52007PC0631




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.10.2007

KUMM(2007) 631 finali

2005/0228 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill fid-dawl ta' l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-15 ta' Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea

2005/0228 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill fid-dawl ta' l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-15 ta' Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea

1- IL-KUNTEST

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2005)579 finali - 2005/0228 (COD)): | It-18 ta' Novembru 2005 |

Id-data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | Il-21 ta’ April 2006 |

Id-data ta' l-opinjoni tal-PE, l-ewwel qari: | L-14 ta' Marzu 2007 |

Id-data ta' l-adozzjoni b'unanimità tal-pożizzjoni komuni | 15.10.2007 |

2- L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Il-proposta tal-Kummissjoni hija maħsuba biex ir-regoli komuni tas-sigurtà jiġu estiżi għall-operazzjonijiet ta' l-ajru, għal-liċenzji tal-piloti u għas-sigurtà ta' l-inġenji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi. Hija biħsiebha wkoll issaħħaħ il-kontrolli u s-sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tar-regoli tagħha u, fid-dawl ta' l-esperjenza, ittejjeb it-tħaddim ta' l-EADSA.

- L-operazzjonijiet ta' l-ajru: il-proposta ta' regolament testendi r-regoli komuni għall-attivitajiet ta' l-ajru kollha, u l-obbligu taċ-ċertifikazzjoni lill-operaturi kummerċjali kollha. Għall-operazzjonijiet mhux kummerċjali, ir-regoli se jiġu adattati għall-kumplessità ta' l-inġenji ta' l-ajru li jintużaw u mhumiex se jagħtu lok għaċ-ċertifikazzjoni.

- Il-liċenzji tal-piloti: Il-proposta ta' regolament timponi fuq il-parti l-kbira tal-piloti li joperaw fil-Komunità ż-żamma ta' liċenzja mogħtija abbażi ta' l-esiġenzi komuni marbuta ma' l-għarfien teoretiku u prattiku u l-qagħda fiżika tagħhom. L-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-piloti, iċ-ċentri u l-istaff inkarigati li jattestaw il-qagħda fiżika tagħha kif ukoll is-simulaturi tat-titjiriet iridu, huma wkoll, jiġu ċċertifikati fuq il-bażi ta' regoli komuni. Meta t-trasport kummerċjali jkun sottomess għall-esiġenzi massimi, is-setturi l-oħra ta' l-avjazzjoni jibbenefikaw mir-regoli adattati għall-kumplessità tat-tagħmir u dik ta' l-ispazju ta' l-ajru li qed jevolvu fih.

- Inġenji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi: Il-proposta għal regolament tissottometti l-inġenji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi li joperaw fil-Komunità, għar-regoli komuni, fil-limiti permessi mill-Konvenzjoni ta' Chicago. Barra minn hekk, tistipula li operatur barrani ma jistax jeżegwixxi operazzjoni kummerċjali fil-Komunità ħlief bil-kundizzjoni li jkun awtorizzat kif jixraq mill-EASA. Din l-awtorizzazzjoni tiddependi mill-kapaċità li l-operatur ikkonċernat jirrispetta l-istandards ta' l-ICAO u, jekk ikunu applikabbli għalih, ir-regoli komuni tas-sigurtà.

- Kontrolli u sanzjonijiet: il-proposta ssaħħaħ l-obbligi ta' l-Istati Membri, u tagħti s-setgħat lill-EASA fir-rigward tal-kontroll ta' l-inġenji ta' l-ajru. Bl-istess mod, tistabbilixxi mekkaniżmi ta' sanzjoni li jridu jiddaħħlu fis-seħħ bilfors, mill-Komunità jew mill-Istati Membri tagħha, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli komuni.

3- KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-Kunsill, għamel xi emendi ta' natura ġenerali fil-proposta tal-Kummissjoni, li huma aċċettabbli għaliex għandhom jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet definiti.

Globalment, id-dispożizzjonijiet essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni jinsabu fit-test approvat mill-Istati Membri. Dawk marbuta mas-sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli komuni wkoll issaħħu matul it-taħditiet. Min-naħa l-oħra, f'dak li għandu x'jaqsam mal- forma , it-test tal-Kummissjoni ġie emendat ferm, għaliex l-Istati Membri jixtiequ li t-trasportaturi ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati f'artikoli distinti. Fl-aħħarnett, huwa xieraq li jiġi enfasizzat li l-proposti marbuta mat-titjib tal-governanza ta' l-EASA, fil-biċċa l-kbira ġew rifjutati mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ipprefera jillimita s-setgħat taċ-ċertifikazzjoni fdati lill-Aġenzija għal dak li huwa strettament meħtieġ. Fid-dawl tal-limiti tar-riżorsi ta' l-Aġenzija, il-Kummissjoni aċċettat dik ir-restrizzjoni.

Il-Kummissjoni aċċettat totalment jew parzjalment erbatax-il emenda mill-wieħed u tletin li ppropona l-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.

Minn dawn il-31 emenda, il-Kunsill aċċetta 8 kelma b'kelma fil-pożizzjoni komuni tiegħu.

4- KUMMENTI DETTALJATI TAL-KUMMISSJONI

4.1 Emendi aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

In-numerazzjoni ta' hawn taħt tirreferi għall-premessi u l-Artikoli tal-pożizzjoni komuni.

L-Emenda 10: fl-Artikolu 8(4), jiġi ppreċiżat li l-membri ta' l-ekwipaġġ tal-kabina li jieħdu sehem fl-operazzjonijiet kummerċjali jrid ikollhom ċertifikat kif deskritt inizjalment fl-OPS 1.1005(d) imsemmi fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili (UE OPS); fid-diskrezzjoni ta' l-Istat Membru, ċertifikat bħal dan jista' jinħareġ minn operaturi jew korpi ta' taħriġ approvat.

L-Emenda 14: Din l-emenda tintroduċi fl-Artiklu 11(2) u 11(3) miżuri korrettivi u ta' ħarsien li għandha tapplikahom il-Kummissjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità jew ta' konformità mhux effettiva ta' ċertifikat maħruġ skond ir-regolament.

L-Emenda 15: din l-emenda, li tirreferi għall-Artikolu 13, għall-kriterji li għandhom jissodisfaw l-entitajiet ikkwalifikati li lilhom jistgħu jiġu fdati l-kompiti ta' ċertifikazzjoni, hija maħsuba biex jiġi ssimplifikat it-test propost mill-Kummissjoni.

L-Emenda 19: L-Artikolu 32.2(b) jipprevedi li l-Kunsill Amministrattiv kull sena jittrażmetti lill-awtorità tal-baġit, it-tagħrif utli kollu dwar ir-riżultati tal-proċedura ta' evalwazzjoni. L-emenda tistabbilixxi li dan se jsir partikolarment għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-effetti jew il-konsegwenzi ta' l-emendi li jsiru għall-missjonijiet fdati lill-Aġenzija.

L-Emenda 22: l-idea li jinħoloq uffiċċju eżekuttiv fi ħdan il-Kunsill Amministrattiv ta' l-Aġenzija ma nżammitx.

L-Emenda 23: l-Artikolu 55 jipprevedi li l-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija jrid jispeċifika biċ-ċar il-mandati u l-missjonijiet ta' l-Aġenzija, li għandhom jiġu miżjuda, emendati jew imħassra fir-rigward tas-sena ta' qabel.

L-Emenda 24: l-Artikolu 56 jipprevedi li r-rapport ġenerali annwali ta' l-Aġenzija jrid jispeċifika biċ-ċar l-effetti jew il-konsegwenzi ta' l-emendi tal-kompiti fdati lill-Aġenzija.

L-Emenda 29, parzjalment: din l-emenda tispeċifika li r-regoli ta' implimentazzjoni jridu jistrieħu fuq evalwazzjoni tar-riskji u jridu jkunu proporzjonati ma' l-importanza u l-għan ta' l-operazzjoni. Il-Parlament kien ippropona li jiddaħħlu dispożizzjonijiet fl-Anness IV, filwaqt li l-Kunsill, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, qies li kien aktar xieraq li jiddaħħlu fil-qalba tar-Regolament, fl-Artikolu 8(6)

It-test tal-pożizzjoni komuni fih ukoll id-dispożizzjoni li t-tariffi huma introjtu b'destinazzjoni speċifika. Din id-dispożizzjoni hija importanti ħafna biex tkun tista' tiġi assigurata ċerta stabbilità fil-baġit ta' l-aġenzija għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-attività ta' ċertifikazzjoni. Il-Kunsill wettaq ukoll konsolidazzjoni tal-premessi.

4.2 Emendi aċċettati mill-Kummissjoni, iżda mhux inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni

Huma kkonċernati l-emendi 2, 8 u 21 fit-totalità tagħhom u parti mill-emendi 4, 13 u 16.

L-emenda 2 kienet tipproponi premessa dwar il-ħtieġa li l-Aġenzija tagħti informazzjoni utli biex titħejja "lista sewda" (ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005).

L-emenda 8 kienet tirreferi għall-ħtieġa li jitqies ukoll il-progressi xjentifiċi u tekniċi matul it-tfassil tar-regoli ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(7) (piloti).

L-Emenda 21: It-test tal-pożizzjoni komuni ma inkluda la proposta tal-Kummissjoni u lanqas il-modifiki proposti mill-Parlament f'dak li jikkonċerna l-piż tal-voti tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kunsill Amministrattiv ta' l-Aġenzija.

L-Emenda 4: Il-Kunsill ma segwiex il-proposti għall-emendar tad-definizzjoni ta' "entità kwalifikata" li għamel il-Parlament. Madankollu, id-definizzjoni li żamm il-Parlament mhijiex differenti ħafna.

Il-Kunsill ikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li wasslu lill-Istati Membri biex jiċċirkolaw kwalunkwe tagħrif dwar l-applikazzjoni ħażina tar-regolament diġà huma preżenti f'postijiet differenti tat-test tal-pożizzjoni komuni u għalhekk ma aċċettax l-emenda 13.

L-emenda 16, li tipprevedi dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni, iddaħħlet fit-test tal-pożizzjoni komuni, u l-unika differenza hija fl-użu tal-kelma "liġi penali" minflok "liġi kriminali" kif proposta mill-Parlament.

Fi ftit kliem, bl-eċċezzjoni ta' l-emenda 21, l-emendi l-oħra msemmija hawn fuq ma jqajmux problemi veri ma' l-Istati Membri, huma biss emendi żgħar ta' formulazzjoni u mhux ta' sustanza.

4.3 Emendi mhux milqugħa mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni

Dan jikkonċerna l-emendi 1, 3, 5, 6, 7, 9, 11, 12, 17, 18, 20, 25, 26, 27, 28, 30 u orali.

- L-emenda Nru 1 tipproponi li l-ambitu ta' l-EASA jiġi estiż għas-sigurtà ta' l-Ajru Il-Kummissjoni tqis li dan ma jirrigwardax l-Aġenzija, li l-kompetenzi tagħhom huma strettament marbuta ma' aspetti tas- sigurtà .

- L-emendi 5, 6, 7, 30 u l-emenda orali huma maħsuba biex jeskludu – għal raġunijiet kummerċjali, ċerti mudelli ta' ajruplani u ta' ħelikopters. Il-Kummissjoni tqis li dan ikun ta' detriment għal-livell adegwat ta' kontroll tas-sigurtà u għalhekk ma inkludietx il-proposti tal-P.E.

- L-emendi 9 u 11 ġew rifjutati mill-Kummissjoni għaliex l-effett tagħhom kien ikun li ma jippermettux l-impożizzjoni ta' proċeduri ta' ċertifikazzjoni lil operaturi mhux kummerċjali li joperaw ajruplani kumplessi u b'saħħithom.

- L-emenda 12 maħsuba għall-introduzzjoni tar-rikonoxximent reċiproku għall-ekwipaġġi tal-kabina ġiet rifjutata għaliex toħloq ripetizzjoni ta' l-Artikolu 11 (rikonoxximent reċiproku).

- L-emenda 17 tipprovdi mekkaniżmu li jippermetti lill-Aġenzija timponi sanzjonijiet finanzjarji lil dawk amministrati minnha f'każijiet ta' infrazzjonijiet minuri li għalihom l-irtirar tal-liċenzja jkun sproporzjonat. Kif inhi ma tistax tiġi aċċettata għaliex tqajjem kwistjonijiet ġuridiċi, istituzzjonali u prattiċi li jesiġu studju fil-fond.

- L-emenda 18 tmur kontra mhux biss ir-regoli tar-reġim applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, iżda wkoll għall-politika attwali tal-Komunità fil-qasam tal-kompetenzi lingwistiċi ta' l-istaff.

- Il-Kummissjoni tqis li l-emenda Nru 20 ma tistax tiġi aċċettata għaliex in-nominazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Amministrattiv ta' l-Aġenzija trid tiġi mill-Istati Membri, aktar milli mingħand il-Parlament Ewropew, u dan għaliex l-Aġenzija hija inkarigata teżegwixxi l-kompiti f'isem l-Istati Membri.

- Bl-emenda Nru 25 tiegħu, il-Parlament Ewropew jixtieq jiżgura l-indipendenza ta' l-Aġenzija fil-konfront ta' kull tip ta' ndħil min-naħa tal-korpi privati. Il-Kummissjoni u l-Kunsill ukoll għandhom dan l-għan, imma huma konvinti li t-test attwali ma jagħtix lok għal possibilitajiet bħal dawn, għaliex jipprojbixxi dan b'mod espliċitu.

- L-emendi 3, 26, 27 u 28 jirrigwardaw il-kwistjoni tat-tariffi ta' l-Aġenzija għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni tagħha.

- Il-P.E. jesiġi żewġ deċiżjonijiet separati: L-ewwel waħda tirrigwarda l-baġit maħsub għat-tariffi ta' ċertifikazzjoni u t-tieni għar-riżorsi l-oħra. Il-P.E. jitlob ukoll li jkun jista' jalloka parti mis-sussidju Ewropew għall-attività ta' ċertifikazzjoni.

- Il-Kummissjoni ma taċċettax l-emendi għaliex l-ewwel waħda tikser il-prinċipju ta' l-unità tal-baġit u t-tieni jkollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-Aġenzija minn madwar 40% tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-iżvilupp tar-regolamentazzjoni tas-sigurtà għall-kontroll tal-konformità ta' l-Istati Membri u l-analiżi ta' l-inċidenti. Dan għall-profitt ta' ċerti gruppi industrijali li ma jibqgħux ikollhom iħallsu għal ċerti attivitajiet marbuta ma' l-iżgurar li l-prodotti tagħhom jinżammu għal-livell ta' sigurtà meħtieġ.

5- KONKLUŻJONI

Il-Kummisjsoni tqis li l-pożizzjoni komuni la tibdel l-għanijiet ewlenin u lanqas l-ispirtu tal-proposta tagħha, u għaldaqstant, hija fil-qagħda li tappoġġaha.

Anness: Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni.

ANNESS

Dikjarazzjoni unilaterali mill-Kummissjoni

Dwar l-Artikoli 10(3), 24(2) u 54(1),"Inkjesti ta' l-EASA"

1. Il-Kummissjoni tikkonferma li d-dispożizzjonijiet rispettivi ta' l-Artikolu 10(3) ta' l-Artikolu 24(2) u ta' l-Artikolu 54(1), ma jimmodifikawx ir-rwol attwali ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-kontroll, dirett, ta' l-impriżi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom u ta' l-ispezzjonijiet fuq l-art, inklużi d-deċiżjonijiet marbuta maż-żamma ta' l-ajruplani milli jtiru.

2. Dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jagħtu lill-Aġenzija l-possibbiltà li tagħmel spezzjonijiet fuq l-inġenji ta' l-ajru għal finijiet ta':

a) Proċeduri ta' ċertifikazzjoni li hija tagħmel fil-kuntest tal-kompiti tagħha li jirriżultaw minn dan ir-Regolament

b) spezzjonijiet ta' standardizzar, kif ipprovdut fl-Artikolu 24(1);

c) l-ispezzjonijiet ta' l-impriżi huma maħsuba biex tiġi kkontrollata l-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti għal sitwazzjonijiet eventwali ta' nuqqas ta' sigurtà, f'kooperazjzoni ma' l-Istati Membri.

3. L-Artikolu 10 jistipula biċ-ċar li huma biss l-Istati Membri li għandhom il-possibbiltà li jwaqqfu l-inġenji ta' l-ajru milli jtiru. Fl-ebda każ ma tista' tkun l-Aġenzija li twaqqaf l-inġenji milli jtiru.

Fil-każ li jirriżulta xi nuqqas f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà, ir-rwol ta' l-Aġenzija huwa li tinforma lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Is-setgħat ta' l-Aġenzija huma limitat għall-irtirar/ għas-sospensjoni tal-liċenzji/awtorizzazzjonijiet li tkun ħarġet hi stess.

Dikjarazzjoni unilaterali mill-Kummissjoni

Dwar l-Artikolu 7(7), "Liċenzja ta' pilota għal skopijiet ta' rikreazzjoni"

Il-Kummissjoni tikkonferma li, fl-istabbiliment tar-regoli ta' implimentazzjoni għall-Artikolu 7 dwar il-liċenzji tal-piloti għal skopijiet ta' rikreazzjoni, il-prijorità se tkun dejjem fuq is-sigurtà. B'mod partikolari, ir-regoli ta' implimentazzjoni se jillimitaw il-privileġġi marbuta ma' dawn il-liċenzji f'dak li jirrigwarda l-livell ta' taħriġ tal-piloti kkonċernati, ħtieġa li l-premessa 9 u l-Artikolu 7(6)(c), jagħmluha obbligatorja.

Dikjarazjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

Skond l-Artikolu 69(2), "Dħul fis-Seħħ"

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jimpenjaw irwieħhom biex jiżguraw li r-regoli ta' l-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 69(2), jiġu żviluppati u adottati fl-iqsar żmien possibbli, qabel id-data ta' skadenza msemmija f'dak l-artikolu, filwaqt li titqies il-kumplessità teknika ta' regoli ta' implimentazzjoni bħal dawn.