52007PC0677

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud. /* KUMM/2007/0677 finali - CNS 2007/0238 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.11.2007

KUMM(2007) 677 finali

2007/0238 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Il-kummentarji li waslu mingħand l-impriżi u l-Istati Membri wrew il-ħtieġa li jsiru, fuq diversi punti, emendi speċifiċi għad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn issa 'l quddiem, "id-Direttiva dwar il-VAT"). L-ebda waħda mill-emendi ma tixħet dubji fuq il-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT, u l-ebda waħda minnhom ma tidher importanti biżżejjed biex tiġġustifika waħedha proposta għal direttiva separata. Huwa għalhekk li deher xieraq li jinġabru fi proposta waħda l-punti speċifiċi kollha ta' titjib li jitqiesu meħtieġa għad-Direttiva dwar il-VAT. Dawn l-emendi jirrigwardaw ir-reġim tal-VAT applikabbli għall-provvista tal-gass naturali, ta' l-elettriku, tas-sħana u/jew tal-kesħa; it-trattament fiskali ta' l-impriżi komuni maħluqa fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE; il-konsiderazzjoni ta' ċerti konsegwenzi marbuta mat-tkabbir ta' l-Unjoni; u fl-aħħarnett il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis ta' l-input VAT, mill-ammont globali |

120 | Kuntest ġenerali Ir-reġim attwali tal-VAT li jirrigwarda l-gass u l-elettriku jirriżulta, fil-biċċa l-kbira, mid-Direttiva 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003. Madankollu, irriżulta li minħabba t-termini tekniċi li ntużaw f'din id-Direttiva, ir-reġim fiskali l-ġdid definit minnha kellu ambitu ristrett wisq u ma kienx jikkorrispondi għar-realità ekonomika, partikolarment f'dak li jirrigwarda fejn għandha tiġi imposta l-VAT fuq konsenji ta' gass naturali u l-eżenzjoni mill-VAT għal importazzjonijiet ta' gass naturali. Barra minn hekk, deher li jkun xieraq li jiġu applikati l-istess regoli għall-forniment tas-sħana jew tal-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana u/jew tal-kesħa, billi dan is-settur jaħdem b'mod paragunabbli mas-settur tal-gass naturali u ta' l-elettriku. Fl-Artikolu 171 tiegħu, it-Trattat tal-KE jippermetti lill-Komunità toħloq impriżi komuni jew kwalunkwe struttura meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta' riċerka, ta' żvilupp u ta' dimostrazzjoni. Fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta' Diċembru 2006 (2006/971/KE), il-Kunsill ikkonferma li, għall-implimentazzjoni tal-programm ta' qafas għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013), huwa jista', partikolarment, jirrikorri għall-ħolqien ta' impriżi komuni, u huwa probabbli ħafna li jagħmel dan dejjem aktar fil-ġejjieni. Jaqbel għalhekk li jiġi ddefinit qafas fiskali xieraq għal impriżi ta' dan it-tip. Bħal Stati Membri oħra, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati, fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħhom, li japplikaw miżuri ta' deroga f'dak li jirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju u r-reġim tal-VAT applikabbli għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Għalhekk huwa xieraq li dawn id-derogi jiġu integrati fid-Direttiva dwar il-VAT għal raġunijiet ta' trasparenza u koerenza. F'dak li jirrigwarda d-dritt għat-tnaqqis, wieħed mill-prinċipji ta' bażi li jeżistu jipprevedi li persuna taxxabbli tista' tnaqqas il-VAT fuq tranżazzjonijiet ta' dħul biss sakemm il-merkanzija u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-ħtiġijiet tat-tranżazzjonijiet, u għalhekk jagħtu dritt għat-tnaqqis. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li l-persuni taxxabbli għandhom id-dritt jagħżlu jekk jinkludux oġġetti b'użi differenti, parzjalment jew kompletament, fl-assi marbuta ma' l-attività ekonomika tagħhom. Meta jagħżlu li jinkludu kompletament il-merkanzija kkonċernata fl-attività ekonomika tagħhom, jistgħu jnaqqsu immedjatament l-ammont totali ta' input VAT, ukoll jekk il-merkanzija tkun intużat għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali fl-istess ħin. L-użu mhux kummerċjali ta' l-oġġett imbagħad ikun soġġett għall-VAT, bl-istess mod kif ikunu s-servizzi, abbażi ta' l-ammont ta' nfiq imġarrab. Minkejja li fit-teorija, kull għażla li tagħmel il-persuna taxxabbli għandha twassal għal riżultat simili, għandu jingħad li l-inklużjoni totali ta' l-oġġetti ta' użu mħallat fl-assi u l-passivi ta' l-impriża ġeneralment twassal għall-ħolqien ta' vantaġġi ta' likwidità, b'tali mod li l-użu mhux kummerċjali jbaxxi l-piż tat-taxxa b'ammont li jista' jiżdied fi proporzjon dirett mal-livell ta' użu għal skopijiet mhux kummerċjali. Dan huwa partikolarment minnu għal proprjetà immobbli, minħabba l-fatt li l-prezz tax-xiri kemm-il darba jkun għoli ħafna, li l-użu kummerċjali u mhux kummerċjali fl-istess waqt huwa possibbli u komuni, u li t-tul tal-ħajja ekonomika tal-proprjetà immobbli huwa fil-prinċipju ħafna itwal minn dak ta' oġġetti oħra użati għal finijiet kummerċjali. Għalhekk jidher xieraq li t-tnaqqis tal-VAT fuq il-proprjetà immobbli jiġi adattat b'tali mod li jiġi żgurat li l-eżerċizzju inizjali tad-dritt li jitnaqqas l-input VAT jirrifletti aktar mill-qrib il-prinċipju bażiku deskritt hawn fuq, u li ma jitħallewx jinħolqu ċerti sitwazzjonijiet maħsuba biex iwasslu għal vantaġġi ta' likwidità mhux ġustifikati. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Is-sistema komuni tal-VAT attwalment hija rregolata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006. Din id-Direttiva hija r-riżultat tar-riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977. |

141 | Il-koerenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

219 | Peress li l-proposta l-aktar li fiha huma arranġamenti tekniċi, il-konsultazzjoni saret biss ma' l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat tal-VAT u tal-Grupp ta' Ħidma Nru 1. |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

229 | L-użu ta’ esperti esterni ma kienx meħtieġ. |

230 | Il-valutazzjoni ta' l-impatt Il-proposta għal Direttiva fiha essenzjalment dispożizzjonijiet tekniċi li ma jixħtu l-ebda dubju fuq il-prinċipji importanti li fuqhom tistrieħ il-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dak li għandu x'jaqsam mal-VAT. L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis, l-istabbiliment mill-ġdid tal-prinċipju bażiku fil-livell ta' l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis se jwassal biex jixxejnu d-differenzi potenzjali bejn il-persuni taxxabbli. Wara dan, ir-regola tiġi applikata b'mod newtrali, kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-amminsitrazzjonijiet fiskali. Għalhekk valutazzjoni ta' l-impatt ma kenitx meħtieġa. |

ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sommarju ta' l-azzjoni proposta F'dak li jirrigwarda r-reġim tal-VAT applikabbli għall-gass naturali u għall-elettriku, huwa propost li l-ambitu jiġi estiż għall-konsenji u għall-importazzjonijiet tal-gass naturali li jsiru permezz tat-tipi kollha ta' sistemi ta' pajpijiet fissi tat-twassil tal-gass kif ukoll dawk li jseħħu permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali. Barra minn hekk, huwa propost li l-istess regoli japplikaw għall-konsenji u għall-importazzjonijiet tas-sħana jew tal-kesħa li jsiru permezz tan-netwerks tas-sħana u/jew tal-kesħa. Fir-rigward tal-post fejn għandha tiġi imposta l-VAT fuq is-servizz, il-proposta tipprovdi għat-tassazzjoni fl-Istat Membru tal-klijent fuq is-servizzi kollha marbuta mal-forniment ta' aċċess għan-netwerks ta' l-elettriku, tal-gass naturali, tas-sħana u/jew tal-kesħa, u mhux biss fuq dawk marbuta ma' l-aċċess għan-netwerks tad-distribuzzjoni. Fl-aħħarnett, il-proposta tissemplifika l-proċedura li tippermetti lill-Istati Membri japplikax livell imnaqqas ta' VAT għall-fornituri tal-gass naturali, ta' l-elettriku u tat-tisħin urban. Fir-rigward ta' l-impriżi komuni stabbiliti skond l-Artikolu 171 tat-Trattat KE, huwa propost li jiġi ċċarat l-istatus fiskali tagħhom fir-rigward tal-VAT. Fir-rigward ta' impriżi maħluqa fuq il-livell Komunitarju bil-għan li jappoġġaw l-isforzi Komunitarji fil-qasam tar-riċerka, huwa xieraq li jitqiesu n-natura Komunitarja tagħhom u l-metodu speċifiku tal-finanzjament tagħhom. Fil-fatt, il-finanzjament ta' dawn l-impriżi mill-fondi komuni, f'konformità ma' l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju, jwassal biex il-VAT fuq ix-xiri (li b'regola ġenerali ma jikkonferix id-dritt għat-tnaqqis għaliex ma jinvolvix operazzjonijiet taxxabbli) jiżdied mal-baġit nazzjonali ta' ċerti Stati Membri mingħajr ma dan ikun ġustifikat. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi bħal dawn, huwa xieraq li dawn l-impriżi jitqiesu bħala entitajiet internazzjonali, peress li dawn inħolqu mill-Komunitajiet Ewropej, għandhom personalità ġuridika u effettivament jirċievu sussidji għall-baġit ġenerali tagħhom. Huwa xieraq li jiġi speċifikat li l-eżenzjoni ma tistax tapplika għal konsenji ta' oġġetti u għal servizzi maħsuba għall-użu privat tal-membri ta' dawn l-impriżi. Fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-impriżi żgħar u li jibqgħu japplikaw eżenzjoni mill-VAT fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Għalhekk huwa xieraq li dawn id-derogi jiddaħħlu fit-test tad-Direttiva dwar il-VAT, kif inhu l-każ għall-Istati Membri l-oħra. F'dak li jirrigwarda d-dritt għat-tnaqqis, għall-applikazzjoni aħjar tal-prinċipju li skondu t-tnaqqis isir biss jekk l-oġġetti u s-servizzi kkonċernati jintużaw għal raġunijiet ta' operazzjonijiet li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis, huwa propost li l-eżerċizzju inizjali tat-tnaqqis ikun ristrett għall-proporzjon ta' l-użu kummerċjali effettiv meta l-proprjetà immobbli għall-użu mħallat tkun inkluża fl-assi u l-passivi tal-kumpanija. Fl-istess ħin, hija proposta sistema ta' rettifika sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet bejn l-użu kummerċjali u dak privat (jew mhux kummerċjali) ta' din il-proprjetà immobbli. |

310 | Bażi ġuridika L-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. |

320 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax f'qasam taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti bl-azzjoni ta’ l-Istati Membri minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

321 | L-oqsma kkonċernati minn din il-proposta diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti għalhekk jistgħu jiġu emendati biss permezz tal-liġi Komunitarja. |

323 | L-Istati Membri ma jistgħux jadottaw liġijiet nazzjonali li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja armonizzata, mingħajr ma tkun ġiet emendata qabel il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti. |

L-għanijiet tal-proposta jistgħu jintlaħqu aħjar permezz ta’ azzjoni Komunitarja minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

324 | Hija biss il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tista' temenda l-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti. |

325 | Peress li tirrigwarda biss l-emendar ta' liġi li diġà ġiet armonizzata, azzjoni fuq livell Komunitarju biss tista' tkun effikaċi. |

327 | Il-proposta ma tmurx lil hinn mill-adattament tad-dispożizzjonijijet leġiżlattivi eżistenti li rriżulta li mhumiex xierqa. |

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

331 | Il-miżuri proposti jinsabu f'abbozz ta' Direttiva. Il-VAT, madankollu, jista' jiġi impost f'post wieħed biss. Bl-istess mod, huwa xieraq li r-regoli li jkopru l-eżerċizzju tad-dritt li jitnaqqas il-VAT ikunu armonizzati. |

332 | Il-miżuri proposti prinċipalment jikkostitwixxu kjarifika u semplifika tar-regoli fis-seħħ bħalissa fil-qasam tal-VAT: b'hekk jistgħu biss ikunu ta' benefiċċju għall-operaturi ekonomiċi, iċ-ċittadini kif ukoll l-amministrazzjonijiet pubbliċi. |

L-għażla ta' l-istrumenti |

341 | Strument(i) propost(i): Direttiva. |

342 | Strumenti oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġunijiet li ġejjin. Peress li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-VAT li huwa propost li tiġi emendata tinsab f'Direttiva, Direttiva hija l-aktar għodda utli għal emenda bħal din. |

IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

510 | Semplifikazzjoni |

511 | Il-proposta tintroduċi semplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv, semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi li japplikaw għall-awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali jew Ewropej), u semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi li japplikaw għall-entitajiet u l-persuni privati. |

512 | Il-proposta fiha dispożizzjoni maħsuba biex jiġi ċċarat ir-reġim komuni tal-VAT. |

513 | Il-proposta fiha dispożizzjoni li tipproponi s-simplifikazzjoni tal-proċedura applikabbli għall-Istati Membri li jixtiequ japplikaw livell imnaqqas ta' VAT għall-fornituri tal-gass naturali, ta' l-elettriku u tat-tisħin urban. |

514 | Il-miżuri li jirrigwardaw il-post fejn tiġi imposta l-VAT fuq il-konsenji tal-gass naturali jikkostitwixxu semplifikazzjoni għall-impriżi ta' dan is-settur. Il-proposta li tirrigwarda d-dritt għat-tnaqqis hija maħsuba biex tistabbilixxi sistema ta' rettifika li tirrifletti t-tibdil fuq il-livell ta' l-użu kummerċjali u mhux kummerċjali tal-proprjetà immobbli. F'dan il-każ, b'konsegwenza, l-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jibqax applikabbli matul il-perjodu ta' rettifika għall-użu mhux kummerċjali ta' din il-proprjetà, sakemm dan l-użu inizjalment ma kienx wassal għad-dritt ta' tnaqqis. Il-fatt li l-użu privat (jew mhux kummerċjali) m'hemmx għalfejn jiġi intaxxat separatament u addizzjonalment jitqies bħala semplifikazzjoni. |

550 | Tabella ta' korrispondenza L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, kif ukoll tabella ta' korrispondenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta għal kull Kapitolu jew kull Artikolu L-Iskema tal-VAT applikabbli għall-gass, l-elettriku, is-sħana u l-kesħa (Artikolu 1(1), (3) sa (5), (7) u (9)) Fid-dawl tal-formulazzjoni adottata mill-Kunsill fl-2003, l-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għall-konsenji u l-importazzjoni tal-gass naturali u ta' l-elettriku mhijiex applikabbli għall-gass naturali, ħlief għal konsenji u importazzjonijiet li jsiru mis-sistema ta' distribuzzjoni. Dan għalhekk jeskludi mill-ambitu ta' din l-iskema l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jsiru permezz tas-sistemi tal-pajpijiet tal-gass. Barra minn hekk, l-iskema speċjali attwalment mhijiex applikabbli għal konsenji u importazzjonijiet ta' gass naturali li jsiru permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali. Ukoll jekk jirriżulta li l-gass ikkonsenjat jew importat permezz ta' bastiment trasportatur tal-gass naturali huwa identiku għal dak ittrasporta permezz tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass u wara li jiġi gassifikat fil-port tal wassla, jiddaħħal fis-sistema fissa tat-trasport tal-gass permezz tal-pajpijiet Il-proposta tipprevedi għalhekk li l-konsenji u l-importazzjonijiet tal-gass naturali li jsiru permezz tat-tipi kollha ta' sistemi tal-pajpijiet tal-gass jiddaħħlu fl-ambitu ta' l-iskema speċjali, flimkien ma' dawk li jsiru permezz tal-bastimenti tat-trasport tal-gass naturali. Barra minn hekk, dan l-aħħar feġġu l-ewwel netwerks transkonfinali tas-sħana u tal-kesħa. Jidher li l-problemi li jirrigwardaw il-konsenji u l-importazzjonijiet tal-gass naturali jew ta' l-elettriku huma identiċi għall-konsenji u l-importazzjonijet tas-sħana jew tal-kesħa. Il-proposta ta' Direttiva tipprevedi għalhekk li l-iskema tal-VAT applikabbli għall-konsenji u l-importazzjonijiet tas-sħana jew tal-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana u/jew tal-kesħa tiġi allinjata ma' dik applikabbli għall-gass naturali u l-elettriku. Barra minn dan, fir-rigward tal-post fejn jiġi applikat il-VAT fuq il-provvista tas-servizzi, it-test attwali ta' l-Artikolu 56 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi biss għall-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' l-inverżjoni tal-ħlas (reverse charge mechanism) għall-forniment ta' aċċess għas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-gass naturali u ta' l-elettriku. Il-proposta timmira li dan il-mekkaniżmu ta' l-inverżjoni tal-ħlas jitwessa' għall-fornimenti kollha tas-servizzi marbuta mal-forniment ta' aċċess għan-netwerks ta' l-elettriku, tal-gass naturali, tas-sħana u/jew tal-kesħa, u mhux biss fuq dawk marbuta ma' l-aċċess għan-netwerks tad-distribuzzjoni. L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni riċenti tal-proċedura prevista bħalissa mill-Artikolu 102, li biha l-Kummissjoni hija inkarigata biex tiddeċiedi jekk jeżistix riskju ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni minħabba l-livell imnaqqas li huwa applikabbli fuq il-konsenji tal-gass naturali jew ta' l-elettriku, uriet li dan il-mekkaniżmu għadda żmienu u issa huwa żejjed. Fil-fatt, mindu ġiet adottata d-Direttiva 2002/93/KE, l-Artikoli 38 u 39 jiżguraw li l-VAT titħallas fil-post fejn jiġi kkonsenjat il-gass naturali permezz tas-sistema ta' distribuzzjoni tal-gass naturali u l-elettriku u fejn fil-fatt jiġu kkunsmati mix-xerrej. Dawn ir-regoli jqisu n-natura speċifika ta' dan it-tip ta' trasport sabiex jiġi ddeterminat il-post tat-twassil, biex b'hekk jevitaw kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa propost li dawn ir-regoli jiġu estiżi għall-konsenji tas-sħana jew tal-kesħa permezz tan-netwerks ta' distribuzzjoni tas-sħana u/jew tal-kesħa. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ferm ta' dan is-settur, hija ħaġa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati sewwa dwar l-introduzzjoni effettiva ta' kwalunkwe taxxa mnaqqsa minn Stat Membru ieħor. B'konsegwenza, hija proposta proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat dwar il-VAT kull meta Stat Membru jkun jixtieq jintroduċi livell imnaqqas għall-provvista tal-gass naturali, ta' l-elettriku jew tat-tisħin urban. L-iskema tal-VAT applikabbli għall-impriżi komuni (Artikolu 1(10)) Biex jibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 151 tad-Direttiva dwar il-VAT, organu internazzjonali jrid ikun inħoloq minn talanqas żewġ Stati, ikun rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea jew minn organizzazzjoni internazzjonali eżistenti (li taġixxi, skond il-każ, flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew Stati oħra), fil-kuntest ta' l-għanijiet leġittimi segwiti b'mod konġunt u li essenzjalment mhumiex ta' natura ekonomika. L-impriżi komuni ma jistgħux jitqiesu bħala entitajiet internazzjonali f'dan is-sens. Minkejja dan, dawn l-impriżi huma marbuta li jimplimentaw politika Komunitarja li għaliha mhux biss huwa involut il-finanzjament Komunitarju, iżda jikkontribwixxu għaliha wkoll l-Istati Membri permezz tal-baġits nazzjonali tagħhom. L-attivitajiet ta' impriżi komuni ġeneralment mhumiex soġġetti għall-VAT u l-input VAT għalhekk ma jwasslux għad-dritt tat-tnaqqis. Sabiex jiġi evitat l-impatt tat-tassazzjoni fuq ix-xiri tagħhom, huwa meħtieġ li dawn l-impriżi komuni jiġu ttrattati bħall-entitajiet internazzjonali. Għalhekk huwa propost li fid-Direttiva dwar il-VAT jiddaħħal Artikolu 151a ġdid li jinkorpora l-impriżi komuni flimkien ma' l-entitajiet internazzjonali. Dan it-trattament madankollu jingħata biss lil dawk l-entitajiet maħluqa mill-Komunitajiet Ewropej, b'personalità ġuridika u li jingħataw sussidji għall-baġit ġenerali tagħhom. Huwa previst li l-eżenzjoni ma tapplikax għal konsenji ta' oġġetti u għal servizzi maħsuba għall-użu privat tal-membri ta' dawn l-impriżi. Konsiderazzjoni għal ċerti konsegwenzi marbuta mat-tkabbir (Artikolu 1(2), (6), (8), u (12) sa (16)). Fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jeżoneraw lill-impriżi ż-żgħar mill-ħlas tat-taxxa. Fl-interessi taċ-ċarezza u tat-trasparenza, din id-deroga hija integrata fl-Artikolu 287. Biex titqies l-awtorizzazzjoni mogħtija, fl-istess kuntest, lil dawn l-Istati Membri l-ġodda sabiex ikomplu japplikaw eżenzjoni mill-VAT lit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, l-Artikoli l-ġodda 390a u 390b jiddaħħlu fid-Direttiva dwar il-VAT. Mekkaniżmi għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis għall-oġġetti u s-servizzi marbuta ma' ċerta proprjetà immobbli (Artikolu 1(11)). Fil-kuntest tad-dritt għat-tnaqqis, il-prinċipju ta' bażi, previst fl-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT, jipprevedi li l-persuna taxxabbli jkollha d-dritt li tnaqqas il-VAT safejn l-oġġetti jew is-servizzi li jwasslu għall-ħlas tal-VAT jintużaw għar-realizzazzjoni ta' operazzjonijiet li jikkonferixxu d-dritt għat-tnaqqis. Id-dispożizzjoni hija maħsuba biex jiġi ċċarat id-dritt għat-tnaqqis meta dan ikun jirrigwarda proprjetà immobbli maħsuba biex tintuża fl-istess ħin kemm għal użi kummerċjali kif ukoll għal użi mhux kummerċjali. Dan huwa partikolarment minnu fil-każ tal-VAT fuq ix-xiri ta' proprjetà immobbli, iżda wkoll għall-forniment ta' ċerti servizzi bħall-bini, ir-renovazzjoni jew it-trasformazzjoni sostanzjali, li mil-lat ekonomiku jista' jitqiegħed fuq l-istess livell tax-xiri jew il-bini ta' proprjetà immobbli. Min-naħa l-oħra, tiswijiet żgħar jew titjib huma esklużi mill-ambitu tal-miżura proposta. Id-dispożizzjoni issa tipprevedi li, fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, it-tnaqqis inizjali huwa limitat għall-użu effettiv tal-proprjetà għal operazzjonijiet li jagħtu d-dritt għat-tnaqqis fil-waqt li t-taxxa ssir applikabbli. F'każijiet ta' użu mħallat, ma jibqax possibbli li titnaqqas immedjatament l-input VAT Fid-dawl ta' din il-limitazzjoni tat-tnaqqis għall-persuna taxxabbli, ġiet stabbilita sistema ta' rettifika biex jitqies it-tibdil bejn l-użu kummerċjali u l-użu mhux kummerċjali tal-proprjetà immobbli kkonċernata, għal tul ta' żmien li jikkorrispondi għall-perjodu ta' regolarizzazzjoni eżistenti għall-proprjetà immobbli għall-investiment. Is-sistema l-ġdida tapplika kemm għal żidiet kif ukoll għal tnaqqisiet fl-użu kummerċjali. Din is-sistema tissostiwixxi, minn naħa, it-tassazzjoni fuq l-użu mhux kummerċjali (Artikolu 26 tad-Direttiva dwar il-VAT) matul il-perjodu ta' rettifika, u min-naħa l-oħra, tistabbilixxi sistema ta' emendar favur il-persuna taxxabbli fil-każ ta' żieda fl-użu kummerċjali marbuta ma' operazzjonijiet li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis. Il-mod li bih taħdem din is-sistema jista' jitqabbel mas-sistema eżistenti għall-aġġustament tat-tnaqqis għall-oġġetti kapitali, li taġġusta, għall-parti kummerċjali, il-varjazzjoni fil-perċentwal tat-tranżazzjonijiet li jiġu intaxxati (u operazzjonijiet oħra li joħolqu d-dritt għat-tnaqqis) u dawk eżentati (mingħajr dritt għat-tnaqqis) matul il-perjodu ta' aġġustament. Fir-rigward tar-rapport bejn l-operazzjonijiet kummerċjali u dawk privati (jew mhux kummerċjali), is-sistema l-ġdida ta' rettifika hija applikata flimkien mas-sistema ta' rettifika eżistenti, mingħajr ma din ta' l-aħħar tiġi emendata jekk il-proprjetà immobbli tkun oġġett kapitali. Sabiex jiġi ċċarat il-mod li bih jitħaddem id-dritt għat-tnaqqis f'dak li jirrigwarda l-proprjetà immobbli b'użu mħallat, huwa propost li jiddaħħal l-Artikolu 168a fid-Direttiva dwar il-VAT. |

1. 2007/0238 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[4], trid tiġi emendata sabiex jiġu inkorporati diversi punti, l-aktar ta' natura teknika.

(2) Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet marbuta ma' l-importazzjoni u l-post fejn huma taxxabbli l-konsenji tal-gass naturali u ta' l-elettriku, l-iskema speċjali li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward ir-regoli dwar il-post tal-provvista tal-gass u l-elettriku[5] ma tapplikax għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali, imwettqa permezz ta' sistemi ta' pajpijiet tal-gass li mhumiex parti min-netwerk tad-distribuzzjoni, b'mod partikolari għas-sistemi tal-pajpijiet tal-gass tan-netwerk tat-trasport li permezz tagħhom jitwettqu kważi l-operazzjonijiet kollha transkonfinali tal-gass. Għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi fl-ambitu ta' l-iskema speċjali l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jsiru permezz tas-sistemi kollha fissi tat-trasport tal-gass.

(3) Din l-iskema speċjali attwalment m'għadhiex applikabbli għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali li jsiru permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali meta dan il-gass huwa, f'dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tiegħu, identiku għal dak impurtat jew ikkonsenjat permezz ta' sistemi tal-pajpijiet u li huwa maħsub, wara l-gassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu, biex jiġi ttrasportat fis-sistemi tal-pajpijiet tal-gass. Għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi fl-ambitu ta' l-iskema speċjali l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jseħħu permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali.

(4) L-ewwel netwerks tas-sħana u tal-kesħa transkonfinali diġà ddaħħlu fis-servizz. Il-problemi li jirrigwardaw il-konsenja jew l-importazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa, huma fuq l-istess binarju bħal dawk tal-konsenja jew l-importazzjoni tal-gass naturali jew ta' l-elettriku. Ir-regoli attwali jassiguraw diġà, għall-gass naturali u għall-elettriku, li l-VAT titħallas fil-post fejn fil-fatt dawn jiġu kkunsmati mix-xerrej. Huma jevitaw għalhekk kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa għalhekk xieraq li għas-sħana u l-kesħa jiġi applikat l-istess reġim bħal dak li japplika għall-gass naturali u għall-elettriku.

(5) Fir-rigward tal-post fejn tiġi applikata l-VAT fuq il-provvista tas-servizzi, il-leġiżlazzjoni attwali tipprevedi biss l-applikazzjoni ta' skema speċjali fil-każ tal-forniment ta' l-aċċess għas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-gass naturali u ta' l-elettriku. Madankollu, ċerti konsumaturi kbar tal-gass jew ta' l-elettriku huma mqabbda direttament man-netwerk tat-trasport u mhux man-netwerk ta' distribuzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li l-ambitu ta' din l-iskema speċjali jitwessa' għat-tipi kollha ta' provvista ta' servizzi marbuta mal-forniment ta' aċċess għan-netwerks kollha ta' l-elettriku u tal-gass naturali kif ukoll għan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa.

(6) L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni riċenti tal-proċedura attwalment fis-seħħ, li biha l-Kummissjoni hija inkarigata biex tiddeċiedi jekk jeżistix riskju ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni minħabba l-applikazzjoni ta' livell imnaqqas ta' VAT għall-gass naturali, għall-elettriku u għat-tisħin urban, uriet li dan il-mekkaniżmu għadda żmienu u issa huwa żejjed. Fil-fatt, ir-regoli għad-determinar tal-post fejn tkun applikabbli l-VAT jassiguraw li l-VAT titħallas fil-post fejn il-gass naturali, l-elettriku, is-sħana u l-kesħa fil-fatt jiġu kkunsmati mix-xerrej. Dawn ir-regoli għalhekk jevitaw kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ferm ta' dan is-settur, huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati sewwa dwar l-introduzzjoni effettiva ta' kwalunkwe taxxa mnaqqsa minn Stat Membru ieħor. B'konsegwenza, hija meħtieġa proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tal-VAT.

(7) L-impriżi komuni u strutturi oħra maħluqa fil-kuntest ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE huma inkarigati li jdaħħlu fis-seħħ il-politiki Komunitarji. Sabiex jiġi evitat l-impatt ta' tassazzjoni li tkun ta' vantaġġ għall-Istati Membru fejn tkun dovuta t-taxxa, imma li tkun ta' detriment għall-Istati Membri l-oħra u għall-Komunitajiet Ewropej, huwa meħtieġ li l-impriżi komuni maħluqa mill-Komunitajiet, li għandhom personalità ġuridika u li effettivament jirċievu sussidji fil-baġit ġenerali tagħhom fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej [6] , ikunu eżentati mill-VAT fuq ix-xiri li jagħmlu.

(8) Fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jagħtu eżenzjoni tat-taxxa lill-impriżi żgħar u li jibqgħu japplikaw eżenzjoni tal-VAT fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Fl-interessi taċ-ċarezza u tal-koerenza, dawn id-derogi jridu jiġu integrati fid-Direttiva nnifisha.

(9) Rigward id-dritt tat-tnaqqis, ir-regola bażika hija li dan id-dritt jirriżulta biss fil-każ li l-oġġetti u s-servizzi jintużaw mill-persuna taxxabbli għal ħtiġijiet ta' l-operazzjonijiet tiegħu li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis. Jeħtieġ li din ir-regola tiġi ċċarata u msaħħa sabiex il-persuni taxxabbli jkunu ttrattati bl-istess mod fil-każ li l-oġġetti li jużaw għall-attività ekonomika tagħhom ma jintużawx esklussivament għal finijiet marbuta ma' din l-attività. B'konsegwenza ta' dan, huwa xieraq li l-eżerċizzju inizjali tad-dritt għat-tnaqqis ikun ristrett għal dak l-użu li jwassal għal operazzjonijiet li jagħtu lok għat-tnaqqis fil-mument li fih it-taxxa tkun applikabbli.

(10) F'dan il-kuntest, huwa xieraq li din ir-regola tkun applikata għall-proprjetà immobbli li tiġi kkonsenjata lill-persuna taxxabbli u għas-servizzi kbar ipprovduti lilha fir-rigward ta' din il-proprjetà. Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet jirrappreżentaw l-aktar każijiet sinifikanti, b'kunsiderazzjoni għall-valur u għat-tul tal-ħajja ekonomika ta' din il-proprjetà, u min-naħa l-oħra għall-fatt li l-użu mħallat ta' dan it-tip ta' oġġetti huwa prattika komuni.

(11) Fid-dawl tar-restrizzjoni ta' l-eżerċizzju inizjali tad-dritt għat-tnaqqis, u sabiex tiġi żgurata sistema ekwa tat-tnaqqis għall-persuni taxxabbli, għandha titwaqqaf sistema ta' rettifika biex jitqies it-tibdil bejn l-użu kummerċjali u l-użu mhux kummerċjali tal-proprjetà immobbli kkonċernata, għal tul ta' żmien li jikkorrispondi għall-perjodu ta' regolarizzazzjoni eżistenti għall-proprjetà immobbli għall-investiment.

(12) Id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata skond dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1) L-Artikolu 2(3) għandu jinbidel bit-test li ġej:

"3. "Prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa" għandha tfisser prodotti ta' l-enerġija, alkoħol u xarbiet alkoħoliċi u tabakk manifatturat, kif definit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali, bl-eċċezzjoni ta' gass naturali pprovdut permezz tas-sistema tal-pajpijiet ta' distribuzzjoni tal-gass naturali jew b'bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali, ta' l-elettriku kif ukoll tas-sħana jew tal-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa."

2) L-Artikolu 13(2) għandu jinbidel bit-test li ġej:

"2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala attivitajiet li dawk l-entitajiet jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi, attivitajiet ta' entitajiet soġġetti għad-dritt pubbliku, meta dawn ikunu eżenti skond l-Artikoli 132, 135, 136, u 371, 374 sa 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2), u l-Artikoli 380 sa 390b."

3) Fl-Artikolu 17, il-paragrafu (2)(d) jinbidel b'dan li ġej:

"d) il-konsenji ta' gass naturali permezz tas-sistema ta' pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-gass jew permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali, inkella s-sħana jew il-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa, fil-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 38 u 39;"

4) L-Artikoli 38 u 39 jinbidlu b'dan li ġej:

"Artikolu 38

1. Fil-każ ta' konsenji ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' pajpijiet ta' distribuzzjoni tal-gass naturali, ta' l-elettriku, is-sħana jew il-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa, lil negozjant taxxabbli, il-post tal-konsenja jitqies bħala l-post fejn in-negozjant taxxabbli jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss minn fejn jissupplixxi l-prodott, jew, fl-assenza ta' tali post ta' negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu għandu l-indirizz permanenti jew fejn is-soltu joqgħod.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, "negozjant taxxabbli" għandha tfisser persuna taxxabbli li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fix-xiri ta' gass naturali, ta' l-elettriku jew tas-sħana jew kesħa u fil-bejgħ mill-ġdid ta' dawk il-prodotti, u li l-konsum personali tagħha ta' dawk il-prodotti huwa negliġibbli.

Artikolu 39

Fil-każ ta' provvisti ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-gass naturali, jew ta' provvisti ta' l-elettriku, tas-sħana jew tal-kesħa, mhux koperti bl-Artikolu 38, il-post ta' din il-provvista għandu jitqies bħala l-post fejn ix-xerrej effettivament juża u jikkonsmahom.

Fejn it-totalità ta', inkella parti mill-gass naturali, l-elettriku jew is-sħana jew il-kesħa mhumiex effettivament ikkunsmati mix-xerrej, dik il-merkanzija mhux ikkunsmata għandha titqies daqs li kieku ntużat u ġiet ikkunsmata fil-post fejn hu jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih hija fornuta din il-merkanzija. F'każ illi ma hemmx dan il-post tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-konsumatur għandu jitqies illi uża jew ikkonsma l-merkanzija fil-post fejn għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn is-soltu joqgħod."

5) Fl-Artikolu 56(1), il-punt h) jinbidel b'dan li ġej:

"h) il-forniment ta' l-aċċess għan-netwerks tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass naturali, ta' l-elettriku jew ta' l-aċċess għan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa kif ukoll tas-servizzi tat-trasport jew tat-trażmissjoni permezz ta' dawn in-netwerks, u l-forniment ta' servizzi oħra marbuta b'mod dirett;"

6) Fl-Artikolu 80(1)(b), il-kliem "l-Artikoli 380 sa 390" jinbidel bi "l-Artikoli 380 sa 390b".

7) L-Artikolu 102 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 102

Wara l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, kull Stat Membru jista' japplika livell imnaqqas għall-forniment tal-gass naturali, ta' l-elettriku u tat-tisħin urban."

8) Fl-Artikolu 136(a), il-kliem "l-Artikoli 380 sa 390" jinbidel b' "l-Artikoli 380 sa 390b".

9) L-Artikolu 143(l) jinbidel b’dan li ġej:

"l) l-importazzjonijiet ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-gass jew permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass, inkella s-sħana jew il-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa.".

10) Jiddaħħal l-Artikolu 151a li ġej:

"L-Artikolu 151a

Għall-finijiet tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 151(1), impriżi komuni jew kwalunkwe struttura oħra meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, imwaqqfa mill-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE, li għandhom personalità ġuridika u li jirċievu kontribuzzjonijiet għall-baġit ġenerali tagħhom skond l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[7] huma ttrattati bħala entitajiet internazzjonali, sakemm ma jkunux involuti f'attivitajiet ekonomiċi fl-ambitu ta' l-Artikolu 9(1) ta' din id-Direttiva.

Madankollu, l-eżenzjoni prevista fil-punt b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 151(1) ma tapplikax għall-konsenji ta' merkanzija u għall-forniment ta' servizzi maħsuba għall-użu privat tal-membri ta' impriżi komuni jew ta' kwalunkwe struttura oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu."

11) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 168 a li ġej:

"L-Artikolu 168a

Fil-każ tax-xiri, tal-bini, tar-renovazzjoni jew tat-trasformazzjoni sostanzjali ta' proprjetà immobbli, l-eżerċizzju inizjali għad-dritt tat-tnaqqis, li jirriżulta mill-mument li fih it-taxxa ssir applikabbli, huwa limitat għall-proporzjon ta' l-użu tiegħu effettiv għall-operazzjonijiet li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis.

B'deroga mill-Artikolu 26, it-tibdil fil-proporzjon ta' l-użu ta' proprjetà immobbli msemmija fl-ewwel subparagrafu, jitqies fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 187, 188, 190 u 192 għar-rettifika ta' l-eżerċizzju inizjali tad-dritt għat-tnaqqis.

It-tibdil imsemmi fit-tieni subparagrafu jitqies matul il-perjodu ddefinit mill-Istati Membri fil-kuntest ta' l-Artikolu 187(1), għall-proprjetà immobbli mixtrija bħala investiment.".

12) Fl-Artikolu 221(2), il-kliem "l-Artikoli 380 sa 390" jinbidel b' "l-Artikoli 380 sa 390b".

13) Fl-Artikolu 287, jiddaħħlu l-punti 17) u 18):

"17) il-Bulgarija: EUR 25 600;

18) ir-Rumanija: EUR 35 000."

14) Jiddaħħlu l-Artikoli 390a u 390b li ġejjin:

"Artikolu 390a

Il-Bulgarija tista', skond il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data ta' l-adeżjoni tiegħu, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif imsemmi fil-punt (10) ta' l-Anness X, il-Parti B, sakemm l-istess eżenzjoni hi applikata fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fl-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 390b

Ir-Rumanija tista', skond il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data ta' l-adeżjoni tiegħu, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif imsemmi fil-punt (10) ta' l-Anness X, il-Parti B, sakemm l-istess eżenzjoni hi applikata fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fl-1 ta' Jannar 2007."

15) Fl-Artikolu 391, il-kliem "l-Artikoli 380 sa 390" jinbidel b' "l-Artikoli 380 sa 390b".

16) Fl-Anness X, it-titlu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

LISTA TA' OPERAZZJONIJIET KOPERTI MID-DEROGI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 370 U 371 U FL-ARTIKOLI 375 SA 390b"

Artikolu 2 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Lulju 2008. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet, flimkien ma' tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

[5] ĠU L 260, 11.10.2003, p. 8.

[6] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[7] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.