|
30.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 224/11 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta' l-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni — SOLVENZA II
COM(2007) 361 finali — 2007/0143 (COD)
(2008/C 224/03)
Nhar il-31 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 47(2) u 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta' l-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni — SOLVENZA II (1)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Robyns de Schneidauer.
Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'67 vot favur u astensjoni waħda.
1. Rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni wettqet riformulazzjoni rigoruża ta' bosta direttivi kumplessi u ġabrithom f'dokument wieħed filwaqt li qieset ir-regoli li fuqhom issejsu l-partijiet formulati mill-ġdid. Peress li l-qafas leġislattiv ta' l-UE m'għandux jiffoka biss fuq il-politika prudenzjali, li tindirizza r-rwol tal-kapital fil-provviżjoni tas-servizzi ta' l-assigurazzjoni li huma importanti għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej f'oqsma oħrajn, il-KESE jirriżerva d-dritt li jesprimi l-fehmiet tiegħu fil-waqt propizju dwar ċerti elementi ġodda marbuta mar-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-assiguraturi/riassiguraturi, b'mod partikulari fil-kuntest ta' l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tapprofondixxi aktar il-ħidma tagħha dwar l-armonizzazzjoni ta' l-aspetti legali tar-relazzjoni bejn it-titulari tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-assiguratur, kif qed jiġi analizzat bħalissa fil-kuntest tal-ħidma marbuta mal-“qafas komuni ta' referenza” taħt it-tmexxija tad-DĠ SANCO. |
|
1.2 |
B'mod ġenerali, il-KESE japprova d-Direttiva Qafas Solvenza II tal-Kummissjoni u huwa sodisfatt bil-konsultazzjoni wiesgħa li ppreċedietha. L-approċċ tal-Kummissjoni jirrispetta l-prinċipji tar-“regolamentazzjoni aħjar” li stabbilixxiet għaliha nnifisha. Madankollu, il-konsultazzjonijiet dwar dawn it-tipi ta' riformi għandhom jagħtu attenzjoni xierqa lill-fehmiet ta' l-impjegati u l-konsumaturi, li għandhom interess evidenti fir-riżultat tal-proċedimenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa fora adegwati, bħall-FINUSE, sabiex dawn il-konsultazzjonijiet ikunu jisgħtu jsiru. |
|
1.3 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' approċċ ekonomiku bbażat fuq ir-riskju biex jiġu evalwati r-rekwiżiti kapitali tas-solvenza (SCR) tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni, u approċċ imsejjes fuq il-karta tal-bilanċ, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni ekonomika kompluta ta' l-attivi u l-passivi (assets and liabilities), biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. L-għan ta' dan l-approċċ huwa li jirrifletti korrettament l-espożizzjoni potenzjali għar-riskji u l-istrumenti maħsuba għall-mitigazzjoni tar-riskju ta' l-intrapriżi. Dan l-approċċ, minbarra li huwa ekonomikament korrett, għandu l-vantaġġ li jevita kwalunkwe possibilità ta' arbitraġġ regolatorju u, fl-istess ħin, jassigura l-istess livell adegwat ta' protezzjoni lit-titulari ta' l-assigurazzjoni fl-Ewropa kollha, indipendentement mill-istatut legali, daqs jew lokalità tal-kumpanija. |
|
1.4 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-introduzzjoni ta' l-approċċ imsejjes fuq it-tliet pilastri fir-rigward tal-superviżjoni prudenzjali, li jissodisfa r-rekwiżiti kapitali stabbiliti f'Basel II — li oriġinarjament tħejjew għas-settur bankarju, iżda li għal dan il-każ qiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur ta' l-assigurazzjoni. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza taż-żieda tal-proċess tas-sorveljanza prudenzjali u l-eżiġenzi kwalitattivi (Pilastru II), kif ukoll l-introduzzjoni ta' prinċipji li jirregolaw ir-rappurtar superviżorju u l-iżvelar pubbliku (Pilastru III), flimkien mad-definizzjoni tar-rekwiżiti kapitali kwantitattivi bbażati fuq ir-riskju, għall-adegwatezza tas-superviżjoni prudenzjali ta' l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni. |
|
1.5 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' sistema tas-solvenza bbażata fuq żewġ rekwiżiti kapitali, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (SCR) u r-Rekwiżit Kapitali Minimu (MCR), li kull wieħed minnhom jaqdi skop differenti. L-SCR għandu jirrifletti l-livell ta' kapital li kwalunwe intrapriża għandha tilħaq f'kondizzjonijiet operattivi normali, filwaqt li l-MCR għandu jirrifletti livell ta' kapital li f'każ li ma jintlaħaqx, għandu jsir l-aktar intervent superviżorju radikali possibbli. Il-KESE jixtieq li jittieħdu miżuri regolamentari f'Livell II biex kemm il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kalkolu ssemplifikat tas-SCR (Artikolu 108) kif ukoll iċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-bżonn li ssir talba għal kapital addizzjonali tas-solvenza jkunu ċċarati. |
|
1.6 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-kalkoli ta' l-MCR u l-SCR għandhom ikunu strettament allinjati ma' xulxin u għalhekk it-tnejn li huma għandhom ikunu msejsa fuq approċċ li jkun “sensittiv” għar-riskji, bl-għan li ssir implimentazzjoni korretta ta' sensiela ta' interventi superviżorji li tassigura li kemm il-kumpanija ta' l-assigurazzjoni kkonċernata kif ukoll l-awtorità ta' sorveljanza jkollhom ħin biżżejjed biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex tissolva s-sitwazzjoni f'każijiet fejn l-SCR ma jkunx ġie rispettat. |
|
1.7 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-prinċipju tal-proporzjonalità inkluż fid-Direttiva proposta, li bis-saħħa tiegħu l-intrapriżi kollha jkunu jistgħu japplikaw il-qafas ta' l-UE msejjaħ Solvenza II. Il-KESE jixtieq li jittieħdu miżuri regolamentari fil-Livell II biex dan il-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità (Artikolu 28.3) ikun iċċarat aktar, bl-għan li l-adegwatezza tar-rekwiżiti u, f'każ ta' bżonn, tal-miżuri korrettivi, jistgħu jiġu aċċertati b'aktar sikurezza. Madankollu, dan m'għandux iwassal għal paraliżi regolatorja. Il-KESE jirrakkomanda li l-prinċipju jiġi applikat effettivament u b'mod konsistenti fl-Ewropa kollha, u għandhom jiġu stabbiliti mezzi effettivi biex isir appell permezz ta' proċessi amministrattivi jew, f'każ ta' bżonn, permezz tal-qrati, biex b'hekk jiġi garantit li l-prinċipju jkun rispettat. |
|
1.8 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tħares id-diversità tas-suq ta' l-assigurazzjoni billi tqis ir-rwol ta' l-assiguraturi ż-żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll tal-kumpaniji mutwalistiċi u kooperattivi ta' l-assigurazzjoni. Peress li ħafna minnhom joperaw fi swieq ristretti ħafna (niche markets), il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-approċċ standard iħalli lok għall-flessibilità biex per eżempju ikun rikonoxxut l-użu ta' data proprja u aktar rilevanti u ta' metodoloġiji aċċettati mill-maġġoranza, mingħajr, madankollu, ma tittiefes il-kompetizzjoni ġusta fost l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni. Il-possibilità li l-kumpaniji mutwalistiċi ta' l-assigurazzjoni jitolbu lill-membri tagħhom jikkontribwixxu għat-titjib tas-solvenza tagħhom — kif rajna fil-prattika — għandha tiġi analizzata u kkunsidrata. |
|
1.9 |
Il-KESE jagħraf l-importanza li tingħata lis-superviżjoni tal-gruppi ta' l-assigurazzjoni li, għalkemm huma pjuttost żgħar bħala ammont ta' intrapriżi, madankollu jikkostitwixxu parti kbira mis-suq ta' l-assigurazzjoni fl-UE. Għalhekk il-KESE jemmen li l-introduzzjoni tas-superviżjoni fil-livell tal-gruppi hija pass siewi 'l quddiem li twassal biex is-sorveljaturi tal-gruppi u l-awtoritajiet superviżorji l-oħra kollha jtejbu l-fehim tagħhom tal-profil ta' riskju tal-grupp kollu kemm hu. Nirrakkomandaw li jkun hemm l-akbar armonizzazzjoni u trasparenza possibbli u qsim ċar tar-responsabilità ta' dawn l-awtoritajiet ta' sorveljanza. |
|
1.10 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' sistema ottimali li tagħti lok biex il-gruppi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-fondi proprji tagħhom aktar faċilment, li twassal biex il-mobilità tal-kapital fi ħdan il-grupp titjieb u l-grupp innifsu jkun provdut b'sistema prattika u trasparenti biex jibbenifika mir-rikonoxximent ta' l-effetti tad-diversifikazzjoni fil-livell tal-grupp mingħajr ma jiġi affettwat il-livell tar-rekwiżiti kapitali tas-sussidjarji tal-grupp. Ser jenħtieġ li l-livelli kapitali reali tas-sussidjarji tal-grupp jiġu kkunsidrati, minħabba li parti minnhom se jkunu koperti minn dikjarazzjonijiet ta' sostenn tal-grupp milli minn attivi likwidi jew l-ekwivalenti tagħhom. Il-KESE jinnota li l-effetti tad-diversifikazzjoni tal-gruppi jiġu rikonoxxuti biss jekk jintuża l-metodu standard għall-kalkolu ta' l-SCR u li anke l-proposta għandha tagħti lok għar-rikonoxximent ta' l-effetti tad-diversifikazzjoni tal-gruppi mingħajr l-użu tal-mekkaniżmu tas-sostenn tal-grupp(i). |
|
1.11 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi evalwat l-impatt tas-sistema ottimali proposta fuq il-kompetizzjoni fil-livell lokali, il-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur f'sitwazzjonijiet kemm normali kif ukoll kritiċi, li m'għandux ikun inqas mil-livell previst fis-sistema standard, u kjarifika ta' kwistjonijiet legali u prattiċi, inkluża s-sigurtà tat-trasferimenti transkonfinali tal-fondi bejn kumpaniji differenti fi ħdan grupp wieħed, bħal per eżempju restrizzjonijiet legali, fil-livell nazzjonali, li jxekklu t-trasferimenti tal-kapital (bħas-sostenn tal-gruppi) lil kumpanija sussidjarja lokalizzata fi Stat Membru ieħor. |
|
1.12 |
Il-KESE jistenna li l-awtoritajiet tal-Livell II jikkunsidraw ir-riżultati tar-raba' fażi ta' l-istudju dwar l-impatt kwantitattiv (QIS4), li x-xogħol dwaru kien għaddej meta ġiet adottata din l-opinjoni. |
|
1.13 |
Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li d-direttiva tiġi applikata b'mod armonizzat, u li tiġi evitata l-prattika ta' “goldplating” jew l-applikazzjoni ta' politiki diverġenti permezz ta' l-użu ta' opzjonijiet. |
|
1.14 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tassigura l-previdibbiltà tal-prattiki prudenzjali, bl-għan li l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni jingħataw il-livell ta' ċertezza li jeħtieġu biex jiżviluppaw il-politika tagħhom marbuta mar-riskju u s-solvenza. |
|
1.15 |
Il-KESE jagħraf l-importanza ta' l-aspetti marbuta mal-mitigazzjoni tar-riskji, bħall-iskambju ta' data affidabbli bejn l-assiguraturi u l-gruppi ta' l-assigurazzjoni (pools) għall-proġett Solvenza II. Dawn jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq ta' l-operaturi l-ġodda u l-operaturi ż-żgħar u jippermettulhom iżidu l-kapaċità disponibbli kif ukoll li jnaqqsu l-marġini ta' inċertezza fir-rigward tal-primjums tagħhom. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra din il-korrelazzjoni fir-reviżjoni tagħha tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali fis-settur ta' l-assigurazzjonijiet. |
|
1.16 |
Il-KESE jikkongratula lill-Kummissjoni u l-kumitati Lamfalussy kkonċernati għar-rwol ewlieni li qdew f'dan il-proċess ta' riforma billi applikaw l-aħjar prattiki u jissensibilizzaw l-operaturi fis-suq Ewropew kollu. Id-direttiva proposta tirrappreżenta punt ta' referenza ġenwin għal ħafna aktar ġurisdizzjonijiet u setturi tas-servizzi finanzjarji. Madankollu, il-konsultazzjonijiet dwar dawn it-tipi ta' riformi għandhom jagħtu attenzjoni xierqa lill-fehmiet ta' l-impjegati u l-konsumaturi, li għandhom interess evidenti fir-riżultat tal-proċedimenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa fora adegwati, bħall-FINUSE, sabiex dawn il-konsultazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru. |
|
1.17 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex id-dispożizzjonijiet dwar is-solvenza ta' fornituri ta' servizzi finanzjarji oħra, irrispettivament min-natura tagħhom, jinġiebu fil-livell tad-direttiva Solvenza II, b'konformità mal-prinċipju “l-istess riskji, l-istess regoli”. Fid-dawl ta' l-instabilità tas-swieq finanzjarji, il-konsumaturi jew il-benefiċjarji għandhom jirċievu l-istess livell għoli ta' protezzjoni fil-qasam tas-solvenza. L-eżistenza ta' kondizzjonijiet ta' parità b'rabta mar-rekwiżiti kapitali tas-solvenza hija essenzjali wkoll għall-promozzjoni ta' ambjent kompetittiv ġust fis-suq finanzjarju. |
|
1.18 |
Il-prinċipji tal-qafas Solvenza II għandhom iservu ta' referenza għall-introduzzjoni ta' standards ġodda fil-qasam tas-solvenza, per eżempju fil-qafas tar-reviżjoni tad-direttiva dwar l-IPIO (2), b'mod partikulari fir-rigward ta' l-iżvilupp tad-dmirijiet tal-provvedituri tal-pensjonijiet privati fl-UE kollha. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Din il-proposta għal Direttiva dwar qafas ġdid ta' solvenza għall-intrapriżi privati ta' l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, imsejjaħ Solvenza II, qed tintroduċi sistema riveduta bl-għan li t-titulari tal-poloz ta' l-assigurazzjoni u l-benefiċjarji jkunu protetti aħjar, biex l-integrazzjoni tas-suq uniku ta' l-assigurazzjoni fl-UE tissaħħaħ u biex il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-assigurazzjoni ta' l-UE kif ukoll ta' l-assiguraturi u r-riassiguraturi individwali titjieb. Fl-istess ħin, il-proposta tiġbor għadd ta' ġenerazzjonijiet ta' direttivi ta' l-assigurazzjoni u tirriformulahom f'direttiva waħda. Dan il-qafas għandu jiġi applikat kemm għall-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni, kif ukoll għall-intrapriżi tar-riassigurazzjoni. |
|
2.2 |
Il-Kummissjoni u l-kumitati Lamfalussy, li laqqgħu għadd ta' regolaturi u sorveljaturi, għamlu konsultazzjoni bir-reqqa u kontinwa mal-partijiet interessati kollha u qdew rwol ewlieni fit-twaqqif ta' prattiki innovattivi f'ambjent globali, b'mod partikulari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Ir-riżultat ta' dan huwa Solvenza II, li jgħodd fost l-aktar sensiela ta' regoli sofistikati fil-qasam tas-solvenza fis-settur assigurattiv fid-dinja u minħabba f'hekk, l-Ewropa tisboq bosta ġuridizzjonijiet oħra. Madankollu, il-konsultazzjonijiet dwar dawn it-tipi ta' riformi għandhom jagħtu attenzjoni xierqa lill-fehmiet ta' l-impjegati u l-konsumaturi, li għandhom interess evidenti fir-riżultat tal-proċedimenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa fora adegwati, bħall-FINUSE, sabiex dawn il-konsultazzjonijiet ikunu jisgħu jsiru. |
3. Kuntest
|
3.1 |
Il-qafas tas-solvenza propost għandu l-għan li jtejjeb l-istabilità u l-affidabilità finanzjarja tas-suq Ewropew ta' l-assigurazzjoni. Dan għandu jaġevola kemm il-kompetittività ta' l-industrija Komunitarja ta' l-assigurazzjoni kif ukoll l-assiguraturi u r-riassiguraturi individwali u l-konsumaturi fir-rigward tas-sikurezza. Swieq ta' l-assigurazzjoni affidabbli huma ta' importanza essenzjali għall-istruttura ekonomika ta' l-Unjoni Ewropea. |
|
3.2 |
L-ewwel u qabel kollox, l-assigurazzjoni taġixxi bħala strument ta' protezzjoni individwali u kollettiva. Fost il-klijenti tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni nsibu familji, SMEs, korporazzjonijiet kbar, assoċjazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi. L-impenji tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni jirrigwardaw kemm lill-klijenti tas-servizzi ta' l-assigurazzjoni kif ukoll tad-dipendenti u l-partijiet terzi. Il-KESE huwa partikularment konxju minn dan l-impatt fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Minbarra l-importanza tagħha fis-swieq tal-protezzjoni f'każ ta' mewt, l-assigurazzjoni saret provveditur sostanzjali ta' prodotti maħsuba għat-tfaddil tal-flus. Il-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni jipparteċipaw fil-ġestjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, bħall-pensjonijiet (pajjiżi Nordiċi), is-sistemi ta' kumpens f'każ ta' aċċidenti fuq il-post tax-xogħol (BE, FI, PT) u s-sistemi nazzjonali għall-kura tas-saħħa (IE, NL), ta' spiss permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-kumpaniji ta' l-assigurazzjonijipprovdu benefiċċji għall-impjegati li, kulma jmur qed isiru aktar importanti għall-ħaddiema, li qed tirrendihom atturi importanti. L-assigurazzjoni tipprovdi protezzjoni kontra riskji ġodda bħad-diżastri naturali, l-assigurazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba u t-terroriżmu, xi drabi permezz ta' sħubiji bejn l-assiguraturi/ir-riassiguraturi u l-gvernijiet. |
|
3.3 |
Is-suq ta' l-assigurazzjoni jiffunzjona bħala lieva importanti għall-ekonomija kollha kemm hi, minħabba li jappoġġja l-inizjattiva u joħloq il-fiduċja, u barraminhekk huwa fih innifsu fattur ekonomiku konsiderevoli, meta nqisu li joħloq impjiegi għal madwar miljun ruħ fl-Ewropa (3). Il-Kummissjoni stmat li d-direttiva proposta tfisser investimenti addizzjonali ta' EUR 2 sa 3 biljun għall-assiguraturi u s-sorveljaturi. Huwa mistenni li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-investimenti jintefqu fuq il-kapital uman, li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi — li jirrikjedu livell għoli ta' kwalifiki — għal perijodu twil fil-livell lokali (fosthom ġestjonarji tar-riskji, attwarji, esperti fil-qasam ta' l-ICT u uffiċjali responsabbli mill-konformità). Il-KESE jemmen li dan l-investiment għandu jipprovdi valur lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-konsumaturi u l-benefiċjarji. |
|
3.4 |
Minbarra dawn l-impjiegi diretti, id-distribuzzjoni ta' l-assigurazzjoni permezz ta' l-aġenti u s-sensara (brokers) u l-impjegati tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni nnifishom żżid miljun impjieg ieħor. Permezz ta' investimenti li jlaħħqu għal aktar minn EUR 6 500 biljun (4), l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jsarrfu f'investituri istituzzjonali importanti. Għaldaqstant, għandhom ir-responsabilità li jittrasformaw il-primjums individwali f'pool ta' attivi finanzjarji proporzonalment għar-riskji meħuda, u li jassiguraw, għall-perijodu medju u fit-tul, is-sigurtà tat-titulari tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-benefiċjarji. |
|
3.5 |
Il-familji, l-SMEs, il-korporazzjonijiet il-kbar u l-korpi pubbliċi jikkontribwixxu primjums li jgħoddu għal aktar minn 5 % tal-PGD fir-rigward ta' l-assigurazzjoni tal-ħajja (5) u aktar minn 3 % fir-rigward ta' l-assigurazzjoni li m'hijiex tal-ħajja. Saħansitra fis-swieq maturi, ir-rata tat-tkabbir ta' l-assigurazzjoni teċċedi t-tkabbir ta' l-ekonomija kollha kemm hi l-biċċa l-kbira tal-ħin. L-investimenti ta' l-assiguraturi jirrappreżentaw 'il fuq minn 50 % tal-PGD (6) u nofshom huma magħmula minn attivitajiet b'redditu fiss u self (7), filwaqt li t-total ta' l-investimenti tagħhom b'rendiment varjabbli huwa madwar kwart tal-kapitalizzazzjoni tal-borża fiż-żona Komunitarja (8). |
|
3.6 |
Allavolja dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna mergers (fużjonijiet) fl-industrija ta' l-assigurazzjoni, għad hemm madwar 5 000 kumpanija ta' l-assigurazzjoni fl-Ewropa (9). Il-gruppi finanzjarji l-kbar jista' jkollhom diversi sussidjarji ta' l-assigurazzjoni f'pajjiżi differenti. Il-gruppi fis-settur ta' l-assigurazzjoni jistgħu jiżvolġu diversi tipi ta' attivitajiet (riassigurazzjoni, assigurazzjoni tal-ħajja/mhux tal-ħajja, medjazzjoni ta' l-assigurazzjoni) u fil-kuntest usa' tas-servizzi finanzjarji (inklużi s-servizzi bankarji, bancassurance u ipoteki). Barraminhekk, il-gruppi jistgħu jkunu magħmlu minn intrapriżi prinċipali u s-sussidjarji tagħhom, iżda jinkludu wkoll intrapriżi konġunti (joint ventures), holding structures, eċċ. L-akbar 20 grupp jiġbru madwar nofs tad-dħul mill-primjums fl-Ewropa (10). Is-soċjetajiet kooperattivi u mutwalistiċi ta' l-assigurazzjoni għandhom parti sostanzjali mis-suq. Dawn ta' l-aħħar ta' spiss jintrabtu intrinsikament ma' numru kbir ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jgħoddu għal 30 % tad-dħul mill-primjums fl-Ewropa (11). |
|
3.7 |
Il-kriżi finanzjarja attwali, li nħolqot permezz tal-prattiki tas-self tal-mutwi subprime fl-Istati Uniti, tixħet dawl fuq il-bżonn ta' standards tas-solvenza sodi u li jissawru bir-reqqa, b'tali mod li l-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni jkunu jistgħu jissodisfaw l-impenji tagħhom saħansitra taħt kondizzjonijiet restrittivi. Biex jintlaħaq dan l-għan, jenħtieġu regoli, metodi għall-ġestjoni u stress tests (simulazzjonijiet ta' kriżi). |
4. Approċċ leġislattiv
|
4.1 |
B'konformità mal-programm Regolamentazzjoni Aħjar“, il-Kummissjoni għamlet xogħol bir-reqqa u daħlet fil-fond tad-direttiva Solvenza II, mingħajr ma naqset li tqis ir-regoli li” jkopru l-partijiet irriformulati tad-dokument. Bis-saħħa ta' diversi evalwazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-impatt u ta' konsultazzjonijiet, il-preokkupazzjonijiet ta' l-industrija u ta' l-awtoritajiet ta' sorveljanza ġew indirizzati. Ġew previsti analiżi u konsultazzjonijiet ġodda dettaljati. |
|
4.2 |
Il-proposta tal-Kummissjoni hija l-hekk imsejħa Direttiva “Lamfalussy”, imsejsa fuq l-istruttura fuq erba' livelli ta' l-arkitettura Lamfalussy għas-servizzi finanzjarji. Id-dispożizzjnijiet b'rabta mal-Livell 1 tad-direttiva huma msejsa fuq prinċipji, u jipprovdu l-bażi għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi fil-Livell 2, kif ukoll istruzzjonijiet dwar il-konverġenza superviżorja fil-Livell 3 tal-proċess. Dan l-approċċ huwa maħsub biex is-sistema tkun tista' tiġi adattata minnufih biex tirrifletti t-tibdil fis-suq, l-iżviluppi internazzjonali fil-kontabilità u r-regolamentazzjoni ta' l-assigurazzjoni/riassigurazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-esperjenzi u l-metodoloġiji l-ġodda. It-tfassil ta' speċifikazzjonijiet dettaljati dwar il-kalkoli fl-Artikoli tad-Direttiva jikkomprometti t-tifsira nnifisha ta' dan il-proċess leġislattiv innovattiv. Il-Livelli 2 u 3 huma aktar adegwati biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. |
|
4.3 |
Is-sistema l-ġdida hija strutturata f'forma ta' tliet pilastri, simili għar-rekwiżiti kapitali tas-settur bankarju f'Basel II, iżda dawn jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tas-settur ta' l-assigurazzjoni. Il-Pilastru 1 (Artikoli 74-142) jiddefinixxi r-rekwiżiti finanzjarji kwantitattivi, il-Pilastru II (Artikoli 27-34, 36-38, 40-49, 181-183) jindirizza l-proċess ta' analiżi superviżorja u r-rekwiżiti kwalitattivi u l-Pilastru III (Artikoli 35, 50-55) jirregola r-rappurtar superviżorju u l-iżvelar pubbliku. Dawn it-tliet Pilastri m'humiex indipendenti minn xulxin iżda jikkomplementaw wieħed lil ieħor biex jintlaħqu l-objettivi ta' din is-sistema. Għandhom jiġu kkunsidratti l-interazzjonijiet bejn id-dispożizzjonijiet fid-diversi pilastri. |
|
4.4 |
Ir-reviżjoni tas-sistema attwali tas-solvenza serviet ukoll ta' opportunità biex it-13-il Direttiva dwar l-assigurazzjoni/riassigurazzjoni jiġu formulati mill-ġdid f'direttiva ssemplifikata waħda li fiha ġew integrati r-regoli l-ġodda tas-solvenza. Fiha għadd ta' emendi ta' natura mhux sostantiva biex il-formulazzjoni tad-direttiva proposta tittejjeb. Tneħħew l-artikoli, jew partijiet mill-artikoli, li m'għadhomx validi. |
5. Aspetti ġenerali
|
5.1 |
Matul dawn l-aħħar 30 sena, sensiliet suċċessivi ta' għadd ta' direttivi ta' l-UE ħolqu suq Ewropew ta' l-assigurazzjoni/riassigurazzjoni irregolat minn sett komuni ta' regoli, fosthom il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku u tal-kontroll min-naħa tal-pajjiż ta' oriġini. Ħolqu suq miftuħ għall-operaturi lilhinn mill-UE u ħeġġu lill-assiguraturi fl-UE biex jespandu fi swieq barra l-UE, l-aktar fl-Amerika ta' Fuq, l-Asja u f'pajjiżi li jistgħu jiġu kkunsidrati kandidati biex jingħaqdu ma' l-UE. |
|
5.2 |
Ir-regolamentazzjoni innovattiva proposta fil-qasam tas-solvenza tassigura li l-assiguraturi jkunu finanzjarjament solidi u kapaċi jirreżistu kwalunkwe pressjoni biex iwettqu l-wegħdiet kuntrattwali tagħhom lit-titulari tal-poloz ta' l-assigurazzjoni u jiggarantixxu sistema finanzjarja stabbli. Importanti nenfasizzaw li l-konsumaturi kollha ta' dawn is-servizzi finanzjarji jistħoqqilhom din il-protezzjoni msaħħa. Għadd ta' operaturi tas-suq m'humiex suġġetti għar-regolamentazzjoni fil-qasam ta' l-assigurazzjoni, bħall-provvedituri okkupazzjonali tal-pensjonijiet jew l-istituzzjonijiet tat-tfaddil u l-investiment. |
|
5.3 |
Regoli tas-solvenza armonizzati joħolqu l-fiduċja, mhux biss fost il-konsumaturi iżda wkoll fost is-sorveljaturi. Din il-fiduċja hija element determinanti biex suq Ewropew mogħni b'rikonoxximent reċiproku u kontroll min-naħa tal-pajjiż ta' oriġini jaħdem fil-prattika. Ir-regoli attwali Komunitarji fil-qasam tas-solvenza (Solvenza I) għadda żmienhom. M'humiex intiżi li jittrattaw ir-riskji speċifiċi li jkollha l-entità li tipprovdi l-assigurazzjoni, u dan iwassal biex l-intrapriżi bi profil ta' riskju differenti japplikaw l-istess rekwiżiti tas-solvenza. Barraminhekk, ir-regoli attwali tas-solvenza jiffukaw l-aktar fuq il-konformità finanzjarja, u jsegwu approċċ imsejjes fuq ir-regoli milli fuq ġestjoni tajba u ma jindirizzawx is-superviżjoni fil-livell tal-gruppi adegwatament. Fl-aħħarnett, il-qafas leġislattiv attwali ta' l-UE jagħti wisq opportunitajiet lill-Istati Membri għal varjazzjonijiet nazzjonali, u b'hekk jikkomprometti l-effiċjenza tas-superviżjoni ta' l-operazzjonijiet multinazzjonali u l-prinċipju tal-parità tal-kondizzjonijiet. Fid-dawl ta' dawn in-nuqqasijiet, is-sistema attwali kienet issuperata mill-iżviluppi fis-settur u fil-livelli internazzjonali u trans-settorjali. L-istandards il-ġodda tas-solvenza definiti fil-proposta għad-Direttiva, fi kliem ieħor jirriflettu tendenza diġà stabbilita mill-operaturi li huma konxji tar-riskji eżistenti u mis-sorveljaturi minn pajjiżi differenti. |
|
5.4 |
Għall-kuntrarju tal-qafas Solvenza I, ir-riforma tiffoka fuq il-kwalità reali tal-ġestjoni tar-riskji fl-intrapriża u fuq prinċipji u objettivi aktar milli fuq regoli li ma jqisux il-profili ta' riskju speċifiċi tal-kumpaniji. Għandha l-għan ukoll li tarmonizza l-prattika tas-superviżjoni fiż-ŻEE. |
|
5.5 |
Essenzjalment, is-sistema l-ġdida l-ewwel tipprovdi lis-sorveljaturi u l-assiguraturi bi strumenti tas-solvenza sofistikati, mhux biss biex jilqgħu kontra kwalunkwe pressjoni rigward ir-riskji ta' l-assigurazzjoni, bħall-għargħar, it-tempesti jew id-diżgrazzji tat-traffiku, iżda wkoll ir-riskji tas-suq, tal-kreditu u r-riskji ta' operazzjoni wkoll. Bil-maqlub tal-leġislazzjoni preżenti, l-assiguraturi u r-riassiguraturi se jinħtieġu jkollhom kapital b'mod proporzjonat għar-riskju ta' solvenza ġenerali, u għandhom jikkunsidraw mhux biss l-elementi kwantitattivi iżda wkoll dawk l-elementi kwalitattivi li jkollhom impatt fuq il-profil ta' riskju ta' l-intrapriża. |
|
5.6 |
Is-sistema hija bbażata fuq approċċ ekonomiku li jkun “sensittiv” għar-riskji, li għandu l-għan li jassigura li l-espożizzjoni ġenwina għar-riskji u l-iskemi tal-mitigazzjoni tar-riskji jkunu riflessi adegwatament, biex b'hekk jiġu eliminati l-possibilitajiet ta' arbitraġġ regolatorju li jxekklu u jdgħajfu l-protezzjoni li hija disponibbli lit-titular tal-polza. Dan ifisser ukoll li r-rekwiżiti kapitali għandhom jippermettu allokazzjoni ottimali tal-kapital u jagħtu inċentivi għal ġestjoni aktar effikaċi tar-riskju intern. |
|
5.7 |
It-tieninett, il-qafas Solvenza II jenfasizza r-responsabilità tal-korpi tat-tmexxija fi ħdan il-kumpaniji ta' l-assiguraturi biex jiggarantixxu li l-ġestjoni tar-riskju titmexxa b'mod sod u jħabrek biex isaħħaħ il-prattika tajba fis-settur. Is-soċjetajiet ta' l-assigurazzjoni se jkunu meħtieġa jiffukaw fuq l-identifikazzjoni attiva, il-kejl u l-ġestjoni tar-riskji u jikkunsidraw l-iżviluppi futuri, bħal per eżempju pjanijiet azjendali ġodda jew il-possibilità ta' avvenimenti katastrofiċi li jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom. Barraminhekk, ir-riforma proposta titlob li jevalwaw ir-rekwiżiti kapitali tagħhom fid-dawl tar-riskji kollha permezz tal-“Valutazzjoni tar-Riskju Proprju u tas-Solvenza” (ORSA), filwaqt li l-“Proċess ta' Analiżi Superviżorja” (SRP) se jibdel l-enfasi tas-sorveljaturi mill-konformità legali u l-monitoraġġ kapitali għall-evalwazzjoni tal-profili ta' riskju ta' l-assiguraturi nnifishom u l-kwalità tal-ġestjoni tar-riskji tagħhom u s-sistemi ta' gvernanza permezz ta' per eżempju, mekkaniżmi ta' twissija bikrija u stress tests. Bl-istess mod, tinkuraġġixxi kooperazzjoni u konverġenza superviżorja, per eżempju billi ssaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS), li jservi ta' pass ieħor fid-direzzjoni ta' aktar unità fis-sorveljar tas-servizzi finanzjarji, li l-KESE jappoġġja. |
|
5.8 |
It-tielet aspett, li huwa daqstant importanti, jirrigwarda t-tentattiv li tittejjeb l-effiċjenza tas-superviżjoni tal-gruppi ta' l-assigurazzjoni, permezz ta' “sorveljatur tal-gruppi” fil-pajjiż ta' oriġini. Is-superviżjoni tal-gruppi tassigura li r-riskji li jolqtu lill-gruppi kollha kemm huma ma jkunux traskurati u fl-istess ħin jgħinu lill-gruppi jaħdmu b'mod aktar effikaċi, filwaqt li d-detenturi tal-poloz ikunu provduti b'livell għoli ta' protezzjoni. Is-superviżur tal-gruppi ser ikollu responsabilitajiet speċifiċi li għandu jaqdi billi jikkoopera mill-qrib mas-sorveljaturi nazzjonali rilevanti; fl-istess ħin ikollu r-responsabilità wkoll li jieħu deċiżjoni dwar numru żgħir ta' kwistjonijiet. Is-sorveljaturi lokali huma inkuraġġuti jaqdu rwol attiv fil-kulleġġ tas-sorveljaturi, għax għandhom dritt għall-ko-deċiżjoni ġaladarba jkun jista' jintlaħaq ftehim. Dan jitlob li jintuża approċċ differenti sabiex iċ-ċirkustanzi ekonomiċi u l-potenzjal b'rabta mad-diversifikazzjoni tar-riskji tal-gruppi jkunu jistgħu jintgħarfu. |
|
5.9 |
Ir-raba' nett, id-Direttiva Solvenza II tintroduċi aktar trasparenza u oġġettività, kemm fir-rigward ta' l-informazzjoni pprovduta mill-intrapriża dwar il-kondizzjoni finanzjarja tagħha u dwar ir-riskji marbuta ma' dan, kif ukoll fir-rigward tal-proċess ta' analiżi superviżorja Attwalment, il-prattiki tas-superviżjoni għandhom it-tendenza li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u dan jagħti lok għal arbitraġġ regolatorju. Kemm mil-lat tal-politika Ewropea f'dan il-qasam u ta' l-assiguraturi li jixtiequ jidħlu f'suq nazzjonali ġdid, importanti li l-prattiki superviżorji mhux biss ikunu oġġettivi u trasparenti, iżda wkoll previdibbli u ddokumentati bir-reqqa. |
6. Analiżi bir-reqqa
6.1 Rekwiżiti finanzjarji (Pilastru I)
(Artikoli 74-142)
|
6.1.1 |
Is-sistema l-ġdida tieħu approċċ imsejjes fuq “il-karta tal-bilanċ kollha” fid-definizzjoni tar-rekwiżiti kwantitattivi għall-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni; skond dan l-approċċ, l-attivi (12) u l-passivi jitkejlu skond approċċ li jirrifletti konsistenza mas-suq u r-riskji li jistgħu jkunu kwantifikati marbuta magħhom ikunu riflessi espliċitament f'termini ta' rekwiżiti kapitali. Il-kejl ta' l-attivi u l-passivi skond il-kondizzjonijiet tal-kummerċ jiggarantixxi li ssir valutazzjoni oġġettiva u koerenti. Jiggarantixxi wkoll li jingħata l-valur korrett għal kwalunkwe opzjonalità inerenti fihom. Din it-tip ta' valutazzjoni — realistika u li timmira għall-ġejjieni — hija l-aktar forma effettiva ta' protezzjoni biex tilqa' għal kwalunkwe preġudizzju potenzjali li jista' jipperikola d-drittijiet tal-partijiet interessati kollha. |
|
6.1.2 |
F'dan il-kuntest ta' valutazzjoni, tingħata rilevanza partikulari lill-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi, i.e. l-obbligi fir-rigward tat-titulari tal-poloz u benefiċjarji oħra. Il-kejl tad-dispożizzjonijiet tekniċi b'tali mod li jirriflettu l-iżvilupp tas-suq isir meta tiġi kkalkulata “l-aħjar stima”, li tfisser il-medja tal-flussi tal-flus futuri mwieżna mill-probabbiltà, filwaqt li jitqies il-valur temporali tal-flus, u ma' dan jiżdied il-marġni tar-riskju. Dan l-approċċ għandu jassigura li l-valur ġenerali tad-dispożizzjonijiet tekniċi huwa ekwivalenti għall-ammont li tkun mistennija teħtieġ parti terza biex tkun tista' tieħu f'idejha l-portafoll ta' l-assigurazzjoni u tissodisfa l-obbligi relatati. Il-kalkoli għandhom jużaw l-informazzjoni pprovduta mis-swieq finanzjarji u d-data disponibbli fil-qasam tar-riskji ta' l-assigurazzjoni u jikkonformaw magħhom. |
|
6.1.3 |
Fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali, is-sistema l-ġdida tas-solvenza tinkorpora żewġ rekwiżiti kapitali, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (SCR) u r-Rekwiżit Kapitali Minimu (MCR), li jaqdu skopijiet differenti u għalhekk jiġu kkalkulati b'mod differenti. |
|
6.1.4 |
L-SCR jiddefinixxi livell immirat ta' kapital li għandu jilħaq kwalunkwe assiguratur f'kondizzjonijiet ta' funzjonament normali; jekk dan il-livell ma jintlaħaqx l-interventi tas-sorveljaturi għandhom ikunu intensifikati. Din is-sistema tippermetti intervent superviżorju progressiv qabel ma l-kapital jilħaq l-MCR u għalhekk jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli lit-titulari tal-polza u l-benefiċjarji li l-obbligi ta' l-assiguratur jiġu onorati fid-data ta' l-għeluq. Teknikament, l-istrument ta' l-SCR huwa maħsub li jkun iddisinjat u kkalibrat biex jiddefinixxi livell ta' kapital, li jgħin biex kwalunkwe intrapriża tkun tista' tassorbi telf sostanzjali li ma jkunx previst, kalkolu bbażat fuq il-probabbiltà li fuq medda ta' żmien speċifiku, ikun hemm ċerti nuqqasijiet (0,5 % f'medda ta' sena). |
|
6.1.5 |
L-MCR jirrifletti livell ta' kapital li, f'każ ta' bżonn, jiġġenera l-aktar azzjonijiet superviżorji radikali. Il-kalkolu ta' l-MCR għandu jippermetti firxa adegwata meta mqabbel ma' l-SCR, biex jiġi assigurat li jkun hemm marġni adegwat biex l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jintervjenu. |
|
6.1.6 |
Fil-prattika, l-assiguratur jista' jikkalkula l-SCR jew billi juża formula standard inkella billi juża l-mudell intern li ġie approvat mill-awtoritajiet superviżorji. Il-formula standard għandha tirrifletti b'mod adegwat it-tekniki marbuta mal-mitigazzjoni tar-riskji u l-effetti tad-diversifikazzjoni kif ukoll kull forma ta' kapaċità għall-assorbiment tat-telf ta' l-elementi inkorporati fil-karta tal-bilanċ li ma jkunux inklużi fil-kapital disponibbli. L-approċċ — ibbażat fuq ir-riskju — tal-proposta għal direttiva jimplika li mudell intern (parzjali jew sħiħ) jista' jissostitwixxi — permezz ta' validazzjoni superviżorja — il-kalkolu standard, bil-kondizzjoni li jirrifletti aħjar il-profil ta' riskju ta' l-intrapriża. Dan huwa inċentiv essenzjali għar-rikonoxximent u l-ġestjoni interni solidi tar-riskji, kif ukoll għat-taħriġ u r-reklutaġġ ta' persunal bi kwalifiki għolja. |
|
6.1.7 |
Element ieħor li jikkonforma ma' l-għan li tiġi inkuraġġuta l-ġestjoni interna tajba huwa li jiġi applikat il-“prinċipju tal-bonus paterfamilias” (prinċipju tal-persuna prudenti) lill-politika ta' l-investiment, li jippermetti li l-investimenti ma jingħatawx limiti artifiċjali u fl-istess ħin ikunu meħtieġa standards kwalitattivi għoljin u ġustifikazzjoni għal kwalunkwe riskju materjali fil-kalkolu tar-rekwiżit kapitali. |
|
6.1.8 |
Meta nqisu l-kumplessità tar-rekwiżiti, importanti wieħed jinnota li l-proposta attwali tinkorpora proviżjonijiet tali li jippermettu implimentazzjoni proporzjonata u maniġġabbli tar-rekwiżiti tal-Pilastru I. Dan huwa partikularment importanti għall-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Madankollu, dan il-prinċipju tal-proporzjonalità jagħmel referenza mhux ghad-daqs, iżda għan-natura u l-kumplessità tar-riskji li jiffaċċjaw l-intrapriżi. L-SMEs huma suġġetti għal prinċipji prudenzjali ġenerali simili sal-punt li l-profil tar-riskju tagħhom ikun l-istess bħal dak ta' intrapriżi oħra. Il-klijenti u l-benefiċjarji tagħhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni. |
6.2 Proċess ta' analiżi superviżorja u rekwiżiti kwalitattivi (Pilastru II)
(Artikoli 27-34, 36-38, 40-49, 181-183)
|
6.2.1 |
Il-proposta tal-Kummissjoni dwar Solvenza II tiddefinixxi proċessi u strumenti għal attivitajiet u reviżjonijiet superviżorji, inkluża d-definizzjoni tas-setgħat superviżorji, dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn is-sorveljaturi nazzjonali kif ukoll għall-konverġenza superviżorja. Id-dispożizzjonijiet tal-Pilastru II jindirizzaw ukoll ir-rekwiżiti kwalitattivi għall-intrapriżi, i.e. is-sistema ta' gvernanza tagħhom, inkluża sistema ta' kontroll intern effettiv, sistema għall-ġestjoni tar-riskji, funzjoni attwarjali, verifika interna, funzjoni ta' konformità u regoli dwar l-esternalizzazzjoni. |
|
6.2.2 |
L-istrumenti superviżorji għandhom l-għan li jidentifikaw l-istituzzjonijiet b'aspetti finanzjarji, ta' organizzazzjoni jew tipi oħrajn li huma suxxettibbli li jipproduċu profil ta' riskju ogħla, li f'ċirkustanzi eċċezzjonali, jistgħu jintalbu jżommu kapital ta' solvenza ogħla mir-rekwiżit kapitali u/jew jieħdu miżuri biex inaqqsu r-riskji mġarrba. |
|
6.2.3 |
Il-prinċipju tal-proporzjonalita li diġà ssemma japplika għall-proċess ta' analiżi superviżorja wkoll. Is-sorveljaturi għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom waqt li jikkunsidraw id-daqs, in-natura u l-kumplessità tar-riskji ta' l-intrapriża individwali biex ma tintużax sorveljanza eċċessiva, b'mod partikulari fil-konfront tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni ż-żgħar u ta' daqs medju li huma esposti għal livell baxx ta' riskju. |
|
6.2.4 |
Ir-reġim Solvenza II huwa maħsub biex isaħħaħ il-vautazzjoni kwalitattiva mwettqa mis-sorveljaturi dwar il-profil ta' riskju ta' l-intrapriża; Għalhekk huwa importanti li l-miżuri u d-deċiżjonijiet tagħhom jkunu koerenti fil-pajjiżi varji, fl-intrapriżi u tul iż-żmien. Ta' min jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza, l-oġġettività u l-prevedibbiltà tal-miżuri ta' sorveljanza, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-approvazzjoni tal-mudelli interni. |
6.3 Rappurtar superviżorju u żvelar pubbliku (Pilastru III)
(Artikoli 35, 50-55)
|
6.3.1 |
It-trasparenza u l-iżvelar ta' informazzjoni lill-pubbliku (żvelar pubbliku) mill-intrapriżi dwar il-kondizzjoni finanzjarja u l-profil ta' riskju tagħhom għandhom l-għan li jsaħħu d-dixxiplina tas-suq. Barraminhekk, l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta' sorveljanza (rappurtar superviżorju) bl-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva meħtieġa biex jagħmlu kontrolli effettivi u jagħtu orjentazzjonijiet adegwati. |
|
6.3.2 |
L-armonizzazzjoni ta' l-iżvelar pubbliku u r-rappurtar superviżorji hija parti importanti mis-sistema l-ġdida, minħabba li hemm ħtieġa ċara għall-konverġenza biex l-informazzjoni tkun provduta b'tali mod li tkun komparabbli kemm fil-format kif ukoll fil-kontenut fl-Ewropa kollha. Dan l-aspett huwa partikularment importanti fir-rigward tal-gruppi multinazzjonali. |
6.4 Is-superviżjoni tal-gruppi
(Artikoli 210-268)
|
6.4.1 |
Il-leġislazzjoni Komunitarja attwali tikkunsidra s-superviżjoni tal-gruppi bħala supplementari għas-sorveljanza individwali, Li ma tikkunsidrax jekk entità legali speċifika tagħmilx parti minn grupp (eż. kumpaniji sussidjarji) jew le. Għaldaqstant, is-superviżjoni tal-gruppi tiġi sempliċement magħduda mas-superviżjoni individwali, bl-iskop uniku li tevalwa l-impatt tar-relazzjonijiet tal-gruppi fuq l-intrapriża individwali. Għalhekk, is-sistema tas-solvenza Komunitarja attwali ma tirrikonoxxix iċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-gruppi ta' l-assigurazzjoni u ma tagħrafx il-fatt li f'ħafna każijiet, il-ġestjoni tar-riskji titmexxa fil-livell tal-gruppi pjuttost milli fil-livell ta' l-intrapriżi individwali. Il-proposta tas-Solvenza II għandha l-għan li tfittex metodu aktar adegwat għas-superviżjoni tal-gruppi, billi tbiddel il-mod — taħt sensiela ta' kondizzjonijiet — li bih issir is-superviżjoni individwali u tal-gruppi. |
|
6.4.2 |
Għandha tinħatar awtorità waħdanija għas-“superviżjoni tal-gruppi” għal kull grupp ta' l-assigurazzjoni, u għandha terfa' r-responsabilità prinċipali għall-aspetti ewlenin kollha marbuta ma' dan it-tip ta' sorveljanza (solvenza tal-gruppi, transazzjonijiet ta' l-intragruppi, konċentrazzjoni tar-riskji u kontroll intern). Madankollu, is-sorveljatur tal-gruppi u ta' l-intrapriżi individwali għandhom jaqsmu kwalunkwe informazzjoni essenzjali ma' xulxin awtomatikament u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, jekk jintalbu jagħmlu dan. Barraminhekk, is-sorveljatur tal-gruppi għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet ta' sorveljanza individwali qabel ma jieħdu deċiżjonijiet importanti u l-awtoritajiet ta' sorveljanza kkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu deċiżjoni konġunta, għalkemm fil-każ ta' l-approvazzjoni ta' mudell intern tal-gruppi — l-istess bħal fil-każ ta' regolamentazzjoni bankarja — id-deċiżjoni finali għandha tittieħed mis-sorveljatur tal-gruppi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jassiguraw li kemm is-sorveljaturi tal-gruppi kif ukoll dawk individwali jifhmu aħjar il-profil ta' riskju tal-grupp kollu kemm hu u, għaldaqstant, li t-titulari tal-poloz ta' kull entità fi ħdan il-grupp jingħataw aktar protezzjoni. |
|
6.4.3 |
Minbarra titjib fil-kunċett ta' superviżjoni tal-gruppi, il-proposta tintroduċi sistema innovattiva ta' sostenn tal-gruppi. Il-gruppi li jixtiequ jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-kapital tagħhom jistgħu japplikaw biex jingħatalhom permess biex jiġu rregolati skond din is-sistema. Il-gruppi li jiġu awtorizzati jagħmlu dan, ikunu jistgħu — taħt għadd ta' kondizzjonijiet preċiżi — ikopru parti mir-rekwiżiti kapitali (iżda mhux ir-rekwiżit minimu ta' solvenza) tas-sussidjarji permezz ta' dikjarazzjoni ta' sostenn min-naħa tal-gruppi (impenn finanzjarju legalment vinkolanti ta' l-intrapriża prinċipali biex, f'każ ta' bżonn, tipprovdi kapital lill-kumpanija sussidjarja). Biex is-sistema ta' sostenn tal-gruppi titmexxa b'mod effiċjenti, ġew introdotti għadd ta' derogi addizzjonali mis-superviżjoni individwali. Meta tkun qed tiġi applikata s-sistema ta' sostenn tal-gruppi, hemm prevista proċedura speċifika f'każijiet ta' kondizzjonijiet kritiċi (meta ma jiġix rispettat ir-rekwiżit kapitali ta' solvenza), li tinvolvi azzjonijiet koordinati min-naħa tas-sorveljaturi tal-gruppi u individwali. Din is-sistema għandha tiġi applikata b'mod uniformi fl-UE kollha. |
|
6.4.4 |
Is-sistema ta' sostenn tal-gruppi tipprevedi li l-kapital marbut mar-rekwiżiti kapitali ta' solvenza għall-kumpaniji sussidjarji jista' jinżamm minn intrapriża oħra fi ħdan il-grupp: b'dan il-mod, il-gruppi ta' l-assigurazzjoni ikollhom sistema prattika u trasparenti li permezz tagħha jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent ta' l-effetti tad-diversifikazzjoni fil-livell tal-grupp u, fl-istess ħin, il-kumpaniji sussidjarji individwali jkunu jistgħu jissodisfaw l-istess rekwiżiti kapitali daqs li kieku ma kinux jagħmlu parti minn grupp. Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jkun hemm sorveljanza adegwata li tiggarantixxi trasferiment rapidu tal-kapital f'każ ta' bżonn. L-eżistenza u l-użu ta' dikjarazzjonijiet rigward is-sostenn tal-gruppi għandhom ikunu żvelati fil-pubbliku kemm mill-intrapriża prinċipali kif ukoll mill-intrapriża sussidjarja kkonċernata. |
Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Din il-proposta mbagħad ġiet emendata u saret COM(2008) 119 finali. F'din l-opinjoni, in-numerazzjoni ta' l-Artikoli timxi skond din il-verżjoni l-aktar reċenti tal-proposta għal direttiva.
(2) Istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali.
(3) Sors: Comité Européen des Assurances, European Insurance in Figures, 2007 (Il-Kumitat Ewropew ta' l-Assigurazzjonijiet, l-Assigurazzjoni Ewropea permezz taċ-Ċifri, 2007). Iċ-ċifri jirrappreżentaw id-data li kienet disponibbli lejn l-aħħar ta' l-2006.
(4) Idem nota tal-qiegħ 2.
(5) Idem nota tal-qiegħ 2.
(6) Idem nota tal-qiegħ 2.
(7) Idem nota tal-qiegħ 2.
(8) Idem nota tal-qiegħ 2.
(9) Idem nota tal-qiegħ 2.
(10) Idem nota tal-qiegħ 2.
(11) Sors: AISAM.
(12) L-assi tal-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni ta' l-UE huma prinċipalment bonds (37 %), ishma (31 %) u self (15 %). Sors: Comité européen des assurances, European Insurance in figures, 2007.