13.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 270/19


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u ta' l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 270/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta' emenda skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

Applikazzjoni ta' emenda skond l-Artikolu 9 u l-Artikolu 17(2)

“RADICCHIO VARIEGATO DI CASTELFRANCO”

Nru tal-KE.: IT/PGI/117/1515/26.04.2004

DPO ( ) IĠP ( X )

Emenda/i rikjesta/i

Intestatura/i fl-ispeċifikazzjoni:

Image

Isem il-prodott

Image

Deskrizzjoni tal-prodott

X

Żona ġeografika

Image

Prova ta' l-oriġini

X

Metodu ta' produzzjoni

Image

Rabta

X

Tikkettar

X

Kundizzjonijiet nazzjonali

Emenda/i:

Żona ġeografika

Għandu jiddaħħal il-komun ta' Mira li diġà kien inkluż fil-mappa li ntbagħtet ma' l-applikazzjoni, iżda li tħalla barra bi żball mill-parti deskrittiva.

Metodu ta' produzzjoni

Għandhom ikunu speċifikati f'aktar dettall il-metodi u ż-żmien tal-produzzjoni tar-radicchio, u jitneħħew l-elementi deskrittivi ta' l-operazzjonijiet tat-tibjid u tal-forzatura li ma jżidu xejn mal-karatteristiċi kwalitattivi tal-prodott.

B'mod partikolari, id-deċiżjoni li l-ħsad jiġi pospost ġiet introdotta biex tiggarantixxi standards kwalitattivi lill-konsumatur; il-klima, fil-fatt, inbidlet konsiderevolment billi l-istaġun tas-Sajf twal gradwalment, b'temperaturi diefja sa l-aħħar jiem ta' Settembru. Dan, evidentement, mhuwiex ta' benefiċċju għal produzzjonijiet tar-“Radicchio variegato di Castelfranco” ta' kwalità. Għal dawn ir-raġunijiet, bil-għan li tiġi ggarantita l-omoġeneità tal-prodott bl-użu ta' l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta u bil-karatteristiċi kwalitattivi relatati, ġie deċiż li d-data tal-ħsad tiġi posposta b'10 ijiem.

Il-fażi ta' preforzatura ġiet eliminata billi ma tikkostitwixxix fażi “kostanti” fil-produzzjoni tar-“Radicchio variegato di Castelfranco”. Dan jirriżulta aktar ċar mill-verżjoni preċedenti ta' l-ispeċifikazzjoni, li tippermetti metodi differenti ta' tibjid, uħud minnhom mhux biss ma jisiltux benefiċċji minn fażi ta' preforzatura iżda jistgħu jisfgħu kompromessi.

Inbidlu l-karatteristiċi tal-kontenituri biex jiggarantixxu l-possibilità li jintużaw materjali differenti wkoll, mingħajr ma tiġi kompromessa r-rabta mat-territorju u t-tekniki tradizzjonali tal-produzzjoni. Fil-fatt, illum il-ġurnata, xi protokolli adottati minn kanali tad-distribuzzjoni internazzjonali u l-leġiżlazzjoni ta' ċerti pajjiżi jimponu, minħabba raġunijiet iġjeniċi u sanitarji, l-użu ta' materjali differenti mis-siment fil-produzzjoni ta' ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem.

It-teknika għat-tnixxif tax-xtieli wara l-fażi tat-tibjid, qabel it-tħejjija, kellha raġuni biex din issir billi t-tħejjija kienet issir f'ambjenti mhux imsaħħna u barra fil-beraħ; illum il-ġurnata, l-eżiġenzi differenti bil-għan li jiggarantixxu s-saħħa u l-kumdità fil-postijiet tax-xogħol ġiegħlu li jissaħħnu l-kmamar kollha ta' l-ipproċessar u li ma jibqax meħtieġ perjodu ta' “tnixxif” preċedenti, jew saħansitra ta' ħsara billi jista' jagħti bidu għal proċessi deġenerattivi tax-xtieli; jidher biċ-ċar li l-proċess ta' tqattir isir, jekk hu neċessarju (jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-proċess ta' tibjid fl-ilma mhuwiex obbligatorju) xorta waħda fil-kamra tat-tħejjija. Għal aktar ċarezza, temperatura “kostanti” ta' 18 °C kellha titqies biss bħala parametru indikattiv, jidher biċ-ċar li huwa biżżejjed il-kejl tat-temperatura wara l-ftuħ tal-protoni li jippermettu li l-produzzjonijiet jiddaħħlu fil-kamra tat-tħejjija biex jiġu rreġistrati temperaturi aktar baxxi, mingħajr ma dan jikkawża problemi fejn tidħol l-osservanza tat-tradizzjoni u l-kwalità tal-prodott.

Tikkettar

Jiddaħħal ukoll il-logo ta' identifikazzjoni tal-prodott bil-għan li joffri tagħrif aktar ċar għall-konsumatur u, biex l-eżiġenzi tad-domanda tas-suq jiġu sodisfatti aħjar, kien xieraq li jiġu previsti imballaġġi ġodda, jiġifieri li lil dawk diġà eżistenti jingħatalhom daqs differenti.

Kundizzjonijiet nazzjonali

Tħassru l-Artikoli 3 u 8 ta' l-ispeċifikazzjoni fis-seħħ u ġie identifikat Organu ta' spezzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Fl-Artikolu 7, ġiet eliminata r-referenza għall-“wiċċ minimu ta' l-art ta' 1500 m2” ta' l-azjendi, sabiex dawn jikkwalifikaw biex jitniżżlu fil-lista tal-produtturi, billi dan l-obbligu jirrappreżenta limitazzjoni għall-aċċess li mhijiex prevista fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

SINTEŻI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“RADICCHIO VARIEGATO DI CASTELFRANCO”

Nru tal-KE.: IT/PGI/117/1515/26.04.2004

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministero delle Politiche agricole e forestali — Dipartimento della Qualità dei prodotti agroalimentari e dei servizi — Direzione generale della Qualità dei prodotti agroalimentari e la tutela del consumatore

Indirizz:

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tel.:

(39) 06 481 99 68

Faks:

(39) 06 42 01 31 26

Posta elettronika:

qualita@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Consorzio Radicchio di Treviso

Indirizz:

Via Scandolara, 80

I-31059 Zero Branco (TV)

Tel.

(39) 0422 48 80 87

Faks:

(39) 0422 48 80 87

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti permezz ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Radicchio Variegato di Castelfranco”

4.2.   Deskrizzjoni: L-għelejjel għall-produzzjoni ta' l-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco” għandhom jikkonsistu minn xtieli tal-familja tal-Compositae — ġeneru cichorium intybus — varjetà silvestre, li jinkludi t-tip varjegat.

Meta jitqiegħed għall-konsum, ir-radicchio bl-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco” għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

Dehra: faxxina ta' forma sabiħa u bi lwien li jleqqu, b'dijametru minimu ta' 15 ċm; mill-bażi tagħha hemm saff weraq ċatt; u aktar ma tersaq lejn iċ-ċentru, li hu mingħajr il-qalba, aktar is-saff weraq ikun gradwalment immejjel 'il fuq; tul massimu taz-zokk ikun ta' 4 ċm, b'dijametru proporzjonali għad-daqs tal-faxxina stess; weraq kemm jista' jkun oħxon, b'tarf mhux regolari, bil-parti wiesgħa (limb) immewġa, b'forma għat-tond.

Kulur: weraq abjad fil-krema b'varjegaturi mxerrda b'mod ibbilanċjat fuq wiċċ il-werqa ta' sfumaturi differenti li jmorru mill-vjola ċar għall-aħmar fil-vjola għall-aħmar jgħajjat.

Togħma: weraq b'togħma ħelwa sa gradevolment imrajra delikata ħafna.

Daqs: faxxina b'piż minimu ta' 100 g, b'dijametru minimu ta' 15 ċm.

Il-profil tal-prodott tar-Radicchio Variegato di Castelfranco huwa kif ġej:

grad perfett ta' maturazzjoni,

kulur abjad-krema b'varjegaturi mxerrda b'mod ibbilanċjat mill-vjola ċar sa l-aħmar jgħajjat,

weraq b'tarf mhux regolari u l-parti wiesgħa (limb) kemmxejn immewġa,

konsistenza tal-faxxina tajba,

daqs medju — kbir,

uniformità fid-daqs tal-faxxini,

tħejjija preċiża — raffinata — mingħajr difetti,

zokk proporzjonali għall-faxxina u mhux itwal minn 4 ċm.

4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona tal-produzzjoni u l-ippakkjar tar-Radicchio Variegato di Castelfranco tinkludi, fl-ambitu tal-provinċji ta' Treviso, Padova u Venezja, it-territorju amministrattiv kollu tal-Komuni elenkati hawn taħt.

Provinċja ta' Treviso: Breda di Piave, Carbonera, Casale sul Sile, Casier, Castelfranco Veneto, Castello di Godego, Istrana, Loria, Maserada sul Piave, Mogliano Veneto, Morgano, Paese, Ponzano Veneto, Preganziol, Quinto di Treviso, Resana, Riese Pio X, San Biagio di Callalta, Silea, Spresiano, Trevignano, Treviso, Vedelago, Villorba, Zero Branco.

Provinċja ta' Padova: Albignasego, Battaglia Terme, Borgoricco, Camposanpiero, Cartura, Casalserugo, Conselve, Due Carrare, Loreggia, Maserà di Padova, Massanzago, Monselice, Montagnana, Montegrotto Terme, Pernumia, Piombino Dese, Ponte San Nicolò, San Pietro Viminario, Trebaseleghe.

Provinċja ta' Venezja: Martellago, Mira, Mirano, Noale, Salzano, Santa Maria di Sala, Scorzè, Spinea.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Bil-għan li jiġu kkontrollati l-fażijiet tal-produzzjoni u l-ippakkjar, għandhom jitħejjew mill-Organu ta' spezzjoni awtorizzat skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, għal kull kampanja ta' produzzjoni, il-listi tal-produtturi u pakkettaturi li bi ħsiebhom jagħmlu użu mill-I.Ġ.P.

Il-produtturi tar-radicchio u l-amministraturi ta' kull azjenda fiż-żona ta' produzzjoni maħsuba għall-koltivazzjoni tar-“Radicchio Variegato di Castelfranco” I.Ġ.P. jistgħu jitniżżlu fil-lista msemmija hawn fuq.

Il-produtturi għandhom jinkitbu, għal kull sena ta' produzzjoni, fil-lista msemmija hawn fuq, billi kull sena jiddikjaraw l-art ikkoltivata u l-kwantitajiet prodotti u kkonsenjati lill-pakkettatur.

It-talba biex jinkitbu fil-lista għandha tiġi ppreżentata lill-Organu ta' spezzjoni sal-31 ta' Mejju ta' kull sena.

Il-pakkettaturi għandhom l-obbligu li jibagħtu lill-Organu ta' spezzjoni d-dikjarazzjoni tal-produzzjoni annwali ppakkjata.

It-tniżżil fil-lista tal-produtturi u l-pakkettaturi individwali fil-lista huwa validu għal sena li jiġġedded.

Il-bidu ta' l-operazzjonijiet ta' kull ħsad għandu jitniżżel progressivament mill-amministratur, fi skeda ta' l-azjenda apposta.

L-amministratur għandu jiddikjara lill-organu ta' spezzjoni l-kwantitajiet ta' prodotti lesti biex jidħlu fis-suq, miksuba mis-sena ta' produzzjoni.

L-amministratur għandu fl-istess ħin jindika din il-kwantità fuq l-iskeda ta' l-azjenda, billi jniżżel id-data li fiha jikkonsenjaha lill-pakkettatur, ħlief meta hu jwettaq direttament l-operazzjoni ta' ppakkjar.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Il-kundizzjonijiet ta' l-impjant u l-operazzjonijiet tal-ħsad għall-produzzjoni ta' l-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco” għandhom ikunu dawk tradizzjonali taż-żona kif ukoll xierqa biex lill-faxxini jagħtuhom il-karatteristiċi speċifiċi.

Għall-produzzoni tar-“Radicchio Variegato di Castelfranco” għandhom jitqiesu bħala idonei dawk l-artijiet friski, fil-fond, skulati sew mill-ilma u li ma għandhomx wisq elementi nutrittivi, partikolarment in-nitroġenu, u b'reazzjoni mhux alkalina. Huma partikolarment indikati ż-żoni tal-koltivazzjoni f'raba' tafli — ramli ta' alluvjoni antika fi stat ta' dekalċifikazzjoni u b'sitwazzjoni klimatika karatterizzata minn sjuf b'ammont ta' xita biżżejjed u b'temperaturi massimi baxxi, ħrajjef nixfin, xtiewi li jibdew jiksu qabel il-waqt u b'temperaturi minimi sa 10 C taħt iż-żero.

Il-wisa' bejn ix-xtieli, wara l-operazzjonijiet ta' żargħa jew qlugħ ta' xtieli biex jitħawlu post ieħor u t-tnaqqis sussegwenti fid-densità tax-xtieli żgħar, ma għandhiex taqbeż is-7 xtieli għal kull metru kwadru.

Il-produzzjonijiet massimi għal kull ettaru ta' raba' kkoltivat ma għandux jaqbeż 6 000 kg (eskluża kull tolleranza).

Il-piż massimu ta' kull unità tal-faxxini li jagħmlu l-prodott lest ma jistax jaqbeż 0,400 kg (eskluża kull tolleranza).

Il-produzzjoni tar-“Radicchio Variegato di Castelfranza” tista' tibda jew biż-żargħa jew bil-qlugħ tax-xitla biex titħawwel post ieħor.

Iż-żargħa għandha ssir mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Awissu.

F'każ li x-xitla tinqala' u titħawwel post ieħor, dan għandu jsir bejn il-15 ta' Ġunju u l-31 ta' Awissu.

L-operazzjonijiet ta' koltivazzjoni, tibjid, forzatura u l-kisba tal-karatteristiċi previsti mit-tqegħid għall-konsum tar-radicchi biex jintużaw mill-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco”, inkluż l-ippakkjar, għandhom isiru esklussivament fit-territorju tal-Komuni indikati fil-punt 4.3.

Ir-radicchio kkumerċjalizzat qabel ma jinkisbu l-karatteristiċi previsti mill-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco” hekk kif ġew deskritti hawn fuq, barra miż-żona tal-produzzjoni jitlef definittivament id-dritt li juża l-I.Ġ.P. u kwalunkwe referenza ġeografika.

Il-proċess tradizzjonali ta' l-ipproċessar tal-prodott jinqasam f'dawn il-fażijiet deskritti hawn taħt:

Fażi tal-forzatura — tibjid:

Il-fażi tal-forzatura u t-tibjid hija l-operazzjoni fundamentali u insostitwibbli li turi l-vantaġġi organolettiċi, kummerċjali u estetiċi tar-“Radicchio Variegato di Castelfranco”. Din issir billi l-faxxini jitqiegħdu f'kundizzjonijiet li jiffurmaw weraq ġdid li, fin-nuqqas ta' dawl, huwa nieqes jew kważi nieqes minn pigmenti klorofilljani, jaċċentwa l-varjegatura fuq l-isfond tal-parti wiesgħa tal-werqa, jitlef il-konsistenza fibruża, jikseb il-karatteristika li tqarmeċ u togħma gradevolment imrajra.

Il-proċess tal-forzatura tar-“Radicchio Variegato di Castelfranco” huwa dan:

il-faxxini jingħaddsu vertikalment fl-ilma ġieri fi 11 °C sa ħdejn iz-zokk, sakemm jintlaħaq il-grad ta' maturazzjoni meħtieġ mill-karatteristiċi deskritti hawn fuq;

jew

f'ambjenti msaħħna fir-raba', billi jiġi garantit grad ta' tira sew ta' l-għeruq, titnaqqas l-intensità tad-dawl u jiġi ffavorit l-iżvilupp ta' nebbieta ta' kull faxxina.

Fażi tat-tħejjija:

Wara dan jiġu l-fażijiet tat-tħejjija li matulhom jitneħħew il-werqiet imħassrin jew b'karatteristiċi mhux idonei u mbagħad iz-zokk jinqata' u jitqaxxar sa daqs proporzjonat għall-faxxina.

L-operazzjoni tat-tħejjija għandha ssir immedjatament qabel ma l-prodott jintbagħat għad-distribuzzjoni. Wara t-tħejjija, ir-radicchio jitqiegħed f'reċipjenti li jesgħu mimlija b'ilma tal-vit biex jinħasel u jiġi ppakkjat.

Ir-radicchio li jitqiegħed għall-konsum bl-użu ta' l-I.Ġ.P. “Radicchio Variegato di Castelfranco” għandu jiġi ppakkjat:

f'kontenituri idonei b'bażi ta' 30 x 50 jew 30 x 40 ċm u jesgħu sa massimu ta' 5 kg tal-prodott;

f'kontenituri idonei b'daqs ta' 40 x 60 ċm u jesgħu sa massimu ta' 7,5 kg tal-prodott;

f'kontenituri idonei ta' daqs differenti sakemm ma jesgħux aktar minn 2 kg tal-prodott.

Kull kontenitur għandu jkollu għatu li jissiġilla sabiex jimpedixxi li l-kontenut jitneħħa mingħajr ma jinkiser is-siġill.

4.6.   Rabta: Ir-rekwiżiti tar-“Radicchio Variegato di Castelfranco” jiddependu mill-kundizzjonijiet ambjentali u mill-fatturi naturali u umani taż-żona ta' produzzjoni. L-istorja, l-evoluzzjoni, id-drawwiet minn żminijiet imbiegħda ta' l-azjendi u tal-bdiewa taż-żona, il-karatteristiċi ta' l-art, il-klima, it-temperatura ta' l-ilma tal-pjan u l-kapaċità tiegħu li jnixxi sempliċement bit-tħaffir u għalhekk bi spejjeż baxxi, jixhdu bil-qawwa r-rabta bejn ir-“Radicchio Variegato di Castelfranco” u l-ambjent li fih attwalment jitkabbar.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

CSQA — Certificazioni S.r.l.

Indirizz:

Via S. Gaetano, 74

I-36016 Thiene (VI)

Tel:

(39) 0445 36 60 94

Faks:

(39) 0445 38 26 72

Posta elettronika:

csqa@csqa.it

4.8.   Tikkettar: Fuq il-kontenituri stess għandu jiġi indikat b'ittri kbar ta' l-istess qisien il-kliem “Radicchio Variegato di Castelfranco” I.Ġ.P. Barra minn dan, fuq l-istess kontenituri, għandu jkun hemm dawn l-elementi:

l-isem jew il-kumpanija u l-indirizz jew sede tal-produttur individwali u/jew assoċjazzjoni ta' produtturi u/jew pakkettatur;

piż nett għall-bejgħ,

kif ukoll tagħrif addizzjonali, bil-kundizzjoni li dan ma jkunx ta' natura li jagħti tifħir u ma jqarraqx bil-konsumatur dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott.

Barra minn hekk, fuq kull kontenitur u/jew fuq l-għatu li jissiġilla, għandu jkun hemm dejjem il-logo ta' identifikazzjoni ta' l-I.Ġ.P., bl-użu tal-forom, il-kuluri, id-daqs u l-proporzjonijiet indikati.

Il-logo, ta' lewn aħmar fuq sfond abjad, jikkonsisti fi stampa ta' kompożizzjoni ta' radicchi stilizzata li fuqha jkun hemm il-kliem “Radicchio Variegato di Castelfranco IGP”, kollox imdawwar f'kaxxa b'bordura ħamra.

Tip tal-karattru: Rockwell condensed

Kulur tal-logo: Aħmar = Magenta 100 % — Yellow 80 % — Cyan 30 %

Minbarra dan, il-logo jkun jista' jitwaħħal anki mas-siġill mill-persuna kkonċernata.

Kwalunkwe indikazzjoni oħra differenti mir-“Radicchio Variegato di Castelfranco I.G.P.” għandha tkun ta' daqs konsiderevolment iżgħar.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.