52007SC0140

Rakkomandazzjoni għal opinjoni tal-Kunsill skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm aġġornat ta' konverġenza ta' Malta, 2006-2009 /* SEK/2007/0140 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.2.2007

SEG(2007) 140 finali

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm aġġornat ta' konverġenza ta' Malta, 2006-2009

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest ġenerali

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998, huwa bbażat fuq l-għan li jkun hemm finanzi tal-gvern sodi bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, u biex ikun hemm tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta' l-impjiegi. Ir-riforma ta' l-2005 tal-Patt għarfet l-utilità tiegħu li jankra d-dixxiplina fiskali, iżda fittxet li ssaħħah l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika[1], li huwa parti mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jissottomettu, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, programmi ta' stabbiltà jew konverġenza u l-aġġornamenti annwali tagħhom (l-Istati Membri li diġà adottaw il-munita waħdanija jissottomettu programmi (aġġornati) ta' stabbiltà u l-Istati Membri li għadhom m'adottawhiex jissottomettu programmi (aġġornati) ta' konverġenza). L-ewwel programm ta' konverġenza ta' Malta ġie sottomess f'Mejju 2004. Skond ir-Regolament, il-Kunsill esprima opinjoni dwaru fil-5 ta' Lulju 2004 fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Skond l-istess proċedura, programmi aġġornati ta' stabbiltà u konverġenza jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Kumitat imsemmi hawn fuq, filwaqt li l-Kunsill jista' jeżaminahom.

Il-kuntest għall-valutazzjoni tal-programm aġġornat

Il-Kummissjoni eżaminat l-aħħar aġġornament tal-programm ta' stabbiltà ta' Malta, sottomess fis-7 ta' Diċembru 2006, u adottat rakkomandazzjoni għal opinjoni tal-Kunsill dwaru (ara l-kaxxa bil-punti ewlenin koperti mill-valutazzjoni).

Sabiex jiġi stabbilit ix-xenarju li fih għandha ssir il-valutazzjoni ta' l-istrateġija baġitarja fil-programm aġġornat ta' konverġenza, il-paragrafi li ġejjin jispjegaw fil-qosor:

1. ir-rendiment ekonomiku u baġitarju tul l-aħħar għaxar snin;

2. il-qagħda tal-pajjiż fir-rigward tal-qasam korrettiv tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (il-proċedura għall-iżbilanċ eċċessiv);

3. l-aħħar valutazzjoni tal-qagħda tal-pajjiż fir-rigward tal-qasam preventiv tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (spjegazzjoni fil-qosor ta' l-opinjoni tal-Kunsill fuq l-aġġornament preċedenti tal-programm ta' konverġenza);

4. il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma ta' Ottubru 2006.

Ir-rendiment ekonomiku u baġitarju reċenti

Wara perjodu ta' tkabbir ekonomiku qawwi fit-tieni nofs tad-disgħinijiet, bejn l-2001 u l-2005, ir-rendiment ta' l-ekonomija Maltija batta b'mod konsiderevoli[2]. Għadilli kien hemm żviluppi ċikliċi mhux favorevoli li kkontribwew għal dan ir-riżultat, ċerti nuqqasijiet strutturali nazzjonali -imkabbrin mill-konċentrazzjoni settorjali fl-industrija tal-manifattura- wasslu progressivament għal telf fil-kompetittività esterna ta' Malta. Dan ġab miegħu tnaqqis fl-esportazzjonijiet u żieda qawwija fid-defiċit estern, li fl-2005 kien ta' xi 11% tal-PGD. Anki jekk l-istimi ta' tkabbir fil-produttività totali tal-fatturi (TFP) jistgħu jirriflettu l-aspett 'kwalitattiv' tal-fatturi ta' produzzjoni, jidher li t-TFP baxxa matul l-aħħar snin hija raġuni oħra li tispjega t-tkabbir ekonomiku dgħajjef ta' Malta. Fis-snin imgħoddija, Malta rreġistrat żbilanċ ġenerali tal-gvern. Minkejja l-bosta tentattivi li wasslu għal tnaqqis fil-proporzjoni bejn l-iżbilanċ u l-PGD sa mill-1998, l-aġġustament mhux dejjem kien wieħed permanenti. Għall-biċċa l-kbira tas-snin, l-aġġustament inkiseb permezz ta' dħul ogħla, iżda dan l-aħħar, l-aġġustament qed jinkiseb bil-kontroll tan-nefqa. Huwa mistenni li dan jgħin biex ikun hemm tisħiħ aktar fit-tul. Min-naħa l-oħra, minkejja s-suċċess fit-trażżin tan-nefqa kumplessiva f'dawn l-aħħar snin, ċerti elementi ta' nefqa –bħal dawk marbutin mal-kura tas-saħħa u mal-protezzjoni soċjali– segwew xejra 'l fuq bejn l-1998 u l-2004.

Il-proċedura għall-Malta dwar żbilanċ eċċessiv

Fil-5 ta' Lulju 2004, il-Kunsill addotta deċiżjoni li tistqarr li Malta kellha żbilanċ eċċessiv, skond l-Artikolu 104(6). Fl-istess ħin, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni skond l-Artikolu 104(7), li tispeċifika li l-iżbilanċ eċċessiv kellu jiġi kkoreġut sa l-2006. B'mod partikulari, il-Kunsill ħeġġeġ lil Malta biex timplimenta rigurożament miżuri mmirati biex tiġi rrazzjonalizzata u titnaqqas in-nefqa, speċjalment miżuri ta' karattru strutturali. Il-Kunsill irrikkomanda wkoll lil Malta li twaqqaf iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2005 u tnaqqasha mill-2006 'l quddiem.

Il-valutazzjoni fl-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm preċedenti

Fl-14 ta' Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-aġġornament preċedenti tal-programm ta' konverġenza, li jkopri l-perjodu bejn l-2005 u l-2008. Il-Kunsill kien tal-fehma li "l-programm huwa ġeneralment konsistenti mal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-2006". Il-Kunsill ħeġġeġ lil Malta biex "timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri baġitarji għall-2006 u tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv f'dik is-sena b'konformità mal-programm aġġornat ta' konverġenza, u tiżgura li jkompli t-tisħiħ baġitarju lejn l-għan fuq perjodu ta' żmien medju wara li jkun ġie kkorreġut id-defiċit eċċessiv", biex "tiżgura li mill-2006 'l quddiem il-proporzjon tad-dejn jinżel b'ritmu xieraq lejn il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD kif inhu stabbilit fit-Trattat", u biex "ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tkompli timxi 'l quddiem fit-tfassil u fit-twettiq tar-riforma tal-pensjonijiet" [ traduzzjoni mhux uffiċjali ].

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma ta' Ottubru 2006

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma ta' Malta, ipprovdut fil-kuntest ta' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, ġie ssottomess fil-15 ta' Ottubru 2006. Il-programm nazzjonali ta' riforma ta' Malta jidentifika bħala l-isfidi/l-prijoritajiet ewlenin: is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-kompetittività, l-ambjent, l-impjieg, u l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-valutazzjoni ta' dan il-programm min-naħa tal-Kummissjoni (adottata bħala parti mir-Rapport Annwali tal-Progress ta' Diċembru 2006[3]) uriet li Malta qiegħda tagħmel progress xieraq fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma. L-implimentazzjoni qiegħda tavvanza tajjeb ħafna fil-qasam tas-sostenibbiltà fiskali, meqjusa mill-awtoritajiet bħala element kruċjali għall-kisba ta' iktar tkabbir ekonomiku u impjiegi u għall-adozzjoni ta' l-euro. L-isforzi għall-implimentazzjoni fil-qasam mikro-ekonomiku u ta' l-impjiegi huma aktar moderati.

Fid-dawl tal-vantaġġi u tan-nuqqasijiet imsemmija, Malta ġiet imħeġġa biex tieħu azzjoni fl-oqsma li ġejjin: it-tisħiħ tal-kompetittività, it-tnaqqis fl-għajnuniet statali u r-riallokazzjoni tagħhom; l-attirazzjoni ta' aktar nies biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u t-twettiq ta' tibdiliet fis-sistema tat-taxxi u tal-benefiċċji.

Kaxxa: Il-punti ewlenin koperti mill-valutazzjoni Kif meħtieġ mill-Artikolu 5(1) (għall-programmi ta' stabbiltà) u mill-Artikolu 9(1) (għall-programmi ta' konverġenza) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tkopri l-punti li ġejjin: jekk is-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom huwa bbażat il-programm humiex plawżibbli; l-għan tal-baġit fuq medda ta' żmien medju (MTO) ippreżentat mill-Istati Membri, u jekk l-aġġustamenti humiex xierqa biex iwasslu għall-ilħiq ta' dan il-għan; jekk il-miżuri li qed jittieħdu u/jew qed jiġu proposti biex dawk l-aġġustamenti jkunu żgurati humiex biżżejjed biex jintlaħaq l-MTO tul iċ-ċiklu; fil-valutazzjoni tal-pjan ta' l-aġġustamenti lejn l-MTO, jekk sforz ta' aġġustament ogħla sarx fi żminijiet ekonomiċi tajbin, filwaqt li l-isforz jista' jkun limitat aktar fi żminijiet ekonomiċi diffiċli; u għall-Istati Membri taż-żona ta' l-euro u l-ERM II, jekk l-Istati Membri jsegwux titjib annwali tal-bilanċ aġġustat ċiklikament, nett mill-miżuri ta' darba jew oħrajn temporanji, ta' 0.5% tal-PGD bħala norma biex jintlaħaq l-MTO tagħhom; meta qed jitfassal il-pjan ta' l-aġġustamenti għall-MTO (għall-Istati Membri li għadhom ma laħquhx) jew meta titħalla ssir devjazzjoni temporanja mill-MTO (għall-Istati Membri li laħquh), l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti ta' ffrankar fl-ispejjeż fit-tul (inkluż biż-żieda fit-tkabbir potenzjali) u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi (soġġetta għall-kundizzjoni li jinżamm marġni ta' sikurezza xieraq fir-rigward tal-valur ta' referenza ta' 3% tal-PGD u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa' lura għall-MTO tul il-perjodu tal-programm), b'attenzjoni speċjali tingħata lir-riformi fil-pensjonijiet bl-introduzzjoni ta' sistema msejsa fuq diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat totalment; jekk il-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri humiex konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika. Il-plawżibbiltà tas-suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi tal-programm tiġi vvalutata b'riferenza għat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2006, bl-użu ta' metodoloġija miftiehma għall-istimi tat-tkabbir potenzjali u l-bilanċi aġġustati ċiklikament. Il-valutazzjoni tal-konsistenza tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ssir fl-isfond tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika fil-qasam tal-fondi pubbliċi, kif inkluża fil-linji gwida integrali għall-perjodu 2005-2008. Il-valutazzjoni teżamina wkoll: l-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn u l-qagħda tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, li għandha tingħata "biżżejjed attenzjoni fis-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji" skond ir-rapport tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2005 dwar "It-titjib fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir." Komunkazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 tistipula approċċ għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul[4]; il-livell ta' integrazzjoni fil-programm nazzjonali ta' riforma, imressaq mill-Istati Membri fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. F'nota ddatata 7 ta' Ġunju 2005 lill-Kunsill Ewropew dwar il-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika għall-perjodu 2005-2008, il-Kunsill ECOFIN stqarr li l-programmi nazzjonali ta' riforma għandhom ikunu konsistenti mal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza; il-konformità mal-kodiċi ta' l-imġiba[5], li fost l-oħrajn jippreskrivi struttura komuni u sensiela ta' skedi tad-dejta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza. |

- Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm aġġornat ta' konverġenza ta' Malta, 2006-2009

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet dwar il-baġit u s-sorveljanza u l-koordinament tal-politika ekonomika[6], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

5. Fis-27 ta' Frar 2007, il-Kunsill eżamina l-programm aġġornat ta' konverġenza ta' Malta, għall-perjodu bejn l-2006 u l-2009.

6. Skond ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat il-programm, it-tkabbir reali fil-PGD se jkun qrib 3% matul il-perjodu tal-programm. Fid-dawl tat-tagħrif disponibbli bħalissa, jidher li dan ix-xenarju huwa bbażat fuq suppożjonijiet favorevoli ta' tkabbir għall-2007, u favorevoli ħafna mill-2008 'l quddiem, fuq kollox minħabba l-evoluzzjoni ottimista tas-settur estern fuq medda ta' żmien medju. Jekk l-esportazzjoni netta fuq medda ta' żmien medju jkunu inqas favorevoli milli huwa mbassar fil-programm, l-iżbilanċ estern irreġistrat f'dawn l-aħħar snin jista' jkompli jiżdied.

7. Għall-2006, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa stmat li jkun 2.9% tal-PGD fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2006, imqabbla ma' mira ta' 2.7% tal-PGD stipulata fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' stabbiltà. Ir-riżultat stmat għall-2006 fl-aġġornament il-ġdid (2.6% tal-PGD) huwa inqas minn dak previst fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2006, u jidher plawżibbli fid-dawl ta' tagħrif reċenti dwar it-tkabbir fil-PGD u ta' dejta dwar finanzi pubbliċi f'termini kontanti.

8. L-istrateġija baġitarja deskritta fl-aġġornament timmira li tnaqqas l-iżbilanċ sa inqas mill-valur ta' referenza ta' 3% tal-PGD fl-2006, u li tkompli t-tisħiħ fiskali mill-2007 'l quddiem. L-aġġornament ibassar tnaqqis gradwali fl-iżbilanċ ġenerali tal-gvern, li jwassal għal baġit ġeneralment ibbilanċjat sa l-2009. Fid-dawl tat-tnaqqis imbassar fil-piż ta' l-imgħax, il-bilanċ primarju mistenni li jilħaq 3¼ % tal-PGD sa l-2009. L-aġġustament se jinkiseb permezz ta' riduzzjoni fil-proporzjon tan-nefqa primarja ta' kważi 5¾ punti perċentwali tal-PGD, li tisboq sew it-tnaqqis fil-proporzjon tad-dħul ta' kważi 3¾ punti perċentwali tal-PGD. Minkejja s-suċċess fit-trażżin ta' l-infiq kumplessiv, f'dawn l-aħħar snin l-infiq għall-kura tas-saħħa segwa xejra 'l fuq. Se jkun hemm inqas teħid ta' miżuri ta' darba biex jitnaqqas l-iżbilanċ milli fl-imgħoddi reċenti. Il-programm jikkonferma ġeneralment l-aġġustar baġitarju nominali ppjanat fl-aħħar aġġornament, f'xenarju makroekonomiku ħafna aktar favorevoli.

9. L-iżbilanċ strutturali (jiġifieri l-iżbilanċ aġġustat ċiklikament nett mill-miżuri ta' darba u temporanji) ikkalkulat skond il-metodoloġija miftiehma, huwa mistenni li jitjieb minn xi 3% tal-PGD fl-2006 sa ½% tal-PGD fi tmiem il-perjodu tal-programm. L-istess bħal fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' konverġenza, l-għan tal-baġit fuq medda ta' żmien medju (MTO) mressqa fil-programm hija ta' pożizzjoni bbilanċjata f'termini strutturali, għalkemm il-programm il-ġdid ma jimmirax li jikseb l-MTO matul il-perjodu tal-programm. Minħabba li l-MTO tal-programm jitlob iktar min-norma minima (stmata bi żbilanċ ta' madwar 1¾% tal-PGD), l-ilħuq ta' l-MTO għandu jissodisfa l-mira li jipprovdi marġni ta' sikurezza kontra l-okkorrenza ta' żbilanċ eċċessiv. L-MTO jinsab fil-limitu indikat għall-Istati Membri taż-żona ta' l-euro u l-ERM II fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u fil-kodiċi ta' l-imġiba, u jirrifletti b'mod adegwat il-proporzjon tad-dejn u medja tat-tkabbir potenzjali f'medda ta' żmien fit-tul.

10. Ir-riskji għall-previżjonijiet baġitarji tal-programm jidhru li għall-2007 huma ġeneralment ibbilanċjati, iżda r-riżultati baġitarji mill-2008 'l quddiem jistgħu jkunu agħar minn dawk imbassrin fil-programm. Dan huwa minħabba tkabbir favorevoli fil-PGD imbassar għall-2007, kif ukoll minħabba xenarju makroekonomiku favorevoli ħafna għall-2008-09 li fuqu huma bbażati t-tbassiriet ta' l-aġġornament (anki jekk il-previżjonijiet dwar it-taxxi għal dawn it-tliet snin jidhru prudenti). Barra minn hekk, ma jingħata l-ebda detall dwar l-istrateġija ta' l-aġġustament għal wara l-2007, sitwazzjoni li żżid ir-riskji marbutin mat-tisħiħ fiskali ppjanat.

11. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni tar-riskji, il-qagħda baġitarja fil-programm tidher koerenti ma' korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2006, kif ġie rrikkomandat mill-Kunsill. Tidher ukoll li tipprovdi marġni ta' sigurtà suffiċjenti kontra l-ksur tat-3% tal-limitu ta' żbilanċ tal-PGD b'varjazzjonijiet makro-ekonomiċi normali mill-2008 'l quddiem. Fis-snin ta' wara l-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv, ir-ritmu ta' l-aġġustament lejn l-MTO implikat mill-programm huwa ġeneralment konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jispeċifika li, għall-Istati Membri taż-żona ta' l-euro u ta' l-ERM II, it-titjib annwali fil-bilanċ strutturali għandu jkun ta' 0.5% tal-PGD bħala norma, u li l-aġġustament għandu jkun ogħla fi żminijiet ekonomiċi tajbin u jista' jkun inqas fi żminijiet ekonomiċi diffiċli.

12. Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat li laħaq 68¾% tal-PGD fl-2006, 'il fuq mis-60% tal-valur ta' referenza tal-PGD msemmi fit-Trattat. Il-programm jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn jonqos bi 8¾ punti perċentwali tal-PGD matul il-perjodu tal-programm. Meta wieħed iqis ir-riskji għall-miri baġitarji msemmija aktar 'il fuq, jista' jkun li l-proporzjon tad-dejn jevolvi b'mod anqas favorevoli minn kif inhu pproġettat. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni tar-riskji, il-proporzjon tad-dejn jidher li qed jonqos biżżejjed lejn il-valur ta' referenza matul il-perjodu tal-programm.

13. Dan l-aħħar, Malta daħħlet fis-seħħ riforma fil-pensjonijiet bil-għan illi ttella' l-età ta' l-irtirar kif ukoll il-livell tal-pensjonijiet.B'konsegwenza ta' dan, ċerti stimi fil-programm jissuġġerixxu li l-infiq fuq il-pensjonijiet se jkunu ogħla, sitwazzjoni li kieku twassal għal żieda ikbar fl-infiq marbut ma' l-età, qrib il-medja ta' l-UE. Minkejja li r-ritmu se jkun aktar kajman milli tradizzjonalment, il-previżjonijiet għall-infiq fuq il-kura tas-saħħa juru żieda ta' madwar 1¾ punti perċentwali tal-PGD f'terminu ta' żmien fit-tul, jekk it-tendenzi attwali jkomplu kif inhuma. Il-qagħda baġitarja attwali ma tkunx tiżgura tnaqqis stabbli tad-dejn sa inqas mill-valur ta' referenza msemmi fit-Trattat. Għaldaqstant, it-titjib tal-qagħda baġitarja kif ipproġettat fil-programm għandu jgħin biex inaqqas ir-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Kollox ma' kollox, Malta tidher li tinsab esposta għal riskju medju rigward is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

14. Il-programm ta' konverġenza ma fihx valutazzjoni kwalitattiva ta' l-impatt kumplessiv tar-rapport ta' 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma fl-istrateġija fiskali ta' terminu medju. Madankollu, jipprovdi informazzjoni sistematika dwar l-ispejjeż jew l-iffrankar baġitarji diretti tar-riformi ewlenin maħsuba fil-programm nazzjonali ta' riforma, filwaqt li l-previżjonijiet baġitarji iqisu espliċitament l-implikazzjonijiet għall-finanzi pubbliċi ta' l-azzjonijiet imsemmija fil-programm. Il-miżuri fil-qasam tal-finanzi pubbliċi ppjanati fil-programm ta' l-istabbiltà jidhru li huma konsistenti ma' dawk maħsuba fil-programm nazzjonali ta' riforma. B'mod partikulari, iż-żewġ programmi jimmiraw it-twettiq tar-riforma fil-pensjonijiet, filwaqt li l-programm ta' konverġenza jipprovdi dettalji dwar ir-riforma fit-taxxi mħabbra fil-programm nazzjonali ta' riforma.

15. L-istrateġija baġitarja fil-programm hija ġeneralment konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika inklużi fil-linji gwida integrali għall-perjodu 2005-2008.

16. Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dejta speċifikati fil-kodiċi ta' l-imġiba għal programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi nuqqasijiet fid-dejta rekwiżita u f'dik mhux obbligatorja[7].

Il-konklużjoni ġenerali hija li l-programm huwa koerenti ma' korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv fl-2006, u għas-snin ta' wara, il-programm ibassar progress xieraq lejn l-MTO, f'kuntest ta' prospetti tajba ta' tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn imbassar mill-programm jidher li qed jonqos b'rimtu sodisfaċenti lejn il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD. Madankollu, il-kisba tal-miri baġitarji wara l-2007 fiha xi riskji. Huwa importanti li tinżamm pożizzjoni baġitarja b'saħħitha biex ma tkunx milquta minn riverżjonijiet possibbli tar-ritmu ta' tkabbir qawwi mbassar, speċjalment fid-dawl taż-żieda reċenti ta' żbilanċi esterni. Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, Malta qiegħda tiġi mistiedna biex:

(i) tkompli bi progress xieraq lejn l-MTO u tiżgura li dan jirrefeletti ruhu f'tnaqqis fil-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD, filwaqt illi tippreċiża l-istrateġija baġitarja, speċjalment in-naħa ta' l-infiq, b'perspettiva itwal ta' żmien;

(ii) fid-dawl tal-livell ta' dejn u ż-żieda mbassra fl-infiq marbut ma' l-età, ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tikseb l-MTO u tagħmel iktar progress fit-tfassil u fit-twettiq tar-riforma fis-sistema tal-kura tas-saħħa.

Tqabbil tal-projezzjonijiet ewlenin makro-ekonomiċi u tal-baġit

2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

PGD reali (% tibdil) | PK Diċ 2006 | 2.2 | 2.9 | 3.0 | 3.1 | 3.1 |

COM Nov 2006 | 2.2 | 2.3 | 2.1 | 2.2 | m.a. |

PK Jan 2006 | 0.9 | 1.1 | 1.2 | 2.0 | m.a. |

Inflazzjoni HICP (%) | PK Diċ 2006 | 2.5 | 3.1 | 2.2 | 2.1 | 2.0 |

COM Nov 2006 | 2.5 | 3.0 | 2.6 | 2.4 | m.a. |

PK Jan 2006 6 | 2.8 | 3.1 | 2.5 | 1.9 | m.a. |

Differenza bejn produzzjoni effettiva u potenzjali (% tal-PGD potenzjali) | PK Diċ 20061 | -2.8 | -2.1 | -1.3 | -0.3 | 0.9 |

COM Nov 20065 | -2.1 | -1.4 | -1.1 | -0.5 | m.a. |

PK Jan 20061 | -2.9 | -3.7 | -4.2 | -4.4 | m.a. |

Bilanċ ġenerali tal-gvern (% tal-PGD) | PK Diċ 2006 | -3.2 | -2.6 | -2.3 | -0.9 | 0.1 |

COM Nov 2006 | -3.2 | -2.9 | -2.7 | -2.9 | m.a. |

PK Jan 2006 | -3.9 | -2.7 | -2.3 | -1.2 | m.a. |

Bilanċ primarju (% tal-PGD) | PK Diċ 2006 | 0.8 | 1.1 | 1.1 | 2.5 | 3.2 |

COM Nov 2006 | 0.8 | 0.9 | 0.7 | 0.6 | m.a. |

PK Jan 2006 | 0.3 | 1.4 | 1.5 | 2.4 | m.a. |

Bilanċ aġġustat ċiklikament (% tal-PGD) | PK Diċ 20061 | -2.2 | -1.8 | -1.8 | -0.8 | -0.2 |

COM Nov 2006 | -2.4 | -2.3 | -2.3 | -2.7 | m.a. |

PK Jan 20061 | -2.8 | -1.3 | -0.7 | 0.4 | m.a. |

Bilanċ strutturali2 (% tal-PGD) | PK Diċ 20063 | -3.8 | -2.9 | -2.0 | -1.0 | -0.4 |

COM Nov 20064 | -4.0 | -3.5 | -2.5 | -2.7 | m.a. |

PK Jan 2006 | -3.8 | -2.3 | -1.4 | 0.3 | m.a. |

Dejn gross tal-gvern (% tal-PGD) | PK Diċ 2006 | 74.2 | 68.3 | 66.7 | 63.2 | 59.4 |

COM Nov 2006 | 74.2 | 69.6 | 69.0 | 68.6 | m.a. |

PK Jan 2006 | 76.7 | 70.8 | 68.9 | 67.3 | m.a. |

Noti: 1 Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni abbażi ta' l-informazzjoni fil-programm. 2 Bilanċ aġġustat ċiklikament (bħal fir-ringieli ta' qabel) mingħajr il-miżuri ta' darba u oħrajn temporanji. 3 Miżuri ta' darba u oħrajn temporanji meħuda mill-programm (1.6% tal-PGD fl-2005, 1.1% tal-PGD fl-2006, 0.2% tal-PGD fl-2007, 0.2% tal-PGD fl-2008, u 0.2% tal-PGD fl-2009; kollha għar-riduzzjoni ta' l-iżbilanċ). 4 Miżuri ta' darba u oħrajn temporanji meħuda mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2006 (1.6% tal-PGD fl-2005, 1.1% tal-PGD fl-2006, 0.2% tal-PGD fl-2007, 0% tal-PGD fl-2008; kollha għar-riduzzjoni ta' l-iżbilanċ). 5 Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 2.2%, 1.7%, 1.7% u 1.6% rispettivament fil-perjodu 2005-2008. 6 Il-figuri tal-PK ta’ Jannar 2006 jikkorrispondu ma' l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Sors: Il-Programm ta' Konverġenza (KP); Tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2006 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni. |

[1] ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 07.07.2005, p. 1). Id-dokumenti kollha li għalihom jirreferi dan it-test huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit:

http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[2] Fis-7 ta' Diċembru 2006, l-awtoritajiet Maltin bagħtu lill-Eurostat dejta ġdida dwar il-PGD mill-1995, li turi –fir-rigward tal-figuri ppubblikati f'Settembru 2006– reviżjonijiet 'l isfel fil-livelli tal-PGD nominali sa xi l-1% bejn l-1996 u l-2003. Għall-2004 u l-2005, il-PGD nominali ġie rrivedut 'il fuq b' 0.4% u 0.9% rispettivament, waqt li għall-ewwel nofs ta' l-2006, ir-reviżjoni tikkorrispondi għal 1.1%. Dawn ir-reviżjonijiet saru fil-qafas tal-proċess normali ta' assessjar tal-konformità mal-prattiċi statistiċi tal-Eurostat. Fil-valutazzjoni tagħha tal-programm aġġornat, il-Kummissjoni użat l-aktar ċifri reċenti.

[3] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, "L-Implimentazzjoni ta' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impiegi - sena ta' twettiq", 12.12.2006, KUMM(2006) 816.

[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, "Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi ta' l-UE", 12.10.2006, KUMM(2006)574; u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (2006), "The long-term sustainability of public finances in the European Union", European Economy, Nru. 4/2006.

[5] “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku u l-linji gwida dwar il-forma u l-kontenut ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza”, approvati mill-Kunsill ta’ l-ECOFIN tal-11 ta’ Ottubru 2005.

[6] ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 07.07.2005, p. 1). Id-dokumenti kollha li għalihom jirreferi dan it-test huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit:

http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[7] Konkretament, mhijiex ipprovduta d-dejta marbuta mal-bilanċi settorjali, b'mod partikulari t-tbassiriet tas-self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja għas-snin 2006-2009, kif ukoll l-impjieg u l-produttività tax-xogħol fi sigħat maħduma.