5.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 206/20


Avviż ta' ftuħ ta' proċedura ta' antidumping rigward l-importazzjoni tal-monosodium glutamate li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2007/C 206/08)

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar ħarsien kontra importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi li mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), li jallega li l-importazzjonijiet ta' monosodium glutamate, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), qegħdin jiġu ddampjati u b'hekk qed joħolqu danni materjali lill-industrija Komunitarja.

1.   L-ilment

L-ilment ġie ddepożitat fit-23 ta' Lulju 2007 minn Ajinomoto Foods Europe S.A.S. (“il-kwerelant”), il-produttur waħdieni fil-Komunità Ewropea, jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni Komunitarja tal-monosodium glutamate.

2.   Il-Prodott

Il-prodott li allegatament qed jiġi ddampjat huwa l-monosodium glutamate li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), iddikjarat normalment taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00. Din il-kodiċi NM qed tingħata biss għall-informazzjoni.

3.   L-allegazzjoni ta' dumping

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-kwerelant iffissa l-valur normali għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f'pajjiż b'ekonomija tas-suq, imsemmi fil-paragrafu 5.1(d). L-allegazzjoni ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil mal-valur normali, ikkalkulat b'dan il-mod, mal-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità.

Fuq bażi ta' dan, il-marġni ta' dumping ikkalkulat huwa sinifikanti.

4.   L-allegazzjoni ta' danni

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta' sehem tas-suq.

Qed jiġi wkoll allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, is-sehem tas-suq u l-livell ta' prezzijiet applikati mill-industrija Komunitarja, bir-riżultat li hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja u s-sitwazzjoni ta' l-impjiegi ta' l-industrija Komunitarja.

5.   Il-Proċedura

Billi ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment ġie ddepożitat mill-industrija Komunitarja jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċedura, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

5.1.   Il-Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping u d-dannu

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwiex qed ikun iddampjat u jekk dan id-dumping ikkawżax danni.

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' partijiet involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   Teħid ta' kampjuni għal esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni billi jikkuntattjawha u jipprovdulha l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fi żmien il-limitu stabbilit f'punt 6(b)(i) u fil-formati indikati f'punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, telefown, u numri tal-fax u persuna ta' kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2006 sal-30 ta' Ġunju 2007,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2006 sal-30 ta' Ġunju 2007,

jekk il-kumpanija hijiex bi ħsiebha titlob marġni individwali (2) (il-marġnijiet individwali jistgħu biss jintalbu minn produtturi),

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

kull tagħrif ieħor rilevanti li jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi l-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-kumpanija taċċetta l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tifforma parti mill-kampjun, dan jimplika li l-kumpanija jkollha twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar ir-reazzjoni tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għal nuqqas ta' kooperazzjoni huma stipulati fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, barra minn hekk, se tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-pajjiż li qed jesporta, u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid ta' kampjuni għall-importaturi

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma permezz ta' dan mitluba li jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fi żmien il-limitu stabbilit fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, telefown, u numri tal-fax u persuna ta' kuntatt,

id-dħul totali f'euro tal-kumpanija tul il-perijodu bejn l-1 ta' Lulju 2006 sat-30 ta' Ġunju 2007,

in-numru totali ta' impjegati,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

Il-volum f'tunnellati u l-valur f'ewro ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid magħmula fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2006 sat-30 ta' Ġunju 2007 tal-prodott importat ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (4) involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kull tagħrif ieħor rilevanti li jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi l-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-kumpanija taċċetta l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tifforma parti mill-kampjun, dan jimplika li l-kumpanija jkollha twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar ir-reazzjoni tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għal nuqqas ta' kooperazzjoni huma stipulati fil-punt 8 hawn taħt.

Biex tikseb it-tagħrif li hi tqis meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' l-importaturi, il-Kummissjoni tista', barra minn hekk, tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

(iii)   Għażla aħħarija tal-kampjun

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għażla tal-kampjun għandhom jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla aħħarija tal-kampjun wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li jkunu esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun iridu jwieġbu kwestjonarju fiż-żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u jridu jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta' l-istħarriġ.

Jekk ma jkunx hemm kooperazzjoni biżżejjed, il-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha, skond l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Konklużjoni bbażata fuq fatti disponibbli tista' tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi magħżula għal kampjun fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi magħżula għal kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' importaturi msemmija fl-ilment u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat li jkun qiegħed jesporta.

L-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jitolbu marġni individwali, bil-ħsieb ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 17(3) u 9(6) tar-Regolament bażiku, jridu jressqu kwestjonarju komplut fil-limitu ta' żmien stabbilit f'punt 6(a)(ii) ta' dan l-avviż. Għalhekk għandhom jagħmlu talba għal kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(i). Madankollu, dawn il-partijiet għandhom ikunu konxji li jekk it-teħid ta' kampjuni jiġi applikat lill-esportaturi/importaturi, il-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tikkalkulax marġni individwali għalihom, jekk l-għadd ta' esportaturi/produtturi jkun tant kbir li eżami individwali jkun ta' piż bla bżonn u jxekkel it-tmiem fil-ħin ta' l-investigazzjoni.

(ċ)   Ġbir ta' informazzjoni u s-smigħ ta' seduti

Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza li tappoġġjah. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat f'punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' l-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba li fiha juru li hemm raġunijiet partikulari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu ta' żmien stipulat f'punt 6(a)(iii).

(d)   Għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, hemm ħsieb li tintgħażel it-Tajlandja bħala pajjiż xieraq b'ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma għalhekk mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fil-limitu ta' żmien speċifiku stabbilit f'punt 6(c).

(e)   Status ta' ekonomija tas-suq

Għal dawk l-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jistqarru u jipprovdu biżżejjed evidenza li joperaw taħt kundizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq, jiġifieri li jilħqu l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali se jiġi ddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi/esportaturi li biħsiebhom iressqu talbiet sostanzjati b'mod xieraq għandhom jagħmlu dan fiż-żmien stipulat f'punt 6(d). Il-Kummissjoni se tibgħat formoli għall-istqarrijiet lill-esportaturi/produtturi kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma msemmija fl-ilment u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi msemmija fl-ilment, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

5.2.   Il-proċedura għall-valutazzjoni ta' l-interess Komunitarju

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ fejn l-allegazzjonijiet ta' dumping u d-danni kkawżati minħabba f'hekk ikunu ssostanzjati, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-miżuri ta' antidumping tmurx kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-industrija Komunitarja, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur u ta' l-utenti, bil-kundizzjoni li huma jippruvaw li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni. Il-partijiet li aġixxew b'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu smigħ billi jfissru r-raġunijiet partikulari li minħabba fihom għandhom jinstemgħu fi ħdan il-limitu ta' żmien stipulat f'punt 6(a)(iii). Għandu jiġi osservat li kwalunkwe tagħrif ippreżentat skond l-Artikolu 21 se jitqies biss jekk ikun sostnut b'evidenza fattwali fil-waqt tal-preżentazzjoni.

6.   Limiti taż-żmien

(a)   Limiti ġenerali ta' żmien

(i)   Għall-partijiet biex jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra tat-talbiet

Il-partijiet interessati għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra tat-talbiet kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(ii)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom, ħalli jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet interessati kollha, jekk l-ilmenti tagħhom iridu jitqiesu matul l-istħarriġ, għandhom jiddikjaraw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji magħżula f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarji fil-limiti ta' żmien speċifikati f'punt 6(b)(iii).

(iii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

(b)   Il-limitu speċifiku ta' żmien fir-rigward tat-teħid ta' kampjuni

(i)

It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i) u 5.1(a)(ii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien perjodu ta' 21 ġurnata mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika ta' l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

(c)   Il-limitu ta' żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu juru x-xewqa li jikkummentaw dwar jekk it-Tajlandja hix adattata li, kif imsemmi f'punt 5.1.(d), titqies bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni sa 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(d)   Il-limitu ta' żmien speċifiku biex jintbagħtu s-sottomissjonijiet tat-talbiet dwar status ta' ekonomija tas-suq u/jew għal trattament individwali.

Talbiet sostanzjati kif xieraq dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq, (kif imsemmi fil-punt 5.1 (e)) u/jew għat-trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

7.   Is-sottomissjonijiet, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza, bil-miktub

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, it-telefown u n-numri tal-fax tal-parti interessata). Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti (5)u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b'verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: J-79 4/22

B-1049 Brussels

Fax (32-2) 295 65 05

8.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' żmien, jew b'mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk jissejsu fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   L-iskeda ta' l-investigazzjoni

L-istħarriġ se jkun konkluż, skond l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

10.   L-ipproċessar ta' data personali

Jekk jogħġbok kun af li kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' data ta' din ix-xorta (6).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  Il-marġnijiet individwali jistgħu jintalbu skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun, skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku dwar trattament individwali f'każi li jinvolvu pajjiżi mhux b'ekonomija tas-suq/ekonomiji fi tranżizzjoni, u skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku għall-kumpaniji li qed jitolbu status ta' ekonomija tas-suq. Innota li t-talbiet għal trattament individwalu jeħtieġu applikazzjoni skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u li t-talbiet rigward status ta' ekonomija tas-suq jeħtieġu applikazzjoni skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

(3)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(4)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

(5)  Dan ifisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Ikun protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Ikun dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping).

(6)  ĠU L 8, 6.3.2001, p. 1.