|
22.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 138/37 |
Avviż ta' bidu ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta' antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi, tal-ħadid jew l-azzar li joriġinaw, inter alia, fir-Russja
(2007/C 138/12)
Il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha stess li tibda reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ('ir-Regolament bażiku') (1). Ir-reviżjoni hija limitata fil-firxa tagħha għall-aspetti tad-dumping sa fejn huma kkonċernati l-produtturi/membri esportaturi tal-Grupp TMK (Volzhsky Pipe Plant, Taganrog Metallurgical Works, Sinarsky Tube Plant u Seversky Tube Works) u l-kumpaniji marbuta magħhom ('il-kumpanija').
1. Il-Prodott
Il-prodott rivedut huwa ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew l-azzar, ta' forma ċirkulari, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx l-406.4 mm b'Valur Ekwivalenti ta' Faħam (VEF) li mhux aktar minn 0.86 skond il-formula u l-analiżi kimika (2) ta' l-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW) li joriġina fir-Russja ('il-prodott ikkonċernat'), fil-preżent klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 7304 11 00, ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 22 00, ex 7304 23 00, ex 7304 24 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 80, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 89, ex 7304 59 92 and ex 7304 59 93 (3). Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.
2. Il-Miżuri preżenti
Il-miżuri li hemm bħalissa fis-seħħ huma dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006.
3. Ir-Raġunijiet għar-reviżjoni
Hemm biżżejjed evidenza prima facie disponibbli għall-Kummissjoni li ċ-ċirkostanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura permanenti. It-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni juri li l-istruttura korporattiva tal-kumpanija nbidlet b'mod sinifikanti u għal tul ta' żmien permanenti mill-perjodu li fuqu ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti.
Barra minn hekk, paragun tal-valur normali bbażat fuq il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-kumpanija jwassal għal tnaqqis ta' dumping 'l isfel sew mil-livell tal-miżura preżenti. Għalhekk, it-tkomplija ta' l-impożizzjoni ta' miżuri fil-livelli preżenti, li kienu bbażati fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, m'għandhiex tkun aktar meħtieġa sabiex tikkumpensa għad-dumping.
4. Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping
Wara li stabbiliet, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tevalwa l-bżonn għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri preżenti fir-rigward tal-grupp ta' kumpaniji msemmija hawn fuq.
(a) Kwestjonarji
Biex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-grupp u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u d-dokumenti ta' prova għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 5(a) ta' dan l-avviż.
(b) Ġbir ta' tagħrif u seduti
Il-partijiet kollha interessati qed jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu dokumenti ta' prova. Din l-informazzjoni u d-dokumenti ta' prova għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 5(a) ta' dan l-avviż.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' l-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba li fiha juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat f'punt 5(b) ta' dan l-avviż.
5. Limiti ta' żmien
(a) Għall-partijiet li jridu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra
Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, iressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-maġġoranza tad-drittijiet ta' proċedura mfassla fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-fatt li l-parti tavża lill-Kummissjoni fil-perjodu msemmi qabel.
(b) Seduti
Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.
6. Is-sottomissjonijiet, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza, bil-miktub
Is-sottomissjonijiet kollha jew ir-rikjesti magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, it-telefown u n-numri tal-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Limitata (4)” u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, immarkata 'GĦALL-VERIFIKA MILL-PARTIJIET INTERESSATI'.
L-Indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
|
Id-Direttorat H |
|
Uffiċċju: J-79 5/16 |
|
B-1049 Brussell |
|
Fax (32-2) 295 65 05. |
7. Nuqqas ta' kooperazzjoni
F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta' żmien, jew b'mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
8. Skeda ta' l-investigazzjoni
L-investigazzjoni se tkun konkluża, skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
9. L-ipproċessar ta' data personali
Jekk jogħġbok kun af li kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data. (5)
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17)
(2) Il-VEF se jkun iddeterminat skond ir-Rapport Tekniku, 1967, IIW dok. IX-535-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).
(3) Kif definit fil-preżent fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1549/2006 taż-17 ta' Ottubru 2006, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u ta' l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni Doganali (ĠU L 301, 31.10.2006, p. 1). Il-kopertura tal-prodott hija ddeterminata billi jiġu kkombinati flimkien id-deskrizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4) u d-deskrizzjoni tal-prodott tal-kodiċi NM korrispondenti meħuda kollha f'daqqa.
(4) Dan ifisser illi d-dokument huwa għall-użu intern biss. Huwa protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping).