Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament ma' Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta’ appoġġ għall-qoton Sinteżi tal-valutazzjoni ta' l-impatt {COM(2007) 701 finali} {SEC(2007) 1481} /* SEK/2007/1482 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 9.11.2007 SEC(2007) 1482 DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI dokument ta' akkumpanjament ma'Proposta għalREGOLAMENT TAL-KUNSILLli jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta’ appoġġ għall-qotonSinteżi tal-valutazzjoni ta' l-impatt {COM(2007) 701 finali} {SEC(2007) 1481} ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tindirizza l-ħtieġa biex jinstab bilanċ xieraq bejn ir-rispett għall-Protokolli miftiehma meta l-Istati Membri li jipproduċu l-qoton issieħbu mal-KE u l-mixja lejn appoġġ diżakkoppjat li beda mir-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) fl-2003. Il-Protokolli jiddikjaraw li l-Komunità għandha tappoġġa l-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni fejn hija importanti għall-ekonomija agrikola. Is-sistema ta’ appoġġ għandha tippermetti lill-produtturi konċernati biex jaqilgħu dħul xieraq u tinkludi għajnuna għall-produzzjoni. L-ewwel skema tal-qoton twaqqfet ma' l-adeżjoni tal-Greċja mal-KE fl-1980, u mbagħad ġiet estiża għal Spanja u l-Portugall fl-1986. L-iskema kienet ibbażata fuq “indennità kompensattiva” ( deficiency payment ) lil proċessuri, li ħallsu prezz minimu lill-bdiewa li fornewhom b’qoton mhux maħluġ. L-għajnuna u l-prezz minimu kienu bbażati fuq id-differenza bejn prezz intern fil-mira u l-prezz tas-suq dinji. L-iskema qanqlet tkabbir wiesa’ tas-settur tal-qoton fl-UE. Il-prinċipju ta’ gwida wara l-proċess tar-riforma tal-PAK li għadha għaddeja huwa li minn appoġġ għall-prezzijiet u l-produzzjoni ngħaddu lejn appoġġ diżakkoppjat tad-dħul. Sabiex il-qoton jiġi aktar konformi mal-PAK riformata, f'April 2004, il-Kunsill adotta skema ġdida għal qoton, ibbażata fuq għajnuna diżakkoppjata tad-dħul u pagament speċifiku għall-wiċċ (erja), it-tnejn imħallsa direttament lil produtturi tal-qoton. Daħal fis-seħħ f’Jannar 2006. Fis-7 ta’ Settembru 2006, wara sfida ġuridika minn Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea annullat ir-riforma. Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet ibbażata fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, billi: - il-KE naqset li tagħmel studju ta’ l-impatt; - il-KE naqset li tikkunsidra l-kosts tax-xogħol mill-familji fil-proċess ta’ evalwazzjoni u deċiżjoni; - il-KE naqset li tikkunsidra l-impatt ta' l-iskema l-ġdida fuq l-industrija tal-ħalġ li, għalkemm mhix inkluża fil-Protokoll, hija marbuta direttament mal-produzzjoni tal-qoton. L-aħħar żewġ punti jingħataw attenzjoni partikolari fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt. GħANIJIET Meta jitqiesu dawn l-elementi differenti, l-iskema l-ġdida tal-qoton għandha tħeġġeġ settur tal-qoton kompetittiv, sostenibbli u mmirat lejn is-suq, filwaqt li jissalvagwarda l-impenji tal-Protokolli. B’mod partikolari, għandu jkollha l-għan li tiżgura: - it-tkomplija ta’ attività agrikola bħala parti mill-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni li jipproduċu l-qoton, - il-kompatibbiltà ta’ appoġġ għal produtturi tal-qoton mal-prinċipji tal-PAK riformata, - il-kompatibbiltà ta’ l-appoġġ għal produtturi tal-qoton ma' l-impenji tad-WTO ta’ l-Unjoni Ewropea u l-limitazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, - l-istabbiltà u l-kontroll tal-baġit ta’ l-UE, - il-kompetittività u l-orjentazzjoni lejn is-suq tas-settur tal-qoton, - it-tnaqqis ta’ l-impatt tal-produzzjoni tal-qoton fuq l-ambjent, - is-simplifikazzjoni ta' l-iskema ta’ l-appoġġ għal produtturi tal-qoton. GħAżLIET TA’ POLITIKA Ġew ivvalutati tliet għażliet, li jirrapreżentaw tliet toroq distinti ta’ politika. Kwalunkwe alternattiva jew varjazzjoni taqa’ fuq waħda minn dawn il-“familji” ta’ għażla. L- Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (xenarju ta’ qabel ir-Riforma) terġa’ taqa’ fuq l-iskema li kien hemm qabel ir-riforma ta’ l-2004. Tipprovdi għal “imdennità” kompensattiva lill-proċessur (il-ħallieġ) bil-kundizzjoni li jitħallas prezz minimu lil min ikabbar il-qoton għall-qoton mhux maħluġ. L- Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (xenarju tar-Riforma ta’ l-2004) tixbah lill-iskema li kienet teżisti mill-1 ta' Jannar 2006. L-indennità kompensattiva ta’ qabel tinqasam 65%-35% f’pagament diżakkoppjat u f’pagament speċifiku għall-wiċċ (erja), it-tnejn bħala għajnuna diretta lill-produttur tal-qoton. Il-baġit li jifdal huwa allokat għall-miżuri ta’ żvilupp rurali bħal ir-ristrutturar ta’ l-industrija u l-kummerċjalizzazzjoni, fir-reġjuni effettwati mir-riforma. Jitqies l-impatt fil-livelli differenti ta' pagament akkoppjat. Din l-għażla tinkludi l-possibbiltà ta’ obbligu għal ħsad, flimkien ma’ standard minimu ta’ kwalità. L- Għażla Kompletament Diżakkoppjata tikkuntempla t-tneħħija għal kollox tal-pagamenti akkoppjati kollha għall-qoton, inkluż il-pagament attwali speċifiku għall-wiċċ (erja). Skond din l-għażla parti mill-għajnuna akkoppjata ta’ qabel hija mwarrba għall-miżuri għall-iżvilupp rurali fir-reġjuni effettwati mir-riforma, inkluż ir-ristrutturar ta’ l-industrija, u miżuri ta’ diversifikazzjoni u innovazzjoni. ANALIżI TA’ L-IMPATTI Impatt Ekonomiku Id-deċiżjoni tal-bdiewa jekk ikomplux ikabbru l-qoton ser tittieħed l-aktar fuq il-profitibbiltà tal-qoton meta mqabbla ma’ dik ta’ għelejjel alternattivi. L-indikatur ewlieni ta’ profitibbiltà, li jintuża għal din l-analiżi, huwa l-marġni gross. Saret analiżi tal-marġni gross għall-metodi differenti ta’ produzzjoni tal-qoton u skemi ta' appoġġ (jiġifieri t-tliet għażliet) u għall-għelejjel alternattivi li setgħu jitkabbru fir-reġjuni konċernati. Billi l-marġni gross ma jqisx l-kost ta’ xogħol bla ħlas mill-familja, dan l-ewwel pass ġie kkomplementat b’analiżi oħra ta’ l-impatt tat-tliet għażliet fuq Dħul tal-Farm mill-Familja. Dan jirrapreżenta l-ħlas ta’ xogħol mill-familja. Id-disponibbiltà ta’ pagamenti agroambjentali tista’ taffettwa ħafna d-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar x'iħawlu. Għalhekk tqieset il-parteċipazzjoni tal-bdiewa, jew in-nuqqas tagħha, fi skemi agroambjentali, għalkemm mhux parti mill-iskema tal-qoton. Għall-Għażla 2, saret analiżi tas-sensittività fuq l-impatt tal-produzzjoni tal-qoton ta’ livelli differenti ta’ akkoppjament, mqabbla mal-35% deċiżi mill-Kunsill f’April ta’ l-2004. Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (Għażla 1) - Kif l-appoġġ jiġi akkoppjat mal-produzzjoni, il-qoton huwa wisq aktar profitabbli mit-tkabbir ta’ kwalunkwe wiċċ alternattiv. - Kull bidla minn qoton għal qamħ iġġib telf fid-dħul ta’ aktar minn €1 500 kull ettaru fi Spanja u €700–1 000 kull ettaru fil-Greċja. - Kwantitajiet Nazzjonali Garantiti aktarx li ser jinqabżu b'ammont eċċessiv u l-għajnuna għal kull tunnellata titnaqqas. Din għandha tagħmel ħsara lill-bdiewa l-aktar vulnerabbli u tħaffef b’pass mgħaġġel il-konċentrazzjoni fost dawk l-aktar kompetittivi. - L-inċentiv għoli għat-tkabbir tal-qoton jiżgura li jitkompla fir-reġjuni konċernati. - Skema ta’ pagament akkoppjat għall-qoton joħloq anamolija, billi attwalment l-għajnuna għall-għelejjel li jikkompetu hija aktarx kollha diżakkoppjata. - Din l-għażla ma tindirizza bl-ebda mod il-kapaċità żejda fl-industrija tal-ħalġ u titfa’ lura r-ristrutturar. Fl-2003-2005, skond l-iskema simili ta’ qabel, ir-rata ta’ l-użu tal-kapaċità fi Spanja kienet 41% filwaqt li fil-Greċja kienet 70%. Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (Għażla 2) - Fl-2006, ż-żona tat-tkabbir tal-qoton fi Spanja waqgħet għal-livelli ta' qabel l-adeżjoni, filwaqt li l-ħsad niżel b'madwar terz. Fil-Greċja, ż-żona tat-tkabbir tal-qoton baqgħet stabbli u l-ħsad niżel b’madwar wieħed minn ħamsa biss. - Fejn il-programmi agroambjentali huma disponibbli, il-qoton jibqa’ l-aktar wiċċ li jirrendi. - Fi Spanja, saħansitra meta ma jingħatawx pagamenti agroambjentali, il-qoton jirrendi aktar mill-alternattivi. Dan jissaħħaħ permezz tat-tneħħija tal-bqija tal-pagamenti akkoppjati għall-għelejjel alternattivi. - Fil-Greċja, iż-żoni ta’ tkabbir tal-qoton aktar jistgħu jonqsu u minflok jitkabbar qamħirrun u, sa ċertu punt, qamħ. - Fiż-żewġ pajjiżi ż-żoni tat-tkabbir tal-qoton aktarx li ma jonqsux ħafna iżjed mill-livelli ta’ l-adeżjoni. - Il-bdiewa tal-qoton jistgħu jagħżlu alternattivi, mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom għal pagament diżakkoppjat. - L-analiżi tas-sensittività tissuġerixxi li mhemmx bżonn li l-pagament akkoppjat jiżdied sa 40% sabiex l-produzzjoni tal-qoton tinżamm f’livell raġonevoli. Jista’ jkun hemm tnaqqis qawwi jekk jitnaqqas sa 30% jew 25%. - Tista’ tintlaħaq kwalità ogħla jekk l-obbligu għal ħsad jitħallat ma’ – flok il-kundizzjoni attwali ta’ ħalġ – standard minimu ta’ kwalità. - L-impatt fuq l-industrija tal-ħalġ fiż-żewġ pajjiżi għandu jġib il-bżonn ta’ ristrutturar qawwi u konsolidazzjoni. Fl-2006, fi Spanja, l-użu tal-kapaċità tal-ħalġ niżel għal 17%, filwaqt li fil-Greċja niżel għal 56%. Parti mill-industrija tal-ħalġ għandha twaqqaf l-attività, waqt li l-bqija jkun jeħtiġilhom iżidu r-rata ta’ l-użu tal-kapaċità, sabiex itejbu l-profitabbiltà. - Fondi addizzjonali għall-iżvilupp rurali jistgħu jappoġġaw l-adattament u d-diversifikazzjoni tar-reġjuni li jkabbru l-qoton. Għażla Kompletament Diżakkoppjata (Għażla 3) - Fil-Greċja, il-produzzjoni tal-qoton aktarx se tkun limitata għal produzzjoni estensiva taħt il-programmi agroambjentali, allura pożittiva ambjentalment. - Fi Spanja, billi l-produzzjoni tal-qoton ma tkunx għadha vijabbli ekonomikament, aktarx li tieqaf għal kollox. - Il-bidla għal qamħ għandu jkollha benefiċċji ambjentali, meta mqabbla mal-qoton; bidla għal qamħirrun ma ġġib l-ebda benefiċċji ambjentali ewlenin u għandha ġġib ħtieġa akbar għall-ilma. - Ħafna mill-impjanti tal-ħalġ ikollhom jagħlqu. - Id-diżakkopjament sħiħ ta’ appoġġ għall-qoton, waqt li huwa skond il-proċess tar-riforma tal-PAK, ma jiżgurax it-tkomplija tal-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni konċernati. Mingħajr ebda għajnuna speċifika għal qoton, din l-għażla ma tikkonformax mal-Protokolli. Impatt Ambjentali Il-produzzjoni tal-qoton hija assoċjata ma’ għadd ta’ impatti ambjentali negattivi. Kwantità ta' l-ilma: kważi l-art kollha tal-qoton fl-UE hija saqwi. Il-qoton jitkabbar f’żoni fejn l-ilma huwa riżors skars. Kwalità ta’ l-ilma: użu qawwi ta’ pestiċidi, erbiċidi, inibituri għat-tkabbir ta' pjanti u sustanzi li jwaqqgħu l-weraq, li jsiru agħar meta jitħalltu ma’ kultivazzjoni ta’ prodott wieħed biss (monokultura). Ħamrija : l-użu qawwi ta’ kimika, irrigazzjoni u monokultura jagħmel il-ħsara. Bijodiversità u ħabitats: l-użu qawwi ta' kimika u l-monokultura għandhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità, id-disponibbiltà ta' ħabitats u l-istabbiltà bijoloġika. L-importanza ta’ dawn ir-riskji tvarja skond il-prassi ta’ biedja, l-intensità li biha jitkabbar il-qoton u l-vulnerabbiltà speċifika taż-żona. Meta mqabbla ma' għelejjel alternattivi, jidher li waqt li bidla għal ċereali xitwija, ġirasoli jew għelejjel ta’ l-għalf msoqqija jistgħu joffru benefiċċji ambjentali, qamħirrun u ħxejjex ma joffru ebda titjib. Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (Għażla 1) - Billi l-appoġġ għall-prezz iħeġġeġ l-intensifikazzjoni, l-impatt ambjentali ta’ din l-għażla huwa partikolarment qawwi. - It-tniġġis ta’ l-ilma huwa identifikat bħala l-akbar problema, billi l-qoton jitkabbar l-aktar f’żoni klassifikati bħala vulnerabbli mid-Direttiva dwar in-Nitrati. - Il-kundizzjonalità ma tistax tiġi infurzata f’azjendi li jkabbru l-qoton biss. - Illum il-programmi agroambjentali jistgħu jkunu aktar attraenti għal bdiewa tal-qoton f’xi reġjuni. Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (Għażla 2) - Ir-reazzjoni baxxa fil-Greċja għall-bidla fl-iskema ġabet espansjoni żgħira fiż-żona tat-tkabbir tal-qoton. - Fi Spanja l-medda tat-tkabbir tal-qoton u l-ħsad naqset, b’użu iżgħar ta’ materjal ta' produzzjoni. Parteċipazzjoni akbar fi skemi agroambjentali. - Pagamenti akkoppjati u diżakkoppjati huma suġġetti għall-kundizzjonalità. Għażla Kompletament Diżakkoppjata (Għażla 3) - Fil-Greċja, il-qoton aktarx se jsir limitat għal produzzjoni estensiva taħt il-programmi agroambjentali. - Fi Spanja, il-produzzjoni tal-qoton aktarx li tieqaf għal kollox. - Il-bidla għall-qamħ iġġib benefiċċji ambjentali; bidla għal qamħirrun ma ġġibx benefiċċji. L-industrija tal-ħalġ L-industrija tal-ħalġ ma ġġibx problemi ambjentali speċifikament. Impatt Soċjali Il-Greċja għandha 79 700 bidwi tal-qoton, Spanja għandha madwar 9 500. Billi t-tkabbir tal-qoton relattivament jirrekjedi ħafna ħaddiema, bidla għal għelejjel oħra għandha tirriżulta fi ħtieġa ta’ anqas sigħat għal kull ettaru. F’dan ir-rigward, l-Għażla 3 għandu jkollha l-akbar impatt. Fl-2005/06 l-industrija tal-ħalġ tal-qoton kienet timpjega madwar 3 200 ruħ fil-Greċja u 1 350 fi Spanja; minn terz sa kwart mill-impjiegi huma staġunali. Minħabba kapaċità żejda, it-telf ta’ xi impjieġi huwa inevitabbli taħt kwalunkwe għażla. Filwaqt li taħt l-Għażla 2 t-telf huwa moderat, taħt l-Għażla 3 Spanja titlef l-impjiegi kollha, waqt li l-Greċja titlef 2 600 unitajiet ta’ xogħol. Impatt fuq Relazzjonijiet Internazzjonali Il-produzzjoni ta’ l-UE tirrapreżenta biss 2% tal-konsum dinji globali tal-prodott. Il-kummerċ tal-qoton fl-UE huwa kompletament ħieles: ma hemm l-ebda dazju fuq l-importazzjoni jew restrizzjoni kwantitattiva u l-ebda rifużjoni ma titħallas fuq l-esportazzjonijiet. L-UE għandha importazzjoni netta tal-qoton. Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (Għażla 1): jekk terġa’ tiddaħħal l-indennità kompensattiva jkun hemm kontradizzjoni mal-pożizzjoni negozjattiva ta’ l-UE fiċ-“Ċiklu ta’ Doha” u dan għandu jitqies bħala negattiv. Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (Għażla 2): ir-riforma ta’ l-2004 naqqset l-effett ta’ tagħwiġ tal-kummerċ tas-sussidji ta’ l-UE mogħtija għal qoton u titqies pjuttost pożittiva. Għażla Kompletament Diżakkoppjata (Għażla 3): skema ta’ appoġġ kompletament diżakkoppjat għandu jkun konsistenti mal-pożizzjoni negozjattiva ta’ l-UE fiċ-“Ċiklu ta’ Doha” u dan għandu jitqies bħala pożittiv ħafna. Impatt fuq il-Baġit ta’ l-UE It-tliet għażliet kollha ma għandhomx effett fuq il-baġit meta mqabbla man-nefqa kurrenti, madwar €800 miljun. Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (Għażla 1) Billi din l-għażla hija bbażata fuq indennità kompensattiva, li tiddependi fuq varjazzjonijiet fil-prezzijiet mondjali, varjabbiltà għolja fil-Komunità hija mistennija, kif ukoll spejjeż addizzjonali ta’ kontroll. Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (Għażla 2) In-nefqa hija ħafna aktar stabbli, billi l-parti diżakkoppjata ta’ l-għajnuna ma tvarjax. Il-parti akkoppjat ma’ l-erja hija limitata għal erja massima garantita u għalhekk suġġetta biss għal varjazzjoni li titbaxxa. Għażla Kompletament Diżakkoppjata (Għażla 3) Billi l-għajnuna diżakkoppjata ma tvarjax, din l-għażla hija l-aktar stabbli u prevedibbli fir-rigward ta’ nefqa ta’ l-UE. Impatt fuq l-Ispejjeż Amministrattivi u s-Simplifikazzjoni Għażla ta’ Għajnuna għall-Produzzjoni (Għażla 1) Billi din trid timxi flimkien ma’ l-iskema tal-PAK riformata (l-aktar pagamenti diżakkoppjati), din l-għażla se tkun komplessa u ta’ piż fuq benefiċjari u amministrazzjonijiet pubbliċi. Teħtieġ informazzjoni, u sistemi ta’ kontroll u monitoraġġ separati. L-ispejjeż ta’ aġġustament għandhom ikunu għoljin għall-amministrazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u għal negozji li għamlu adattamenti għas-sistema l-ġdida. Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata (Għażla 2) Din l-għażla hija aktar sempliċi amministrattivament. Billi hija simili għall-iskema ta’ wara r-riforma, l-ispejjeż ta’ aġġustament għandhom ikunu żgħar. Kwalunkwe pagament dirett għandu jkun suġġett għar-regoli komuni għall-appoġġ dirett, b’mod partikolari l-Ħlas Uniku għall-Farm. Għażla Kompletament Diżakkoppjata (Għażla 3) It-tmexxija ta’ din l-għażla hija eħfef. In-nuqqas ta’ kwalunkwe pagament speċifiku għal wiċċ inaqqas kemm l-ispejjeż u r-riskji relatati mal-kontrolli. Il-produzzjoni tal-qoton għandha tkun suġġetta għar-regoli komuni tal-Ħlas Uniku għall-Farm. Governanza u Parteċipazzjoni It-tliet għażliet ma għandhom l-ebda implikazzjoni sinifikament differenti għal governanza u parteċipazzjoni, għalkemm l-Għażliet 2 u 3, it-tnejn jippermettu aktar awtonomija għall-intraprenditur agrikolu. KONKLUżJONI Meta jitqabblu l-impatti varji tat-tliet għażliet, l-Għażla 2 (Għażla Prinċipalment Diżakkoppjata) titqies l-aħjar biex tilħaq l-għanijiet differenti tar-riforma. Din tilħaq ir-rekwiżiti tal-Protokolli u hija wkoll konsistenti ma’ l-ispinta tal-proċess tar-riforma tal-PAK. Waqt li għandu jkun possibbli li jiżdied il-livell ta’ pagament akkoppjat, il-piż amministrattiv huwa ferm akbar mill-vantaġġi żgħar li jistgħu jinkisbu. Huma mixtieqa xi modifiki fl-iskema attwali, b’mod partikolari biex jiżguraw il-kwalità.