25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall- Politika ta' l-Impjiegi ta' l-Istati Membri

COM(2007) 803 finali/2 (Parti V) — 2007/0300 (CNS)

(2008/C 162/24)

Nhar is-17 ta'Jannar 2008 il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-Politika ta' l-Impjiegi ta' l-Istati Membri(skond Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta' Jannar 2008 Ir-rapporteur kien is-Sur Greif.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'147 voti favur, 5 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE laqa' l-approċċ il-ġdid integrat u ċ-ċiklu multi-annwali kemm fl-opinjoni tiegħu dwar l-adozzjoni tal-linji gwida għall-2005-2008 (1) kif ukoll f'opinjonijiet numerużi oħra, u indika, inter alia, li l-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jridu jiġu kkonsultati u involuti b'mod ġenwin fl-istadji kollha tal-koordinazzjoni tal-politika ta' l-impjieg.

1.2

Il-KESE indika li wieħed mill-aspetti li jwasslu għas-suċċess tal-programmi ta' riforma nazzjonali huwa l-parteċipazzjoni kemm jista' jkun wiesgħa ta' l-atturi soċjali relevanti kollha — b'mod partikolari l-imsieħba soċjali — f'kull fażi tal-proċess. F'dan ir-rigward, il-Kumitat esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li, f'dawn l-aħħar snin, il-livell ta' konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u d-dibattitu mas-soċjetà ċivili ma kienux sodisfaċenti. Għalhekk il-KESE iħoss li huwa importanti li jissaħħu s-sistemi ta' relazzjonijiet industrijali fil-livell ta' l-UE u dak nazzjonali.

1.3

F'dan l-isfond, il-Kumitat huwa diżappuntat għall-darb'oħra li ż-żmien bejn il-pubblikazzjoni tal-proposta għal-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-deċiżjoni nnifisha huwa tant qasir li ma jippermettix ħin biżżejjed għal diskussjoni approfondita u konsultazzjoni. Il-Kumitat għalhekk iżomm id-dritt li jerġa jeżamina l-istrateġija fid-dawl tas-Summit tar-Rebbiegħa 2008.

1.4

Il-Kumitat għamel diversi proposti dwar il-Linji Gwida għall-Impjieg fi ħdan l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjiegi f'opinjonijiet varji. B'antiċipazzjoni taż-żmien ristrett indikat, il-KESE ġabar flimkien dawn il-proposti kollha flimkien u bagħthom lis-servizzi tal-Kummissjoni relevanti li laqgħuhom tajjeb (2).

1.5

Għalkemm il-linji gwida bl-ebda mod ma' tilfu l-validità bażika tagħhom, il-Kumitat jinnota li s-sett il-ġdid ta' linji gwida ta' l-impjieg huma identiċi mal-pakkett preċedenti. It-test li jakkumpanjah, però, ġie kemm kemm aġġornat u xi ftit mill-proposti tal-Kumitat jinsabu fit-test.

1.6

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproduċi anness b'lista tal-miri kollha kwantifikabbli fil-linji gwida bħala proċedura standard sabiex tagħmilhom aktar trasparenti.

1.7

Minħabba fl-iskadenzi eżistenti, il-Kumitat jirrepeti l-veduti ewlenin tiegħu dwar ċerti aspetti li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati waqt it-teħid tad-deċiżjoni, minħabba fil-ħtieġa ġenerali li jiġu adattati l-Linji Gwida għall-Impjieg Dawn qed jitniżżlu fis-sinteżi tal-proposti hawn taħt (3).

2.   Sinteżi ta' proposti speċifiċi tal-KESE

2.1   Ambizzjonijiet u miri li jistgħu jitkejlu

Il-Kumitat ifakkar fil-ħtieġa li:

jiġu stabbiliti objettivi ħafna aktar ambizzjużi effettivi u li jistgħu jitkejlu, li jkunu jistgħu jiġu evalwati fil-linji ġodda ta' gwida fil-livell ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri, u sabiex il-Kummissjoni tingħata aktar poteri ta' applikazzjoni. f'dan il-kuntest, iridu jsiru sforzi serji sabiex jiġi evitat li l-objettivi ta' l-istrateġija l-ġdida ta' Lisbona jiddagħjfu u għalhekk irridu nerġgħu niffukaw fuq miri Ewropej kwantitattivi, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-attivazzjoni, l-edukazzjoni, u t-tagħlim tul il-ħajja, l-impjiet taż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

skeda u proċess li jistgħu jiġu kkomunikati b'mod xieraq lill-partijiet kollha kkonċernati, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni massima u jkun hemm biżżejjed ħin għar-risposti, fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, fl-istadju ta' żvilupp; fuq kollox, f'dan il-kuntest, il-parteċipazzjoni ta' l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-KESE mill-aktar fis possibbli fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji ta' gwida kif ukoll fis-segwitu;

titjib fil-ġbir ta' informazzjoni sabiex il-proċess ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni jitħaffef;

il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma għandhom jinkludu aktar evidenza konkreta ta' objettivi mfissra, skedi, spejjeż u stimi baġitarji, b'dan il-mod, dawn isiru iktar ambizzjużi u jkun hemm titjib kwalitattiv notevoli fir-rigward ta' ħin, responsabilità, impenn ta' riżorsi u finanzjar li jinkludi objettivi speċifi sabiex jiġu identifikati riżorsi baġitarji adattati għal politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri individwali;

enfasi akbar fuq l-inklużjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali b'objettivi speċifiċi u rikonoxximent akbar tal-ħtiġiet tal-politika soċjali; f'dan il-kuntest, irid isir sforz ħafna aktar effettiv sabiex ikun żgurat li l-iżviluppi posittivi fl-oqsma ekonomiċi u ta' l-impjieg jirrinforzaw ukoll l-inklużjoni soċjali fi ħdan l-Istrateġija ta' Lisbona; għal din ir-raġuni, għandu jkun hemm enfażi ikbar fuq l-objettivi soċjali komuni ta' l-Istati Membri ħalli tiġi promossa l-inklużjoni soċjali (per eżempju l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni tan-nies u l-gruppi li l-aktar li huma marġinalizzati) fis-sett il-ġdid tal-linji gwida.

2.2   L-impjieg taż-żgħażagħ

Il-Kumitat ifakkar fil-ħtieġa li:

miri għal kull Stat Membru sabiex l-għadd ta' żgħażagħ qiegħda jitnaqqas b'ta' l-anqas 50 % fil-perijodu 2006-2010 sabiex tkun ċara li l-ġlieda kontra l-qagħad fost iż-żgħażagħ teħtieġ sforzi akbar mill-partijiet interessati kollha;

enfasi akbar fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'garanzija li jkollhom l-ewwel impjieg li joffri prospetti għall-futur; u, f'dan il-kuntest, l-implimentazzjoni ta' miżuri li jnaqqsu r-riskju li ż-żgħażagħ jibqgħu maqbuda f'impjiegi b'kuntratti qosra u li ma jkunux sikuri;

approċċ aktar rigoruż u ffokat fir-rigward tat-taħriġ professjonali sabiex jinbnew mogħdijiet li jwasslu lejn l-impjieg għaż-żgħażagħ, u tat-tagħlim tul il-ħajja sabiex jonqas il-qagħad fost iż-żgħażagħ; l-edukazzjoni u r-relazzjoni tagħha mas-suq modern tax-xogħol hija kwistjoni prinċipali fis-sens li hemm nuqqas ta' kompetenzi bażiċi u intermedjarji u nuqqas ta' koerenza bejn il-kompetenzi u l-kwalifiki fir-rigward tas-suq ta' l-impjiegi.

l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħarsien soċjali li jippermettu liż-żgħażagħ ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet li jiddeterminaw il-futur tagħhom stess; f'dan il-kuntest, miżuri li jippromovu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, b'mod partikolari li jikkombattu l-problema ta' żgħażagħ li la huma fl-edukazzjoni u lanqas fit-taħriġ, f'impjieg jew reġistrati bħala qiegħda.

jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola b'50 % fil-perijodu 2006-2010 u tinġieb 'il quddiem l-esperjenza tax-xogħol fil-kumpaniji;

l-iżvilupp ta' inċentivi u appoġġ adattati għall-kumpaniji sabiex jimpjegaw iktar żgħażagħ u ħaddiema mdaħħla fl-età li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet partikulari fit-tfittxija ta' l-impjieg.

tnaqqis tal-perijodu massimu ta' sitt xhur għat-tfittxija ta' l-impjieg/postijiet tat-taħriġ li fi tmiemu ż-żgħażagħ jiġu offruti bidu ġdid (huwa notat li fil-linja gwida 18 dan il-perjodu jonqos għal 4 xhur sa' l-2010);

il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza, l-appoġġ għal nies b'diżabilitajiet u l-integrazzjoni ta' l-immigranti.

2.3   L-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Kumitat jisħaq għal darb'oħra li:

prijoritajiet komuni fil-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-impjieg huma meħtieġa sabiex tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; inter alia, għandu jkun hemm proposti ta' politika konkreti mmirati li jinkoraġġixxu ġenituri li huma waħedhom sabiex jiżviluppaw ħiliet li huma mfittxija fis-suq u li jiffaċilitawlhom l-aċċess għall-impjiegi;

l-imsieħba soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar aspetti oħra li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-kriterji tal-ġeneru;

gvernijiet nazzjonali, korpijiet nazzjonali għall-ugwaljanza u l-imsieħba soċjali ta' l-Istati Membri kollha għandhom oġġezzjoni serja sabiex jiżguraw li s-sistemi ta' pagi li jimplimentaw ma jwasslux għal-diskriminazzjoni fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel;f'dan il-kuntest, il-linji gwida ta' l-UE għandhom jirrinfurzaw, kemm fil-livell nazzjonali u tal-kumpaniji, objettivi għall-paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz ta' indikaturi speċifiċi; bħala konsegwenza, għandhom jiddaħħlu miri sabiex tonqos id-differenza bejn is-sessi fejn jidħol it-taħriġ vokazzjonali u fit-teknoloġija, u jonqsu d-differenzi fil-pagi fil-mument tar-reklutaġġ;

hemm bżonn ta' miżuri sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni eżistenti fis-suq tax-xogħol u l-kawżi strutturali ta' differenzi bejn is-sessi fir-rigward tad-dħul finanzjarju, speċjalment il-promozzjoni ta' miżuri ta' ħarsien soċjali għan-nisa, partikularment permezz ta' mezzi li jnaqqsu x-xogħol għal perjodu qasir, part-time, li ma joffrix sikurezza u sabiex titjieb ir-regolamentazzjoni tax-xogħol part-time (per eżempju l-estensjoni tad-dritt ta' xogħol part-time għall-ġenituri, bid-dritt li jirritornaw għax-xogħol full-time iżjed tard; parteċipazzjoni aħjar fi programmi ta' taħriġ ulterjuri pprovduti fuq il-post tax-xogħol);

hemm bżonn ta' objettivi ġodda speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tax-xogħol, b'indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, sabiex jitneħħew l-istereotipi marbutin mal-ġeneru u r-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw in-nisa li jibdew karriera f'setturi speċifiċi u li jsiru intraprendituri (4);

il-kurrikula nazzjonali għandhom jinkludu l-edukazzjoni għall-intraprenditorija fit-tieni u t-tielet livelli, speċjalment fost it-tfajliet, u għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiżdied in-numru ta' gradwati nisa fid-dixxiplini xjentifiċi u tekniċi ħalli jindirizzaw id-differenzi fl-impjieg li jeżistu bejn is-sessi f'oqsma tekniċi bħall-inġinerija u s-servizzi marbuta ma' l-ICT;

trid tingħata attenzjoni akbar lill-ugwaljanza ta' bejn is-sessi u l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja; f'dan il-kuntest trid tonqos is-segmentazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol, speċjalment permezz ta' miżuri effettivi għar-rikonċiljar bejn il-karriera u l-familja (b'mod partikulari l-iżvilupp massiv ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal li jkunu aċċessibbli ħafna u ta' kwalità għolja u forom varji ta' appoġġ għal dawk li għandhom bżonn il-kura u l-familji tagħhom, inklużi faċilitajiet ta' kura li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum).

hemm bżonn li jiġi promoss b'mod effettiv il-qsim tal-kompiti bejn il-ġenituri (speċjalment inċentivi għaż-żieda fil-kontribut tal-missier lejn it-trobbija) u li jitneħħew il-miżuri tal-politika tal-familja li jinkoraġġixxu lill-ġenituri li jitilqu s-suq tax-xogħol b'mod permanenti jew għal perjodi twal; il-ġenituri għandhom ikunu jistgħu jmorru lura fis-suq tax-xogħol; konċessjonijiet għall-leave tal-ġenituri m'għandhomx jolqtu d-dħul finanzjarju b'mod negattiv, ifixklu l-avvanz tal-karriera tal-mara jew joħolqu ostakli ġodda għat-tqassim tal-kura tat-tfal bejn il-koppja.

2.4   Ħaddiema mdaħħla fl-età, ħaddiema b'diżabbiltà, ħaddiema immigranti

Il-Kumitat kien talab għal:

sforzi akbar li jikkumbattu l-ħafna forom ta' diskriminazzjoni u żvantaġġi li jippersistu fir-rigward ta' età, sess, diżabbiltà jew oriġini etnika, partikularment f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-edukazzjoni, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-impjieg kontinwu; leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu osservati b'mod adegwat;

aktar attenzjoni fir-rigward ta' l-impatt tal-bidla demografika u l-isfidi li ġġib magħha x-xjuħija tal-ħaddiema; f'dan il-kuntest, iktar investiment fil-kwalità ta' l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jibbenefikaw ħaddiema mdaħħla fl-età; sabiex il-ħaddiema jsiru iktar kapaċi fiżikament u mentalment li jibqgħu attivi fix-xogħol għal żmien itwal, partikolarment billi ħaddiema aktar imdaħħla fl-età jiġu nkoraġġuti li jipparteċipaw iktar f'taħriġ ulterjuri u billi jonqsu l-pressjonijiet fuq ix-xogħol u billi l-kondizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati (eż. inċentivi għall-iżvilupp tal-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, it-tnedija ta' programmi azjendali għall-promozzjoni tas-saħħa li jkunu ġeneralment disponibbli, mediċina preventiva u programmi għall-protezzjoni ta' l-impjieg);

miżuri li jżidu l-kuxjenza dwar il-ħaddiema li huma mdaħħla fl-età (apprezzament tal-valur ta' l-esperjenza u t-trasferiment tal-ħiliet li nkisbu tul il-ħajja tax-xogħol lil ħaddiema iżgħar) u parir u appoġġ għall-kumpaniji, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fl-ippjanar bil-quddiem tal-persunal u l-iżvilupp ta' tipi ta' organizzazzjoni ta' xogħol li jiffavorixxu lill-ħaddiema ta' età avvanzata.

priorità ogħla għal kwistjonijiet marbuta mad-diżabbiltà fil-pjanijiet nazzjonali ta' riforma u parteċipazzjoni akbar ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tad-diżabbiltà fit-tfassil ta' pjanijiet ta' riforma; f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ntalbet li tanalizza l-impatt u tesplojta sinerġiji possibbli li x-xogħol flessibbli u l-miżuri ta' sostenn jistgħu joħolqu għaż-żjieda fir-rata ta' l-impjieg tan-nies b'diżabbiltà;

tisħiħ u monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-politiki ta' l-immigrazzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ippjanar nazzjonali għall-impjiegi.Attenzjoni partikulari għandha tingħata hawnhekk lill-appoġġ individwali ta' (qabel) id-dħul fl-iskola u investiment minn kmieni f'ħiliet relatati mal-lingwi u l-vokazzjonijiet kif ukoll it-tneħħija ta' l-ostakli istituzzjonali li jfixklu l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri u l-prevenzjoni tad-dumping tal-pagi;

monitoraġġ u azzjoni sabiex tiġi assigurata ż-żamma ta' bilanċ ta' forza tax-xogħol kompetenti u kwalifikata, neċessarja għas-sostenibbiltà;filwaqt li l-KESE jappoġġja l-mobilità tal-ħaddiema fl-Istati Membri, huwa mħasseb mill-impatt li t-trasferiment ta' ħaddiema kwalifikati u ċ-ċaqliq ta' kompetenzi minn pajjiż ta' l-UE għal ieħor għandhom fuq il-pajjiż ta' oriġini.

2.5   Kwalità ta' l-impjiegi u swieq tax-xogħol transizzjonali

Il-Kumitat ifakkar fil-ħtieġa għal:

miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u għalhekk li jitwaqqaf indiċi Ewropew li jiddeskrivi l-kwalità tal-ħajja u għandu jinbena fuq kriterji ta' “xogħol ta' kwalità” bbażati fuq ir-riċerka, u għandu jkun miġbur u ppubblikat b'mod regolari. Indiċi bħal dan jista' jintuża sabiex jinxteħet dawl fuq il-bidliet u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-effetti fuq il-produttività;

żjieda fis-sigurtà ta' l-impjieg u l-prevenzjoni tan-“nassa ta' l-impjieg mingħajr sigurtà”, fost affarijiet oħra billi jiġi żgurat li n-nies qiegħda ma jiġux obbligati jieħdu impjiegi li ma joffru l-ebda sigurtà, billi jkun hemm ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u billi nħarsu kontra l-isfruttar ta' ħaddiema impjegati fuq kuntratti qosra;

il-ħarsien tal-ħaddiema mid-diskriminazzjoni;

diversi miżuri oħra li jtejbu s-sistemi operattivi tal-ħarsien tas-saħħa, għal objettivi ta' l-impjiegi li jippromovu l-prevenzjoni u l-promozzjoni ta' stili ta' ħajja sani, bil-għan li jonqos il-piż tal-mard, tiżdied il-produttività fix-xogħol, u titwal il-ħajja tax-xogħol;

miżuri li jimmodernizzaw u jtejbu, fejn neċessarju, il-protezzjoni soċjali marbuta ma' forom ta' impjieg li m'humiex konvenzjonali;

tneħħija ta' l-ostakli li jiffaċċjaw il-persuni b'obbligazzjonijiet ta' kura meta (jerġgħu) jidħlu fis-suq u jfittxu li jibqgħu fl-impjieg (u inċentivi għal iktar parteċipazzjoni mill-missirijiet fir-responsabblitajiet ta' kura);

l-iżvilupp ta' swieq tax-xogħol transizzjonali għal gruppi soċjalment esklużi b'inċentivi adattati għall-kumpaniji sabiex jieħdu iktar ħaddiema, b'appoġġ simultanju għall-ħaddiema sabiex jegħlbu l-problemi li huma s-sors ta' l-esklużjoni soċjali tagħhom (jeħtieġ li nilqgħu kontra esplojtazzjoni mhux mixtieqa u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni);

inizjattivi għal impjieg mingħajr qligħ, speċjalment fl-ekonomija soċjali, għandhom rwol partikulari x'jaqdu hawnhekk; proviżjoni għal appoġġ adattat fil-baġits tal-politika ta' l-impjieg.

2.6   Il-Flessigurtà

Il-Kumitat għamel dawn il-proposti li ġejjin:

l-imsieħba soċjali għandhom ikunu protagonisti fi kwalunkwe dibattitu dwar il-flessigurtà u għandu jkollhom rwol privileġġat fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u d-definizzjoni tal-kunċett;

it-tisħiħ tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fil-livelli Ewropej u nazzjonali huwa essenzjali; l-imsieħba soċjali għandhom jipparteċipaw b'mod attiv, jinnegozjaw, jinfluwenzaw u jieħdu responsabilità għad-definizjoni, il-komponenti u r-riżultati tal-flessigurtà; għalhekk meta l-programmi ta' riforma nazzjonali jkunu qed jiġu vvalutati, għandu jkun hemm diskussjoni dwar kif is-sistemi tad-djalogu soċjali u tal-ftehim kollettiv jistgħu jiġu msaħħa;

il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu iktar attenzjoni lill-ugwaljanza bejn is-sessi u lis-solidarjetà interġenerazzjonali fil-kuntest tal-flessigurtà; in-nisa, il-ħaddiema mdaħħla fl-età u ż-żgħażagħ huma ta' sikwit żvantaġġati fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-flessibbiltà u s-sigurtà, u wieħed għandu jfittex li jkun hemm konverġenza 'l fuq għal dawn il-gruppi, flimkien ma' miżuri li huma jekk jista' jkun favorevoli;

l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jesploraw it-titjib ta' l-adattabilità permezz tal-flessibilità interna u jagħmluha dimensjoni vijabbli u aċċettabbli tal-flessigurtà; il-flessibbiltà interna tista' taqdi rwol prinċipali fl-avanz tal-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività, u b'hekk tista' tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

għandu jiġi segwit bilanċ bejn il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema; l-aħjar garanzija għal dan huwa permezz ta' regolamenti stabbiliti fin-negozjar kollettiv, skond il-prattiċi nazzjonali; negozjar bħal dan dwar il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol jeħtieġ l-appoġġ ta' kuntest sod ta' drittijiet, istituzzjonijiet soċjali li jaħdmu sew u sistemi ta' sigurtà soċjali li huma favur l-impjieg.

2.7   L-investiment, l-innovazzjoni u r-riċerka

Il-Kumitat talab għal:

ambjent makroekonomiku favorevoli, b'enfasi fuq politika ekonomika orjentata lejn it-tkabbir sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet ċikliċi persistenti u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

aktar konsistenza sabiex l-investiment jiġi integrat fir-riċerka, l-iżvilupp u fl-innovazzjoni, kemm sabiex tiġi stimolata l-ekonomija kif ukoll sabiex jiġu żviluppati impjiegi ġodda;f'dan il-kuntest, hemm bżonn li wieħed jinnota li ħafna mill-programmi ta' riforma għadhom ma tantx qed jagħtu kas tal-ħtieġa li jiġu adottati miżuri orjentati lejn it-talba sabiex jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi flimkien mar-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol.

żjieda fid-diskrezzjoni baġitarja għal investimenti xierqa fl-infrastruttura fl-Istati Membri; f'dan il-kuntest, il-programmi ta' riforma nazzjonali jistgħu, sa fejn hu possibbli, jiġu mfassla b'tali mod li jirriżultaw fi programm li jkopri l-Ewropa għall-istimulazzjoni ta' l-ekonomija.

kundizzjonjiet ta' qafas xierqa li jwasslu kemm għat-talba esterna kif ukoll dik interna sabiex jiġi esplojtat kemm jista' jkun il-potenzjal għat-tkabbir u l-livell massimu ta' impjiegi; f'dan ir-rigward ġie indikat li huma biss xi ftit Stati Membri li jitfgħu biżżejjed enfażi fuq l-istimolazzjoni ta' l-ekonomija fil-programmi ta' riforma tagħhom.

l-importanza li jkun hemm fondi xierqa fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jiġu implimentati l-miżuri dwar il-politika ta' l-impjiegi; f'dan ir-rigward, ġie nnotat li d-diskrepanzi bejn il-proposti għall-inizjattivi għall-politika tas-suq tax-xogħol u n-nuqqas ta' fondi baġitarji trid tiġi eliminata f'ħafna pajjiżi.

Brussell, il-15 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni KESE tal-31.5.2005 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE, rapporteur: is-Sur Malosse (ĠU Ċ 286 tas-17.11.2005).

(2)  Dalwaqt ser jiġi ppubblikat ktejjeb bil-proposti tal-KESE. Għall-opinjonijiet tal-KESE dwar l-impjieg u kwistjonijiet relatati, ara http://eesc.europa.eu/sections/soc/index_en.asp.

(3)  l-Opinjonjiet li ġejjin qed jiġu kkwotati fis-sinteżi: Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-Politika ta' l-Impjiegi ta' l-Istati Membri rapporteur: is-Sinjura O'Neill (ĠU Ċ 168 ta' l-20.7.2007); Opinjoni tal-KESE tat-12.7.2007 dwar L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (l-Istrateġija ta' Lisbona) rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 256 tas-27.10.2007); Opinjoni tal-KESE tas-26.10.2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politiki Ewropej rigward iż-żgħażagħL-Indirizzar tal-problemi taż-żgħażagħ fl-EwropaL-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva; rapporteur: is-Sinjura van Turnhout (ĠU C 28 tat-3.2.2006); Opinjoni tal-KESE tat-13.9.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006–2010, rapporteur: is-Sinjura Attard (ĠU C 318.12.2006); Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2007 dwar Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjaliir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 256 tas-27.20.2007); Opinjoni tal-KESE tas-17.1.2007 dwar Opportunitajiet indaqs għal nies b'diżabilità (ma tinsabx bil-Malti) rapporteur: is-Sur Joost (ĠU C 93 tas-27.4.2007); Opinjoni tal-KESE tas-26.9.2007 dwar Il-promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa rapporteur: is-Sinjura Kurki (ĠU C 10 tal-15.1.2008); Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2007 dwar il-Flessigurtà (id-dimensjoni tal-flessibilità internain-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strumenti għar-regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol) rapporteur: is-Sur Janson (ĠU C 256 tas-27.10.2007); Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri (ma tinsabx bil-Malti) rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 195 tat-18.8.2006); opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar il-Proposta għall-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, rapporteur: Is-sur Rodríguez García –Caro (ĠU C 175 tas-27.7.2007); Opinjoni tal-KESE tas-6.4.2005 dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar kooperazzjoni Ewropea ulterjuri fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, rapporteur: Is-Sur Soares (ĠU C 255 tal-14.10.2005).

(4)  F'dan il-kuntest ara wkoll l-opinjonijiet li ġejjin: Opinjoni tal-KESE tas-6.7.2006 dwar It-trawwim ta' mentalitajiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim, rapporteur: Is-sinjura Jerneck (ĠU C 309 16.12.2006) (L-opinjoni ma tinstabx bil-Malti) u opinjoni tal-KESE tal-25.10.2007dwar L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona, rapporteur: Is-sinjura Sharma, ko-rapporteur Is-sinjur Olsson (SOC/267) (L-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata)