52007SC0169




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.2.2007

SEG(2007) 169 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Komunikazzjoni interpretattiva dwar proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur li joriġinaw fi Stat Membru ieħor

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Komunikazzjoni interpretattiva dwar proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur li joriġinaw fi Stat Membru ieħor (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

Ix-xiri ta' vettura bil-mutur fi, jew it-trasferiment ta' vettura bil-mutur lejn Stat Membru ieħor sar ħafna eħfef minn ftit snin ilu, l-aktar minħabba tliet żviluppi importanti.

1. Is-sistemi nazzjonali differenti ta' approvazzjoni tat-tip ġew sostitwiti mis-sistema ta' approvazzjoni tat-tip ta' karozzi kompluti (WVTA)[1] tal-KE li bdiet tapplika għal ħafna mill-karozzi tal-passiġġieri u muturi fuq bażi mandatorja sa minn Jannar 1998 u Ġunju 2003, rispettivament. B'riżultat ta' dan, dawn il-kategoriji ta' vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mad-direttivi rilevanti kollha dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE sabiex jitqiegħdu fis-suq, u l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' dawn il-vetturi. Proposta għal "Direttiva ta' Qafas"[2] ġdida bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ladarba jkunu adottati, vetturi kummerċjali (xarabanks u kowċis, vannijiet u trakkijiet) se jkunu inklużi fl-approvazzjoni tat-tip ta' karozzi kompluti tal-KE. L-approvazzjoni tat-tip tal-KE uniformi madwar l-Unjoni Ewropea tippermetti reġistrazzjoni aktar mgħaġġla u aktar faċli fl-Istati Membri kollha.

2. Ir-regolament ġdid ta' eżenzjoni sħiħa dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għal bejgħ u servizzi ta' vetturi bil-mutur[3] tejjeb aktar il-possibbiltajiet tal-konsumaturi Ewropej li jgawdu mis-suq waħdieni fil-prattika biex b'hekk il-konsumaturi jistgħu jieħdu l-aħjar vantaġġ mid-differenzi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri varji. Per eżempju, il-konsumaturi issa jistgħu jużaw mingħajr limitazzjoni s-servizzi ta' intermedjarji jew aġenti xerrejja sabiex jixtru l-vettura bil-mutur tagħhom fejn jgħodd għalihom. Id-distributuri għandhom libertà akbar li joperaw barra mit-territorju ta' pajjiżhom u jbiegħu vetturi lil konsumaturi fi Stati Membri oħrajn (hekk imsejjaħ bejgħ attiv b'żieda mal-bejgħ passiv fejn il-konsumaturi jieħdu l-inizjattiva li javviċinaw id-distributur).

3. Il-Komunità Ewropea (KE) introduċiet ċertifikat ta' reġistrazzjoni armonizzat għal vetturi bil-mutur[4]. L-għan ewlieni tagħha huwa li tiffaċilita l-moviment ħieles ta' vetturi rreġistrati fi Stat Membru wieħed, fuq it-toroq ta' Stati Membri oħrajn, u d-dħul fis-servizz mill-ġdid ta' vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, numru konsiderevoli ta' ċittadini u intrapriżi għadhom jibżgħu jixtru vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor peress li jibżgħu li jiffaċċjaw burokrazija bla bżonn u spejjeż żejda f'pajjiżhom. Barra minn hekk, it-trasferiment ta' vetturi bil-mutur lejn Stat Membru ieħor għadu joħloq l-ilmenti, b'mod partikolari minħabba t-toqol ta' l-approvazzjoni tat-tip u tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni. Bħalissa, daqs 20% tal-każijiet ta' ksur tal-liġijiet li jinsabu għaddejja fil-qasam ta' l-Artikoli 28 sa 30 tat-Trattat tal-KE u 7% tal-każijiet SOLVIT jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur[5].

Din il-Komunikazzjoni timmira li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva u reviżjoni aġġornata dwar il-prinċipji tal-liġi tal-KE li japplikaw għar-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur fi Stat Membru għajr għall-Istat tax-xiri, u għat-trasferiment ta' reġistrazzjoni bejn l-Istati Membri, fid-dawl ta' l-iżviluppi reċenti fil-leġiżlazzjoni Ewropea u fil-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-komunikazzjoni, madankollu, ma tagħtix viżjoni globali tal-prinċipji tal-liġi tal-KE li japplikaw għat-taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozza u għat-taxxi ta' ċirkolazzjoni[6], li bħalissa huma rregolati mill-Artikoli 25 jew 90 tat-Trattat tal-KE[7].

Din il-komunikazzjoni tieħu post fl-intier tagħha il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (96/C 143/04)[8]. Wieħed għandu jinnota, madankollu, li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biss għandha l-awtorità li tiddeċiedi b'mod definittiv dwar l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja.

Din il-komunikazzjoni hija ta' interess partikolari għall-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni u mar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur, u se tgħinhom jimplimentaw il-liġi tal-KE kif suppost. Il-Kummissjoni se telabora gwida għall-konsumaturi, li fiha ser jiġu spjegati t-trasferiment u r-reġistrazzjoni ta' vetturi fi ħdan l-UE.

F'kull każ, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja b'attenzjoni l-implimentazzjoni korretta tal-prinċipji tal-liġi tal-KE li japplikaw għar-reġistrazzjoni u t-trasferiment ta' vetturi bil-mutur.

2. TERMINOLOĠIJA

Din il-Komunikazzjoni tkopri l-ewwel reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor irrelevanti jekk ikunux ġodda jew użati.

Għall-fini ta' din il-komunikazzjoni:

- "Vettura bil-mutur" hi

- kull vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, kemm kompluta u kemm le, li jkollha minn ta' lanqas erba' roti u maħsuba għal veloċità massima li taqbeż il-25 km/h, u l-karrijiet tagħha, bl-eċċezzjoni ta' vetturi li jinstaqu fuq il-linji tal-ferrovija, u ta' tratturi li jintużaw fir-raba' u l-foresti, il-makkinarju mobbli kollu u vetturi kummerċjali tqal[9]; jew

- Kwalunkwe vettura tal-mutur b'żewg jew bi tliet roti sew jekk b'roti pari jew le, intiża biex tinstaq fit-triq[10].

- Vettura bil-mutur tkun irreġistrata qabel fi Stat Membru ieħor" meta tkun kisbet l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tagħha u l-ħruġ tan-numru ta' reġistrazzjoni. Din il-komunikazzjoni għalhekk għandha wkoll x'taqsam ma' vetturi bil-mutur li kienu suġġetti għal reġistrazzjoni temporanja jew fuq żmien qasir, u vetturi tal-mutur li kienu suġġetti għal reġistrazzjoni professjonali.

- It-tul tal-perjodu li matulu vettura tkun ġiet irreġistrata fi Stat Membru wieħed qabel it-trasferiment tagħha lejn Stat Membru ieħor hu irrelevanti.

3. IR-REġISTRAZZJONI TA' VETTURA BIL-MUTUR FL-ISTAT MEMBRU TA' RESIDENZA

3.1. X'inhu l-Istat Membru ta' residenza għall-għan ta' reġistrazzjoni?

Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reġistrazzjoni hija r-riżultat naturali tat-twettiq tal-poteri ta' tassazzjoni fil-qasam tal-vetturi bil-mutur. Hija tiffaċilita s-superviżjoni kemm għall-Istat Membru ta' reġistrazzjoni kif ukoll għal Stati Membri oħrajn, peress li r-reġistrazzjoni fi Stat Membru wieħed tikkostitwixxi prova ta' ħlas ta' taxxi fuq vetturi bil-mutur f'dak l-Istat[11].

Kull individwu għandu jirreġistra l-vettura tiegħu fl-Istat Membru fejn normalment huwa residenti. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 83/182/KEE[12] u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 83/183/KEE[13] stipulaw regoli preċiżi biex tiġi ddeterminata r-residenza normali f'sitwazzjonijiet fejn il-persuni kkonċernati jkunu qegħdin rispettivament jgħixu u jsuqu b'mod temporanju jew permanenti fi Stat Membru minbarra dak tagħhom. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kriterju kwantitattiv li għalih jirreferi dan l-artikolu (jeħtieġ li tgħix għal aktar minn 185 ġurnata kull sena f’post speċifiku) ma jistax jitqies bħala l-kriterju ewlieni jekk ikun hemm fatturi oħrajn li jbiddlu s-sitwazzjoni.

Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, meta persuna jkollha rabtiet kemm personali kif ukoll tax-xogħol f'żewġ Stati Membri, ir-residenza normali tagħha, determinata fil-kuntest ta' evalwazzjoni sħiħa b'referenza għall-fatti rilevanti kollha, hija dik fejn jinsab iċ-ċentru permanenti ta' l-interessi ta' dik il-persuna; f'każ li evalwazzjoni sħiħa bħal din ma tirriżultax fid-determinazzjoni tagħha, trid tingħata prevalenza lil rabtiet personali[14].

3.2. Il-passi differenti biex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta' vettura bil-mutur.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kurrenti ta' l-Istati Membri tistipula (massimu ta') tliet passi differenti għar-reġistrazzjoni ta' vettura bil-mutur fl-Istat Membru li jirċievi:

- L-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura bil-mutur , li f’ħafna każijiet se tkun l-approvazzjoni tat-tip tal-KE. Ċerti tipi ta' vetturi bil-mutur, madankollu, għadhom suġġetti għal proċeduri ta' approvazzjoni nazzjonali.

- It-testijiet tal-validità tal-vetturi użati għal fuq it-triq, li l-għan tagħhom huwa li jivverifikaw għal finijiet ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin, li vettura bil-mutur speċifika hija fil-fatt fi stat tajjeb ta’ tiswija fil-mument tar-reġistrazzjoni;

- Ir-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur , jiġifieri l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura bil-mutur u l-ħruġ ta' numru ta' reġistrazzjoni għaliha.

3.3. L-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura bil-mutur

3.3.1. Approvazzjoni tat-tip tal-KE

Il-karozzi tal-passiġġieri approvati mill-1996, il-muturi approvati minn Mejju 2003 u t-tratturi approvati mill-2005, kollha mibnija skond is-serje, huma fi prinċipju suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE. Din hija proċedura li permezz tagħha Stat Membru jiċċertifika li tip ta' vettura tissodisfa r-rekwiżiti Ewropej kollha ta' sikurezza u ħarsien ta' l-ambjent li jridu jitħaddmu. L-approvazzjoni tat-tip tal-KE hija valida fl-Istati Membri kollha.

Meta l-manifattur tal-vettura bil-mutur jissottometti, skond id-Direttiva 70/156/KEE, l-applikazzjoni tiegħu għall–approvazzjoni tat-tip tal-KE lill-awtorità għall-approvazzjoni ta' Stat Membru, li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE lill-vettura jekk din tkun konformi mar-rekwiżiti kollha tad-direttivi rilevanti[15], l-awtorità għall-approvazzjoni ta' dak l-Istat Membru tibgħat lill-awtoritajiet għall-approvazzjoni ta' l-Istati Membri l-oħrajn kopja taċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura għal kull tip ta' vettura li hi tkun approvat jew irrifjutat li tapprova, jew li għaliha tkun irtirat iċ-ċertifikazzjoni.

Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, joħroġ ċertifikat ta' konformità tal-KE li juri li l-vettura tkun ġiet iffabbrikata b'konformità mat-tip ta' vettura approvat. Iċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE għandu jakkumpanja kull vettura ġdida tat-tip approvat tal-KE. Barra minn dan, ir-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE li jridu jitħaddmu jitolbu li l-manifatturi joħorġu ċertifikati ta' konformità tal-KE f'mod opportun u li mhux diskriminatorju irrelevanti mid-destinazzjoni u / jew l-oriġini tal-vettura (jiġifieri, irrelevanti jekk il-vettura tinbigħx lil konsumatur fi Stat Membru ieħor jew tkunx inkisbet min-negozjant mingħand distributur fi Stat Membru ieħor).

L-Istati Membri u l-Iżvizzera jistgħu biss jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda tat-tip approvat tal-KE għal raġunijiet relatati mal-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom, jekk ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tal-konformità tal-KE validu.

Il-leġiżlazzjoni Ewropea ma teħtiġx li ċ-ċertifikat ta' konformità jibqa' mal-vettura wara r-reġistrazzjoni. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE jinżamm mill-awtoritajiet ladarba l-vettura tiġi rreġistrata.

Il-vetturi l-ġodda tat-tip approvat tal-KE li huma akkumpanjati b'ċertifikat ta' konformità validu jistgħu ma jkunux meħtieġa li jgħaddu minn approvazzjoni ġdida tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom jew li jikkonformaw ma' ħtiġiet tekniċi addizzjonali dwar il-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom, sakemm ma jkunux ġew mibdula ovvjament wara li jkunu ħallew il-fabbrika tal-manifattur. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li skondha l-vetturi bil-mutur koperti b'ċertifikat validu ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ma jistgħux jiġu rreġistrati sakemm ma jkunx maħruġ ċertifikat nazzjonali li jivverifika l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti nazzjonali, per eżempju dwar emissjonijiet ta’ l- exhaust , għalhekk mhux permess[16].

3.3.2. Approvazzjoni Nazzjonali

Skond il-liġi Komunitarja preżenti l-kategoriji ta' vetturi bil-mutur li ġejjin m'humiex tat-tip approvat tal-KE:

- Vetturi kummerċjali (xarabanks, kowċis, vannijiet u trakkijiet) u karrijiet;

- Vetturi mibnija f'serje żgħar;

- Vetturi approvati fuq bażi individwali.

Vettura bil-mutur ġdida li mhix tat-tip approvat tal-KE tista' tkun suġġetta għal approvazzjoni nazzjonali fl-Istat Membru li jirċievi, qabel ma tista' tiġi rreġistrata. L-approvazzjoni nazzjonali se tirriżulta f'ċertifikat ta' konformità nazzjonali li se jservi, fost għanijiet oħra, għar-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur.

L-approvazzjoni nazzjonali tista' tkun jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali jew approvazzjoni individwali nazzjonali:

- L-approvazzjoni tat-tip nazzjonali u l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali f'serje żgħar huma maħsuba sabiex jiżguraw il-konformita tat-tip ta' vettura mar-rekwiżiti tekniċi nazzjonali li jridu jitħaddmu. Dan jirriżulta f'ċertifikat tal-konformità tat-tip nazzjonali maħruġ mill-manifattur, fejn jikkonferma li l-vettura speċifika kienet immanifatturata b'konformità mat-tip ta' vettura approvat.

- L-approvazzjoni individwali nazzjonali tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni ta' konformità ta' vettura partikolari (kemm unika u kemm le) mar-rekwiżiti nazzjonali rilevanti. Din il-proċedura tapplika b'mod partikolari għal vetturi importati individwalment minn pajjiżi terzi u li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti Ewropej għall-approvazzjoni tat-tip, kif ukoll għal vetturi uniċi.

Il-proċeduri nazzjonali ta' l-approvazzjoni tat-tip u ta' l-approvazzjoni individwali għal vetturi bil-mutur sabiex ikunu użati jew irreġistrati għall-ewwel darba fl-UE normalment ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi tal-KE.

Madankollu, il-proċeduri ta' approvazzjoni nazzjonali għal vetturi bil-mutur li diġà kisbu approvazzjoni nazzjonali fi Stat Membru ieħor u għal vetturi bil-mutur li digà kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor, iridu jikkonformaw ma' l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta' proċeduri nazzjonali bħal dawn mhix fiha nfisha neċessarjament kuntrarja għal dawn l-Artikoli.

Madankollu, dawn l-approvazzjonijiet iridu mill-inqas jissodisfaw il-kundizzjonijiet proċedurali li ġejjin sabiex jikkonformaw ma' l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE[17].

4. Il-proċeduri ta' approvazzjoni nazzjonali jeħtieġu, f'kull każ, li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji li jkunu magħrufa bil-quddiem , b'tali mod li jiċċirkoskrivu l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ma jkunux użati b'mod arbitrarju.

5. Proċeduri bħal dawn ma jistgħux jidduplikaw il-kontrolli li diġà twettqu fil-kuntest ta' proċeduri oħrajn, jew fl-istess Stat jew fi Stat Membru ieħor. Dan ifisser li l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex intitolati li jeħtieġu testijiet tekniċi meta dawk it-testijiet diġà twettqu fi Stat Membru ieħor u r-riżultati tagħhom huma disponibbli għall-awtoritajiet, jew fuq talba tagħhom jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan jeħtieġ approċċ attiv min-naħa tal-korp nazzjonali li tkun saritlu applikazzjoni għal approvazzjoni ta' vettura bil-mutur jew rikonoxximent, f'dak il-kuntest, ta' l-ekwivalenza ta' ċertifikat ta' approvazzjoni maħruġ minn korp ta' approvazzjoni ta' Stat Membru ieħor. Aktar minn hekk, approċċ attiv bħal dan huwa meħtieġ ukoll, fejn xieraq, mill-korp ta' l-aħħar, u f'dan ir-rigward huwa f'idejn l-Istati Membri li jiżguraw li l-korpi ta' approvazzjoni kompetenti jikkooperaw ma' xulxin bil-għan li jiffaċilitaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti biex jiksbu aċċess għas-suq nazzjonali ta' l-Istati Membri importaturi[18].

6. Il-proċedura trid tkun waħda li hija aċċessibbli fil-pront u tista' titlesta fi żmien raġjonevoli, u, jekk twassal għal ċaħda, id-deċiżjoni ta' ċaħda trid tiġi kkontestata quddiem il-qrati. Il-proċedura trid tkun stipulata espressament f'miżura ta' applikazzjoni ġenerali li torbot lill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-proċedura ta' approvazzjoni nazzjonali ma tikkonformax mal-prinċipji fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija jekk it-tul ta' żmien tagħha u l-ispejjeż sproporzjonati li ġġib magħha jnaffru lis-sid tal-vettura bil-mutur milli jfittex l-approvazzjoni tal-vettura bil-mutur.

Ir-rekwiżiti tekniċi ta' l-Istat Membru li jirċievi m'għandhomx jeħtieġu li l-vettura bil-mutur tkun modifikata bla bżonn. Il-fatt li l-vettura bil-mutur kienet diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor ifisser li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu qiesu li l-vettura bil-mutur issodisfat ir-rekwiżiti tekniċi li jridu jitħaddmu hemm. L-approvazzjoni ta' vettura bil-mutur diġà approvata fi Stat Membru ieħor, irrelevanti jekk il-vettura kinitx diġà rreġistrata jew le, tista' għalhekk tkun miċħuda biss mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jekk il-vettura bil-mutur iġġib magħha riskju ġenwin għas-saħħa pubblika. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri, meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom dwar il-ħarsien tas-saħħa pubblika, jridu jikkonformaw mal-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-mezzi li jagħżlu għandhom għalhekk ikunu limitati għal dak li huwa tabilħaqq meħtieġ biex ikun żgurat il-ħarsien tas-saħħa pubblika jew biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti prinċipali dwar, per eżempju, is-sikurezza fit-toroq, u għandhom ikunu proporzjonali għall-għan hekk mixtieq, li ma setax jiġi milħuq bil-miżuri anqas restrittivi tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità[19]. Peress li l-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KE jistipola eċċezzjoni, li għandha tkun interpretata b'mod strett[20], għar-regola tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità, huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali li jitolbuha li juru f'kull każ li l-applikazzjoni tar-regoli tagħhom hija meħtieġa biex jingħata ħarsien effettiv lill-interessi msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KE u, b'mod partikolari, li l-approvazzjoni tal-vettura bil-mutur ikkonċernata ġġib magħha riskju reali għas-saħħa pubblika jew għas-sikurezza fit-toroq.

Ma jistax ikun argumentat raġonevolment li s-sempliċi fatt li vettura kienet ġiet approvata skond ir-regoli ta' Stat Membru ieħor u possibbilment (iżda mhux neċessarjament) għandha ċerti karatteristiċi tekniċi li jvarjaw minn dawk stipulati fil-liġi ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew minn dawk ta' l-approvazzjoni tat-tip ekwivalenti f'dak l-Istat tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

Fil-prattika, dan jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jirċievi jieħdu l-passi li ġejjin:

7. Il-karatteristiċi tekniċi ta' vettura bil-mutur li ġiet approvata u rreġistrata minn qabel fi Stat Membru ieħor iridu l-ewwel jiġu evalwati fid-dawl tar-regoli tekniċi fis-seħħ fl-Istat Membru li jirċievi. Madankollu, mhux fuq il-bażi tar-regoli attwali fis-seħħ, iżda fuq il-bażi tar-regoli li kienu fis-seħħ (fl-Istat Membru li jirċievi) fil-mument ta' approvazzjoni fl-Istat Membru ta' l-oriġini.

8. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu t-test u ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn u mill-manifattur[21]. Testijiet addizzjonali jistgħu jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'informazzjoni li ma tistax tinstab fuq iċ-ċertifikati.

9. Fuq dik il-bażi, l-awtoritajiet kompetenti se jiddeterminaw fuq liema punti l-vettura bil-mutur ma tikkonformax mar-regoli tekniċi li jridu jitħaddmu fl-Istat Membru li jirċievi fil-mument ta' l-ewwel approvazzjoni tal-vettura fl-UE.

10. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu mbagħad japplikaw biss regoli tekniċi nazzjonali li huma proporzjonati fid-dawl ta' waħda mir-raġunijiet imperattivi rikonoxxuti mill-Qorti bħala rekwiżiti obbligatorji jew imsemmija fl-Artikolu 30 KE. Għandu jiġi enfasizzat li t-tħaddim ta' regoli tekniċi nazzjonali mhux proporzjonati għal vettura bil-mutur speċifika jkun qed jikser il-liġi Komunitarja li, f'kull każ, tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali.

3.4. Testijiet tal-validità tal-vetturi għal fuq it-triq

L-għan tat-testijiet tal-validità tal-vettura fit-triq huwa li jivverifika li l-vettura bil-mutur speċifika hija fil-fatt fi stat tajjeb ta' tiswija fil-mument ta' reġistrazzjoni. Madankollu, il-fatt li vettura bil-mutur kienet użata f'toroq pubbliċi mill-aħħar test tal-validità tal-vettura fit-triq jista' jiġġustifika t-test tal-validità tal-vettura fit-triq mar-reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor.

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[22], l-Istati Membri jistgħu għalhekk jeħtieġu li l-vetturi bil-mutur li kienu rreġistrati minn qabel fl-istess Stat Membru jew f'ieħor jgħaddu mit-test tal-validità tal-vettura fit-triq qabel ir-reġistrazzjoni, sakemm din l-ispezzjoni hija obbligatorja għal kull trasferiment ta' proprjetà ta' kull vettura bil-mutur simili jew għal kull bidla tad-detentur taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, irrelevanti jekk il-vettura bil-mutur kinitx irreġistrata fl-istess Stat Membru jew f'ieħor. It-test tal-validità tal-vettura fit-triq qabel ir-reġistrazzjoni għandu mill-inqas jissodisfa l-istess kundizzjonijiet proċedurali ta' l-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura bil-mutur, jiġifieri:

11. Għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji li jkunu magħrufa bil-quddiem , b'tali mod li jiċċirkoskrivu l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ma jkunux użati b'mod arbitrarju.

12. L-ittestjar tal-validità tal-vetturi fit-triq ma jistgħux jidduplikaw il-kontrolli li diġà ġew imwettqa fil-kuntest ta' proċeduri oħrajn, jew fl-istess Stat jew fi Stat Membru ieħor. Meta vettura tkun għaddiet minn ittestjar tal-validità fit-triq fi Stat Membru, il-prinċipju ta' ekwivalenza u rikonoxximent reċiproku stipulat mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/96/KE jeħtieġ lill-Istati Membri kollha l-oħra li jagħrfu ċ-ċertifikat maħruġ f'dik l-okkażjoni, mingħajr ma dak iżommhom milli jeħtieġu xi testijiet addizzjonali li s-soltu jitwettqu għal għanijiet ta' reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom, sakemm dawk it-testijiet mhumiex diġà koperti minn dak iċ-ċertifikat[23].

13. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-proċedura tat-test tal-validità tal-vetturi fit-triq trid tkun waħda li hija aċċessibbli fil-pront u tista' titlesta fi żmien raġjonevoli. Biex ikun ristrett l-ittestjar tal-validità fit-triq għal vetturi importati lil stazzjonijiet tal-kontroll speċifiċi u indikati separatament jista' jikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

3.5. Ir-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur

Billi jirreġistra l-vettura bil-mutur, l-Istat Membru jawtorizza d-dħul tagħha fis-servizz fit-traffiku tat-triq, li jinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura bil-mutur u l-ħruġ ta' numru ta' reġistrazzjoni għaliha.

3.5.1. L-ewwel reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur

Għal vetturi bil-mutur ġodda tat-tip approvat tal-KE mixtrija fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni għandu jitlob, minbarra d-data personali speċifika tal-persuna jew organizzazzjoni li qed ifittxu r-reġistrazzjoni taħt il-kodiċi armonizzat tal-Komunità[24] Ċ, iċ- ċertifikat ta' konformità tal-KE [25] .

Għal vetturi li mhumiex tat-tip approvat tal-KE, l-Istat Membru jista' jitlob preżentazzjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali rilevanti jew ċertifikati ta' l-approvazzjoni individwali nazzjonali (ara sezzjoni 3.3.2).

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri huma intitolati jivverifikaw fil-mument ta' reġistrazzjoni jekk il-VAT kienx imħallas kif suppost.

Meta negozjant professjonali fi Stat Membru ieħor ibiegħ vettura bil-mutur, huwa obbligat li joħroġ fattura. Għal raġunijiet ta' VAT, hemm żewġ possibbiltajiet:

14. Il-vettura bil-mutur hija "ġdida", fejn il-provvista ssir jew fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-ewwel dħul fis-servizz jew fejn il-vettura tkun vjaġġat għal mhux aktar minn 6000 kilometru. Il-VAT tkun dovuta fl-Istat Membru li fih tittieħed il-vettura skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 fuq is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva tal-VAT). Il-provvista ta' mezzi ġodda ta' trasport hija eżenti fl-Istat Membru ta' l-oriġini fejn huwa stabbilit in-negozjant (Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT). Skond din id-dispożizzjoni, biex tinkiseb din l-eżenzjoni, jrid ikun ġustifikat li l-mezz ġdid ta' trasport huwa mibgħut jew ittrasportat lill-konsumatur, minn jew f'isem il-bejjiegħ jew il-konsumatur, f'destinazzjoni barra mill-Istat Membru ta' l-oriġini iżda fi ħdan il-Komunità.

15. Il-vettura bil-mutur mhijiex "ġdida": meta persuna privata tmur fi Stat Membru ieħor biex tixtri l-vettura bil-mutur u tittrasportaha lura hija stess (jew tirranġa biex isir dan) allura hi tixtri bir-rata tat-taxxa tal-VAT fil-waqt tal-bejgħ u r-riżultat huwa t-tassazzjoni "fl-oriġini". Il-VAT se tkun dovuta fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit in-negozjant. Meta n-negozjant tal-karozza jkun xtara l-karozza mingħand bejjiegħ inizjali li, b'mod partikolari, ma naqqasx il-VAT inkluża fil-prezz ta' meta nxtrat il-vettura bil-mutur, l-iskema speċjali fuq oġġetti użati (l-"iskema ta' marġni") għandha titħaddem (Artikolu 312 et seq. tad-Direttiva tal-VAT).

Meta individwu privat ibiegħ il-vettura bil-mutur tiegħu, jista' jkun, għal raġunijiet ta' VAT,

16. "Ġdida" (għad-definizzjoni tal-vettura ġdida ara fil-punt a. hawn fuq). F'dak il-każ il-VAT tkun dovuta fl-Istat Membru li fih ittieħdet il-vettura. (Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT). Sabiex tiġi evitata taxxa doppja, l-individwu privat li jkun biegħ il-"karozza ġdida" huwa intitolat li jnaqqas jew li jingħata lura l-VAT inkluża fil-prezz ta' meta tkun inxtrat fl-Istat Membru ta' l-oriġini, sa ammont li ma jaqbiżx l-ammont ta' VAT li jkun obbligat iħallas li kieku l-provvista tkun taxxabbli fl-Istat Membru ta' l-oriġini (Artikolu 172 tad-Direttiva tal-VAT).

17. Mhux "ġdida". It-tranżazzjoni ma tidħolx fl-ambitu ta' VAT. L-ebda VAT ma tkun dovuta.

Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeħtieġu wkoll, fil-mument ta' reġistrazzjoni, prova ta' kopertura ta’ l-assigurazzjoni .

3.5.2. Vetturi bil-mutur li kienu rreġistrati minn qabel fi Stat Membru ieħor

Għal vetturi bil-mutur li kienu rreġistrati minn qabel fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni jista' jitlob biss is-sottomissjoni tad-dokumenti li ġejjin:

18. L-oriġinal jew kopja taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni mhux armonizzat maħruġ fi Stat Membru ieħor: Ħafna vetturi rreġistrati qabel l-2004 għad għandhom iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni mhux armonizzat. M'hemmx obbligu fil-liġi Komunitarja li jintbagħtu l-oriġinal jew kopja ta' dan it-tip ta' ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor lill-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni, madankollu, li l-liġi nazzjonali tista' tobbliga lix-xerrej jissottometti kopja taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni maħruġ fl-Istat Membru ta' l-oriġini qabel jirreġistra l-vettura bil-mutur, sabiex jiġu evitati kontrolli amministrattivi doppji jew biex titnaqqas il-kriminalità fuq il-vetturi.

19. Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni armonizzat: Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni armonizzat maħruġ minn Stat Membru jrid ikun rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vettura fi Stat Membru ieħor[26]. Meta xerrej jixtri vettura bil-mutur li għandha ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni armonizzat, huwa jkun irċieva l-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ta' qabel f'kull każ u l-Parti II jekk tkun inħarġet. Il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ta' qabel u l-Parti II (jekk inħarġet) għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirtiraw il-parti(jiet) taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ta' qabel. Huma għandhom, fi żmien xahrejn, jinformaw lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat dwar l-irtirar tiegħu. Barra minn hekk, huma għandhom jirritornaw iċ-ċertifikat li huma jkunu rtiraw lil dawk l-awtoritajiet jekk dawn jitolbu li jsir dan fi żmien sitt xhur minn meta jiġi rtirat. Meta ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jkun jikkonsisti f'Partijiet I u II[27], u l-Parti II tkun nieqsa, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn ir-reġistrazzjoni l-ġdida tkun ġiet mitluba jistgħu jiddeċiedu, f'każijiet eċċezzjonali, li jerġgħu jirreġistraw il-vettura, iżda dan isir biss wara li jkunu kisbu konferma, bil-miktub jew b'mezz elettroniku, mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn kienet irreġistrata qabel il-vettura, li l-applikant huwa intitolat sabiex jirreġistra mill-ġdid il-vettura fi Stat Membru ieħor[28].

20. Iċ-ċertifikat ta' konformità nazzjonali jew tal-KE:

21. L-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jitolbu ċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE għal vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor jekk iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni preċedenti tal-vettura jikkonforma bis-sħiħ mal-mudell fid-Direttiva 1999/37/KE. Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru jrid ikun rikonoxxut mill-Istati Membri oħrajn għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vettura bil-mutur f'dawk l-Istati.

22. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu ċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE għal vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor meta ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni mhux armonizzat ta' l-Istat Membru l-ieħor ma jħallihomx jidentifikaw il-vettura bil-mutur b’biżżejjed preċiżjoni.

23. Jekk il-vettura bil-mutur m'għandha l-ebda ċertifikat ta' konformità tal-KE, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu ċertifikat ta' konformità nazzjonali;

24. Prova tal-ħlas ta' VAT, jekk il-vettura hija ġdida għal raġunjiet ta' VAT (ara t-taqsima 3.5.1.);

25. Ċertifikat ta' l-assigurazzjoni;

26. Ċertifikat tal-validità tal-vettura fit-triq jekk l-ittestjar għal dan ikun obbligatorju għar-reġistrazzjonijiet mill-ġdid kollha ta' vetturi bil-mutur li qabel kienu rreġistrati fl-istess Stat Membru jew f'ieħor, rispettivament.

4. IT-TRASFERIMENT TA' VETTURA BIL-MUTUR LEJN STAT MEMBRU IEħOR

Vettura bil-mutur tista' ovvjament titqiegħed fuq karru jew fuq trakk u tittieħed fi Stat Membru ieħor. Madankollu ħafna vetturi bil-mutur se jiġu misjuqa lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri jispeċifikaw li, bħala regola ġenerali, vettura bil-mutur ma tistax tkun misjuqa f'toroq pubbliċi mingħajr ma turi n-numru ta' reġistrazzjoni. Is-sitwazzjoni standard hija l-vettura bil-mutur qed tkun misjuqa bil-pjanċi ta' reġistrazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Madankollu, r-responsabbiltà ċivili trid tibqa' koperta mill-assigurazzjoni[29] u tkun ħaġa tajba għas-sewwieqa li jżommu l-karta l-ħadra, jiġifieri ċ-ċertifikat internazzjonali ta' l-assigurazzjoni[30] magħhom waqt li jużaw il-vettura tagħhom. Madankollu, wara l-iffirmar tal-Ftehim Multilaterali[31] fl-Istati Membri kollha (kif ukoll f'Andorra, il-Kroazja, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), il-pjanċa ta' reġistrazzjoni tal-vettura hija l-ekwivalenti ta' ċertifikat ta' l-assigurazzjoni. Dan jippermetti l-vetturi bil-mutur li għandhom pjanċa ta' reġistrazzjoni minn wieħed minn dawn il-pajjiżi li jiċċirkolaw b’mod ħieles f'din iż-żona mingħajr ma jkun iċċekkjat fil-fruntieri ċ-ċertifikat ta' l-assigurazzjoni ta' responsabbiltà tal-karozzi obbligatorju.

Hemm żewġ modi kif wieħed isuq vettura bil-mutur b'mod legali lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni: jew il-vettura bil-mutur ikollha pjanċa ta' reġistrazzjoni professjonali jew il-vettura bil-mutur ikollha pjanċa ta' reġistrazzjoni temporanja.

4.1. Is-sewqan ta' vettura bil-mutur bi pjanċi tan-numru professjonali

L-iskemi ta' reġistrazzjoni professjonali jeżistu fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri sabiex jippermettu lill-bejjiegħa li jsuqu vetturi bil-mutur f'toroq pubbliċi għal żmien qasir ħafna mingħajr ma jkunu obbligati li jirreġistrawhom formalment. L-iskemi ta' reġistrazzjoni professjonali huma rriservati għal manifatturi, muntaturi, distributuri u negozjanti, fir-rigward ta' vetturi bil-mutur li huma jkollhom.

Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ma joħorġux ċertifikati ta' reġistrazzjoni professjonali bħala tali, li jinvolvu l-identifikazzjoni tal-vettura bil-mutur. Huma normalment jipprovdu tip ieħor ta' dokument, li joħloq rabta bejn il-pjanċi ta' reġistrazzjoni u d-detentur tagħhom, u/jew jeħtieġu lid-detentur li jżomm ġurnal ta' abbord fejn ikunu mniżżla l-vjaġġi li saru bil-pjanċa ta' reġistrazzjoni.

L-Artikolu 35(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq[32] jispeċifika li l-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jipprojbixxu l-moviment ta' vetturi bil-mutur li huma rreġistrati minn Parti Kontraenti oħra, sakemm is-sewwieq ikollu ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Il-Partijiet Kontraenti jridu jirrikonoxxu wkoll iċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni maħruġa minn Partijiet Kontraenti oħrajn skond il-Konvenzjoni. Madankollu, m'hemm l-ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni li teħtieġ jew tippermetti lill-Partijiet Kontraenti li jipprojbixxu l-moviment liberu ta' vetturi li ma jikkonformawx mal-Konvenzjoni.

Rigward it-tranżitu ħieles ta' prodotti fi ħdan il-Komunità[33], iċ-ċaqliq intra-Komunitarju ta' vetturi bil-mutur li juru numru ta' reġistrazzjoni professjonali maħruġ fi Stat Membru ieħor huwa rregolat mit-Trattat tal-KE[34], u b'mod partikolari mill-Artikolu 28 tiegħu. L-impedimenti possibbli għandhom ikunu ġġustifikati skond l-Artikolu 30 KE jew skond waħda mill-ħtiġijiet aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-prinċipju li kull Stat Membru se jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi li normalment huma bbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta mill-assigurazzjoni normalment japplika wkoll għal vetturi li jġorru pjanċi ta' reġistrazzjoni professjonali. Il-limitu tar-responsabbiltà li huwa kopert u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura huma ddeterminati fuq il-bażi ta' dawn il-miżuri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu vetturi li jġorru pjanċi ta' reġistrazzjoni professjonali minn dan l-obbligu (jiġifieri jidderogaw mid-dispożizzjoni msemmija hawn fuq), jekk dawn il-pjanċi jidhru fuq lista mfassla mill-Istat Membru kkonċernat u kkomunikati lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni. F'dak il-każ, l-Istati Membri l-oħrajn iżommu d-dritt li jeħtieġu li l-persuna li jkollha l-kustodja ta' vettura bħal din ikollha fil-pussess tagħha karta ħadra valida jew li tkun ikkonkludiet kuntratt ta' assigurazzjoni fil-fruntiera li jkun konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Istat Membru kkonċernat[35]. Madankollu, emenda ġdida tad-Direttiva 72/166/KEE introdotta mill-ħames Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi 2005/14/KE[36] tistqarr li vetturi eżentati mill-obbligu ta' l-assigurazzjoni għar-raġuni li jkollhom pjanċa speċjali jridu jkunu ttrattati fl-istess mod bħal vetturi mhux assigurati. Il-vittmi ta' inċidenti kkawżati minn vetturi bħal dawn se jkollhom id-dritt li japplikaw għal kumpens mal-korp ta' kumpens tal-pajjiż fejn sar l-inċident. Dan il-korp imbagħad għandu jkollu pretensjoni kontra l-fond ta' garanzija stabbilit fil-pajjiż fejn il-vettura normalment tkun ibbażata.

4.2. Il-vettura bil-mutur iġġorr pjanċa ta' reġistrazzjoni temporanja

Bosta Stati Membri waqqfu sistema ta' reġistrazzjoni temporanja sabiex il-vettura bil-mutur tkun tista' tiġi misjuqa għal żmien qasir qabel ma tikseb ir-reġistrazzjoni finali jew qabel ma tħalli t-territorju. Ir-reġistrazzjoni finali normalment issir fl-Istat Membru ta' l-oriġini tal-vettura. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prinċipju ġenerali ta' tranżitu ħieles ta' prodotti u d-direttiva dwar dokumenti ta' reġistrazzjoni għal vetturi jfissru li l-Istat Membru ta' l-oriġini għandu wkoll jaċċetta l-użu – fuq it-territorju tiegħu – ta' pjanċi u ċertifikati ta' reġistrazzjoni temporanji maħruġa mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Għal reġistrazzjoni temporanja:

- L-Istati Membri jistgħu joħorġu ċertifikat ta' reġistrazzjoni temporanja li mhux differenti, jew li hu ftit differenti mill-mudell stipulat fid-Direttiva 1999/37/KE . F'dak il-każ, l-Istati Membri l-oħrajn huma obbligati li jagħrfu ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni temporanja maħruġ minn Stat Membru għall-identifikazzjoni tal-vettura fit-traffiku internazzjonali, sakemm is-sewwieq ikollu l-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva[37].

- Minflok, iċ- ċertifikat ta' reġistrazzjoni temporanja jista' jkun sostanzjalment differenti mill-mudell stipulat fid-Direttiva 1999/37/KE. L-Istati Membri l-oħrajn għandhom, fil-prinċipju, jagħrfu ċ-ċertifikat skond l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE.

Il-moviment liberu tal-vettura bil-mutur li ġġorr pjanċa u ċertifikat ta' reġistrazzjoni temporanji jista' jitwaqqaf biss għal raġunijiet marbuta mas-sikurezza fit-toroq (bħall-kapaċitajiet ta' sewqan tas-sewwieq, il-konformità tiegħu mar-regoli lokali tat-triq jew il-validità tal-vettura fit-triq), fil-każ ta' suspett raġonevoli ta' serq tal-vettura jew meta l-awtoritajiet li jagħmlu l-kontrolli jkollhom dubji raġonevoli dwar il-validità taċ-ċertifikat.

Barra minn hekk, is-sewwieqa huma rrakkomandati li jġorru l-"karta l-ħadra" li tikkonferma l-kopertura ta' l-assigurazzjoni mill-inqas fil-livell minimu obbligatorju meħtieġ mil-liġijiet tal-pajjiż li jinżar. Matul il-vjaġġ u sar-reġistrazzjoni finali tagħha fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, il-vettura għandha tkun koperta minn polza ta' l-assigurazzjoni maħruġa minn assiguratur awtorizzat biex jopera fl-Istat ta' l-oriġini tal-vettura. Madankollu, regola ġdida[38] li għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri sa mhux aktar tard mill-11 ta' Ġunju 2007, tispeċifika li fejn vettura tkun mibgħuta minn Stat Membru wieħed għal ieħor, l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju għandu jitqies l-Istat Membru tad-destinazzjoni, immedjatament wara li tkun aċċettata l-kunsinna mix-xerrej għal perjodu ta' tletin ġurnata, anke jekk il-vettura ma tkunx ġiet irreġistrata formalment fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Permezz ta' dan ix-xerrej tal-vettura jista' jikseb kopertura ta' l-assigurazzjoni fl-Istat Membru ta' residenza tiegħu anke jekk il-vettura għad għandha pjanċa ta' reġistrazzjoni barranija (pjanċa temporanja tal-pajjiż ta' l-oriġini). F'termini prattiċi, dan ifisser li l-assigurazzjoni għandha ssir fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Din l-assigurazzjoni tista' tiġi offruta minn intrapriżi ta' assigurazzjoni stabbiliti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu servizzi fl-Istat Membru tad-destinazzjoni grazzi għal provvista ħielsa ta' servizzi jew libertà ta' stabbiliment.

5. RIMEDJI

Kull deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jirrifjutaw l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura bil-mutur jew li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni tagħha għandha tiġi mgħarrfa lill-parti kkonċernata li se tkun, fl-istess waqt, infurmata bir-rimedji li huma disponibbli għaliha skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat u bil-limiti ta' żmien li huma permessi għall-eżerċizzju ta' dawn ir-rimedji[39].

Minbarra r-rimedji nazzjonali formali li huma disponibbli għall-persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni, ċ-ċittadini u l-intrapriżi jistgħu jfittxu soluzzjoni għal problemi ta' approvazzjoni tal-vettura jew ta' reġistrazzjoni tal-karozza permezz tan-netwerk SOLVIT[40].L-użu tas-sistema SOLVIT huwa bla ħlas.

Huwa possibbli wkoll li wieħed idur direttament lejn il-Kummissjoni Ewropea u jressaq ilment kontra xi Stat Membru. Il-Kummissjoni – jekk tqis li xi Stat Membru naqas milli jaqdi l-obbligu tiegħu taħt it-Trattat tal-KE – tista' tagħti bidu għall-proċedimenti ta' ksur kontra l-Istat Membru taħt l-Artikolu 226 KE. [pic][pic][pic]

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

[2] Proposta emendata għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati intenzjonati għal vetturi simili, COM(2003) 418, emendata b'COM (2004) 738.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU 203, 1.8.2002)

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 01.06.1999) kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE tat-23 ta' Diċembru 2003 (ĠU L 10, 16.1.2004).

[5] http://europa.eu.int/solvit/site/statistics/index_en.htm).

[6] Il-prinċipji tal-liġi tal-KE li bħalissa japplikaw għal taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozza u taxxi ta' ċirkolazzjoni huma stipulati f'dokument ta' tagħrif mill-Kummissjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-Ċittadin Ewropew fuq it-tassazzjoni tal-karozzi trasferiti fi ħdan il-Komunità jew użati regolarment fi vjaġġi transfruntiera, ippubblikat fuq http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/other_taxes/passenger_car/index_en.htm.

[7] Il-Kummissjoni adottat proposta dwar taxxi relatati mal-karozzi tal-passiġġiera [COM(2005)261 tal-5.7.2006]. Din il-proposta tipprevedi l-abolizzjoni gradwali tat-taxxi ta' reġistrazzjoni fuq perjodu tranżitorju ta' bejn ħames u għaxar snin, u sistema ta' ħlas lura għat-taxxi li jifdal fuq il-karozzi meta karozza rreġistrata fi Stat Membru wieħed tittieħed b'mod permanenti għar-reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor.

[8] Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar proċeduri għall-approvazzjoni tat-tip u r-reġistrazzjoni ta' vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor, ĠU C143, 15.5.1996, p. 4.

[9] Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE.

[10] i.e. kwalunkwe motoċikletta li taqa' taħt l-ambitu tad-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għandha x'taqsam ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti (Art. 1.)

[11] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen GmbH v Auto Service Leasing GmbH (ASL), Kawża C-451/99 (http://curia.europa.eu/en/content/juris/index.htm)

[12] Id-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, kif emendata.

[13] Id-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta' individwi, kif emendata.

[14] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2001, Paraskevas Louloudakis v Elliniko Dimosio, Kawża C-262/99.

[15] Id-direttivi applikabbli huma mniżżla fl-Anness IV, Parti I tad-Direttiva 70/156/KEE.

[16] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Mejju 1997, Proċedimenti amministrattivi miġjuba minn VAG Sverige AB, Kawża C-329/95.

[17] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital SL v Adminstración General del Estado, u Distribuidora de Televisión Digital SA (DTS), Kawża C-390/99.

[18] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v ir-Repubblika Portugiża, Kawża C-432/03.

[19] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v ir-Repubblika Franċiża, Kawża C-24/00.

[20] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Frar 2004, Proċeduri kriminali kontra John Greenham u Léonard Abel, Kawża C-95/01.

[21] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v ir-Repubblika Taljana, Kawża C-455/01.

[22] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ġunju 1986, Bernhard Schloh v. Auto contrôle technique SPRL, Kawża C 50/85, par. 14-16; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen GmbH v. Auto Service Leasing GmbH (ASL), par. 62.63.64.

[23] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen GmbH v. Auto Service Leasing GmbH (ASL), Kawża C-451/99.

[24] Kif stabbilit fl-Annessi I u II tad-Direttiva 1999/37/KE.

[25] L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE.

[26] L-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37/KE.

[27] Skond il-premessa (7) tad-Direttiva 1999/37/KE l-Istati Membri jużaw ċertifikat ta' reġistrazzjoni li jikkonsisti jew f'parti waħda jew f'żewġ partijiet separati, u "fil-preżent huwa xieraq li ż-żewġ sistemi jitħallew jeżistu kontemporanjament". Għaldaqstant, l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva, iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jikkonsisti jew f'parti waħda skond l-Anness I jew f'żewġ partijiet skond l-Annessi I u II. Ir-referenza għall-Parti II tapplika biss għall-Istati Membri li jsegwu s-sistema taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni b'żewġ partijiet separati (Parti I u Parti II).

[28] L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/37/KE.

[29] Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE ta' l-24 t'April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, u ta' l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, kif emendata.

[30] Kull sewwieq jista' jikseb l-Karta l-Ħadra mingħand l-assiguratur li jkun ħareġ għalih l-assigurazzjoni ta' responsabbiltà tal-karrozzi obbligatorja. Is-Sistema tal-Karta l-Ħadra ġiet introdotta fl-1953 taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u titmexxa mill-Kunsill tal-Bureaux. Il-Karta l-Ħadra tiċċertifika li s-sewwieq għandu mill-inqas l-assigurazzjoni li tkopri terzi persuni minima obbligatorja meħtieġa mil-liġijiet tal-pajjiżi li nżaru (għal aktar tagħrif, ara:http://www.cobx.org/public/NXhomeEng-Public.htm).

[31] Il-Ftehim bejn l-Uffiċċji ta' l-Assiguratur Nazzjonali ta' l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea ffirmat fit-30 ta' Mejju 2002, imsemmi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/564/KE tat-28 ta' Lulju 2003 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 72/166/KE [Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE ta' l-24 t'April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà], ĠU L 192, 31/07/2003, p. 0023-0039.

[32] In-Nazzjonijiet Uniti – Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, it-8 ta' Novembru 1968, kif emendata.

[33] Il-punt 18 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, Administration des douanes et droits indirects v Rioglass SA u Transremar SL, Kawża C-115/02.

[34] Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ottubru 2003, Proċeduri kriminali kontra Marco Grilli, Kawża C-12/02.

[35] L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE.

[36] L-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, ĠU L 149 tal-11.6.2005, p.14. Għandu jkun implimentat mill-Istati Membri mhux aktar tard mill-11 ta' Ġunju 2007.

[37] Id-Direttiva 1999/37 KE tapplika wkoll għal ċertifikati ta' reġistrazzjoni temporanji, li għandhom ikunu rikonoxxuti mill-Istati Membri bbażati fuq l-Artikolu 1,2 b), u l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

[38] L-artikolu 4 a l-ġdid imdaħħal fid-Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' vetturi bil-mutur mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005.

[39] L-Artikolu 12 tad-Direttiva 70/156/KEE.

[40] http://europa.eu.int/solvit/