52007PC0789




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.12.2007

KUMM(2007) 789 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim dwar Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Bażijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha L-Artikolu 47 tal-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra,[1] jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu b'deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa għall-implimentazzjoni ta' l-għan stabbilit f'dan l-Artikolu. |

120 | Kuntest ġenerali Fil-livell tal-Komunità, is-sistemi tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri huma kkoordinati mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71[2] u r-Regolament ta' implimentazzjoni (KEE) Nru 574/72[3]. L-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja fih dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri u l-Kroazja. Biex dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ hemm bżonn ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-SAA . Numru ta' Ftehimiet oħrajn ta' Assoċjazzjoni ma' pajjiżi terzi għandhom dispożizzjonijiet simili dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Din il-proposta hi parti mill-pakkett ta' proposti li jinkludu proposti simili dwar il-ftehimiet mal-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, ir-Repubblika eks Jugożlava tal-Maċedonja u l-Iżrael. Biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni hemm bżonn ta' Deċiżjoni mill-Kunsill . |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003[4] jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Dan ir-Regolament diġà jkopri l-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perjodi ta' assikurazzjoni miksuba mill-ħaddiema Kroati f'bosta Stati Membri rigward l-intitolament għal ċerti benefiċċji, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 47 (1), l-ewwel inċiż, ta' l-SAA mal-Kroazja. Madankollu, billi r-Regolament (KE) Nru 859/2003 hu bbażat fuq it-Titolu IV tat-Trattat, id-Danimarka mhix marbuta jew soġġetta għal dan ir-Regolament, skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Dan japplika biss għar-Renju Unit u l-Irlanda, minħabba li, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iż-żewġ Stati Membri taw notifika li xtaqu jipparteċipaw fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 859/2003. |

141 | Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TA' L-IMPATT |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

211 | Metodi ta' konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tal-parteċipanti Il-fatturi prinċipali ta' din il-proposta ġew diskussi mad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri fil-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti, entità stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Id-delegazzjonijiet kellhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw noti dwar is-suġġett. |

212 | Taqsira tat-tweġibiet u kif tqiesu Il-biċċa l-kbira tal-kummenti ta' l-Istati Membri kienu ta' natura ġenerali ħafna. Xi wħud minnhom, bħalma huma dawk li jirriferu għall-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet dwar kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi, tqiesu fil-proposta. Kwistjonijiet oħrajn, b'mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ta' multi amministrattivi, ma tqisux xierqa biex jiġu inklużi fil-proposta minħabba li jaqgħu barra mill-ambitu ta' l-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja. |

Ġbir u użu ta' għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. |

230 | Stima ta’ l-impatt L-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja fih dispożizzjonijiet dwar koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri u l-Kroazja. Numru ta' Ftehimiet oħrajn ta' Assoċjazzjoni ma' pajjiżi terzi għandhom dispożizzjonijiet simili dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Dawn kollha jeħtiġilhom Deċiżjoni mill-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni rilevanti sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali hu li ħaddiem minn pajjiż assoċjat ikkonċernat ikun jista' jirċievi ċerti benefiċċji ta' sigurtà soċjali previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat(i) Membru(i) li hu jew kien soġġett għalih/hom. Dan japplika wkoll, b'mod reċiproku, għal ċittadin ta' l-UE li qed jaħdem fil-pajjiż assoċjat. Billi d-dispożizzjonijiet kollha fil-proposti inklużi fil-pakkett attwali tal-proposti fir-rigward tas-sitt pajjiżi assoċjati (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuniżija, ir-Repubblika eks Jugożlava tal-Maċedonja, il-Kroazja u l-Iżrael) huma kważi l-istess, dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri. Jista' jkun hemm xi implikazzjonijiet finanzjarji għall-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawn il-proposti, peress li għandhom jipprovdu, pereżempju, benefiċċji kif deskritt fl-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja. Madankollu, dan l-Artikolu jikkonċerna biss persuni li qed jikkontribwixxu jew li kkontribwixxew għas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ikkonċernat, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Fi kwalunkwe każ, jista' jkun diffiċli li jitkejjel l-impatt preċiż ta' dawn il-proposti fuq is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali f'dan l-istadju. |

ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Taqsira ta' l-azzjoni proposta Din il-proposta tikkonsisti f'Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-SAA mal-Kroazja u, fl-Anness, ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta' l-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja għal Deċiżjoni ta' din ix-xorta, sabiex jiddaħħlu fis-seħħ il-prinċipji tas-sigurtà soċjali li jinsabu f'dan l-Artikolu. Id-Deċiżjoni għalhekk għandha dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja li mhumiex diġà koperti mir-Regolament (KE) Nru 859/2003. Dan jikkonċerna b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-Danimarka dwar l-aggregazzjoni tal-perjodi assikurattivi miksuba mill-ħaddiema Kroati fid-diversi Stati Membri, l-esportazzjoni ta' ċerti benefiċċji lejn il-Kroazja kif ukoll l-għoti ta' benefiċċji familjari lill-ħaddiema Kroati għall-membri tal-familji tagħhom residenti legalment fl-istess Stat Membru bħall-ħaddiem ikkonċernat. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar l-esportazzjoni tal-benefiċċji u l-għoti tal-benefiċċji familjari japplikaw ukoll, b'mod reċiproku, għall-ħaddiema mill-UE impjegati legalment fil-Kroazja u għall-membri tal-familji tagħhom residenti legalment fil-Kroazja. |

310 | Bażi ġuridika L-Artikolu 310 tat-Trattat b'mod konġunt ma' dan l-Artikolu 300 (2), l-ewwel sottoparagrafu, l-aħħar sentenza, u t-tieni sottoparagrafu tiegħu. |

329 | Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għaldaqstant ma japplikax. |

Prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

331 | L-Istati Membri jkompli jkollhom kompetenza esklussiva biex jiddeterminaw, jorganizzaw u jiffinanzjaw is-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom. Il-proposta tiffaċilita biss il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri u tal-Kroazja, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-proposta ma taffettwa l-ebda drittijiet jew obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà soċjali konklużi bejn l-Istati Membri u l-Kroazja fejn din ta' l-aħħar tipprovdi trattament ferm aktar favorevoli lill-persuni kkonċernati. |

332 | Il-proposta timminimizza l-piż finanzjarju u amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali, billi hi parti minn pakkett ta' proposti simili li jiżguraw applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali misjuba fi Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma' pajjiżi terzi. |

Għażla ta' strumenti |

341 | L-istrumenti proposti: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (li fih fl-Anness Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni). |

342 | Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. M'hemm l-ebda għażla alternattiva għall-azzjoni proposta. L-Artikolu 47 ta' l-SAA jeħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill rispettiv ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-Artikolu 300 (2) tat-Trattat jipprevedi Deċiżjoni tal-Kunsill bl-għan li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f'isem il-Komunità f'entità stabbilita bi Ftehim ta' Assoċjazzjoni, meta din l-entità tissejjaħ biex tadotta deċiżjonijiet b'effetti ġuridiċi. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

409 | Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

510 | Semplifikazzjoni |

511 | Il-proposta tipprevdi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (UE jew nazzjonali), u għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-partijiet ċivili. |

513 | Id-dispożizzjonijiet fil-proposta dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini Kroati huma kważi identiċi għal dawk taċ-ċittadini tal-pajjiżi assoċjati l-oħrajn. Dan se jwassal għal semplifikazzjoni tal-proċeduri u għal anqas piżijiet amministrattivi għall-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali. |

514 | Il-persuni li jaqgħu fl-ambitu tal-proposta mhumiex iffaċċjati b'diversi dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-prinċipji tas-sigurtà soċjali misjuba fl-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja, u jkunu għalhekk jistgħu minflok jistrieħu fuq dispożizzjonijiet uniformi fi ħdan il-Komunità. |

570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta A. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-SAA mal-Kroazja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Artikolu 1 Dan l-Artikolu jiċċara r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn din id-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Deċiżjoni annessa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. B. Id-Deċiżjoni annessa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali misjuba fl-SAA. Parti I: Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 Dan l-Artikolu jiddefinixxi, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u għall-fini tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja, it-termini "Ftehim", "Regolament", "Regolament ta' implimentazzjoni", "Stat Membru", "ħaddiem", "membru tal-familja", "leġiżlazzjoni", "benefiċċji" u "benefiċċji familjari", u jirriferi għar-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni għat-termini l-oħrajn użati fid-Deċiżjoni annessa. Artikolu 2 B'konformità ma' l-għażla tal-kliem fl-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja, dan l-Artikolu jiddefinixxi l-persuni koperti bid-Deċiżjoni annessa. Parti II Ir-Relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kroazja Din il-Parti tad-Deċiżjoni annessa tkopri l-prinċipji misjuba fl-Artikolu 47 (1), it-tieni u t-tielet inċiżi, ta' l-SAA mal-Kroazja kif ukoll il-klawżola tar-reċiproċità fir-rigward taċ-ċittadini ta' l-UE u l-membri tal-familji tagħhom, kif stipulat fl-aħħar paragrafu ta' dan l-Artikolu. Artikolu 3 Dan l-Artikolu jelenka l-friegħi tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 47 (1), it-tieni u t-tielet inċiżi, ta' l-SAA mal-Kroazja li l-Parti II tad-Deċiżjoni annessa tapplika għaliha. Artikolu 4 Dan l-Artikolu għandu l-prinċipju ta' l-esportazzjoni ta' benfiċċji fi flus kif stipulat fl-Artikolu 47 (1), it-tieni inċiż, ta' l-SAA mal-Kroazja u jagħmilha ċara li dan il-prinċipju hu limitat għall-benefiċċji misjuba fl-Artikolu 1 (h) ta' l-anness tad-Deċiżjoni li jelenka l-benefiċċji msemmija f’dan l-inċiż. Artikolu 5 Dan l-Artikolu jispeċifika liema persuni koperti minn din il-proposta huma intitolati għall-benefiċċji familjari f'isem l-istat kompetenti. Minn dan l-Artikolu joħroġ ċar li, b'konformità ma' l-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja, m'hemm l-ebda intitolment ta' benefiċċji familjari għall-membri tal-familji ta' ħaddiem Kroat, jekk dawn il-membri tal-familja joqogħdu barra mit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. Parti III L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali fir-rigward tad-Danimarka. Artikolu 6 Ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 diġà jkopri l-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perjodi ta' assikurazzjoni miksuba minn ħaddiem Kroat fi ħdan il-Komunità fir-rigward ta' l-intitolament għal ċerti benefiċċji, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 47 (1), l-ewwel inċiż, ta' l-SAA mal-Kroazja. Madankollu, billi dan ir-Regolament hu bbażat fuq it-Titolu IV tat-Trattat, skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix marbuta jew suġġetta għalih. Dan l-Artikolu għalhekk jiċċara li d-Danimarka għandha tuża d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u Nru 574/72 sabiex jiġi implimentat l-prinċipju ta' aggregazzjoni ta' hawn fuq. Parti IV Dispożizzjonijiet mixxellanji Artikolu 7 Dan l-Artikolu fih dispożizzjonijiet ġenerali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom, fuq naħa, u l-Kroazja u l-istituzzjonijiet tagħha, fuq in-naħa l-oħra, kif ukoll bejn il-benefiċjarji u l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk ta' l-Artikolu 84 (1), (2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Artikolu 76 (3), (4), l-ewwel u t-tielet sottoparagrafi, u (5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Artikolu 8 Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-proċeduri għall-kontrolli amministrattivi u l-eżamijiet mediċi simili għal dawk misjuba fl-Artikolu 51 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72. Madankollu, hu jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni oħrajn f'dan il-qasam. Artikolu 9 Dan l-Artikolu jirriferi għall-Anness II tad-Deċiżjoni annessa, li hu simili għall-Anness VI tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u għall-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u li hu neċessarju sabiex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Kroata fir-rigward tad-Deċiżjoni annessa. Artikolu 10 Kif stipulat fl-Artikolu 47 ta' l-SAA mal-Kroazja, dan l-Artikolu jispeċifika li dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali li jistipulaw trattament aktar favorevoli jibqgħu fis-seħħ. Artikolu 11 Dan l-Artikolu jistipula l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet amministrattivi supplimentari. Artikolu 12 Id-dispożizzjonijiet tranżitorji stipulati f'dan l-Artikolu jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta' l-Artikolu 94 (1), (3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 kif ukoll ma' l-Artikolu 87 (1), (3), (4), (6) u (7) simili tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Artikolu 13 Dan l-Artikolu jiċċara l-istatus ġuridiku ta' l-Annessi tad-Deċiżjoni annessa u l-proċedura biex jiġu emendati. Artikolu 14 Dan l-Artikolu fih proċedura biex jiżgura li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni annessa. Artikolu 15 Dan l-Artikolu jiċċara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni annessa. |

E-11229 |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim dwar Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 310 flimkien ma’ l-Artikolu 300 (2), l-ewwel sottoparagrafu, l-aħħar sentenza, u t-tieni sottoparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[5],

Filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, fuq in-naħa l-oħra, jistabbilixxi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu b'deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa għall-implimentazzjoni ta' l-għan stabbilit f'dan l-Artikolu.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li jinsbau fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni annessa ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

ASSOĊJAZZJONI BEJN

L-UNJONI EWROPEA

U R-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA

- Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni -

DEĊIŻJONI Nru .../…. TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI

stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra.

ta' ...

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewropew li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Billi

2. L-Artikolu 47 tal-Ftehim imsemmi jistipula għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Kroazja u l-Istati Membri u jistipula l-prinċipji għal koordinazzjoni ta' din ix-xorta.

3. L-Artikolu 47 tal-Ftehim imsemmi jistipula wkoll li Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu.

4. Fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Kroati għal benefiċċji familjari huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom ikunu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat fl-Istat Membru fejn il-ħaddiem huwa impjegat. Id-Deċiżjoni ma tagħti l-ebda intitolament għall-benefiċċji familjari fir-rigward tal-membri tal-familji tagħhom residenti fi stat ieħor, eż. il-Kroazja.

5. Bħalissa, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq it-Titolu IV tat-Trattat. Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għalhekk mhix marbuta bih jew suġġetta għalih. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tad-Danimarka li jikkonċernaw dawk il-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 47 tal-Ftehim imsemmi li huma diġà koperti minn dan ir-Regolament.

6. Jista' jkun hemm bżonn li jkunu stabbilit dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu mal-karatteristiċi speċifiċi tal-leġislazzjonijiet nazzjonali Kroata, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

7. Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Kroazja li jagħtu vantaġġi f'termini ta' sigurtà soċjali.

8. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla problemi tal-koordinament tas-sistemi ta' sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri u l-Kroazja, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kroazja kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni ta' l-istat kompetenti.

9. Dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu adottati biex iħarsu lill-persuni koperti minn dan ir-Regolament u biex jiġi żgurat li ma jitilfux id-drittijiet b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a) "Ftehim" ifisser il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra;

(b) "Regolament" ifisser ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità kif applikat fl-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej;

(c) "Regolament ta' implimentazzjoni" jfisser ir-Regolamet tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità

(d) "Stat Membru" jfisser Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej;

(e) "ħaddiem" ifisser,

(i) għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, persuna impjegata fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 1 (a) tar-Regolament;

(ii) għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja, persuna impjegata fl-ambitu tat-tifsira ta' dik il-leġiżlazzjoni;

(f) “membru tal-familja" jfisser,

(i) għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, membru tal-familja fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 1 (f) tar-Regolament;

(ii) għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja, membru tal-familja fl-ambitu tat-tifsira ta' dik il-leġiżlazzjoni;

(g) "leġiżlazzjoni" tfisser,

(i) fir-rigward ta' l-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 1 (j) tar-Regolament;

(ii) fir-rigward tal-Kroazja, il-leġiżlazzjoni rilevanti li tapplika fil-Kroazja li għandha x'taqsam ma' oqsma ta' sigurtà soċjali li jikkonċernaw l-pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti, benefiċċji fir-rigward ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol, jew fir-rigward ta' l-invalidità li jirriżulta minn hemm, u l-benefiċċji familjari;

(h) "benefiċċji" jfissru,

(i) fir-rigward ta' l-Istati Membri:

- pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti,

- benefiċċji marbutin ma' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol, jew

- benefiċċji għal invalidità b'riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol,

fl-ambitu tat-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' benefiċċji speċjali fi flus mhux kontributorji kif stabbilit fl-Anness IIa tar-Regolament;

(ii) fir-rigward tal-Kroazja, il-benefiċċji korrispondenti stipulati fil-leġiżlazzjoni Kroata, bl-eċċezzjoni ta' benefiċċji speċjali fi flus mhux kontributorji kif stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni;

(i) "benefiċċji familjari" jfissru,

(i) fir-rigward ta' l-Istati Membri, il-benefiċċji familjari fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 1 (u) (i) tar-Regolament;

(ii) fir-rigward tal-Kroazja, il-benefiċċji familjari fl-ambitu tat-tifsira ta' dik il-leġiżlazzjoni.

2. Termini oħrajn użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira li ngħatatilhom fir-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 2

Persuni koperti

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika:

(a) għall-ħaddiema li huma ċittadini tal-Kroazja u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri u li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jew iktar, u s-superstiti tagħhom,

(b) għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-paragrafu (a) bil-kundizzjoni li jkunu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat fl-Istat Membru fejn il-ħaddiem huwa impjegat,

(c) għall-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju tal-Kroazja u li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja, u s-superstiti tagħhom, u

(d) għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-paragrafu (c) bil-kundizzjoni li jkunu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat fil-Kroazja.

PARTI II

IR-RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-KROAZJA

Artikolu 3

Oqsma koperti

Il-Parti II ta' din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha ta' l-Istati Membri u l-Kroazja li tikkonċerna l-fergħat tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

10. benefiċċji tax-xjuħija;

11. benefiċċji tas-superstiti;

12. benefiċċji fir-rigward ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

13. benefiċċji għal invalidità b'riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

14. benefiċċji familjari.

Artikolu 4

Rinunzja għal Klawżoli ta' Residenza

Il-benefiċċji fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 1 (h) m'għandhom ikunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, revoka jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju huwa residenti,

(i) għall-fini ta' benefiċċju tal-leġiżlazzjoni Kroata, fi ħdan it-territorju ta' Stat Membru, jew

(ii) għall-fini ta' benefiċċju tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, fi ħdan it-territorju tal-Kroazja.

Artikolu 5

Benefiċċji familjari

1. Il-ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 2 (a) għandhom jirċievu skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti benefiċċji familjari għall-membri tal-familja tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 2 (b) bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

2. Il-ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 2 (c) għandhom jirċievu skond il-leġiżlazzjoni tal-Kroazja benefiċċji familjari għall-membri tal-familja tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 2 (b) bl-istess mod bħaċ-ċittadini Kroati.

PARTI III

APPLIKAZZJONI TAD-DISPOżIZZJONIJIET TAS-SIGURTÀ SOċJALI FIR-RIGWARD TAD-DANIMARKA.

Artikolu 6

Dispożizzjoni ġenerali

Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 47 (1), l-ewwel inċiż, tal-Ftehim, id-Danimarka għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament u tar-Regolament ta' implimentazzjoni għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2 (a), sa fejn ikun neċessarju.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 7

Kooperazzjoni

1. L-Istati Membri u l-Kroazja għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar:

(a) il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14;

(b) bidliet fil-leġislazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-Kroazja għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu bħal li kieku qegħdin jimplimentaw l-leġiżlazzjoni tagħhom stess. L-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawn l-awtoritajiet u istituzzjonijiet għandha, bħala regola, tkun mingħajr ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u l-Kroazja jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż ikunu rimborsati.

3. L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-Kroazja jistgħu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma' xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

4. L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

5. Il-persuni kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet ta' l-Istat Membru kompetenti jew tal-Kroazja, meta din ta' l-aħħar tkun l-Istat kompetenti, jew ta' l-Istat Membru ta' residenza jew il-Kroazja, meta din ta' l-aħħar tkun l-istat ta' residenza, malajr kemm jista' jkun bi kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li tolqot d-dritt tagħhom għal benefiċċji skond dan ir-Regolament.

6. In-nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati b'konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika għall-pretendenti biex jeżerċitaw d-drittijiet li jagħtihom dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Kontrolli Amministrattivi u Eżamijiet Mediċi

1. Meta persuna koperta minn din id-Deċiżjoni u li tirċievi l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 1 (h) tkun qed toqgħod jew tkun residenti

(i) għall-fini tal-benefiċċju tal-leġiżlazzjoni Kroata, fi ħdan it-territorju ta' Stat Membru, jew

(ii) għall-fini ta' benefiċċju tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, fi ħdan it-territorju tal-Kroazja,

għandhom jitwettqu kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi, fuq talba ta' l-istituzzjoni responsabbli, mill-istituzzjoni tal-post fejn joqgħod jew ta' residenza tal-benefiċjarju b'konformità mal-proċeduri stipulati mil-leġiżlazzjoni amministrata mill-istess amministrazzjoni. L-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas għandha, madanakollu, tirriserva d-dritt li jkollha lill-benefiċjarju eżaminat minn tabib li tagħżel hi.

2. Stat Membru jew iktar u l-Kroazja jistgħu, wara li jkunu infurmaw lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jaqblu fuq id-dispożizzjonijiet amministrattivi.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja jistgħu, jekk ikun hemm bżonn, ikunu stipulati fl-Anness II.

Artikolu 10

Ftehimiet bilaterali iktar favorevoli

Din id-Deċiżjoni m'għandha taffettwa l-ebda drittijiet jew obbligi li joħorġu minn ftehimiet bilateral meta dawn ta' l-aħħar jistipulaw trattament iktar favorevoli (tal-persuni kkonċernati).

Artikolu 11

Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni

Żewġ Stati Membri jew iktar, jew il-Kroazja u Stat Membru jew iktar jistgħu, fejn ikun hemm bżonn, jikkonkludu ftehimiet maħsuba biex jissupplimentaw il-proċedura amministrattiva għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

PARTI V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Ma għandhom jinkisbu l-ebda drittijiet minn din id-Deċiżjoni matul il-perjodu ta' qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2. Bla ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb skond din id-Deċiżjoni anke jekk ikun relatat ma' kontinġenza li tkun qamet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3. Kwalunkwe benefiċċju, inklużi l-benefiċċji familjari, li ma jkunx ingħata jew li kien ġie sospiż minħabba n-nazzjonalità jew l-post ta' residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta' din il-persuna, jingħata jew jitkompla b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, sakemm id-drittijiet li wasslu għall-benefiċċji li ngħataw qabel ma rriżultawx fi ħlas ta' somma waħda f'daqqa.

4. Jekk talba msemmija fil-paragrafu 3 tintbagħat fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba b'konformità ma' din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett minn dik id-data, u l-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew il-Kroazja li tikkonċerna r-rinunzja jew il-limitazzjoni ta' drittijiet ma tistax tkun invokata kontra l-persuni kkonċernati.

5. Jekk tintbagħat talba msemmija fil-paragrafi 3 wara li jiskadi l-perjodu ta' sentejn ta wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux preskritti għandu jkollhom effett mid-data ta' meta tkun intbagħtet it-talba, bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjonijiet aktar favorevoli fil-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew il-Kroazja.

Artikolu 13

Annessi ta' din id-Deċiżjoni

1. L-Annessi ta' din id-Deċiżjoni huma parti integrali minnu.

2. Fuq talba tal-Kroazja, dawn l-Annessi jistgħu jkunu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 14

Miżuri ta’ Implimentazzjoni

1. Il-Komunità u l-Kroazja għandhom it-tnejn li huma jieħdu l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u jikkomunikawhom lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

2. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjoni li tikkonferma li ttieħdu l-miżuri kollha msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 (2) fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

ANNESS I

Lista ta' benefiċċji speċjali Kroati fi flus mhux kontributorji

ANNESS II

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja

[1] ĠU L 26, 28.1.2005, p. 3.

[2] ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 392, 30.12.2006, p. 1).

[3] ĠU L 74, 27.3.1972, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 311/2007 (ĠU L 82, 23.3.2007, p. 6).

[4] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

[5] ĠU C […], […], p. […].