26.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 226/2


Notifika ta' implimentazzjoni ta' Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs skond Il-Programm ta' Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 226/02)

Din in-notifika hija indirizzata għall-intermedjarji finanzjarji għall-SMEs, bħall-banek u l-istituzzjonijiet li joperaw skemi garantiti. Din tiddefenixxi strument finanzjarju, il-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs, li timmira li ttejjeb l-ambjent finanzjarju għall-SMEs billi tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-strumenti finanzjarji ta' self u ekwità.

Il-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs hija operata mill-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI) f'isem tal-Kummissjoni Ewropea skond id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1639/2006 ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013).

Dan il-programm huwa miftuħ għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u dawk l-Istati Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (“EFTA”) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”), pajjiżi ta' l-adeżjoni, u pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija rilevanti ta' qabel l-adeżjoni, pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skond il-ftehimiet ta' qafas rilevanti u kwalunkwe pajjiż inkluż fil-lista ta' Pajjiżi Parteċipanti kif ippublikata minn żmien għal żmien fil-Ġurnal Uffiċjali.

L-approprjazzjonijiet baġitarji indikattivi totali għall-istrumenti finanzjarji skond il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni huma 1,1 biljun EUR u nofshom huma previsti għall-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs għall-perjodu 2007-2013.

Il-Faċilità se tipprovdi kontrogaranziji jew, fejn xieraq, kogaranziji għal skemi ta' garanziji operattivi f'pajjiżi parteċipanti, kif ukoll garanziji diretti fil-każ ta' kwalunkwe intermedjarju finanzjarju xieraq ieħor.

L-erba' alternattivi sussegwenti huma disponibbli skond il-Faċilità:

1.

Garanzija għall-finanzjament tad-dejn permezz ta' self jew kiri b'appoġġ għall-SMEs b'potenzjal ta' tkabbir. Skond din l-alternattiva, il-FEI joħroġ garanziji parzjali (direttament jew indirettament) biex ikopri portafolli ta' strumenti finanzjarji ta' self;

2.

Garanziji għal portafolli ta' self mikro għal intrapriżi żgħar ħafna li jkollhom sa 9 impjegati, biex iħeġġu istituzzjonijiet finanzjarji jaqdu rwol akbar fil-provvediment ta' self ta' ammonti iċken li proporzjonalment jinvolvu spejjeż ogħla ta' pproċessar. Intermedjarji finanzjarji jistgħu jirċievu wkoll għotjiet fil-forma ta' appoġġ tekniku biex jikkumpensaw parzjalment għall-ispejjeż amministrattivi ogħla marbuta ma' ffinanzjar ta' kreditu mikro;

3.

Garanziji għal intermedjarji finanzjarji biex ikopru l-investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità f'SMes li jinvolvu investiment fil-kapital ta' l-istabbiliment u/jew il-kapital fil-fażi tal-bidu, finazjament intermedju (mezzanine) u/jew operazzjonijiet ta' kapital ta' riskju.

4.

Garanziji b'appoġġ għall-istrutturi ta' garanziji finanzjarji bil-għan li jgħinu l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jimmobilizzaw il-finanzjament tas-self għall-SMEs, bil-kundizzjoni ta' inizjattiva ta' intermedjarju finanzjarju rilevanti biex juża parti konsiderevoli tar-riżorsi mobilizzati b'riżultat ta' tranżazzjoni ta' garanzija għall-finanzjament ta' SMEs ġodda.

Intermedjarji finanzjarji prospettivi jistgħu jiksbu informazzjoni dettaljata dwar il-Faċilità minn:

European Investment Fund

43, avenue J. F. Kennedy

L-2968 Luxembourg

Posta elettronika: info@eif.org

jew mis-sitweb ta' l-FEI: www.eif.org

Id-dettalji ta' kuntatt ta' l-intermedjarji kollha li magħhom l-FEI għandha ffirmat kuntratt se jkunu ppubblikati fuq is-sitweb tal-FEI sabiex jippermettu l-SMEs biex jagħmlu kuntatt dirett ma' dawn l-intermedjarji.

Proposti minn intermedjarji finanzjarji se jkunu eżaminati mill-FEI fuq bażi kontinwa, fil-limiti ta' l-allokazzjoni baġitarja Komunitarja disponibbli. Il-FEI se tara li jinlaħaq bilanċ ġeografiku kumplessiv.