21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 169/2


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tas-Slovakkja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u r-Renju ta' l-Isvezja, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini

(2007/C 169/02)

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I   Rimarki preliminari

L-inizjattiva u l-opinjoni tal-KEPD

1.

Fi Frar 2007, 15-il Stat Membru ħadu l-inizjattiva bil-ħsieb li jadottaw Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini (3). Din l-inizjattiva titratta dwar materji li jikkonċernaw l-ipproċessar ta' data personali. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa responsabbli biex jagħti parir dwar din l-inizjattiva peress li din taqa' fil-limiti tal-kompitu li ġie fdat lilu, b'mod partikolari fl-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD joħroġ din l-opinjoni ex officio, peress li l-ebda talba għal parir ma tkun intbagħtet lill-KEPD (4). Skond il-KEPD, l-opinjoni preżenti għandha tissemma fil-preambolu tad-Deċiżjoni Kwadru (5).

L-isfond u l-kontenut ta' l-inizjattiva preżenti

2.

L-isfond ta' din l-inizjattiva huwa uniku fil-kooperazzjoni tat-tielet pilastru. L-inizjattiva timmira biex tagħmel il-partijiet essenzjali tat-Trattat ta' Prüm, iffirmat fis-27 ta' Mejju 2005 minn seba' Stati Membri (6), applikabbli għall-Istati Membri kollha. Dawn il-partijiet essenzjali diġà ġew ratifikati minn xi wħud minn dawn is-seba' Stati Membri, waqt li oħrajn minn dawn l-Istati Membri huma fil-proċess ta' ratifika. Huwa għalhekk ċar li m'hemmx ħsieb li s-sustanza ta' dawn il-partijiet essenzjali tinbidel (7).

3.

Skond il-premessi tagħha, l-inizjattiva għandha titqies bħala implimentazzjoni tal-prinċipju ta' disponibbiltà li ġie ppreżentat fil-Programm ta' l-Aja ta' l-2004 bħala approċċ innovattiv għall-iskambju trans-konfini ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi (8). L-inizjattiva hija ppreżentata bħala alternattiva għall-proposta għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni skond il-prinċipju ta' disponibbiltà li dwarha l-KEPD ppreżenta l-opinjoni tiegħu fit-28 ta' Frar 2006 (9), li ma sarx dibattitu dwarha fil-Kunsill bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tagħha.

4.

L-inizjattiva tieħu approċċ fundamentalment differenti mill-proposta msemmija hawn fuq għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill. Fejn din il-proposta tipprevedi aċċess dirett għall-informazzjoni disponibbli, l-inizjattiva timmira għal aċċess indirett permezz tad-data ta' referenza. Barra minn dan l-inizjattiva teħtieġ li l-Istati Membri jiġbru u jaħżnu ċertu informazzjoni, ukoll jekk din tkun għadha mhix disponibbli fil-ġurisdizzjoni nazzjonali.

5.

Punt fokali importanti fl-inizjattiva huwa fuq l-iskambju ta' informazzjoni bijometrika bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari data mill-fajls ta' l-analiżi tad-DNA u sistemi awtomatizzati ta' informazzjoni dattiloskopika (sistemi li fihom il-marki tas-swaba' (10)).

6.

L-inizjattiva tinkorpora kapitolu 6 intitolat 'Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data'. Dan il-kapitolu fih għadd ta' arranġamenti għall-protezzjoni tad-data, li huma mfassla skond in-natura speċifika ta' l-iskambju ta' data li jirregola (11). Il-Kapitolu 6 jirreferi wkoll għall-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa (12). u dokumenti relatati tal-Kunsill ta' l-Ewropa bħala qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data, fin-nuqqas ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjajra u bejn il-pulizija f'materji kriminali (13).

II   Punt fokali ta' l-opinjoni tal-KEPD

7.

Din l-opinjoni ser tieħu kont tan-natura unika ta' l-inizjattiva, aktar speċifikament il-fatt li m'humiex previsti emendi prinċipali fis-sustanza tad-dispożizzjonijiet. Il-KEPD ser għalhekk jiffoka fuq għadd ta' kwistjonijiet aktar ġenerali relatati ma' l-inizjattiva u l-kuntest tagħha. L-emendi li jipproponi l-KEPD jservu prinċipalment biex itejbu t-test mingħajr ma jimmodifikaw is-sistema ta' l-iskambju ta' informazzjoni nfisha.

8.

L-ewwel kwistjoni hija ta' natura proċedurali. L-inizjattiva timplika li għadd żgħir ta' Stati Membri jiffissaw l-għażliet ta' politika ta' l-Istati Membri kollha, f'qasam li huwa kopert mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat-UE, b'mod partikolari it-Titolu VI tat-Trattat-UE (it-tielet pilastru). Il-proċeduri tat-Titolu VI għal kooperazzjoni msaħħa ma ġewx segwiti.

9.

It-tieni kwistjoni hija relatata mal-prinċipju ta' disponibbiltà. Għalkemm l-inizjattiva għandha titqies bħala implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju, hija ma twassalx għad-disponibbiltà bħala tali iżda hija biss pass ieħor lejn id-disponibbiltà ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi bejn il-fruntieri ta' l-Istati Membri. Hija parti minn approċċ frammentarju li jimmira biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi.

10.

It-tielet kwistjoni tista' tiġi delimitata bħala l-kwistjoni ta' proporzjonalità. Huwa diffiċli biex jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-inizjattiva għal Deċiżjoni tal-Kunsill humiex ġustifikati mill-ħtieġa li jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini. Il-KEPD jfakkar li l-Konvenzjoni ta' Prüm ġiet stabbilita bħala 'laboratorju' għall-iskambju trans-konfini ta' informazzjoni, b'mod partikolari fajls ta' l-analiżi tad-DNA u marki tas-swaba'. Madankollu, l-inizjattiva preżenti hija ppreżentata qabel ma l-esperimenti fl-iskambju tpoġġew fil-prattika b'mod effettiv (14).

11.

Ir-raba' kwistjoni hija relatata ma' l-użu ta' data bijometrika. L-inizjattiva teħtieġ il-ġbir, il-ħażna u l-iskambju (limitat) ta' fajls ta' l-analiżi tad-DNA u marki tas-swaba'. L-użu ta' din id-data bijometrika fl-infurzar tal-liġi jippreżenta riskji speċifiċi għas-suġġetti tad-data u jeħtieġ salvagwardji supplimentari, sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom.

12.

Il-ħames kwistjoni issegwi mill-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tibni fuq qafas ġenerali xieraq għall-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru, li għadu ma ġiex attwat fil-livell ta' l-UE. F'din l-opinjoni, il-KEPD ser juri l-importanza ta' qafas ġenerali bħal dan bħala condicio sine qua non għall-iskambju ta' data personali mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi bbażat fuq l-iniżjattiva preżenti.

III   Il-proċedura u l-bażi legali

13.

It-Trattat ta' Prüm huwa spiss imqabbel mal-Ftehim ta' Schengen ta' l-1985 u l-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990, għal raġunijiet ovvji. Huma involuti ħafna mill-istess pajjiżi, is-suġġett huwa simili, u hemm rabta mill-qrib ma' kooperazzjoni ġewwa l-UE (15). Madankollu, hemm differenza fundamentali mix-Schengen. Bħalissa, hemm qafas legali Ewropew li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tirregola l-kwistjonijiet kkonċernati u kien hemm pjanijiet reali biex dan jintuża għall-kwistjonijiet (prinċipali) koperti mit-Trattat ta' Prüm. B'mod aktar partikolari, fiż-żmien li (16)ġie konkluż it-Trattat ta' Prüm, il-Kummissjoni kienet qed tħejji proposta għad- Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill.

14.

L-Istati Membri kkonċernati madankollu għażlu trattat multilaterali li ppermettielhom jevitaw it-triq diffikultuża tal-leġislazzjoni tat-tielet pilastru bi qbil unanimu. Huma evitaw ukoll il-ħtiġiet sostantivi u proċedurali ta' kooperazzjoni msaħħa, inklużi fl-Artikoli 40, 40A, 43 u 43A tat-Trattat UE (17). Dan huwa ferm aktar importanti peress li l-proċedura dwar il-kooperazzjoni msaħħa kienet obbligatorja, jekk mill-inqas tmien Stati Membri kienu qed jipparteċipaw. Madankollu, seba' Stati Membri biss iffirmaw it-Trattat ta' Prüm, iżda sussegwentament huma ħeġġew lil Stati Membri oħrajn biex jingħaqdu. Jista' jiġi argumentat li l-Konvenzjoni ta' Prüm tikser il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq. Madankollu, dan l-argument huwa prinċipalment ta' natura teoretika, fil-qafas tat-tielet pilastru b'poteri limitati tal-Kummissjoni biex tiżgura konformità mill-Istati Membri mal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea u kompetenzi limitati tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, kif ukoll ta' Qrati oħrajn.

15.

Fis-sitwazzjoni preżenti, 15-il Stat Membru ħadu l-inizjattiva bil-għan li jibdlu t-Trattat ta' Prüm b'Deċiżjoni tal-Kunsill. Għalkemm il-possibbiltà ta' bidla fis-sustanza tad-dispożizzjonijiet mhix formalment eskluża u ma tistax tiġi formalment eskluża, huwa ċar li l-għan ta' l-Istati Membri li ppreżentaw l-inizjattiva hu li ma jippermettu l-ebda bidla sostanzjali. Dan il-għan isegwi mill-fatt li s-seba' 'pajjiżi-Prüm' sempliċiment implimentaw it-Trattat ta' Prüm fid-dritt nazzjonali (jew huma fi stadju avvanzat ta' l-implimentazzjoni tiegħu) u ma jixtiqux li jerġgħu jibdlu d-dispożizzonijiet nazzjonali tagħhom. L-għan jidher fil-mod ta' kif tipproċedi l-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill. Per eżempju, l-iskeda taż-żmien għall-adozzjoni hija ristretta ħafna u l-inizjattiva mhix ser tiġi eżaminata fi Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill, iżda fil-Kumitat ta' l-Artikolu 36 biss (il-Kumitat ta' Koordinazzjoni ta' uffiċjali anzjani bbażat fuq l-Artikolu 36 TUE).

16.

B'riżultat, l-Istati Membri l-oħrajn huma miċħuda d-dritt li verament jagħtu l-fehma tagħhom dwar l-għażla tar-regoli. Huma jistgħu jagħżlu biss bejn li jipparteċipaw u li ma jipparteċipawx. Peress li t-tielet pilastru jeħtieġ l-unanimità, jekk Stat Membru wieħed ma japprovax it-test, ir-riżultat jista' jkun li l-Istati Membri l-oħrajn jipproċedu abbażi tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa.

17.

Dan l-isfond jaffettwa wkoll l-leġittimità demokratika ta' l-inizjattiva, peress li l-opinjoni tal-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 39 TUE bil-kemm jista' jkollha konsegwenza għall-għażliet tar-regoli. Ugwalment, din l-opinjoni jista' jkollha biss effett limitat.

18.

Skond il-KEPD, hija sfortuna li ġiet segwita din il-proċedura. Din tiċħad kull ħtieġa għal proċess leġislattiv demokratiku u trasparenti peress li lanqas biss ma tirrispetta l-prerogattivi diġà limitati ħafna taħt it-tielet pilastru. F'dan l-istadju, il-KEPD jirrikonoxxi l-fatt li din il-proċedura ġiet magħżula u għalhekk din l-opinjoni ser tikkonċentra aktar prinċipalment fuq is-sustanza ta' l-inizjattiva.

19.

Fl-aħħarnett, il-KEPD nnota l-fatt li l-inizjattiva tipprevedi l-istrument ta' Deċiżjoni tal-Kunsill u mhux Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, għalkemm l-inizjattiva hija relatata ma' l-għan ta' approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Din l-għażla ta' strument tista' tkun relatata mal-possibbiltà li jittieħdu miżuri implimentattivi b'maġġoranza kwalifikata, fil-każ ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill taħt l-Artikolu 34 (2) (ċ) TUE. L-Artikolu 34 ta' l-inizjattiva jitratta dwar dawn il-miżuri implimentattivi.

20.

Il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied sentenza ma' l-Artikolu 34 ta' l-inizjattiva għad- Deċiżjoni tal-Kunsill, li taqra kif ġej: “Il-Kunsill għandu jikkonsulta lill-KEPD qabel l-adozzjoni ta' tali miżura implimentattiva.” Ir-raġuni għal din l-emenda hija ovvja. Il-miżuri implimentattivi ħafna drabi ser jaffettwaw l-ipproċessar ta' data personali. Barra minn dan, jekk il-Kummissjoni ma tieħux l-inizjattiva għal tali miżuri, l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 ma japplikax.

21.

F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li s-seba' Stati Membri li ffirmaw it-Trattat ta' Prüm ikkonkludew ukoll fil-5 ta' Diċembru 2006 ftehim Implimentattiv li fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni amministrattiva u teknika tat-Trattat (18). Wieħed jista' jassumi li dan il-ftehim implimentattiv ser ikun il-mudell għall-miżuri implimentattivi taħt l-Artikolu 34 ta' l-inizjattiva għal Deċiżjoni tal-Kunsill. Din l-opinjoni ser tirreferi għal dan il-ftehim implimentattiv safejn dan jista' jikkontribwixxi għal fehim aħjar ta' l-inizjattiva nfisha.

IV   L-inizjattiva u l-prinċipju ta' disponibbiltà

22.

Il-prinċipju ta' disponibbiltà jista' jitqies bħala mezz importanti għar-realizzazzjoni ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni. Il-kondiviżjoni libera ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi huwa pass importanti fl-indirizzar ta' restrizzjonijiet territorjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala riżultat ta' fruntieri interni li jibqgħu fil-post għall-investigazzjonijiet.

23.

Skond il-Programm ta' l-Aja, il-prinċipju jfisser “li, madwar l-Unjoni, uffiċjal ta' l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru wieħed li għandu bżonn informazzjoni sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jista' jiksibha minn Stat Membru ieħor u li l-aġenzija ta' l-infurzar tal-liġi fl-Istat Membru l-ieħor li għandha din l-informazzjoni għandha tagħmilha aċċessibbli għall-fini imsemmi, (...)”. Barra minn hekk il-Programm jenfasizza li l-“metodi ta' l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jagħmlu użu sħiħ ta' teknoloġija ġdida u għandhom ikunu adattati għal kull tip ta' informazzjoni, fejn xieraq, permezz ta' aċċess reċiproku jew l-interoperabilità ta' databases nazzjonali, jew aċċess dirett (on-line)”.

24.

F'dan l-isfond, l-inizjattiva hija biss pass żgħir. L-ambizzjonijiet tagħha huma ħafna iżgħar minn dawk tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni skond il-prinċipju ta' disponibbiltà. L-inizjattiva tista' tkun ikkwalifikata bħala pass lejn id-disponibbiltà, iżda ma timplimentax stricto sensu l-prinċipju ta' disponibbiltà. Hija tikkumplimenta miżuri oħrajn li jimmiraw biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi, bħad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (19) li għandhom jiżguraw li informazzjoni u intelligence jkunu pprovduti lill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħrajn, mat-talba.

25.

Fl-opinjoni tiegħu dwar din il-Proposta tal-Kummissjoni, il-KEPD kien favur li l-prinċipju ta' disponibbiltà għandu jiġi implimentat permezz ta' approċċ aktar kawt u gradwali. F'tali approċċ it-tipi ta' data skambjata skond il-prinċipju ta' disponibbiltà għandhom ikunu limitati u għandu jitħalla aċċess indirett biss, permezz ta' data ta' l-indiċi (20). Tali approċċ gradwali jippermetti lill-partijiet interessati jissorveljaw l-effikaċja ta' l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi, kif ukoll il-konsegwenzi għall-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadin.

26.

Dawn l-osservazzjonijiet jibqgħu validi fis-sitwazzjoni preżenti. Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-inizjattiva preżenti tieħu dan l-approċċ aktar kawt u gradwali bħala mezz implimentattiv tal-prinċipju ta' disponibbiltà.

27.

L-Artikolu 5 u l-Artikolu 10 ta' l-inizjattiva jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta' dan l-approċċ. Huma jittrattaw dwar il-forniment ta' aktar data personali (u informazzjoni oħra) wara li jkun sar taqbil bejn il-profili tad-DNA, rispettivament il-marki tas-swaba'. Iż-żewġ każijiet għandhom ikunu regolati mid-dritt nazzjonali ta' l-Istat Membru rikjest, inklużi r-regoli ta' assistenza legali. L-effett legali ta' dawn iż-żewġ artikoli huwa limitat. Huma regola ta' konflitt tal-liġi (ta' natura dikjaratorja; li ma jbiddlux is-sitwazzjoni preżenti), iżda ma jimplimentawx il-prinċipju ta' disponibbiltà (21).

V   Ħtieġa u Proporzjonalità

28.

Skambju effettiv ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi hija kwistjoni ewlenija fil-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura. Huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li informazzjoni tkun disponibbli min-naħa għall-oħra tal-konfini nazzjonali. Jinħtieġ qafas legali xieraq biex jiġi faċilitat l-iskambju.

29.

Hija kwistjoni differenti biex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-inizjattiva preżenti humiex ġustifikati mill-ħtieġa li jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini jew, fi kliem ieħor, jekk dawn humiex meħtieġa u proporzjonati.

30.

L-ewwelnett, fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea, ġew adottati għadd ta' miżuri sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi. F'xi każijiet, dawn il-miżuri jinkludu l-istabbiliment ta' organizzazzjoni ċentralizzata, bħall-Europol jew l-Eurojust, jew sistema ta' informazzjoni ċentralizzata, bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen. Miżuri oħrajn jittrattaw dwar l-iskambju dirett bejn l-Istati Membri, bħall-inizjattiva preżenti. Reċentement, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI ġiet adottata bħala strument li għandu l-għan li jissimplifika l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi.

31.

In ġenerali, strumenti legali ġodda dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura għandhom jiġu adottati biss wara evalwazzjoni tal-miżuri leġislattivi diġà eżistenti, li jwasslu għall-konklużjoni li dawk il-miżuri eżistenti m'humiex biżżejjed. Il-premessi ta' l-inizjattiva preżenti ma jagħtux prova ta' evalwazzjoni sħiħa tal-miżuri eżistenti. Huma jsemmu d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI u jindikaw li għandu jsir użu sħiħ ta' teknoloġija ġdida u li l-aċċess reċiproku għal bażijiet tad-data nazzjonali għandu jiġi ffaċilitat. Informazzjoni preċiża għandha tiġi skambjata rapidament u b'mod effiċjenti. Dan huwa kollox. Per eżempju m'hemm l-ebda referenza għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, li huwa strument essenzjali għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

32.

Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva preżenti qed tinħareġ mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-miżuri eżistenti dwar l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi u jsejjaħ lill-Kunsill biex jinkludi tali evalwazzjoni fil-proċedura ta' l-adozzjoni.

33.

It-tieni nett, kif intqal qabel il-Konvenzjoni ta' Prüm ġiet stabbilita bħala 'laboratorju' għall-iskambju trans-konfini ta' informazzjoni, b'mod partikolari d-DNA u l-marki tas-swaba'. Hija ppermettiet lill-Istati Membri kkonċernati li jesperimentaw b'dan l-iskambju. Fid-data tal-ħruġ ta' l-inizjattiva ppreżentata għal Deċiżjoni tal-Kunsill l-esperimenti ma ddaħħlux effetivament fil-prattika fuq skala usa', ħlief għall-ewwel skambju bejn il-Ġermanja u l-Awstrija (22).

34.

Il-KEPD mhux konvint li l-ewwel riżultati ta' dan l-iskambju limitat — għal perijodu qasir u b'żewġ Stati Membri biss involuti, ikun kemm ikunu interessanti — jistgħu jintużaw bħala li jagħtu bażi empirika biżżejjed biex jagħmlu s-sistema applikabbli għall-Istati Membri kollha.

35.

Jagħmel differenza fl-iskala jekk wieħed jistabbilixxix sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn ftit Stati Membri, li diġà għandhom esperjenza b'bażijiet tad-data tad-DNA, jew jekk wieħed jistabbilixxix sistema madwar l-UE kollha, inklużi Stati Membri li m'għandhom l-ebda esperjenza. Barra minn dan, l-iskala żgħira tippermetti kuntatti mill-qrib bejn l-Istati Membri involuti; dawk il-kuntatti jistgħu jintużaw ukoll biex jissorveljaw ir-riskji għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, l-iskala żgħira tista' tiġi ssorveljata ħafna aktar faċilment. Għalhekk, ukoll jekk il-Konvenzjoni ta' Prüm infisha kellha tkun meħtieġa u proporzjonata, dan waħdu ma jfissirx li l-inizjattiva preżenti għandha tiġi evalwata fl-istess sens.

36.

It-tielet nett, kif ser jintwera aktar tard f'din l-opinjoni, hemm differenzi kbar fil-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri, relatati mal-ġbir u l-użu ta' data bijometrika għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi. Ukoll, il-prattiki nazzjonali m'humiex armonizzati. F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li għadu ma ġiex adottat qafas legali armonizzat għall-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru.

37.

L-inizjattiva ma tarmonizzax l-elementi essenzjali tal-ġbir u l-iskambju tat-tipijiet differenti ta' data inklużi fl-inizjattiva. Per eżempju, l-inizjattiva m'hijiex preċiża dwar l-għanijiet tal-ġbir u l-iskambju. Id-dispożizzjonijiet dwar il-profili tad-DNA japplikaw għar-reati kollha jew jista' Stat Membru jillimita l-applikazzjoni tagħhom għal kriminalità aktar serja? L-inizjattiva lanqas ma hi ċara dwar iċ-ċirku ta' suġġetti tad-data milquta mill-ġbir u l-iskambju. Il-bażijiet tad-data fihom biss materjal (bijometriku) ta' persuni ssuspettati u/jew ikkundannati, jew ukoll materjal ta' suġġetti oħrajn tad-data, bħal xhieda jew persuni oħrajn li nzertaw fl-inħawi ta' reat? Skond il-KEPD, kienet tkun preferibbli armonizzazzjoni minima ta' dawn l-elementi essenzjali, ukoll biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji ta' ħtieġa u proporzjonalità.

38.

Il-KEPD kkonkluda kif ġej. Hemm indikazzjonijiet ċari li l-inizjattiva preżenti x'aktarx tkun strument utli għall-kooperazzjoni tal-pulizija. Din l-indikazzjoni terġa' hija aktar b'saħħitha fid-dawl ta' l-ewwel esperjenzi bit-Trattat ta' Prüm fil-Ġermanja u l-Awstrija. Madankollu, m'huwiex faċli li jsir eżami tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-inizjattiva preżenti. Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva preżenti qed tittieħed mingħajr valutazzjoni xierqa ta' l-impatt b'kont meħud ta' l-osservazzjonijiet li saru f'din il-parti ta' l-opinjoni. Huwa jsejjaħ lill-Kunsill biex jinkludi tali valutazzjoni fil-proċedura ta' l-adozzjoni u biex jeżamina bħala parti minn din il-valutazzjoni għażliet oħrajn — possibbilment b'anqas intrużjoni fuq il-privatezza — tal-politika (23).

39.

Il-KEPD jipproponi ugwalment li jinkludi klawżola ta' evalwazzjoni fil-Kapitolu 7 ta' l-inizjattiva ('Dispożizzjonijiet implimentattivi u finali'). Tali klawżola ta' evalwazzjoni tista' taqra kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill bil-ħsieb li jiġi determinat jekk hux meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, mhux aktar tard minn tliet snin wara li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tkun daħħlet f'effett”.

40.

Tali klawżola ta' evalwazzjoni hija strument utli b'mod speċjali fil-kuntest preżenti fejn il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-inizjattiva preżenti (għad) m'humiex stabbiliti b'mod ċar u fejn tiġi introdotta sistema għall-iskambju ta' informazzjoni madwar l-UE kollha, ibbażata fuq esperjenzi limitati.

VI   Tipijiet differenti ta' data: Profili tad-DNA, marki tas-swaba' u data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi

Osservazzjonijiet ġenerali

41.

Il-Kapitolu 2, aċċess on-line u talbiet ta' segwitu, jiddistingwi tliet tipi ta' data: Profili tad-DNA, marki tas-swaba' u data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi. Din id-distinzjoni twassal għal żewġ osservazzjonijiet ġenerali.

42.

Fl-ewwel post, għandu jiġi nnotat li d-data kollha pproċessata fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, ħlief id-data maħsuba fl-Artikolu 13 (24), hija data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE (25) u ta' strumenti oħrajn tad-dritt komunitarju. Skond l-Artikolu 2 (a) tad-Direttiva 'data personali' għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija waħda li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal numru ta' identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew iżjed speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha. Il-proposta għad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjajra u bejn il-pulizija f'materji kriminali, li — la darba adottata — tkun applikabbli għall-iskambju ta' informazzjoni taħt l-inizjattiva preżenti, tuża l-istess definizzjoni. Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva ma tagħtix definizzjoni ta' data personali u jissuġġerixxi, għal raġunijiet ta' ċarezza legali, li tiġi inkluża tali definizzjoni fl-Artikolu 24.

43.

Fi kwalunkwe każ, skond id-definizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, huwa mingħajr dubju li wkoll il-bażijiet tad-data li fihom biss profili tad-DNA u data ta' referenza mill-fajls ta' l-analiżi tad-DNA u minn sistemi għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' huma kompletament jew prinċipalment ikkunsidrati bħala ġabriet bid-data personali.

44.

Fit-tieni post, l-għan ta' l-iskambju ta' data huwa differenti għat-tliet tipi ta' data personali: profili tad-DNA, marki tas-swaba' u data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi. Fir-rigward tad-DNA, l-Istati Membri għandhom jiftħu u jżommu fajls nazzjonali ta' l-analiżi tad-DNA għall-investigazzjoni ta' reati kriminali (Artikolu 2 (1)), fir-rigward tal-marki tas-swaba' huma għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data ta' referenza mill-fajl għas-sistemi awtomatizzati nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' stabbiliti għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali (Artikolu 8) u fil-każ tad-data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, l-iskambju jinkludi mhux biss il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali, iżda wkoll ċerti reati — mhux kriminali — oħra, kif ukoll l-għan taż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-sigurtà (Artikolu 12 (1)).

45.

Ugwalment, l-iskambju ta' u l-aċċess għal data dwar id-DNA u l-marki tas-swaba' hija soġġetta għal garanziji aktar stretti mill-iskambju ta' u l-aċċess għal data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi. Fir-rigward tad-data dwar id-DNA u l-marki tas-swaba', l-aċċess huwa inizjalment limitat għal data ta' referenza li minnha s-suġġett tad-data ma jistax jiġi identifikat direttament. L-inizjattiva tiddikjara l-prinċipju tas-separazzjoni f'żewġ bażijiet tad-data differenti bejn id-data bijometrika min-naħa waħda u d-data ta' identifikazzjoni testwali min-naħa l-oħra. L-aċċess għat-tieni bażi tad-data huwa possibbli biss jekk seħħ“riżultat pożittiv” fl-ewwel waħda. Tali separazzjoni bejn il-bażijiet tad-data ma teżistix għad-data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, fejn huwa provdut aċċess awtomatiku u dirett, u mhix meħtieġa bażi tad-data doppja.

46.

Il-KEPD jappoġġa din il-gradazzjoni u jikkunsidraha bħala strument utli għall-protezzjoni tas-suġġett tad-data: aktar ma tkun sensittiva d-data, aktar ikunu limitati l-finijiet li għalihom tista' tintuża u aktar ikun limitat l-aċċess. Fil-każ speċifiku tad-DNA, potenzjalment l-aktar sensittiva mid-data personali koperta mill-inizjattiva, id-data tista' tiġi skambjata biss għal raġunijiet ta' prosekuzzjoni kriminali u mhux għal kontroll preventiv mill-pulizija. Barra minn dan, il-profili jistgħu jittieħdu biss mill-parti non-kodifikanti tad-DNA.

Osservazzjonijiet speċifiċi dwar id-data tad-DNA

47.

Fir-rigward tad-data tad-DNA, tista' ssir referenza għall-opinjonijiet preċedenti tal-KEPD (26). Huwa essenzjali li l-kunċett tad-data tad-DNA jiġi definit b'mod ċar u li ssir differenza bejn il-profili tad-DNA u d-data tad-DNA li tista' tipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi ġenetiċi u/jew l-istatus tas-saħħa ta' persuna. Għandu jittieħed kont ukoll tal-progress fix-xjenza: dak li huwa kkunsidrat bħala profil innoċenti tad-DNA f'ċertu żmien partikolari, jista' fi stadju aktar tard jiżvela ħafna aktar informazzjoni milli mistenni u meħtieġ.

48.

L-inizjattiva tillimita d-disponibbiltà għal profili tad-DNA stabbiliti mill-parti non-kodifikanti tad-DNA. Madankollu, definizzjonijiet preċiżi tal-profili tad-DNA, kif ukoll ta' proċedura biex tistabbilixxi tali definizzjonijiet komuni, skond l-aħħar avvanzi fix-xjenza, huma neqsin fit-test ta' l-inizjattiva. Il-ftehim implimentattiv tat-Trattat ta' Prüm (27) jiddefinixxi l-parti non-kodifikanti tad-DNA kif ġej: żoni fil-kromosomi li ma fihom l-ebda espressjoni ġenetika, jiġifieri li m'humiex magħrufa li jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi ereditarji speċifiċi. Il-KEPD jissuġġerixxi li tiġi inkluża definizzjoni tal-parti non-kodifikanti fl-inizjattiva nfisha, kif ukoll li tiġi prevista proċedura li tiżgura li tassew — kemm issa kif ukoll 'il quddiem — l-ebda informazzjoni oħra ma tkun tista' tiġi żvelata mill-parti non-kodifikanti.

49.

L-inizjattiva sserraħ fuq il-presuppożizzjoni li t-tqabbil tal-profili tad-DNA huwa l-istrument ewlieni fil-kooperazzjoni tal-pulizija. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu bażijiet tad-data tad-DNA għall-finijiet ta' ġustizzja kriminali. B'kont meħud ta' l-ispiża ta' dawn il-bażijiet tad-data u r-riskji mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data, tinħtieġ valutazzjoni ex ante bir-reqqa ta' l-effikaċja ta' dan l-istrument. L-esperjenza limitata fl-iskambju tad-data tad-DNA bejn il-Ġermanja u l-Awstrija mhix biżżejjed.

50.

Il-KEPD jinnota f'din il-perspettiva li l-inizjattiva tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu fajls nazzjonali ta' l-analiżi tad-DNA. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li diversi Stati Membri diġà għandhom bażijiet tad-data nazzjonali tad-DNA stabbiliti sew, filwaqt li Stati Membri oħrajn għandhom inqas jew l-ebda esperjenza f'dan il-qasam. L-aktar bażi tad-data żviluppata fl-Ewropa (u fid-dinja) hija l-bażi tad-data fir-Renju Unit. Din tammonta għal aktar minn 3 miljun entrata, li jagħmilha l-aktar ġabra estensiva ta' profili tad-DNA. Il-bażi tad-data testendi għal dawk il-persuni li ġew ikkundannati għal reati, kif ukoll għal dawk li ġew arrestati u għal dawk li volontarjament taw kampjuni għall-finijiet ta' eliminazzjoni (28). Is-sitwazzjoni hija differenti f'pajjiżi oħrajn. Per eżempju, fil-Ġermanja jinżammu profili biss għal dawk li ġew ikkundanati għal reati serji. Wieħed jista' jassumi wkoll li fil-Ġermanja il-ġbir ta' DNA għal finijiet usa' ma jkunx kompattibbli mal-każistika tal-Qorti Kostituzzjonali (29).

51.

Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva ma tispeċifikax il-kategoriji ta' persuni li ser jiġu inklużi fil-bażijiet tad-data tad-DNA. Tali speċifikazzjoni mhux biss tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam — li tista' tikkontribwixxi għall-effikaċja tal-kooperazzjoni trans-konfini — iżda tista' wkoll ittejjeb il-proporzjonalità tal-ġbir u l-iskambju ta' din id-data personali, dment li l-kategoriji ta' persuni tkun limitata.

52.

Kwistjoni relatata li titħalla għad-dritt nazzjonali ta' l-Istati Membri hija l-perijodu ta' żamma tad-data fil-fajls ta' l-analiżi tad-DNA. Id-dritt nazzjonali jista' jipprevedi li l-profili li jinħolqu f'dawk il-fajls jinżammu għal kemm idum ħaj is-suġġett tad-data, ikun x'ikun l-eżitu ta' proċedura ġudizzjarja, filwaqt li jista' jipprevedi wkoll li l-profili jinżammu, dment li l-persuna ma tkunx ġiet akkużata u għalhekk ma tkunx ġiet ikkundannata minn qorti, jew li l-ħtieġa għall-ħżin kontinwat tiġi riveduta fuq bażi regolari (30).

53.

Finalment, il-KEPD jindika l-Artikolu 7, dwar il-ġbir ta' materji ċellulari u l-forniment ta' profili tad-DNA. Mhix prevista dispożizzjoni simili għall-marki tas-swaba'. Id-dispożizzjoni tobbliga lil Stat Membru, fuq talba ta' Stat Membru ieħor u fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali li jkunu għaddejjin, li jiġbor u jeżamina materjal ċellulari ta' individwu u sussegwentement iforni l-profil tad-DNA lil dak l-Istat Membru l-ieħor, taħt kondizzjonijiet. Dan l-artikolu jidħol fil-fond mhux ħażin. Huwa jobbliga lil Stat Membru biex jiġbor (u jeżamina) b'mod attiv il-materjal bijometriku ta' individwu, dment li tali ġbir u eżami jkunu permessi fl-Istat Membru rikjedenti (il-kondizzjoni b).

54.

Id-dispożizzjoni mhux biss tidħol fil-fond, iżda hija wkoll mhux determinata. Fuq in-naħa waħda m'hemmx limitu għal reati aktar serji u lanqas għal persuni ssuspettati minn reat, fuq in-naħa l-oħra l-ħtiġiet tal-liġi ta' l-Istat Membru rikjest għandhom ikunu ssodisfati (il-kondizzjoni ċ) mingħajr indikazzjoni rigward x'jittrattaw dawn il-ħtiġiet. Skond il-KEPD, teħtieġ aktar kjarifika ta' dan l-artikolu, preferibbilment billi jiġi speċifikat it-test ta' l-artikolu. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta' proporzjonalità jeħtieġ interpretazzjoni aktar limitata ta' dan l-artikolu.

VII   Il-qafas tal-protezzjoni tad-data

55.

Din il-parti ta' l-opinjoni ser tiddiskuti l-kwistjonijiet li ġejjin, relatati mal-protezzjoni tad-data:

Il-ħtieġa għal qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru.

Indikazzjonijiet għaliex huwa meħtieġ il-qafas ġenerali, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu 6 ta' l-inizjattiva.

Eżami qasir tal-kapitolu 6 nnifsu.

56.

Bħala punt preliminari, il-KEPD jinnota li l-Artikolu 1 ta' l-inizjattiva li jiddeskrivi l-għan u l-kamp ta' applikazzjoni ma fihx referenza għall-Kapitolu 6, għalkemm id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill fihom kapitolu dwar il-protezzjoni tad-data. Il-KEPD għalhekk jirrakkomanda li tiżdied tali referenza għat-test.

Il-ħtieġa għal qafas ġenerali

57.

Kif intqal f'diversi okkażjonijiet oħra (31), huwa essenzjali għall-KEPD li strumenti legali speċifiċi li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni għall-infurzar tal-liġi — bħall-inizjattiva preżenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill — ma jkunux adottati qabel l-adozzjoni mill-Kunsill ta' qafas dwar il-protezzjoni tad-data, li jiggarantixxi livel xieraq ta' protezzjoni tad-data f'konformità mal-konklużjonijiet tal-KEPD fiż-żewġ opinjonijiet tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru (32).

58.

Qafas legali għall-protezzjoni tad-data huwa condicio sine qua non għall-iskambju ta' data personali mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 30 (1) (b) tat-Trattat UE, u rikonoxxut f'diversi dokumenti ta' politika ta' l-UE. Madankollu, fil-prattika leġislazzjoni li tiffaċilita l-iskambju ta' data tiġi adottata qabel ma jkun garantit livell adegwat ta' protezzjoni tad-data. Din l-ordni għandha tinqaleb.

59.

Li tinqaleb l-ordni huwa importanti wkoll għaliex ir-regoli aktar dettaljati dwar il-protezzjoni tad-data fl-inizjattiva preżenti tista' tkun f'konflitt mad-deċiżjoni kwadru komuni futura għall-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru li għadha qed tiġi diskussa. Ukoll m'huwiex effiċjenti li tinbeda l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data ta' din l-inizjattiva — li tinkludi l-adozzjoni ta' standards għall-protezzjoni tad-data u proċeduri amministrattivi, kif ukoll il-ħatra ta' l-awtoritajiet kompetenti — qabel l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Kwadru dwar il-protezzjoni tad-data li jista' jkun fiha ħtiġiet differenti u tkun għalhekk teħtieġ bidliet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu għadhom kemm ġew adottati.

60.

L-Artikolu 25 (1) ta' l-inizjattiva preżenti issa jirreferi għall-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Protokoll Addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001 u r-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 dwar l-użu ta' data personali fis-settur tal-pulizija. Dawk l-istrumenti adottati mill-Kunsill ta' l-Ewropa għandhom jipprovdu għal livell minimu ta' protezzjoni tad-data personali. Madankollu, kif stqarr il-KEPD qabel (33), il-Konvenzjoni li biha huma marbutin l-Istati Membri kollha ma tipprovdix għall-preċiżjoni meħtieġa kif kien diġà ġie rikonoxxut fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 95/46/KE. Ir-Rakkomandazzjoni fin-natura tagħha m'hijiex vinkolanti.

Indikazzjonijiet tal-ħtieġa għal qafas ġenerali, minkejja il-Kapitolu 6

61.

L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva huma maħsuba biex jibnu fuq qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data (ara l-Artikolu 25 ta' l-inizjattiva). Id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala lex specialis applikabbli għad-data fornuta skond din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Sfortunatament, il-qafas ġenerali preżenti tal-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa u dokumenti relatati m'huwiex sodisfaċenti. Madankollu, l-intenzjoni fiha nfisha turi li jinħtieġ qafas ġenerali xieraq stabbilit f'Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill. Iżda din mhix l-unika indikazzjoni tal-ħtieġa għal tali qafas.

62.

It-tieni punt, l-iniżjattiva tkopri biss parti mill-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi u ta' l-iskambju ta' tali data bejn l-Istati Membri. Il-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva hija fin-natura tagħha limitata għall-ipproċessar relatat ma' l-iskambju ta' informazzjoni previst mill-inizjattiva. Kull skambju ieħor ta' informazzjoni oħra mill-pulizija u dik ġudizzjajra fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-inizjattiva, notevolment informazzjoni li mhix relatata ma' profili tad-DNA, marki tas-swaba' u data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, hija b'hekk eskluża. Eżempju ieħor tal-kopertura parzjali tal-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva huwa relatat ma' l-aċċess għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi għal data miġbura minn kumpanniji privati, peress li l-inizjattiva timmira lejn l-iskambju ta' informazzjoni bejn aġenziji responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali (l-Artikolu 1 ta' l-inizjattiva).

63.

It-tielet punt, rigward il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6, it-test ta' l-inizjattiva huwa ambigwu u għalhekk nieqes minn ċarezza legali. Skond l-Artikolu 24 (2) ta' l-inizjattiva, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal data li hija jew li ġiet fornuta skond din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Skond il-KEPD, din il-formulazzjoni tiżgura li l-aċċess dirett għall-profili tad-DNA, il-marki tas-swaba' u d-data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi huwa kopert, kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika taħt l-Artikolu 7 ta' l-inizjattiva (34). Barra minn hekk, huwa mingħajr dubju li l-forniment ta' data personali taħt l-Artikolu 14 (avvenimenti prinċipali) u l-Artikolu 16 (għall-prevenzjoni ta' reati terroristiċi) huwa kopert ukoll.

64.

Madankollu, m'huwiex ċar jekk il-Kapitolu 6 japplikax biss għal data personali li hija jew li ġiet skambjata bejn l-Istati Membri jew jekk dan japplikax ukoll għall-ġbir u l-ipproċessar ta' materjal tad-DNA u marki tas-swaba' fi Stat Membru skond l-Artikoli 2 u 8 ta' l-inizjattiva. Fi kliem ieħor, il-Kapitolu 6 japplika għal data personali li nġabret skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill, iżda (għadha) ma ġietx fornuta lill-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn? Barra minn dan m'huwiex ċar jekk il-forniment ta' aktar data personali wara li jkun sar taqbil bejn il-profili tad-DNA jew il-marki tas-swaba' huwiex kopert peress li min-naħa waħda l-Premessa 11 timplika li l-forniment ta' aktar informazzjoni (permezz ta' proċeduri ta' assistenza reċiproka) jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, waqt li min-naħa l-oħra l-Artikoli 5 u 10 jenfasizzaw li tali forniment huwa rregolat mid-dritt nazzjonali. Finalment, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 24 (2) fih eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-Kapitolu 6. Id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw 'ħlief fejn previst mod ieħor fil-Kapitoli preċedenti'. Skond il-KEPD, din il-kondizzjoni hija mingħajr valur sostanzjali — il-KEPD ma nnotax xi dispożizzjonijiet kontradittorji fil-kapitoli preċedenti -. iżda l-kondizzjoni tista' madankollu żżid l-ambigwità tat-test fir-rigward ta' l-applikabbiltà tal-Kapitolu 6.

65.

Il-KEPD jirrakomanda li l-Artikolu 24 (2) jispeċifika li l-Kapitolu 6 japplika għall-ġbir u l-ipproċessar ta' materjal tad-DNA u marki tas-swaba' fi Stat Membru u li l-forniment ta' aktar data personali hija koperta wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni. Barra minn dan, il-kondizzjoni 'ħlief fejn previst mod ieħor fil-Kapitoli preċedenti' għandha titħassar. Dawk il-kjarifiki jiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 għandhom konsegwenzi sostanzjali.

66.

Ir-raba' punt, in-natura tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 nfushom, safejn dawn jibnu fuq il-kunċett tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka f'materji kriminali, huma indikazzjoni tal-ħtieġa għal qafas ġenerali. Il-kondiviżjoni ta' informazzjoni tippresupponi armonizzazzjoni minima tar-regoli bażiċi dwar il-protezzjoni tad-data jew mill-inqas ir-rikonoxximent reċiproku tad-dritt nazzjonali, sabiex jiġi evitat li l-effikaċja tal-kooperazzjoni ssofri ħsara bid-differenzi bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri.

67.

Għalkemm l-inizjattiva tipprovdi għall-armonizzazzjoni dwar xi kwistjonijiet importanti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, dwar kwistjonijiet importanti oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 ma jarmonizzawx id-dritt nazzjonali u lanqas ma jippreskrivu rikonoxximent reċiproku. Minflok, huma jibnu fuq l-applikabbiltà simultanja ta' żewġ sistemi legali (jew aktar): il-foriment tad-data huwa spiss permess biss jekk ikunu osservati l-liġijiet ta' kemm l-Istat Membru fornitur kif ukoll ta' l-Istat Membru riċevitur. Fi kliem ieħor, dwar dawk il-kwistjonijiet l-inizjattiva ma tikkontribwixxix għal żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, iżda dawn jagħtu sustanza lis-sistema tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka f'materji kriminali, ibbażata fuq is-sovranità nazzjonali (35).

68.

Skond il-KEPD, din in-natura tal-Kapitolu 6 ma tiffaċilitax l-iskambju ta' data personali iżda żżid il-kumplessità, b'kont meħud li l-inizjattiva timmira li tagħmel is-sistema tat-Trattat ta' Prüm applikabbli għas-27 Stat Membru kollha u peress li ma ġiex adottat qafas komuni ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Per eżempju, l-Artikolu 26 (1) jippermetti l-ipproċessar għal finijiet oħra biss jekk dan huwa permess taħt id-dritt nazzjonali kemm ta' l-Istat Membru fornitur kif ukoll ta' dak riċevitur. Eżempju ieħor huwa l-Artikolu 28 (3) li jiddikjara li data personali li ma kellhiex tiġi fornuta (jew riċevuta) għandha tiġi mħassra. Iżda kif ikun jaf l-Istat Membru riċevitur li din id-data ma kinitx ġiet fornuta legalment skond il-liġi ta' l-Istat Membru fornitur? Dan jista' jwassal għal mistoqsijiet diffiċli meta dawn il-kwistjonijiet jitqajmu f'kawżi quddiem il-qrati nazzjonali.

69.

Il-ħames punt, dan il-qafas komuni għall-protezzjoni tad-data huwa ferm aktar importanti peress li hemm differenzi kbar bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri, kemm fil-liġi kriminali sostantiva kif ukoll fil-liġi dwar il-proċedura ġudizzjarja f'materji kriminali. Apparti mill-konsegwenzi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, dawn id-differenzi jaffettwaw ukoll direttament lis-suġġetti tad-data f'każijiet fejn data dwarhom tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet f'żewġ Stati Membri jew aktar. Per eżempju, il-mezz effettiv tagħhom għal rimedja quddiem il-qorti jista' ma jkunx l-istess fl-Istati Membri kollha.

70.

B'konklużjoni, il-proposta tarmonizza xi elementi ta' l-iskambju ta' data bejn l-awtoritajiet kompetenti u għal din ir-raġuni tinkludi kapitolu dwar il-protezzjoni tad-data, iżda hija 'l bogħod milli tarmonizza il-garanziji kollha dwar il-protezzjoni tad-data. Id-dispożizzjonijiet la huma komprensivi (bħala qafas ġenerali, lex generalis, għandu jkun hekk) u lanqas kompleti (peress li elementi importanti huma neqsin, kif ser jintwera fil-punt 75).

71.

Huwa ovvju li barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-inizjattiva, jinħtieġ qafas komuni ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Iċ-ċittadin huwa intitolat iserraħ fuq livell armonizzat minimu ta' protezzjoni tad-data, irrelevanti fejn fl-Unjoni Ewropea tkun qed tiġi pproċessata data li tikkonċernah għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi.

72.

Iżda tali qafas komuni huwa meħtieġ ukoll, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-inizjattiva. L-iniżjattiva tittratta inter alia dwar il-ġbir, l-ipproċessar u l-iskambju ta' data bijometrika potenzjalment sensittiva bħal materjal tad-DNA. Barra minn dan, iċ-ċirkolu ta' suġġetti tad-data li jista' jiġi inkluż f'din is-sistema mhix limitata għal data ta' persuni ssuspettati (jew ikkundannati) minn reati speċifiċi. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, wieħed għandu jserraħ ferm aktar fuq sistema ċara u adegwata ta' protezzjoni tad-data.

73.

F'dan il-kuntest, għandu jiġi mtenni li l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-inizjattiva u tal-Kapitolu 6 tagħha m'huwiex definit b'mod ċar. Dan jagħmilha importanti għal raġunijiet ta' sigurtà legali li d-data personali hija protetta sew, irrispettivament mill-mistoqsija dwar jekk u f'liema sitwazzjonijiet din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni. Għall-istess raġunijiet, il-konsistenza bejn il-liġijiet applikabbli fil-kamp ta applikazzjoni ta' l-inizjattiva u barra minnu għandha tiġi ggarantita.

Id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 6

74.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva preżenti japplikaw għal data li hi jew li ġiet fornuta skond din id-deċiżjoni. Huma jittrattaw dwar numru ta' kwistjonijiet importanti u ġew abbozzati b'attenzjoni, bħala dispożizzjonijiet speċifiċi fuq qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Il-KEPD jikkonkludi li f'termini ġenerali d-dispożizzjonijiet joffru fis-sustanza protezzjoni xierqa.

75.

Madankollu, minbarra dak li ntqal qabel dwar in-natura tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6, il-KEPD identifika xi nuqqasijiet oħrajn fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 (36):

L-Artikolu 30 dwar reġistrazzjoni huwa applikabbli biss għall-iskambju ta' data personali, mhux għall-aċċess għal dik id-data għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi. Kien ikun aħjar li l-artikolu ġie abbozzat b'tali mod li jiżgura li l-attivitajiet kollha fir-rigward ta' dik id-data għandhom jiġu reġistrati.

L-Artikolu 31 jillimita d-dritt għal informazzjoni dwar is-suġġett tad-data għal dritt li tingħata informazzjoni fuq talba Din il-ħtieġa hija kuntrarju għal element essenzjali tal-protezzjoni tad-data, jiġifieri li l-kontrollur tad-data jipprovdi lil suġġett tad-data li minn għandu tinġabar data relatata miegħu stess b'xi informazzjoni bażika dwar dan il-ġbir, mingħajr ma jkun intalab biex jagħmel hekk minn dak is-suġġett tad-data (37). Tabilħaqq, is-suġġett tad-data f'ħafna każijiet ma jkunx jaf dwar il-ġbir tad-data tiegħu. Ovvjament l-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni tista' tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, kondizzjonijiet jew limitazzjonijiet, per eżempju għall-protezzjoni ta' l-interess ta' investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, iżda dak jista' ma jirriżultax f'li d-dritt innifsu jiġi mċaħħad mill-kontenut sostantiv tiegħu, billi bħala regola ġenerali tkun tinħtieġ li ssir talba mis-suġġett tad-data (38).

Il-Kapitolu 6 ma jipprevedix separazzjoni ta' data relatata ma' kategoriji differenti ta' nies (vittmi, persuni ssuspettati, nies oħra li d-data tagħhom hija inkluża f'bażi tad-data). Tali separazzjoni ta' kategoriji ta' nies skond il-grad tagħhom ta' involviment f'reat kienet inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru u hija ferm aktar importanti fil-kuntest ta' l-inizjattiva preżenti, peress li din tippermetti l-ipproċessar ta' — f'xi każijiet sensittivi — data personali ta' persuni li m'humiex direttament involuti f'reat.

Diġà sar kumment wieħed: definizzjoni ta' data personali hija nieqsa (39).

76.

Il-KEPD jirrakkomanda lill-Kunsill biex jittratta dawn in-nuqqassijiet, jew billi jemenda t-test ta' l-inizjattiva u/jew billi jinkludi dawn l-elementi f'Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru. Fil-fehma tal-KEPD, l-ewwel għażla ma twassalx neċessarjament għal modifika tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni nfisha u ma tikkontradixxix l-intenzjoni tal-15-il Stat Membru li ħadu l-inizjattiva li ma jbiddlux il-partijiet essenzjali tat-Trattat ta' Prüm.

VIII   Konklużjonijiet

77.

Din l-opinjoni tieħu kont tan-natura unika ta' l-inizjattiva, aktar speċifikament il-fatt li m'humiex previsti emendi prinċipali fis-sustanza tad-dispożizzjonijiet. L-emendi li jipproponi l-KEPD jservu prinċipalment biex itejbu t-test mingħajr ma jimmodifikaw is-sistema ta' l-iskambju ta' informazzjoni nfisha.

78.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-inizjattiva preżenti tieħu approċċ aktar kawt u gradwali bħala mezz ta' implimentazzjoni tal-prinċipju ta' disponibbiltà. Madankollu, huwa jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva ma tarmonizzax elementi essenzjali tal-ġbir u l-iskambju ta' tipijiet differenti ta' data, ukoll biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji ta' ħtieġa u proporzjonalità.

79.

Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva preżenti qed tittieħed mingħajr valutazzjoni xierqa ta' l-impatt u jsejjaħ lill-Kunsill biex jinkludi tali valutazzjoni fil-proċedura ta' l-adozzjoni u biex jeżamina bħala parti minn din il-valutazzjoni għażliet oħrajn — possibbilment b'anqas intrużjoni fuq il-privatezza — tal-politika

80.

Il-KEPD jappoġġa l-approċċ ta' l-inizjattiva relata ma' tipijiet differenti ta' data personali: aktar ma tkun sensittiva d-data, aktar ikunu limitati l-finijiet li għalihom tista' tintuża u aktar ikun limitat l-aċċess.

81.

Il-KEPD jiddispjaċih mill-fatt li l-inizjattiva ma tispeċifikax il-kategoriji ta' persuni li ser jiġu inklużi fil-bażijiet tad-data tad-DNA u li din ma tillimitax il-perijodu ta' żamma.

82.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill m'għandhiex tiġi adottata mill-Kunsill qabel l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjajra u bejn il-pulizija f'materji kriminali, li toffri livell xieraq ta' protezzjoni.

83.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 ma jiffaċilitawx l-iskambju ta' data personali iżda jżidu l-kumplessità ta' dan l-iskambju, safejn dawn jibnu fuq il-kunċett tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka f'materji kriminali.

84.

Il-KEPD jirrakkomanda l-emendi li ġejjin fit-test ta' l-inizjattiva:

l-inklużjoni fl-Artikolu 1 ta' referenza għall-Kapitolu 6 dwar il-protezzjoni tad-data.

l-inklużjoni ta' definizzjoni tal-parti non-kodifikanti tad-DNA, kif ukoll il-provvediment għal proċedura li tiżgura li — kemm issa kif ukoll 'il quddiem — l-ebda informazzjoni oħra ma tkun tista' tiġi żvelata mill-parti non-kodifikanti.

li jiġi speċifikat it-test ta' l-artikolu 7, b'kont meħud li l-prinċipju ta' proporzjonalità jeħtieġ interpretazzjoni aktar limitata ta' dan l-artikolu.

l-inklużjoni ta' definizzjoni ta' data personali fl-Artikolu 24.

li fl-Artikolu 24 (2) jiġi speċifikat li l-Kapitolu 6 japplika għall-ġbir u l-ipproċessar ta' materjal tad-DNA u marki tas-swaba' fi Stat Membru u li l-forniment ta' aktar data personali hija koperta wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni.

li fl-Artikolu 24 (2) titħassar il-kondizzjoni 'ħlief fejn previst mod ieħor fil-Kapitoli preċedenti'.

li l-Artikolu 30 dwar ir-reġistrazzjoni jiġi modifikat b'mod li jiżgura li l-attivitajiet kollha fir-rigward ta' dik id-data għandhom jiġu reġistrati.

li l-Artikolu 31 jiġi modifikat sabiex jiġi garantit id-dritt għal informazzjoni tas-suġġett tad-data, mingħajr ma tkun tinħtieġ li ssir talba.

li fil-Kapitolu 6 tiġi inkluża separazzjoni ta' data relatata ma' kategoriji differenti ta' nies (vittmi, persuni ssuspettati, nies oħra li d-data tagħhom hija inkluża f'bażi tad-data).

li tiżdied sentenza ma' l-Artikolu 34 ta' l-inizjattiva għal Deċiżjoni tal-Kunsill, li taqra kif ġej: “Il-Kunsill għandu jikkonsulta lill-KEPD qabel l-adozzjoni ta' tali miżura ta' implimentazzjoni.”.

l-inklużjoni ta' klawżola ta' evalwazzjoni fil-Kapitolu 7 ta' l-inizjattiva.

85.

B'mod aktar ġenerali, il-KEPD jirrakkomanda lill-Kunsill biex jittratta n-nuqqassijiet ta' l-inizjattiva, jew billi jemenda t-test ta' l-inizjattiva u/jew billi jinkludi dawn l-elementi f'Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru. Fil-fehma tal-KEPD, l-ewwel għażla (relatata ma' l-elementi msemmija fil-punt preċedenti) ma twassalx neċessarjament għal modifika tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni nfisha u ma tikkontradixxix l-intenzjoni tal-15-il Stat Membru li ħadu l-inizjattiva li ma jbiddlux il-partijiet essenzjali tat-Trattat ta' Prüm.

86.

Finalment, il-possibbiltà preżenti għandha tissemma fil-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Magħmul fi Brussel, l-4 ta' April 2007.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  L-Istati Membri huma msemmija fit-titolu ta' din l-opinjoni. L-inizjattiva ġiet ippubblikata fit-28 ta' Marzu 2007 fil-ĠU C 71, p. 35.

(4)  Il-Kummissjoni hija obbligata, taħt l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li tikkonsulta l-KEPD meta tadotta proposta leġislattiva relatata mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali. F'każ ta' inizjattiva ta' Stat Membru wieħed jew aktar dan l-obbligu ma japplikax; il-konsultazzjoni tal-KEPD minn dawn l-Istati Membri hija fakultattiva.

(5)  Skond il-prattika tal-Kummissjoni f'każijiet oħra (reċenti). Ara, aktar reċentament, l-Opinjoni tal-KEPD tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar proposti biex jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u r-Regoli Implimentattivi tiegħu (COM(2006) 213 finali u SEC(2006) 866 finali), ippubblikat fuq www.edps.europa.eu.

(6)  It-Trattat tas-27 ta' Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Grand Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità trans-konfini u l-migrazzjoni illegali.

(7)  Ara l-point 15 hawn taħt.

(8)  Il-Programm ta' l-Aja għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, approvat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta' Novembru 2004.

(9)  COM(2005) 490 finali. Opinjoni tal-KEPD hija ppubblikata fil-ĠU [2006], C 116, p.8.

(10)  Din l-opinjoni ser tuża t-terminu aktar komuni 'marki tas-swaba' minflok 'data daktiloskopika', it-terminu wżat fl-inizjattiva.

(11)  Ara l-premessa 17 ta' l-inizjattiva.

(12)  Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, it-28 ta' Jannar 1981.

(13)  Ara aktar il-Par. VII ta' din l-opinjoni.

(14)  Barra mill-ewwel esperjenza fl-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija, imsemmija taħt il-punt 33.

(15)  Fiż-żmien ta' Schengen, il-kooperazzjoni fil-Komunità Ekonomika Ewropea. It-Trattat ta' Prüm huwa spiss imsejjaħ ix-Schengen III.

(16)  Il-proposta (imsemmija fil-punt 3) ġiet adottata mill-Kummissjoni wara li t-Trattat ta' Prüm ġie adottat.

(17)  Dawn l-artikoli inter alia jeħtieġu l-involviment tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew u għandhom jiggarantixxu li l-kooperazzjoni msaħħa tintuża biss bħala l-aħħar mezz.

(18)  Dan il-ftehim jista' jinstab fid-dokument tal-Kunsill 5473/07 tat-22 ta' Jannar 2007.

Ara http://www.statewatch.org/news/2007/jan/prum-implementing-agreement.pdf.

(19)  ĠU L 386, p. 89. Din id-Deċiżjoni Kwadru hija adottata fuq inizjattiva Svediża.

(20)  Opinjoni tal-KEPD tat-28 ta' Frar 2006ĠU C 116, 17.5.2006, p. 8, punt 69.

(21)  Il-KEPD jilqa' l-approċċ gradwali in ġenerali (punt 26). Madankollu, kif ser jintwera fil-punt 37, f'dan il-każ speċifiku tkun preferibbli armonizzazzjoni minima ta' l-elementi essenzjali tal-ġbir u l-iskambju tat-tipi differenti ta' data.

(22)  Ir-riżultati tal-paragun awtomatizzat tal-profili tad-DNA fil-bażi tad-data tad-DNA tal-Ġermanja u l-Awstrija ġew ippreżentati lil-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-ĠAI fi Dresden (l-14 sas-16 ta' Jannar 2007) u huma ppubblikati fuq il-website tal-Presidenza Ġermaniża (www.bmi.bund.de). Bejn wieħed u ieħor dawn ikopru Novembru u Diċembru 2006. Ir-riżultati ta' dan l-ewwel skambju jsemmu numru impressjonanti ta' aktar minn 2000 riżultat pożittiv f'xahrejn, f'xi każijiet relatati b'mod ċar ma' kriminalità serja

(23)  “Valutazzjoni ta' impatt fuq il-privatezza”

(24)  U forsi wkoll il-profili tad-DNA mhux identifikati msemmija fl-Artikolu 2 (2) ta' l-inizjattiva.

(25)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, ĠU L 281, p. 31.

(26)  Ara per eżempju l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-prinċipju ta' disponibbiltà msemmija fin-nota 9 f'qiegħ il-paġna, il-punti 59-60

(27)  Ara n-nota 18 f'qiegħ il-paġna.

(28)  Ara l-evidenza ppreżentata mill-Kummissarju ta' l-Informazzjoni tar-Renju Unit lill-Kumitat Selettiv tal-House of Lords dwar l-Inkjesta fil-Konvenjoni ta' Prüm tas-Sotto Kumitat F (Affarijiet Interni) ta' l-Unjoni Ewropea (il-punt 10 ta' l-Evidenza). Finijiet ta' eliminazzjoni tfisser l-eliminazzjoni ta' persuni minn gruppi ta' persuni ssuspettati għal reati.

(29)  Ara, per eżempju, is-Sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2000, BvR 1741/99, li fiha l-użu ta' kampjuni ta' DNA għal reati inqas serji ma kienx ikkunsidrat kompatibbli mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

(30)  Rigward din l-alternattiva, ara l-Artikolu 20 (1) tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL), (COM(2006) 817 finali) u l-Opinjoni tal-KEPD tas-16 ta' Frar 2007 (il-punt 26).

(31)  Ara aktar reċentement, l-Opinjoni tal-KEPD tas-16 ta' Frar 2007 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL).

(32)  L-Opinjonijiet tal-KEPD tad-19 ta' Diċembru 2005 (ĠU [2006] C 47, p. 27) u tad-29 ta' Novembru 2006, ippubblikati fuq il-website tal-KEPD.

(33)  Ara, per eżempju, l-(ewwel) opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru, il-punt 4.

(34)  Ara l-punt 53 ta' din l-opinjoni.

(35)  Ara wkoll il-Premessa 11 ta' l-inizjattiva li tistipula li l-Istati Membri 'jitolbu aktar informazzjoni permezz ta' proċeduri ta' assistenza reċiproka'.

(36)  Dan il-punt ma fihx lista limitattiva ta' nuqqasijiet; huwa jsemmi biss dawk l-aktar importanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data.

(37)  Ara per eżempju l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE (ir-referenza fin-nota 25 f'qiegħ il-paġna).

(38)  Il-KEPD jinnota li l-Artikolu 31 jirreferi għad-Direttiva 95/46/KE, filwaqt li fi strument tat-tielet pilastru kien ikun aktar loġiku li jkun hemm referenza għal strument legali applikabbli f'dan il-qasam, in casu l-Protokoll għall-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

(39)  Ara l-punt 42. hawn fuq.