27.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 285/1


RAPPORT SPEĊJALI Nru 5/2007

dwar l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

(skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sotto-paragrafu, KE)

(2007/C 285/01)

WERREJ

ABBREVJAZZONIJIET

I-VIII

SOMMARJU

1-7

INTRODUZZJONI

8-10

L-AMBITU U L-APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

11-60

OSSERVAZZJONIJIET

11-27

Nuqqasijiet fil-gwida strateġika fil-proċess ta' l-ipprogrammar

11-19

CSPs ifformulati b'mod wiesa' ħafna, l-MIPs mingħajr prijoritajiet ċari, nuqqas ta' gwida effettiva ta' l-għajnuna

20

Nuqqasijiet fil-gwida strateġika waslu għal problemi ta' implimentazzjoni

21-27

Assistenza diretta mill-ġdid mill-appoġġ għall-investiment għall-bini ta' l-istituzzjoni

28-41

Strutturi ta' l-immaniġġjar effiċjenti jassiguraw kunsinna mgħaġġla ta' l-għajnuna iżda l-kapaċità amministrattiva nazzjonali kienet sfidata

28-37

Strutturi ta' l-immaniġġjar mhux dejjem adattati

38-41

Għajnuna kkunsinjata rapidament iżda mingħajr ma ttieħdet in konsiderazzjoni suffiċjentament il-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi riċevituri

42-54

L-approċċ ta' l-immaniġġjar tal-Kummissjoni ma kienx iwassal biex iżid ir-responsabbilità tal-pajjiżi riċevituri

45-52

Responsabbilitajiet limitati tal-pajjiż riċevitur fl-identifikazzjoni tal-proġett u fil-fażijiet ta' sejħiet għall-offerti

53-54

Nuqqas ta' responsabbiltà tal-pajjiż ta' koordinazzjoni tad-donatur

55-60

Approċċ inkonsistenti lejn il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

61-70

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

61

Kemm kien effettiv l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS?

62-64

Kemm kienet adattata u koerenti l-gwida stateġika li tidderieġi l-programmi?

65-67

Kemm kienu adattati u effiċjenti l-approċċi stabbiliti u użati mill-Kummissjoni?

68-69

Sa liema punt il-proġetti ffinanzjati nkoraġġew ir-responsabbilità tal-pajjiż riċevitur?

70

Kemm kienu effettivi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni biex jidentifikaw nuqqasijiet u jxerrdu informazzjoni, u kemm kienet f'waqtha l-azzjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni?

Ir-risposti tal-Kummissjoni

ABBREVJAZZONIJIET

ADF

Fond għall-Iżvilupp Albaniż

BiH

Bosnja u Ħerzegovina

CARDS

Assistenza tal-Komunità għar-Rikostruzzjoni, Żvilupp u Stabbilizzazzjoni

CFCU

Finanzi Ċentrali u Unità ta' Kuntrattazzjoni

CSP

Karta strateġika tal-Pajjiż

DĠ ELARG

Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir

DĠ RELEX

Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni

EAR

Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni

KE

Kummissjoni Ewropea

ECPA

Missjoni ta' Assistenza tal-Pulizija tal-Kummissjoni Ewropea għall-Albanija

EURALIUS

Missjoni ta' Assistenza Ewropea lis-Sistema Ġudizzjarja Albaniża

FRY

Repubblika Federali tal-Jugoslavja

FYROM

Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

HQ

Kwartier Ġenerali

IPA

Strument ta' Qabel l-Adeżjoni

KFOR

Forza tal-Kosovo mmexxija min-NATO

MIP

Programm Indikattiv MultiAnnwali

NU

Nazzjonijiet Uniti

OSCE

Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa

OVI

Indikaturi Verifikabbli Oġġettivament

ROM

Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultat

SAI

Istituzzjoni Suprema tal-Verifika

SAp

Proċess ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni

SR

Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri

UE

Unjoni Ewropea

UNMIK

Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo

WB

Bank Dinji

SOMMARJU

I.

L-objettivi prinċipali tal-programm “Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, Żvilupp u Stabbilizzazzjoni” (CARDS) huma sabiex jikkontribwixxi għall-partiċipazzjoni tar-riċevituri fil-Proċess ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni (SAp) u biex iżid ir-responsabbiltà tal-pajjiżi u l-entitajiet Balkani tal-Punent b'relazzjoni ma' dak il-proċess. CARDS kien iddisinjat biex jinkoraġġixxi riforma sostenibbli u kompatibbli ma' l-UE, jikkonsolida l-istabilità u jressaq aktar fil-qrib ir-reġjun ma' l-Unjoni Ewropea. Għall-perijodu ta' l-2000-2006 il-programm kellu allokazzjoni tal-baġit ta' aktar minn 5 000 miljun euro (ara l-paragrafi 1 sa 7).

II.

Il-Qorti vverifikat il-programm CARDS biex tikkonkludi fuq l-effettività ta' l-immaniġġjar tal-Kummissjoni. Dan sar billi evalwat (ara l-paragrafu 8):

a)

jekk il-gwida strateġika li tidderiġi l-programm kinitx adattata u koerenti;

b)

jekk l-approċċi ta' l-immaniġġjar stabbiliti u użati mill-Kummissjoni kinux adattati u effiċjenti;

c)

jekk il-proġetti ffinanzjati mill-programm inkoraġġixxewx ir-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur; u

d)

jekk il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kinux effettivi biex jidentifikaw nuqqasijiet u biex ixerrdu s-sejbiet tagħhom, u l-azzjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni kinitx f'waqtha.

III.

Il-gwida strateġika tal-Kummissjoni kienet ġenerali ħafna. Din kienet adattata għall-fażi ta' rikostruzzjoni iżda mhux għall-objettivi l-aktar ta' sfida tal-bini ta' l-istituzzjonijiet. Il-karti strateġiċi tal-pajjiż ma kinux jipprovdu orjentazzjoni suffiċjenti, partikolarment għaliex huma ma kinux sostnuti minn strateġiji settorali f'waqthom. Il-programmi indikattivi multiannwali ma tawx prijorità bejn jew fl-oqsma differenti ta' intervent. L-isħubiji Ewropej introdotti fl-2004 ma kinux użati biex itejbu l-gwida għas-selezzjoni ta' l-azzjonijiet (ara l-paragrafi 11 sa 27).

IV.

Fil-passat l-assistenza mill-UE lill-Balkani tal-Punent soffriet minn ko-eżistenza ta' tliet bażijiet legali differenti, implimentazzjoni bil-mod tal-programmi u ċentralizzazzjoni eċċessiva. Ir-Regolament CARDS għaqqad il-bażijiet legali. Il-Kummissjoni għamlet suċċess ukoll li tassigura li l-għajnuna kienet imwassla malajr għalkemm dan xi drabi għall-ispejjeż tal-kapaċità tal-pajjiżi benefiċjarji biex jibbenefikaw mill-għajnuna. Il-Kummissjoni użat erba' approċċi ta' immaniġġjar differenti. Iż-żewġ approċċi prinċipali — Delegazzjonijiet devoluti u l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) — kienu effettivi u adattati ħafna (ara l-paragrafi 28 sa 41).

V.

Filwaqt li r-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur kienet ikkunsidrata prijorità mill-Kummissjoni, ma kienx hemm approċċ konsistenti biex tintlaħaq din il-mira u l-approċċi ta' l-immaniġġjar wżati ma kinux jinkoraġġixxu tali responsabbiltà (ara l-paragrafi 42 sa 54).

VI.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kienu tajbin f'partijiet, imma kien hemm inkonsistenzi bejn id-Delegazzjonijiet u l-EAR. Nuqqas ta' indikaturi tal-proġetti adegwati kkompromettew l-effettività tal-monitoraġġ (ara l-paragrafi 55 sa 60).

VII.

Il-Qorti tikkonkludi li l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS kienet fil-parti l-kbira ta' suċċess fil-kontribuzzjoni għall-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni fil-pajjiżi riċevituri. Madanakollu, l-għajnuna kienet anqas effettiva biex ittejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi, minħabba konċentrazzjoni inizjalment baxxa fuq il-bini ta' l-istituzzjonijiet u kapaċità insuffiċjenti tal-pajjiż riċevitur li jassorbi l-assistenza provduta (ara l-paragrafi 61 sa 70).

VIII.

Ir-Regolament CARDS spiċċa fl-2006 u l-istrument il-ġdid għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni daħal fis-seħħ fl-2007. Il-Qorti tirrakomanda li l-Kummissjoni: ittejjeb il-gwida strateġika tagħha, tassigura li l-ħeffa ta' l-implimentazzjoni tieħu in konsiderazzjoni b'mod sħiħ l-abilità tal-benefiċjarji li jassorbu l-assistenza, tistabbilixxi strateġija effettiva biex tassigura r-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur; u testendi l-aħjar prattika fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (ara l-paragrafi 61 sa 70).

INTRODUZZJONI

1.

CARDS huwa akronimu għall-“Assistenza tal-Komunità għar-Rikostruzzjoni, Żvilupp u Stabbilizzazzjoni”. Il-programm CARDS (1) ikopri l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ġejjin: l-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (FRY) u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dwar l-assistenza lill-FRY u lis-suċċessur tagħha l-Istat Unit tas-Serbja u l-Montenegro (2), il-programm CARDS kien maqsum fi tliet programmi annwali: Serbja (3), Kosovo u Montenegro.

2.

CARDS huwa parti mill-istrateġija ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Balkani tal-Punent, li ħareġ b'reazzjoni għall-gwerrer f'dik li qabel kienet il-Yogoslavja matul is-snin disgħin. L-istrateġija ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni kkaratterizzat it-tmiem ta' kunflitt militari, il-bidu ta' rikostruzzjoni fiżika u tnehid ekonomiku mill-ġdid tal-pajjiżi (jiġifieri l-istabbilizzazzjoni) u rabtiet aktar mill-qrib li dejjem jiżdiedu ma' l-Unjoni Ewropea (jiġifieri l-adeżjoni). Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2000 kienet espliċita li din l-integrazzjoni tista' fl-aħħarnett tfisser sħubija ma' l-Unjoni Ewropea.

3.

Il-preambolu tar-Regolament CARDS jiddeskrivi l-objettiv prinċipali ta' l-assistenza: “L-assistenza Komunitarja eżistenti għandha tespandi u tiġi diretta mill-ġdid biex tiġi aġġustata għall-għanijiet politiċi ta' l-Unjoni Ewropea għar-reġjun u, b'mod partikulari, biex tikkontribwixxi għall-proċess ta' l-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni u żżid ir-responsabbiltà tal-pajjiżi riċevituri u l-entitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' dak il-proċess.” Ukoll, skond ir-Regolament id-dimensjoni reġjonali ta' l-assistenza Komunitarja għandha tingħata attenzjoni speċjali.

4.

Il-proċess ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni (SAp) huwa sħubija progressiva li fih l-UE toffri taħlita ta' konċessjonijiet tas-suq (Miżuri tas-Suq Awtonomu), assistenza ekonomika u finanzjarja (il-Programm CARDS) u relazzjonijiet kuntrattwali (Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Adeżjoni).

5.

Fil-perijodu mis-sena 2000 sas-sena 2006 il-programm CARDS kellu baġit totali ta' 'il fuq minn 5 000 miljun euro, il-parti l-kbira għall-appoġġ ta' l-investiment u għall-bini ta' l-istituzzjoni. Il-popolazzjoni totali fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent hija madwar 24 miljun. Għalhekk l-allokazzjoni CARDS tirrappreżenta appoġġ annwali ta' 30 euro per capita li turi l-importanza politika li l-UE tagħti lir-reġjun (4).

6.

L-oqsma prinċipali ta' intervent tal-programm CARDS huma:

a)

rikostruzzjoni, stabbilizzazzjoni demokratika, rikonċiljazzjoni u r-ritorn tar-refuġjati;

b)

żvilupp istituzzjonali u leġiżlattiv; inklużi l-armonizzazzjoni man-normi u l-approċċi ta' l-Unjoni Ewropea, it-tisħiħ tad-demokrazija u l-liġi, id-drittijiet umani, is-soċjetà ċivili u l-medja u l-operat tas-suq liberu;

ċ)

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, inkluża r-riforma strutturali;

d)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet iktar mill-qrib u koperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi, bejniethom, l-UE u l-pajjiżi (li kienu) kandidati ta' l-Ewropea ċentrali.

7.

Fil-Kummissjoni Ewropea l-immaniġġjar tal-programm CARDS, sa kmieni fl-2005, kien ir-responsabbiltà konġunta tad-Direttorat-Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (DĠ RELEX) u l-Uffiċċju ta' Koperazzjoni fl-Għajnuna Ewropea. Id-DĠ RELEX kien responsabbli għar-relazzjonijiet politiċi u l-iżvilupp strateġiku bħal preparazzjoni tal-karti strateġiċi tal-pajjiż u l-programmi indikattivi multiannwali. L-Uffiċċju ta' Kooperazzjoni fl-Għajnuna Ewropea kien responsabbli għall-immaniġġjar tal-programmi annwali. Kmieni fl-2005 id-Direttorat Ġeneral għat-Tkabbir (DĠ ELARG) ħa r-responsabbilità għaċ-ċiklu kollu tal-proġett mill-formulazzjoni tal-politika u l-ipprogrammar sa l-implimentazzjoni.

L-AMBITU U L-APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

8.

L-iskop tal-verifika tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri kien li tevalwa fuq l-effettività ta' l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS. L-objettivi prinċipali tal-verifika kienu li jikkonkludu sa liema punt:

a)

il-gwida strateġika li tidderieġi l-programm kienet adattata u koerenti;

b)

l-approċċi ta' l-immaniġġjar stabbiliti u użati mill-Kummissjoni kienu adattati u effiċjenti;

ċ)

il-proġetti ffinanzjati mill-programm inkorraġġew ir-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur;

d)

il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kienu effettivi biex jidentifikaw nuqqasijiet u jxerrdu s-sejbiet tagħhom, u l-azzjoni sussegwent meħuda mill-Kummissjoni kienet f'waqtha.

9.

Ix-xogħol tal-verifika kien jinkludi reviżjoni tad-dokumenti strateġiċi u ta' l-ippjanar, tal-linji gwida u tar-rapporti. Ma' dan kampjun soġġettiv tal-proġetti CARDS (Anness) matul il-perijodu 2002-2005 kien eżaminat.

10.

Il-verifika eżaminat ukoll ir-rapporti ta' l-evalwazzjoni relevanti, ippreparati f'isem il-Kummissjoni, inkluża l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm CARDS (5), li kienet tlestiet f'Ġunju 2004 — kif ukoll l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-Kummissjoni. Il-Qorti kkonkludiet li huma provdew bażi suffiċjenti biex tuża r-riżultati bħala evidenza korroborattiva għas-sejbiet tal-verifika tagħha stess (6).

OSSERVAZZJONIJIET

Nuqqasijiet fil-gwida strateġika fil-proċess ta' l-ipprogrammar

CSPs ifformulati b'mod wiesa' ħafna, l-MIPs mingħajr prijoritajiet ċari, nuqqas ta' gwida effettiva ta' l-għajnuna

11.

Ir-Regolament CARDS jipprovdi l-bażi legali għall-karti strateġiċi prinċipali użati għall-assistenza CARDS: “L-assistenza Komunitarja għandha tiġi rregolata minn qafas strateġiku u bi programmar annwali u multiannwali, li jiġi mressaq għal opinjoni quddiem il-kumitat maniġerjali mwaqqaf minn dan ir-Regolament.”

12.

Il-Qorti evalwat sa fejn il-programm CARDS kien irregolat minn gwida strateġika adattata u mmexxi lejn il-bżonn speċifiku tal-pajjiżi involuti filwaqt li jibqa' koerenti ma' l-objettivi regolatorji definiti tal-programm u l-SAp f'sens l-aktar wiesa' tiegħu.

13.

Skond ir-regolament CARDS il-Kummissjoni ddefinit qafas strateġiku għall-pajjiżi Balkani tal-Punent, b'karti strateġiċi tal-pajjiż (CSPs) għal kull pajjiż individwali, u karta strateġika reġjonali, ippreparati filwaqt li ttieħdu in konsiderazzjoni l-pajjiżi riċevituri kollha. Kif meħtieġ mill-qafas regolatorju l-Kummissjoni pproduċiet żewġ programmi indikattivi multiannwali (MIPs), wieħed għal kull pajjiż u wieħed għal programm bejn l-istat reġjonali għall-perijodi 2002-2004 u 2005-2006.

14.

Fl-2004 — fl-aħħar ta' l-ewwel perijodu ta' l-MIP — dokumenti għall-isħubija Ewropea li kienu jkopru l-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, u s-Serbja u l-Montenegro inkluż il-Kosovo (7) kienu approvati, bil-mira li jiġi intensifikat il-proċess ta' l-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni (8). Is-sħubiji kienu ppreparati għal kull pajjiż fir-reġjun u identifikaw oqsma għall-azzjoni u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu issodisfati mill-pajjiżi msieħba sabiex tmexxihom aktar fil-qrib ma' l-Unjoni Ewropea. L-assistenza ta' l-UE kellha tkun diretta lejn il-prijoritajiet iffissati fis-sħubiji.

15.

Il-verifika żvelat nuqqasijiet fil-gwida strateġika tal-mekkaniżmi ta' l-ipprogrammar CARDS. L-istrateġiji kif deskritti fil-Karti Strateġiċi tal-Pajjiż (CSPs), għalkemm formalment jaqblu mal-linji gwida CSP tal-Kummissjoni, kienu fformulati b'mod wiesa' sabiex ikunu utli għall-eżerċiżju ta' l-ipprogrammar. L- CSPs ma kinux aġġornati biex jirriflettu bidliet maġġuri bħad-dokumenti ta' sħubija Ewropea tal-Kunsill.

16.

L-MIPs ma prijoritizzawx bejn u fis-setturi kif kien meħtieġ mill-linji gwida tal-Kummissjoni (9) u lanqas indikaw żminijiet għall-azzjonijiet previsti. L-ewwel sħubija Ewropea fl-2004 offriet opportunità għall-Kummissjoni biex tiffoka l-azzjonijiet tagħha aktar preċiżament fl-MIP li jkopri l-2005-2006 (10). Għalkemm l-MIPs għall-2005-2006 kien fihom referenzi għall-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea, huma xorta ma tawx gwida suffiċjenti għas-selezzjoni ta' azzjonijiet li kellhom jiġu ffinanzjati.

17.

Kif provdut fir-Regolament CARDS il-Kumitat Maniġerjali (11) kien meħtieġ jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-linji gwida ta' l-ipprogrammar CARDS, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u l-Programmi Annwali, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-gwida strateġika fil-proċess ta' l-ipprogrammar. Fir-realtà l-ebda evidenza ma nstabet li x-xogħol tal-Kumitat ikkontribbwixxa biex itejjeb il-kwalità tad-dokumenti proposti.

18.

Analiżi settorali dettaljati mill-Kummissjoni u/jew strateġiji nazzjonali tal-pajjiż riċevitur ħafna drabi ma kinux jeżistu jew kienu prodotti tard wisq biex isaħħu l-gwida strateġika. B' riżultat, proġetti ma kinux selezzjonati fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u, f'ċerti każijiet, huma kienu selezzjonati b'reazzjoni għat-talba ad hoc tal-benefiċjarji.

19.

Għalkemm il-proċess ta' identifikazzjoni kien kumpless, huwa ma kienx jinvolvi metodoloġija ċara sabiex tagħmel l-aħjar selezzjoni tal-proġett. Per eżempju, ma kien hemm ebda analiżi tal-benefiċju-spiża (12) jew analiżi komparattiva oħra ta' proġetti alternattivi possibbli qabel jintgħażlu l-proġetti. Ċerti proġetti kienu sempliċiment kontinwazzjonijiet ta' appoġġ mogħti qabel. Ma kien hemm l-ebda linji gwida biex jgħinu fid-deċiżjoni ta' liema intervent ikun l-aħjar biex jappoġġa l-proċess ta' l-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni.

Nuqqasijiet fil-gwida strateġika waslu għal problemi ta' implimentazzjoni

20.

Il-verifika identifikat differenzi bejn il-proġetti ppjanati u l-proġetti implimentati. Kien hemm proġetti essenzjali li ma kinux implimentati minħabba r-reżistenza tal-pajjiż riċevitur jew proġetti li għalihom il-pjanijiet inizjali ma kinux ittieħdu in konsiderazzjoni (Kaxxa 1).

Kaxxa 1Eżempji ta' proġetti mhux implimentatiKaż 1: L-ebda appoġġ politiku lill-Istituzzjoni Suprema tal-Verifika Serba (SAI)Sa minn kmieni l-2001 l-EAR kienet identifikat il-mezzi neċessarji għal riforma istituzzjonali tal-gvern sinifikattiva fis-Serbja, inklużi l-appoġġ lit-teżorier, l-operat tal-verifika interna kif ukoll proġett li jikkonċerna l-ħolqien ta' Istituzzjoni Suprema tal-Verifika. Madanakollu, is-sostenn neċessarju mill-Parlament Serb ma mmaterjalizzax għall-SAI u l-proġett sal-programm 2006 kien għadu ma nbediex.Każ 2: Il-missjoni ta' Assistenza tal-Pulizija tal-Kummissjoni Ewropea għall-AlbanijaIl-fiche tal-proġett tas-settur tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni fl-Albanija għas-sena ta' pprogrammar 2002 ippreveda għall-komponent tal-Pulizija u Ordni Pubblika sabiex tikkontribbwixxi għat-twaqqif ta' stat tad-dritt u għat-twaqqif ta' forza tal-pulizija funzjonabbli li tista' tikkontribbwixxi għall-istabilità demokratika. Huwa stabbilixxa s-segwenti: Il-proġett ser ikun eżegwit permezz ta' appoġġ lill-Missjoni ta' Assistenza tal-Pulizija tal-Kummissjoni Ewropea (ECPA), taħriġ u appoġġ ta' investiment relatat. Minn 8 miljun euro allokati lill-komponent tal-Pulizija u l-Ordni Pubblika, 4 miljun euro kienu ppjanati għal appoġġ ta' bini ta' l-istituzzjoni (finanzjament lill-missjoni ECPA), 2,5 miljun euro għall-komponent ta' taħriġ u appoġġ u 1,5 miljun euro għall-komponent ta' l-investiment.Fir-realtà l-fiche tal-proġett kien kompletament injorat. Lanqas euro ma ntefqet sabiex tiffinanzja l-missjoni ECPA. 4,7 miljun euro ntnefqu fuq in-Netwerk ta' Komunikazzjoni tad-Dejta, 1,9 miljun euro ntnefqu fuq it-tagħmir ta' provvista ta' l-elettriku u miljun euro ntnefqu fuq għotja lin-Nazzjonijiet Uniti sabiex jappoġġaw il-programm ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà.

Assistenza diretta mill-ġdid mill-appoġġ għall-investiment għall-bini ta' l-istituzzjoni

21.

Peress li l-pajjiżi riċevituri kienu qegħdin jirkupraw mill-gwerra, is-snin bikrin tal-programm CARDS iffokaw aktar fuq ir-rikostruzzjoni (permezz ta' proġett ta' investiment) milli fuq il-bini ta' l-istituzzjoni. Madanakollu, hekk kif il-programm immatura kienet meħtieġa bidla lejn il-bini ta' l-istituzzjoni.

22.

Id-direzzjoni mill-ġdid ta' assistenza kienet ta' interess għall-awtorità ta' kwittanza. Fir-rapport tiegħu fuq l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) ippubblikat f'Mejju 2002, il-Parlament Ewropew ikkunsidra li l-EAR għandha żżid b'mod sinifikanti l-assistenza ta' l-UE fiż-żewġ pajjiżi (jiġifieri, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) favur il-bini ta' l-istituzzjoni.

23.

Il-Qorti analizzat il-proġetti CARDS sabiex tiddetermina u tevalwa l-proporzjon ta' proġetti ta' bini ta' l-istituzzjoni meta mqabbla ma' proġetti ta' investiment (ara Grafika 1).

Image

24.

B'mod ġenerali bejn l-2001 u l-2005 l-enfasi fuq il-proġetti ta' bini ta' l-istituzzjoni żdiedu. Mill-bidu nett il-fokus fuq il-bini ta' l-istituzzjoni kien aktar fil-pajjiżi fejn l-assistenza kien immaniġġjata mid-Delegazzjonijiet (14) milli fil-pajjiżi fejn hija kienet immaniġġjata mill-EAR (15).

25.

Il-ġemellaġġ huwa rikonoxxot bħala istrument importanti (16), meta jkun qed isir tisħiħ fil-kapaċità amministrattiva ta' pajjiż. Madanakollu, il-ġemellaġġ kellu bidu bil-mod fil-Balkani tal-Punent partikolarment f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslavja tal-Maċedonja fejn l-EAR bdiet tuża l-ġemellaġġ fl-2005. Evalwazzjoni ta' l-EAR tal-ġemellaġġ (17) ikkonkludiet li xi drabi kien hemm biss appoġġ limitat mill-Maniġers tal-Programm ta' l-Aġenzija u l-persunal ta' l-EAR ma kinux imħarrġa suffiċjentament fl-użu ta' dak l-istrument.

26.

Hekk kif il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent irkupraw mill-gwerra, il-programmi abbozzati u l-Fiches tal-Proġett relatati (18) kif ukoll il-proġetti li kienu qed jiġu implimentati ħadu in konsiderazzjoni t-talba tal-Parlament biex iżidu l-assistenza ta' l-UE minn appoġġ ta' l-investiment għall-bini ta' l-istituzzjoni. Madanakollu, f'ċerti każijiet il-bidliet lill-proġetti ippjanati wasslu għal enfasi mnaqqsa fuq il-bini ta' l-istituzzjoni (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2Proġett ta' bini ta' l-istituzzjoni dirett mill-ġdid-Immaniġġjar Integrat tal-Fruntiera f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-MaċedonjaIl-Programm Annwali għall-CARDS 2003 f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kien jipprevedi, fost affarijiet oħrajn, li jsaħħaħ il-kontroll tal-fruntiera l-ħadra u alloka 2,8 miljun euro għal dan il-għan. Skond il-Programm Annwali, kien hemm bżonn ta' numru ta' azzjonijiet ta' skadenza qasira f'din iż-żona: 1) jiġi mwaqqaf servizz dedikat ta' għassa tal-fruntiera, 2) jittejbu l-proċeduri ta' reklutaġġ, 3) jiġi provdut taħriġ bażiku u kors fil-fond fuq il-kontroll tal-fruntiera u 4) jiġi provdut tagħmir għall-kxif ta' dokumenti falsifikati jew għal tiftix ta' vetturi ta' teknoloġija għolja, flimkien ma' għodod ta' taħriġ korrispondenti.L-objettivi għal din l-inizjattiva kienu doppji: 1) Biex tiġi msaħħa l-kapaċità koperattiva tas-servizzi tal-fruntiera tal-gvern fil-qafas organizzattiv eżistenti, biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti immedjati, u 2) biex tiġi żviluppata struttura organizzattiva ġdida għall-puliżija tal-fruntiera u l-kapaċitiajiet operattivi b'konformità ma' l-istandards ta' l-Unjoni Ewropea.Minflok indirizzat konsistentament il-bżonnijiet, l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija hawn fuq, l-EAR użat l-ammont sħiħ biex tixtri vetturi.

27.

Il-Qorti ma sabet l-ebda evidenza ta' monitoraġġ kontinwu tal-proġetti mill-Kumitat Maniġerjali wara l-istadju ta' l-approvazzjoni. Fi kliem ieħor il-Kumitat Maniġerjali ma nterressax ruħu bil-bidliet fil-proġetti la darba kienet bdiet l-implimentazzjoni.

Strutturi ta' l-immaniġġjar effiċjenti jassiguraw kunsinna mgħaġġla ta' l-għajnuna iżda l-kapaċità amministrattiva nazzjonali kienet sfidata

Strutturi ta' l-immaniġġjar mhux dejjem adattati

28.

F'Lulju 1998 il-Qorti ppubblikat Rapport Speċjali Nru 5/98 dwar ir-rikostruzzjoni ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja (perijodu 1996-1997). Il-verifika kopriet żewġ pajjiżi: il-Bosnja u l-Ħerzegovina u ftit anqas il-Kroazja. Il-rapport ikkritika li minkejja d-dikjrazzjonijiet ċari ta' l-iskopijiet ta' l-UE, il-Kummissjoni ma kelliex suċċess fl-allokazzjoni tar-riżorsi umani suffiċjenti għall-kompitu ta' rikostruzzjoni f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja, la fil-kwartieri ġenerali tagħha u lanqas fiż-żoni li qed jiġu kostruwiti. Il-Qorti kkonkludiet li ġej:

a)

L-implimentazzjoni ta' l-approprijazzjonijiet allokati mill-UE għar-rikostruzzjoni kienet bil-mod minħabba n-nuqqas ta' programm ta' implimentazzjoni, nuqqas ta' persunal, ċentralizzazzjoni tal-kwartieri ġenerali eċċessiva u n-nuqqasijiet istituzzjonali ta' l-awtoritajiet lokali;

b)

Fl-1997, ir-rata ta' ħlasijiet tal-programm ta' rikostruzzjoni ta' l-UE (29 %) kienet relattivament baxxa meta mqabbla mal-medja ta' donaturi oħrajn (52 %);

ċ)

Il-koeżistenza ta' tlett regolamenti separati li jiggvernaw l-artikoli tal-baġit użati biex jiffinanzjaw il-miżuri ta' rikostrużżjoni fixklu l-immaniġġjar tal-Kummissjoni.

29.

Biex tegħleb id-defiċjenzi fil-kunsinna ta' l-għajnuna mill-EU, il-Qorti rrakkomandat li l-Kummissjoni għandha tiddevolvi l-immaniġġjar għall-isforz ta' l-għajnuna tagħha lid-Delegazzjonijiet tagħha u tiffoka fuq numru iżgħar ta' setturi.

30.

Filwaqt li tieħu in konsiderazzjoni n-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq, il-verifika kurrenti tal-Qorti evalwat sa liema punt l-istrutturi ta' l-immaniġġjar CARDS kienu effiċjenti u jekk l-għajnuna twasslitx malajr biżżejjed.

31.

Il-verifika żvelat titjib sinifikanti fl-effiċjenza ta' l-operazzjonijiet ta' l-UE fil-Balkani tal-Punent sa mill-1998. Bidliet maġġuri seħħew. L-ewwel nett, ir-regolament CARDS unifika l-bażi legali għal operazzjonijiet simili. It-tieni nett il-proċess ta' devoluzzjoni kien introdott biex itejjeb il-ħeffa u l-kwalità ta' l-għajnuna esterna mill-UE (19). It-tielet nett il-Kummissjoni ddelegat parti ta' l-implimentazzjoni ta' l-assistenza lil organizzazzjoni ġdida stabbilita speċjalment għal dan il-għan, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni. Dawn l-azzjonijiet kollha ħeffew il-kunsinna ta' l-għajnuna u tejbu l-effiċjenza ta' l-assistenza (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3Eżempji ta' rati ta' kuntrattazzjoni għoljin taħt CARDSEAR kienet maħluqa b'reazzjoni għal bżonn biex taġixxi malajr u effiċjentament meta jiġu ndirrizzati l-bżonnijiet urġenti ta' wara l-kunflitti tal-popolazzjoni fil-Kosovo minħabba l-konsegwenzi immedjati tal-kriżi ta' l-1999. Fil-verifiki bikrin tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-azzjonijiet EAR fil-Kosova immedjatament wara l-kriżi laħqu l-objettivi ambizzjużi fl-oqsma ta' servizzi bażiċi. Ir-rati ta' kuntrattazzjoni għoljin inżammu fil-Kosovu matul il-programm CARDS. Minn Novembru 2006, l-EAR immaniġjat, fil-Kosovo, 'il fuq minn 1 100 miljun euro f'isem il-Kummissjoni, madwar 91 % minn dawk il-flus kienu kkuntrattati u madwar 86 % ħlasijiet. Flimkien mat-truppi KFOR, l-assistenza ta' l-UE għenet sabiex tinnormalizza l-ħajja fil-Kosovo.

32.

Fit-total CARDS kien implementat bl-użu ta' erba' metodi u strutturi (ara l-Grafika 2), li l-parti l-kbira ħallew ftit spażju lill-istati riċevituri biex jinvolvu ruħhom. Dan sar sabiex tiġi assigurata kunsinna mgħaġġla ta' l-għajnuna u ġew riflessi n-nuqqasijiet ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Image

33.

Il-karatteristiċi prinċipali ta' l-istrutturi differenti ta l-immaniġġjar huma kif ġejjin:

a)

Immaniġġjar ċentralizzat mid-DĠ Tkabbir (u aktar kmieni l-EuropeAid): Id-DĠ ELARG jimmaniġja l-programmi reġjonali direttament mill-kwartieri ġenerali. Il-programmi reġjonali jiffokaw fuq li jsaħħu l-kapaċità amministrattiva, per eżempju, fid-dwana, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-appoġġ lis-soċjetà ċivili;

b)

Immaniġġjar devolut: Id-delegazzjonijiet ta' l-KE fl-Albanija, fil-Bosnja u l-Ħerzogovina u l-Kroazja kienu devoluti (20). B' riżultat tad-devoluzzjoni, id-Delegazzjonijiet saru responsabbli għall-preparazzjoni tal-proġett, kuntrattazzjoni, u l-implimentazzjoni finanzjarja u teknika;

ċ)

Implimentazzjoni deċentralizzata: tinvolvi lill-Kummissjoni tiddelega l-implimentazzjoni ta' ftit mill-programmi lill-Gvern tal-pajjiż riċevitur fl-Albanija u l-Kroazja;

d)

Immaniġġjar ċentralizzat indirett: L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) (21), aġenzija indipendenti ta' l-UE, timmaniġġja l-programm fil-Kosovo (22), fis-Serbja, fil-Montenegro u f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-EAR hija responsabbli amministrattivment lejn il-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew, iżda mhux lill-Kummissjoni Ewropea.

34.

Il-Qorti sabet ċ-ċentralizzazzjoni devoluta u indiretta (EAR) assigurat kunsinna effiċjenti ta' l-għajnuna, filwaqt li nuqqasijiet kienu nnutati fiż-żewġ strutturi l-oħra (jiġifieri ċentralizzata u deċentralizzata) (23).

35.

Fiż-żewġ Delegazzjonijiet u l-EAR, il-ħeffa ta' l-immaniġġjar ta' proġett ibbenifikat minn żieda tal-kapaċità fl-unitajiet operattivi u milli jkollhom finanzi u persunal b'kuntratt disponibbli fuq il-post. Iż-żieda ta' kuntatti mal-benefiċjarji u ma' partijiet relevanti oħrajn u ftehim aħjar ta' kondizzjonijiet lokali, riskji u opportunitajiet tejbu l-prestazzjoni filwaqt li naqqsu l-ħin meħtieġ biex jiġu solvuti l-problemi (24).

36.

Iż-żewġ strutturi ta' implimentazzjoni l-oħrajn — għalkemm anqas sinifikanti f'termini monetarji — kienu anqas effettivi. Għall-immaniġġjar ċentralizzat — programm bejn l-istat reġjonali immaniġġjat ċentralment — kien hemm diversi nuqqasijiet:

a)

fondi allokati lill-koperazzjoni reġjonali kienu jinkludu proporzjon żgħir ħafna tan-nefqa totali (madwar 5 %). Ftit minn dawn kienu ġestiti fil-livell nazzjonali aktar milli fil-livell reġjonali, per eżempju, immaniġġjar integrat tal-fruntiera;

b)

similarment il-parti l-kbira tal-programmi ta' ritorn tar-refjuġati li, b'definizzjoni, għandhom karatteristiċi transkonfinali kienu immaniġġjati separatament f'kull pajjiż;

ċ)

filwaqt li fl-2003 kienu ttieħdu passi sabiex jinvolvu lill-pajjiżi benefiċjarji aktar fl-ipprogrammar ta' allokazzjonijiet reġjonali CARDS, ġeneralment il-pajjiżi ma rċevewx informazzjoni suffiċjenti tal-proġetti reġjonali.

37.

L-istrutturi ta' implimentazzjoni deċentralizzata fl-Albanija u l-Kroazja kellhom ukoll problemi:

a)

fl-Albanija, programmi li jinvolvu l-Fond ta' Żvilupp Albaniż (ADF) komplew mingħajr ma' l-Kummissjoni ma kienet evalwat jekk l-ADF kienx jista' jissodisfa r-responsabilitajiet, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli fl-2003. Minħabba l-problemi li ltaqa' magħhom l-ADF, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas bil-kbir il-parti deċentralizzata tal-programm CARDS Albaniż u tiddevolvih lid-Delegazzjoni;

b)

fl-2002, fil-Kroazja, ittieħdu passi speċifiċi lejn deċentralizzazzjoni formali. Madanakollu, il-ħeffa li biha l-EuropeAid ikkunsidra li huwa adattat sabiex jiddeċentralizza ma ħax in konsiderazzjoni realitajiet operattivi prattiċi fil-Ministeru tal-Finanzi Kroat. B' riżultat il-proċess ta' deċentralizzazzjoni ġie mwaqqaf bejn l-2003-2005. La darba l-programm CARDS mexa mill-EuropeAid għad-DĠ ELARG kmieni fl-2005, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid is-sitwazzjoni u fi Frar 2006 ddeċidiet biex terġa tibda d-deċentralizzazzjoni fil-Kroazja (25).

Għajnuna kkunsinjata rapidament iżda mingħajr ma ttieħdet in konsiderazzjoni suffiċjentament il-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi riċevituri

38.

Fir-rapporti tagħha li jikkonċernaw l-azzjonijiet esterni (per eżempju r-Rapport Speċjali Nru 6/2006 dwar l-aspetti ambjentali tal-koperazzjoni ta' l-iżvilupp tal-Kummissjoni (26)) il-Qorti ta' l-Awdituri repetutament ikkritikat lill-Kummissjoni fuq id-dewmien fil-kuntrattazzjoni u l-implimentazzjoni. B'kuntrast il-programm CARDS kellu ħeffa ta' kuntrattazzjoni għolja ħafna (ara l-Grafika 3) fil-Kosovo, fil-Bosnja u l-Ħerzegovina, u s-Serbja imma minħabba x-xogħol bl-lura ta' programmi li saru qabel kien hemm bidu relattivament bil-mod fl-Albanija u l-Kroazja.

Image

39.

Fl-Albanija l-bżonn li jiġi kkumpensat dan id-dewmien wassal, aktar tard, għal konċentrazzjoni għolja ħafna ta' firem ta' kuntratti: 63 % tal-kuntratti CARDS iffirmati fil-perijodu mill-2001 sa l-2005 kienu iffirmati fl-2004, għalhekk dan wassal għal implimentazzjoni simultanja ta' numru għolji ta' kuntratti u sfida akbar għall-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji (27) (ara l-Kaxxa 4). Dewmien fil-programmi annwali ta' l-2001 fisser li fil-Kroazja żewġ programmi annwali kienu implimentati fl-istess żmien.

Kaxxa 4Il-kapaċità amministrattiva nazzjonali mġebbda fl-AlbanijaFl-Albanija, mal-konċentrazzjoni għolja ta' proġetti f'perijodi qosra ta' żmien, il-parti l-kbira ta' l-assistenza kienet ikkonċentrata fis-settur tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Fiż-żmien tal-verifika, kien hemm mill-inqas 48 proġett differenti għaddejjin simultanjament fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. 13 minnhom kienu ffinanzjati mill-UE u 35 minn donaturi oħrajn.Per eżempju fil-proġett EURALIUS fl-Albanija (Missjoni ta' Assistenza Ewropea lis-Sistema Ġudizjarja Albaniża), il-verifika sabet li l-livell ta' ambizzjoni tad-disinn tal-proġett kien għoli ħafna. Għaxar objettivi speċifiċi kellhom jintlaħqu li kienu jinvolvu 15-il tip differenti ta' msieħba ta' proġett simultanjament. Kull wieħed mill-10 objettivi kien jinvolvi msieħba ta' proġett numerużi u differenti. B'riżultat, il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-benefiċjarju prinċipali, ikun qed jitratta ma' 78 attivita differenti previsti.

40.

Wieħed mill-effetti sekondarji prinċipali mhux ippjanati tal-ħeffa ta' kuntrazzjoni għojla, inkoraġġut mill-Kummissjoni kien li l-benefiċjarji jistgħu ma jibbenefikawx kompletament mill-proġetti, għaldaqstant inaqqsu l-effettività u l-impatt tagħhom.

41.

Sabiex tassigura l-effettività tal-proġett l-assistenza Komunitarja taħt il-proċess ta' l-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni huwa kondizzjonali u nuqqas li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri xierqa. Madanakollu, hemm proġetti li kienu implimentati f'każijiet meta l-kondizzjonalitajiet ma kinux irrispettati mill-benefiċjarju, għalhekk jipprovdu anqas valur miżjud milli oriġinarjament mistenni. Eżempju f'dan ir-rigward kien l-appoġġ lis-Sistema tal-Qorti Kroata deskritt fil-Kaxxa 5.

Kaxxa 5Appoġġ lis-Sistema tal-Qorti KroataIl-proġett ta' Ġemellaġġ iffinanzjat mill-programm ta' l-2002 kien implimentat minkejja l-fatt li l-ebda mill-kondizzjonalitajiet definiti fil-formola tal-proġett ma kienu milħuqa fiż-żmien tal-bidu tal-proġett. Waħda mill-kondizzjonalitajiet ippreżumiet l-eżistenza ta' strateġija għar-riforma ġudizzjarja. Peress li l-proġett kien prijorità assoluta għall-Kummissjoni, din kienet imposta fuq ir-riċevitur. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq rakkomandazzjonijiet magħmula lir-riċevitur, għalkemm aċċettati u rikonoxxuti mill-Ministeru tal-Ġustizzja Kroat, ma pproduċewx azzjonijiet maġġuri fl-oqsma kollha.

L-approċċ ta' l-immaniġġjar tal-Kummissjoni ma kienx iwassal biex iżid ir-responsabbilità tal-pajjiżi riċevituri

42.

Mal-kontribuzzjoni lis-SAp, il-preambolu tar-Regolament CARDS jiddeskrvi l-objettiv prinċipali l-ieħor ta' l-assistenza bħala: “L-assistenza Komunitarja eżistenti għandha… żżid ir-responsabbilità tal-pajjiżi riċevituri u l-entitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' dak il-proċess [SAp].”

43.

Kif imniżżel fil-paragrafu 31, ir-raġuni prinċipali wara l-istrutturi ta' l-immaniġġjar stabbiliti kienu biex jassiguraw kunsinna ta' malajr ta' l-għajnuna. L-iżvantaġġ ta' dan l-approċċ huwa li jnaqqas l-involviment ta' l-istat riċevitur. Dan l-approċċ kien adattat fil-fażi ta' rikostruzzjoni imma anqas meta l-assistenza mxiet minn proġetti ta' infrastruttura għall-proġetti ta' bini ta' l-istituzzjoni.

44.

Ir-regolament ma jiddefinixxi l-ebda responsabilitajiet speċifiċi għall-pajjiżi riċevituri. Minkejja l-volonta politika apparenti biex il-pajjiżi jinġibu malajr kemm jista' jkun fl-Unjoni Ewropea, din ma kinitx imqabbla b'ebda żieda fir-responsabbilitajiet ta' l-immaniġġjar tal-pajjiżi. Il-Qorti ma sabet l-ebda indikazzjoni ta' strateġija maniġerjali ta' l-għajnuna formali min-naħa tal-Kummissjoni — biex iżżid progressivament ir-responsabbilità tar-riċevituri.

Responsabbilitajiet limitati tal-pajjiż riċevitur fl-identifikazzjoni tal-proġett u fil-fażijiet ta' sejħiet għall-offerti

45.

Il-Qorti evalwat sa liema grad l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS ikkontribwixxa biex iżid ir-responsabbilità tal-pajjiżi riċevituri f'ċerti passi kritiċi ta' l-immaniġġjar taċ-ċiklu tal-proġett, u evalwat il-konsegwenzi ta' responsabbilità insuffiċjenti.

46.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' proġetti u preparazzjoni sussegwenti tal-Programmi Annwali (28) ma promovewx il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarju fit-teħid tad-deċiżjoni. L-istruzzjonijiet maħruġa mill-EuropeAid għall-ipprogrammar annwali għall-2001 u l-2002 ma speċifikaw l-ebda tip ta' involviment mill-benefiċjarju. Il-linji gwida għall-programmi annwali 2003 u 2004 speċifikaw xi involviment — minkejja limitat — li jeħtieġ li jittieħdu kuntatti inizjali ma' benefiċjarji potenzjali matul ix-xogħol preparatorju, u fiches ta' proġetti abbozzati li għandhom jintbagħtu mid-Delegazzjoni jew l-EAR lill-benefiċjarji mill-anqas ġimgħatejn qabel jiġi ffinalizzat il-programm annwali. Il-verifika evalwat sa liema punt l-involviment tal-benefiċjarju permezz ta' intervisti fuq il-post ma' madwar 30 benefiċjarju.

47.

Il-Qorti sabet ftit eżempji, speċjalment fil-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja u s-Serbja, fejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija pruvaw iżidu r-responsabbilità tal-pajjiż riċevituri (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6Eżempji ta' prattiċi ġoddi fir-responsabbilitàKaż 1: Issaħħaħ id-Direttorat ta' Intergrazzjoni Ewropea fil-Bosnja u l-Ħerzegovina (BiH)Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni għall-ipprogrammar CARDS 2006 fil-BiH huwa illustrazzjoni tajba ta' żvilupp tar-responsabbilità. Diġa fil-programm annwali CARDS 2004 u 2005, il-Kummissjoni bdiet tibni l-kapaċità mal-pajjiż riċevitur, per eżempju billi tintroduċi karigi għal uffiċjali ta' l-ipprogrammar superjuri fil-ministeri u l-aġenziji tal-BIH u billi tappoġġa d-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea. Minħabba l-isforzi li saru, fl-aħħar sena tal-programm CARDS, il-fiches tal-proġett kienu ppreparati mill-awtoritajiet BIH.Każ 2: Il-proġett Nikola Tesla fis-SerbjaGħalkemm il-qafas legali ta' l-Aġenzija (jiġifieri: immaniġġjar ċentralizzat indirett) mhuwiex l-aktar adegwat biex isaħħaħ ir-responsabbilità tal-pajjiż riċevitur, l-Aġenzija kienet għandha tista' ssib soluzzjoni innovattiva fil-każ ta' proġett ta' impjant elettriku fis-Serbja (Nikola Tesla A5).Il-karatteristika innovattiva ta' l-implimentazzjoni tal-proġett kien l-użu ta' “Ftehim ta' Għotja” (Grant Agreement). Permezz ta' dan l-arranġament ir-responsabbilità għall-ippjanar, inklużi d-definizzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-immaniġġjar tal-proġett kienu fdati lill-benefiċjarju, l-utilità elettrika Serba.L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu ċċekkjati u approvati mis-superviżur ikkuntrattat u l-proċedura tas-sejħiet għall-offerti u l-kontroll tal-pagamenti kienet miżmuma mill-Aġenzija. Il-partijiet kollha, inkluż il-benefiċjarju, kienu sodisfatti ħafna bl-arranġament u b'hekk jista' jiġi kkonkluż li r-responsabbilità kienet kompluta sal-punt kemm wieħed jista' jistenna taħt l-arranġamenti preżenti.

48.

Madanakollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet il-Kummissjoni ma kinitx konsistenti fil-promozzjoni tar-responsabbilità tal-pajjiż riċevituri meta kienet qed tiżviluppa l-imsemmija fiches tal-proġett u aktar tard it-termini ta' referenza. Il-parteċipazzjoni varjat minn pajjiż għal pajjiż fuq il-bażi ta' inizjattivi meħuda mid-Delegazzjonijiet jew l-EAR jiddependi fuq il-kapaċitajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Filwaqt li l-Qorti nnutat żieda ta' riżorsi mill-pajjiżi riċevituri, ir-responsabbilità baqgħet limitata.

49.

Il-kofinanzjament ta' proġetti b'fondi nazzjonali huwa indikatur wieħed tar-responsabbilità u l-interess ta' pajjiż riċevitur. Għalkemm il-Linji Gwida CARDS jinkoraġġixxu l-użu ta' kofinanzjament nazzjonali, huwa kien kemmxejn użat (29). Eċċezzjoni pożittiva, jiġifieri, l-uniku wieħed minn 31 proġett mhux ta' għotja ivverifikat, f'dawn ir-rigward huwa l-proġett ta' art katast Kroat, li kien sinifikatament ikkofinanzjat u fejn il-koordinazzjoni tad-donatur kienet effettivament immexxija mill-awtoritajiet Kroati. Similarment l-impenn tal-benefiċjarji ta' l-għotjiet kien għoli wkoll (30).

50.

Mod partikolari kif iżżid ir-responsabbilità tal-pajjiż riċevitur huwa li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali fil-kumitati ta' l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti. Madanakollu, l-istruzzjonijiet tal-EuropeAid li jorbtu d-Delegazzjonijiet u jagixxu bħala gwida għall-EAR, jeħtieġu li l-maġġoranza tal-membri votanti tal-kumitati ta' l-evalwazzjoni jirrappreżentaw il-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 7). Dan jikkuntrasta ma' ħafna oqsma oħra ta' l-azzjonijiet esterni fejn il-Kummissjoni mhix irrappreżentata bħal membru votanti fuq il-kumitati ta' l-evalwazzjoni, iżda żżomm id-dritt ta' veto.

Kaxxa 7Kompożizzjoni tal-kumitati ta' l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offertiIl-Qorti evalwat 177 kumitat ta' l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti mill-2002 sa l-2005. Bħala medja, 55 % tal-membri votanti kienu maniġers tal-kompitu mid-Delegazzjonijiet jew miċ-ċentri operattivi ta' l-EAR u 13 % tal-membri votanti kienu esperti esterni indipendenti. Il-medja ta' rappreżentazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet benefiċjarji kienet ta' 32 % bl-eċċezzjoni tal-Kroazja, fejn il-persentaġġ żdied sinifikatament għal 52 % u l-Bosnja u l-Ħerzegovina fejn it-tendenza ta' membri benefiċjarji votanti naqset għal 24 %.

51.

L-istruzzjonijiet tal-EuropeAid jeħtieġu l-kumitati ta' l-evalwazzjoni biex jinkludu minimu ta' erba' membri tal-persunal mid-Delegazzjoni tal-KE/EAR (jiġifieri, chairman, segretarju u żewġ evalwaturi) għal evalwatur estern u żewġ membri tal-persunal addizzjonali mid-Delegazzjoni tal-KE/EAR għal kull evalwatur benefiċjarju addizzjonali. Dan jikkonċentra eċċessivament fuq ir-riżorsi umani tad-Delegazzjonijiet filwaqt li jipprevjeni titjib tar-responsabbilità tal-pajjiż.

52.

Wieħed mill-ostakli tad-deċentralizzazzjoni kien in-nuqqas ta' konoxxenza mill-pajjiżi riċevituri tal-proċeduri ta' kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-Kroazja, ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali kienu sistematikament mistiedna mid-Delegazzjoni biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat ta' l-evalwazzjoni bħala osservaturi mhux votanti. Din kienet tirrappreżenta prattika tajba billi tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jsiru aktar familjari mal-proċeduri dettaljati ta' sejħa għall-offerti, iżda ma kinitx applikata sistematikament fil-pajjiżi l-oħra. Per eżempju, fl-Albanija, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja din il-prattika kienet applikata f'każijiet rari ħafna.

Nuqqas ta' responsabbiltà tal-pajjiż ta' koordinazzjoni tad-donatur

53.

Skond il-linji gwida CARDS l-appoġġ CARDS kollu għandu jkun ikkoordinat ma' donaturi oħrajn. Il-koordinazzjoni tad-donaturi hija partikolament ta' sfida fil-Balkani tal-Punent minħabba n-numru għoli ta' donaturi u l-eżistenza ta' żewġ aġendi: l-aġenda ta' l-adeżjoni ta' l-UE, u l-aġenda ta' żvilupp għat-tnaqqis ta' povertà tal-Bank Dinji, in-NU u ftit mill-aġenziji ta' l-Istati Membri ta' l-UE.

54.

Id-“Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna” (31) ikkonfermat il-prinċipju li l-pajjiżi riċevituri nnifshom għandhom jieħu f'idejhom il-koordinazzjoni ta' l-għajnuna fil-livelli kollha, filwaqt li d-donaturi għandhom iwegħdu li jirrispettaw it-tmexxija tal-pajjiż imsieħeb. Fil-pajjiżi CARDS il-verifika ma sabet kważi l-ebda evidenza ta' tali tmexxija mill-pajjiżi riċevituri jew ta' kwalunkwe azzjonijiet mid-donaturi biex jinkoraġġixxu t-tmexxija tal-pajjiż benefiċjarju. L-unika inizjattiva kienet viżibbli fl-Albanija (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8Koordinazzjoni tad-donatur fl-AlbanijaSabiex itejbu l-koordinazzjoni tad-donatur fl-Albanija, l-erba' multilaterali (KE, OSCE, NU u WB) waqqfu mekkaniżmu ta' koordinazzjoni settorali f'Diċembru 2003. Huma ftehmu fuq il-qsim tar-responsabbilitajiet bejniethom f'erba' oqsma tematiċi. Sabiex jimmaniġġjaw il-proċess ta' koordinazzjoni, huma fformaw is-Segretarjat Tekniku tad-Donaturi. Dan jikkontribbwixxi għal komplimentarità u diviżjoni ta' xogħol aktar effettiva. Il-donaturi huma mistennija li jagħmlu użu mill-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom fil-livell tas-settur u li jiddelegaw l-awtorità lill-donaturi prinċipali assenjati għall-eżekuzzjoni tal-programmi.Il-komunità tad-donatur ikkontribwiet sabiex tistabbilixxi Sistema ta' Ppjanar Integrata, li kienet imnedija mill-Gvern ta' l-Albanija fl-2005 u li għandha tgħin lill-pajjiż biex imexxi l-proċess ta' żvilupp tiegħu stess. Din timmira li tintegra l-oqsfa varji ta' politika fil-pjan ta' żvilupp għal terminu ta' żmien qasir singolu fl-2007 u twaqqaf arkitettura ġdida għall-koordinazzjoni tad-donatur u l-immaniġġjar ta' l-assistenza esterna.

Approċċ inkonsistenti lejn il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

55.

Id-Delegazzjonijiet u l-EAR għandhom proċeduri ta' monitoraġġ differenti:

a)

il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u d-Delegazzjonijiet jużaw servizzi ta' monitoraġġ imqabbda mill-estern li jsegwu metodoloġija standard imsejħa Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultat (ROM). Hija tinkludi l-użu ta' sistema li tirrata il-prestazzjoni tal-proġetti, imma ma tipprovdix rekord formali tas-segwitu;

b)

l-EAR għandha t-timijiet ta' monitoraġġ tagħha stess f'kull Ċentru Operattiv, kif ukoll koordinatur fil-Kwartieri Ġenerali. Dawn it-timijiet użaw is-sistema ROM sa mill-bidu ta' l-2005. Is-segwitu huwa formalment irrekordjat fid-dokumenti ta' monitoraġġ.

56.

Monitoraġġ effettiv jeħtieġ li l-proġetti jkollhom objettivi u indikaturi verifikabbli oġġettivament (OVIs) sabiex jiġu mmonitorjati skondhom. Madanakollu, l-OVIs jew mhumiex provduti, jew meta provduti, huma mhumiex miżurabbli jew marbutin bi żmien. Per eżempju fil-proġett ta' l-Akkademja tal-Pulizija wieħed mill-OVIs kien “tagħlim adegwat għall-persunal” mingħajr ma jispeċifika n-numru ta' parteċipanti previsti jew il-kurrikulum. Fi proġett ieħor, kien hemm indikaturi bħal “kapaċità operattiva msaħħa” mingħajr kriterji speċifiċi.

57.

Skond ir-regolament CARDS il-Kummissjoni evalwat il-programm sa l-aħħar ta' Ġunju 2004. Skond it-termini ta' referenza ta' l-evalwazzjoni, l-objettiv tiegħu kien li jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea b'evalwazzjoni indipendenti u affidabbli ta' l-istrateġija ta' adeżjoni taħt CARDS u l-evoluzzjoni tagħha bl-iffissar ta' politiċi aktar wiesa'. Hija kopriet il-perijodu mill- 2001-2003 (ara wkoll il-paragrafu 10).

58.

Sabiex ittejjeb il-ġestjoni finanzjarja parti kritika tal-proċess ta' evalwazzjoni hija s-segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha sena biex tirrapporta fuq l-azzjonijiet ta' segwitu tagħha. F'dan il-kaz il-Kummissjoni rrapportat aktar minn sentejn wara. Dan jista' jkun parti minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bil-kwalità ta' ftit mir-rakkomandazzjonijiet li saru.

59.

Filwaqt li ma kienx hemm rekwiżit formali biex jiġu evalwati l-proġetti individwali jew is-setturi, din hija prattika tajba għax hija tkun tista' tippermetti riżultati u rakkomandazzjonijiet iffokati. L-EAR sistematikament wettqet evalwazzjonijiet fil-livell tas-settur u tal-proġett. Kemm l-evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu u l-evalwazzjonijiet ex-post kienu saru. Is-sommarji eżekuttivi ta' dawn l-evalwazzjonijiet kienu ppubblikati fuq il-websajt ta' l-EAR, b'hekk jikkontribbwixxu għat-tixrid tas-sejbiet. B'kuntrast id-Delegazzjonijiet rarament wettqu evalwazzjonijiet tal-proġett jew tas-settur u l-ftit rapporti mwettqa mid-Delegazzjonijiet ma kinux ippubblikati fuq il-websajt tagħhom.

60.

It-tixrid tar-riżultati ta' monitoraġġ u l-eżerċiżji ta' evalwazzjoni huma differenti wkoll bejn id-Delegazzjonijiet u l-EAR. L-EAR torganizza laqgħat regolari u workshops għall-Maniġers tal-Kompitu u tal-Programm minn ċentri operattivi differenti sabiex jaqsmu l-esperjenza. Madanakollu, l-istess livell ta' komunikazzjoni ma jseħħx bejn il-pajjiżi tad-Delegazzjoni. Hemm ċerti kuntatti bejn il-persunal tad-Delegazzjonijiet u ta' l-EAR imma dawn mhumiex sistematiċi.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Kemm kien effettiv l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS?

61.

Il-Qorti kkonkludiet li l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-programm CARDS kien il-parti l-kbira ta' suċċess fil-kontribuzzjoni għall-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni fil-pajjiżi riċevituri. Madanakollu, l-għajnuna kienet anqas effettiva biex ittejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi, minħabba konċentrazzjoni inizjalment baxxa fuq il-bini ta' l-istituzzjoni u kapaċità insuffiċjenti tal-pajjiż riċevitur sabiex jassorbi l-assistenza provduta.

Kemm kienet adattata u koerenti l-gwida stateġika li tidderieġi l-programmi?

62.

Il-gwida strateġika tal-Kummissjoni kienet ġenerali ħafna u mhux immirata lejn oqsma speċifiċi. Hija kienet adattata għall-fażi ta' rikostruzzjoni, iżda mhux għall-objettivi ta' aktar sfida tal-bini ta' l-istituzzjoni.

63.

Il-karti strateġiċi tal-pajjiż kienu fformulati b'mod wiesa' bir-riżultat li huma provdew orjentazzjoni insuffiċjenti f'livell dettaljat, partikolarment għax huma ma kinux sostnuti minn strateġiji settorali f'waqthom. Il-programmi indikattivi multiannwali — li jifformaw il-bażi għall-ippjanar annwali u l-identifikazzjoni ta' proġetti — ma prijoritizzawx bejn jew fiż-żoni differenti ta' intervent. Għalhekk ma kienx hemm bażi biex tiġi ottimizzata s-selezzjoni tal-proġett u dan irriżulta f'numru ta' proġetti mhux koordinati u iżolati.

64.

Kmieni fil-programmi, l-għajnuna kienet il-parti l-kbira diretta lejn tip ta' proġetti ta' investiment fuq ir-rikostruzzjoni, aktar milli fuq il-bini ta' l-istituzzjoni. Hekk kif il-programmi pprogressaw, il-fokus naturalment inbidel għal fuq il-bini ta' l-istituzzjoni li issa tirrappreżenta parti kbira tan-nefqa. Il-Qorti tinnota li mill-bidu nett il-fokus fuq il-bini ta' l-istituzzjoni kien aktar enfasizzat fil-pajjiżi fejn l-assistenza kienet immaniġġjata mid-Delegazzjonijiet milli fil-pajjiżi fejn kienet immaniġġjata mill-EAR. Fil-każ ta' l-aħħar hija dewmet l-introduzzjoni ta' proġetti ta' ġemellaġġ.

L-1 Rakkomandazzjoni 1Il-gwida strateġika sabiex jiġi implimentat l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni l-ġdid (IPA) (32) għandha tagħti attenzjoni suffiċjenti liż-żoni individwali ta' intervent sabiex tassigura fokus xieraq ta' għajnuna, approċċ sistematiku ta' żoni prinċipali u bażi xierqa sabiex tipprijoritizza u tagħżel il-proġetti.

Kemm kienu adattati u effiċjenti l-approċċi stabbiliti u użati mill-Kummissjoni?

65.

L-approċċi ta' l-immaniġġjar użati mill-Kummissjoni kienu l-parti l-kbira, iżda mhux dejjem, adattati għaċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet tal-pajjiżi riċevituri. Huma kienu effettivi sabiex jassiguraw kunsinna ta' malajr ta' l-għajnuna, iżda ma tawx kunsiderazzjoni suffiċjenti biex jimmassimizzaw il-benefiċju mill-għajnuna.

66.

Erba' approċċi ta' immaniġġjar differenti kienu użati, bil-mira li jirriflettu ċ-ċirkustanzi tal-pajjiżi riċevituri kkonċernati. Tnejn mill-approċċi (jiġifieri Delegazzjonijiet devoluti u l-EAR) — li jkopru l-maġġroanza tan-nefqa — kienu fil-parti l-kbira effettivi u adattatii. It-tnejn l-oħra (jiġifieri, l-immaniġġjar ċentralizzati u deċentralizzat) kienu anqas effettivi u responsivi għall-bżonnijiet speċifiċi.

67.

Il-Kummissjoni irrispondiet b'suċċess għall-kritiki preċedenti ta' implimentazzjoni bil-mod billi assigurat li l-għajnuna kienet ikkunsinjata malajr. Dan kien ta' vantaġġ partikolari matul il-fażi ta' rikostruzzjoni. Madanakollu, għal bini ta' l-istituzzjoni, il-fokus fuq il-ħeffa ma kienx ibbilanċjat minn konsiderazzjoni suffiċjenti ta' l-abilità tal-pajjiżi riċevituri sabiex jimmassimizzaw il-benefiċju mill-għajnuna jew jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta' qabel kollha.

It-2 RakkomandazzjoniIl-Kummissjoni għandha żżomm il-fokus tagħha fuq l-implimentazzjoni rapida ta' l-għajnuna, iżda wkoll tagħti attenzjoni suffiċjenti għal aspetti ta' effettività bħall-abilità tal-benefiċjarji li jassorbu kompletament l-assistenza provduta (partikolarment fil-kuntest ta' proġetti ta' bini ta' l-istituzzjoni).

Sa liema punt il-proġetti ffinanzjati nkoraġġew ir-responsabbilità tal-pajjiż riċevitur?

68.

Filwaqt li r-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur kienet ikkunsidrata prijorità mill-Kummissjoni, ma kienx hemm approċċ konsistenti sabiex tintlaħaq din il-mira u l-approċċi ta' immaniġġjar ma nkoraġġixxewx tali responsabbilità.

69.

Il-pajjiżi riċevituri kellhom biss involviment limitat fl-identifikazzjoni tal-proġett u fil-fażi tas-sejħa għall-offerti. Lejn it-tmiem tal-programm ir-riżorsi mill-pajjiżi riċevituri żdiedu, għalkemm ir-responsabbiltà baqgħet limitata. Minkejja li l-pajjiżi riċevituri impenjaw ruħhom li jikkoordinaw il-ħafna donaturi differenti fiż-żona — indikatur importanti ta' responsabbilità — il-verifika ma sabet l-ebda evidenza li seħħet tali koordinazzjoni.

It-3 RakkomandazzjoniGħall-programm IPA il-Kummissjoni għandha tindirizza l-aspett importanti tar-responsabbiltà tal-pajjiż riċevitur permezz ta' strateġiji speċifiċi fl-oqsma kollha ta' maniġment u l-implimentazzjoni, b'mod partikolari s-sejħa għall-offerti.

Kemm kienu effettivi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni biex jidentifikaw nuqqasijiet u jxerrdu informazzjoni, u kemm kienet f'waqtha l-azzjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni?

70.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kienu tajbin f'ċerti partijiet, iżda ta' kwalità inkonsistenti. Il-proċeduri ta' monitoraġġ ma kinux jaqblu bejn id-Delegazzjonijiet u l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, għalkemm mill-2005 kienet applikata metodoloġija komuni. Nuqqas ta' indikaturi tal-proġett adattati kkompromettew l-effettività tal-monitoraġġ. Evalwazzjoni tal-programm CARDS kienet imwettqa kif kien previst, imma s-segwitu mill-Kummissjoni kien tard. Inkonsistenzi mhux ġustifikati jeżistu bejn id-Delegazzjonijiet u l-EAR fir-rigward ta' l-intensità ta' l-evalwazzjoni tal-proġett jew tas-settur u t-tixrid tar-riżultati ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

Ir-4 RakkomandazzjoniIl-prattiċi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jiġu armonizzati, inklużi li tiġi estiża l-prattika ta' l-EAR li jiġu evalwati proġetti individwali/setturi u li jiġu kkomunikati r-riżultati u l-lezzjonijiet mgħallma lid-Delegazzjonijiet.Il-Kummissjoni għandha tassigura li hija ssegwi l-evalwazzjonijiet fil-pront.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-28 ta' Ġunju 2007.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 (ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1).

(2)  Fi Frar 2003 l-FRY kienet ristrutturata f'Unjoni ta' Stat ta' żewġ repubbliki “is-Serbja u l-Montenegro”. Il-Karta Kostituzzjonali ppermettiet, wara tliet snin, waħda jew l-oħra mir-repubbliki li jagħmlu referendum għall-indipendenza tagħhom. Montenegro għamlet referendum għall-indipendenza fir-rebbiegħa ta' l-2006 skond l-istandards internazzjonali. Il-vot sabiex taqta' r-rabtiet mas-Serbja eċċeda l-livell massimu ta' 55 %, li ppermetta lill-Montenegro biex tiddikjara formalment l-indipendenza tagħha fit-3 ta' Ġunju 2006. Jumejn wara, is-Serbja ddikkjarat li hija kienet l-istat suċċessur għall-unjoni tas-Serbja u l-Montenegro.

(3)  Matul ir-rapport, referenza għas-Serbja għaldaqstant teskludi l-provinċja tal-Kosovo.

(4)  Meta tqabbel ir-Regolament TACIS li jkopri l-istess perijodu bħal CARDS jipprevedi ammont ta' inqas minn 2 euro per capita per annum.

(5)  L-Artikolu 13 tar-Regolament CARDS stabbilixxa li “mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill rapport ta' valutazzjoni, flimkien ma' proposti għall-futur ta' dan ir-Regolament u għal xi emendi li jeħtieġ li jsirulu”.

(6)  Il-konklużjonijiet prinċipali ta' l-evalwazzjoni ta' l-assistenza lill-pajjiżi Balkani taħt ir-Regolament CARDS (KE) Nru 2666/2000 (Nru tal-kuntratt: B7-6510/2002/005) kienu:

a)

il-programm CARDS kien relevanti ħafna sabiex jassigura appoġġ finanzjarju u tekniku għall-proċess ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Adeżjoni;

b)

in-natura u l-approċċ ċentralizzat jistgħu jsiru ostaklu għar-responsabbiltà u l-effettività tal-programm;

c)

li l-appoġġ jiġi bbilanċjat għall-bini ta' l-istituzzjoni u l-investiment għall-iżvilupp kien sfida kruċjali;

d)

id-dimensjoni reġjonali tal-programm kienet dgħajfa.

(7)  Fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 (ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1).

(8)  Is-Sħubija Ewropea għall-Kroazja kienet approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/648/KE (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 19).

(9)  Referenza magħmula għal punt 3.1.4. tal-linji gwida għall-implimentazzjoni ta' qafas komuni għall-karti strateġiċi tal-pajjiż.

(10)  Minn mindu saret pajjiż kandidat fl-2004, il-Kroazja bbenefikat minn strumenti ta' qabel l-adeżjoni. Reviżjoni tal-MIP CARDS għall-2005-2006 għaldaqstant ma kienx neċessarju.

(11)  Il-Kumitat Maniġerjali CARDS huwa kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni.

(12)  Analiżi benefiċju-spiża tippermetti miżura ta' effiċjenza ekonomika tal-programm jew proġett, kif ukoll tipprovdi bażi għal tqabbil ma' alternattivi.

(13)  Proġetti ta' kull sena n ta' l-ipprogrammar huma implimentati fis-sena n u fis-snin segwenti.

(14)  Id-Delegazzjonijiet KE qegħdin jimplimentaw programmi CARDS fl-Albanija, fil-Bosnja u l-Ħerzegovina u fil-Kroazja.

(15)  L-EAR għandha ċentri operattivi fil-FYROM, fil-Kosovo, fil-Montenegro u fis-Serbja.

(16)  Diġa' f'Mejju 1998, il-Kummissjoni kienet nediet il-ġemelaġġ bħala għodda prinċipali għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni għall-bini ta' l-istituzzjoni. Fil-Laqgħa Għolja ta' Tessaloniki, f'Ġunju 2003 enfasizzat l-importanza tal-ġemellaġġ fil-Balkani tal-Punent.

(17)  Referenza magħmula għall-evalwazzjoni EAR UE/13/040/05 ta' Novembru 2005.

(18)  Fiche ta' proġett huwa deskrizzjoni (medja ta' 4-5 paġni) mingħajr termini ta' referenza speċifiċi. Id-deskrizzjoni inizjali tinkludi l-loġika ta' intervent ta' proġett prevista, objettivi, riżultati u attivitajiet ta' proġett. Huwa jevalwa r-riskji tal-proġett u jidentifika indikaturi verifikabbli oġġettivament (OVIs) u mezzi sabiex jiġu vverifikati dawn l-indikaturi.

(19)  B'riżultat tad-devoluzzjoni, id-Delegazzjonijiet KE huma responsabbli għall-preparazzjoni tal-proġett, kuntrattazzjoni, u implimentazzjoni finanzjarja u teknika. B' konsegwenza r-rwol tas-servizzi ċentrali fi Brussell evolva lil hinn mill-immaniġġjar dirett ta' proġetti lejn monitoraġġ u appoġġ lid-Delegazzjonijiet.

(20)  Il-proċess ta' devoluzzjoni kien beda fil-Bosnja u l-Ħerzegovina fl-1998, anke qabel id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni f'Mejju 2000 tar-riforma maġġuri ta' l-immaniġġjar tal-programm ta' l-għajnuna esterna tagħha. Id-Delegazzjoni kienet devoluta fl-2001 u d-Delegazzjoni fl-Albanija fl-2003.

(21)  L-EAR kienet stabbilita fi Frar 2000, il-predeċessur tagħha, it-task force għall-Kosovo, bdiet topera fl-1999. Fl-2001, il-mandat ta' l-aġenzija kien estiż għas-Serbja u l-Montenegro u fl-2002 għal dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(22)  Fil-preżent il-Kosovo huma taħt l-amministrazzjoni UNMIK kif definita taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU 1244.

(23)  In-nuqqasijiet huma wkoll ikkonfermati mill-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu CARDS.

(24)  Referenza hija magħmula għar-Rapport Speċjali Nru 10/2004 dwar id-Devoluzzjoni ta' għajnuna esterna mill-KE lid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni (GU C 72, 22.3.2005).

(25)  Referenza magħmula għall-Artikolu 2 fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2006) 264 (E/148/2006): Għall-CARDS, din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal numru ta' proġetti miftehma bejn il-Kummissjoni u l-Kroazja fil-Ftehim ta' Finanzjament CARDS 2003 (iffirmat fit-2 ta' Settembru 2003) u fil-Ftehim ta' Finanzjament CARDS 2004 (iffirmat fid-29 ta' Novembru 2004).

(26)  ĠU C 235, 29.9.2006.

(27)  L-għola livell ta' kuntrattazzjoni Albaniż ta' l-2004 huwa mill-inqas parzjalment konsegwenza tal-missjoni ta' verifikazzjoni tad-devoluzzjoni tal-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni mwettqa f'Diċembru 2003. Il-missjoni kkonkludiet li l-konferma finali tad-devoluzzjoni tas-sotto Delegazzjoni kienet kondizzjonali biex tintlaħaq il-mira ta' sejħa għall-offerti ta' 25 miljun euro fi skadenza ta' sitt xhur.

(28)  Il-programmi annwali fihom lista dettaljata ta' proġetti — l-imsemmija fiches tal-proġett — li għandhom ikunu ffinanzjati u jispeċifikaw l-ammonti relevanti. Sa mill-2005 il-fiches tal-proġett qed jiġu gruppati u kkonsolidati f'fiches tas-settur. Formalment il-fiches tal-proġett ma kinux parti mid-deċiżjoni ta' finanzjament tal-Kummissjoni għaldaqstant ma kinux jorbtu legalment mhux bħal fiches tas-settur.

(29)  Ħlief għall-kuntratt ta' għotja fejn il-kofinanzjament huwa obbligu. Għotja hija pagament dirett ta' natura mhux kummerċjali mill-Komunità Ewropea lil benefiċjarju speċifiku biex jimplimenta azzjoni li tifforma parti mill-politika ta' l-UE.

(30)  Proġetti vverfikati jinkludu per eżempju ċentru turistiku fil-fortizza Travnik fil-Bosnja u l-Ħerzegovina u librerija mobbli fil-belt ta' Zadar fil-Kroazja.

(31)  Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna kienet iffirmata wara l-Forum ta' Livell Għoli li kien imtella' f'Pariġi f'Marzu 2005. Fost il-parteċipanti kien hemm il-Kummissjoni Ewropea u 91 pajjiż, tnejn minnhom kienu jirrappreżentaw ż-żona CARDS (l-Albanija u s-Serbja-Montenegro).

(32)  Ir-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 1085/2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).


ANNESS

PROĠETTI CARDS IVVERIFIKATI (Total ta' 33)

 

Programm Annwali

Data tal-firma

Settur

EUR

L-ALBANIJA

1

Fond Komunitarju għall-Iżvilupp Lokali

2002

10/2003

Żvilupp Reġjonali

7 400 000

2

EURALIUS — Missjoni ta' Assistenza Ewropea lis-Sistema Ġudizzjarja Albaniża

2002

05/2005

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

4 498 686

3

PAMECA II — Missjoni ta' Assistenza tal-Puliżija tal-Komunità Ewropea lill-Albanija

2004

12/2004

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

3 800 000

4

Il-Qrati ta' l-Appell ta' Vlora u Korça

2003

05/2005

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

1 630 395

5

ASYCUDA II — Assistenza Teknika u Taħriġ

2002

04/2005

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

399 815

Total

17 751 366

IL-BOSNJA U L-ĦERZEGOVINA

1

Kostruzzjoni tal-Punt ta' Qsim tal-Fruntieri

2001

02/2004

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

3 427 967

2

Assistenza Teknika lit-Twaqqif ta' Spazju Ekonomiku Uniku II

2002

04/2003

Żvilupp Ekonomiku

1 939 802

3

Verifika tal-Funżjonament Bażiku u Finanzjarja ta' l-Istituzzjonijiet tal-BiH

2001

04/2003

Amministrazzjoni Pubblika

146 513

4

Taħriġ tal-Prosekuturi fil-BiH fuq il-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali l-ġodda

2002

04/2003

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Puliżija

146 255

5

Evalwazzjoni, disinn, superviżjoni ta' l-ibblokkjar ta' qsim illegali tal-Fruntieri lejn il-Kroazja

2001

04/2003

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

144 900

6

Bini mill-ġdid ta' parti mill-fortizza Travnik għal turiżmu edukattiv (parti mill-EU-RED)

2002

12/2004

Żvilupp Reġjonali

57 433

Total

5 862 870

IL-KROAZJA

1

Modernizzazzjoni tas-sorveljanza tal-Fruntieri ta' l-istat

2004

05/2005

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

5 000 000

2

Appoġġ lil art kadast u riform tar-reġistru ta' l-art

2002

05/2003

Żvilupp Ekonomiku

5 000 000

3

Reġistrazzjoni tad-dominju marittimu

2003

02/2004

Żvilupp Ekonomiku

2 000 000

4

Agrikoltura u prodotti ta' l-Ikel

2002

03/2005

Agrikoltura

1 749 864

5

Appoġġ lis-sistema tal-qorti Kroata. Assistenza fir-riforma tal-qorti

2002

02/2004

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

1 000 000

6

Fornitura għal Tagħmir għas-Sistema ta' Intelliġenza Kriminali

2002

12/2004

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

248 944

7

Librerija Mobbli tal-Belt Zadar

2002

07/2005

Stabbilizzazzjoni Demokratika

238 630

Total

15 237 438

DIK LI QABEL KIENET IR-REPUBBLIKA YUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

1

Awto-governanza lokali. Kostruzzjoni ta' toroq lokali f'9 muniċipalitajiet

2004

11/2004

Żvilupp Reġjonali

3 474 623

2

Provvista ta' vetturi għall-puliżija tal-Fruntieri — Lott 1

2003

10/2004

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

2 486 726

3

Żvilupp tal-kapaċità operattiva biex tikkumbatti l-money laundering

2002

09/2004

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

700 000

4

Żvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-Qrati

2003

09/2004

Il-Korp Ġudizzjarju u l-Pulizija

148 495

5

TA biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta' l-IBM

2002

11/2004

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

55 540

Total

6 865 384

IL-KOŻOVO

1

Riforma ta' l-Amministrazzjoni Pubblika — Żvilupp Muniċipali u Infrastruttura Soċjali, Assistenza Teknika

2003

12/2004

Żvilupp Ekonomiku

11 200 000

2

Programm għad-drittijiet minoritarji u għar-ritorni — Programm ta' rintergrazzjoni fil-muniċipalità ta' Prizren (Prizren 615 000 EUR)

2004

08/2004

Refjuġati u IDPs

5 000 000

3

Appoġġ istituzzjonali lill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija

2003

04/2004

Żvilupp Ekonomiku

2 235 760

Total

18 435 760

IS-SERBJA

1

Bidla Radikali ta' l-Impjant Elettriku ta' l-Unità A5 Nikola Tesla (Ftehim ta' Għotja)

2003

12/2003

Enerġija

42 721 021

2

Appoġġ lill-Istrateġija Nazzjonali Għal Għeluq ta' Ċentri Kollettivi fis-Serbja

2004

12/2004

Refjuġati u IDPs

4 443 000

3

Tisħiħ ta' l-Immaniġġjar tal-Kwalità, Kapaċitajiet u Infrastruttura fl-Unjoni ta' l-Istat

2003

12/2003

Reforma ta' l-Amministrazzjoni Pubblika

3 559 520

4

Assisstenza Sabiex Jitwaqqaf Suq ta' l-Elettriku fis-Serbja

2004

01/2005

Enerġija

2 723 637

5

Verifika Interna u l-Fażi 2 PIFC

2003

04/2005

Reforma ta' l-Amministrazzjoni Pubblika

1 870 680

6

Assistenza lill-Uffiċċju ta' l-Integrazzjoni Ewropea

2002

04/2002

Reforma ta' l-Amministrazzjoni Pubblika

1 500 000

7

Appoġġ lill-Inizjattivi ta' Qsim tal-Fruntieri Għall-IDPs Mill-Kosovo

2004

08/2004

Refjuġati u IDPs

449 983

Total

57 267 841

TOTAL ĠENERALI

121 420 659


TWEĠIBA TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU

I.

Introduzzjoni għat-tweġiba tal-Kummissjoni

Il-Balkani tal-Punent kienu mifnija b’konflitt li ntemm lejn l-aħħar tas-snin disgħin. L-assistenza ta’ wara l-gwerra mill-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi fir-reġjun bdiet b’assistenza ta’ emerġenza taħt strument legali adottat fl-1996 u evolviet fir-rikostruzzjoni, kemm tal-bini ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-investiment, b’livell akbar ta’ responsabbiltà f’idejn il-pajjiżi benefiċjarji, sakemm kienu jippermettu ċ-ċirkustanzi politiċi u ekonomiċi.

Il-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mniedi fis-sena 2000 wassal għall-adozzjoni tal-programm għal Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabilizzazzjoni (Community Assistance for Reconstruction, Development and Stabilisation — CARDS) u miżuri oħra. Il-pajjiżi ħarġu mill-konflitt u s-sistemi nbidlu b’modi differenti, u kif juri r-rapport, dan irrifletta ruħu fl-implimentazzjoni tal-programmi.

III.

Il-Programmi Multiannwali Indikattivi (PMI) għall-Balkani tal-Punent fihom referenzi għal prijoritajiet għal Patenarjat Ewropew li ggwidaw b’mod ċar l-ipprogrammar.

IV.

L-unifikazzjoni tal-bażi ġuridika u l-implimentazzjoni tar-Regolamenti CARDS ippermettew li jkun hemm titjib sinifikanti biex tasal l-għajnuna lill-Balkani tal-Punent.

V.

Ir-regolamenti CARDS ma jfasslux responsabbilitajiet speċifiċi għall-pajjiżi benefiċjarji. Għalhekk ħafna mill-programmi CARDS kienu implimentati permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata jew mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR). Kulmeta kien possibli, ir-responsabbiltajiet tal-ġestjoni evolvew biex ippermettew lill-benefiċjarji li jkunu involuti mill-qrib fl-ipprogrammar ta’ l-attivitajiet, fil-valutazzjoni ta’ l-offerti u fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni.

VI.

Minħabba li l-Kummissjoni u l-EAR huma żewġ korpi separati, jeżistu metodoloġiji differenti għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni. Madanakollu, l-istess metodoloġija ser tintuża fil-pajjiżi kollha għall-istrumenti ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

VII.

Il-Balkani tal-Punent kienu, u għadhom fi stati differenti ta’ tranżizzjoni u żvilupp. Filwaqt li l-assistenza għas-Serbja, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kożovo għall-bidu ffukat fuq il-ħtiġiet ta’ emerġenza, l-għajnuna għall-Kroazja kienet diretta lejn it-titjib tal-kapaċità amministrattiva.

VIII.

Il-gwida strateġika għandha tkun imtejba taħt l-IPA, grazzi għat-twaqqif tad-dokument dwar l-ippjanar indikattiv multiannwali, fejn l-oqsma prinċipali għall-intervenzjonijiet ta’ kull pajjiż benefiċjarju huma definiti u l-assistenza taħt il-komponeneti differenti ta’ l-IPA hi kkoordinata.

L-eżistenza tal-bażi ġuridika unika u s-sistema ta’ avvanz għal tliet snin magħżula għall-ippjanar finanzjarju skond l-IPA tippermetti li jkun hemm iżjed flessibilità mill-istrumenti ta’ qabel u tgħin lis-servizzi tal-Kummissjoni biex iqisu aħjar il-fattur tal-kapaċità ta’ assorbiment.

L-intenzjoni hi, li kull benefiċjarju jiġġestixxi l-fondi ta’ l-UE b’mod diċentralizzat, u b’hekk tkun qed tissaħħaħ aktar ir-responsabbiltà tal-benefiċjarju. Dan hu għaliex strateġija lejn ġestjoni diċentralizzata tkun żviluppata wkoll fil-pajjiżi kandidati potenzjali, sabiex jippermettulhom li progressivament jerfgħu r-responsabbiltà tal-proċess ta’ implimentazzjoni.

OSSERVAZZJONIJIET

15.

Minħabba li l-ambjent tal-Balkani tal-Punent qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel, irid jinsab l-aħjar bilanċ għall-ipprogrammar strateġiku. Country Strategy Papers (CSPs) speċifiċi żżejjed setgħu kienu anqas siewja fl-ipprogrammar strateġiku.

Saru evalwazzjonijiet regolari tas-CSP’s, minħabba l-Patenarjati, sabiex ikun identifikat jekk bidliet fis-sitwazzjoni tal-pajjiż ikunx jixirqilhom reviżjoni fl-istrateġija.

16.

Il-Programmi Multiannwali Indikattivi (PMI) għall-Balkani tal-Punent fihom referenzi għal prijoritajiet għal Patenarjat Ewropew li ggwidaw b’mod ċar l-ipprogrammar.

17.

Il-kummenti tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-CARDS ittieħdu in kunsiderazzjoni meta ġew iffinalizzati d-dokumenti.

18.

Kienu mfassla analiżi settorjali f’firxa ta’ dokumenti għall-ipproġrammar: L-MIP, il-patenarjati Ewropej, kif ukoll programmi annwali li sar qabel. Il-Programmi li kienu ppjanati u implimentati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji u d-donaturi, partikolarment l-Istati Membri ta’ l-UE, jagħtu prijorità lill-Patenarjat Ewropew, kif rifless fl-MIP. Il-programmi annwali jibnu fuq il-fażijijiet ta’ qabel ta’ l-assistenza tal-KE lill-pajjiżi benefiċjarji.

19.

Il-Kummissjoni taqbel mal-bżonn li tiżviluppa metodolġija aktar ċara li tgħin fil-proċess ta’ prijoritizzazzjoni bejn il-proġetti alternattivi.

Kaxxa 1-Eżempji ta’ proġetti mhux implimentati

Każ 1: L-ebda appoġġ politiku lill-Istituzzjoni Suprema tal-Verifika Serba (SAI)

Kien hemm xi evoluzzjonijiet minn mindu sar l-awditjar. F’Novembru ta’ l-2005 kienet adottata liġi li tistabbilixxi l-SAI u l-korp ta’ l-istituzzjoni qiegħed fil-proċess li jiġi mwaqqaf.

Każ 2: Il-missjoni ta’ Assistenza tal-Pulizija tal-Kummissjoni Ewropea għall-Albanija

Fuq sfond ta’ bidliet mgħaġġla fl-Albanija u fil-kuntest ta’ nuqqas konsiderevoli ta’ ħin bejn l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, il-proġetti li kienu ppjanati oriġinarjament, f’ċerti każijiet, kienu riorjentati biex jirriflettu aħjar il-bżonnijiet tal-benefiċjarju u biex jikkoordinaw l-attivitajiet ma’ donaturi oħra, u dan jispjega li f’xi każijiet il-miżuri li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu ma kinux għal kollox konformi mad-dokument tal-proġett.

21.

L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji u l-Kummissjoni sa minn kmieni fis-sena 2002, flimkien inkoraġġew evoluzzjoni lejn proġetti u programmi billi għamlu enfasi akbar fuq il-bini ta’ l-istituzzjonijiet. Minkejja dan, partijiet tar-reġjun għad għandhom bżonn ta’ infrastruttura għat-toroq, għat-trasport, u għall-enerġija hekk kif il-pajjiżi benefiċjarji kienu ħerġin minn konflitt u snin ta’ nuqqas ta’ investiment.

22.

Fir-rigward tal-bini ta’ l-istituzzjonijijiet (it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika (fis-servizz ċivili, fil-kapaċità amministrattiva, fil-baġit u fil-ġestjoni fiskali…), riforma fil-gvern lokali, li jkun ikkonsolidat l-istat tad-dritt permezz ta’ riformi guridiċi u politiċi, eċċ.) allokazzjoni settorjali ġew provduti mill-Kummissjoni f’dokumenti ta’ strateġija bħalma hu l-MIP. Wara l-2002, il-programmi ta’ l-Aġenżija iffokaw dejjem aktar fuq il-bini ta’ l-istituzzjonijiet.

24.

Ix-xogħol ta’ l-EAR iffoka l-ewwel fuq li jistostitwixxi l-emerġenza u jerġa’ jġib f’posthom is-servizzi bażiċi. Partikolarment dan kien il-każ fis-sitwazzjonijijiet ta’ wara l-konflitt fil-Kożovo, fis-Serbja u sa ċertu punt fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

L-għotja malajr ta’ l-assistenza inkoraġġixxa l-evoluzzjoni fil-proċess għar-riforma ta’ dan ta’ l-aħħar.

25.

L-amministrazzjoni ta’ l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ma kinitx lesta li tieħu l-inizzjattiva ta’ Ġemellaġġ sa ftit taż-żmien ilu. Attwalment, sabiex tkun tista’ tniedi l-kuntratti ma’ l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-EAR kellha bżonn ta’ l-amministrazzjoni tal-pajjiż ospitanti biex tħejji d-dokumenti għall-ġemellaġġ. Minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità fil-ministeri konċernati biex iħejju d-dokumentazzjonijiet neċessarji, il-bidla minn assistenza teknika tradizzjonali għal dik ta’ ġemellaġġ ħadet iżjed fit-tul minn pajjiżi kandidati oħra.

F’konformità mal-mandat politiku ta’ l-Aġenda ta’ Thessaloniki ta’ Ġunju 2003, il-Ġemellaġġi kienu inkorporati aktar fix-xogħol ta’ l-Aġenzija. Fil-frattemp, Il-Kummissjoni poġġiet it-tagħrif u t-taħriġ għad-dispożizzjoni tal-maniġers tal-programmi ta’ l-Aġenzija.

Kaxxa 2-Proġett ta’ bini ta’ l-istituzzjoni dirett mill-ġdid-Immaniġġjar Integrat tal-Fruntiera f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

L-għanijiet tal-proġett kopert: It-twaqqif tas-Servizz tal-Pulizija ta’ mal-Fruntiera u t-trasferiment tar-responsabbiltajiet operarattivi f’konformità ma’ l-għanijiet strateġiċi tal-Ġestjoni Integrata ta’ mal-fruntiera (IBM).

Il-fondi allokati kienu tabilħaqq użati biex jinxtraw vetturi għall-pulizija ta’ mal-fruntiera. Fil-perjodu ta’ bejn l-abbozz tad-dokument u l-implimentazzjoni, l-iżviluppi wrew il-bżonn li jkun hemm reviżjoni tal-prijoritajiet.

Proġett ta’ Riforma fil-Pulizija kopra l-proċeduri għar-reklutaġġ;

L-assistenza ta’ l-OSCE indirizzat it-taħriġ tal-Pulizija ta’ mal-fruntiera;

It-tagħmir biex jiġu skoperti dokumenti ffalsifikati, li f’dak iż-żmien ta’ l-implimentazzzjoni ma kinux għadhom użati għal kollox, kien fornut skond il-proġett ta’ qabel Phare 2000. Il-provvista ta’ tagħmir simili addizzjonali għalhekk ma kienx xieraq.

Inħoloq is-Servizz tal-Pulizija ta’ mal-fruntiera mill-awtoritajiet nazzjonali taħt il-finanzjament nazzjonali (inkluż it-trasferiment tar-responsabbiltajiet operattivi mill-Ministeru għad-Difiża għal dak ta’ l-Intern f’konformità ma’ l-istrateġija ta’ l-IBM) Madanakollu, is-servizz li kien għadu kif inħoloq, kien kollu kemm hu mingħajr tagħmir operattiv u ma setgħax iwettaq ir-responsabbiltajiet operattivi tiegħu.

Minħabba dan, l-akkwist tal-vetturi tqies li ma kienx xieraq.

36.

 

a)

il-Programm ta’ Azzjoni Reġjonali Annwali ta’ l-2002 u l-2003 kellu proġett ta’ Ġestjoni Integrata ta’ mal-Fruntiera li kien immaniġjat fuq livell reġjonali mill-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni fi Brussell.

b)

Kien ikkunsidrat aktar effiċjenti li timmaniġġja ħafna mill-programmi ta’ ritorn għar-refuġjati fuq livell nazzjonali.

c)

Il-programmi Reġjonali huma ppjanati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni flimkien mad-delegazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tal-pajjiż benefiċjarji.

37.

 

a)

Il-Kummissjoni evalwat pożittivament il-kapaċità tal-Fond ta’ Żvilupp Albaniż f’konformità mar-regolament Finanzjarju li kien japplika minn meta beda l-programm ta’ azzjoni fl-2002.

39.

Il-Ftehim ta’ Finanzjament fir-rigward tal-Programm Annwali tal-CARDS 2001 għall-Albanija kien iffirmat f’Marzu ta’ l-2002, u minn hemm bdiet id-dekonċentrazzjoni tal-programm CARDS. L-implimentazzjoni tal-Programmi Annwali tal-CARDS 2001 u 2002 setgħu jibdew biss fl-2003, u bħala konsegwenza, ir-rata ta’ l-implimentazzjoni kibret mis-sena 2004.

Fil-Kroazja, il-programmi 2001 u 2002 kienu tabilħaqq implimentati fl-istess ħin, iżda bħala regola, dejjem hemm perjodu ta’ tliet snin ta’ implimentazzjoni fl-istess ħin ta’ żewġ programmi sekwenzjali.

Kaxxa 4-Il-kapaċità amministrattiva nazzjonali mġebbda fl-Albanija

Il-konċentrazzjoni ta’ proġetti fis-settur tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni rriflettew bir-reqqa l-bżonnijiet identifikati u l-prijorità kbira li taw lil dan is-settur l-UE u donaturi oħra.

Dan il-proġett kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. L-istruttura tas-sistema ġuridika fl-Albanija, bħal fi kwalunkwe pajjiż ieħor, tinvolvi bosta sħab fil-proġetti u l-istituzzjonijiet benefiċjarji. Aktar minn hekk, l-impatt tagħha jiddependi ħafna mir-rieda politika tal-benefiċjarji biex jaġixxu għar-rakkomandazzjonijiet tat-tim tal-proġettt. F’dan il-kuntest, l-instabbilità politika fl-Albanija affettwat l-implimentazzjoni. Rapport ta’ l-evalwazzjoni ppubblikat f’April ta’ l-2007 rrikonoxxa wkoll li d-disinn tal-proġett kien ambizzjuz ħafna.

40.

Il-fatt li hemm varjetà kbira u numru kbir ta’ benefiċjarji, anke f’settur wieħed partikolari, iżid tabilħaqq id-diffikultà iżda ma jimplikax li l-impatt fuq il-proġetti neċessarjament jonqos.

Kaxxa 5-Appoġġ lis-Sistema tal-Qorti Kroata

Il-proġett CARDS 2002 kellu żewġ kondizzjonijiet: i) l-eżistenza ta’ l-istrateġija għar-riforma ġudizjarja u ii) l-implimentazzjoni tal-proġett ġudizzjarju CARDS 2001 kellhom ikunu qed jiffunzjonaw sew.

Fil-mument li beda d-djalogu politiku tal-proġett u li sar l-abbozz ta’ l-istrateġija għar-riforma ġuridika kienu ferm avvanzati sabiex ikun ġustifikat il-bidu tal-proġett.

44.

Anke jekk, kif tgħid il-Qorti, ir-regolament tal-Kunsill ma jiddefinixxix responsabbiltajiet speċifiċi għall-pajjiż benefiċjarju, sakemm ikun possibli, il-Kummissjoni żiedet progressivament ir-responsabbiltajiet tal-ġestjoni għall-pajjiżi. Kien hemm evoluzzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġestjoni li ppermettew lill-benefiċjarji li jkunu involuti mill-qrib fil-programmi ta’ attivitajiet, li jivvalutaw l-offerti u fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni. Parti mill-programm tal-CARDS fil-Kroazja issa hu mmaniġġjat mill-pajjiż stess b’konformità mas-Sistema ta’ Ġestjoni Diċentralizzata.

46.

Filwaqt li l-promozzjoni ta’ l-involviment tal-benefiċjarju hi ġeneralment metodu ċar biex tittejjeb l-effikaċja ta’ l-assistenza ta’ l-UE, l-involviment tal-benefiċjarji fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni taħt sistema ta’ ġestjoni ċentralizzata hi ferm aktar diffiċli biex tassigura milli taħt sistema ta’ Ġestjoni diċentralizzata.

48.

Fil-qafas definit mill-regolamenti tal-CARDS, il-Kummissjoni ppromwoviet ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi benefiċjarji kulmeta kien possibbli billi qieset il-kapaċitajiet tal-pajjiżi konċernati.

49.

F’ħafna mill-pajjiżi benefiċjarji, tant kienet diffiċli s-sitwazzjoni tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi lokali li l-ebda riżors ma seta’ jitwarrab fil-ġenb minnhom biex jikkofinanzjaw il-proġetti.

52.

L-awtoritajiet nazzjonali bbenifikaw mit-taħriġ lokali għall-proċeduri ta’ l-offerti, li kienu organizzati mill-Kummissjoni.

54.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja ta’ l-Għajnuna kienet iffirmata fl-2005, u fil-mument ta’ l-awditjar il-priċipji tagħha ma seta’ kellhom l-ebda impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni tal-CARDS.

Fil-Kroazja, il-Kummissjoni ħadet it-tmun biex tistabbilixxi l-mekkaniżmu tal-Koordinazzjoni tad-Donatur ta’ l-UE fl-2000. It-teħid tar-responsabbiltà għall-proċess ta’ koordinazzjoni mill-awtoritajiet Kroati (l-amministrazzjoni ta’ l-NAC) kien inkorraġġit bil-qawwa, iżda sfortunatament ma tantx kien effettiv.

L-Aġenzija kkoordinat mill-qrib ma’ donaturi oħra preżenti fir-reġjun l-aktar fil-qafas ta’ laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari ospitati miċ-ċentri operattivi ta’ l-Aġenziji. Aktar minn hekk, f’dawn il-laqgħat il-benefiċjarji qed ikollhom rwol prinċipali li dejjem jikber.

59.

L-evalwazzjonijiet sistematiċi tal-proġetti tal-CARDS mid-Delegazzjonijiet jistgħu jitjiebu. Madanakollu, ir-responsabbiltà li jsiru valutazzjonijiet indipendenti taqa’ fuq il-Kwartieri Ġenerali u fuq l-EAR, u d-Delegazzjonijiet mhumiex sottomessi għal dawn l-obbligi.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

61.

L-assistenza tal-CARDS fil-Balkani tal-Punent u speċjalment fil-Kosovo kellhom jiffukaw fuq il-provvista tal-bżonnijiet ta’ emerġenza urġenti għal ilma nadif, it-tisħin u l-kostruzzjoni tad-djar u t-toroq.

Minkejja dan, mill-2002 l-assistenza bdiet biex tiffoka fuq l-isforzi għal riformi u għalhekk biex jinbnew l-istituzzjonijiet fi ħdan il-CARDS.

62.

Il-gwida strateġika tal-Kummissjoni kienet ifformulata fid-dokumenti tal-Partenarjat Ewropew u kienet imsejsa fuq l-analiżi tal-ħtiġijiet fir-rapport Annwali dwar il-Progress.

63.

Il-linji gwida tas-CSP ma setgħux kienu fformulati xort’oħra meta jitqies l-ambjent li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel fil-Balkani tal-Punent. Aktar minn hekk, minħabba l-Partenarjat, saru eżamijiet regolari tas-CSP sabiex ikunu identifikati jekk il-bidliet fis-sitwazzjoni tal-pajjiż kienx jistħoqqilhom reviżjoni ta’ l-istrateġija.

64.

Il-pajjiżi koperti mill-EAR wara s-sena 2000 kienu ħerġin minn sitwazzjoni ta’ konflitt. F’konformità mal-Programmi tal-KE ix-xogħol l-ewwel iffoka fuq li jagħti għajnuna fl-emerġenza u li jerga’ jħaddem is-servizzi bażiċi.

Din l-assistenza mogħtija malajr ippermettiet kemm il-progress tal-proċess tar-riforma, kif ukoll li l-assistenza tevolvi lejn il-bini ta’ l-istituzzjonijiet. Madanakollu, l-użu ta’ ġemellaġġ fih innifsu mhux sinjal ta’ progress.

Qabel l-2004 ħafna prerekwiżiti ma kinux għadhom saru, biex jitħaddem sew il-Ġemellaġġ, iżda s-sitwazzjoni minn dakinhar inbidlet u issa qed jitħaddem ħafna. Fl-2007 ħafna Ġemellaġġi qed jitħaddmu f’pajjiżi fejn l-EAR qed timmaniġġja l-assistenza.

L-1 Rakkomandazzjoni

Il-gwida strateġika taħt l-IPA qed tingħata permezz ta’ dokumenti ta’ ppjanar indikattiv speċifiku multiannwali tal-pajjiż (MIPD) u permezz ta’ MIPD multi benefiċjarju. Id-dokumenti tal-pajjiżi jinkludu valutazzjoni konsolidata ta’ l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-importanza relattiva tal-prijoritajiet għall-assistenza, u l-mod kif din tkun tradotta f’għażliet strateġiċi taħt kull kompnent ta’ l-IPA. Deskrizzjoni ta’ l-oqsma prinċipali għall-interventi taħt kull komponent, ir-riżultati antiċipati u l-allokazzjoni fininzjarja indikattiva huma provduti wkoll fl-MIPDs. Dan għandu jippermetti l-parti strateġika ta’ l-implimentazzjoni biex tkun rinforzata b’mod sinifikanti taħt l-IPA.

65.

L-għażla tal-kombinazzjoni ta’ diversi strateġiji ta’ ġestjoni saret sabiex tassigura li l-għajnuna tingħata malajr u rriflettiet in-nuqqasijiet ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali. F’kuntest bħal dan, dehret impossibli li fiċ-ċirkostanzi kollha jiġi assigurat il-massimu tal-benefiċċju ta’ l-għajnuna.

67.

F’bosta każijiet il-benefiċjarji rreaġixxxew sew biex titwettaq l-assistenza u għall-evoluzzjoni tagħha. Madanakollu, l-elementi kollha neċessarji ma kinux f’posthom biex jiggarantixxu l-assorbiment sodisfaċenti ta’ l-assistenza.

It-2 Rakkomandazzjoni

Taħt l-IPA l-għan hu li tipprovdi assistenza mmirata u effiċjenti lill-pajjiżi benefiċjarji kollha. Dan hu għaliex minkejja l-iffukar kontinwu fuq l-implimentazzjoni rapida ta’ l-għajnuna, ir-regolament tal-Kummissjoni ta’ l-IPA pprovda mogħdija progressiva lejn id-diċentralizzazzjoni.

Il-kapaċità ta’ l-assorbiment hi waħda mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi lill-pajjiżi benefiċjarji fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Indikattiv Multiannwali (MIFF).

68.

Sa mis-sena 2000 ir-responsabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji żdiedet b’mod ċar u viżibbli — f’termini ta’ koordinazzjoni, ta’ input, u ta’ kapaċità teknika.

Il-livell ta’ responsabbiltà f’kull pajjiż involut irrifletta t-tradizzjonijiet differenti, il-kapaċità, l-istorja, it-talbiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiż benefiċjarju.

69.

Tul dawn l-aħħar sitt snin ir-responsabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji żdiedet b’mod ċar u viżibbli — f’termini ta’ koordinazzjoni, ta’ input, u ta’ kapaċità teknika.

L-evoluzzjoni pożittiva tieħu diversi forom — f’ipprogrammar permezz ta’ diskussjonijiet u dibattiti, permezz ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, iżda wkoll ferm aktar permezz ta’ koordinazzjoni tad-donatur.

It-3 Rakkomandazzjoni

Taħt l-IPA, ser tingħata ħafna enfasi fuq ir-responsabbiltà għall-proċess ta’ l-implimentazzjoni sħiħa mill-pajjiż benefiċjarju.

Għalhekk, l-għan kulmeta jkun applikabbli hu ġestjoni diċentralizzata. Għal dan, jeħtieġ li jkun hemm strutturi u sistemi speċifiċi, li jridu jitħaddmu mill-pajjiż benefiċjarju. Taħt l-IPA, kondizzjonijiet u obbligi aktar stretti huma previsti biex jinkisbu poteri ta’ ġestjoni mill-Kummissjoni lill-pajjiż benefiċjarju.

Finalment, biex tassigura s-sjieda mill-awtoritajiet nazzjonali, il-programmi nazzjonali huma adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-proposti tal-proġetti sottomessi mill-pajjiż benefiċjarju.

70.

Minħabba li l-Kummissjoni u l-EAR huma żewġ korpi separati, jeżistu metodoloġiji differenti għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni. Madanakollu, taħt l-IPA, l-istess metodoloġija ser tintuża fil-pajjiżi kollha hekk kif l-EAR ser tispiċċa sal-31 ta’ Diċembru 2008.

Ir-4 Rakkomandazzjoni

Il-Kummisssjoni skedat reviżjoni tal-prattiċi ta’ l-evalwazzjoni u fil-frattemp provdiet prattiċi armonizzati għad-Delegazzjonijiet permezz tal-Gwida għall-Awto-Evalwazzjoni li tinkludi l-arranġamenti biex jiġu mxerrda r-riżultati u jittieħdu l-lezzjonijiet. L-evalwazzjoni personali fuq livell ta’ proġett għadu jikkomplimenta l-evalwazzjoni indipendenti fuq livell ta’ pprogrammar li sar mill-Unità inkarigata.

Qed titħaddem sistema għall-follow-up sistematiku ta’ l-evalwazzjonijiet li tinkludi l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ informazzjoni fi żmien xahar mill-ħruġ tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-settur mal-ħarġa sussegwenti tat-tabella segwenti mill-operat tar-rakkomandazzjonijiet. B’żieda ma’ dan, l-arranġamenti għar-rapportar dwar il-follow-up tar-rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjoni jinvolvu li l-operati jirrapportaw sena wara dwar x’azzjonijiet ikunu ttieħdu. Il-Kummissjoni tirrevedi safejn u sakemm ikunu ttieħdu l-azzjonijiet ta’ follow-up.