52007PC0851

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi {SEC(2007)1718} {SEC(2007)1720} /* KUMM/2007/0851 finali - COD 2007/0259 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.12.2007

KUMM(2007) 851 finali

2007/0295 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

(preżentata mill-Kummissjoni){SEC(2007)1718}{SEC(2007)1720}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta

L-għan tal-proposta huwa li jkunu stabbiliti regoli armonizzati dwar il-kostruzzjoni tal-vetturi bil-mutur bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern waqt li fl-istess ħin ikun previst livell għoli ta’ ħarsien ambjentali rigward l-emissjonijiet atmosferiċi.

Il-funzjonament xieraq tas-suq uniku fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ standards komuni li jillimitaw l-emissjoni ta’ inkwinanti atmosferiċi minn vetturi bil-mutur. Azzjoni fuq il-livell Komunitarja tipprevjeni li jitfaċċaw standards tal-prodott li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor li jirriżulta fil-frammentazzjoni tas-suq intern u fl-impożizzjoni ta’ ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ intra-Komunitarju.

L-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom huma mħassba dwar ir-riskji għal saħħet il-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mit-tniġġis ta’ l-arja. Għalkemm f’dawn l-aħħar għaxar snin il-kwalità ta’ l-arja tjiebet, għad hemm problemi sinifikanti bil-kwalità ta’ l-arja ma’ l-Unjoni Ewropea kollha, speċjalment fiż-żoni urbani u f’reġjuni ferm popolati.

Il-kuntest ġenerali

Il-limiti ta’ emissjoni ta’ l-Euro IV għat-trakkijiet u għall-karozzi tal-linja huma applikabbli mid-9 ta’ Novembru 2006 u l-limiti ta’ emissjoni ta’ l-Euro V se japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2008 għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda[1] fiż-żewġ każi.

Bl-ebda bidla fil-politika tat-tnaqqis tal-livelli ta’ emissjoni għall-vetturi bil-mutur heavy-duty , hemm riskju għoli li l-funzjonament tas-suq intern jitgħarraq jekk l-Istati Membri jfittxu li jieħdu azzjoni unilaterali. Il-kwalità fqira ta’ l-arja wkoll se tibqa’ kwistjoni fl-Unjoni Ewropea bit-tniġġis atmosferiku jkompli jkollu impatt detrimentali fuq saħħet il-bniedem.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-rekwiżiti għall-emissjonijiet minn vetturi u magni heavy-duty bħalissa huma regolati mid-Direttiva 2005/55/KE1 kif tiġi implimentata mid-Direttiva 2005/78/KE.[2]

Il-konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra ta’ l-Unjoni

Il-proposta ġiet żviluppata fil-kuntest tal-programm “Arja Nadifa għall-Ewropa” (CAFE) li pprovda l-bażi teknika għall-preparazzjoni ta’ l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja.[3] CAFE vvaluta l-livelli ta’ l-emissjonijiet, il-kwalità kurrenti u futura ta’ l-arja u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ aktar miżuri sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni identifikat miżuri li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-livelli meħtieġa ta’ kwalità ta’ l-arja. L-Euro VI hija waħda fost diversi miżuri ta’ din ix-xorta li huma importanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-prekursuri ta’ l-ożonu (bħall-ossidi tan-nitroġenu-NOX u l-idrokarbonji-HC) u l-materja partikulata.

Barra minn hekk, il-proposta hija għalkollox konformi ma’ l-għanijiet ta’ l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli ta’ l-Unjoni Ewropea u tagħti kontribut sinifikanti għall-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona.

2) IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TA’ L-IMPATT

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

L-oqsma xjentifiċi/ta’ kompetenza kkonċernati

Il-proposta kienet teħtieġ analiżi tat-teknoloġiji tal-vetturi li għandhom jintużaw sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u ta’ l-ispejjeż assoċjati ħalli jinkisbu x-xenarji differenti għall-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-Euro VI.

Il-metodoloġija li ntużat

Fis-sena 2004, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-partijiet interessati dwar il-limiti ta’ emissjoni l-ġodda ta’ l-Euro VI għall-vetturi heavy-duty . Il-kwestjonarju żviluppa numru ta’ xenarji għal valuri ta’ limitu ġodda u fittex data dwar it-teknoloġija li tkun meħtieġa sabiex jintlaħqu dawk il-valuri u l-ispejjeż assoċjati. Bord espert ta’ konsulenti indipendenti kien involut sabiex janalizza r-risposti għall-kwestjonarju. L-għan kien li r-risposti tal-partijiet interessati jkunu vvalutati u vvalidati u tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar it-teknoloġija meħtieġa u l-ispiża għal kull xenarju. Din l-informazzjoni ntużat sabiex ikunu mudellati l-impatti ta’ numru ta’ xenarji ta’ limiti ta’ emissjoni.

L-organizzazzjonijiet/esperti prinċipali kkonsultati

Id-data nġabret mingħand firxa ta’ partijiet interessati fil-qasam tal-karozzi u grupp ta’ konsulenti mmexxija mit-TNO fl-Olanda għamlu paragun bejn id-data differenti.

Sommarju tal-parir riċevut u li ntuża

Il-bord ta’ konsulenti ġabar fil-qosor id-data dwar l-ispejjeż ipprovduta mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni użat ir-rapport tal-bord bħala kontribut għall-analiżi tad-diversi xenarji tal-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet. Il-valuri ta’ limitu preferuti ntgħażlu fuq il-bażi tal-fattibbiltà teknika u ta’ l-effikaċja fl-infiq tagħhom.

Il-mezzi li ntużaw biex il-parir espert ikun disponibbli għall-pubbliku

Ir-rapport tal-bord espert huwa disponibbli minn fuq is-sit web tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija.[4]

L-istima ta’ l-impatt

Bħalissa qed tiġi żviluppata Stima ta’ l-Impatt, fejn qed jitqiesu ħames għażliet ta’ politika:

(1) Il-metodu ta’ ‘l-ebda bidla fil-politika’ : għall-vetturi heavy-duty jibqgħu fis-seħħ il-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-Euro V (id-Direttiva 2005/55/KE kif emendata).

Bl-ebda bidla fil-politika biex jitnaqqsu l-livelli ta’ emissjoni għall-vetturi bil-mutur, hemm riskju kbir li l-funzjonament tas-suq intern jitgħarraq. Huwa probabbli li fin-nuqqas ta’ standards ta’ emissjoni aktar stretti fuq il-livell Ewropew, l-Istati Membri jibdew jilleġiżlaw huma stess jew jibdew jużaw miżuri oħra, bħal li jipprojbixxu formalment li ċerti tipi ta’ vetturi jidħlu fil-bliet jew joħolqu żoni ta’ emissjonijiet baxxi.

Kwalità fqira ta’ l-arja se tibqa’ kwistjoni fl-Unjoni Ewropea peress li t-tniġġis atmosferiku se jkompli jkollu impatt detrimentali fuq saħħet il-bniedem. Il-Programm CAFÉ wera li minkejja t-titjib fl-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti, il-projezzjonijiet juru li l-impatti fuq is-saħħa mit-tniġġis ta’ l-arja min-naħa għall-oħra ta’ l-UE fl-2020 xorta jkunu konsiderevoli.

Għalhekk, din l-għażla ta’ politika titqies bħala li mhix vijabbli.

(2) Il-metodu regolatorju fuq il-livell Ewropew: ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-Euro V permezz ta’ l-iffissar tal-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet il-ġoddda ta’ l-Euro VI fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea.

B’paragun max-xenarju ta’ l-ebda bidla fil-politika, l-għażla regolatorja se jkollha l-benefiċċji ċari li tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern u li ttejjeb il-kwalità ta’ l-arja. Dan se jtejjeb is-saħħa pubblika u, b’hekk, se jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

L-impatti indiretti ta’ l-għażla regolatorja jistgħu jkunu pożittivi f’termini tal-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE, speċjalment fi swieq b’regolamentazzjoni ambjentali stretta fis-seħħ.

Fi ħdan dan il-metodu, tqieset il-possibbiltà li l-istadju ta’ l-Euro VI jiġi applikat f’pass wieħed jew fi tnejn imma skond l-appoġġ tal-maġġoranza l-kbira, li kien espress fir-risposti għall-konsultazzjoni pubblika, ġie deċiż li l-istadju ta’ l-Euro VI jiġi introdott f’pass wieħed.

B’hekk, fil-proposta qed tiġi segwita l-għażla ta’ metodu regolatorju.

(3) Ir-regolamentazzjoni fl-Istati Membri : l-Istati Membri jiżviluppaw l-istandards ta’ emissjoni tagħhom stess u/jew jimponu miżuri oħra ta’ politika (eż. restrizzjonijiet temporanji fuq is-sewqan ta’ vetturi li mhumiex konformi ma’ standards aktar ambizzjużi)

Dan il-metodu jkollu effetti detrimentali fuq il-funzjonament tas-suq intern, pereżempju rigward is-suq tal-vetturi kummerċjali, imma anki fil-moviment liberu tal-merkanzija trasportata b’dawn il-vetturi. Għalhekk dan il-metodu ġie miċħud.

(4) L-inċentivi fiskali mill-Istati Membri: fuq bażi volontarja, l-Istati Membri jintroduċu inċentivi fiskali bażiċi għal vetturi li jissodisfaw valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet aktar stretti mill-Euro V.

Tul perjodu twil ta’ żmien, is-sostenibbiltà ta’ tali miżuri tista’ titqiegħed f’dubju. Għalhekk, din il-politika tista’ twassal għal inċertezza konsiderevoli għall-manifatturi rigward id-domanda għal vetturi aktar nodfa.

Barra minn hekk, tipi differenti ta’ reġimi ta’ inċentivi f’pajjiżi ġirien jistgħu jirriżultaw f’effetti transkonfinali imprevedibbli, kemm f’termini ta’ xejriet ta’ xiri tal-vetturi kif ukoll fl-impatti fuq it-tniġġis ta’ l-arja. L-eżistenza kontinwa tas-suq uniku għall-vetturi għalhekk tista’ titqiegħed f’riskju.

B’hekk, din l-għażla ma tiżgurax li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika u tista’ anki jkollha impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern billi tnaqqas iċ-ċertezza rigward id-domanda għal tipi speċifiċi ta’ vetturi.

Għalhekk, dan mhux il-metodu li għandu jkun segwit.

(5) Il-metodu mhux regolatorju: l-awto-regolamentazzjoni permezz ta’ impenji negozjati ma’ l-industrija tal-karozzi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi l-ġodda.

Mhux ċar li impenn min-naħa ta’ l-industrija jipprovdi garanzija adegwata li se jintlaħaq livell speċifiku ta’ emissjonijiet jew li se jkun hemm sanzjonijiet xierqa disponibbli jekk l-impenn min-naħa ta’ l-industrija jinkiser. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-użu ta’ metodu volontarju joffri l-ebda benefiċċju addizzjonali lill-industrija, lill-gvernijiet jew lill-pubbliku ġenerali.

Is-sensiliet Euro ta’ regolamenti dwar l-emissjonijiet qed jintużaw b’mod wiesa’ f’bosta swieq emerġenti. Għalhekk, l-iżviluppi fis-sistema regolatorja għall-emissjonijiet stabbiliti fl-UE għandhom implikazzjonijiet importanti madwar id-dinja. Pass lil hinn minn metodu regolatorju lejn wieħed volontarju għalhekk ifixkel il-proċess ta’ armonizzazzjoni globali.

L-għażla ta’ metodu mhux regolatorju għalhekk mhix se titqies aktar.

3) L -ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

L-aspett prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jeħtieġ li l-limiti ta’ emissjoni tal-vetturi jsiru aktar iebsa għall-materja partikulata (PM) u għall-ossidi tan-nitroġenu (NOX).

Se jkun meħtieġ tnaqqis ta’ 66% fil-massa ta’ l-emissjonijiet tal-partikulati minn vetturi b’magni compression-ignition . Filwaqt li dan il-limitu ta’ emissjoni aktar baxx ma jippreskrivix teknoloġija partikolari, de facto se jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ filtri għall-partikulati tad-diżil (DPFs).

Il-limitu ta’ emissjoni magħżul għall-partikulati jista’ jintlaħaq permezz ta’ filtri miftuħa jew magħluqa. Il-filtri magħluqa għandhom il-benefiċċju li jnaqqsu l-partiċelli ferm irqaq li jitqiesu bħala l-aktar dannużi għas-saħħa. Sabiex tkun ipprevenuta l-possibbiltà li fil-ġejjieni, jiġu żviluppati filtri miftuħa li jissodisfaw il-limitu l-ġdid tal-massa tal-partikulati imma jippermettu li jgħaddu numru kbir ta’ partiċelli ferm irqaq, qed jiġi ppjanat li aktar ’il quddiem jiġi introdott standard ġdid li jillimita n-numru ta’ partiċelli li jistgħu jiġu emessi. Bħalissa mhux xieraq li jiġi definit standard numeriku peress li qed issir riċerka min-NU/ECE taħt il-Programm tal-Kejl tal-Partikulati (PMP). Il-grupp ta’ ħidma tan-NU/ECE għadu qed jeżamina l-kwistjoni. Ladarba r-riżultati tal-PMP jkunu disponibbli, għandu jkun implimentat standard numeriku.

Għall-vetturi b’magni compression-ignition , qed jiġi ppjanat tnaqqis ta’ 80% fl-NOx. Biex ikun hemm konformità ma’ dan il-limitu ta’ emissjoni, fl-istat kurrenti tat-teknoloġija se jkunu meħtieġa l-qisien interni tal-magna (eż. ir-Riċirkolazzjoni tal-Gass ta’ l-Egżost - EGR) u t-tagħmir tat-trattament ta’ wara (eż. it-Tnaqqis Katalitiku Selettiv - SCR). Il-proposta tinkludi wkoll tnaqqis fl-emissjonijiet minn magni positive-ignition .

Il-proposta tinkludi rekwiżit li l-informazzjoni dwar is-sistema dijanjostika fil-vettura (OBD) u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi jkunu disponibbli permezz tas-siti web fil-format standardizzat żviluppat minn kumitat tekniku ta’ partijiet interessati (dak li jissejjaħ il-‘format OASIS’).

L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti Armonizzati Dinjija huwa element importanti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-ittestjar ta’ l-industrija tal-karozzi u se tiffavorixxi l-kompetittività tal-manifatturi Ewropej tal-magni u tal-vetturi. F’dan il-kuntest, din il-proposta qed tintroduċi rekwiżiti, li ġew żviluppati fil-qafas tan-NU-ECE WP.29 – il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi – relatati ma’:

1. L-użu ta’ ċikli ta’ sewqan armonizzati dinjija fi stat stabbli (WHSC) u tranżitorji (WHTC) għall-evalwazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti.

2. L-ittestjar ta’ l-emissjonijiet u l-metodoloġija tal-kejl.

3. Is-sistemi dijanjostiċi fil-vettura Armonizzati Dinjija (WWH-OBD)

Il-proposta qed tintroduċi wkoll rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-komponenti ta’ wara t-trattament ta’ l-egżost bħal katalisti u filtri għall-partikulati tad-diżil (DPFs).

Il-bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta huwa l-Artikolu 95 tat-Trattat.

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed b’azzjonijiet mill-Istati Membri, minħabba l-ħtieġa li jkun evitat li jitfaċċaw barrieri għas-suq uniku u minħabba l-implikazzjonijiet transkonfinali tat-tniġġis ta’ l-arja.

L-immudellar atmosferiku juri li t-tniġġis emess fi Stat Membru wieħed jikkontribwixxi għat-tniġġis imkejjel fi Stati Membri oħra; b’hekk biex tkun solvuta l-problema tat-tniġġis ta’ l-arja, hija meħtieġa azzjoni miftiehma fuq l-iskala ta’ l-UE.

Azzjoni Komunitarja se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għaliex se tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern li kien jirriżulta kieku ma titteħditx l-azzjoni. Bl-iffissar ta’ standards uniformi għal-livell ta’ l-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti minn vetturi bil-mutur, il-proposta tiżgura kwalità aħjar ta’ l-arja fl-Unjoni Ewropea u tindirizza l-problema tat-tniġġis ta’ l-arja transkonfinali.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern waqt li fl-istess ħin ikun previst livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.

L-analiżi ta’ l-ispejjeż u tal-benefiċċji li qed titwettaq fil-qafas ta' l-istima ta’ l-impatt tal-proposta turi li l-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet magħżula jipprovdu benefiċċji għas-soċjetà kollha.

L-għażla ta’ l-istrumenti

L-istrument propost huwa Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja:

- L-użu ta’ Regolament jitqies bħala adattat biex jipprovdi l-assigurazzjoni meħtieġa għal konformità filwaqt li ma jeħtieġx it-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri.

Il-proposta tuża l-“metodu b’livelli diversi” li ntuża f’biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni, eż. fil-każ tad-Direttiva preċedenti għall-emissjonijiet tal-vetturi heavy-duty .[5] Dan il-metodu jipprevedi li l-proposta u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni jsiru skond żewġ rotot differenti imma paralleli:

- l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet prinċipali se jkunu stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat KE permezz ta’ proċedura ta’ ko-deċiżjoni (il-‘proposta ta’ ko-deċiżjoni’);

- it-tieni nett, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet prinċipali se jkunu stabbiliti f’Regolament li jiġi adottat mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ kumitat regolatorju (il-‘proposta ta’ komitoloġija’).

4) L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-propsta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

5) INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Is-simulazzjoni, il-fażi pilota u l-perjodu tranżitorju

Hemm perjodi tranżitorji ġenerali fil-proposta sabiex ikun hemm biżżejjed termini ta’ żmien għall-manifatturi tal-vetturi.

Is-semplifikazzjoni

Il-proposta tipprevedi s-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-aġġornament u s-semplifikazzjoni ta’ l- acquis Komunitarju”[6] tidentifika, bħala qasam prijoritarju għas-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, is-sistema ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur. Id-Direttivi 2005/55/KE, 2005/78/KE u 2006/51/KE se jiġu revokati. Barra minn hekk, id-Direttiva 80/1269/KEE,[7] u l-emendi tagħha, relatata mal-qawwa tal-magna tal-vetturi bil-mutur, se tiġi revokata wkoll u r-rekwiżiti tekniċi tagħha se jkunu inklużi f’din il-proposta.

Il-proposta tipprevedi s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (ta’ l-UE jew nazzjonali). Il-proposta hija inkluża fil-programm li għaddej tal-Kummissjoni għall-aġġornament u għas-semplifikazzjoni ta’ l- acquis communautaire u tal-Programm Leġiżlattiv ta’ Ħidma tagħha bir-referenza 2007/ENTR/009.

Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta se twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan qed jiġi deskritt fid-dettall fl-Artikolu 15 tal-proposta.

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2007/0295 (COD)

Proposta għal

REG OLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,[8]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[9]

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,[10]

Billi:

(1) Is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital irid ikun żgurat. Għal dak il-għan ġiet stabbilita sistema Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur. Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur rigward l-emissjonijiet għalhekk għandhom ikunu armonizzati sabiex ikun evitat li r-rekwiżiti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.

(2) Dan ir-Regolament huwa regolament separat ġdid fil-kuntest tal-proċedura Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip skond id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas)[11]. Għaldaqstant, l-Annessi IV, VI u XI ta' dik id-Direttiva għandhom ikunu emendati b’mod xieraq.

(3) Wara t-talba tal-Parlament Ewropew, ġie introdott metodu regolatorju ġdid fil-leġiżlazzjoni tal-KE rigward il-vetturi. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jistabbilixxi biss dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-emissjonijiet tal-vetturi, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu stabbiliti b’miżuri implimentattivi li jiġu adottati skond proċeduri ta’ komitoloġija.

(4) Is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali li ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 jistabbilixxi l-ħtieġa li t-tniġġis jitnaqqas għal livelli li jiminimizzaw l-effetti dannużi fuq saħħet il-bniedem, billi tagħti attenzjoni partikolari lil popolazzjonijiet sensittivi u lill-ambjent kollu. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja stabbiliet standards xierqa għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali għall-ħarsien ta’ saħħet il-bniedem u partikolarment ta’ individwi sensittivi, kif ukoll għal-limiti massimi ta’ l-emissjonijiet nazzjonali. Il-programm ta’ Arja Nadifa għall-Ewropa (CAFE) wassal għall-adozzjoni ta’ strateġija tematika dwar it-tniġġis ta’ l-arja.[12] Waħda mill-konklużjonijiet ta’ dik l-istrateġija tematika hija li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kwalità ta’ l-arja ta’ l-UE huwa meħtieġ aktar tnaqqis fl-emissjonijiet mis-settur tat-trasport (it-trasport bl-ajru, dak marittimu u fuq l-art), mid-djar u mis-setturi ta’ l-enerġija, ta' l-agrikoltura u industrijali. F’dan il-kuntest, il-kompitu li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi għandu jkun avviċinat bħala parti minn strateġija ġenerali. L-istandards ta’ l-Euro VI huma waħda mill-miżuri mfassla sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet effettivi waqt l-użu ta’ l-inkwinanti ta’ l-arja bħall-inkwinanti f’partikulati (PM) kif ukoll il-prekursuri ta’ l-ożonu bħall-ossidi tan-nitroġenu u l-idrokarbonji.

(5) Biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-UE għall-kwalità ta’ l-arja jinħtieġ sforz kontinwu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi. Għal dik ir-raġuni, l-industrija għandha tkun ipprovduta b’informazzjoni ċara dwar il-valuri ta’ limitu futuri ta’ l-emissjonijiet.

(6) B’mod partikolari, sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u jkun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għal-limiti massimi tat-tniġġis u ta’ l-emissjonijiet nazzjonali huwa meħtieġ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ l-ossidi tan-nitroġenu minn vetturi heavy-duty . L-iffissar ta’ valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet ta’ l-ossidi tan-nitroġenu minn kmieni għandu jipprovdi sigurtà fl-ippjanar tul perjodu twil ta’ żmien u mifruxa ma’ l-Ewropa kollha għall-manifatturi tal-vetturi.

(7) Fl-iffissar ta’ l-istandards ta’ emissjoni huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għall-kompetittività tas-swieq u tal-manifatturi, l-ispejjeż diretti u indiretti imposti fuq in-negozji u l-benefiċċji li jakkumulaw f’termini ta’ stimolu lill-innovazzjoni, titjib tal-kwalità ta’ l-arja, tnaqqis fl-ispejjeż tas-saħħa u żjieda fl-istennija għall-ħajja.

(8) Aċċess mhux ristrett għal informazzjoni dwar it-tiswija tal-vetturi, permezz ta’ format standardizzat li jista’ jintuża sabiex tkun irkuprata l-informazzjoni teknika, u l-kompetizzjoni effettiva fuq is-suq għas-servizzi ta’ tiswija u ta’ informazzjoni dwar il-manutenzjoni tal-vetturi huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, partikolarment rigward il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti s-servizzi. Proporzjon kbir minn tali informazzjoni huwa relatat ma’ sistemi dijanjostiċi fil-vettura u l-interazzjoni tagħhom ma’ sistemi oħra tal-vetturi. Huwa xieraq li jkunu stabbliti speċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu segwiti mill-manifatturi fis-siti web tagħhom, flimkien ma’ miżuri mmirati sabiex ikun żgurat aċċess raġonevoli għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(9) Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-emissjonijiet li s’issa għadhom mhumiex irregolati u li tfaċċaw b’konsegwenza ta’ użu usa’ ta’ formulazzjonijiet ġodda tal-fjuwil, ta’ teknoloġiji tal-magni u ta’ sistemi ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet u, fejn ikun meħtieġ, għandha tressaq proposta quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex tali emissjonijiet jiġu regolati.

(10) Huwa xieraq li tkun inkoraġġita l-introduzzjoni ta’ vetturi li jieħdu fjuwils alternattivi, li jista’ jkollhom emissjonijiet baxxi ta’ ossidi tan-nitroġenu u ta’ partikulati. B’hekk, għandhom ikunu introdotti valuri ta’ limitu għall-idrokarbonji, għall-idrokarbonji mhux tal-metanu u għall-metanu.

(11) Sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti f’partikulati ferm irqaq ( (PM 0.1 µm u inqas) jiġu kkontrollati, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta metodu bbażat fuq in-numru rigward l-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti f’partikulati minbarra l-metodu bbażat fuq il-massa li qed jintuża bħalissa. Il-metodu bbażat fuq in-numri rigward l-emissjonijiet tal-partiċelli għandu jkun imsejjes fuq ir-riżultati tal-Programm tal-Kejl tal-Partikulati (PMP) tan-NU/ECE u għandu jkun konsistenti ma’ l-għanijiet ambizzjużi eżistenti għall-ambjent.

(12) Il-Kummissjoni għandha tadotta ċikli ta’ sewqan armonizzati dinjija fil-proċedura tat-test li tipprovdi l-bażi għar-regolamenti tal-KE dwar l-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip. Għandhom jitqiesu wkoll l-applikazzjoni ta’ sistemi li jinġarru tal-kejl ta’ l-emissjonijiet biex ikunu vverifikati l-emissjonijiet effettivi waqt l-użu u l-introduzzjoni ta’ proċeduri sabiex ikunu kontrollati l-emissjonijiet off-cycle (OCE).

(13) Is-sistemi dijanjostiċi fil-vettura (OBD) huma importanti sabiex ikunu kontrollati l-emissjonijiet waqt li l-vettura tkun qed tintuża. Minħabba l-importanza li jiġu kontrollati l-emissjonijiet dinjija reali, il-Kummissjoni għandha tanalizza r-rekwiżiti għal tali sistema u l-limiti ta’ tolleranza għall-monitoraġġ tal-ħsarat.

(14) Sabiex tkun immonitorjata l-kontribuzzjoni ta’ dan is-settur għall-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra (GHG), il-Kummissjoni għandha tintroduċi l-kejl tal-konsum tal-fjuwil u ta’ l-emissjonijiet tad-disjossidu tal-karbonju ta’ vetturi heavy-duty .

(15) Sabiex ikunu kkontrollati aħjar l-emissjonijiet effettivi waqt l-użu inklużi l-OCE u sabiex ikun iffaċilitat il-proċess ta’ konformità waqt l-użu, għandhom ikunu adottati metodoloġija ta’ ttestjar u rekwiżiti ta’ rendiment ibbażati fuq sistemi li jinġarru ta’ kejl ta’ l-emissjonijiet (PEMS).

(16) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-kwalità ta’ l-arja, il-Kummissjoni għandha tintroduċi dispożizzjonijiet armonizzati sabiex tiżgura li l-emissjonijiet off-cycle minn magni u vetturi heavy-duty jiġu kontrollati b’mod xieraq tul firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet operattivi tal-magni u ta’ l-ambjent.

(17) Il-funzjonament korrett tas-sistema ta’ wara t-trattament, u b’mod aktar speċifiku fil-każ ta’ l-NOx, huwa r-rekwiżit bażiku sabiex ikunu sodisfatti l-istandards stabbiliti għall-emissjonijiet ta’ l-inkwinanti. F’dan il-kuntest, għandhom ikunu introdotti miżuri sabiex tkun iggarantita l-ħidma xierqa ta’ sistema li jistrieħu fuq l-użu ta’ reaġent.

(18) Permezz ta’ inċentivi fiskali, l-Istati Membri jistgħu jaċċeleraw it-tqegħid fuq is-suq ta’ vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġew adottati fil-livell Komunitarju. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li jinkludu l-emissjonijiet fil-bażi għall-kalkolu tat-taxxi imposti fuq il-vetturi.

(19) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw irwieħhom li qed jiġu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(20) Ir-rekwiżiti tal-qawwa tal-magna tal-vetturi bil-mutur inklużi fid-Direttiva 80/1269/KE għandhom jiġu introdotti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 għandu jiġi emendat b’mod xieraq u d-Direttiva 80/1269/KE għandha tkun revokata.

(21) L-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jitħassar peress li dan ir-Regolament jirrevoka d-Direttiva li hemm referenzi għaliha. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 għandu jiġi emendat b’mod xieraq.

(22) Sabiex tkun issemplifikata l-leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa xieraq li d-Direttivi eżistenti jiġu sostitwiti minn Regolament. L-użu ta’ regolament għandu jiżgura li d-dispożizzjonijiet tekniċi dettaljati jkunu direttament applikabbli għall-manifatturi, għall-awtoritajiet ta’ approvazzjoni u għas-servizzi tekniċi u li jistgħu jiġu aġġornati b’mod mgħaġġel u effiċjenti. Għandha tiġi revokata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty , jiġifieri d-Direttivi 2005/55/KE 2005/78/KE u 2006/51/KE.

(23) Il-miżuri li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.[13]

(24) B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa li tintroduċi valuri ta’ limitu bbażati fuq in-numru ta’ partiċelli fl-Anness I, li tispeċifika l-valur tal-livell ammissibbli tal-komponent NO2 fil-valur ta’ limitu ta’ l-NOx, li tistabbilixxi proċeduri, testijiet u rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip, kif ukoll proċedura ta’ kejl għan-numru ta’ partiċelli, u li tadotta miżuri li jikkonċernaw emissjonijiet off-cycle , aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u ċ-ċikli ta’ test li jintużaw sabiex jitkejlu l-emissjonijiet. Peress li dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(25) L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri r-realizzazzjoni tas-suq intern permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi komuni li jikkonċernaw emissjonijiet minn vetturi bil-mutur u aċċess iggarantit għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għal operaturi indipendenti fuq l-istess bażi bħal negozjanti u sewwejja awtorizzati, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, fejn il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ġie stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, magni u parts ta’ sostituzzjonijiet rigward l-emissjonijiet tagħhom.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli għal konformità waqt l-użu ta’ vetturi u ta’ magni, kemm jiflaħ strapazz it-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, is-sistemi dijanjostiċi fil-vettura (OBD), il-kejl tal-konsum tal-fjuwil u ta’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) u tad-duħħan tad-diżil u l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

Artikolu 2

L-ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 kif ġew iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE b’massa ta’ referenza li taqbeż l-2,610 kg u għall-vetturi bil-mutur kollha tal-kategoriji M3 u N3, kif ġew iddefiniti f’dak l-Anness.

Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

Artikolu 3

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “magna” tfisser l-għajn tal-propulsjoni ta’ qawwa mekkanika ta’ vettura li għaliha tista’ tingħata approvazzjoni tat-tip bħala unità teknika separata, kif ġiet iddefinita fil-punt (25) ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(2) “inkwinanti gassużi” tfisser l-emissjonijiet tal-gass ta’ l-egżost tal-monossidu tal-karbonju, ta’ l-ossidi tan-nitroġenu, espressi f’ekwivalenti għad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2), u ta’ l-idrokarbonji;

(3) “inkwinanti f’partikulati” tfisser il-komponenti tal-gass ta’ l-egżost li jitneħħew minn gass ta’ l-egżost dilwit f’temperatura massima ta’ 325 K (52 °C) permezz ta’ filtri deskritti fil-proċedura tat-test għall-verifika ta’ l-emissjonijiet mit- tailpipe ;

(4) “emissjonijiet mit- tailpipe ” tfisser l-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u f’partikulati;

(5) “ crankcase ” tfisser l-ispazji fi, jew barra minn magna li huma konnessi mat-tank taż-żejt b’kanali interni jew esterni li minnhom jistgħu jiġu emessi l-gassijiet u l-fwar;

(6) “tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis” tfisser dawk il-komponenti ta’ vettura li jikkontrollaw u/jew jillimitaw l-emissjonijiet mit- tailpipe ;

(7) “sistema dijanjostika fil-vettura” jew “sistema OBD” tfisser sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet li għandha l-kapaċità li tidentifika ż-żona fejn probabbilment hemm ħsara permezz ta’ kodiċi ta’ ħsarat maħżuna fil-memorja ta’ kompjuter;

(8) “strateġija ta’ tbagħbis” tfisser strateġija għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet li tnaqqas l-effikaċja tal-kontrolli ta’ l-emissjonijiet f’kundizzjonijiet operattivi ambjentali jew tal-magna li jkun hemm jew waqt it-tħaddim normali tal-vettura jew barra l-proċeduri tat-testijiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip;

(9) “tagħmir oriġinali għall-kontroll tat-tniġġis” tfisser tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis jew assemblaġġ ta’ tali tagħmir kopert bl-approvazzjoni tat-tip mogħtija lill-vettura kkonċernata;

(10) “tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis” tfisser tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis jew assemblaġġ ta’ tali tagħmir maħsub biex jissostitwixxu tagħmir oriġinali għall-kontroll tat-tniġġis u li jista’ jiġi approvat bħala unità teknika separata kif ġiet iddefinita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(11) “informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi” tfisser kull informazzjoni meħtieġa għad-dijanjosi, għall-manutenzjoni, għall-ispezzjoni, għall-monitoraġġ perjodiku, għat-tiswija, għar-ri-programmazzjoni jew għar-ri-inizjalizzazzjoni tal-vettura u li l-manifatturi jipprovdu lin-negozjanti u lis-sewwejja awtorizzati tagħhom, inklużi l-emendi u s-supplimenti sussegwenti għal tali informazzjoni. Din l-informazzjoni tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex vettura tiġi mgħammra b’parts jew b’tagħmir;

(12) “operatur indipendenti” tfisser intrapriżi għajr negozjanti u sewwejja awtorizzati li jkunu direttament jew indirettament involuti fit-tiswija u fil-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur, b’mod partikolari s-sewwejja, il-manifatturi jew id-distributuri ta’ tagħmir ta’ tiswija, għodod jew sperparts, il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, il-klabbs tal-karozzi, l-operaturi ta’ l-għajnuna fit-triq, l-operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ta’ ttestjar, l-operaturi li joffru t-taħriġ lill-installaturi, lill-manifatturi u lis-sewwejja ta’ tagħmir għal vetturi li jieħdu fjuwil alternattiv;

(13) “vettura li tieħu fjuwil alternattiv” tfisser vettura ddisinjata biex tkun kapaċi taħdem b’mill-inqas tip wieħed ta’ fjuwil li jkun jew gassuż f’temperatura u fi pressjoni atmosferika, jew sustanzjalment derivat minn żejt mhux minerali;

(14) “massa ta’ referenza” tfisser il-massa tal-vettura li taħdem sew mingħajr il-massa uniformi tas-sewwieq ta’ 75 kg u miżjuda b’massa uniformi ta’ 100 kg.

Artikolu 4

L-obbligi tal-manifatturi

1. Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, irreġistrati jew li jintużaw fil-Komunità, il-magni l-ġodda kollha mibjugħa jew li jintużaw fil-Komunità u t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis il-ġdid kollu li jeħtieġu approvazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 8, li jinbiegħu jew jintużaw fil-Komunità, ikollhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament.

2. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, għal kemm jiflaħ strapazz it-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis u għall-konformità waqt l-użu jiġu segwiti.

Il-miżuri tekniċi li jieħu l-manifattur għandhom ikunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit- tailpipe jkunu effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vetturi f’kundizzjonijiet normali ta’ użu.

Għal dak il-fini, in-numru ta’ mili u l-perjodu ta’ żmien li b’referenza għalihom għandhom jitwettqu t-testijiet għal kemm jiflaħ strapazz it-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis li jsiru għall-approvazzjoni tat-tip u l-ittestjar għall-konformità tal-vetturi jew tal-magni waqt l-użu għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) 160,000 km jew ħames snin, liema minnhom jiġi l-ewwel, fil-każ ta’ magni mwaħħla fuq vetturi tal-kategoriji M1, N1 u M2,;

(b) 300,000 km jew sitt snin, liema minnhom jiġi l-ewwel, fil-każ ta’ magni mwaħħla fuq vetturi tal-kategoriji N2, N3 b’massa massima teknikament permissibbli li ma teċċedix is-16-il tunnellata metrika u M3 Klassi I, Klassi II u Klassi A, u Klassi B b’massa massima teknikament permissibbli li ma teċċedix is-7.5 tunnellati metriċi;

(c) 700,000 km jew seba’ snin, liema minnhom jiġi l-ewwel, fil-każ ta’ magni mwaħħla fuq vetturi tal-kategoriji N3 b’massa massima teknikament permisibbli li teċċedi s-16-il tunnellata u M3, Klassi III u Klassi B b’massa massima teknikament permissibbli li teċċedi s-7.5 tunnellati metriċi.

3. Skond il-proċedura li tissemma fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Ir-rekwiżiti u t-testijiet

1. Il-manifatturi għandhom jiżguraw il-konformità mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I.

2. Il-manifatturi għandhom jattrezzaw il-magni u l-vetturi ħalli l-komponenti li probabbilment jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati b’tali mod li l-magna jew il-vettura, f’użu normali, tkun tista’ tikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

3. L-użu ta’ strateġiji ta’ tbagħbis li jnaqqsu l-effikaċja tat-tagħmir ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ipprojbit.

4. Skond il-proċedura li tissemma fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE, il-Kummissjoni għandha tadotta miżura għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri għandhom jikkonċernaw dan li ġej:

(a) l-emissjonijiet mit- tailpipe , inklużi ċ-ċikli tat-test, l-emissjonijiet off-cycle , in-numru ta’ partiċelli, l-emissjonijiet waqt idling speed , l-opaċità tad-duħħan u l-funzjonament korrett u r-riġenerazzjoni korretta tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis;

(b) l-emissjonijiet mill- crankcase ;

(c) is-sistemi OBD u r-rendiment waqt l-użu tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis;

(d) kemm jiflaħ strapazz it-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, it-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis, il-konformità tal-magni u tal-vetturi waqt l-użu, il-konformità tal-produzzjoni u ta’ kemm il-vettura jew il-magna tkun tajba għat-triq;

(e) l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil;

(f) l-għoti ta’ estensjoni għall-approvazzjonijiet tat-tip;

(g) it-tagħmir tat-testijiet;

(h) il-fjuwils ta’ referenza;

(i) il-kejl tal-qawwa tal-magna;

(j) id-dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex tkun żgurata l-ħidma korretta tal-miżuri ta’ kontroll ta’ l-NOx; tali miżuri għandhom jiżguraw li l-vetturi, li jeħtieġu reaġent sabiex jirrispettaw il-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet ta’ l-NOx ma jistgħux jitħaddmu mingħajr tali reaġent.

Skond il-proċedura li tissemma fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri oħra li jikkonċernaw proċeduri, testijiet u rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip.

Artikolu 6

L-aċċess għall-informazzjoni

1. Il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess mhux ristrett u standardizzat għal informazzjoni dwar is-sistemi dijanjostiċi fil-vettura (OBD) u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi lill-operaturi indipendenti.

Għandhom japplikaw l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

2. Skond il-proċedura li tissemma fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE, għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-mod li bih l-informazzjoni dwar is-sistema OBD u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għandha tkun ipprovduta.

Skond il-proċedura li tissemma fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri oħra li jkunu meħtieġa għall-implimentazjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

L-obbligi li jikkonċernaw sistemi li jużaw reaġent konsumabbli

1. Il-manifatturi, is-sewwejja u l-operaturi tal-vetturi m’għandhomx ibagħbsu s-sistemi li jużaw reaġent konsumabbli.

2. L-operaturi tal-vetturi għandhom jiżguraw li l-vettura ma tkunx misjuqa mingħajr reaġent konsumabbli.

Artikolu 8

L-iskeda għall-applikazzjoni ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi u tal-magni

1. B’effett mid-data stabbilita fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 16, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrifjutaw, minħabba raġunijiet relatati ma’ emissjonijiet, li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali rigward tipi ġodda ta’ magna jew ta’ vettura li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament.

Iċ-ċertifikati tekniċi ta’ l-approvazzjoni tat-tip li jikkorrispondu għall-istadji ta’ emissjoni preċedenti għall-Euro VI jistgħu jingħataw lil vetturi u lil magni maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, sakemm tali ċertifikati jiddikjaraw b’mod ċar li l-vetturi u l-magni meqjusa ma jistgħux jitqiegħdu fuq is-suq Komunitarju.

2. B’effett mill-1 ta’ Ottubru 2014, fil-każ ta’ vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu ċ-ċertifikati ta’ konformità bħala li m’għadhomx aktar validi għall-finijiet ta’ l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/46/KE u, minħabba raġunijiet relatati ma’ emissjonijiet, għandhom jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta’ tali vetturi.

B’effett mill-istess data u ħlief fil-każ ta’ magni sostituti għal vetturi li qed jintużaw, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprojbixxu l-bejgħ jew l-użu ta’ magni ġodda li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament.

3. Bla ħsara għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u bil-kundizzjoni tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi li jissemmew fl-Artikolu 4(3), fl-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 5(4) u fl-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 6(2), jekk manifattur jitlob dan, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, minħabba raġunijiet relatati ma’ emissjonijiet tal-vetturi, jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ġdid ta’ vettura jew ta’ magna, jew jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew l-użu ta’ vettura ġdida u l-bejgħ u l-użu ta’ magni ġodda, fejn il-vettura kkonċernata jew il-magni kkonċernati jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

L-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward l-approvazzjoni tat-tip tal-parts ta’ sostituzzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprojbixxu l-bejgħ jew l-installazzjoni fuq vettura ta’ tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis ġdid maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati skond dan ir-Regolament, jekk ma jkunux ta’ tip li fir-rigward tiegħu ngħatat approvazzjoni tat-tip b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

L-inċentivi finanzjarji

1. Bla ħsara għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi għal dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu inċentivi finanzjarji li japplikaw għal vetturi bil-mutur fi produzzjoni f’serje, li jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

Dawk l-inċentivi għandhom japplikaw għall-vetturi l-ġodda kollha li tqiegħdu fuq is-suq ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandhom jieqfu japplikaw mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2014.

2. Bla ħsara għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi għal dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jagħtu inċentivi finanzjarji għall-iffissar retroattiv tal-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tal-vetturi li qed jintużaw u għall-iskrappjar ta’ vetturi li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament.

3. Għal kull tip ta’ vettura bil-mutur, l-inċentivi finanzjarji li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jeċċedu l-ispiża addizzjonali tat-tagħmir tekniku introdott sabiex tkun żgurata konformità mal-limiti ta’ emissjoni speċifikati fl-Anness I, inkluża l-ispiża ta’ l-installazzjoni fuq il-vettura.

4. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata bi pjanijiet sabiex jiġu istitwiti jew mibdula l-inċentivi fiskali li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 11

Il-penali

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn [DATA 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2. It-tipi ta’ ksur mill-manifatturi li huma suġġetti għal penali għandhom jinkludu:

(a) dikjarazzjonijiet foloz waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni jew waqt il-proċeduri li jwasslu għal irtirar;

(b) il-falsifikazzjoni ta’ riżultati ta’ testijiet għall-approvazzjoni tat-tip jew għal konformità waqt l-użu;

(c) iż-żamma ta’ data jew ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal revoka jew irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip;

(d) l-użu ta’ strateġiji ta’ tbagħbis;

(e) ir-rifjut li jkun ipprovdut aċċess għal informazzjoni.

It-tipi ta’ ksur mill-manifatturi, mis-sewwejja u mill-operaturi li huma suġġetti għal penali għandhom jinkludi t-tbagħbis ta’ sistemi li jużaw reaġent konsumabbli.

It-tipi ta’ ksur mill-operaturi li huma suġġetti għal penali li għandhom jinkludu s-sewqan ta’ vettura mingħajr reaġent konsumabbli.

Artikolu 12

Ir-ridefinizzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet

1. Wara li jkun ikkompletat il-Programm tal-Kejl tal-Partikulati tan-NU/ECE, immexxi taħt l-awspiċi tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi, mingħajr ma tbaxxi l-livell ta’ ħarsien ambjentali fi ħdan il-Komunità, il-Kummissjoni għandha:

(a) tintroduċi valuri ta’ limitu bbażati fuq in-numru ta’ partiċelli, u jekk ikun xieraq, tispeċifika l-valur tal-livell ammissibbli tal-komponent NO2 fil-valur ta’ limitu ta’ l-NOx; hemmhekk skond l-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2007/46/KE;

(b) tadotta proċedura ta’ kejl għan-numru tal-partiċelli.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fatturi ta’ korrelazzjoni bejn iċ-ċiklu tranżitorju Ewropew (ETC) u ċ-ċiklu stabbli Ewropew (ESC) kif ġie deskritt fid-Direttiva 2005/55/KE, u ċ-ċiklu ta’ sewqan armonizzat dinji tranżitorju (WHTC) u ċ-ċiklu ta’ sewqan stabbli armonizzat dinji fi stat stabbli (WHSC) u għandha tadotta l-valuri ta’ limitu kif ikun xieraq.

3. Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti li jissemmew fl-Artikolu 5(4) kif ukoll iċ-ċikli tat-test li ntużaw sabiex jitkejlu l-emissjonijiet.

Jekk l-analiżi ssib li dawk il-proċeduri, it-testijiet, ir-rekwiżiti u ċ-ċikli tat-test m’għadhomx aktar adegwati jew m’għadhomx aktar jirriflettu l-emissjonijiet dinjija effettivi, għandhom jiġu adattati sabiex jirriflettu adegwatament l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq.

4. Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-inkwinanti elenkati fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 3. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa xieraq li jiġu regolati l-emissjonijiet ta’ inkwinanti addizzjonali, għandha temenda dan ir-Regolament b’mod xieraq.

Artikolu 13

L-emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 għandu jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 5(3) għandu jiġi emendat kif ġej:

(i) wara l-punt (h), il-kelma “u” għandha titħassar;

(ii) għandu jiġi miżjud il-punt (j) li ġej:

‘(j) il-kejl tal-qawwa tal-magna.’

2. L-Artikolu 14(6) għandu jitħassar.

Artikolu 14

L-emendi għad-Direttiva 2007/46/KE

L-Annessi IV, VI u IX tad-Direttiva 2007/46/KE għandhom jiġu emendati skond l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Ir-revoka

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 80/1269/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 88/195/KEE, 97/21/KE, 1999/99/KE u 2005/78/KE, u d-Direttiva 2005/55/KE għandhom jiġu revokati b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2014.

2. Ir-referenzi li jsiru għad-Direttivi revokati għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ April 2013. Madankollu, l-Artikoli 8(3) u 10 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ u l-punti 1(a)(i), 1(b)(i), 2(a), 3(a)(i), 3(b)(i), 3(c)(i) u 3(d)(i) ta’ l-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNE SS I Il-limiti ta’ emissjoni ta’ l-Euro VI

Valuri ta’ limitu |

41a | Emissjonijiet (Euro VI) ta’ vetturi heavy-duty, ħlief is-sett kollu ta’ rekwiżiti relatati mas-sistemi Dijanjostiċi fuq il-Vettura (OBDs) u l-aċċess għall-informazzjoni/Aċċess għall-informazzjoni | [KE) Nru …/… għandu jiddaħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament] | [L .., …, p. .. għandha tiddaħħal ir-referenza għal dan ir-Regolament] | A |

2. Fl-Appendiċi ma' l-Anness VI, it-tabella għandha tiġi emendata kif ġej:

(a) il-punt 40 għandu jitħassar;

(b) għandu jiddaħħal il-punt 41a li ġej:

Suġġett | Referenza ta’ l-att regolatorju | Kif emendat minn | Applikabbli għall-verżjonijiet |

41a Emissjonijiet (Euro VI) ta’ vetturi heavy-duty/aċċess għall-informazzjoni | [KE) Nru …/… għandu jiddaħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament] |

3. L-Anness XI għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Fl-Appendiċi 1, it-tabella għandha tiġi emendata kif ġej:

(i) il-punt 40 għandu jitħassar;

(ii) għandu jiddaħħal il-punt 41a li ġej:

Punt | Suġġett | Referenza ta’ l-att regolatorju | M1 ( 2 500 (1) kg | M1 ( 2 500 (1) kg | M2 | M3 |

41a | Emissjonijiet (Euro VI) ta’ vetturi heavy-duty/aċċess għall-informazzjoni | [KE) Nru …/… għandu jiddaħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament] | G+H | G+H | G+H | G+H |

(b) Fl-Appendiċi 2 , it-tabella għandha tiġi emendata kif ġej:

(i) il-punt 40 għandu jitħassar;

(ii) fit-tabella għandu jiddaħħal il-punt 41a li ġej:

41a | Emissjonijiet (Euro VI) ta’ vetturi heavy-duty/aċċess għall-informazzjoni | [KE) Nru …/… għandu jiddaħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament] | X |

[1] Id-Direttiva 2005/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi u partikulati minn magni li jaħdmu b’compression ignition għall-użu f’vetturi, u l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi minn magni b’positive ignition li jaħdmu bil-gass naturali jew bil-gass likwidu tal-petroljum għall-użu f’vetturi (ĠU L 275, 20.10.2005, p. 1).

[2] Direttiva tal-Kummissjoni 2005/78/KE ta’ l-14 ta’ Novembru 2005 li timplimenta d-Direttiva 2005/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ gassijiet u partiċelli li jniġġsu minn magni li jaqbdu bil-kompressjoni li jintużaw fil-vetturi, u l-emissjoni ta’ gassijiet li jniġġsu minn magni positive combustion li jaħdmu b’gass naturali jew b’gass tal-petroljum mibdul f’likwidu għall-użu fil-vetturi u li jemenda Annessi I, II, III, IV u VI tiegħu (ĠU L 313, 29.11.2005, p. 1).

[3] COM (2005) 446 finali, 21.9.2005.

[4] http://europa.eu.int/comm/enterprise/automotive/pagesbackground/pollutant_emission/index.htm

[5] Id-Direttiva 2005/55/KE (ĠU L 275, 20.10.2005, p.1) kif ġiet implimentata mid-Direttiva 2005/78/KE (ĠU L 313, 29.11.2005, p.1).

[6] COM (2003) 71 finali, 11.2.2003.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għall-qawwa tal-magna ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 375, 31.12.1980, p. 46).

[8] ĠU C , , p. .

[9] ĠU C , , p. .

[10] ĠU C , , p. .

[11] ĠU L 263, 9.10.2007, p.1.

[12] COM(2005)0446, 21.9.2005.

[13] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L200, 22.7.2006, p.11).