9.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 204/85 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013)
COM(2007) 395 finali
(2008/C 204/18)
Nhar l-10 ta' Settembru 2007, il-Kumissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Rodríguez García-Caro.
Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013), li jestendi u jtejjeb il-programm ta' azzjoni Erasmus Mundus attwali, li l-KESE ukoll laqa' fi żmienu. |
1.2 |
Fil-fehma tal-Kumitat, il-mira li l-universitajiet Ewropej jsiru ċentri ta' eċċellenza li jiġbdu studenti minn madwar id-dinja hija ta' importanza kbira u għandha tgħin biex turi l-kwalità għolja ta' l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka fl-Ewropa. Madankollu, il-KESE jixtieq jesprimi l-fehma tiegħu li l-programm m'għandux jikkontribwixxi għal telf ta' l-aħjar imħuħ (brain drain) mill-pajjiżi terzi. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja, b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet u l-universitajiet tal-pajjiżi terzi, strateġiji biex tħeġġeġ lill-istudenti u l-letturi jieħdu vantaġġ ta' dak li għandu x'joffri l-Erasmus Mundus, u wara jmorru lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli hemmhekk. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li, biex jintlaħaq dan l-għan, il-politiki ta' kooperazzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp għandhom ikunu marbutin sew ma' programmi bħal m'hu l-Erasmus Mundus. |
1.3 |
Il-KESE jinnota l-kontribut li l-programm il-ġdid ta' azzjoni ser jagħti biex tiżdied il-mobilità tal-letturi billi jalloka 40 % tal-boroż ta' studju ppjanati kollha lill-għalliema, meta mqabbel mas-16.6 % taħt il-programm attwali li għadu fis-seħħ. Skambji bħal dawn għandhom jitqiesu bħala sors ta' arrikkiment mhux biss xjentifiku iżda wkoll kulturali u edukattiv. Għal dan il-għan, il-Kumitat jixtieq isostni li l-mobilità tal-letturi u l-istudenti m'għandhiex tibqa' responsabbiltà individwali — kif inhi f'ħafna każi llum — u għandha ssir dejjem aktar waħda istituzzjonali. |
1.4 |
Il-Kumitat iħeġġeġ l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li ostakli li ġejjin mil-leġislazzjoni nazzjonali li jaffetwaw il-mobilità tal-letturi u l-istudenti, kemm f'dak li hu aċċess għall-Istati Membri differenti ta' l-UE kif ukoll fir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki miksuba, jiġu eliminati kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effettiv, sabiex l-ebda wieħed minn dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-programm ma jkun imfixkel jew skoraġġut milli jistudja jew jgħallem barra. |
1.5 |
Il-KESE jaħseb li l-proċeduri ta' l-għażla għandhom iqisu miżuri ta' kumpens fil-livell ta' l-UE biex jevitaw żbilanċi serji bejn l-oqsma ta' studju ta' l-istudenti u l-akkademiċi u bejn ir-reġjuni ta' oriġini u l-Istati Membri fejn l-istudenti jew il-letturi jkunu sejrin. Il-Kumitat b'hekk japprova l-kliem kif jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (KE) Nru 2317/2003, li tistabbilixxi l-Programm Erasmus Mundus, u jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ukoll jinkludu dan fil-proposta kkunsidrata attwalment. |
2. Id-deċiżjoni proposta:
2.1 |
L-għan ġenerali tad-deċiżjoni hija li ttejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni ogħla Ewropea, biex tippromwovi d-djalogu u l-ftehim bejn soċjetajiet u kulturi differenti permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, u li tippromwovi l-objettivi tal-politika esterna ta' l-UE u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla. Il-programm ikopri l-perijodu ta' ħames snin bejn l-2009 u l-2013. |
2.2 |
L-għanijiet speċifiċi tad-deċiżjoni proposta huma kif ġej:
|
2.3 |
Din l-inizjattiva għandha tiġi implimentata permezz tal-miżuri li ġejjin:
|
2.4 |
Dan il-programm għandu l-għan li jsegwi l-attivitajiet ta' l-ewwel fażi (2004-2008) (1), imma jimmira li jkun aktar ambizzjuż billi jinkorpora b'mod aktar dirett it-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna, u b'hekk jestendi l-iskop tagħha għal-livelli kollha ta' l-edukazzjoni ogħla, itejjeb l-opportunitajiet ta' studenti Ewropej li jiskbu fondi u joffri possibilitajiet aħjar għall-kooperazzjoni ma' l-HEIs fil-pajjiżi terzi. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Kif qal fl-opinjoni tiegħu dwar il-programm Erasmus Mundus (2004-2008) (2), il-Kumitat jilqa' d-deċiżjoni proposta tal-Parlament u tal-Kunsill, flimkien ma' l-inizjattivi li ġew u qegħdin jiġu adottati biex tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea u jkattru l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, skond l-Artikolu 140 tat-Trattat tal-KE. |
3.2 |
Dak iż-żmien, il-Kumitat wera “l-appoġġ tiegħu għall-adozzjoni ta' inizjattivi speċifiċi li ser iwittu t-triq għal-edukazzjoni ogħla ta' kwalità bbażata, inter alia, fuq il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, billi jaħdmu flimkien ma' l-aħjar universitajiet u jiġbdu skulari magħrufa u l-istudenti bl-aħjar kwalifiki mill-pajjiżi kkonċernati. Din is-sinerġija ta' benefiċċju reċiproku ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' rabtiet aktar mill-qrib u tifrex il-pedamenti għal ftehim u kooperazzjoni aħjar fil-futur bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi parteċipanti” (3). |
3.3 |
Meta tqis li hawnhekk huwa involut l-istess tip ta' programm, il-KESE jtenni l-kummenti li għamel dak iż-żmien, b'bidliet żgħar imma importanti, u jżid il-kummenti li ġejjin: |
3.3.1 |
Il-programm Erasmus Mundus jakkumpanja passi li ttieħdu biex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-proċess ta' Bologna, li huwa mfassal biex joħloq żona Ewropea għall-edukazzjoni ogħla u r-riċerka sas-sena 2010 permezz ta' riformi li jqarrbu s-sistemi nazzjonali ta' edukazzjoni ogħla. |
3.3.2 |
Madankollu, dan jaħbat ukoll ma' għan ieħor li jħares 'il barra, li hu l-promozzjoni ta' l-Ewropa f'għajnejn id-dinja bħala żona fejn hemm edukazzjoni ogħla u riċerka ta' kwalità. B'hekk huwa essenzjali li l-proċess ta' Bologna jkun suċċess, sabiex il-ftit universitajiet Ewropej li bħalissa jiġbdu studenti żgħażagħ minn pajjiżi terzi jiżdiedu. |
3.3.3 |
Il-Kummissjoni għarfet dan billi aċċettat il-proċess ta' Lisbona bħala parti integrali tal-politika ta' edukazzjoni u taħriġ tagħha, bl-istess status bħar-riċerka fl-Unjoni Ewropea. |
3.3.4 |
L-objettiv — il-ħolqien ta' “żona Ewropea ta' edukazzjoni ogħla” — jirifletti għan ieħor, dak li jinġibdu studenti u letturi minn pajjiżi terzi. Peress li dan huwa objettiv importanti u anki essenzjali biex titjieb il-pożizzjoni ta' l-Ewropa fid-dinja, il-KESE javża lil dawk konċernati għal darba oħra bil-ħtieġa li jitnaqqas it-telf ta' mħuħ kapaċi mill-pajjiżi li qegħdin jiżvillupaw. |
3.3.5 |
Azzjoni numru 2 (sħubijiet ta' l-Erasmus Mundus) hija xempju tajjeb ta' dan, għax barra milli tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp tal-pajjiż/i terz/i, tippermetti mawriet limitati u għal perjodu qasir. Il-miżuri proposti għandhom, fil-fehma tal-Kumitat, jippermettu lill-għalliema kif ukoll lill-istudenti minn pajjiżi terzi li jgawdu minn perijodu siewi jgħallmu u jistudjaw f'universitajiet Ewropej, imma r-ritorn ta' dawk konċernati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom għandu jitħeġġeġ bil-qawwa, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali f'pajjiżhom u, fl-istess ħin, ixandru l-kwalità għolja ta' l-universitajiet tagħna ma' pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. |
3.3.6 |
Ir-riskju li t-telf ta' l-imħuħ kapaċi jsir aktar mgħaġġel preċiżament f'dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonnu, speċjalment minħabba nuqqas ta' opportunitajiet fis-suq jew sempliċiment ta' kundizzjonijiet xierqa biex titkompla l-ħidma xjentifika — jista' wkoll jintrebaħ permezz ta' l-iżvilupp ta' gradi ta' Masters u programmi ta' dottorat f'dawk il-pajjiżi terzi, inklużi korsijiet u apprendistati f'pajjiżi Ewropej għal perijodi qosra biżżejjed biex l-istudenti ma jħossuhomx maqtugħin mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. |
3.3.7 |
Dan ir-riskju jista' wkoll jitnaqqas permezz ta' miżuri li jinvolvu l-universitajiet stess, billi jinkorporaw strateġiji ta' ritorn f'kwalunkwè ftehim li jiġi ffirmat, li possibilment jinkludi anke miżuri ta' kumpens. |
3.3.8 |
Il-programm Erasmus Mundus, li jagħmel parti minn approċċ ġenerali fil-politiki ta' l-Unjoni Ewropea u jingħaqad ma' l-istrateġija ta' Lisbona biex l-Ewropa ssir ekonomija msejsa fuq l-għarfien, li hija l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva fid-dinja, kemm fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi li magħhom diġà hemm ftehim kif ukoll bħala parti minn approċċ aktar miftuħ għall-kooperazzjoni strateġika ma' pajjiżi terzi, għandu wkoll iqis il-kwistjoni tat-telf ta' mħuħ kapaċi bħala problema serja għall-iżvilupp bilanċjat fil-pajjiż li jaħdem fihom (4). |
3.3.9 |
Huwa wkoll importanti li jiġi enfasizzat li dan il-programm għandu objettiv ieħor, dak li jippromwovi l-iskambju ta' kulturi permezz ta' edukazzjoni ta' kwalità aħjar u riġorożità xjentifika (5). Għalhekk dan il-programm ma għandux iservi ta' pretest biex tiġi introdotta perspettiva kummerċjali fl-edukazzjoni ogħla, imma minflok għandu jħeġġeġ edukazzjoni ta' kwalità għolja, riċerka indipendenti, rispett għal-libertà akkademika u, kif maħsub fil-proposta, jgħin biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta' esklużjoni soċjali. |
3.4 |
Fl-aħħar, fuq l-istess linja tal-proċess ta' Bologna, is-sistema ta' evalwazzjoni interna u esterna għall-universitajiet jeħtieġ li tissejjes fuq il-kriterji li jqisu s-sitwazzjoni akkademika attwali u jkunu ta' inċentiv biex jintlaħqu livelli għolja ta' eċċellenza — sine qua non jekk iridu li jirnexxielhom jiġbdu studenti u letturi minn pajjiżi terzi, waqt li fl-istess ħin iżommu l-idenititajiet tagħhom. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Aspett ewlieni tal-programm Erasmus Mundus għandu x'jaqsam mal-mobilità ta' l-istudenti u l-letturi. L-esperjenza ta' Bologna wriet li aktar ingħatat attenzjoni lill-mobilità ta' l-istudenti milli dik tal-letturi, minkejja l-fatt li l-importanza tal-mobilità tal-letturi biex tiggarantixxi s-suċċess ta' l-istrateġija ta' Bologna ġiet enfasizzata f'bosta dikjarazzjonijiet. Il-Kunsill ta' l-Ewropa wkoll sostna dan fl-2006, meta qal li l-istrateġija ma kinitx kompluta u konsistenti. |
4.1.1 |
B'dan li ssemma hawn fuq bħala eżempju, huwa importanti li l-Erasmus Mundus jikkostitwixxi fattur propizju għal din il-mobilità tal-letturi, u, kif imfisser f'wieħed mis-sitt objettivi tal-proċess ta' Bologna f'dak li għandu x'jaqsam ma' letturi u riċerkaturi, huwa wkoll importanti li jingħelbu l-ostakoli li jwaqqfu l-mobilità effettiva tal-letturi, b'attenzjoni partikolari għar-rikonoxximent u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien espert li ħarġu mir-riċerka, it-tagħlim u t-taħriġ matul in-nuqqas tal-lettur mill-post tax-xogħol fejn soltu jaħdem. |
4.1.2 |
Huwa essenzjali li jitqiesu l-aspetti varji tal-kwistjoni li ma jistgħux jiġu miċħuda:
|
4.1.3 |
F'dan il-kuntest partikolari, iridu jsiru sforzi biex jiżguraw li l-iskambju tal-letturi huwa fattur ta' ġid għall-pajjiżi li jirċievu u jibagħtu l-letturi, għall-istudenti u wkoll għall-universitajiet stess. Mezz wieħed ta' kif tħeġġeġ it-tip ta' skambju intelletwali li jagħmel ġid kemm lill-pajjiżi li jibagħtu l-akkademiċi u l-istudenti tagħhom u dawk li jirċevuhom jista' jkun dak li jagħmilha possibli għal nies minn pajjiżi terzi li jiskbu kwalifiki u għarfien permezz ta' żjajjar ta' studju fl-Ewropa. Mill-forom differenti ta' skambju, iż-żjajjar u l-mawriet qosra, il-leave sabbatiku u l-programmi speċifiċi ta' riċerka huma dawk l-izjed magħrufa, imma xorta għad jifdal firxa wiesgħa ta' għażliet oħra f'dan il-qasam. |
4.2 |
Il-Kommunikazzjoni ssemmi xi aspetti li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ u li, minħabba l-importanza tagħhom, għandhom jiġu enfasizzati: |
4.2.1 |
L-isfida li tintlaħaq id-diversità lingwistika fl-Ewropa, sfida li tqum minn din il-kwistjoni kollha, għandha titqies bħala opportunità miżjuda minn dawk li jagħżlu l-Ewropa bħala destinazzjoni: Li tagħraf li lingwa partikolari qiegħda fil-proċess li ssir il-“lingwa tax-xjenza” ma jfissirx li ma tagħtix kas il-valur li t-tagħlim ta' lingwi oħra għandu għall-edukazzjoni u r-riċerka f'dinja globalizzata; dan it-tagħlim jiżgura rikkezza lingwistika u aktar opportunitajiet għal kulħadd, inklużi dawk iċ-ċittadini u residenti ta' l-Unjoni Ewropea li jitkellmu biss f'ilsien pajjiżhom. |
4.2.2 |
Ir-regoli kumplikati tal-migrazzjoni li qegħdin jinbidlu kontinwament (u jsiru dejjem aktar inflessibli) jinvolvu problema oħra li għandha titqies fejn jidħlu akkademiċi u studenti minn pajjiżi terzi. Dan ma jista' u ma' għandu bl-ebda mod jiġġustifika l-impediment tal-mobilità ta' letturi, riċerkaturi u studenti. B'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ħruġ ta' viżi għal studenti u għalliema involuti f'dan it-tip ta' programm għandha tiġi ffinalizzata. |
4.2.3 |
Erasmus Mundus irid ukoll jilħaq objettiv ieħor minn dawk proposti: għandu jkun strument biex jiġġieled kull forma ta' esklużjoni, inkluż ir-razziżmu u l-ksenofobija, u għandu jgħin biex ineħħi l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa. |
4.3 |
Ir-riżultati ta' studju li sar mill-Assoċjazzjoni ta' Kooperazzjoni Akkademika bejn l-2004 u l-2005 fuq it-talba tal-Kummissjoni jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi definita strateġija Ewropea biex tistabbilixxi żona Ewropea ta' edukazzjoni ogħla, li tikkontradixxi l-idea li fl-Ewropa, huma l-universitajiet fl-aktar pajjiżi żviluppati jew li jħaddnu l-aktar tradizzjonijiet universitarji illustri li jistgħu joffru kwalità. |
4.3.1 |
Din l-istrateġija issejset fuq il-ħtieġa (diġà fformalizzata fil-programm Erasmus Mundus attwali) li s-sħubijiet isiru bejn mill-inqas 3 universitajiet minn mill-inqas 3 pajjiżi biex jikkwalifikaw għall-iskema. Il-programm 2009-2013 jsegwi dan ir-rekwiżit, li miegħu l-KESE jaqbel kompletament (6). |
4.3.2 |
Madankollu, hemm elementi oħrajn li huma kruċjali biex tittejjeb il-ħila ta' l-universitajiet Ewropej biex jiġbdu l-istudenti, li għandhom x'jaqsmu mal-prestiġju internazzjonali tagħhom, il-kwalità ta' l-entitajiet tat-tagħlim, l-ispiża ta' l-istudji, il-valur tal-boroż ta' studju mogħtija, il-prestiġju tal-gradi, l-opportunitajiet ta' xogħol sussegwenti, dak li jafu n-nies f'pajjiżi terzi dwar l-universitajiet differenti fil-pajjiżi ta' l-UE, u wkoll l-għoli tal-ħajja u kemm hu faċli jew diffiċli tiksev viża. Il-kunsidrazzjoni ta' dawn il-fatturi kollha, partikolarment l-għoli tal-ħajja u l-miżati tal-kulleġġ, għandhom ikunu deċiżivi meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għotja ta' boroż ta' studju. |
4.3.3 |
B'hekk din il-fażi ġdida fil-programm Erasmus Mundus għandha tippreżenta opportunità biex jiġu diskussi ma' rapprezentanti, letturi u studenti universitarji l-miżuri li jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ixandru l-merti ta' universitajiet oħra f'pajjiżi oħra ta' l-UE, bil-ħsieb li tiżdied id-domanda minn studenti u letturi minn pajjiżi terzi. |
4.3.4 |
Mod kif jinkiseb dan hu li, fuq l-eżempju tal-proċess ta' Bolonja, jittejjeb il-profil taż-Żona Universitarja Ewropea in ġenerali fis-sorsi ta' informazzjoni li attwalment jiġu kkonsultati minn dawk bl-intenzjoni li jistudjaw barra minn pajjiżhom (l-internet, is-siti elettroniċi, ir-rappreżentazzjonijiet ta' l-UE). |
4.3.5 |
B'hekk jista' jkun possibbli, permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonali mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet universitarji, i) li jinħoloq portal universitarju Ewropew ippreparat sew, aġġornat dejjem, aċċessat faċilment, b'kontenut attraenti u ppubbliċizzat sewwa, u li jipprovdi aċċess għall-portals ta' bosta universitajiet Ewropej u ii) li jinħolqu dipartimenti fir-rappreżentanzi ta' l-UE speċifikament immirati biex jipprovdu informazzjoni dwar iż-Żona Universitarja Ewropea. |
4.4 |
Element essenzjali għall-ħila taż-Żona Universitarja Ewropea li tiġbed studenti u letturi huwa l-preżenza ta' entità ta' għalliema ferm kwalifikata, imħallsa tajjeb u rikonoxxuta professjonalment. |
4.5 |
Il-KESE itenni t-twemmin sod li l-programm Erasmus Mundus joffri opportunità eċċellenti biex jidentifika l-aktar studenti żgħażagħ, għalliema u riċerkaturi promettenti mill-pajjiż terzi, li fiż-żgur ikunu ta' valur kbir għall-iżvilupp ta' l-Ewropa stess. Madankollu, iħoss li jrid jenfasizza li ħafna gradwati Ewropej żgħażagħ jiltaqgħu ma' diffikultajiet serji biex isibu xogħol diċenti u adattat fíl-pajjiżi tagħhom. Aktar milli osservazzjoni dwar il-programm Erasmus, din għandha titqies aktar bħala sejħa biex jinfetaħ dibatittu dwar dik il-kwistjoni partikolari. |
4.6 |
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-universitajiet pubbliċi biss għandhom il-ħila li jiddemokratizzaw l-edukazzjoni ogħla, u jneħħu d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' ugwaljanza (wieħed mill-objettivi ddikkjarati tal-programm Erasmus Mundus). Għal dan il-għan, u minkejja l-fatt li l-programm ma għandu jagħmel l-ebda distinzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, għandu f'kwalunkwè każ jgħin biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-universitajiet pubbliċi fil-pajjiżi terzi, billi jgħinhom jilħqu l-miri tagħhom biex jipproduċu edukazzjoni u riċerka ta' kwalità għolja, b'libertà akkademika. |
4.7 |
Fl-Artikolu 5 f) tat-test tal-proposta, ikun utli li tiġi inkluża referenza għall-imsieħba tad-djalogu soċjali (ħaddiema u rappreżentanti tal-ħaddiema), peress li l-imsieħba soċjali jafu x'qed jiġri fil-prattika, u wkoll il-ħiliet u l-kwalifi li jeħtieġ is-suq tax-xogħol. Il-bżonnijiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżi terzi wkoll għandu jitqies fl-ippjanar tal-kontenut tal-gradi tal-masters u tad-dottorati. |
4.8 |
Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2317/2003 li jistabbilixxi l-programm Erasmus Mundus attwali, inċiż b) jgħid li l-“miżuri ta' proċeduri ser jipprovdu għal mekkaniżmu ta' approvazzjoni fil-livell Ewropew, sabiex jevitaw żbilanċi serji fl-oqsma ta' studju u r-reġjuni ta' provenjenza u l-Istat Membru fejn ikunu sejrin l-istudenti u l-iskulari”. Din ir-referenza tħalliet barra mill-anness għall-proposta għall-programm Erasmus Mundus il-ġdid. Jekk waħda mill-prijoritajiet tal-programm hi li jtejjeb il-profil ta' l-universitajiet Ewropej u jiżgura s-sehem tagħhom fil-programm, il-Kumitat iħoss li l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fis-selezzjoni hija prijorità, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-appoġġ mill-programm imur għall-istess Stati Membri u l-istess universitajiet. |
Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Ara l-opinjoni fuq inizzjattiva proprja tas-26.2.2003 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' ftehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004-2008), rapporteur: J.I. Rodriguez García-Caro (ĠU C 95, 23.4.2003).
(2) Idem.
(3) Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-12.12.2007 dwar Migrazzjoni u Żvilupp: opportunitajiet u sfidi, rapporteur: Sukhdev Sharma (CESE 1713/2007 — REX/236).
(4) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-25.10.2007 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp, rapporteur: L.M. Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008).
(5) Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-20.4.2006 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008), rapporteur: Ágnes Cser (ĠU C 185, 8.8.2006).
(6) Skond l-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni, s'issa aktar minn 350 università minn kważi kull pajjiż ta' l-UE kienu nvoluti fil-programm Erasmus Mundus, b'universitajiet minn 12 mis-27 Stat Membru li ġarrew ir-responsabbiltà li jikkoordinaw l-iskemi. L-informazzjoni turi wkoll li ħafna minn dawn l-iskemi involvew sħubijiet ma' aktar minn 4 universitajiet minn pajjiiżi differenti.