif ukoll il-“ko-modalità”. Madankollu, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-fatt li l-impatt pożittiv ta' dan il-progress jista' jinkiseb biss jekk il-qasam tat-trasport u l-loġistika jkun suġġett ta' aġġustament intra-modali u inter-modali u ta' “kompetizzjoni regolata”, kif ħabbret il-Kummissjoni fil-White Paper ta' l-2001. Dan jimplika valutazzjoni mill-ġdid tal-prezzijiet tat-trasport u armonizzazzjoni ġenwina tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni intra-modali u inter-modali fi ħdan l-UE. |
Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.
Il-President
tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) COM(2006) 336 finali. (Din il-Komunikazzjoni ma nqalbitx għall-Malti.)
(2) COM(2007) 607 finali.
(3) Ara l-opinjoni esploratorja dwar L-Identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID) (rapporteur: is-Sur Morgan) ĠU C 256 tas-27.10.2007, p. 66-72 u l-ħidma tal-konferenza ta' Lisbona tal-15 u s-16 ta' Novembru 2007 (sit elettroniku tal-Presidenza Portugiża).
(4) COM(2006) 314 finali tat-22.6.2006.
(5) Ara l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar il-White Paper COM(2001) 370 tat-12.9.2001: Il-politika Ewropea tat-trasport sa l-2010: il-mument ta' l-għażla (dan id-dokument ma nqalibx għall-Malti) u r-reviżjoni ta' nofs it-term COM(2006) 314 tat-22.6.2006: Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001.
(6) Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001, COM(2006) 314 finali, 22.6.2006.