52007PC0674

Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-bastimenti (preżentat mill-Kummissjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250 (2) tat-Trattat KE) /* KUMM/2007/0674 finali - COD 2005/0242 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2007

KUMM(2007) 674 finali

2005/0242 (COD)

Proposta emendata għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-bastimenti

(preżentat mill-Kummissjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250 (2) tat-Trattat KE)

2005/0242 (COD)

Proposta emendata għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-bastimenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Stat tal-proċedura

Il-proposta – COM (2005) 593 – COD/2005/0242 - ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2005 u kkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-30 ta’ Jannar 2006.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fit-13 ta' Settembru 2006.

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fil-15 ta' Ġunju 2006.

Il-Parlament Ewropew adotta 25 emenda fl-ewwel qari, fid-29 ta' Marzu 2007.

2. Għan tal-proposta

L-għan huwa li jkun hemm minimu ta’ regoli komuni għall-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili u ta’ l-assigurazzjoni tas-sidien tal-bastimenti u li jiġu definiti sostantivament ir-regoli li jippermettu kemm il-ħarsien kontra l-inċidenti kif ukoll il-possibbiltà ta’ ħlas għad-danni.

Il-proposta għandha l-għan li tinkorpora fid-dritt Komunitarju

- il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti

- riżoluzzjoni ta’ l-IMO u ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-garanziji finanzjarji f’każ ta’ l-abbandun tan-nies tal-baħar.

Il-proposta għandha l-għan, barra minn hekk, li tistabbilixxi sistema ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tas-sidien tal-bastimenti, abbażi ta’ riżoluzzjoni ta’ l-IMO dwar l-assigurazzjoni.

3. L-Għan ta' l-abbozz emendat

L-abbozz emendat għandu l-għan li jemenda l-proposta oriġinali fuq numru ta' punti, kif proposti mill-Parlament Ewropew.

4. Osservazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew

4.1 Emendi aċċettati mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' taċċetta l-emendi 1, 2, 3, 4, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 17, 19, 20, 22, 24, 28.

4.2 Emendi li ġew aċċetati mill-Kummissjoni parzjalment jew b’riżerva għal emendi

L-emendi 5, 21, 23, 26, 27

- Emenda 5

L-aħħar parti ta’ l-emenda għandha l-għan li tiddeskrivi t-tmexxija u telimina il-limitazzjoni (aġir li minnu sid il-bastiment jitlef id-dritt li jillimita r-resonsabbiltà tiegħu). Madanakollu din id-deskrizzjoni mhix kompleta u għaldaqstant għandha terġa’ tiġi reveduta biex tirrifletti in toto d-dispożizzjoni tad-Direttiva, mhux biss l-Artikolu 4(2a) (imsejjes fuq it-tort li mhux skużabbli), iżda wkoll fuq l-Artikolu 4(3) (imsejjes fuq negliġenza serja).

Il-premessa l-ġdida 5(a)

“F’dak li għandu x’jaqsam mal-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li huwa firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ l-1996, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà msemmija fil-Konvenzjoni ta’ l-1996 ma tistax tiġi opposta lill-vittmi li mhumiex parti mill-operazzjoni tat-trasport marittimu anke jekk is-sid tal-bastiment li kkawża d-danni m’aġixxix b'onestà u għandu jerfa' r-responsabbiltà għad-danni kkawżati bl-għemil jew in-nuqqas tiegħu. “F’dak li għandu x’jaqsam mal-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li huwa firmatarju tal-konvenzjoni ta’ l-1996, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà msemmija fil-Konvenzjoni ta’ l-1996 ma tistax tiġi opposta lill-vittmi li mhumiex parti mill-operazzjoni tat-trasport marittimu anke jekk sid il-bastiment li kkawża d-danni m’aġixxix b'onestà u għandu jerfa' r-responsabbiltà għad-danni kkawżati bl-għemil jew in-nuqqas tiegħu."

- Emenda 21

L-emenda għandha l-għan li tiddeskrivi l-kontenut tar-riżoluzzjoni A 930(22) ta’ l-IMO. Din id-deskrizzjoni mhijiex kompleta u għandha wkoll tagħmel referenza għall-ħlasijiet pendenti tas-salarji.

Artikolu 6, l-1 inċiż:

“Kull Stat Mebru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex kull sid ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, jikkostitwixxi garanzija bankarja bl-għan li tipproteġi lin-nies tal-baħar li huma impjegati jew li jaħdmu fuq dak il-bastiment f’każ ta’ abbandun, skond ir-riżoluzzjoni A 930(22) ta’ l-IMO, u biex tkopri l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ta’ assistenza medika u ripatrijazzjoni, kif ukoll għall-ħlas pendenti tas-salarji.”

- L-Emendi 23, 26 u 27:

Dawn it-tliet emendi jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ uffiċċju Komunitarju inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ ċertifikati ta’ garanzija finanzjarja.

It-tentattiv għaċ-ċentralizzazzjoni fuq livell Ewropew ta’ l-amministrazzjoni taċ-ċertifikati ta’garanzija finanzjarja, biex jitħaffef il-piż tal-pajjiżi Membri u biex tiġi żgurata l-omoġenità tal-proċeduri, jista’ jkun leġittimu. Iżda l-istabbiliment ta’ uffiċċju bħal dan għandu kosegwenzi fuq livell amministrattiv u finanzjarju li jridu jitqiesu. Għaldaqstant il-Kummissjoni tixtieq teżamina f’aktar dettall din l-inizjattiva.

F’dan il-kuntest, is-soluzzjoni tista’ tkun mhux l-istabbiliment ta’ uffiċju ġdid, iżda li tali kompiti jiġu konferiti lill-Aġenzija Ewropea għas-sigurtà marittima, li tingħata indipendenza fuq livell istituzzjonali u finanzjarju.

Premessa ġdida:

“jista’ jiġi miftiehem li fil-ġejjieni l-amministrazzjoni taċ-ċertifikati ta' garanzija finanzjarja tkun ċentralizzata fuq livell Ewropew. L-Aġenzija Ewropea għas-sigurtà marittima tista’ tissejjaħ biex tassumi rwol għal dan il-għan. Għaldaqstant ikun meħtieġ, preliminarjament, li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-konsegwenzi li dan jista’ jkollu fuq l-Aġenzija, kemm fuq livell istituzzjonali kif ukoll finanzjarju"

4.3. Emendi li ma humiex aċċettati mill-Kummissjoni

L-emendi 7 u 25 ma jistgħux jiġu aċċettati mill-Kummissjoni

5. Proposta emendata

Fid-dawl ta’ l-Artikolu 250(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni qed temenda l-proposta kif indikata hawn fuq.