23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 280/20


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

(2007/C 280/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

Applikazzjoni għal emenda skond l-Artikoli 11 u 19(3)

“PANELLETS”

Nru tal-KE: ES/TSG/107/0018/29.10.2003

1.   Grupp applikant:

Isem:

Federació Catalana de Patisseria

Indirizz:

Avda Gaudí 28, 1o 2a

Tel.:

(34) 93 34 80 90 47

Faks:

(34) 93 436 28 46

Posta elettronika:

2.   Stat Membru jew Pajjiż terz

Spanja

3.   Intestatura ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott milquta mill-modifika

Image

Isem il-prodott

Image

Riżerva ta' l-isem (skond l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006)

X

Deskrizzjoni u metodu tal-produzzjoni

X

Deskrizzjoni tal-prodott

X

Oħrajn: Emenda tar-rekwiżiti minimi u tal-proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità tal-prodott.

4.   Tip ta' emenda/i

X.

Emenda ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' l-ispeċjalità tradizzjonali garantita

Image

Modifika temporanja ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006) — (agħti provi ta' l-eżistenza ta' dawn il-miżuri)

5.   Modifiki:

5.1.   Deskrizzjoni u metodu tal-produzzjoni

Dan il-prodott tipiku huwa ħafna aktar varjat milli jidher mid-deskrizzjoni mogħtija fl-ispeċifikazzjoni oriġinali mressqa lill-Kummissjoni, billi hemm firxa wiesgħa ta' metodi lokali ta' produzzjoni li jżewqu l-prodott.

Panellets magħmulin minn marżipan bażiku

Il-lista tal-panellets mhijiex eżawrjenti: id-deskrizzjonijiet tat-tipi differenti ta' panellets huma biss gwida ġenerali, billi kull dulċier ikollu l-istil tiegħu li jiġi rifless fil-prodott, filwaqt li jżomm il-karatteristiċi bażiċi li jiddefinixxu l-prodott f'termini ta' ingredjenti u togħma.

Panellets tal-ġewż ta' l-Indi (coconut)

L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.

Panellets tal-ġellewż

L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.

Panellets magħmulin minn marżipan oħxon

L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.

Is-sostituzzjoni ta' “abjad tal-bajd” għal “bajd sħiħ, kif ukoll l-ilma fejn meħtieġ” hija dovuta għall-fatt li, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Panellets fil-ĠUUE, ħafna dulċiera artiġjani stqarrew li fl-esperjenza tagħhom, l-abjad tal-bajd iwassal għal panellets li jkunu xotti wisq.

Il-bajd sħiħ (l-abjad u l-isfar) ma għandux l-istess effett peress li l-prodott iżommu umdu filwaqt li jagħtih it-togħma, u b'hekk iwassal għal panellets b'forma regolari u b'dehra li taqbel ma' dak li jfittex il-konsumatur f'dan il-prodott. Barra minn hekk, iż-żejt fil-lewż li jintuża biex isir il-marżipan bażiku jew il-varjetajiet differenti ta' panellet jista' jirriżulta f'għaġina ratba wisq (skond il-proporzjon ta' żejt li l-lewż ikun fih, il-varjetà, l-età, il-ħsad, eċċ). Iż-żieda tal-bajd sħiħ (l-abjad u l-isfar) tpatti għal dan l-effett u tagħti prodott aktar stabbli.

5.2.   Deskrizzjoni tal-prodott

Karatteristiċi fiżiko-kimiċi:

 

Hija pprojbita biss iż-żieda ta' koloranti artifiċjali, u għaldaqstant, iż-żieda ta' koloranti naturali hija permessa. Dan kien żball fl-ispeċifikazzjoni, u nqisu li din il-modifika ma għandhiex tqajjem problemi għax ma tolqot la l-kwalità u lanqas in-natura tradizzjonali ta' dan il-prodott artiġjanali. Diversi studji wrew li l-aċċettabbiltà ta' prodott ta' l-ikel mill-konsumatur tiddependi ħafna mid-dehra tiegħu, u għaldaqstant minn lewnu wkoll. Din hija l-ġustifikazzjoni ewlenija għall-użu ta' koloranti fl-ikel. Il-koloranti ma jtejbux il-kwalità tal-prodott f'termini ta' preżervazzjoni jew valur alimentari, iżda jiżdiedu biss biex itejbu d-dehra tiegħu u jagħmluh iħajru aktar, jew biex iroddu lura l-kulur li jkun intilef matul il-proċess ta' produzzjoni. Billi l-panellet huwa prodott artiġjanali, huwa soġġett għal aktar varjabbiltà sensorjali mill-prodotti industrijali. Għalhekk, l-artiġjani jqisu mill-aktar meħtieġ l-użu ta' koloranti naturali abbażi tal-frott u l-ħxejjex, li jikkoreġu kwalunkwe telf ta' kulur li jkun sar matul il-proċess ta' produzzjoni, iżda mhux l-użu ta' koloranti artifiċjali, li jolqtu ħażin il-kwalità tal-prodott.

5.3.   Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità tal-prodott

Tneħħija tal-kliem “ta' kuljum” mir-reġistru ta' produzzjoni

It-tneħħija tar-referenza temporali “ta' kuljum” mir-reġistru tal-produzzjoni tal-panellets hija ġġustifikata mill-proċess ta' produzzjoni nnifsu, li jsir f'żewġ fażijiet konsekuttivi u definiti bis-sħiħ. Fl-ewwel fażi jiġu prodotti l-marżipan bażiku u l-marżipan fin. Din il-fażi tista' ddum jum jew aktar, skond il-volum ta' produzzjoni ta' l-artiġjan ikkonċernat. Wara dan tibda t-tieni fażi, fejn jiġu prodotti d-diversi varjetajiet tal-panellets. Għaldaqstant, id-dulċiera artiġjani huma tal-fehma li ma jagħmilx sens li jissemma reġistru tal-produzzjoni ta' kuljum ta' panellets, għax minkejja li dawn huma l-prodott aħħari, il-proċess tal-produzzjoni jibda jum jew ftit jiem qabel, meta jinkiseb il-marżipan bażiku.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT AĠĠORNATA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“PANELLETS”

Nru tal-KE: ES/TSG/107/0018/29.10.2003

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Subdirección General de Sistemas de Calidad Diferenciada. Dirección General de Alimentación. Secretaría General de Agricultura y Alimentación del Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación.

Indirizz:

Paseo Infanta Isabel, 1

E-28071 Madrid

Tel.:

(34) 913 47 53 97 — (34) 913 47 52 98

Faks:

(34) 913 47 54 10 — (34) 913 47 51 70

Posta elettronika:

sgcaproagro@mapya.es

2.   Grupp:

Isem:

Federació Catalana de Pastisseria

Indirizz:

Avda Gaudí 28, 1o, 2a

E-08025 Barcelone

Tel.:

(34) 93 348 09 47

Faks:

(34) 93 436 28 46

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.3: Ħelu, ħobż, prodotti moħmija, prodotti tad-dulċiera, galletti u gallettini.

4.   Speċifikazzjoni:

4.1.   Isem: “Panellets”

4.2.   Deskrizzjoni u metodu ta' produzzjoni: Il-panellets huma pastini li jkollhom diversi forom, magħmulin essenzjalment mill-marżipan u minn ingredjenti li jagħtu togħmiet u aromi karatteristiċi lill-prodott.

Hemm firxa wiesgħa ta' panellets magħmulin minn tliet tipi differenti ta' marżipan: marżipan bażiku, marżipan oħxon u marżipan fin.

Fil-varjetajiet tal-panellets li jkunu bil-frott, jistgħu jiżdiedu ma' l-għaġina prodotti tal-frott (ġammijiet u marmellati), kif ukoll aromi biex iqawwu t-togħma. Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta' lamtu (tal-patata jew tal-patata ħelwa), tat-tuffieħ, ta' preżervattivi jew ta' koloranti artifiċjali hija pprojbita.

PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN BAŻIKU

Hawn isfel tingħata deskrizzjoni tal-varjetajiet l-aktar komuni ta' panellets. Il-lista mhijiex eżawrjenti: id-deskrizzjonijiet tat-tipi differenti ta' panellets huma biss gwida ġenerali, billi kull dulċier ikollu l-istil tiegħu li jiġi rifless fil-prodott, filwaqt li jżomm il-karatteristiċi bażiċi li jiddefinixxu l-prodott f'termini ta' ingredjenti u togħma.

Il-marżipan bażiku jsir billi jiżdied, għal kull kilo lewż imqaxxar u mitħun, kilo zokkor u bajd sħiħ, kif ukoll l-ilma fejn meħtieġ. It-taħlita tintgħaġen sew u titħalla toqgħod għal madwar 24 siegħa sakemm il-konsistenza ssir omoġenja. Wara dan, l-għaġina jingħatawlha l-forom diversi u jiżdidulha t-togħmiet. Jista' jintuża proporzjon ogħla ta' lewż minn dak indikat. Il-varjetarjiet l-aktar komuni ta' panellets huma:

Għal kull kilo ta' marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija. Porzjonijiet ta' madwar 20 g jinksew totalment b'ġewż ta' l-arżnu mxarrab bil-bajd. Tingħatalhom forma ta' ballun u jerġgħu jindilku bil-bajd, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 280 °C u 290 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Dehbi u mixwi

Konsistenza

Qoxra ta' barra mixwija

Aroma

Ġewż ta' l-arznu u lumi

Togħma

Ġewż ta' l-arżnu u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija. Porzjonijiet ta' madwar 20 g jinksew totalment b'lewż mitħun imxarrab bil-bajd. Tingħatalhom forma tawwalija u kemmxejn tonda, jerġgħu jindilku bil-bajd, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 260 °C u 270 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Dehbi u mixwi

Konsistenza

Ratba fin-naħa ta' ġewwa

Aroma

Vanilla

Togħma

Lewż iqarmeċ

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g ġewż ta' l-Indi maħkuk, 150 g trab taz-zokkor u 100 g bajd sħiħ. Porzjonijiet ta' madwar 25 g tingħatalhom forma ta' muntanji żgħar bil-ponta, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 260 °C u 270 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Flambé

Konsistenza

Qoxra ta' barra rqiqa u mixwija, rabta fin-naħa ta' ġewwa

Aroma

Ġewż ta' l-Indi

Togħma

Ġewż ta' l-Indi u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g ġellewż mixwi maħkuk, 150 g trab taz-zokkor u 100 g bajd sħiħ. Porzjonijiet ta' madwar 22 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew biz-zokkor mitħun. Titqiegħed ġellewża f'nofs kull porzjon, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Kannella

Konsistenza

Wiċċ zokkri

Aroma

Ġellewż

Togħma

Ġellewż u marżipan

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 200 g qoxra maħkuka sew tal-larinġ immarmellat. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma tawwalija, jinksew biz-zokkor mitħun, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Jagħti fl-oranġjo

Konsistenza

Qoxra ta' barra zokkrija, ratba fin-naħa ta' ġewwa

Aroma

Larinġ

Togħma

Larinġ u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija u żewġ isfra tal-bajd. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun, jinksew biz-zokkor mitħun, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Isfar ċar

Konsistenza

Qoxra ta' barra tqarmeċ minħabba il-kisi ta' zokkor, u ratba fin-naħa ta' ġewwa, bi frak tal-lumi

Aroma

Lumi

Togħma

Lumi u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g krema pastiċċera u 1 g vanilla. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew b'zokkor fin tal-ġelu bix-xaba', u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Isfar ċar

Konsistenza

Lixxa

Aroma

Bajd u lewż

Togħma

Bajd u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 8 g kafè mitħun, kif ukoll karamella biex tagħtih il-lewn mixtieq. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma tawwalija, jinksew bit-trab taz-zokkor, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Kannella skura

Konsistenza

Qoxra ta' barra mixwija, ratba fin-naħa ta' ġewwa

Aroma

Kafè

Togħma

Kafè u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, tiżdiedlu kwantità raġonevoli ta' ġamm tal-frawli, kif ukoll bajda. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew bit-trab taz-zokkor, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Tal-frawli

Konsistenza

Ratba

Aroma

Tal-frawli

Togħma

Frawli u lewż

Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 300 g pasta tal-marron glacé. Porzjonijiet ta' madwar 22 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew bit-trab taz-zokkor, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Kannella skura

Konsistenza

Ratba

Aroma

Qastan u lewż

Togħma

Qastan u lewż

PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN OĦXON

Għal kull kilo marżipan bażiku (prodott skond id-deskrizzjoni ta' fuq), jiżdidulu 150 g lewż mitħun u bajd sħiħ biex jagħtuh il-konsistenza mixtieqa. Porzjonijiet ta' madwar 26 g jinqatgħu f'forom diversi. L-aktar forom tradizzjonali huma: ta' qastan, ta' faqqiegħ, ta' zukkletta, ta' strixxi mimlijin frott immarmellat, u ta' sfarġel.

PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN FIN

1 300 g zokkor b'400 g ilma u 6 g kremor tat-tartru jiġu mgħollija sa temperatura ta' 118 °C. Jiżdidulu kilo lewż mitħun sew u 200 g glukożju. Din il-bażi titħalla toqgħod għal 24 siegħa, imbagħad tissaffa u tkun lesta għall-użu.

Minn din il-bażi ta' marżipan fin, jinqatgħu porzjonijiet ta' madwar 18 g u tingħatalhom forma ta' qastan, li mbagħad jinksew biċ-ċikkulata.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Kannella

Konsistenza

Qoxra ta' barra tqarmeċ, ratba fin-naħa ta' ġewwa

Aroma

Ċikkulata

Togħma

Ċikkulata u lewż

Il-bażi tal-marżipan fin tinfetaħ b'lenbuba b'kanali maħduma fiha. Tindilek fuqha krema tal-bajd u tinqata' f'biċċiet ta' madwar 30 g. Dawn il-biċċiet jinksew bil-ġeli, imbagħad jindilku bix-xropp.

Karatteristiċi organolettiċi

Lewn

Abjad, zokkri

Konsistenza

Ratba

Aroma

Isfar tal-bajd

Togħma

Isfar tal-bajd u marżipan

4.3.   Karatteristiċi tradizzjonali: Fil-letteratura Katalana tas-seklu 18, hemm referenzi li fil-Ciutat Vella (ċentru storiku) ta' Barċellona, dak iż-żmien diġà kienet tittella' kull sena fiera tal-qastan u tal-panellets. Il-panellets għadhom sal-lum jittieklu flimkien mal-qastan u nbid ħelu fil-festa tal-Qaddisin Kollha. F'din il-fiera kienu jintwerew trejs kbar ta' panellets b'diversi forom u togħmiet, u xi drabi kienu jitqiegħdu b'mod li kienu jiffurmaw stampi u figuri kurjużi. Diġà fil-fiera ta' l-1796 kien hemm 'il fuq minn 200 post tal-wiri, li fost l-oħrajn kienu joffru panellets, li kienu jitqassmu fost in-nies permezz ta' tlugħ bix-xorti. Din it-tradizzjoni ta' lotterija tal-panellets, li ġeneralment kienu jieħdu ħsiebha d-dulċiera, infirxet f'ħafna bliet u rħula tar-reġjun.

In-nies kienu jġorru l-panellets sal-knisja f'basktijiet, qfief jew bxiekel. Il-panellets kienu jitbierku mill-qassis, imbagħad in-nies kienu jikluhom fil-knisja mal-bqija tal-komunità bħala att liturġiku kollettiv.

Biex tingħata idea tal-livell ta' konsum tal-panellets fil-belt ta' Barċellona, biżżejjed ngħidu li diġà fl-1920, il-Forn de Sant Jaume (wieħed mill-aktar furnara prestiġjużi tal-belt) xtara elf kilo ġewż imqaxxar ta' l-arżnu esklussivament għall-produzzjoni tal-panellets. Skond il-Gremio provincial de pasteleria y confitería [l-Għaqda provinċjali tad-dulċiera] ta' Barċellona, fil-ħarifa ta' l-1999 ittieklu fil-belt u fiż-żona metropolitana ta' Barċellona madwar 600 000 kilo panellets, bl-aktar varjetà popolari tkun dik tal-ġewż ta' l-arżnu (50 %), segwita mill-varjetà tal-lewż (15 %).

Barra minn hekk, skond studji etnografiċi, il-panellets fihom sinifikat ċerimonjali, bħall-pastiċċerija kollha tradizzjonali li tittiekel fil-jiem festivi.

4.4.   Deskrizzjoni tal-prodott: Karatteristiċi organolettiċi: Peress li l-karatteristiċi organolettiċi (il-lewn, it-togħma, l-aroma u l-konsistenza) jkunu differenti skond il-varjetà tal-panellets, dawn ġew ikkunsidrati separatament f'kull waħda mit-taqsimiet ta' hawn fuq.

Karatteristiċi fiżiko-kimiċi: Il-kompożizzjoni tad-diversi panellets tvarja skond it-tip ta' marżipan (bażiku, oħxon jew fin) li minnu jkunu magħmulin, kif ukoll skond il-varjetà kkonċernata. Madankollu, fil-każijiet kollha, l-użu tal-patata, tal-patata ħelwa, tat-tuffieħ, ta' preżervattivi u ta' koloranti artifiċjali huwa pprojbit.

Karatteristiċi mikrobijoloġiċi: Il-kriterji mikrobijoloġiċi li għandhom jintlaħqu huma stipulati fil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-saħħa (id-Direttiva tal-Kunsill 43/93/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel).

Preżentazzjoni: Ġeneralment, il-panellets jinbiegħu bl-imnut, fi kwantitajiet kbar, fid-dulċiera u fi ħwienet oħra. Meta l-panellets jinbiegħu f'pakkett, il-kaxex li jkun fihom il-panellets għandhom ikunu ttikkettati skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

4.5.   Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità: Il-panellets irreġistrati bħala “speċjalità tradizzjonali garantita” għandu jkollhom karatteristiċi speċifiċi li jagħżluhom minn panellets oħrajn. Għaldaqstant, fil-produzzjoni tal-marżipan bażiku, għandhom jintużaw biss lewż niexef imqaxxar, zokkor u bajd sħiħ. Iż-żieda ta' lamtu (tal-patata jew tal-patata ħelwa), tat-tuffieħ, ta' preżervattivi jew koloranti artifiċjali huwa pprojbit.

Għandhom isiru l-kontrolli li ġejjin: kontroll tal-karatteristiċi organolettiċi; kontroll tan-nuqqas ta' lamtu (permezz ta' test bis-soluzzjoni I2), tan-nuqqas ta' preżervattivi (aċidu sorbiku/sorbat, aċidu benżojku/benżoat) u ta' koloranti artifiċjali (permezz tal-metodu kromatografiku likwidu ta' rendiment għoli (HPLC)), u tan-nuqqas ta' tuffieħ (permezz tad-detezzjoni ta' fibra ta' l-ikel solubbli b'mezzi kimiċi). Għall-varjetajiet ta' panellets li ma fihomx il-frott, dawn il-kontrolli jsiru fuq il-prodott finali, filwaqt li għal dawk li fihom il-frott, il-kontrolli jsiru fuq l-għaġina tal-marżipan.

L-elementi msemmijin hawn fuq għandhom jiġu kkontrollati mill-organi ta' spezzjoni Mesa Veritas Español, kif ukoll minn organi oħrajn li jiggarantixxu l-konformità ta' l-istandard EN-45011. L-organi ta' spezzjoni għandhom jimmonitorjaw is-sistema ta' kontroll tal-produttur, kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodott. Dawn l-organi għandhom iwettqu wkoll spezzjonijiet ta' segwitu kull tant żmien.

L-organi ta' spezzjoni għandhom jikkontrollaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Għandhom jagħtu ċertifikat inizjali lill-impriżi kkonċernati, li min-naħa tagħhom għandhom iressqu talba bil-miktub lil wieħed mill-organi ta' spezzjoni awtorizzati, li fiha jintrabtu li jirrispettaw ir-rekwiżiti mogħtija fl-ispeċifikazzjoni, u li jwettqu l-kontrolli meħtieġa biex jiggarantixxu l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.

L-artiġjani u l-produtturi għandhom iżommu dokumenti bil-miktub li fihom jiddeskrivu l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Barra minn hekk, għandhom iżommu reġistru tal-produzzjoni ta' panellets.

Ladarba jingħata ċ-ċertifikat ta' konformità, l-organi ta' ċertifikazzjoni għandhom iwettqu kontrolli ta' segwitu u verifika kull tant żmien, skond in-natura staġjonali tal-prodott (iż-żmien tas-sena li fih jiġi kkonsmat l-aktar) u l-volum ta' produzzjoni ta' kull produttur. Il-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tkun ikkontrollata bl-ivverifikar tas-sistemi ta' kontroll tal-prodottur, bl-eżami tad-dokumentazzjoni pprovduta u permezz ta' kontrolli każwali matul il-produzzjoni.

5.   Applikazzjoni għall-protezzjoni skond l-Artikolu 13(2): Le