5.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 206/7


Konferenza tal-Kumitati għall-Komunità u għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropea (COSAC)

Kontribuzzjoni adottata mis-XXXVII COSAC

Berlin, 13-15 ta' Mejju 2007

(2007/C 206/02)

1.   Il-Futur ta' l-Ewropa

1.1

Il-COSAC tirrikonoxxi l-isforz magħmul mill-presidenza biex tlaqqa' flimkien il-gvernijiet ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea u lir-rappreżentanti ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej f'Berlin fil-ħamsin anniversarju mindu ġew iffirmati t-Trattati ta' Ruma. Il-COSAC tinnota s-sinifikat tad-Dikjarazzjoni ta' Berlin u tittama li din toħloq impetu pożittiv fit-tul għall-Integrazzjoni Ewropea. Il-COSAC iddur fuq il-parlamenti nazzjonali biex jikkontribwixxu għall-għarfien ta' dan id-dokument.

1.2

Il-COSAC tilqa' l-isforzi tal-presidenza Ġermaniża li terġa' tpoġġi l-kwistjoni tat-Trattat Kostituzzjonali fuq l-aġenda Ewropea. Id-dibattitu fuq din il-kwistjoni ser jidħol f'fażi deċiżiva bir-rapport mill-presidenza Ġermaniża lill-Kunsill Ewropew li ser jiltaqa' f'Ġunju. Il-COSAC tapprezza il-pożizzjoni soda li ħadet il-presidenza favur li jintlaħaq ftehim istituzzjonali qabel l-elezzjonijiet Ewropej li se jsiru fl-2009.

1.3

Il-COSAC tappoġġja l-idea tat-tlaqqigħ ta' konferenza ta' rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri fit-tieni nofs tas-sena b'mandat u bi skeda taż-żmien ċari, bil-għan li tinstab soluzzjoni li, possibilment bi preżentazzjoni differenti, tirrispetta bil-qawwa s-sustanza u l-għanijiet tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Soluzzjoni bħal din għandha tqis u tagħti tweġiba għat-tħassib li ġie espress f'xi Stati Membri u tkabbar id-demokrazija, it-trasparenza u l-effiċjenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini. Barra minn hekk, għandha tindirizza l-isfidi marbuta mal-bidla fil-klima u s-sigurtà ta' l-enerġija. Il-COSAC tistenna li l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew jinżammu involuti b'mod sħiħ u li l-fehmiet tagħhom ikunu kkunsidrati kif għandu jkun. Il-COSAC tinsisti li kwalunkwe ftehim istituzzjonali għandu jqis l-irwol importanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali fl-integrazzjoni Ewropea u l-proċess tal-formulazzjoni tal-politika Ewropea. L-irwol tagħhom fil-futur għandu jkun mill-inqas ta' l-istess saħħa bħal dik prevista fit-Trattat Kostituzzjonali. Il-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif annessi mat-Trattat Kostituzzjonali, għandhom jinżammu u jiġu implimentati aħjar u b'mod aktar effettiv, u l-istess is-sistema l-ġdida li permezz tagħha l-Kummissjoni tittrażmetti l-proposti kollha direttament lill-parlamenti nazzjonali, tistedinhom biex jirreaġixxu b'mod li jtejbu l-proċess tal-formulazzjoni tal-politika, u tirrispondi bil-miktub għal dawk ir-reazzjonijiet.

1.4.

Il-COSAC tinnota li l-Parlament Ewropew qed jippjana u qed jorganizza laqgħa ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (Agora) u tipproponi laqgħat parlamentari konġunti bejn parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew biex jiġu skambjati l-fehmiet u biex jiġu evalwati r-riżultati tal-Kunsill Ewropew u l-perspettivi għar-riforma tat-trattat waqt il-Konferenza Intergovernattiva li mistennija ssir.

2.   Il-Koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill

2.1

Il-mekkaniżmu l-ġdid li permezz tiegħu l-Kummissjoni twassal direttament il-proposti ġodda u d-dokumenti konsultattivi kollha quddiem il-parlamenti nazzjonali, huwa milqugħ bi pjaċir mill-parlamenti nazzjonali bħala valur miżjud. Bil-ħsieb li ttejjeb dan l-arranġament, il-COSAC titlob proċedura standardizzata għall-preżentazzjoni tad-dokumenti konsultattivi tal-Kummissjoni. Il-COSAC tilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi l-parlamenti nazzjonali b'risposti raġunati għall-kummenti tagħhom u biex tkompli tispjega l-proposti tagħha. Il-COSAC titlob lill-Kummissjoni biex tirrispondi għad-dikjarazzjonijiet maħruġa minn parlamenti nazzjonali fi żmien xahrejn u biex tirreaġixxi b'mod li jidher jekk numru sinifikanti ta' parlamenti nazzjonali juru tħassib fuq xi proposta speċifika fuq il-bażi ta' raġunijiet komparabbli. Il-COSAC tapprezza kjarifika ulterjuri tas-sistema, li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tittratta d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-parlamenti nazzjonali. Barra minn hekk, il-COSAC tenfasizza l-importanza li d-dokumenti konsultattivi tal-Kummissjoni jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha.

2.2

Il-COSAC titlob lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tispjega aħjar il-proposti tagħha fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità skond il-linji gwida tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tat-Trattat ta' Amsterdam. L-ispjegi rigward l-għażla ta' bażi legali għandhom bl-istess mod jintlaqgħu b'sodisfazzjon mill-parlamenti nazzjonali.

2.3

Il-COSAC tinkoraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali biex ipoġġu fuq il-websajt ta' l-IPEX is-sejbiet tagħhom rigward proposti speċifiċi ta' miżuri ta' l-UE, bil-għan li jinkoraġġixxu li jkun hemm skambju ta' fehmiet bejn il-parlamenti nazzjonali. Ir-risposti tal-Kummissjoni għad-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għal parlamenti nazzjonali oħrajn. Il-COSAC tistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-possibilità li tpoġġi l-korrispondenza tagħha mal-parlamenti nazzjonali fuq il-websajt ta' l-IPEX.

2.4.

Il-COSAC titlob lill-Kunsill biex jevalwa l-possibilità li jpoġġi fuq il-websajt ta' l-IPEX dawk il-proposti magħmula minn Stati Membri fi ħdan il-qafas tat-tieni u t-tielet pilastru, speċjalment kwalunkwe inizjattiva jew proposta leġiżlattiva fir-rigward tat-twaqqif ta' zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li jista' jkollha impatt dirett fuq id-drittijiet u l-libertajiet ta' l-individwi.

3.   L-Istrateġija Annwali tal-Politika tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena 2008

Il-COSAC tenfasizza l-importanza għall-parlamenti nazzjonali li jkunu mgħarrfa fi stadju bikri dwar il-proġetti ta' politika tal-Kummissjoni. Il-COSAC tistenna li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tidħol fi djalogu kritiku mal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet politiċi tagħha tkun segwita b'azzjoni konkreta, anki fi ħdan l-istruttura tal-COSAC. Il-COSAC tixtieq li l-Kummissjoni tikkunsidra l-pożizzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali waqt il-formulazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma għall-2008.

4.   Il-Bidla fil-Klima u l-Protezzjoni tal-Klima — l-Irwol ta' l-UE

4.1

Il-Bidla fil-Klima hija kwistjoni ta' tħassib pubbliku serju fl-Ewropa. Il-COSAC tappoġġja l-ħtieġa li tiġi ppjanata politika integrata ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-klima u l-enerġija, li għandha tassigura s-sostenibbilità ambjentali, tinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku ta' l-UE u tappoġġja l-kompetittività tagħha fid-dinja.

4.2

Il-COSAC tenfażizza d-determinazzjoni ta' l-UE li din tieħu rwol prinċipali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Hija tilqa' bi pjaċir il-ftehim milħuq waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 dwar il-politika sħiħa ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-enerġija u l-protezzjoni tal-klima. Il-COSAC tapprova l-impenn ta' l-UE li sas-sena 2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet li jipprovokaw l-effett serra b'20 %, filwaqt li tilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tagħha li ttella' din il-mira għal 30 %, bil-kondizzjoni li pajjiżi żviluppati oħrajn jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li huma ekonomikament aktar avvanzati jikkontribwixxu b'mod adegwat skond ir-responsabilitajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Il-COSAC tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jieħdu pożizzjoni proattiva fin-negozjati ta' reġim internazzjonali dwar il-klima, li se jieħu post il-Protokoll ta' Kjoto.

5.   Id-Dimensjoni tal-Lvant — ir-Russja, l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja Ċentrali

5.1

Il-COSAC tenfasizza l-importanza li tespandi z-zona Ewropea tas-sigurtà, ta' l-istabilità u tal-prosperità. Għalhekk, il-COSAC tilqa' bil-qalb l-isforzi sabiex tingħata aktar attenzjoni partikolari għar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-ġirien tagħha fil-Lvant u ma' l-Asja Ċentrali, bil-għan li tikseb il-prosperità u d-demokrazija f'dawn ir-reġjuni.

5.2

Il-COSAC tinkoraġġixxi lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jamministraw il-Politika Ewropea tal-Viċinat b'mod aktar koerenti u magħqud, billi jagħmlu użu sħiħ ta' l-istrumenti u l-esperjenza tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Il-COSAC turi l-importanza tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex b'mod gradwali, il-pajjiżi ġirien tal-Lvant ta' l-UE jinġiebu f'livell li politikament u ekonomikament ikun komparabbli ma' dak ta' l-UE.

5.3

Il-COSAC tenfasizza l-importanza ta' l-istabilità u s-sigurtà fl-Ukrajna għar-reġjun kollu kemm hu u tenfasizza l-ħtieġa għal garanzija qawwija u għal żmien twil ta' l-UE fil-koperazzjoni ma' l-Ukrajna. Il-COSAC titlob lill-politikanti kollha involuti fil-kriżi politika reċenti biex iwettqu l-isforzi kollha possibbli sabiex jilħqu soluzzjoni konġunta.

5.4

Il-COSAC tirrikonoxxi l-ħtieġa li titjieb il-koperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li, minn mindu r-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu formalment, l-UE sar għandha fruntiera komuni miegħu. Ir-reġjun joffri potenzjal qawwi għal koperazzjoni u tkabbir ekonomiku.

5.5

Il-COSAC tenfasizza l-importanza strateġika ta' l-Asja Ċentrali u titlob biex ikun hemm strateġija ta' l-UE għall-Asja Ċentrali, li l-għan tagħha jkun li ġġib l-istabilità, il-paċi u l-prosperità fir-reġjun kollu madwar il-Baħar Kaspju.

5.6

Xewqana li tagħti impetu reali lid-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, il-COSAC tesprimi t-tama li waqt is-Samit ta' Samara li ser isir fit-18 ta' Mejju 2007 jitneħħew l-ostakoli kollha għan-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja. Matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat, il-COSAC segwiet l-avvenimenti f'Moska, f'San Pietruburgu u f'Nizhny Novgorod bi tħassib serju. Madankollu, il-COSAC tilqa' b'sodisfazzjon il-ħames Rawnd ta' Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fit-3 ta' Mejju 2007. Il-COSAC titlob biex ikun hemm politika Ewropea konġunta fir-rigward tar-Russja, ibbażata fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja, li biha d-difiża qawwija tad-drittijiet umani u tal-valuri demokratiċi tipprovdi l-bażi prinċipali għad-djalogu bejn l-UE u r-Russja.