25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-taħlita enerġetika fit-trasport

(2008/C 162/12)

B'ittra datata d-19 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jelabora opinjoni esploratorja, dwar:

It-taħlita enerġetika fit-trasport

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it- 18 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'130 voti favur, 11-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' t-talba tal-viċi-president tal-Kummissjoni u l-Kummissarju tat-trasport Jacques Barrot, li jfassal opinioni dwar it-tema It-taħlita enerġetika fit-trasport, b'appoġġ u b'konvinzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat djalogu kostanti bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat, li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata.

1.2

Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tar-Rebbiegħa li identifika l-prioritajiet li ġejjin:

Iż-żieda fis-sikurezza tal-provvisti,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

1.3

Il-politiki tal-linji gwida tat-taħlita enerġetika l-aktar xierqa, intant, iridu jimxu ma' dawn il-prijoritajiet, kif wara kollox il-Kummissjoni diġà għamlet bil-komunikazzjoni Fuel Target 2001-2020.

1.4

Il-KESE, minkejja li jqis li għal ħafna snin, iż-żejt ser jibqa' l-karburant prinċipali għat-trasport, u li l-gass naturali, li ukoll m'huwiex riżorsa rinnovabbli, jista' jappoġġja u parzjalment jissostitwixxi d-dervanti taż-żejt, iqis li huwa indispensabbli li jiżdied b'mod deċiżiv l-iffinanzjar tar-riċerka dwar il-produzzjoni u l-użu ta' l-idroġenu u l-agro-karburanti tat-tieni ġenerazzjoni; għalhekk jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fid-9 ta' Ottubru 2007 iddeċidiet li tiffinanzja inizjattiva teknoloġika konġunta li tiswa' biljun euro, għall-perjodu 2007-2013 u jassoċja ruħu mat-talbiet li ġejjin mid-dinja ta' l-intraprenditorija u tar-riċerka attivi fis-settur ta' l-iżvilupp ta' l-użu ta' l-idroġenu, sabiex il-Kunsill u l-Parlament jħaffu l-proċess ta' l-approvazzjoni tal-proposta.

1.5

Il-preokkupazzjoni li dejjem qed tiżdied fost il-pubbliku dwar il-kambjamenti klimatiċi, ir-riskji li ġejjin mill-għoli tat-temperatura medja tal-pjaneta li, mingħajr interventi partikulari, tista' tasal għal żieda ta' bejn it-2 °C u s-6,3 °C, iwasslu sabiex jissaħħu l-mezzi kollha li huma adattati biex jirreżistu l-effetti negattivi li ġejjin mill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera. Il-KESE japprezza l-ħidma ta' l-EAA u l-kontribut importanti li tagħti biex ixxerred l-informazzjoni dwar l-andament tal-ġlieda kontra t-tniġġis ta' l-arja.

1.6

Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tat-28 ta' Ġunju 2007 u jappoġġja l-proposta ta' reviżjoni min-naħa tal-Kummissjoni tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali bil-prijoritajiet identifikati:

tiġi trattata il-bidla fil-klima,

jiġi mwaqqaf it-telf fil-bijodiversità,

jiġu mnaqqsa l-effetti negattivi tat-tniġġis fuq is-saħħa,

jiġi promoss l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-immaniġġjar sostenibbli ta' l-iskart.

1.7

Fis-setturi kollha tat-trasport qed jiġu studjati soluzzjonijiet li jwasslu sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi u l-aġenziji prinċipali Ewropej qed jidderiġu l-isforzi tagħhom sabiex jinkisbu riżultati konkreti fi ftit snin. L-għażla li t-trasport bl-ajru, li qiegħed jikkontribwixxi dejjem aktar lejn il-produzzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra, jidħol fis-sistema ta' ċertifikati ta' l-emissjonijiet, ser tagħmilha possibbli li jitħaffef l-iżvilupp ta' karburanti ġodda. Diġà xi kumpaniji qegħdin jaraw huwiex possibbli li jużaw l-agro-karburanti, filwaqt li r-riżultati li nkisbu bl-idroġenu għadhom parzjali, u l-alternattiva ta' l-idroġenu għad fadlilha ħafna x'tiżviluppa. Il-muturi l-kbar tal-baħar jaqilbu aktar faċilment għall-użu ta' karburanti mħallta b'kontenut iktar baxx ta' karbonju, filwaqt li f'dak li jirrigwarda t-trasport tal-ferrovija, il-kombinazzjoni elettriku/żvilupp ta' sorsi rinnovabbli żgur li tista' ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-ferroviji attwali li hi eċċellenti.

1.8

L-aħjar karburant huwa dak iffrankat. Skond il-KESE, l-għażla li wieħed għandu jiġbed lejha b'mod ċar għall-aħjar taħlita enerġetika, għażla li dejjem aktar għandha tkun parti mill-politika komunitarja, trid tqis dawn il-fatturi kollha, bi prijorità ċara għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u tal-pjaneta. Politiki fiskali, inċentivi, rakkomandazzjonijiet u regolamenti għandhom dejjem iqisu din il-prijorità, favur għażla li hi aktar kompatibbli ma' l-ambjent u ekonomikament aktar sostenibbli. Hemm bżonn li biex inkunu nistgħu niffrankaw, niffavorixxu t-trasport pubbliku u l-mezzi tat-trasport alternattivi, u ssir l-għażla ta' politika ekonomika u soċjali li żżid il-mobbiltà tal-persuni u tnaqqas dik mhux meħtieġa ta' l-oġġetti.

1.9

Il-KESE huwa konvint li l-futur tat-trasport irid jibbaża fuq it-tnaqqis progressiv tal-karbonju mill-karburanti u l-mira ta' l-ebda emissjonijiet. Il-produzzjoni ta' l-H2 mill-enerġija rinnovabili, bħall-bijomassa, il-fotolisi (photolysis), l-enerġija solari termodinamika jew fotovoltajka (photovoltaic), l-enerġija mir-riħ jew dik idrika hija l-unika għażla li m'hijiex awto-illużjoni ekoloġika, peress li l-idroġenu bħala element ta' enerġija merfuha, jippermetti li jissinkronizza l-provvista ta' l-enerġija li hi perjodika fin-natura tagħha (lejl/jum, annwalità eċċ.) u d-domanda għall-enerġija li hija varjabbli u awtonoma.

1.10

L-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-kombustjoni u tat-trazzjoni ippermetta id-diffużjoni mgħaġġla ta' karozzi li jimxu b'sistema ibrida. Biex jitrażżnu l-emissjonijiet, l-aħjar soluzzjoni tidher li hi t-trazzjoni kompletament elettrika, bl-iżvilupp tal-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, jew l-użu ibridu ta' gass naturali u idroġenu, almenu sakemm ikun hemm disponibbiltà notevoli. Possibbiltà oħra intermedja hija l-użu ta' taħlita ta' idroġenu u metan, b'perċentwal baxx ta' idroġenu. Dan il-metodu jirrappreżenta bidu lejn l-użu ta' l-idroġenu għat-trasport.

1.11

L-użu ta' l-idroġenu bħala kanal ta' enerġija adattat għall-użu fit-trasport, minkejja l-limiti li hemm attawlment, huwa l-isfida tal-futur, u l-possibbiltà li fit-toroq jibdew jiċċirkulaw karozzi li parzjalment jew kompletament jużaw l-idroġenu tista' ssir realtà fi żminijiet relattivament qosra, sakemm ir-riċerka tkompli tiġi appoġġjata mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej. Minn dan il-lat jidhru inkoraġġanti r-riżultati tal-proġett CUTE (Clean Urban Transport for Europe).

1.12

Il-KESE, kif diġà semma b'rabta mat-tema ta' l-effiċjenza enerġetika, iqis li jkun utli ħafna li jkun hemm portal ta' l-internet fejn ir-riċerki li jsiru fil-qasam akkademiku u l-esperimenti li jseħħu fil-livell nazzjonali, fir-reġjuni u fil-bliet, ikunu jistgħu jiġu mressqa quddiem pubbliku aktar wiesgħa u b'mod partikolari l-amministrazzjonijiet lokali. Il-KESE jqis li sabiex tinkiseb taħlita enerġetika ottimali, hemm bżonn ta' taħlita adegwata fit-trasport, billi tiżdied l-effiċjenza ta' l-idrokarburi u fil-prijoritajiet tat-trasport. Sakemm wieħed ikun jista' jiddependi fuq il-produzzjoni effiċjenti ta' l-idroġenu, wieħed ikollu joqgħod fuq l-użu ta' l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli. “L-isfida fit-trasport, hi li fil-qasir żmien u fejn hu possibbli jsir użu dejjem aktar ta' l-elettriku.”

1.13

Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili li, permezz ta' l-imġieba tagħha, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tnaqqis fil-konsum u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni lejn karburanti nodfa u sostenibbli. Dawn l-għażliet iridu jiġu inkorporati fil-politiki Ewropej u nazzjonali, b'enfasi fuq il-valur miżjud tal-kapaċità ta' kollaborazzjoni u koeżjoni bejn l-Istati Membri. Dan jirrikjedi d-difiża ta' valuri komuni u tal-mudell soċjali Ewropew li huwa attent biex iħares il-patrimonju ambjentali, is-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini u ta' min jgħix u jaħdem fl-Unjoni u huwa ppreokkupat bil-kundizzjoni tal-ħajja ta' l-umanità kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju għat-trasport Jacques Barrot, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji Opinjoni dwar It-taħlita enerġetika fit-trasport.

2.2

Il-Kumitat jaqsam il-preokkupazzjoni tal-Kummissarju tat-trasport dwar il-provvista tal-karburanti u l-ħtieġa li jiġu antiċipati l-analiżi u l-istudji dwar is-soluzzjonijiet possibbli fejn jidħol kemm l-iżvilupp tal-politika tat-trasport kif ukoll in-neċessità li jsiru l-provvedimenti għall-karburanti differenti.

2.3

L-isfidi kontestwali li l-Unjoni għandha quddiema sabiex l-objettivi tal-protokoll ta' Kyoto jintlaħqu kompletament, l-emerġenza marbuta mal-bidla fil-klima, it-tnaqqis tad-dipendenza fuq pajjiżi terzi għall-provvista enerġetika, li jiġu segwiti l-għażliet li saru bl-Aġenda ta' Lisbona, li jiġu segwiti l-objettivi previsti mill-white paper dwar it-trasport u l-iżvilupp ta' l-intermodalità, jitfgħu importanza kbira fuq din it-tema fl-istrateġija ta' l-Unjoni għall-enerġija.

2.4

Fl-2001 il-Kummissjoni indikat il-ħtieġa li tiġi affrontata t-tema tat-taħlita tal-karburanti, bil-komunikazzjoni Fuel Target 2001-2020, fejn indikat xi objettivi għall-karburanti li m'humiex żejt, filwaqt li qieset dan ix-xenarju possibili u kompatibbli:

il-gas naturali jista' jżid is-sehem tiegħu fis-suq għal madwar 10 % fl-2020,

l-idroġenu huwa potenzjalment il-kanal prinċipali ta' l-enerġija fil-futur. Il-kontribut ta' l-idroġenu għall-konsum tal-karburant jista' jilħaq perċentwal baxx,

il-karburanti prodotti mill-bijomassa għall-likwidu (BTL, biomass-to-liquid) jistgħu jilħqu l-kwota tas-sehem ta' l-agrokarburanti bil-kumdità, 'il fuq minn 6 % għall-2010, bi stima tal-potenzjal totali ta' madwar 15 %, għall-karburanti li ġejjin mill-bijomassa.

il-gas taż-żejt likwidu (GPL) huwa karburant alternattiv ikkonsolidat għall-vetturi, bl-objettiv ta' żieda fis-sehem mis-suq li possibbilment tilħaq il-5 % sa' l-2020,

fil-qosor, il-karburanti alternattivi għandhom il-potenzjal li jkabbru s-sehemhom fis-suq fid-deċenni li jmiss, u fuq perjodu twil, li jaqbżu l-objettivi indikati għall-2020.

2.5

Il-KESE appoġġja din il-komunikazzjoni u f'opinjoni fuq inizjattiva proprja (1) identifika fl-iżvilupp tal-gass naturali (2), ir-riċerka fuq l-agrokarburanti, u t-titjib fil-prestazzjoni enerġetika tal-karburanti fil-kummerċ, it-triq li wieħed għandu jaqbad biex isseħħ id-diversifikazzjoni tal-provvista u fl-istess waqt tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra.

3.   Il-bidla fil-klima

3.1

Numru dejjem jikber ta' xjenzati jaqblu li l-klima qiegħda tiġi influwenzata b'mod dirett mill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. It-temperatura medja fis-seklu 20 żdiedet b'madwar 1 °C, u fuq il-bażi tal-mudelli klimatiċi attwali li jirriflettu t-tendenzi ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, qegħda tiġi ipotizzata l-possibbiltà li t-temperatura medja globali tiżdied bejn 2 °C u 6,3 °C, b'effetti diżastrużi fuq it-temp, il-livell tal-baħar, il-produzzjoni agrikola u attivitajiet oħra ekonomiċi.

3.2

Il-Kunsill ta' l-Ambjent, li nżamm fil-Lussemburgu fit-28 ta' Ġunju 2007, ikkonferma l-validità tas-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali u tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li enfasizza l-erba' prijoritajiet li hemm fiha: li tiġi affrontata l-bidla fil-klima, li jitwaqqaf it-telf fil-bijodiversità, li titnaqqas il-ħsara tat-tniġġis fuq is-saħħa, il-promozzjoni ta' l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni sostenibbli taż-żibel.

3.3

Il-Kunsill ta' l-Ambjent ikkonferma l-istrateġija ta' integrazzjoni bejn il-politiki ambjentali u enerġetiċi u fakkar fil-ħtieġa li jinfetħu n-negozjati għal qbil globalili jwassal lil hinn mill-2012, dawn iridu jiġu konklużi sa' l-2009. Skond id-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew José Socrates, li għamel meta kien New York waqt laqgħa għolja fis-27 ta' Settembru li għadda, il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidliet klimatiċi li saret f'Bali (3), “Huwa l-forum xieraq biex jiġu diskussi l-azzjonijiet fil-futur. F'dan il-kuntest, is-summit ta' Bali ser ikun pass importanti fejn nistennew li l-komunità internazzjonali tniedi mixja ambizzjuża sabiex tiddiskuti ftehim globali dwar il-bidliet klimatiċi”. Il-preżenza ta' l-Istati Uniti, li neħħew ir-riżerva tagħhom dwar jekk jipparteċipawx biss f'nofs Ottubru, u l-vot tagħha favur ir-reżoluzzjoni finali irrinforzaw b'mod sinifikanti d-deċiżjonijiet li ser jittieħdu, fid-dawl tal-piż ta' l-ekonomija Amerikana u tar-responsabbiltà tagħha fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra fl-atmosfera.

3.4

Il-Kunsill ta' l-Ambjent enfasizza l-importanza li l-ispejjeż ambjentali jiġu internalizzati, flimkien ma' dawk tal-konsum ta' l-enerġija, sabiex jintlaħqu politiki sostenibbli fit-tul. Hija daqstant ieħor importanti li fil-politika ambjentali jkun hemm użu akbar ta' strumenti tas-suq bħat-taxxi, levies jew iċ-ċertifikati ta' l-emissjonijiet, għall-benefiċċju ta' l-ambjent. L-eko-innovazzjoni għandha tiġi integrata malajr u fuq skala wiesgħa fl-istima ta' l-impatt tal-politiki kollha rilevanti Ewropej u l-użu ta' strumenti ekomomiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsum tal-karburanti u ta' l-enerġija għandu jinfirex u jsir aktar effettiv.

3.5

Fid-29 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat il-Green Paper dwar l-emerġenza ambjentali. Waqt il-preżentazzjoni, il-Kummissarju ta' l-UE għall-ambjent, Stavros Dimas, ippropona azzjonijiet konkreti u immedjati, sabiex isir l-adattament għall-bidliet li qegħdin iseħħu: iż-żieda fit-temperatura, għarar u xita torrenzjali fit-tramuntana, nixfa u sħana qawwija fin-nofsinhar, ekosistemi f'periklu, mard ġdid — dawn huma xi wħud mill-problemi li huma deskritti fit-test.

3.6

“L-adattament jew it-tmiem: dan huwa id-destin ta' xi wħud mis-setturi fl-Ewropa” — stqarr Dimas — “l-agrikoltura, it-turiżmu, l-enerġija ser issirilhom ħsara kbira u hemm bżonn li tittieħed azzjoni issa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u umani li ser inbagħtu fil-futur”.

3.7

Id-dokument jissuġġerixxi xi soluzzjonijiet konkreti: it-tnaqqis fil-ħela ta' l-ilma, il-bini ta' digi u lqugħ kontra r-riskju ta' l-għarar, is-sejbien ta' tekniċi ġodda sabiex jiġi mħares il-ħsad, il-protezzjoni tal-faxxi tal-popolazzjoni li l-aktar jintlaqtu mill-klima l-ġdida, it-teħid ta' miżuri sabiex tiġi salvata il-bijodiversità. Madankollu, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 jibqa' l-objettiv prinċipali għall-pajjiżi kollha ta' l-UE.

4.   Il-Kunsill Ewropew

4.1

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 eżamina t-temi ta' l-enerġija u l-klima u ppropona “politika klimatika u enerġetika integrata”, u ddefiniha bħala prijorità assoluta u enfasizza “l-objettiv strateġiku li jillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali għal massimu ta' 2 °C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali”.

4.2

Il-politika enerġetika għall-Ewropa (PEE), tindika strateġija ċara bbażata fuq tliet punti:

iż-żieda fis-sikurezza tal-provvisti,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.3

Fejn tidħol il-politika tat-trasporti, “Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa ta' politika Ewropea tat-trasport effiċjenti, sigura u sostenibbli. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm tkomplija b'azzjonijiet biex tiżdied il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema Ewropea tat-trasport. Il-Kunsill Ewropew jinnota l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-valutazzjoni ta' l-ispejjeż esterni tat-trasport u l-internalizzazzjoni tagħhom”. Il-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju nnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li sa Ġunju 2008 tippreżenta mudell li jivvaluta din l-internazzjonalizzazzjoni għall-modalitajiet kollha tat-trasport, u tiżviluppa pjan għal inizjattivi oħra li jkunu koerenti mad-direttiva “Eurovignett”, billi per eżempju twessa' l-kamp ta' applikazzjoni għar-realtà urbana, billi kull tip ta' vettura u infrastruttura jsiru taxxabbli.

5.   L-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

5.1

Fejn jidħlu l-emissjonijiet, it-trasport bħalissa huwa responsabbli għal 32 % tal-konsum ta' l-enerġija totali fl-Ewropa u ta' 28 % ta' l-emissjonijiet kollha tas-CO2  (4). Is-settur huwa meqjus li huwa responsabbli tat-tkabbir fl-emissjonijiet ta' 90 % bejn l-1990 u l-2010 u jista' jkun wieħed mir-raġunijiet primarji l-għala ma jintlaħqux l-objettivi ta' Kyoto. Għat-trasport fit-toroq tal-passiġġieri hemm prevista żieda ta' 19 %, mentri t-trasport ta' l-merkanzija bit-triq għandu jiżdied b'aktar minn 50 % skond l-istimi tal-Kummissjoni.

5.2

Settur ieħor li ra tkabbir esaġerat kien dak tat-trasport bl-ajru, li rreġistra żieda fl-emissjonijiet ta' 86 % bejn l-1990 u l-2004 u li llum jagħmel 2+ % ta' l-emissjonijiet globali.

5.3

Ir-rapport TERM 2006 (Transport and Environment Reporting Mechanism)  (5) jqis li l-progress li sar fl-2006 fis-settur tat-trasport għadu m'huwiex soddisfacenti. Ir-rapport jeżamina r-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-white paper dwar it-trasport ta' l-2001 li tista' ġġib benefiċċji jew effetti negattivi, skond kif tiġi interpretata fil-livell nazzjonali u reġjonali. Minn perspettiva ambjentali, skond l-EEA, ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tbiddel l-enfasi mill-ġestjoni tat-talba tat-trasport għall-moderazzjoni ta' l-effetti negattivi attwali, jiġifieri, it-tkabbir tat-talba tat-trasport m'għadux identifikat b'mod espliċitu bħala wieħed mill-aktar temi ambjentali relevanti fil-qasam tas-settur tat-trasport. Kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-bidla fil-klima, il-ħoss, il-frammentazzjoni tal-pajsaġġ ikkawżat minn infrastruttura eċċessiva tat-trasport, għadhom jiddependu mill-bżonn li tiġi ġestita t-talba għat-trasport. Il-white paper tidher li falliet fir-rigward ta' dan l-objettiv.

5.4

Aspett ieħor importanti li r-rapport iqajjem huma s-sussidji għat-trasport li fl-Ewropa jammontaw għal ċifra ta' bejn EUR 270 u 290 biljun. Kważi nofshom huma ddestinati lejn it-trasport fit-triq, waħda mill-anqas modalitajiet eko-kompatibbli. It-trasport, minkejja li hu waħda mill-kawżi tal-problemi numerużi ambjentali bħall-bidla fil-klima, it-tniġġis ta' l-arja u l-istorbju, huwa inċentivat b'ħafna sussidji. It-trasport fit-triq jirċievi EUR 125 biljun fis-sena, l-aktar fil-forma ta' sussidji għall-infrastruttura, sakemm it-taxxi u n-nollijiet għat-trasport fit-triq ma jitqisux bħala kontribut sabiex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura. It-trasport bl-ajru, li huwa l-modalità tat-trasport li għandu l-ikbar impatt speċifiku fuq il-klima, jirċievi sussidji importanti taħt il-forma ta' trattament fiskali preferenzjali, u b'mod partikolari l-eżenzjonijiet tal-VAT u t-taxxa fuq il-karburanti, għal total ta' bejn is-EUR 27 biljun u l-EUR 35 biljun fis-sena. Il-ferrovija tirċievi għajnuna ta' EUR 73 biljun fis-sena u hija l-akbar benefiċċjarju ta' sussidji oħra mdaħħla fil-baġit. Fejn jidħol it-trasport bil-baħar, ir-rapport isemmi sussidji bejn l-EUR 14-il miljun u t-EUR 30 miljun (rapport ta' l-EEA Size, structure and distribution of transport subsidies in Europe, mhux disponibili bil-Malti).

5.5

Fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-Komunità 1990/2005 u fir-rapport ta' l-2007 huwa indikat li:

fl-UE-15 l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tnaqqsu b'0,8 % (35,2 miljun tunellata ta' ekwivalenti ta' CO2) bejn l-2004 u l-2005,

fl-UE-15 l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tnaqqsu b'2,0 % fl-2005, b'paragun mas-snin ta' bażi tal-protokoll ta' Kyoto,

fl-UE-15 l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tnaqqsu b'1,5 % bejn l-1990 u l-2005,

fl-UE-27 l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tnaqqsu b'0,7 % (37,9 miljun tunellata ta' ekwivalenti ta' CO2) bejn l-2004 u l-2005,

fl-UE-27 l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tnaqqsu b'7,9 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990.

L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport fit-triq naqqsu b'0,8 % (6 miljun tunellata ta' ekwivalenti ta' CO2) bejn l-2004 u l-2005.

6.   Is-sikurezza tas-sorsi tal-provvisti

6.1

L-Unjoni tiddependi għal aktar minn 50 % ta' l-importazzjoni ta' l-enerġija (li minnhom 91 % huwa żejt), jekk ma jkunx hemm bidla qawwija fix-xejriet, din id-dipendenza ser tiżdied għal 73 % fl-2030. Il-Kunsill, kif ukoll diversi drabi l-Parlament u l-istess Kummissjoni, tkellmu dwar din it-tema ta' importanza vitali, filwaqt li esprimew il-bżonn li titfassal politika mmirata li tilħaq l-għola livell ta' awtonomija enerġetika possibbli.

6.2

Fir-Rapport dwar l-impatt makroekonomiku taż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija (6)tal-15 ta' Frar 2007, il-PE osserva li s-settur tat-trasport jassorbi 56 % tal-konsum totali taż-żejt u esprima opinjoni favorevoli għall-adozzjoni ta' strateġija mill-UE għall-eliminazzjoni totali tal-karburanti fossili, filwaqt li ipotizza li “l-provvista ta' karburanti għat-trasport tista' tikber billi tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tal-karburanti likwidi u żjut mhux konvenzjonali mill-gass naturali u l-faħam”, jekk dan ikun ekonomikament possibbli. Barraminhekk il-PE talab l-adozzjoni ta' direttiva ta' qafas dwar l-effiċjenza enerġetika fit-trasport, l-armonizzazzjoni tal-liġi dwar it-trasport privat u l-adozzjoni ta' taxxa fuq il-vetturi fuq il-bażi tas-CO2, armonizzata bi proċeduri ta' tikketti u inċentivi fiskali sabiex jiġu varjati s-sorsi ta' l-enerġija. Fl-aħħar il-PE, sejjaħ għall-iżvilupp ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi ta' CO2, li jużaw bijokaruburant tat-tieni ġenerazzjoni u/jew bijoidroġenu (idroġenu li ġej mill-bijomassa).

6.3

Il-kriżi mar-Russja, li laħqet il-quċċata tagħha bid-deċiżjoni ta' l-ewwel ta' Jannar 2006 li titnaqqas il-provvista lil Kiev u l-instabbiltà endemika fil-Lvant Nofsani, joffru sfidi kbar lill-Ewropa: li jirnexxielha tiggarantixxi li jkollha provvisti sikuri u dejjiema, f'kuntest ta' tensjoni akbar fil-futur marbuta mad-domanda għall-karburanti fossili.

6.4

Il-produzzjoni Ewropea ta' enerġiji alternattivi u rinnovabli għas-settur tat-trasport attwalment tirrigwarda kważi b'mod esklussiv il-bijokarburanti, li attwalment ikopru l-1 % tal-ħtieġa għall-enerġija tat-trasport fl-Ewropa Fl-opinjoni (7) dwar il-progress li seħħ fl-użu tal-bijokarburanti, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li terġa tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-politika li s'issa ġiet segwita, billi tiffoka b'mod deċiżiv fuq l-agrokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni. Fl-istess waqt, hemm bżonn li jiġi promoss u sostnut l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' trasformazzjoni tat-“tieni ġenerazzjoni” li jistgħu jużaw materja prima ġejja mill-hekk imsejħa “wċuħ li jikbru malajr”, bażati prinċipalment mit-tkabbir ta' ħaxix ħażin jew wċuħ forestali, jew minn sotto-prodotti agrikoli, u b'hekk jevitaw l-użu ta' żrieragħ agro-alimentari ta' valur akbar. B'mod partikolari, il-bijoetanol u d-derivanti tiegħu, li llum jinkisbu mill-fermentazzjoni (u wara d-distillazzjoni) taċ-ċereali, kanna taz-zokkor u pitravi, fil-futur jistgħu jiġu prodott minn spettru aktar vast ta' materja prima, billi jiġu kkumbinati l-bijomassa ta' l-iskart mill-agrikoltura, il-fdalijiet ta' l-industrija ta' l-injam u l-karta u wċuħ oħra speċifiċi.

7.   It-taħlita fit-Trasport

7.1

It-taħlita enerġetika fit-trasport hi fil-parti l-kbira tagħha determinata mill-modalitajiet tat-trasport magħżula biex jilħqu l-bżonnijiet ta' vvjaġġar differenti tal-merkanzija u l-passiġġieri. Din it-taħlita ta' trasport hi importanti għaliex modalitajiet differenti ta' trasport ftit jew wisq jiddependu mill-idrokarburi. Għaldaqstant, kull strateġija għall-aħjar taħlita enerġetika fit-trasport għandha tara li tnaqqas id-dipendenza tal-passiġġieri u l-merkanzija fuq il-karburanti fossili.

7.2

L-għażliet prinċipali li għandna biex nagħmlu dan huma tnejn. L-ewwelnett li jridu jsiru bidliet fl-effiċjenza ta' l-idrokarburi u fil-prijoritajiet tat-trasport; dawn huma diskussi f'partijiet oħra ta' din l-Opinjoni. It-tieninett, għandha tingħata prijorità lill-użu ta' l-enerġija elettrika. Bis-sorsi ta' enerġija eżistenti u l-potenzjal ġejjieni għall-enerġija minn sorsi alternattivi nistgħu nkunu ottimisti dwar il-provvista nadifa ta' l-elettriku għall-ġejjieni. L-isfida hi li jintuża aktar elettriku fit-trasport.

7.3

Il-modalità tat-trasport bl-ogħla potenzjal għall-elettriku hi l-ferrovija, kemm jekk għall-passiġġieri jew merkanzija u kemm jekk internazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew urban. L-espansjoni tat-trasport bil-ferrovija li taħdem bl-elettriku tista' ġeneralment tnaqqas it-titjiriet qosra, it-trasport bit-triq tal-merkanzija fuq medda twila u l-użu tal-karozza tal-linja u l-karozzi.

7.4

Fl-aġenda tiegħu l-European Rail Research Advisory Council (ERRAC) jenfasizza l-isfidi li jridu jiġu ffaċċjati sabiex it-trasport bil-ferrovija jkun jista' jitrippla t-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri sa l-2020. L-iżvilupp ta' l-effiċjenza enerġetika u t-tema ta' l-ambjent jinsabu fiċ-ċentru ta' dawn l-inizjattivi. Bħala parti mill-proġett TEN, qed tiġi studjata l-possibbiltà ta' l-applikazzjoni ta' ċelluli tal-fjuwil li jieħdu l-idroġenu, li jistgħu jintegraw mas-sistema elettrika ta' vettura ta' trazzjoni (traction vehicle electric system) u gradwalment jieħdu l-post tal-magni li jaħdmu bil-karburanti fossili li jiċċirkolaw bħalissa.

7.5

Fil-futur qarib it-trasport bl-ajru ser jibqa dipendenti fuq l-idrokarburi iżda l-introduzzjoni ta' servizzi ta' ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja (HST) għandha tnaqqas konsiderevolment in-numru ta' titjiriet skedati fuq distanzi ta' anqas minn ħames t'elef kilometru. Il-ġarr tal-merkanzija bl-ajru bl-użu ta' ajruplani ddedikati għat-trasport, qed jikber b'rata aktar mgħaġġla mit-traffiku tal- passiġġieri bl-ajru. Parti minnu, speċjalment is-servizzi postali kummerċjali, fil-futur jista' jiġi indirizzat lejn in-netwerk tal-ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja (HST). Din il-bidla fit-taħlita tat-trasport tista' titħaffef b'żieda ta' konnessjonijiet ta' ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja (HST) lejn l-ajruporti.

7.6

L-Advisory Council for Aeronautical Research in Europe (ACARE) huwa impenjat li jsostni l-aġenda tiegħu ta' ricerka strateġika, li teżamina t-tema ġenerali tal-bidla fil-klima, ta' l-emissjonijiet storbjużi, u tal-kwalità ta' l-arja. Il-proġett Sema Nadif, inizjattiva teknoloġika konġunta, ser tistudja l-aħjar soluzzjonijiet fid-disinn, il-magni u l-karburanti għal trasport bl-ajru sostenibbli. It-twettiq tal-proġett SESAR għandu joffri l-possibbiltà li jiġi ffrankat ħafna permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru (ara l-opinjoni tal-KESE).

7.7

It-traffiku nazzjonali u internazzjonali, tal-ġarr tal-merkanzija bit-triq hu utent ewlieni ta' l-idrokarburanti. Fis-seklu 21, netwerk ta' ġarr ta' merkanzija b'veloċità għolja li jopera bejn punti inter-modali jista' jikseb tnaqqis effettiv fit-trasport bit-triq tal-merkanzija. Hekk kif jiżviluppa n-netwerk tal-ferroviji internazzjonali b'veloċità għolja, ikun jista' jintuża bil-lejl għat-traffiku tal-ġarr tal-merkanzija. Bidla bħal din fit-taħlita tista' titħaffef bi strateġija ta' l-ipprezzar għat-toroq, il-karburanti u l-liċenzji tal-vetturi.

7.8

Il-European Road Transport Research Advisory Council (Ertrac) adottat ukoll aġenda ta' riċerka strateġika. L-Ambjent, l-enerġija u r-riżorsi huma l-punti fokali. It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 sa 40 % (għal kull kilometru) għall-karozzi privati u sa 10 % għall-vetturi tqal tax-xogħol sa l-2020, huma fost l-objettivi primarji ta' l-aġenda, flimkien ma' kapitolu speċifiku ddedikat lill-karburanti.

7.9

It-trasport bl-ilma huwa ġeneralment appoġġjat mill-opinjoni pubblika, kemm jekk dan ikun permezz ta' kanal tax-xmara, kostali jew oċeaniku. Il-ġarr tal-merkanzija fuq ix-xmara, il-kanal u l-kosta hu meqjus bħala alternattiva enerġetika effiċjenti għat-trasport bit-triq u għandu jiġi mħeġġeġ fit-taħlita tat-trasport.

7.10

It-trasport marittimu interkontinentali huwa utent akbar ta' l-idrokarburi mill-avjazzjoni u qiegħed jikber ukoll b'rata aktar mgħaġġla. dan jgħodd għal madwar 95 % tal-volum tan-negozju dinji u huwa relattivament effiċjenti iżda huwa wkoll sors ta' emissjonijiet ta' kubrit u ossidu tan-nitroġenu.

7.11

Bil-globalizzazzjoni tal-katini tal-provvista u l-emerġenza ta' l-ekonomiji Asjatiċi, it-trasport marittimu interkontinentali hu mistenni li jikber b'75 % fil-volum fuq il-ħmistax-il sena li ġejjin, b'żieda sussegwenti fl-emissjonijiet minħabba li dan it-traffiku jaħdem bid-diżil. Biż-żieda fl-emissjonijiet u t-tnaqqis ta' provvisti ta' l-idrokarburi, ser naslu għal żmien fejn it-traffiku tal-ġarr tal-merkanzija fuq distanzi kbar bejn il-portijiet prinċipali fuq il-ħames kontinenti ser jitbaħħar fuq trasportaturi tal-massa fuq skala kbira mmexxija mill-enerġija nukleari bħas-sottomarini, aircraft carriers u ice breakers moderni? Dan żgur li jibdel it-taħlita enerġetika fit-trasport.

7.12

Fis-settur marittimu il-pjattaforma teknoloġika “Waterborne” qiegħda tiżviluppa riċerka sabiex ittejjeb komplessivament ir-rendiment tal-muturi tal-baħar, tnaqqas ir-reżistenza u tittestja possibbiltajiet ta' karburanti alternattivi li jistgħu jintużaw, fosthom l-idroġenu.

7.13

Il-karrozzi tal-passiġġieri jistgħu jservu bosta għanijiet u huma vetturi indispensabbli li ħafna nies jeħtieġu fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Madankollu, fi strateġija għall-bidla tat-taħlita enerġetika, hemm opportunitajiet biex jinbidlu xi vjaġġi urbani u suburbani tal-karozzi tal-linja u l-karozzi tal-passiġġieri b'ferroviji u trammijiet li jaħdmu bl-elettriku.

7.14

Fejn tidħol l-għażla ta' l-aktar karburanti adattati u effiċjenti, hemm bżonn li wieħed iqis id-densità enerġetika relattiva tal-karburanti differenti. Jiġifieri hemm bżonn li wieħed jersaq lejn l-użu ta' karburanti li għandhom densità ogħla. Bħala eżempju din it-tabella turi xi valuri ta' densità, espressi bħala MJ/Kg.

Karburanti

Kontenut enerġetiku

(MJ/Kg)

Ilma ppumpjat f'diga ta' 100 m għoli

0,001

Bagasse

10

Injam

15

Zokkor

17

Metanol

22

Faħam (antracite lignite)

23-29

Etanol (bijoalkoħol)

30

GPL (gass taż-żejt likwidu)

34

Butanol

36

Bijodiżil

38

Żejt

42

Gasoħol jew E10 (90 % petrol u 10 % alkoħol)

44

Petrol

45

Diżil

48

Metanu (karburant gassuż li jiddependi mill-kompressjoni)

55

Idroġenu (karburant gassuż li jiddependi mill-kompressjoni)

120

Fissjoni nukleari (uranju, U 235)

85 000

Fużjoni nukleari (Idroġenu, H)

300 000 000

Ir-rabta eneġetika ta' l-Elju (He)

675 000 000

L-ekwivalenza tal-massa u l-enerġija (l-ekwazzjoni ta' Einstein)

90 000 000 000

Sors: J.L. Cordeiro bbażat fuq l-IEA u d-Dipartiment Amerikan ta' l-enerġija.

7.15

Fil-qosor, hemm oportunitajiet ċari biex tinbidel it-taħlita enerġetika b'mod illi jkollha impatt effettiv fuq id-dipendenza ta' l-idrokarburi tas-settur tat-trasport ta' l-UE. Is-soluzzjoni għal dan hija l-ġenerazzjoni ta' aktar elettriku li jħalli għal aktar żvilupp tat-trasport immexxi bl-elettriku kif ukoll il-provvista ta' sorsi ta' enerġija għall-iżvilupp aħħari ta' l-enerġija idroġena.

8.   Is-soċjetà ta' l-idroġenu

8.1

Il-ħsara fl-ambjent hija kkawżata prinċipalment mill-prodotti tal-kombustjoni tal-karburanti fossili iżda wkoll mit-tekonoloġija għall-estrazzjoni, it-trasport u l-ipproċessar tagħhom. Madankollu l-akbar ħsara hija marbuta ma' l-użu finali tagħhom. B'mod partikolari il-kombustjoni ħielsa tagħhom fl-arja, barra mid-dijossidu karboniku u elementi oħra li jiżdiedu fil-fażi tar-raffinazzjoni (per eżempju sustanzi miċ-ċomb).

8.2

Għall-2020 hija prevista talba globali ta' 15-il biljun tunnellata ta' ekwivalenti taż-żejt, b'rata annwali tat-tkabbir li hi ogħla minn 2 %. Din it-talba trid tkompli tiġi sodisfatta prinċipalment minn sorsi fossili, li llum jirrappreżentaw bejn il-85 % u d-90 % ta' l-offerta ta' l-enerġija fid-dinja. Madankollu diġà hemm ċaqlieq progressiv ta' interess lejn il-karburanti li għandhom rapport baxx ta' karbonju/idroġenu (C/H), li qiegħed jitbiegħed mill-karbonju u jersaq lejn iż-żejt u l-metanu, u progressivament lejn id-dekarbonizzazzjoni kompleta, jiġifieri l-użu ta' l-idroġenu bħala kanal ta' l-enerġija.

8.3

Waqt seduta li nżammet fil-Portugall, ġiet ippreżentata data interessanti li ħarġet minn esperimenti fuq it-teknoloġiji taċ-ċelluli tal-fjuwil li jużaw l-idorġenu għal karozzi tal-linja li kienu qed iservu t-trasport pubbliku ta' Oporto. Kien interessanti ferm li wieħed jinnota l-atteġġjamenti differenti taċ-ċittadini lejn l-idroġenu. L-informazzjoni li ngħatat ikkontribwiet sabiex tnaqqas b'mod qawwi d-diffidenza u l-biża' lejn dan il-kanal ta' l-enerġija Tajjeb li wieħed jiftakar li l-idroġenu m'huwiex vektor primarju ta' l-enerġija, li jinsab malajr, iżda jrid jiġi prodott bl-użu ta':

idrokarburi bħaż-żejt jew il-gass, riżorsi li għadhom abbundanti iżda li m'humiex rinnovabbli;

permezz ta' l-elettroliżi, mill-ilma, bl-użu ta' l-enerġija elettrika.

Il-produzzjoni dinjija annwali ta' l-idroġenu hija ta' 500 biljun metri kubi, ekwivalenti għal 44 miljun tunnellata, li 90 % minnhom jinkisbu bil-proċess kimiku ta' reforming ta' l-idrokarburi ħfief (prinċipalment il-metanu) jew mill-cracking ta' idrokarburi itqal (iż-żejt) jew 7 % minnhom mill-gassifikazzjoni tal-karbonju. Huwa biss 3 % li jinħareġ mill-elettroliżi.

8.4

Fil-kuntest tat-taħlita enerġetika tal-Portugall, li diġà għandu element qawwi ta' enerġija rinnovabbli, l-emissjonijiet ikkalkulati skond il-metodu taċ-ċiklu tal-ħajja wrew li l-kwantità ta' emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra meta wieħed juża l-idroġenu prodott bil-metodi tradizzjonali, jiġifieri l-elettroliżi, huma 4.6 darbiet iktar mill-emissjonijiet tal-muturi li jaħdmu bid-diżil jew bil-gass naturali u tliet darbiet aktar minn dawk li jaħdmu bil-petrol. Dan ifisser li l-futur ta' l-użu ġġeneralizzat ta' l-idroġenu huwa marbut ma' l-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli b'emissjonijiet baxxi ħafna tal-gass b'effett ta' serra.

8.5

Il-kurva tal-konsum turi li biex it-tagħmir jinżamm fi stat ta' effiċjenza, anke meta jkun wieqaf, hemm bżonn ta' konsum ta' l-idroġenu li huwa ħafna ogħla mill-karburanti tradizzjonali. Dan ovvjament jirrikjedi aktar ħsieb dwar l-użu tiegħu fil-futur għat-trasport fil-bliet, li huwa suġġett għal waqfiet kontinwi minħabba fit-traffiku jew waqfiet normali.

8.6

Però wieħed irid iqis li l-esperimenti li saru f'Oporto huma parti minn proġett aktar wiesgħa CUTE (Clean Urban Transport for Europe). Ir-riżultati totali tal-proġett ivarjaw minn dawk eżaminati waqt is-seduta, minħabba fid-differenzi fil-kondizzjonijiet orografiċi, tat-traffiku u tal-metodu ta' l-użu. Komplessivament, il-proġett kellu riżultati nkoraġġanti, filwaqt li ħareġ ukoll il-problemi marbuta ma' l-iżvilupp tiegħu. Skond il-Kummissjoni, l-akbar problema tidher li hi n-nuqqas, min-naħa tal-mexxejja politiċi fil-livelli għoljin, biex jifhmu tajjeb il-potenzjal u l-benefiċċji li jinkisbu mill-progress sinifikanti fl-użu ta' l-idroġenu għat-trasport fil-bliet.

8.7

Biex jitrażżnu l-emissjonijiet, l-aħjar soluzzjoni tidher it-trazzjoni li hija kompletament elettrika, bl-iżvilupp tal-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, jew l-użu ibridu tal-gass naturali u l-idroġenu, almenu sakemm ikunu faċilment disponibbi. Għadhom ma sarux studji rigorużi dwar din l-alternattiva, imma skond xi parametri ta' effiċjenza u qawwa enerġetika tidher l-aktar waħda effiċjenti.

8.8

Possibbiltà oħra intermedja hija l-użu ta' taħlita ta' idroġenu u metanu, b'perċentwal baxx ta' idroġenu. Dan il-metodu jirrappreżenta bidu lejn l-użu ta' l-idroġenu għat-trasport. Ma tantx joħloq inkonvenjent peress li s-sistemi ta' distribuzzjoni u ta' ħażna abbord huma l-istess, jista' jintuża mill-karozzi li diġà qegħdin fit-triq, bl-istess prestazzjoni tal-metanu, filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet u jżid il-veloċità tal-kombustjoni u dan inaqqas it-trabijiet u l-ossidi nitroġeni.

8.9

Studji reċenti li saru mid-Denver Hithane Project, ta' l-Università ta' l-Istat ta' Kolorado u f'Kalifornja, appoġġjati mid-Dipartiment ta' l-enerġija u n-National Renewable Energy Laboratories, wrew li taħlita ta' 15 % ta' H2 ma' CH4 tnaqqas b'34,7 % it-total ta' l-idrokarburi, b'55,4 % il-monossidi tal-karbonju, u b'92,1 % l-ossidi nitroġeni u bi 11,3 % id-dijossidu karboniku, skond kif ġie referut minn studju ppreżentat mill-ENEA (8).

8.10

Il-produzzjoni ta' l-H2 mill-enerġija rinnovabbli, hija l-unika għażla li m'hijiex awto-illużjoni ekoloġika, peress li l-idroġenu bħala element ta' enerġija merfuha, jippermetti li jissinkronizza l-provvista ta' l-enerġija li hi perjodika fin-natura tagħha (lejl/jum, annwalità eċċ.) u d-domanda għall-enerġija li hija varjabbli u awtonoma. L-idroġenu għandu jiġi prodott b'teknoloġiji li jaħlu enerġija mill-inqas b'analiżi globali taċ-ċiklu tal-produzzjoni u ta' akkumpanjament lis-servizz enerġetiku rikjest. Kull enerġija rinnovabbli li tista' tiġi marbuta ma' l-użu taħt forma ta' sħana, elettriku jew karburant għandha tiġi segwita mingħajr ma wieħed jgħaddi miċ-ċiklu itwal ta' l-idroġenu, u għalhekk għandha tiġi użata direttament.

8.11

Fattur ieħor li jrid jitqies huwa li l-produzzjoni tkun viċin il-konsum, biex jitbaxxew l-ispejjeż u l-emissjonijiet tat-trasport. Din it-teorija, valida b'mod ġenerali, hija aktar valida jekk applikata għall-effiċjenza enerġetika, meta wieħed iqis l-ispejjeż tad-dispersjoni waqt it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni. għalhekk, l-aspett l-ieħor li jrid jiġi kkunsidrat huwa d-distribuzzjoni tal-produzzjoni fuq it-territorju.

8.12

Il-futur ta' l-idroġenu huwa marbut ukoll mad-diffużjoni ta' netwerk ta' distribuzzjoni fuq it-territorju. Bħalma d-diffikultà li għandu l-GNC (gass naturali kkumpressat), hija netwerk ta' distribuzzjoni li hi skarsa u f'xi Stati Membri prattikament ineżistenti, iċ-ċentrali tad-distribuzzjoni għall-karozzi b'ċelluli tal-fjuwil li jaħdmu bl-idroġenu ma jeżistux. Id-diffużjoni tal-GNC, u fil-futur ta' l-idroġenu, iridu jkunu akkumpanjati minn politika ta' distribuzzjoni tal-massa.

8.13

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet EUR 460 miljun biex tħaffef l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-karozza li taħdem bl-idroġenu. biex twaqqaf l-intrapriża konġunta “taċ-ċelloli tal-fjuwil u ta' l-idroġenu”.(COM(2007) 571 finali), li dwarha l-KESE qiegħed iħejji opinjoni. Din għandha tħaffef l-iżvilupp ta' l-użu ta' l-idroġenu. Dan żgur li jkun jinteressa wkoll lis-settur tat-trasport. Mal-finanzjament tal-komunità jiżdied il-finanzjament ta' l-istess valur tas-settur industrijali privat, b'kollox biljun euro sabiex tħaffef it-triq ta' l-idroġenu fl-Ewropa. Il-fond ser iservi biex jiffinanzja l-inizjattivi tat-teknoloġiji għall-ħolqien ta' ċelluli tal-fjuwil li jieħdu l-idroġenu u programm ta' riċerka u implimentazzjoni tat-teknoloġija. Ir-riċerka ser issir minn sħab pubbliċi u privati, li jappartjenu lid-dinja industrijali u dik akkademika Ewropea, u ser ttul sitt snin. L-għan huwa ċar: li l-karozzi li jaħdmu bl-idroġenu jidħlu fil-kummerċ fid-deċennju 2010-2020. Fi kliem ieħor, fi tliet snin oħra.

8.14

Minn issa diġà ħafna karozzi li jaħdmu bl-idroġenu jistgħu jkunu lesti biex jidħlu fis-suq. Madankollu tonqos proċedura komuni, standard u sempliċi għall-approvazzjoni tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu. F'dan il-mument, il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu ma jidħlux fir-regoli komunitarji ta' l-approvazzjoni tal-vetturi. Id-definizzjoni tal-livelli Ewropej tippermetti t-tnaqqis tal-marġini tar-riskju fir-riċerka min-naħa tal-kostrutturi tal-karozzi li, b'dan il-mod, jistgħu jivvalutaw liema prototipi ser ikollhom sbokk kummerċjali ġenwin fis-swieq.

8.15

Il-proġett Zero Regio, iffinanzjat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jikkonsisti fil-kostruzzjoni u l-esperimentazzjoni ta' żewġ strutturi innovattivi ta' distribuzzjoni multifjuwil bl-idroġenu, waħda f'Mantova u l-oħra fi Frankfurt, biex ifornu karozzi b'ċelloli tal-fjuwil, li jużaw metodi teknoloġiċi differenti ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-idroġenu. F'Mantova l-idroġenu jiġi prodott, fl-istazzjoni tas-servizz bl-użu ta' 20 mc/h reformer tal-gass naturali. It-teknoloġija tuża proċess katalitiku b'temperatura għolja bi fluss ta' fwar u gass naturali mħallta minn qabel li jiġi trasformat f'idroġenu permezz ta' stadji suċċessivi. Il-flotta tal-vetturi bħalissa hija magħmula minn tliet karozzi Fiat Panda b'ċelloli tal-fjuwil. Hija prevista wkoll id-distribuzzjoni ta' l-idrometanu, dejjem bl-iskop li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; Il-pompi ta' Mantova u ta' Frankfurt huma kkunsidrati bħala Green Petrol Station, peress li fihom strutturi fotovoltajċi solari ta' 20 u 8 kWp, rispettivament, li kapaċi jiġġeneraw l-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabili ta' madwar 30.000kWh fis-sena, li jikkorrispondu għal tnaqqis ta' madwar 16-il tonnellata fis-sena ta' emissjonijiet tas-CO2.

8.16

It-tekniki għall-ġbir u s-segregazzjoni tad-dijossidu karboniku jiswew ħafna u jaffettwaw l-effiċjenza aħħarija tal-produzzjoni, filwaqt li jqajmu problemi kbar dwar riskji possibbli fil-futur tat-tniġġis ta' l-ilma ta' taħt l-art jew tal-ħruġ f'daqqa ta' kwantità enormi ta' dijossidu karboniku. L-ipotesi tal-produzzjoni ta' l-idroġenu bl-użu tal-karbonju jidhru problematiċi (9)

8.17

Studji riċenti (10) individwaw problema li s'issa ħadd ma kien qiegħed jagħti kasha: Il-konsum potenzjali ta' l-ilma fl-każ ta' żvilupp mgħaġġel tas-soċjetà ta' l-idroġenu. l-istudju jibbaża fuq il-livelli attwali tal-konsum ta' l-ilma kemm għall-produzzjoni permezz ta' l-elettroliżi kif ukoll għat-tkessiħ taċ-ċentrali ta' l-elettriku. Ir-riżultati li joħorġu huma preokkupanti ħafna, huwa kkalkolat li hemm bżonn ta' 5 000 litru ta' ilma għal kull kilo ta' idroġenu, għat-tkessiħ biss u fil-livelli ta' effiċjenza attwali ta' 'l fuq minn 65 kw għal kull kg.

8.18

L-użu ta' l-idroġenu bħala kanal ta' enerġija adattat għall-użu fit-trasport, minkejja l-limiti li hemm, huwa l-isfida għall-futur, u l-possibbiltà li fit-toroq jibdew jiċċirkulaw karozzi li jużaw l-idroġenu parzjalment jew kompletament tista' ssir realtà fi żminijiet relattivament qosra, sakemm ir-riċerka tkompli tiġi appoġġjata mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej.

8.19

Il-KESE, kif diġà semma b'rabta mat-tema ta' l-effiċjenza enerġetika (TEN/274), iqis li jkun utli ħafna li jkun hemm portal ta' l-internet fejn ir-riċerki li jsiru fil-qasam akkademiku u l-esperimenti li jseħħu fir-reġjuni u fil-bliet ikunu jistgħu jiġu mressqa quddiem pubbliku aktar wiesgħa u b'mod partikolari l-amministrazzjonijiet lokali. L-iskambju ta' l-aħjar prattiċi huwa essenzjali għal politiki li għandhom komponent ta' sussidjarjetà għoli, jiġifieri fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell lokali.

8.20

Iċ-ċifri medji Ewropej li ġejjin għandhom ikunu ppublikati fuq il-web portal:

il-grammi ta' emissjonijiet ta' CO2 fl-atmosfera bil-ġenerazzjoni ta' 1kWh ta' elettriku;

il-kwantità ta' emissjonijiet ta' CO2 fl-agrikoltura u l-manifattura tad-diesel għal produzzjoni ta' litru ta' sostitut tad-diesel;

il-kwantità ta' emissjonijiet ta' CO2 fl-agrikoltura u manifattura tal-bijo-etanol għal produzzjoni ta' litru ta' bijo-etanol;

Dan hu l-uniku mezz ta' kwantifikar ta' l-emissjonijiet eżatti ta' CO2 u l-iffrankar u l-konverżjoni ta' kWh iffrankati f'piż ekwivalenti ta' CO2.

9.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet tal-KESE

9.1

B'risposta għat-talba tal-Kummissarju Barrot, il-KESE fassal din l-opinjoni li tfittex li toffri lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra komunitarji l-proposti li s-soċjetà ċivili tqis li huma bżonnjużi sabiex taffronta l-isfidi li hemm previsti fil-protokoll ta' Kyoto.

9.1.1

Il-KESE iqis li huwa indispensabbli li d-diskussjoni dwar it-taħlita tal-karburanti tal-futur tintrabat ma' bidla importanti fil-modalitajiet tat-trasport, li jiffavorixxi t-trasport pubbliku fil-bliet u barra minnhom li jirrikjedi li l-flotta tal-vetturi tiġi mmodernizzata u l-infrastrutturi mtejba. Hemm bżonn li titjieb il-kwalità ta' l-arja u l-effiċjenza tal-ferroviji, permezz ta' l-investiment fl-infrastruttua u fil-vetturi tal-ferrovija u bħala riżultat, il-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika meħtieġa biex issostni l-iżvilupp tal-ferroviji li jrid ixaqleb dejjem iktar lejn enerġija rinnovabbli u karburanti li għandhom livell dejjem aktar baxx ta' karbonju.

9.2

Diġà f'opinjoni preċendenti (TEN 274, rapporteur Iozia) il-KESE kien sostna b'ċarezza li “is-settur tat-trasport għamel sforzi kbar sabiex inaqqas l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu, iżda għandu raġun li jsejjaħ għal sforzi addizzjonali, peress li huwa s-settur bl-ogħla rata ta' tkabbir f'termini ta' l-użu ta' l-enerġija u huwa sors ta' gassiijiet b'effett ta' serra” u li “il-fatt li l-industrija Ewropea tiddependi fuq pajjiżi terzi għall-karburant tat-trasport iżid ir-responsabilità li għandha tagħmel kontribuzzjoni ewlenija lejn l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u fl-importazzjoni ta' prodotti tal-gass u taż-żejt.”

9.3

Il-KESE jaqbel u jappoġġja l-fatt li l-effiċjenza, s-sikurezza u s-sostenibbiltà huma u jridu jkunu l-linji gwida li fuqhom l-istituzzjonijiet Ewropej jivvalutaw il-politiki li jridu jsegwu u l-miżuri li jridu jadottaw sabiex jikkunsmaw enerġija aktar nadifa, ikollhom settur tat-trasport aktar nadif u ekwilibrat, jirresponsabilizzaw l-intrapriżi Ewropej mingħajr ma jipperikolaw l-kompetittività tagħhom filwaqt li joħolqu qafas favorevoli għar-riċerka u l-iżvilupp.

9.4

Bħala konsegwenza, it-taħlita futura tal-karburanti għat-trasport għandu jkollha dawn il-karatteristiċi: tnaqqis globali ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; tnaqqis, sa fejn hu possibbli, tad-dipendenza fuq Stati terzi għall-provvista u diversifikazzjoni tas-sorsi; spejjeż kompatibbli mal-kompetittività tas-sistema ekonomika Ewropea.

10.   L-isfidi marbuta ma' l-għażla fil-futur ta' karburanti għat-trasport għall-Unjoni Ewropea: investiment fir-riċerka

10.1

Jekk il-prijorità assoluta hija l-konformità ma' l-objettivi ta' Kyoto, il-parti l-kbira tar-riżorsi disponibbli jridu jiġu indirizzati, kemm mis-settur pubbliku kif ukoll dak privat lejn ir-riċerka fil-karburanti li jistgħu jissodisfaw kompletament il-bżonnijiet ta' effiċjenza ekonomika, sostenibbiltà ambjentali u emissjonijiet baxxi li huma indispensabbli għat-tmexxija ta' trasport eko-kompatibbli.

10.2

Il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, l-industrija tal-karburanti u l-industriji tal-manifattura, partikolarment dawk tal-karozzi trid tiżdied. Is-seba' programm ta' qafas, magħruf bħala 7FP implimentat b'deċiżjoni tal-Kunsill nru 971/2006/KE dwar il-programm speċifiku “Kooperazzjoni” jidentifika l-għan li jakkwista l-leadership f'oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi importanti. Fost dawn il-prijoritajiet identifika l-ambjent u t-trasport.

10.2.1

Qasam li jidher li ġie ttraskurat huwa t-titjib fl-effiċjenza tal-batteriji tradizzjonali. L-iżvilupp tal-karozzi bl-elettriku jiddependi b'mod partikolari mit-tnaqqis tal-piż u miż-żieda fl-awtonomija u l-prestazzjoni tal-batteriji tradizzjonali. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni impenn speċifiku f'dan ir-rigward.

10.3

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjoni tiegħu (11) dwar s-7FP kien diġà esprima t-tħassib tiegħu kemm għall-iskarsezza mistennija tal-karburanti fossili kif ukoll għall-prezzijiet dejjem jogħlew, u l-effett fuq il-klima. Għalhekk ippropona li jiġu allokati aktar fondi għar-riċerka fis-settur ta' l-enerġija, filwaqt li enfasizza li l-isfida sabiex jiġu affrontati l-aspetti kritiċi fis-settur tat-trasport tista' tgħodd fuq ammont ta' fondi li huma meqjusa suffiċjenti, ekwivalenti għal EUR 4,100 miljun għall-perjodu 2007-2013.

11.   Garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u tad-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezzijiet aċċessibbli

11.1

Il-KESE jenfasizza l-punt fundamentali ta' l-istrateġija għaż-żamma tal-kompetittività ta' l-Unjoni, li żgur hija bbażata fuq prezzijiet aċċessibbli u stabbli. It-trasporti kienu minn dejjem il-mezz indispensabbli sabiex il-merkanzija, in-nies u l-annimali jiċċaqalqu lejn is-swieq. Illum għandhom importanza vitali anki għal industrija oħra fundamentali fl-Ewropa, dik tat-turiżmu. It-tielet element ta' sostenibbiltà, dik tal-prezzijiet, hija l-aktar sfida kumplessa. Illum m'hemmx disponibbli karburanti alternattivi għal dawk fossili li jistgħu jikkompetu mal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass naturali. Minkejja iż-żidiet reġistrati fl-aħħar snin, dawn il-prodotti jibqgħu l-aktar kompetittivi.

11.2

Madankollu filwaqt li jħeġġeġ il-proċess ta' żieda konstanti fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti rinnovabbli oħra, iqis li jkun indispensabbli li tiżviluppa r-riċerka applikata fl-agrokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, li jużaw il-bijomassa ta' l-iskart u mhux ta' l-ikel, li ma jagħtux il-problemi li taw dawk ta' l-ewwel ġenerazzjoni, jiġifieri dawk li essenzjalment huma prodotti miċ-ċereali, pitravi u kanen taz-zokkor jew minn żrieragħ li jerħu ż-żejt li jintużaw għall-ikel min-nies u l-annimali (12) Il-KESE jenfasizza li fl-istima tal-prezz m'għandniex nieqfu ma' l-ispiża finali tal-prodott iżda sabiex isir paragun ġust ta' l-ispejjeż fir-rigward tal-karburanti fossili wieħed irid iqis l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni kollha (ħsara ambjentali, il-lokalità tas-sorsi tal-produzzjoni, l-ispejjeż tat-trasformazzjoni, konsum ta' l-ilma u l-użu ta' l-art, eċċ.).

11.3

Filwaqt li tkun qiegħda ssir is-sostituzzjoni progressiva, meta ma jkunx possibbli li jsiru proċessi ta' taħlit tal-komponenti, hemm bżonn li jsir adattament progressiv u/jew bidla radikali tas-sistemi distributtivi li jqisu l-kwalità fiżika tal-prodotti l-ġodda.

11.4.

Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-aspetti pożittivi ta' din l-istrateġija, huwa konxju li, speċjalment fl-ewwel fażijiet, huwa proċess li jiswa ħafna, li jista' jġib miegħu r-riskju li jnaqqas il-kompetittività tas-sistema Ewropea.Għaldaqstant jenfasizza li sabiex dan ir-riskju jkun evitat u sabiex ir-riżultati ma jiġux limitati fuq livell globali, l-Ewropa trid issir forza li tmexxi moviment li fl-aħħar mill-aħħar jinvolvi ż-żoni l-oħra ġeografiċi tal-pjaneta fl-istess direzzjoni.

11.5

L-investiment meħtieġ fl-enerġija alternattiva derivata mill-bijomassa, għandu bżonn ta' qafas legali stabbli, u dan jirrikjedi li d-direttivi dwar il-karburanti jadattaw għall-modalitajiet ġodda ta' produzzjoni u li jkun hemm kollaborazzjoni ċara ma' l-industrija tal-manifattura, sabiex il-proċessi ta' innovazzjoni jkunu jistgħu jimxu flimkien mal-potenzjal effettiv ta' l-industrija. L-innovazzjoni u r-riċerka fil-qasam, barra mill-proġetti definiti fil-qasam ta' 7FP, għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fil-livell ċentrali u periferiku.

11.6

Sabiex l-isforzi u l-investimenti fl-iżvilupp ta' karburanti ġodda effiċċjenti u sostenibbli ma jispiċċawx fix-xejn, hemm bżonn li ma' dawn il-proċessi jkun hemm l-inizjattivi kollha possibbli mmirati sabiex iżidu l-veloċità kummerċjali tal-vetturi, li b'hekk inaqqsu l-konsum, billi, per eżempju jsiru interventi fis-slaleb tat-toroq Ewropej li joħolqu ostakli għat-traffiku nazzjonali jew tat-traffiku fil-bliet. Il-kumpanija tat-trasport pubbliku Carris ta' Lisbona, li flimkien mat-trammijiet tradizzjonali (il-leġġendarju nru.28) għandha flotta ta' karozzi tal-linja ekoloġiċi, permezz ta' miżuri li tejbu l-veloċità kummerċjali, bħall-irduppjar tal-korsiji preferenzjali, naqqset l-emissjonijiet tas-CO2 b'1,5 %.

11.7

Il-kumpanija tat-trasport Coimbra, SMTUC, ppruvat linja blu servuta minn karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku, li jiċċiroklaw fiċ-ċentru tal-belt fuq korsiji riżervati, mingħajr waqfiet partikolari u li wieħed jista' jirkibhom f'kull mument. Strixxa blu mpinġija fuq l-asfalt turi r-rotta ta' dan il-mezz li jista' jintuża wkoll minn min mhux resident u mit-turisti numerużi li dal-mezz tat-trasport effiċjenti u nadif jogħġobhom ħafna. Barra minn hekk f'Coimbra, huma apprezzati ħafna l-karozzi tal-linja li jaħdmu bil-linji ta' l-elettriku li peress li għandhom batterija supplimentari jistgħu joħorġu mill-konġestjoni tat-traffiku billi joħorġu mill-“binarji”. Dan il-mezz tat-trasport jikkombina tniġġis ta' l-ambjent u akustiku li hu baxx ħafna mal-ħajja medja tal-mezzi li hi ħafna aktar għolja, b'mod li tassorbi l-ispejjeż maġġuri ta' l-akkwist tal-bidu.

11.8

Il-KESE jirrakkomanda li dawn il-mezzi tat-trasport fil-bliet jiġu inċentivati, permezz ta' miżuri fiskali adegwati (rati mnaqqsa għall-akkwist ta' mezzi ekoloġiċi jew inkella finanzjar straordinarju lill-amministrazzjonijiet lokali, prezzijiet mnaqqsa fuq il-karozzi tal-linja ekoloġiċi), it-tnedija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-użu ta' l-eko-bus, li għandhom jiġu żviluppati b'koordinazzjoni Ewropea, b'titjib u żieda tal-faċilitajiet tal-park-and-ride, fejn hemm bżonn li s-sigurtà titjieb u l-prezzijiet jinżammu baxxi, filwaqt li jiġu integrati ma' dawk tat-trasport fil-bliet, bħalma jseħħ f'ħafna bliet Ewropej.

11.8.1

Il-green paper “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” COM(2007) 551 ippreżentata mill-Kummissjoni fil-25.9.2007, taffronta dawn il-problemi u tipproponi soluzzjonijiet ta' appoġġ għal-proġetti ta' rijabilitazzjoni tat-trasport fil-bliet, permezz ta' inizjattivi ffinanzjati mill-ERDF u l-programm CIVITAS. Fil-Green Paper, il-Kummissjoni tibgħat messaġġ qawwi ħafna favur trasport ekoloġiku fil-bliet u l-KESE jaqbel ma' din il-pożizzjoni, filwaqt li jirrakkomanda li jiġu studjati inizjattivi konkreti oħra, fuq il-bażi ta' dawn l-esperjenzi pożittivi, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-EIB u l-EBRD

11.9

Il-futur tat-trasport fil-bliet, kif diġà ntqal mill-KESE (13), jinsab żgur fil-mezzi pubbliċi. Waqt is-seduti li nżammu sabiex tinkiteb din l-Opinjoni ġew ippreżentati żewġ riċerki fl-istadju ta' esperiment: minikarozza elettrika, li tinsaq mingħajr liċenzja u karozza ċibernetika li titmexxa minn sistema kumplessa ta' kontrolli mill-bogħod, li tista' timxi fuq ċirkwiti fissi. Dawn il-karozzi jistgħu jinkrew biex wieħed idur fil-belt, forsi flok il-ħlas tan-nollijiet biex wieħed jidħol b'vetturi ingombranti u li jniġġsu.

Brussell, it-13 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Żvilupp u promozzjoni tal-karburanti alternattivi għat-trasport fit-toroq fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 195 tat-18.8.2006, pġ. 75-79).

(2)  Ibidem.

(3)  Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti li saret f'Bali, f' Diċembru 2007

(4)  L-EFA (European Environment Agency) reċentement ippubblikat ir-rapport annwali tagħha Transport and Environment: on the way to a new common transport policy; li jivvaluta l-andament u l-effiċjenza ta' l-integrazzjoni tal-politiki ambientali fl-istrateġiji tas-settur tat-trasport.

(5)  Ir-rapport huwa ppubblikat fuq is-sit: Annual European Community GHG inventoy 1990-2005 and inventory report 2007, European Environment Agency, Technical Report No 7/2007.

(6)  Rapport dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi riċenti taż-żieda fil-prezz taż-żejt, Manuel António Dos Santos (PSE, PT).

(7)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta l-Unjoni Ewropea COM(2006)845 finali rapporteur is-Sur Iozia

(8)  Ecomondo — Rimini, Novembru 2006 — Ing. Giuseppe Migliaccio, ENEA.

(9)  It-teknoloġija kkonsolidata llum hija dik ta' l-impjanti tal-faħam midħun biċ-ċiklu klassiku tal-fwar u l-ipporċessar tal-prodotti tal-kombustjoni li joħorġu waqt il-proċess. Fil-prattika jiġi prodott il-fwar taħt pressjoni u temperaturi “konvenzjonali”li jħaddmu turbini li għadhom jinstabu ħafna. Fil-preżent jeżistu erba' tipi differenti ta' impjanti, f'ordni ta' inqas żvilupp teknoloġiku u impatt ambjentali: impjanti tal-faħam midħun superkritiċi u ultra-superkritiċi; kombustjoni f'sodda likwida; ta' gassifikazzjoni b'ċiklu kkumbinat u fl-aħħar dawk ibbażati fuq il-kombustjoni bl-ossiġnu. Illum jeżistu żewġ soluzzjonijiet, li madankollu jirrikjedu ż-żamma ġeoloġika tas-CO2; dawn huma il-kombustjoni tal-faħam f'boilers, fejn jiġi użat l-ossiġnu b'tali mod li jkun hemm konċentrazzjoni qawwija ta' CO2 fl-iżbokk, u b'hekk jonqsu l-ispejjeż tal-ġbir u s-separazzjoni; u l-impieg tat-teknoloġiji “Integrated Gasification Combined Cycles”, li jipproduċu gas sintetiku li wara jiġi trattat biex ikun ippurifikat u b'hekk jissepara l-parti kombustibbli nobbli mis-CO2.

(10)  Webber, Michael E. “The water intensity of the transitional hydrogen economy.” Environmental Research Letters, 2 (2007) 03400.

(11)  ĠU C 185, tat-8.8.2006, p. Rapporteur Wolf, co-rapporteur: Pezzini

(12)  Ara opinjoni KESE TEN/286 wara s-sessjoni plenarja ta' l-24-25 ta' Ottubru 2007.

(13)  ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, pġ. 77-86.