30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp maħsub biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta' l-użu ta' Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ġodda (ICT), imnedija minn diversi Stati Membri

COM(2007) 329 finali — 2007/0116 (COD)

(2008/C 224/02)

Nhar il-10 ta' Lulju 2007 il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond l-Artikoli 169 u 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp maħsub biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta' l-użu ta' Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ġodda (ICT), imnedija minn diversi Stati Membri

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet nhar it-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta' l-użu ta' Teknoloġiji ta' l-Informatika u tal-Komunikazzjoni ġodda. L-AAL jista' jkun wieħed mill-għodda li primarjament u b'mod effettiv għandhom jassiguraw il-kwalità tal-ħajja mhux biss tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien iżda ta' kwalunkwe persuna li bħalissa ma tistax toqgħod fir-residenza tagħha minħabba kwistjonijiet ta' saħħa.

1.2

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-approċċ meħud għal tali riċerka u żvilupp fil-qasam ta' l-ICT għandu l-ewwel u qabel kollox jassigura li l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji jinftiehmu sewwa, jiġu indirizzati u jiġu ssodisfati. Għaldaqstant, l-approċċ għandu jkun wieħed “minn isfel għal fuq”, fejn primarjament għandhom jiġu magħrufa l-ħtiġijiet ta' l-utenti u sussegwentement jitwettqu r-riċerka u l-iżvilupp b'mod xieraq.

1.3

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li waħda mill-persuni interessati importanti f'AAL hija l-persuna li fl-aħħar mill-aħħar għandha tgawdi minn din it-teknoloġija. Għalhekk, m'huwiex importanti biss li jinftiehmu l-ħtiġijiet ta' tali persuni, iżda wkoll li dawn il-persuni jitħarrġu fl-użu ta' teknoloġija bħal din u jiġu involuti fit-tfassil u t-testing tat-teknoloġija.

1.3.1

Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-KESE jqis il-politiki ta' l-UE relatati mat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-eInklużjoni bħala importanti. Minħabba f'hekk il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu wkoll approċċ integrat bejn l-AAL u tali politiki.

1.4

Il-KESE jqis li l-ewwel u qabel kollox wieħed għandu jara dan il-programm bħala wieħed “Uman” ħafna aktar milli bħala sempliċement programm ieħor ta' Riċerka u Żvilupp. Dan huwa tabilħaqq programm ta' riċerka, iżda jindirizza ċirkostanzi soċjali li ħafna drabi jitfaċċjaw fi stadju delikat tal-ħajja.

1.5

Kif ser jissemma aktar 'il quddiem, il-KESE jemmen li l-erba' oqsma ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b'mod konkorrenti taħt il-programm AAL huma: il-ħtiġijiet ta' l-Utent; is-sigurtà ta' l-Utent; l-Organizzazzjonijiet Soċjali u tas-Saħħa (flimkien ma' assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjonisti f'dawn is-setturi); u t-Teknoloġija li għandha tintuża.

1.6

Il-KESE jenfasizza li għandhom jitqiesu l-kwistjonijiet ta' etika u privatezza b'konformità mal-linji gwida internazzjonali. Għaldaqstant ifaħħar ir-rikonoxximent ta' tali kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan speċifiku li:

trawwem il-ħolqien ta' prodotti u servizzi innovattivi bbażati fuq l-ICT għal għajxien aħjar għall-persuni mdaħħlin fiż-żmien, biex b'hekk tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura soċjali u tas-saħħa.

ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-isfruttar industrijali billi jiġi pprovdut qafas koerenti Ewropew sabiex jiġu żviluppati approċċi komuni, tiġi ffaċilitata l-lokalizzazzjoni u titnaqqas l-ispiża tas-servizzi.

toħloq u tisfrutta massa kritika ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-livell ta' l-UE fit-teknoloġiji u s-servizzi fil-qasam tat-tixjiħ.

2.2

Din il-proposta ssegwi t-tnedija mill-Kummissjoni ta' Pjan ta' Azzjoni dwar it-tixjiħ aħjar għall-persuni mdaħħlin fiż-żmien fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. Dan il-pjan ta' azzjoni jidher bħala komponent ewlieni fl-indirizzar ta' l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa minħabba l-bidliet demografiċi. Huwa previst li l-popolazzjoni ta' l-Ewropa bejn l-etajiet tal-65 u t-80 sena ser tiżdied bi kważi 40 % bejn l-2010 u l-2030 (1). L-ICT tidher bħala mezz biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja f'din l-età, iżid l-indipendenza tal-persuni u li dawn jibqgħu jgħixu aktar f'saħħithom.

2.3

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tniedi programm ta' 6 snin, l-Għajxien Megħjun Kontestwalment (Ambient Assisted Living — AAL) li jikkomplementa l-ICT għat-Tixjiħ fi ħdan l-FP7 u wkoll il-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). Il-programm AAL għandu jirċievi fondi li jammontaw għal madwar EUR 300 miljun għall-perijodu 2008-2013, li jkunu magħmula ugwalment mill-fondi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri.

2.4

Il-qafas legali li fuqu huwa bbażat il-programm AAL huwa l-Artikolu 169 tat-Trattat. L-Artikolu 169 jagħti l-opportunità lill-Komunità Ewropea li tipparteċipa fi programmi ta' riċerka mnedija b'mod konġunt minn diversi Stati Membri, inkluża parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta' programmi nazzjonali. Dan il-qafas legali speċifiku intgħażel għall-programm AAL sabiex tinkiseb effettività akbar f'dan il-qasam ta' riċerka billi jiġu sfruttati kemm jista' jkun il-kapaċitajiet transkonfinali; impenn mill-Istati Membri li jiffinanzjaw parti minn din ir-riċerka; l-iżgurar ta' approċċ koerenti għall-kwistjoni fuq livell Ewropew; l-iżgurar ta' suq intern ġenwin għal soluzzjonijiet interoperabbli ta' l-ICT għat-tixjiħ.

3.   Sfond tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Inizjattiva preċedenti skond l-Artikolu 169, ikkwotata mill-proposta tal-Kummissjoni bħala provi kliniċi fl-Afrika, l-EDCTP (Sħubija ta' Provi Kliniċi fil-Pajjiżi Ewropej u dawk li għadhom fit-triq ta' l-iżvilupp), kienet għamlet enfasi fuq l-importanza ta' impenn ċar mill-Istati Membri parteċipanti fl-iffinanzjar multi-annwali tal-proġett. Il-programm AAL fil-fatt għandu l-ħsieb li jkollu kontribuzzjoni ta' 50-50 mill-fondi ta' l-UE u minn fondi nazzjonali fil-programm.

3.2

Il-ħidma preparatorja għal dan il-programm twettqet permezz ta' proġett ta' Azzjoni ta' Appoġġ Speċifiku msejjaħ “l-Għajxien Megħjun Kontestwalment” skond il-prijorità ta' l-IST (Teknoloġiji tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni) fi ħdan l-FP6 imwettqa fil-perijodu bejn l-1 ta' Settembru 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006. Il-konsorzju kien magħmul minn imsieħba mill-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, il-Finlandja, l-Italja, il-Belġju u l-Isvizzera. L-imsieħba ġew mis-settur privat, mis-settur pubbliku u minn Università.

3.3

Il-korp legali tal-Programm Konġunt AAL huwa l-Assoċjazzjoni AAL. Din l-assoċjazzjoni bħalissa hija magħmula minn rappreżentanti minn 21 Stat Membru. Minħabba li dan huwa programm b'approċċ minn isfel għal fuq, inħatru numru ta' punti ta' kuntatt fl-Istati Membri li jappartjenu għall-Assoċjazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' din l-inizjattiva AAL skond l-Artikolu 169. B'mod partikulari, nirrikonoxxu li l-inizjattiva tqis bis-sħiħ it-tendenzi demografiċi bażiċi għaċ-ċittadini Ewropej.

4.1.1

Il-KESE jikkunsidra li sabiex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta' l-Istati Membri li m'għandhomx infrastruttura biżżejjed għall-eżekuzzjoni ta' din il-proposta, ikun hemm bżonn l-adozzjoni ta' “miżuri speċifiċi” bħal dawk li jistgħu jinsabu fl-Artikolu 159 tat-Trattat ta' l-UE, sabiex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi reġjonali ewlenin fl-Unjoni Ewropea.

4.2

Il-KESE jemmen li l-inizjattiva għandha titqies bħala aktar minn opportunità biex jinbnew sistemi pilota li l-għan tagħhom ikun li juru l-prova ta' kunċett. Huwa importanti ħafna li din l-opportunità tlaqqa' flimkien il-firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li huma mitluba jkunu involuti sabiex jibqa' jinħass l-impatt ta' din l-inizjattiva.

4.2.1

Il-partijiet interessati ewlenin huma l-benefiċjarji finali ta' l-AAL. L-AAL huwa primarjament maħsub biex itawwal l-indipendenza ta' l-anzjani u wkoll biex jassigura li din il-kategorija tal-popolazzjoni tkun tista' tibqa' tgħix f'darha għal kemm jista' jkun possibbli. Wieħed għandu jżomm f'moħħu li dan m'huwiex limitat biss għas-settur ta' l-anzjani iżda wkoll għal kull individwu li bħalissa ma jistax jgħix f'daru b'mod indipendenti minħabba raġunijiet ta' saħħa. Din l-inizjattiva għandha tassigura li l-ħtiġijiet u l-esiġenzi ta' dawn il-partijiet interessati jkunu verament fil-qalba tar-riċerka.

4.3

Parti interessata importanti oħra hija l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u l-benesseri. Din l-inizjattiva għandha tirrikonoxxi l-ħtiġijiet organizzattivi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom opportunitajiet li jagħmlu enfasi fuq kwistjonijiet bħall-integrazzjoni u l-interoperabilità ta' sistemi lil partijiet oħrajn interessati fil-proġett sabiex jiksbu suċċess.

4.4

Huwa rrakkomandat ħafna li, sa mill-istadji inizjali, dawk l-utenti tas-sistemi li ser jiġu żviluppati taħt din l-inizjattiva jkunu involuti bħala partijiet interessati ewlenin fil-ħidma. Il-KESE jirrakkomanda li l-konsorzji jinkitbu, fejn possibbli, għal metodi li jiffokaw fuq l-utenti, bħal disinn parteċipattiv għall-metodoloġija ta' l-iżvilupp tagħhom, b'mod partikulari biex jippromovu l-użu qawwi ta' strumenti u interfaces għall-utenti. Il-Kumitat ifaħħar ukoll ir-rikonoxximent li ser tittieħed kunsiderazzjoni xierqa tal-kwistjonijiet ta' etika u ta' privatezza b'konformità ma' linji gwida internazzjonali.

4.5

Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn ipprovdut lill-SMEs fl-abbozz ta' proposta, u jappoġġja r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet industrijali bħala partijiet interessati ewlenin li jistgħu jappoġġjaw mudelli ta' negozju innovattivi u orjentati lejn is-suq li juru mogħdijiet ċari u intrinsiċi għall-isfruttar. B'mod partikulari, aħna nfaħħru r-rikonoxximent li l-SMEs jistgħu jikkontribwixxu partikularment għar-riċerka li jkollha żmien iqsar għas-swieq (sentejn jew ftit aktar).

4.5.1

Aħna nħeġġu r-rikonoxximent li l-SMEs kultant ikunu flessibbli teknoloġikament u joffru l-potenzjal li jintroduċu teknoloġiji u mudelli ġodda ta' negozju fis-suq kultant b'rata aktar mgħaġġla minn kumpaniji li huma akbar jew minn organizzazzjonijiet tas-saħħa jew tal-benesseri. Din il-karatteristika ta' l-SMEs hija partikularment reżonanti f'din l-inizjattiva. Konsegwentement l-isħubija konġunta bejn l-organizzazzjonijiet il-kbar u l-SMEs hija ta' benefiċċju għat-tnejn li huma.

4.6

L-AAL huwa bbażat fuq il-premessa li jappoġġja lin-nies ħalli jibqgħu jgħixu f'darhom għal żmien itwal. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, hemm firxa wiesgħa ta' sensors, actuators, user interfaces, proċessuri u tagħmir tal-komunikazzjoni li huma meħtieġa, u spiss ikunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn ħafna SMEs Ewropej differenti.

4.7

Fost dawn il-gruppi kollha ta' partijiet interessati, aħna nappoġġjaw miżuri f'din l-inizjattiva li jħeġġu netwerking multidixxiplinarju bejn it-teknoloġisti, dawk li jmexxu l-kliniċi u staff ieħor ta' organizzazzjonijiet tas-saħħa u tal-benesseri u b'mod partikulari ma' l-utenti, kemm dawk li jgħixu fi darhom kif ukoll dawk il-persuni lokali li jieħdu ħsiebhom u qrabathom.

4.8

Fil-kuntest ta' Sistema ta' Innovazzjoni Ewropea, din l-inizjattiva għandha l-opportunità li tadotta mudelli ġodda ta' innovazzjoni li jirriflettu progress attwali f'innovazzjoni miftuħa u mill-utenti li tmexxi l-progress sabiex l-istrateġija ta' Lisbona tintrabat ma' Sistema ta' Innovazzjoni Ewropea ġdida li tkun immexxija aktar mill-utenti.

4.9

Il-KESE jafferma li huwa importanti li jkun hemm aċċess ugwali mit-tipi kollha ta' organizzazzjonijiet fl-Istati Membri kollha għal din l-inizjattiva.

4.10

Barra minn hekk, il-gvernijiet nazzjonali kollha għandhom ikunu mħeġġa sabiex jieħdu sehem. Bħalissa, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja, u kif ukoll l-Iżrael, in-Norveġja u l-Isvizzera qablu li jikkoordinaw attivitajiet konġunti biex jikkontribwixxu għall-programm AAL.

4.11

Il-KESE jinsab imħasseb li xi pajjiżi m'humiex jipparteċipaw minħabba l-ispiża tal-kofinanzjament tar-riċerka. Pajjiżi bħal dawn għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fi kwalunkwe stadju tal-programmazzjoni meta jilħqu l-ħtiġijiet tal-programm (l-iktar il-kofinanzjament).

4.12

Il-KESE jagħraf li l-AAL jista' jġib miegħu tnaqqis fl-ispiża tas-sistema tal-kura soċjali. Madankollu, huwa jtenni li l-iskop ta' l-AAL m'huwiex it-tnaqqis fl-ispiża iżda l-effettività fl-assigurar tal-kwalità tal-ħajja għal kategorija ta' ċittadini. It-tnaqqis fl-ispiża huwa konsegwenza li għandna naċċettaw b'mod favorevoli.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-programm AAL għandu jibqa' jiffoka fuq il-karatteristiċi speċifiċi tat-tliet setturi li ġejjin: l-Utent; l-Organizzazzjonijiet tas-Saħħa; u t-Teknoloġija użata.

5.2

Il-benefiċjarju u l-partijiet interessati ewlenin xi drabi jkunu l-anzjani. Huwa ta' l-akbar importanza li l-Programm jibqa' jiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' l-utenti aħħarija. Jekk naqgħu fin-nassa li nqisu li l-Utenti għandhom jintużaw biss fl-ambjenti tar-riċerka sabiex din tiġi ttestjata, sfortunatament dan iwassal biex tinħoloq innovazzjoni li fil-fatt aktarx ma tkunx taqbel mar-rekwiżiti tal-benefiċjarju ewlieni. Għal din ir-raġuni, il-ħtiġijiet ta' l-Utenti m'għandhomx jintesew, u dawn il-ħtiġijiet għandhom jinkludu: bidla minima fl-imġiba, il-mobilità, l-għażla, il-kwalità tal-ħajja mtejba u r-rispett għall-privatezza ta' dak li jkun.

5.3

Wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li l-anzjani huma possibbilment il-kategorija tal-popolazzjoni li ssofri l-aktar mill-eEsklużjoni u għalhekk jeħtieġ li tingħeleb il-firda diġitali. Barra minn hekk, il-konnettività hija essenzjali u għalhekk għandhom isiru sforzi sabiex ir-reġjuni kollha, b'mod partikulari dawk l-aktar rurali jkollhom aċċess għall-konnettività ma' l-Internet (aċċess kemm f'termini fiżiċi kif ukoll f'termini finanzjarji).

5.3.1

Fil-qofol huwa essenzjali li:

it-teknoloġija ma tieħux post il-kuntatt wiċċ imb'wiċċ mal-persuna li tieħu ħsieb il-pazjent jew mal-fornitur tas-servizz tas-saħħa;

l-enfasi hija fuq il-kura preventiva u l-kura personali

l-inklużjoni soċjali hija waħda mill-għanijiet ewlenin

il-programm AAL għandu jiġi integrat fil-mod ta' l-għajxien ta' dak li jkun u flimkien ma' servizzi oħrajn

skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' l-utent, it-teknoloġija użata għandha tkun sigura u faċli li tintuża.

5.3.2

Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-approċċ meħud fi ħdan l-AAL għandu jkun approċċ minn isfel għal fuq. L-enfasi u l-bidu tal-proċess sħiħ għandhom ikunu l-ħtiġijiet ta' l-utenti aktar milli t-teknoloġija fiha nnifisha. Għandu jsir studju ċar sabiex jiġi identifikat l-ispettru sħiħ tal-ħtiġijiet, li wħud minnhom jistgħu jiġu identifikati bħala: il-ħtieġa li jinżamm kuntatt man-nies, b'mod partikulari ma' dawk li jibdew jikbru fl-età (għalhekk il-programmi VOIP bħal SKYPE u l-posta elettronika taw prova li huma għodod effettivi u irħas); in-nuqqas ta' interess fl-aġġornament mal-bidla teknoloġika li qiegħda ssir b'rata mgħaġġla; il-ħila li tlaħħaq mal-bidla teknoloġika; il-livell ta' preparazzjoni li tintuża tali teknoloġija. Barra minn hekk, l-utenti għandhom jiġu involuti fil-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' teknoloġiji bħal dawn.

5.4

L-organizzazzjonijiet tas-Saħħa u tal-Benesseri, ir-rappreżentanti tagħhom u l-familji ta' l-Utenti, huma fl-aħħar mill-aħħar dawk li se jużaw it-teknoloġija sabiex tiġi pprovduta kura lill-benefiċjarji. Huwa essenzjali li tali organizzazzjonijiet ikunu involuti fid-diversi stadji tar-riċerka sabiex jiġi assigurat li l-prodott riżultanti joqgħod tajjeb fi ħdan is-sistema operattiva ta' tali organizzazzjonijiet. Wieħed jista' jantiċipa li jista' jkun meħtieġ li jsiru xi bidliet organizzattivi biex b'hekk jiġu implimentati teknoloġiji ġodda għall-AAL, u għalhekk huwa imperattiv li l-organizzazzjonijiet tal-benesseri jkunu lesti għat-tali bidliet u li jgħaddu minnhom mingħajr xkiel biex b'hekk jieħdu l-massimu tal-potenzjal tat-teknoloġiji għall-programm AAL.

5.4.1

Il-persuna li tieħu ħsieb il-pazjent hija verament fattur importanti fil-proċess sħiħ tal-benesseri anki fi ħdan l-AAL. Għalhekk, għandha tkun maħsuba bidla fil-pożizzjoni adottata mhux biss fil-livell ta' l-organizzazzjoni iżda wkoll fil-livell tal-persuna li tieħu ħsieb il-pazjent, sabiex jiġi assigurat li l-persuna li qed ikollha l-kuntatt dirett mal-persuna li teħtieġ l-AAL ma tkunx biss profiċjenti f'tali teknoloġija iżda tkun temmen tabilħaqq fl-użu ta' tali teknoloġija sabiex tkompli tispira wkoll il-kunfidenza tal-persuna f'tali għodda bħala mezz aħjar għall-kwalità tal-ħajja.

5.4.2

Il-KESE jqis ukoll li s-sistema tas-saħħa għandha tiġi analizzata bl-akbar reqqa sabiex jiġi assigurat li mhux biss ikun hemm tħejjija organizzattiva għall-AAL, iżda li l-organizzazzjonijiet tas-Saħħa u l-Kura Soċjali fil-fatt ikunu jistgħu jlaħħqu mad-dħul ta' aktar persuni fid-djar tagħhom.

5.4.3

Barra minn hekk, bl-adozzjoni ta' l-AAL huwa saħansitra aktar kruċjali li jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet soċjali. Hawnhekk ukoll, it-teknoloġija tista' tkun għodda biex ittejjeb tali kooperazzjoni. Madankollu, l-attitudni lejn il-ħtieġa u r-rieda ta' kooperazzjoni hija aktar kruċjali.

5.5

Huwa previst li s-sistemi AAL għandhom ikunu kumplessi, għalhekk l-interoperabilità għandha tkun waħda mill-għanijiet ewlenin fi ħdan dan il-programm. L-innovazzjoni u t-teknoloġija għandhom ikunu fuq skala wiesgħa, personalizzati, integrati u proattivi.

5.6

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tadotta wkoll approċċ integrat għall-AAL u l-politiki bħat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Fil-fatt, it-taħriġ għal tali politiki, b'mod partikulari, għandhom ikunu mmirati lejn il-partijiet interessati tal-programm AAL billi t-taħriġ huwa parti integrali fil-ksib tas-suċċess għal tali teknoloġija.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2007) 329 finali.