[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.10.2007 KUMM(2007) 602 finali 2007/0223 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007) 1310}{SEG(2007) 1312}{SEG(2007) 1336} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI KUNTEST TAL-PROPOSTA | Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta L-għan ġenerali tal-Proposta hu li jiġi rivedut u jitkabbar il-kontribut tal-Komunità fil-ġlieda kontra s-sajd Illegali, Mhux Irrapportat u Mhux Irregolat sabiex tiżdied l-effiċjenza ta’ l-azzjoni kontra din il-pjaga internazzjonali u l-konsegwenzi ambjentali, ekonomiċi u soċjali tagħha. | Il-kuntest ġenerali Is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (Illegal, Undeclared and Unregulated - IUU) huwa waħda mit-theddidiet l-aktar serji mad-dinja kollha għas-sostenibbiltà ta’ stokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità tal-baħar. Hemm qbil ġenerali fi ħdan il-komunità internazzjonali dwar l-għarfien tal-gravità partikolari ta’ din il-problema u l-ħtieġa imperjuża li jiġu adottati miżuri xierqa biex tiġi impeduta, skoraġġuta u eliminata. Strumenti internazzjonali varji esprimew dan il-qbil u bl-aktar mod notevoli fil-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni volontarju dwar din il-kwistjoni li ġiet adottat taħt il-patroċinju tal-FAO fl-2001. Il-Komunità issa ilha aktar minn 10 snin fil-ġlieda kontra l-IUU. Il-politika tagħha ilha mill-2002 titmexxa mill-Pjan ta’ Azzjoni li għandha. Fuq din il-bażi, il-Komunità kienet attiva ħafna tul dawn l-aħħar snin, tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ politika ambizzjuża biex tiskoraġġixxi, timpedixxi, u telimina s-sajd IUU f’livelli Komunitarji, reġjonali u internazzjonali. Din il-politika ġabet magħha progress sinifikanti. Il-ħolqien ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) ġodda, sew jekk bl-inizjattiva u sew jekk bl-appoġġ konkret ta’ l-UE, estenda l-firxa ġeografika taż-żoni tas-sajd f’ibħra internazzjonali soġġetti għal regolamentazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin, sensieli ta’ miżuri ġodda estensivi li ġew adottati fi ħdan RFMOs eżistenti rrinfurzaw il-kontroll fl-ibħra u fil-portijiet u għamlu possibbli l-monitoraġġ aħjar tal-flussi kummerċjali. L-adozzjoni ta’ listi suwed ta’ bastimenti IUU wasslet għall-introduzzjoni ta’ miżuri dissważivi mmirati lejn bastimenti identifikati li jkunu kkommettew xi attivitajiet illegali. L-2004 rat id-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta’ Sħubija li biha qegħdin jitmexxew ir-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li magħhom intlaħaq ftehim bilaterali dwar is-sajd. Ir-rinfurzar tal-kapaċitajiet ta’ tmexxija u kontroll ta’ dawn il-pajjiżi huwa wieħed mill-pedamenti tas-sistema ta’ Sħubija, u ġew allokati fondi sinifikanti mill-UE speċifikament għal dan il-għan. Fil-livell ta’ l-UE, sadanittant, fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd maqbula fl-2002 ġiet iffokata l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-osservanza tar-regoli li japplikaw għas-sajjieda u l-ilmijiet ta’ l-UE. Għalkemm sar ħafna, m’hemmx dubju li s-sajd IUU għadu ’l bogħod milli jiġi eradikat. Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-persistenza ta’ prassi bħal dawn minkejja l-azzjoni Komunitarja u internazzjonali u l-konsegwenzi drammatiċi ambjentali u soċjoekonomiċi li ġġib magħha jitolbu tweġiba urġenti u serja mill-Komunità. Il-Komunità għandha waħda mill-akbar flotot tas-sajd fid-dinja u hija t-tielet potenza ta’ qbid ta’ ħut fid-dinja. Hija wkoll l-akbar suq u l-ewwel importatura ta’ prodotti tas-sajd. Il-valur tal-prodotti tas-sajd importati fil-Komunità tela’ għal kważi €14-il biljun fl-2005. Barra minn hekk, l-operaturi Komunitarji jitqiesu li huma fost dawk li jirreġistraw għadd kbir ta’ bastimenti tas-sajd fi Stati li jħaddnu bnadar ta' non-konformità. Konformament ma’ l-impenji internazzjonali li għandha u l-għan ġenerali tagħha li ttejjeb il-ġestjoni u tevita l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali (kif stabbilit fl-Istrateġija ta’ żvilupp Sostenibbli ta’ l-UE maqbula fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2006), il-Komunità għandha r-responsabbiltà speċifika li tmexxi l-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Il-Kummissjoni temmen li issa wasal iż-żmien li jitkompla l-qafas eżistenti, ittejjeb l-effiċjenza tagħha u tixħet l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għal aktar infurzar u osservanza tal-miżuri meħtieġa biex jiġi skoraġġut, impedut u eliminat is-sajd IUU. | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Fis-sistema kurrenti, parti mis-sajd IUU huwa indirizzat permezz ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji dwar kontroll, spezzjonar u infurzar li japplikaw fil-Komunità (b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill 2847/93 u r-Regolament tal-Kunsill 2371/2002) kif ukoll fir-rigward ta’ oqsma soġġetti għar-regoli maqbula fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Kunsill 1936/2001 u 601/2004). | Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħrajn ta’ l-Unjoni Din il-proposta ssegwi l-mira ġenerali tal-Politika Komuni tas-Sajd biex "tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li joħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli" u, b’mod aktar ġenerali, tikkontribwixxi għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli maqbula fil-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2006 permezz ta’ l-attenzjoni li tagħti għall-ħarsien tar-riżorsi naturali. Din tikkonforma wkoll ma’ l-għanijiet stabbiliti fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002 rigward il-ġestjoni tas-sajd. L-isforz għal governanza aħjar ta’ l-oċeani huwa wkoll wieħed mill-prinċipji ewlenin li bih qegħdin jitmexxew ir-riflessjonijiet kurrenti dwar Politika Marittima futura għall-Komunità. | KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT | Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati | Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali tal-parteċipanti Tnieda proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa bejn Jannar u Marzu 2007, fuq bażi ta’ dokument pubbliku mressaq mis-servizzi tal-Kummissjoni u li ġie ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Id-dokument ta’ konsultazzjoni mħejji mid-DĠ Sajd u Affarijiet Marittimi biex iservi ta’ gwida fid-dibattitu ppreżenta analiżi fil-qosor tal-problema u ġie strutturat fuq id-disa’ kampijiet ta’ azzjoni possibbli: (1) it-titjib fil-kontroll tal-legalità ta’ l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u l-qabdiet tagħhom li jidħlu f’portijiet tas-sajd tal-Komunità Ewropea, (2) it-titjib fil-kontroll ta’ l-osservanza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni dwar prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi importati fil-Komunità b’mezzi għajr bastimenti tas-sajd, (3) l-għeluq tas-suq ta’ l-UE għall-prodotti tas-sajd IUU, (4) it-trattament ta’ l-attivitajiet IUU mwettqa minn ċittadini tal-Komunità Ewropea barra mit-territorju tagħha, (5) it-titjib fil-mezzi legali biex isiru magħrufa l-attivitajiet tas-sajd IUU, (6) l-introduzzjoni ta’ skema effiċjenti ta’ penalitajiet immirati biex jiskoraġġixxu trasgressjonijiet serji tal-miżuri tas-sajd, (7) it-titjib fl-azzjoni kontra s-sajd IUU fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, (8) l-appoġġ għall-politika u l-mezzi ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kontra s-sajd IUU u (9) iż-żieda fis-sinerġiji fil-kamp tal-Monitoraġġ, il-Kontroll u s-Sorveljanza. Ġew organizzati għadd ta’ laqgħat u l-Kummissjoni rċeviet diversi kontributi bil-miktub b’riżultat ta’ din il-konsultazzjoni. Il-kwistjoni ġiet diskussa f’Kunsill informali tal-Ministri tas-Sajd fis-17 ta’ April 2007. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni fil-15 ta’ Frar 2007. Il-kontributi waslu minn varjetà wiesgħa ta’ entitajiet marbutin mas-settur tas-sajd, notevolment il-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA), li jiġbor fih il-partijiet interessati ewlenin involuti fis-settur tas-sajd f’livell Komunitarju, organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-sajd (Franza, Spanja, il-Greċja), l-industrija ta’ l-ipproċessar, bejjiegħa bl-imnut, banek u konsumaturi, trejdjunjins, għadd ta’ NGOs, awtoritajiet pubbliċi (speċjalizzati f’materji ta’ l-ambjent u l-iżvilupp) mill-Ġermanja, ir-Renju Unit, Membru ta’ Parlament nazzjonali (l-Olanda), kif ukoll awtoritajiet pubbliċi min-Norveġja u l-Bank Dinji u kumpanija waħdanija speċjalizzata fit-traċċabbiltà. | Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati L-inizjattiva tal-Kummissjoni kellha informazzjoni pożittiva ħafna dwarha mill-parteċipanti tal-proċess ta’ konsultazzjoni. Kważi l-kontributi kollha enfasizzaw l-idoneità għar-rinfurzar ta’ l-azzjoni Komunitarja f’dan il-kamp. B’mod ġenerali approvaw ir-rilevanza tal-kampijiet ta’ azzjoni identifikati mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ konsultazzjoni tagħha. Punt diverġenti fost il-partijiet interessati kien relatat ma’ l-ambitu ta’ l-inizjattiva. Parti tas-settur estrattiv tas-sajd jemmnu li l-inizjattiva m’għandhiex tkopri l-flotta tas-sajd Komunitarja, li hija soġġetta għal skema ta’ kontroll komprensiv, u ma tistax titqies li tista’ tagħmel sajd IUU. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti iżda appoġġjaw l-idea li l-inizjattiva għandha tkun wiesgħa u tinkludi l-attivitajiet tas-sajd tal-flotot kollha tas-sajd (Komunitarji u mhux Komunitarji). Xi partijiet interessati esprimew ukoll tħassib dwar il-problemi li jistgħu jirriżultaw bl-adozzjoni mill-Komunità ta’ sistema uniformi għall-problema, filwaqt li jiġu injorati l-ispeċifiċitajiet tas-sajd u r-reġjuni milquta mis-sajd IUU u li tipproduċi restrizzjonijiet ġodda mhux meħtieġa. Ġie enfasizzat il-fatt li l-Komunità jmissha tiffoka l-azzjoni futura tagħha fuq l-aktar ksur serju tal-liġi tas-sajd. Xi partijiet interessati insistew li għandha tingħata preċedenza għall-implimentazzjoni aħjar tal-qafas eżistenti, u li inizjattivi regolatorji ġodda jkunu introdotti biss fejn ikunu meħtieġa. Ġie espress tħassib importanti ieħor dwar l-impatti negattivi potenzjali ta’ miżuri kummerċjali fuq pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ġiet enfasizzata l-ħtieġa ta’ analiżi profonda fuq din il-kwistjoni. | Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-internet mill-15.1.2007 sat-12.3.2007. Il-Kummissjoni rċeviet madwar 30 kontribut bil-miktub. Il-kontributi li rċeviet il-Kummissjoni huma disponibbli fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/governance/consultations/consultation_150107_en.htm Saret ġabra fil-qosor ta’ l-eżiti tal-proċess ta’ konsultazzjoni f’dokument anness mar-Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt dwar il-Proposta mressqa mill-Kummissjoni. | Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert | L-oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu użu minn għarfien espert estern biex jiġu kkonfermati uħud mill-elementi relatati mal-Proposta preżenti. L-iskop tal-Konvenzjoni Speċifika Nru 36/2006 kien li jiġu analizzati l-utilità u l-impatt tal-miżuri kummerċjali previsti mill-Kummissjoni bħala strument kontra s-sajd IUU. Il-Kuntratt speċifiku Nru 5/2007 ġie assenjat biex jipprovdi elementi esterni meħtieġa oħrajn u kontribut li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża fit-tħejjija finali tal-valutazzjoni ta’ l-impatt relatata mal-miżuri li jistgħu jkunu parti mill-proposti futuri tal-Kummissjoni kontra s-sajd IUU. | Il-metodoloġija użata Iż-żewġ Konvenzjonijiet Speċifiċi ġew iffinalizzati fil-kuntratti ta’ qafas (FISH/2003/02 u FISH/2006/20 rispettivament) fis-seħħ bejn il-Kummissjoni u l-aġenzija esterna ta’ konsulenza Océanic Développement. | L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin li ġew ikkonsultati l-azjenda esterna ta’ konsulenza Océanic Développement. | Ġabra fil-qosor tal-parir li ngħata u li ġie użat L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irriversibbli ma ssemmietx. | L-ewwel studju jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-Komunità Ewropea bħala l-ewwel operatriċi fil-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd, jiddeskrivi l-vulnerabbiltà tas-suq Komunitarju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mis-sajd IUU u janalizza l-mezzi varji li l-Komunità tista’ tistabbilixxi biex iġġib dawk l-importazzjonijiet fi tmiemhom. It-tieni studju jippreżenta notevolment il-problemi mnissla mil-livell insuffiċjenti tas-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ trasgressjonijiet serji kontra r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Jenfasizza wkoll il-varjetà wiesgħa tal-livelli ta’ sanzjonijiet li jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jwasslu għan-nuqqas ta’ imparzjalità fil-livell Komunitarju u jinkoraġġixxu t-tkomplija ta’ prassi illeċita. | Il-mezzi użati biex il-parir espert isir disponibbli pubblikament L-istudji ser ikunu disponibbli bl-Internet fuq il-websajt tad-DĠ Sajd u Affarijiet Marittimi. | Il-valutazzjoni ta’ l-impatt Il-Kummissjoni għamlet Valutazzjoni ta’ l-Impatt tal-Proposta, li wasslet għal rapport li ser ikun aċċessibbli fuq il-websajt tad-DĠ Sajd u Affarijiet Marittimi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rapport, ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin: - It-titjib fl-implimentazzjoni tal-qafas kurrenti fl-ilmijiet Komunitarji, u t-tkattir tal-valur tal-politika tal-Komunità kontra s-sajd IUU fi ħdan korpi multilaterali u bilaterali biex tiġi indirizzata l-parti esterna tal-problema. Din l-għażla ma teħtieġx l-adozzjoni ta’ xi strument regolatorju ġdid. Iżda din ma tipprovdix tweġiba suffiċjenti għall-urġenza tas-sitwazzjoni, u lanqas għall-problemi l-aktar serji li qegħdin jagħmlu ħsara lis-sistema kurrenti, li huma l-vulnerabbiltà tas-suq Komunitarju kontra l-importazzjoni ta’ prodotti IUU u l-persistenza ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ non-konformità. Dawn iż-żewġ problemi jeħtieġu l-adozzjoni ta’ għodod legali ġodda. Din l-għażla sempliċement tfisser li l-Komunità tkun qiegħda tagħmel aktar enfasi fuq il-ħtieġa għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, imma mingħajr ma tkun qed tħaddem l-istrumenti meħtieġa għal dan il-fini. - Jeżisti riskju reali li din l-għażla tirriżulta biss f'dikjarazzjonijiet ta' rieda tajba, ma tinvolvix tibdil sostanzjali u sempliċement tipperpetwa l-qagħda attwali;- L-iżvilupp ta’ politika bbażata fuq it-trattament ta’ kull każ għalih, li tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ispeċi varji ta’ ħut u oqsma soġġetti għal livelli importanti ta’ sajd IUU. Taħt din l-għażla, għandu jiġi segwit it-trattament immirat, li għandu jiffoka fuq il-manifestazzjonijiet l-aktar tanġibbli tas-sajd IUU, u jipprovdi tweġibiet speċifiċi skond il-partikolaritajiet ta’ l-istokkijiet u l-oqsma kkonċernati. In-natura dejjem tinbidel u klandestina tal-fenomenu IUU tirrendi l-effiċjenza ta’ din l-għażla waħda inċerta. Jeżisti riskju għoli li din l-għażla trodd soluzzjonijiet li ma jkunux aktar adattati għall-problema attwali saż-żmien ta’ l-adozzjoni tagħhom, u l-veru miri jispiċċaw ma jintlaqtux. Jidher ukoll li hu diffiċli li din is-sistema tiġi trasposta għal sajd IUU fl-ilmijiet ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra minn hekk, din l-għażla ma tkunx ħielsa mill-ispejjeż. L-implimentazzjoni tagħha tkun tista’ tissarraf fl-adozzjoni ta’ sett ta’ strumenti regolatorji li jkun speċifiku għal kull waħda mis-sitwazzjonijiet li jkunu jridu jiġu koperti. L-ispejjeż tal-konformità jkunu wkoll għoljin, u, fejn jidħlu l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ importazzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal għadd limitat ta’ speċi, possibbilment anka ogħla mill-ispejjeż ta’ l-iskema ta’ ċertifikazzjoni ġenerali li tapplika għall-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd kollha. - L-inkarigu ta’ inizjattiva ġdida u komprensiva, li tkun tkopri ilmijiet Komunitarji u mhux Komunitarji, imsejsa fuq prinċipji politiċi ċari u miżuri regolatorji, li tikkompleta l-qafas kurrenti u tiżgura osservanza aħjar tar-regoli, kif ukoll tippermetti li l-KE tadotta miżuri ambizzjużi unilaterali biex tissodisfa l-impenji internazzjonali li għandha meta l-miżuri multilaterali ma jkunux jistgħu jiksbu riżultat sodisfaċenti. Din l-għażla titlob l-adozzjoni ta’ strument regolatorju ambizzjuż li jkun iwieġeb għat-tliet sfidi ewlenin li l-Komunità jkollha tiffaċċa fir-rigward tas-sajd IUU: il-waqfien ta’ l-importazzjoni tas-sajd IUU fil-Komunità, it-trattament tal-problema li qegħdin joħolqu bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ non-konformità barra l-ilmijiet Komunitarji u t-titjib fl-osservanza tar-regoli l-PKS fl-ilmijiet Komunitarji. L-implimentazzjoni ta’ din l-għażla titlob ħafna u tkun tirrikjedi bdil konsiderevoli. L-ewwelnett din timplika li l-Komunità trid tadotta strument regolatorju sostanzjali. Din tiġġenera wkoll kompiti u spejjeż ġodda, li madankollu għandhom jiġu mmitigati permezz ta’ mekkaniżmi varji u miżuri anċillari. Dawk l-ispejjeż jidhru li huma proporzjonati mal-ħtieġa li l-Komunità ttejjeb sostanzjalment l-effiċjenza tal-politika tagħha kontra s-sajd IUU. | ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA | Ġabra fil-qosor ta’ l-azzjoni proposta Il-Proposta hi msejsa fuq il-prinċipju li strateġija effiċjenti kontra s-sajd IUU għandha tkun komprensiva u tkopri l-aspetti kollha tal-problema, matul il-katina sħiħa tal-provvista. Il-Proposta tistabbilixxi sistema mfassla biex twaqqaf l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU fil-Komunità. Għal din il-fini, għandha tiġi stabbilita skema ta’ ċertifikazzjoni. Skond din l-iskema, l-importazzjoni tal-prodotti kollha tas-sajd (inklużi prodotti pproċessati) fil-Komunità ssir bil-kundizzjoni taċ-ċertifikazzjoni mill-Istat tal-Bandiera kkonċernat li dawn ikunu nqabdu legalment. Biex tkun ikkomplementata din il-miżura, għandu jittejjeb il-monitoraġġ ta’ l-iżbarkar minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi bis-saħħa ta’ kundizzjonijiet ġodda li jkunu japplikaw għall-aċċess għall-portijiet Komunitarji u t-trasbordi. Il-Proposta tantiċipa wkoll sett ta’ miżuri mfassla biex jiskoraġġixxu l-operaturi tas-sajd milli jieħdu vantaġġi mill-fallimenti ta’ xi Stati milli jiżguraw li l-flotta tagħhom tas-sajd tikkonforma mar-regoli tal-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd. F’każi fejn ma tkun tista’ tinstab ebda soluzzjoni effiċjenti fi ħdan l-RFMOs, il-Komunità tkun tista’ tispeċifika u timplimenta penalitajiet fuq bastimenti tas-sajd jew Stati li jaġixxu barra l-legalità internazzjonali u jimminaw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd. Il-Proposta tistabbilixxi sistema biex tqarreb il-livelli massimi tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ trasgressjonijiet serji tar-regoli tal-PKS. Din tistitwixxi wkoll dispożizzjonijiet li jsaħħu r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri lejn iċ-ċittadini tagħhom meta jkunu qegħdin jieħdu sehem jew jappoġġjaw attivitajiet tas-sajd barra mill-Komunità. | Il-bażi legali L-Artikolu 37 tat-Trattat tal-KE | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għaldaqstant ma japplikax. | Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba r-raġuni(jiet) hekk kif ġej. | It-taqbid ma’ attivitajiet klandestini u illeċiti bħalma huwa s-sajd IUU jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ skala proporzjonata u adattati skond in-natura ta’ l-attivitajiet ikkonċernati. L-azzjoni li hemm fil-Proposta hija mistennija li toħloq xi spejjeż għall-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri ta' l-UE u pajjiżi terzi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fit-twaqqif ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni li tkun tapplika għall-importazzjonijiet kollha ta’ prodotti tas-sajd fil-Komunità. Dawn l-ispejjeż iżda għandhom ikunu relattivament limitati, u ġeneralment jiġu kkumpensati bil-benefiċċji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżuri. | Biex ikunu assistiti fil-ħidmiet tagħhom l-awtoritajiet tal-kontroll mill-Istati Membri, għandha titwaqqaf sistema ta’ twissija, imfassla biex tinfurmahom dwar id-dubji dwar l-osservanza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għall-prodotti minn ċerti bastimenti tas-sajd, operaturi jew Stati. Din tippermetti lill-awtoritajiet tal-kontroll biex jiddefinixxu l-preċedenzi fl-azzjoni tagħhom u ttaffi l-piż tax-xogħol li jġibu magħhom miżuri oħrajn li fiha l-Proposta. L-istrateġija l-ġdida kontra s-sajd IUU proposta mill-Kummissjoni tippromwovi wkoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kontroll; dawk l-isforzi, li għandhom jitmexxew mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd, għandhom jgħinu l-ġabra tal-mezzi ta’ kontroll u t-titjib ta’ l-effiċjenza ġenerali ta’ l-azzjoni ta’ kontroll fil-Komunità. Ir-rekwiżiti ta' kontroll addizzjonali imposti fuq l-amministrazzjonijiet u l-operaturi għandhom ikunu xierqa u proporzjonati rigward l-iżgurar ta' l-applikazzjoni korretta tal-miżuri kkonċernati. | L-għażla ta’ l-istrumenti | L-istrumenti proposti: ir-regolament. | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) hekk kif ġej. Il-Politika Komuni tas-Sajd hija qasam fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Ir-regoli li jiġu adottati f’livell Komunitarju għandhom ikunu uniformi u jorbtu bl-intenzjoni li tiġi evitata l-koeżistenza ta’ standards differenti bejn l-Istati Membri. Huwa għaldaqstant iġġustifikat li l-miżuri jinsabu fi Proposta għal Regolament. | IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT | Il-proposta m’għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. | INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI | Semplifikazzjoni | Il-proposta tipprevedi s-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. | Il-proposta tipprovdi semplifikazzjoni u titjib fil-kontroll, l-ispezzjonar u l-qafas ta’ infurzar li ħarġu mid-deċiżjonijiet adottati fi ħdan l-RFMOs. Il-Komunità hija membru ta’ tużżana minn dawn l-organizzazzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn organizzazzjoni għall-oħra. Fil-preżent dawn qed ikunu implimentati fil-liġi Komunitarja permezz ta’ Regolamenti varji tal-Kunsill. Dan iqanqal żewġ diffikultajiet. L-ewwel waħda, il-volum tad-dispożizzjonijiet ta’ l-RFMOs u l-frekwenza ta’ l-adozzjoni u r-reviżjoni tagħhom sikwit tagħmilha diffiċli li tiġi żgurata traspożizzjoni fil-liġi Komunitarja fil-ħin. It-tieni nett, il-koeżistenza ta’ regoli diversi li jkunu ġejjin minn ordnijiet legali differenti toħloq konfużjoni fost l-operaturi Komunitarji u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għaldaqstant tissuġġerixxi li l-inkorporazzjoni fil-liġi Komunitarja tad-dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-kontroll, l-ispezzjonar u l-infurzar adottati fi ħdan l-RFMOs tiġi żgurata permezz tar-Regolament propost. Dan ir-Regolament jintegra l-aktar standards ambizzjużi adottati fi ħdan l-RFMOs li magħhom hija msieħba l-Komunità, u jestendi l-ambitu tagħhom għall-ilmijiet kollha soġġetti għal RFMO. Dan għandu jikkontribwixxi biex jiġi ssemplifikat il-qafas li japplika għall-operaturi Komunitarji u awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli skond l-ogħla standards eżistenti ta’ kontroll, spezzjonar u infurzar. | Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti L-adozzjoni tal-proposta twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti. | Id-dispożizzjoni ta’ rivista/reviżjoni/revoka | Il-proposta tinkludi dispożizzjoni ta’ rivista. | 1. 2007/0223 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4], Billi: (1) Il-Komunità hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, irratifikat il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju (Il-Ftehim tan-NU ta’ l-1995 dwar Stokkijiet ta’ Ħut) u aċċettat il-Ftehim li jippromwovi l-osservanza ta’ miżuri internazzjonali għal konservazzjoni u mmaniġġjar minn bastimenti tas-sajd f’ibħra internazzjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu notevolment il-prinċipju li huwa d-dover ta’ l-Istati kollha li jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u biex jikkooperaw bejniethom għal din il-fini; (2) L-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, hu li jkun żgurat sfruttament tar-riżorsi tal-baħar ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli; (3) Is-sajd Illegali, Mhux Irrapportat u Mhux Irregolat (IUU) jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet l-aktar serji kontra sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar ħajjin li tipperikola s-sisien proprji tal-Politika Komuni tas-Sajd u ta’ l-isforzi internazzjonali li jippromwovu governanza aħjar ta’ l-oċeani; Is-Sajd IUU jirrappreżenta wkoll theddida kbira għall-bijodiversità ta' l-ibħra, li jeħtieġ li tiġi indirizzata f'konformità ma' l-għajnijiet proposti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "it-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità sa l-2010 – u lil hinn" (KUMM(2006) 216); (4) Konformament ma’ l-impenji internazzjonali li għandha, u meta titqies id-dimensjoni ta’ l-urġenza tal-problema, il-Komunità Ewropea trid teskala l-azzjoni tagħha kontra s-sajd IUU u tadotta miżuri regolatorji ġodda mfassla biex ikopru l-aspetti kollha tal-fenomenu; (5) Skond il-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni biex jiġi impedut, skoraġġut u eliminat is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat, li ġie adottat fl-2001 mill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Biedja (FAO), is-sajd IUU jfisser attivitajiet ta’ sajd ikkunsidrati bħala illegali, mhux irrapportati jew mhux irregolati, fejn: 1. Sajd illegali jirreferi għal attivitajiet: - immexxija minn bastimenti nazzjonali jew barranin fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat, mingħajr il-permess ta’ dak l-Istat, jew b’kontravenzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu; - immexxija minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stati msieħba f’xi organizzazzjoni reġjonali rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd imma li joperaw b’kontravenzjoni tal-miżuri għal konservazzjoni u mmaniġġjar adottati minn dik l-organizzazzjoni u li bihom l-Istati huma marbutin, jew dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi internazzjonali applikabbli; jew - bi vjolazzjoni tal-liġijiet nazzjonali u l-obbligi internazzjonali, inklużi dawk assunti minn Stati f’kooperazzjoni ma’ xi organizzazzjoni reġjonali rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd. 2. Sajd mhux irrapportat jirreferi għal attivitajiet ta’ sajd: - li ma jkunux ġew irrapportati, jew ikunu ġew irrapportati ħażin, lill-awtorità nazzjonali rilevanti, b’kontravenzjoni tal-liġijiet u regolamenti nazzjonali; jew - imwettqa fiż-żona tal-kompetenza ta’ xi organizzazzjoni reġjonali rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd li ma jkunux ġew irrapportati jew ikunu ġew irrapportati ħażin, b’kontravenzjoni tal-proċeduri ta’ l-irrapportar ta’ dik l-organizzazzjoni. 3. Sajd mhux irregolat jirreferi għal attivitajiet ta’ sajd: - fiż-żona ta’ l-applikazzjoni ta’ xi organizzazzjoni reġjonali rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd li jitmexxew minn bastimenti mingħajr nazzjonalità, jew minn dawk li jtajru bandiera ta’ Stat mhux imsieħeb f’dik l-organizzazzjoni, jew minn entità tas-sajd, b’manjiera inkonsistenti jew li tikkontraveni l-miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar ta’ dik l-organizzazzjoni; jew - f’żoni jew għal stokkijiet tal-ħut li fir-rigward tagħhom ma jkun hemm ebda miżura applikabbli għal konservazzjoni jew immaniġġjar u fejn dawn l-attivitajiet tas-sajd jitmexxew b’manjiera inkonsistenti mar-responsabbiltajiet Statali għall-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar ħajjin skond il-liġi internazzjonali; (6) L-azzjoni mill-Komunità Ewropea għandha primarjament tkun immirata lejn aġir li skond id-definizzjoni tas-sajd IUU jikkaġuna l-aktar danni serji lill-ambjent tal-baħar, is-sostenibbiltà ta’ l-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tas-sajjieda li jimxu mar-regoli dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd; (7) Konformament mad-definizzjoni tas-sajd IUU, l-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi estiż għall-attivitajiet tas-sajd li jitwettqu f’ibħra internazzjonali u f’ilmijiet marittimi taħt il-ġurisdizzjoni u s-sovranità tal-pajjiżi kostali , inklużi ilmijiet marittimi taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta’ l-Istati Membri jew il-Komunità Ewropea; (8) Bl-intenzjoni li tkun indirizzata sew id-dimensjoni interna tas-sajd IUU, huwa vitali għall-Komunità Ewropea li tadotta l-miżuri meħtieġa biex tittejjeb l-osservanza tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd; sa ma jiġi rivedut ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni, għandhom jiġu inseriti dispożizzjonijiet għal din il-fini fir-Regolament preżenti; (9) Ir-regoli Komunitarji, u b’mod partikolari t-Titolu II tar-Regolament 2847/93, jipprevedu sistema komprensiva mfassla biex tikkontrolla l-legalità tal-qbid tal-ħut minn bastimenti tas-sajd Komunitarji; is-sistema kurrenti li tapplika għal prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi u importati fil-Komunità ma tiżgurax livell ekwivalenti ta’ kontroll; dan in-nuqqas jikkostitwixxi inċentiv importanti għall-operaturi barranin li jkunu qed jagħmlu sajd IUU biex jinnegozjaw il-prodotti tagħhom fil-Komunità u jżidu l-profitabbiltà ta’ l-attivitajiet tagħhom; bħala l-akbar suq u importatura ta’ prodotti tas-sajd fid-dinja, il-Komunità għandha r-responsabbiltà speċifika li taċċerta li l-prodotti tas-sajd importati fit-territorju tagħha ma jkunux joriġinaw mis-sajd IUU; għaldaqstant għandha tiddaħħal skema ġdida biex ikun żgurat kontroll tabilħaqq tal-katina tal-provvista għall-prodotti tas-sajd importati fil-Komunità; (10) Għandhom jissaħħu r-regoli Komunitarji li jirregolaw l-aċċess għall-portijiet Komunitarji ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ pajjiż terz bil-ħsieb li jkun żgurat kontroll adegwat fuq il-legalità tal-prodotti tas-sajd żbarkati minn bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ pajjiż terz; dan għandu jimplika notevolment li l-aċċess għall-portijiet Komunitarji jkun awtorizzat biss lill-bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ pajjiż terz li jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni preċiża dwar il-legalità tal-qbid tal-ħut tagħhom u jikkonvalidaw din l-informazzjoni mill-Istat tal-Bandiera tagħhom; (11) It-trasbordi fuq il-baħar jaħarbu kull kontroll tabilħaqq mill-Istati tal-Bandiera jew dawk kostali u jikkostitwixxu l-mod kif l-operaturi soltu jagħmlu sajd IUU biex jiddissimulaw in-natura illegali tal-qbid tal-ħut tagħhom; huwa għaldaqstant iġġustifikat li l-Komunità tawtorizza biss operazzjonijiet ta’ trasbord jekk dawn isiru f’portijiet speċifikati ta’ l-Istati Membri, jew, sa fejn trasbordi li jinvolvu bastimenti tas-sajd Komunitarji huma kkonċernati, f’ilmijiet Komunitarji jew f’portijiet ta’ pajjiżi terzi; (12) Huwa xieraq li jiġu istitwiti l-kundizzjonijiet, l-proċeduri u l-frekwenza li skonthom isir l-ispezzjonar fil-port mill-Istati Membri li jkun jikkonċerna bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ pajjiż terz; (13) L-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mis-sajd IUU għandha tkun ipprojbita; bl-intenzjoni li din il-projbizzjoni ssir waħda effettiva u li tiżgura li l-prodotti importati kollha jkunu nqabdu bl-osservanza tal-miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar internazzjonali u, fejn ikun xieraq, regoli rilevanti oħrajn li jkunu japplikaw għall-bastiment tas-sajd ikkonċernat, għandha titħaddem skema ta’ ċertifikazzjoni li tkun tapplika għall-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd kollha fil-Komunità; (14) Il-Komunità għandha tikkundsidra r-restrizzjonijiet tal-kapaċità ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ċertifikazzjoni; (15) Huwa xieraq li, skond din l-iskema, jintalab ċertifikat bħala prerekwiżit għall-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd fil-Komunità. Dan iċ-ċertifikat fih għandu jkollu l-informazzjoni li tkun tista’ tipprova l-legalità tal-prodotti kkonċernati; dan għandu jiġi kkonvalidat mill-Istat tal-Bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun qabad il-ħut ikkonċernat, konformament mad-dover li għandu skond il-liġi internazzjonali biex ikun żgurat li bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jikkonformaw mar-regoli internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd; (16) Huwa essenzjali li din l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tkun tapplika għall-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd kollha fil-Komunità, inklużi dawk il-prodotti li jkunu ġew ittrasportati jew ipproċessati f’pajjiż ieħor barra l-Istat tal-Bandiera qabel ma jilħqu t-territorju tal-Komunità. Għandhom għaldaqstant japplikaw rekwiżiti speċifiċi fejn jidħlu dawk il-prodotti, bl-intenzjoni li jkun iggarantit li l-prodotti li jaslu fit-territorju tal-Komunità ma jkunux differenti minn dawk li l-legalità tagħhom tkun ġiet ikkonvalidata mill-Istat tal-Bandiera; (17) L-esportazzjoni ta’ qabdiet ta’ ħut bl-iskop ta’ pproċessar minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru għandha wkoll tkun soġġetta għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni; (18) L-Istati Membri li fihom il-prodotti jkunu intenzjonati li jiġu importati għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-validità taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut li jkunu qegħdin jakkumpanjaw il-kunsinna u jkunu intitolati li jirrifjutaw l-importazzjoni fejn il-kundizzjonijiet istitwiti fir-Regolament fejn jidħol iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut ma jkunux sodisfatti; (19) Sabiex ikunu assistiti l-awtoritajiet tal-kontroll fl-Istati Membri fil-ħidmiet tagħhom biex jikkontrollaw il-legalità tal-prodotti tas-sajd importati fil-Komunità, kif ukoll biex iwissu lill-operaturi Komunitarji, għandha tiġi stabbilita sistema Komunitarja ta’ twissija, imfassla biex tifrex l-informazzjoni dwar dubji raġonevoli rigward il-konformità minn ċerti pajjiżi terzi b’regoli applikabbli dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar; (20) Huwa essenzjali li l-Komunità tadotta miżuri dissważivi għal bastimenti tas-sajd li jagħmlu sajd IUU u li ma jkunux soġġetti għal azzjoni xierqa mill-Istat tal-Bandiera tagħhom b’reazzjoni għal dawk l-attivitajiet; (21) Għal din il-fini, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, l-Aġenzija għal-Kontroll tas-Sajd, Stati terzi u korpi oħrajn, għandha tidentifika bastimenti tas-sajd issuspettati li jkunu qegħdin jagħmlu sajd IUU, u l-Kummissjoni għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat tal-Bandiera kompetenti rigward il-korrettezza tas-sejbiet; (22) Sabiex ikun iffaċilitat l-istħarriġ li jkun jikkonċerna bastimenti tas-sajd presunti li jkunu għamlu sajd IUU u biex tiġi impeduta t-tkomplija tat-trasgressjoni allegata, dawk il-bastimenti għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ kontroll u spezzjonar mill-Istati Membri; (23) Meta, fuq bażi ta’ l-informazzjoni miksuba, ikun hemm raġunijiet suffiċjenti biex jitqies li xi bastimenti tas-sajd kienu mdaħħla f’sajd IUU u li l-Istati tal-Bandiera kompetenti ma ħadux azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dawk l-attivitajiet, ikun xieraq li l-Kummissjoni ddaħħal ’il dawk il-bastimenti fil-Lista ta’ bastimenti IUU; (24) Bil-ħsieb li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ azzjoni effettiva mill-Istati tal-Bandiera kontra bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u li jiddaħħlu fil-Lista ta’ bastimenti IUU, u li tkun ristretta t-tkomplija ta’ l-attivitajiet tas-sajd minn dawk il-bastimenti, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri speċifiċi għal dawk il-bastimenti; (25) Biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-bastimenti li jiddaħħlu fil-Lista ta’ IUU u ta’ l-Istati tal-Bandiera tagħhom, il-proċedura għall-elenkar għandha tagħti lill-Istat tal-Bandiera u, fejn ikun possibbli, lis-sid jew operaturi kkonċernati l-possibbiltà li jinstemgħu f’kull wieħed mill-istadji tal-proċedura u tippermetti t-tneħħija tal-bastiment mil-lista fejn il-kriterji għall-elenkar tiegħu ma jibqgħux ikunu sodisfatti; (26) Sabiex jiġi pprovdut qafas wieħed fil-Komunità u tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ listi li jkunu jikkonċernaw bastimenti tas-sajd involuti f’sajd IUU, il-bastimenti tas-sajd inklużi fil-listi IUU adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd għandhom jiġu inklużi awtomatikament fil-Lista korrispondenti mħejjija mill-Kummissjoni; (27) In-nuqqas ta’ xi Stati milli jaqdu dak li hu d-dover tagħhom skond il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-Bandiera, Port, kostali jew tas-suq, milli jieħdu miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-osservanza mill-bastimenti tas-sajd jew ċittadini tagħhom tar-regoli dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd huwa wieħed mill-motivi ewlenin tas-sajd IUU u għandu jiġi indirizzat mill-Komunità; (28) Għal din il-fini, barra mill-azzjoni tagħha fil-livelli internazzjonali u reġjonali, il-Komunità għandha l-jedd li tidentifika dawk l-Istati li ma jikkooperawx, fuq bażi ta’ kriterji trasparenti, ċari u oġġettivi msejsa fuq standards internazzjonali, u, wara li tagħtihom il-possibbiltà li jinstemgħu, tadotta miżuri mhux diskriminatorji, leġittimi u proporzjonati fejn jidħlu dawk l-Istati, inklużi miżuri kummerċjali; (29) Huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-Komunità jkunu skoraġġuti b’mod effettiv milli jagħmlu jew jappoġġjaw sajd IUU minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi u li jkunu attivi barra mill-Komunità; mingħajr preġudizzju għall-preminenza tar-responsabbiltà ta’ l-Istat tal-Bandiera, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant iwaqqfu l-miżuri meħtieġa u jikkooperaw ma’ l-Istati Membri l-oħra u Stati terzi biex jiġu identifikati ċ-ċittadini tagħhom li jkunu qegħdin iwettqu dawk l-attivitajiet, jaċċertaw li jkunu ssanzjonati adegwatament u jivverifikaw l-attivitajiet taċ-ċittadini tagħhom li jkunu involuti f’bastimenti ta’ pajjiżi terzi barra mill-Komunità; (30) Il-persistenza ta’ għadd kbir ta’ trasgressjonijiet serji kontra r-regoli tal-PKS f’ilmijiet Komunitarji jew minn operaturi Komunitarji tidher ħafna fil-livell ta’ penalitajiet mhux ta’ deterrent istitwiti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ trasgressjonjiet serji ta’ dawk ir-regoli; dan in-nuqqas huwa magħġun minn varjetà kbira ta’ livelli ta’ sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha, li jinkoraġġixxu operaturi illegali biex joperaw f’ilmijiet jew fit-territorju ta’ l-Istati Membri fejn dawn huma fil-livell l-aktar baxx; biex ikun indirizzat dan in-nuqqas, fuq bażi tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti 2371/2002 u 2847/93 f’dan il-qasam, huwa xieraq li jitqarrbu l-livelli massimi ta’ penalitajiet previsti fil-Komunità fir-rigward ta’ trasgressjonijiet serji kontra r-regoli tal-PKS kif ukoll ikunu previsti miżuri komplementari; (31) Barra mill-aġir li jikkostitwixxi trasgressjonijiet serji kontra r-regoli dwar l-attivitajiet tas-sajd, it-tmexxija ta’ kummerċ jew negozju relatat ma’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU jew bastimenti identifikati li jkunu qegħdin jagħmlu sajd IUU, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll bħala trasgressjonijiet serji li jkunu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet mill-Istati Membri; (32) Trasgressjonijiet serji kontra r-regoli tal-PKS għandhom jiġu ppenalizzati b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom japplikaw ukoll għal persuni ġuridiċi f’kull parti tal-Komunità, għaliex dawk it-trasgressjonijiet jitwettqu, bosta drabi, fl-interess tal-persuni ġuridiċi jew għall-benefiċċju tagħhom; (33) Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-lemħ li jagħmel bastiment fl-ibħra fi ħdan ċerti RFMOs għandhom jiġu implimentati b’manjiera armonizzata fil-Komunità; (34) Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u ma’ Stati terzi hija essenzjali biex jiġi żgurat li s-sajd IUU ikun investigat kif suppost u li l-miżuri istitwiti fir-Regolament preżenti jkunu jistgħu jiġu applikati; għandha tiġi stabbilita sistema ta’ assistenza reċiproka biex titkabbar din il-kooperazzjoni; (35) Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jintlaħaq l-għan bażiku li jiġi eliminat is-sajd IUU li jiġu istitwiti regoli dwar il-miżuri previsti fir-Regolament preżenti. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ bl-intenzjoni li jintlaħqu l-għanijiet segwiti, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat; (36) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tniżżel il-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni; (37) Dan ir-regolament jidentifika s-sajd IUU bħala vjolazzjonijiet ta’ gravità partikolari tal-liġijiet, r-regoli u r-regolamenti applikabbli, billi dawn jimminaw b’mod serju l-kisba ta’ l-għanijiet tar-regoli miksura u jqiegħdu f’periklu s-sostenibbiltà ta’ l-istokkijiet ikkonċernati jew il-konservazzjoni ta’ l-ambjent tal-baħar. Meta jitqies l-ambitu ristrett tiegħu, l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tissejjes fuq ir-Regolament tal-Kunsill 2847/93, u tkun komplementari għalih, li jistabbilixxi l-qafas bażiku għall-kontroll u l-monitoraġġ ta’ l-attivitajiet tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd. Proprju għalhekk, dan ir-Regolament jirrinforza r-regoli tar-Regolament 2847/93 fil-qasam ta’ l-ispezzjonar ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi fil-portijiet (l-Artikolu 28e, 28f u 28g), li llum ġew abrogati u ssostitwiti bl-iskema ta’ l-ispezzjonar tal-portijiet fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jipprevedi skema ta’ sanzjonijiet fil-Kapitolu X li japplika speċifikament għal attivitajiet tas-sajd IUU. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2847/93 relatati mas-sanzjonijiet (l-Artikolu 31) b’dan il-mod jibqgħu applikabbli għall-vjolazzjonijiet tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd għajr għal dawk indirizzati b’dan ir-Regolament; (38) Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali hija rregolata bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, li huwa applikabbli fl-intier tiegħu għall-ipproċessar ta’ data personali għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari għal dawk li huma d-drittijiet tas-soġġetti tad-data għall-aċċess, rettifikazzjoni, imblokkar u tħassir ta’ data u notifika lil partijiet terzi, li bħala konsegwenza ma ġewx speċifikati aktar f’dan ir-Regolament; (39) Id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar kwistjonijiet koperti mir-Regolamenti tal-Kunsill 2847/93, 1093/94, 1447/1999, 1936/2001 u 601/2004 għandu jwassal għar-revoka ta’ xi partijiet minn dawk ir-Regolamenti jew ilkoll. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 – Is-suġġett u l-ambitu ta’ l-applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema Komunitarja li timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU). 2. Għal din il-fini, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jieħu miżuri xierqa, skond il-liġi Komunitarja, biex tkun żgurata l-effikaċja tas-sistema. Dan għandu jqiegħed mezzi suffiċjenti għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-ħidmiet tagħhom kif istitwiti f’dan ir-Regolament. 3. Din is-sistema għandha tapplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd IUU u għal kull attività assoċjata li titwettaq fit-territorju jew fl-ilmijiet marittimi soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri jew minn bastimenti tas-sajd jew ċittadini tal-Komunità. Din għandha tapplika wkoll, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat tal-Bandiera jew Stat kostali kkonċernat, fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ sajd IUU li jitwettqu minn bastimenti mhux Komunitarji f’ibħra internazzjonali jew fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz. 4. Is-sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) għandha tiġi implimentata flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni. Artikolu 2 – Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: a) " Bastiment tas-sajd " tfisser kull bastiment ta’ kull daqs użat jew maħsub għal użu bl-iskop ta’ sfruttament kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd, inklużi vapuri ta’ sostenn, bastimenti tat-tagħbija, bastimenti għall-ipproċessar tal-ħut u bastimenti fit-trasbord; b) “ Prodotti tas-sajd ” tfisser kull prodott meħud mill-baħar li jaqa’ taħt il-Kapitolu 03 u l-intestaturi tat-Tariffi 1604 u 1605 tan-Nomenklatura Magħquda stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (tad-Dwana); c) " Miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar " tfisser miżuri għall-konservazzjoni ta’ speċi waħda jew aktar ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin li jkunu adottati u applikati b’mod konsistenti mar-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali jew Komunitarja; d) " Trasbord " tfisser il-ħatt tal-ħut kollu jew xi ħut abbord bastiment tas-sajd għal bastiment ieħor; e) " Importazzjoni " tfisser id-dħul ta’ prodotti tas-sajd fit-territorju tal-Komunità Ewropea fil-forma naturali jew ipproċessata tagħhom, anka jekk bl-iskop ta’ trasbord f’portijiet fit-territorju tagħha; f) " Esportazzjoni " tfisser kull moviment, lejn pajjiż terz, ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti b’bandiera ta’ Stat Membru, sew jekk mit-territorju tal-Komunità Ewropea, u sew jekk minn pajjiżi jew żoni tas-sajd terzi, lejn pajjiż terz; g) “ Rijesportazzjoni ” tfisser kull moviment ta’ prodotti tas-sajd fil-forma naturali jew ipproċessata tagħhom mit-territorju tal-Komunità Ewropea, li qabel ikunu ġew importati fit-territorju tal-Komunità Ewropea; h) “ Organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd " tfisser organizzazzjoni jew arranġament b’kompetenza sottoreġjonali jew reġjonali, kif irrikonoxxut mil-liġi internazzjonali, biex jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar għal stokkijiet ta’ ħut transżonali jew stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna li jkunu fiż-żona ta’ baħar internazzjonali li tkun taħt ir-responsabbiltà tiegħu bis-saħħa tal-konvenzjoni jew il-ftehim li jkun jikkostitwixxih; i) " Parti kontraenti " tfisser parti Kontraenti tal-konvenzjoni jew ftehim internazzjonali li jistabbilixxi Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, kif ukoll Stati, Entitajiet jew Entitajiet tas-Sajd li jikkooperaw ma’ Organizzazzjoni bħal din u li jingħataw status ta’ Parti Mhux Kontraenti f’Kooperazzjoni fir-rigward tagħha; j) " Lemħ " tfisser kull osservazzjoni minn bastiment ta’ Stat Membru, ajruplan jew awtorità kompetenti responsabbli mill-ispezzjonar ta’ fuq il-baħar, jew mill-kaptan ta’ bastiment Komunitarju tas-sajd li jista’ jiġi kklassifikat skond wieħed mill-kriterji jew aktar imsemmija fl-Artikolu 3; k) " Operazzjoni konġunta tas-sajd " tfisser kull operazzjoni bejn żewġ bastimenti jew aktar fejn il-qabda tiġi ttrasferita mit-tagħmir tas-sajd ta’ bastiment minnhom għal ieħor; l) “ persuna ġuridika ” tfisser kull entità li jkollha dan l-istatus skond il-liġi nazzjonali applikabbli, għajr għal Stati jew korpi pubbliċi li jħaddmu l-awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet pubbliċi. Artikolu 3 – Bastimenti tas-sajd imdaħħla f’attivitajiet ta’ sajd IUU Bastiment tas-sajd ikun ikkunsidrat li wettaq attivitajiet ta’ sajd IUU jekk jintwera li jkun, kuntrarju għall-miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar fiż-żona fejn ikun wettaq dawk l-attivitajiet: a) stad mingħajr liċenzja valida, awtorizzazzjoni jew permess maħruġ mill-Istat tal-bandiera jew l-Istat kostali rilevanti, jew b) irrekordja jew irrapporta ħażin b’mod serju xi data tal-ħut maqbud jew relatata mal-ħut maqbud, jew c) stad f’żona magħluqa, matul l-istaġun magħluq, jew mingħajr jew wara l-ksib tal-kwota, jew d) daħal għal sajd imrieġi ta’ stokk li jkun soġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu jkun ipprojbit, jew; e) uża tagħmir tas-sajd ipprojbit, jew; f) iffalsifika jew ħeba l-marki, l-identità jew ir-reġistrazzjoni tal-bastiment, jew; g) ħeba, bagħbas jew iddispona minn evidenza relatata ma’ xi investigazzjoni, jew; h) ostakola x-xogħol ta’ l-ispetturi tas-sajd fil-qadi ta’ dmirijiethom waqt spezzjonar għall-osservanza tal-miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar, jew ix-xogħol ta’ l-osservaturi fil-qadi ta’ dmirijiethom li josservaw il-konformità mar-regoli Komunitarji applikabbli, jew; i) naqas li jikkonforma mar-rekwiżiti tas-Sistemi ta’ Monitoraġġ ta’ Bastimenti (VMS), jew; j) ħa jew żbarka ħut prematur jew; k) ittrasborda jew ipparteċipa f’operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma’ bastimenti oħra, appoġġahom jew irrifornihom, li jkunu ġew identifikati li kienu mdaħħlin f’attivitajiet tas-sajd IUU skond dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk inklużi fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea jew fil-lista IUU ta’ xi Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd; jew jekk ikun: a) wettaq xi attivitajiet ta’ sajd fiż-żona ta’ Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd b’manjiera inkonsistenti mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta’ dik l-organizzazzjoni jew b’kontravenzjoni tagħhom u jkun ta’ bandiera ta’ Stat mhux imsieħeb f’dik l-organizzazzjoni, jew b) ta’ ebda nazzjonalità u għaldaqstant ikun bastiment bla stat. Kapitolu II Il-kontroll fil-portijiet ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi SEZZJONI I – IL-KUNDIZZJONIJIET TA’ L-AċċESS GħAL PORT MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TA’ PAJJIżI TERZI Artikolu 4 – Skema ta’ kontroll mill-Istat tal-Port 1. Dan il-Kapitolu jistitwixxi regoli u kundizzjonijiet ġenerali għas-sostenn ta’ skema effettiva ta’ kontroll mill-Istat tal-Port għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fil-portijiet ta’ l-Istati Membri, bil-ħsieb li timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. 2. Ħlief f’każi ta’ xi forza maġġuri, l-aċċess għall-portijiet ta’ l-Istati Membri, il-provvediment ta’ servizzi tal-port, u t-tmexxija ta’ operazzjonijiet ta’ żbarkar, trasbord jew ipproċessar abbord għandhom ikunu pprojbiti għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi jekk ma jkunux jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija f’dan il-Kapitolu u dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ dan ir-Regolament. 3. Trasbordi bejn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi jew bejn dawn ta’ l-aħħar u bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandhom ikunu pprojbiti fl-ilmijiet Komunitarji u għandhom isiru biss fil-port, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu. 4. Bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ma jkunux awtorizzati li jittrasbordaw fuq il-baħar ħut maqbud minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi barra mill-ilmijiet Komunitarji. Artikolu 5 – Portijiet speċifikati 1. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw post biex jintuża għall-iżbarki jew post viċin ix-xatt (portijiet speċifikati) fejn ikunu permessi żbarki jew operazzjonijiet ta’ trasbord ta’ ħut imsemmija fil-paragrafu 2. 2. L-aċċess għas-servizzi tal-port u t-tmexxija ta’ operazzjonijiet ta’ żbarkar, trasbord jew ipproċessar abbord minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu awtorizzati biss f’portijiet speċifikati. 3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar ta’ kull sena lista tal-portijiet speċifikati. Kull bdil sussegwenti f’din il-lista għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mill-anqas 15-il jum qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ. 4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-portijiet speċifikati u kull bdil fiha fil- Ġurnal Uffiċjali (serje C) ta’ l-Unjoni Ewropea u għandha tagħmilha fuq il-websajt tagħha. Artikolu 6 – Avviż minn qabel 1. Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri tal-port jew faċilitajiet ta’ żbarkar li jkunu jridu jużaw mill-anqas 72 siegħa qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port, bl-informazzjoni li ġejja: a) l-identifikazzjoni tal-bastiment; b) l-isem tal-port speċifikat tad-destinazzjoni u l-iskopijiet tad-dħul, żbarkar, trasbord, ipproċessar abbord, aċċess għal servizzi; c) l-awtorizzazzjoni tas-sajd; d) l-informazzjoni dwar il-vjaġġ; e) il-ħin mistenni tal-wasla fil-port; f) il-ħut maqbud miżmum abbord; g) iż-żona jew iż-żoni fejn tkun saret il-qabda, kemm jekk fiż-żona Komunitarja tas-sajd, kemm jekk f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta’ pajjiż terz u kemm jekk f’ibħra internazzjonali. 2. L-avviż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat biċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut ikkonvalidat skond il-Kapitolu III jekk il-bastiment ta’ pajjiż terz ikun qiegħed iġorr abbord prodotti tas-sajd. Id-dispożizzjonijiet istitwiti fl-Artikolu 14 dwar ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ħut maqbud jew formoli tal-kontroll mill-Istat tal-Port li jkunu parti mid-dokumentazzjoni tal-qabda jew minn skemi ta’ Kontroll tal-Portijiet adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd għandhom japplikaw mutatis mutandis. 3. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura istitwita fl-Artikolu 52, tista’ teżenta ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi mill-obbligu stipulat fil-paragrafu 1 għal perjodu limitat u li jiġġedded, jew tipprevedi perjodu ta’ notifika ieħor fejn tikkunsidra, fost oħrajn, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet ta’ l-iżbark u l-portijiet fejn il-bastimenti msemmija huma rreġistrati jew elenkati. 4. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali li jidhru f’xi ftehim dwar is-sajd milħuq bejn il-Komunità u pajjiż terz. Artikolu 7 – Awtorizzazzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-korrettezza ta’ l-informazzjoni trażmessa minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-avviż minn qabel skond l-Artikolu 6 tal-paragrafu 1, u l-korrettezza ta’ l-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut imsemmi fl-Artikolu 6, paragrafu 2. 2. Il-bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz għandu jingħata biss l-awtorizzazzjoni biex jidħol il-port jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun kompleta u tkun ġiet ivverifikata fuq bażi ta’ elementi disponibbli qabel ma jkun sar id-dħul fil-port. 3. L-awtorizzazzjoni biex isir żbark, trasbord jew operazzjonijiet ta’ pproċessar abbord fil-port għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ l-informazzjoni mibgħuta kif hemm istitwit fil-paragrafu 1 u, fejn huwa xieraq, għat-twettiq ta’ spezzjoni li tkun saret skond is-Sezzjoni 2. 4. Permezz ta’ deroga għall-paragrafi 2 u 3 l-Istat Membru tal-port jista’ jawtorizza aċċess għall-port u żbark sħiħ jew parti minnu f’każi fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx kompleta jew il-verifika tagħha tkun pendenti, imma f’każi bħal dawn għandu jżomm il-ħut ikkonċernat merfugħ taħt il-kontroll ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Il-ħut għandu jiġi rrilaxxat biss biex jinbiegħ, jiġi kkonfiskat jew ittrasportat meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ingħatat jew il-proċess ta’ verifika jkun ġie fi tmiemu. Jekk dan il-proċess ikun għadu ma ntemmx fi żmien 14-il jum mill-iżbark, l-Istat Membru tal-port jista’ jikkonfiska l-ħut u jiddisponi minnu skond ir-regoli nazzjonali. Artikolu 8 – Irreġistrar ta’ żbarki, trasbordi, u operazzjonijiet ta’ pproċessar abbord 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu rreġistrati l-operazzjonijiet kollha ta’ żbarkar, trasbord u pproċessar abbord fil-portijiet tagħhom minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz ta’ trasmissjoni bil-kompjuter qabel tmiem l-ewwel xahar ta’ kull tliet xhur kalendarji bil-kwantitajiet żbarkati fil-portijiet tagħhom minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi matul it-tliet xhur preċedenti. SEZZJONI 2 – L-ISPEZZJONIJIET TA’ PORTIJIET Artikolu 9 – Prinċipji ġenerali 1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sena spezzjonijiet fil-portijiet tagħhom fuq mill-anqas 15 % ta’ l-iżbarki, trasbordi, u operazzjonijiet ta’ pproċessar abbord minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi. 2. Il-bastimenti li ġejjin għandhom jiġu spezzjonati fil-każi kollha: a) il-bastimenti tas-sajd li jintlemħu skond l-Artikolu 47; b) il-bastimenti tas-sajd irrapportati fil-qafas tan-notifika magħmula taħt is-Sistema Komunitarja ta’ Twissija skond il-Kapitolu IV; c) il-bastimenti tas-sajd identifikati mill-Kummissjoni bħala presunti li kienu mdaħħlin f’sajd IUU skond l-Artikolu 25 ; d) il-bastimenti tas-sajd li jkunu jidhru fil-lista ta’ bastimenti presunti bħala IUU adottata minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u nnotifikata skond l-Artikolu 29. 3. L-ispezzjoni tal-bastimenti msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi d-dokumenti, il-ġurnal ta’ abbord, it-tagħmir tas-sajd, il-ħut maqbud abbord li jkollu l-bastiment tas-sajd u kull evidenza oħra possibbli li tista’ tkun ta’ rilevanza fir-rigward ta’ l-allegati attivitajiet ta’ sajd IUU tiegħu. L-informazzjoni dwar ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet għandha tiġi trażmessa immedjatament lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha. Artikolu 10 – Spetturi 1. L-Istati Membri għandhom joħorġu dokument ta’ l-identità ta’ kull wieħed mill-ispetturi. L-ispetturi għandhom iġorru fuqhom u jipproduċu dan id-dokument meta jkunu qegħdin jispezzjonaw bastiment tas-sajd. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi jwettqu dmirijiethom skond ir-regoli istitwiti f’din is-sezzjoni. Artikolu 11 – Proċedura ta’ l-ispezzjonijiet 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tagħhom: a) meta jkunu qegħdin jagħmlu l-ispezzjonijiet tagħhom, jikkaġunaw interruzzjoni minima fl-attivitajiet tal-bastiment u ma jikkaġunaw ebda deterjorament fil-kwalità tal-ħut; b) jiktbu rapport dwar l-ispezzjoni u jgħadduh lill-awtoritajiet tagħhom. 2. L-ispetturi għandu jkollhom l-abbiltà li jeżaminaw kull żona, gverta u gabina tal-bastiment, ħut maqbud (ipproċessat jew mhux), tagħmir u kwalunkwe dokumentazzjoni meqjusa b’meħtieġa biex tiġi vverifikata l-osservanza tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri internazzjonali applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar, inklużi l-ġurnal ta’ abbord u l-polza tat-tagħbija fil-każ ta’ vapuri tal-fornimenti u bastimenti tat-tagħbija. L-ispetturi għandu jkollhom ukoll l-abbiltà li jinterrogaw lill-kaptan jew xi persuna nnominata minnu. 3. L-ispezzjonijiet jinvolvu l-monitoraġġ ta’ l-operazzjonijiet kollha ta’ żbarkar u trasbord u jinkludu r-rikonċiljar bejn il-kwantitajiet skond l-ispeċi mniżżla fl-avviż minn qabel ta’ l-iżbark u l-kwantitajiet ta’ l-ispeċi żbarkati jew trasbordati. 4. L-ispetturi għandhom jiffirmaw ir-rapport tagħhom fil-preżenza tal-kaptan, li jkollu d-dritt li jżid jew iġiegħel li tiżdied kull informazzjoni li jikkunsidra bħala rilevanti u jiffirmah. L-ispetturi għandhom jindikaw fil-ġurnal ta’ abbord li tkun saret spezzjoni. Artikolu 12 – Proċedura fl-eventwalità ta’ trasgressjonijiet 1. Jekk spettur ikollu raġuni serja għalfejn għandu jemmen li bastiment tas-sajd kien imdaħħal f’attività ta’ sajd IUU skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, dan għandu: a) jinnota t-trasgressjoni fir-rapport ta’ l-ispezzjoni; b) jieħu kull azzjoni meħtieġa biex jiżgura t-tutela ta’ l-evidenza li tikkonċerna din it-trasgressjoni; c) jibgħat immedjatament ir-rapport ta’ l-ispezzjoni lill-awtoritajiet tiegħu/tagħha. 2. Jekk ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni jipprovdu evidenza raġonevoli li bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz kien fil-fatt imdaħħal f’attività ta’ sajd IUU skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-port m’għandhomx jawtorizzaw lil dan il-bastiment li jiżbarka, jittrasborda jew jipproċessa l-qabda tal-ħut tiegħu abbord. 3. L-Istat Membru li jkun qiegħed jispezzjona għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu immedjatament li ma jkunx qiegħed jawtorizza operazzjonijiet ta’ żbarkar, trasbord jew ipproċessar abbord meħuda skond il-paragrafu 2, akkumpanjata bir-rapport oriġinali ta’ l-ispezzjoni, lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, li għandu jittrażmettih immedjatament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat b’kopja lill-Istat jew Stati tal-bandiera tal-bastimenti donaturi fejn il-bastiment spezzjonat ikun daħal għal operazzjonijiet ta’ trasbord. Fejn ikun xieraq, in-notifika trid tiġi kkupjata wkoll lis-Segretarju Eżekuttiv ta’ l-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd taż-żona ta’ kompetenza fejn tkun saret il-qabda tal-ħut. 4. L-Istat Membru tal-port għandu jikkoopera ma’ l-Istat tal-bandiera fl-investigazzjoni li tkun qiegħda ssir dwar l-abbuż issuspettat u, fejn ikun xieraq, fl-applikazzjoni tal-penalitajiet previsti skond il-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, fejn l-abbuż issuspettat ikun sar fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru tal-port għandu jikkoopera wkoll ma’ l-Istat kostali kkonċernat. Kapitolu III Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess ta’ prodotti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-UE Artikolu 13 – Ċertifikati tal-qabda tal-ħut 1. L-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd fil-Komunità akkwistati b’sajd illegali, mhux irrapportat jew mhux irregolat għandha tkun ipprojbita. 2. Sabiex il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 issir waħda effettiva, il-prodotti tas-sajd għandhom jiġu importati biss meta jkunu akkumpanjati b’ċertifikat tal-qabdiet tagħhom ikkonvalidat u vverifikat b’konformità ma’ dan ir-Regolament. 3. Iċ-ċertifikat tal-qabdiet tal-ħut imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ikkonvalidat mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment jew bastimenti li jkunu qabdu l-ħut li minnu jkunu ġew il-prodotti tas-sajd. Dan għandu jintuża biex jiċċertifika li dawn il-qabdiet ta’ ħut saru skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri internazzjonali għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar applikabbli. 4. Iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut għandu jkun fih l-informazzjoni kollha speċifikata fil-mudell li jidher fl-anness 1, u għandu jkun ikkonvalidat minn awtorità pubblika ta’ l-Istat tal-bandiera bil-poteri meħtieġa li tafferma l-korrettezza ta’ l-informazzjoni. Artikolu 14 – Skemi għad-dokumentazzjoni tal-qabda tal-ħut maqbula u fis-seħħ fil-qafas ta’ Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd 1. Dokumenti ta’ qabda tal-ħut, u kull dokument relatat, ikkonvalidati b’konformità ma’ l-iskemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut adottati minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, li huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala konformi mar-rekwiżiti msemmija f’dan ir-Regolament, ikunu aċċettati bħala ċertifikati tal-qabda tal-ħut fir-rigward tal-prodotti minn speċi li għalihom ikunu japplikaw dawn l-iskemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut u jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ verifika mitluba mill-Istati Membri ta’ l-importazzjoni skond l-Artikolu 17 u għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rifjut ta’ importazzjoni istitwiti fl-Artikolu 18. 2. Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju tar-regolamenti speċifiċi fis-seħħ li bihom dawn l-iskemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut huma implimentati fil-liġi Komunitarja. Artikolu 15 – Importazzjoni indiretta ta’ prodotti tas-sajd 1. Prodotti li jkunu jikkostitwixxu konsenja waħda, li jiġu ttrasportati minn ġo territorji oħrajn barra t-territorju ta’ l-Istat tal-bandiera u li jkunu soġġetti għat-trasbord, tranżitu jew ħażna temporanja f’dawn it-territorji, jistgħu jiġu importati fil-Komunità biss meta jkunu akkumpanjati b’ċertifikat jew ċertifikati tal-qabda tal-ħut ikkonvalidati mill-Istat tal-bandiera, u bil-kundizzjoni li l-operatur responsabbli mill-operazzjoni ta’ l-importazzjoni jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ l-importazzjoni evidenza ddokumentata li l-prodotti kienu dejjem taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet doganali fl-Istat tat-trasbord, it-tranżitu jew il-ħażna u ma kinux soġġetti għal operazzjonijiet għajr ħatt, tagħbija mill-ġdid jew kull operazzjoni maħsuba biex tippreżervahom f’kundizzjoni tajba u ġenwina. Evidenza verifikabbli f’dan ir-rigward għandha tingħata permezz ta’: a) dokument wieħed tat-trasport li jkun ikopri l-passaġġ mit-territorju ta’ l-Istat tal-bandiera minn ġo l-Istat tat-trasbord, it-tranżitu jew il-ħażna; jew b) iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ trasbord, tranżitu jew ħażna: (i) li jkun jagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti; (ii) li jiddikjara d-dati tal-ħatt u t-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti u, fejn ikun applikabbli, l-ismijiet tal-vapuri, jew il-mezzi l-oħra ta’ trasport li jkunu ntużaw; jew c) iċ-ċertifikat ta’ rijesportazzjoni, ikkonvalidat skond skema għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut adottata minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, rikonoxxut għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament konformament ma’ l-Artikolu 14, sakemm l-Istat tat-trasbord, it-tranżitu jew il-ħażna jkun issodisfa r-rekwiżiti tan-notifika tiegħu dwar il-konvalidazzjoni taċ-ċertifikati tar-rijesportazzjoni. 2. Prodotti li jkunu jikkostitwixxu konsenja waħda, li jkunu ġew ipproċessati f’territorju ieħor barra t-territorju ta’ l-Istat tal-bandiera, jistgħu jiġu importati fil-Komunità meta jkunu akkumpanjati b’ċertifikat jew ċertifikati tal-qabda tal-ħut ikkonvalidati mill-Istat tal-bandiera fir-rigward tal-qabdiet tal-ħut li jkunu ntużaw biex jiġu mmanifatturati l-prodotti li jkun fiha l-konsenja, bil-kundizzjoni li l-operatur responsabbli mill-operazzjoni ta’ l-importazzjoni jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ l-importazzjoni evidenza ddokumentata li l-prodotti jkunu ġew esklużivament ipproċessati mill-qabdiet ta’ ħut imsemmija fiċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut. Evidenza verifikabbli f’dan ir-rigward għandha tingħata permezz ta’: a) iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat ta’ l-ipproċessar: (i) li jkun jagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti mhux ipproċessati u pproċessati u l-kwantitajiet rispettivi tagħhom; (ii) li jiċċertifika li l-prodotti pproċessati jkunu ġew esklużivament ipproċessati fl-Istat ta’ l-ipproċessar mill-prodotti mhux ipproċessati msemmija fiċ-ċertifikat(i) tal-qabda tal-ħut; jew b) iċ-ċertifikat ta’ rijesportazzjoni, ikkonvalidat skond skema għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut adottata minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, rikonoxxut għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament konformament ma’ l-Artikolu 14, sakemm l-Istat ta’ l-ipproċessar ikun issodisfa r-rekwiżiti tan-notifika tiegħu dwar il-konvalidazzjoni taċ-ċertifikati tar-rijesportazzjoni. Artikolu 16 – Esportazzjoni ta’ qabdiet ta’ ħut li jkunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru 1. L-esportazzjoni ta’ qabdiet ta’ ħut li jkunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jkunu soġġetti għall-konvalidazzjoni taċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera, kif stabbilit fl-Artikolu 13, paragrafu 4. 2. L-Istati Membri tal-Bandiera għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-konvalidazzjoni taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut imsemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 17 – Verifika ta’ ċertifikati tal-qabda tal-ħut 1. Iċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut li jkunu ġew ikkonvalidati għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-prodott ikun intenzjonat li jiġi importat mill-anqas 72 siegħa qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-post tad-dħul fit-territorju tal-Komunità Ewropea. Il-ħin perentorju ta’ 72 siegħa jista’ jitnaqqas fil-każ ta’ prodotti tas-sajd importati fil-Komunità f’mezzi oħra ta’ trasport barra bastimenti tal-ġarr jew tas-sajd. Dawn l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw il-korrettezza ta’ l-informazzjoni li jkun fih iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut. 2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-kontrolli kollha li jqisu li huma meħtieġa għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 u, ikun x’ikun il-każ, fejn ikun jeżisti dubju raġonevoli. Dawn il-kontrolli jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari fl-eżaminar tal-prodotti, il-verifika tad-data ddikjarata u l-eżistenza u l-awtentiċità tad-dokumenti, l-eżaminar tal-kotba ta’ operaturi ekonomiċi u rekords oħrajn, l-ispezzjonar tal-mezzi tat-trasport u l-imħażen tal-prodotti u l-eżekuzzjoni ta’ stħarriġ uffiċjali u atti simili oħrajn, barra l-ispezzjonar ta’ bastimenti tas-sajd fil-port skond il-Kapitolu II. 3. Iċ-ċirkostanzi li ġejjin għandhom, fost oħrajn, iservu ta’ bażi għal dubju raġonevoli konformament mal-paragrafu 2: a) fejn l-awtorità ta’ verifika ta’ l-Istat Membru jkollha raġun tiddubita l-awtentiċità taċ-ċertifikat innifsu tal-qabda tal-ħut jew dwar is-siġill tal-konvalidazzjoni jew il-firma ta’ l-awtorità rilevanti ta’ l-Istat tal-bandiera b) fejn l-awtorità ta’ verifika ta’ l-Istat Membru tkun fil-pussess ta’ informazzjoni li titfa’ dubju dwar l-osservanza mill-bastiment tas-sajd tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri għal konservazzjoni u mmaniġġjar applikabbli, jew l-issodisfar ta’ rekwiżiti oħrajn imsemmija f’dan ir-Regolament; c) fejn bastimenti tas-sajd, kumpaniji tas-sajd jew kull operatur ekonomiku ieħor ikun ġie rrapportat b’konnessjoni ma’ attivitajiet tas-sajd presunti bħala IUU, inklużi dawk il-bastimenti li jkunu ġew irrapportati lil Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd skond it-termini ta’ l-istrument li din l-Organizzazzjoni tkun adottat biex tistabbilixxi listi ta’ bastimenti presunti li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrapportati u mhux irregolati; d) fejn Stati tal-bandiera jew pajjiżi tar-rijesportazzjoni jkunu ġew irrapportati lil Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd skond it-termini ta’ l-istrument li din l-Organizzazzjoni tkun adottat biex timplimenta miżuri kummerċjali fir-rigward ta’ Stati tal-bandiera; u e) fejn ikun ġie ippubblikat avviż skond il-Kapitolu IV fil-qafas tas-Sistema Komunitarja ta’ Twissija. 4. Għall-iskop ta’ verifika, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-assistenza ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera jew ta’ l-Istat li l-awtoritajiet tiegħu jkunu kkonvalidaw iċ-ċertifikat tar-rijesportazzjoni skond l-Artikolu 15, paragrafi 1 c) jew 2 b), f’liema każ: a) it-talba għall-assistenza tkun bir-raġunijiet iddikjarati għala dawn ikollhom dubju raġonevoli dwar il-validità taċ-ċertifikat, tad-dikjarazzjonijiet li jkun fih u/jew tal-konformità tal-prodotti mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar. Kopja taċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut u kull informazzjoni jew dokument li jissuġġerixxu li l-informazzjoni fuq iċ-ċertifikat hija skorretta għandhom jitressqu b’appoġġ tat-talba għall-assistenza. Din it-talba għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera jew ta’ l-Istat tar-rijesportazzjoni; b) il-proċediment tal-verifika għandu jiġi fi tmiemu fi żmien 15-il jum mid-data tat-talba għall-verifika. Fl-eventwalità li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera ma jkunux jistgħu jirrispettaw iż-żmien perentorju, l-awtoritajiet ta’ verifika fl-Istat Membru jistgħu, fuq talba ta’ l-Istat tal-bandiera jew tar-rijesportazzjoni, jikkonċedu estensjoni taż-żmien perentorju għat-tweġiba, li ma jkunx jeċċedi 15-il jum ieħor. 5. Ir-rilaxx tal-prodotti għandu jkun sospiż tul l-istennija tar-riżultati ta’ l-eżami u tal-proċeduri tal-verifika msemmija fil-paragrafi 1 sa 4. 6. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-verifika taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut imsemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 18 – Rifjut ta’ importazzjoni 1. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17, paragrafu 1 għandhom jirrifjutaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-sajd mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu evidenza addizzjonali jew jibagħtu talba għall-assistenza lill-Istat tal-bandiera fejn: a) l-operatur ma jkunx seta’ jibgħat ċertifikat tal-qabda tal-ħut għall-prodotti kkonċernati; b) il-prodotti intenzjonati għall-importazzjoni ma jkunux l-istess bħal dawk imsemmija fuq iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut; c) iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut ma jkunx ikkonvalidat mill-awtorità pubblika ta’ l-Istat tal-bandiera msemmija fl-Artikolu 13, paragrafu 3; d) iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut ma jkunx jindika l-informazzjoni kollha mitluba; e) l-operatur ma jkunx f’pożizzjoni li jagħti prova li l-prodotti tas-sajd huma konformi mal-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15, paragrafi 1 sa 2; f) il-bastiment tas-sajd li jkun jidher fuq iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut bħala l-bastiment ta’ l-oriġini tal-qabdiet ikun inkluż fil-lista ta’ bastimenti IUU msemmija fl-Artikoli 26 sa 29; g) iċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut ikun ġie kkonvalidat mill-awtoritajiet ta’ l-Istat tal-bandiera identifikat bħala Stat li ma jikkooperax skond l-Artikolu 32. 2. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17, paragrafu 1 għandhom jirrifjutaw l-importazzjoni tal-prodotti tas-sajd fil-Komunità, wara talba għall-assistenza konformament ma’ l-Artikolu 17 paragrafu 4, fejn: a) ikunu rċevew tweġiba skond liemal-esportatur ma jkunx intitolat li jitlob il-konvalidazzjoni taċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut; b) ikunu rċevew tweġiba skond liema l-prodotti ma jkunux konformi mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar jew kundizzjonijiet oħrajn ma jkunux sodisfatti skond dan il-Kapitolu; c) ma jkunux irċevew tweġiba fiż-żmien perentorju stipulat; d) ikunu rċevew risposta li ma tipprovdix tweġibiet pertinenti għall-mistoqsijiet mressqa fit-talba. 3. Fejn l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd tiġi rrifjutata konformament mal-paragrafu 1 jew 2, l-Istati Membri jistgħu jikkonfiskaw u jiddisponu minn dawk il-prodotti skond ir-regoli nazzjonali. 4. Kull persuna jkollha d-dritt li tappella d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti konformament mal-paragrafu 1 jew 2 li jkunu jikkonċernaw lilha direttament u individwalment. Id-dritt ta’ l-appell għandu jitħaddem skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati. 5. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-rifjuti ta’ importazzjoni lill-Istat tal-bandiera u, jekk ikun il-każ, lill-Istat li l-awtoritajiet tiegħu jkunu kkonvalidaw iċ-ċertifikat tar-rijesportazzjoni konformament ma’ l-Artikolu 15. Kopja tan-notifika għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Artikolu 19- Notifiki ta’ l-Istati tal-bandiera; arranġamenti għall-verifika u l-kooperazzjoni 1. L-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda tal-ħut ikkonvalidati minn Stat tal-bandiera partikolari għall-iskop ta’ dan ir-Regolament tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun irċeviet notifika mill-Istat tal-bandiera kkonċernat li tiċċertifika li: a) huwa jkun qiegħed iħaddem arranġamenti nazzjonali għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, r-regolamenti u l-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar li magħhom iridu jkunu konformi l-bastimenti tas-sajd tiegħu; b) li l-awtoritajiet pubbliċi tiegħu jkollhom il-poter li jaffermaw il-veraċità ta’ l-informazzjoni li jkun fihom iċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut u li jesegwixxu verifiki ta’ dawn iċ-ċertifikati fuq it-talba ta’ l-Istati Membri. Din in-notifika tkun tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati dawk l-awtoritajiet. 2. Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tistabbilixxi arranġamenti ta’ amministrazzjoni kooperattiva ma’ l-Istati tal-bandiera bl-intenzjoni li lil dawn ta’ l-aħħar tiffaċilitalhom it-twettiq tal-formalitajiet marbutin mad-dħul ta’ bastimenti tas-sajd fil-portijiet, ma’ l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd fil-Komunità u mar-rekwiżiti ta’ verifika stabbiliti b’dan ir-Regolament. Dawn l-arranġamenti jkunu jipprovdu qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka, u t-tmexxija ta’ verifiki mill-Kummissjoni, fl-oqsma kollha li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Madanakollu, it-twaqqif ta’ arranġament kooperattiv ma jkunx jitqies bħala prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn qbid ta’ ħut minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ kwalunkwe Stat. 3. L-informazzjoni li trid tingħata fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u l-prinċipji u l-elementi ta’ l-arranġamenti ta’ amministrazzjoni kooperattiva jissemmew fl-Anness 3 ma’ dan ir-Regolament. 4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat tal-Bandiera li tkun irċeviet in-notifika mibgħuta konformament mal-paragrafu 1. Jekk l-elementi kollha msemmija fil-paragrafu 1 ma jingħatawx lill-Kummissjoni mill-Istat tal-Bandiera, il-Kummissjoni għandha tindika lill-Istat tal-Bandiera x’elementi jkunu nieqsa u titolbu jipprovdi notifika ġdida. Artikolu 20 – Rijesportazzjoni 1. Ir-rijesportazzjoni ta’ prodotti importati taħt ċertifikat tal-qabda tal-ħut skond dan il-kapitolu tkun awtorizzata bis-saħħa tal-konvalidazzjoni ta’ ċertifikat tar-rijesportazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn ir-rijesportazzjoni għandha ssir, fuq talba mir-rijesportatur. 2. Iċ-ċertifikati tar-rijesportazzjoni għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha mitluba fil-forma mehmuża fl-Anness 2 u għandhom ikunu akkumpanjati b’kopja taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut li jkunu ġew aċċettati għall-importazzjoni tal-prodotti. 3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti għall-konvalidazzjoni u l-verifika taċ-ċertifikati tar-rijesportazzjoni. Artikolu 21 – Żamma ta’ rekords u disseminazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha żżomm rekords ta’ l-Istati u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom innotifikati skond dan il-Kapitolu li jkunu jinkludu: a) L-Istati Membri li jkunu nnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jikkonvalidaw u jivverifikaw iċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut u rijesportazzjoni skond dan ir-Regolament, rispettivament, l-Artikolu 16, paragrafu 2, l-Artikolu 17, paragrafu 6 u l-Artikolu 20, paragrafu 3; b) l-Istati tal-bandiera li jkunu waslu n-notifiki dwarhom skond l-Artikolu 19, paragrafu 1, li jindikaw lil dawk li magħhom ikun ġie stabbilit arranġament ta’ amministrazzjoni kooperattiva skond l-Artikolu 19, paragrafu 2. 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha u fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje C) il-lista ta’ l-Istati u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, u għandha taġġorna din l-informazzjoni regolarment. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-dettalji ta’ l-Istati tal-bandiera inkarigati mill-konvalidazzjoni taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri responsabbli mill-verifika taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut. 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha u fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje C) il-lista ta’ l-iskemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut li huma rikonoxxuti skond l-Artikolu 14 u għandha taġġornaha fuq bażi regolari. Kapitolu IV Is-Sistema Komunitarja ta’ Twissija Artikolu 22 – Ħruġ ta’ twissijiet 1. Fejn l-informazzjoni miksuba skond il-kapitoli II, III, V, VI, VII, VIII, X jew XII titfa’ dubju raġonevoli rigward l-osservanza tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd jew prodotti tas-sajd minn ċerti pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha u fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje C) avviż ta’ twissija biex iwiddeb lill-operaturi u biex jiżgura li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-pajjiżi terzi kkonċernati konformament ma’ dan il-Kapitolu. 2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat u, jekk ikun il-każ, lill-Istat tar-rijesportazzjoni. Artikolu 23 – Azzjoni wara l-ħruġ 1. Hekk kif tasal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22, paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom: a) jidentifikaw il-konsenji ta’ prodotti tas-sajd importati qabel li jkunu jaqgħu fl-ambitu ta’ l-avviż b’abbinament ma’ l-operaturi u jesegwixxu proċediment ta’ verifika taċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut u, jekk ikun il-każ, iċ-ċertifikat tar-rijesportazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet istitwiti fl-Artikoli 17 u 20; b) jesegwixxu proċedura ta’ verifika taċ-ċertifikat tal-qabda tal-ħut, u, jekk ikun il-każ, taċ-ċertifikat tar-rijesportazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet istitwiti fl-artikoli 17 u 20, fir-rigward tal-konsenji tal-prodotti tas-sajd kollha intenzjonati għall-importazzjoni li jkunu jaqgħu fl-ambitu ta’ l-avviż; c) jidentifikaw il-movimenti preċedenti kollha tal-bastimenti tas-sajd li jkunu jaqgħu fl-ambitu ta’ l-avviż u jesegwixxu verifiki xierqa, inkluża l-verifika taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut li jkunu ntbagħtu qabel; d) jissoġġettaw il-bastimenti tas-sajd li jkunu jaqgħu fl-ambitu ta’ l-avviż, skond ir-regoli tal-liġi internazzjonali, għall-istħarriġ, l-investigazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-baħar, fil-portijiet jew kull post ta’ l-iżbarkar ieħor. 2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-konklużjonijiet tal-verifiki u t-talbiet għall-verifiki li jagħmlu u l-azzjonijiet li jieħdu fejn ikun ġie stabbilit in-nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri internazzjonali għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar applikabbli. 3. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-verifiki mwettqa konformament mal-paragrafu 1, m’għadx jibqa’ jeżisti dubju raġonevoli, din għandha, mingħajr dewmien: a) tippubblika avviż f’dak ir-rigward fuq il-websajt tagħha u fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (serje C) fejn tannulla l-avviż ta’ qabel; b) tavża lill-Istat tal-bandiera u, jekk ikun il-każ, lill-Istat tar-rijesportazzjoni bl-annullament; u c) tavża lill-Istati Membri, permezz ta’ kanali xierqa. 4. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ l-istħarriġ, l-ispezzjonijiet u l-verifiki mwettqa konformament mal-paragrafu 1, jibqa’ jeżisti dubju raġonevoli, din għandha, mingħajr dewmien: a) taġġorna l- avviż lill-operaturi, permezz ta’ pubblikazzjoni ġdida fuq il-websajt tagħha u fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (serje C); b) tavża lill-Istat tal-bandiera u, jekk ikun il-każ, lill-Istat tar-rijesportazzjoni; c) tavża lill-Istati Membri, permezz ta’ kanali xierqa; u d) fejn ikun xieraq, tirreferi l-kwistjoni lill-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li l-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar tagħha setgħu ma ġewx rispettati. 5. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ l-istħarriġ, l-ispezzjonijiet u l-verifiki mwettqa konformament mal-paragrafu 1, ikun hemm raġunijiet suffiċjenti biex tikkonsidra li l-fatti stabbiliti jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri internazzjonali għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar applikabbli, din għandha, mingħajr dewmien: a) tippubblika avviż ġdid lill-operaturi tagħha fuq il-websajt tagħha u fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (serje C), biex tinfurmahom b’dawn is-sejbiet; b) tavża lill-Istat tal-bandiera u tibda l-proċedimenti u l-proċeduri politiċi xierqa skond il-Kapitoli V u VI; c) jekk ikun il-każ, tavża lill-Istat tar-rijesportazzjoni; d) tavża lill-Istati Membri, permezz ta’ kanali xierqa; e) fejn ikun xieraq, tirreferi l-kwistjoni lill-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li l-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar tagħha setgħu ma ġewx rispettati. Kapitolu V L-identifikazzjoni ta’ bastimenti mdaħħlin f’attivitajiet ta’ sajd IUU Artikolu 24 – Attivitajiet ta’ sajd allegati bħala IUU 1. Il-Kummissjoni, jew korp maħtur minnha, għandha tiġbor u tanalizza l-informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd IUU: a) miksuba skond il-kapitoli II, III, IV, VIII, X u XII jew b) kif ikun xieraq, kull informazzjoni rilevanti oħra, bħalma hi: - id-data dwar il-qabda tal-ħut; - l-informazzjoni dwar il-kummerċ miksuba minn Statistika Nazzjonali u sorsi affidabbli oħrajn; - ir-reġistri u databases tal-bastimenti; - il-programmi ta’ dokumenti ta’ qabda tal-ħut jew dokumenti ta’ statistika ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd; - ir-rapporti dwar lemħ jew attivitajiet oħrajn fuq bastimenti presunti bħala IUU u l-listi ta’ bastimenti IUU rrapportati u adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd; - kull informazzjoni rilevanti oħra miksuba fost oħrajn fil-portijiet u fuq iż-żoni tas-sajd. 2. L-Istati Membri għandhom meta jidhrilhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun rilevanti għall-formazzjoni tal-Lista ta’ Bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni, jew korp maħtur minnha, għandha tiċċirkola l-informazzjoni, flimkien ma’ l-evidenza kollha pprovduta, lill-Istati Membri u lill-istati tal-bandiera kkonċernati. 3. Il-Kummissjoni, jew korp maħtur minnha, għandha żżomm fajl fir-rigward ta’ kull wieħed mill-bastimenti rrapportat li allegatament kien involut f’attivitajiet ta’ sajd IUU li għandu jiġi aġġornat hekk kif tinkiseb xi informazzjoni ġdida. Artikolu 25 – Attivitajiet tas-sajd presunti bħala IUU 1. Il-Kummissjoni għandha tidentifika l-bastimenti li dwarhom tkun inkisbet informazzjoni suffiċjenti skond l-Artikolu 24 biex tippresumi li dawn il-bastimenti setgħu kienu mdaħħlin f’attivitajiet ta’ sajd IUU, b’lok li ssirilhom inkjesta uffiċjali ma’ l-Istat tal-bandiera kkonċernat. 2. L-istati tal-Bandiera li l-bastimenti tagħhom jiġu identifikati konformament mal-paragrafu 1 ikunu nnotifikati mill-Kummissjoni b’talba uffiċjali għal inkjesta fl-attivitajiet allegati bħala IUU tal-bastimenti kkonċernati bil-bandiera tagħhom. In-notifika tkun qiegħda: a) toħroġ talba uffiċjali lill-istat tal-bandiera biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinvestiga l-attivitajiet ta’ sajd allegati bħala IUU u jaqsam fil-ħin ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni mal-Kummissjoni; b) toħroġ talba uffiċjali lill-istat tal-bandiera biex jieħu azzjoni ta’ infurzar immedjata kemm-il darba l-allegazzjoni fformulata kontra l-bastiment tas-sajd ikkonċernat tiġi ppruvata li hi ffondata, u biex jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu; c) tavża lis-sid jew, jekk ikun il-każ, lill-operatur tal-bastiment bil-konsegwenzi li jirriżultaw kemm-il darba l-bastiment jiddaħħal fil-Lista ta’ Bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea, kif istitwit fl-Artikolu 36. L-Istati tal-Bandiera jkunu mitluba wkoll jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni rigward is-sidien tal-bastiment jew, jekk ikun il-każ, l-operaturi sabiex jiġi żgurat li dawn il-persuni jkunu jistgħu jinstemgħu jekk ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 26, paragrafu 3. 3. Il-Kummissjoni għandha tiċċirkola l-informazzjoni dwar bastimenti presunti li jkunu mdaħħlin f’attivitajiet IUU lill-Istati Membri kollha bl-intenzjoni li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kontrolli sistematiċi tal-portijiet fuq dawn il-bastimenti skond l-Artikolu 9, paragrafu 2 (c). Artikolu 26 – Il-formazzjoni ta’ lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea 1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea. Din il-Lista tkun tinkludi l-bastimenti li fir-rigward tagħhom, barra l-passi li jkunu ttieħdu konformament ma’ l-Artikoli 24 u 25, l-informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament tistabbilixxi li dawn kienu mdaħħlin f’attivitajiet ta’ sajd IUU u li l-Istati tal-Bandiera tagħhom ma jkunu ħadu ebda azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dawk l-attivitajiet. 2. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati tal-Bandiera b’bastimenti fuq il-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea biex: a) jinnotifikaw lil sid il-bastiment bl-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw din l-inklużjoni u bil-konsegwenzi li jirriżultaw għax ikun inkluż fil-lista, kif istitwit fl-Artikolu 36 u b) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeliminaw dawn l-attivitajiet ta’ sajd IUU, inkluż, jekk ikun meħtieġ, l-irtirar tar-reġistrazzjoni jew tal-liċenzji tas-sajd ta’ dawn il-bastimenti, u biex jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jittieħdu. 3. Qabel ma tqiegħed xi bastiment fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lis-sid, u, jekk ikun il-każ, lill-operaturi tal-bastiment ikkonċernat bl-elementi kollha li fuqhom ikun iffondat is-suspett li l-bastiment ikun għamel sajd IUU, u tagħti lis-sid, u, jekk ikun il-każ, lill-operaturi l-possibbiltà li jinstemgħu. 4. Meta tittieħed deċiżjoni li bastiment jitqiegħed fuq il-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dik id-deċiżjoni, u r-raġunijiet għaliha, lis-sid u, jekk ikun il-każ, lill-operatur tal-bastiment. 5. L-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni mill-paragrafi 3 u 4 japplikaw mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja ta’ l-Istat tal-Bandiera fuq il-bastiment, u biss safejn l-informazzjoni rilevanti dwar l-identifikazzjoni tas-sid u l-operaturi tal-bastiment tkun għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Artikolu 27 – Tneħħija ta’ bastimenti mil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea 1. Il-Kummissjoni għandha tneħħi bastiment mil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea jekk l-Istat tal-bandiera tal-bastiment juri li: a) il-bastiment ma kien imdaħħal f’ebda attività tas-sajd IUU li għaliha jkun tqiegħed fuq il-lista, jew b) ittieħdet azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-attivitajiet ta’ sajd IUU msemmija, inklużi, fost oħrajn, prosekuzzjoni, u impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ severità adegwata. 2. Is-sid jew, jekk ikun il-każ, l-operatur ta’ bastiment li jkun tqiegħed fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea jista’ jibgħat talba lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istatus ta’ dan il-bastiment f’każ ta’ ebda azzjoni mill-Istat tal-bandiera skond il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra biss it-tneħħija tal-bastiment mil-lista jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: a) ikunu għaddew mill-anqas sentejn mill-elenkar tal-bastiment li matulhom ma jkun wasal ebda rapport ieħor lill-Kummissjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd allegati bħala IUU mill-bastiment skond l-Artikolu 24; b) is-sid irid jibgħat informazzjoni relatata ma’ l-operazzjoni kurrenti tal-bastiment li turi li dan qiegħed jopera b’konformità sħiħa mal-liġijiet, ir-regoli u/jew il-miżuri għall-konservazzjoni li japplikaw għal kwalunkwe sajd li jkun qed jipparteċipa fih; c) il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-bastiment ikkonċernat, is-sid jew l-operaturi tiegħu, ma jkun baqgħalhom ebda rabta, sew jekk diretta u sew jekk indiretta, ma’ xi bastimenti jew operaturi oħrajn presunti jew ikkonfermati li huma mdaħħlin f’attivitajiet ta’ sajd IUU. Artikolu 28 – Kontenut, pubbliċità u żamma tal-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea 1. Il-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin għal kull wieħed mill-bastimenti: a) l-isem u l-ismijiet preċedenti, jekk ikun hemm; b) il-bandiera u l-bnadar preċedenti, jekk ikun hemm; c) is-sid u s-sidien preċedenti, inklużi sidien użufruttwarji, jekk ikun hemm; d) l-operatur jew l-operaturi preċedenti, jekk ikun hemm; e) is-sinjal tas-sejħa jew il-sinjali tas-sejħa preċedenti, jekk ikun hemm; f) in-numru ta’ Lloyds/IMO (fejn ikun disponibbli); g) ir-ritratti, fejn ikunu disponibbli; h) id-data ta’ l-ewwel inklużjoni fil-Lista ta’ Bastimenti IUU; i) il-ġabra fil-qosor ta’ l-attivitajiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-bastiment fil-Lista, flimkien ma’ referenzi għad-dokumenti rilevanti kollha ta’ informazzjoni dwar dawk l-attivitajiet u li jippruvawhom. 2. Il-Kummissjoni għandha tieħu kull miżura meħtieġa biex tiżgura l-pubbliċità tal-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea, anka billi titqiegħed fuq il-websajt tad-DĠ Sajd. 3. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment u tipprovdi sistema awtomatika ta’ notifika ta’ l-aġġornamenti għall-Istati Membri, Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u kull membru tas-soċjetà ċivili li jista’ jitlobha. Barra dan, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-lista ta’ bastimenti lill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd bl-iskop li titkattar il-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u dawn l-organizzazzjonijiet immirati li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU. Artikolu 29 – Listi ta’ bastimenti IUU adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd 1. Barra mill-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26, il-bastimenti inklużi fil-listi ta’ bastimenti IUU adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd ikunu inklużi awtomatikament fil-Lista ta’ Bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea. It-tneħħija ta’ dawn il-bastimenti mil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea għandha tkun irregolata bid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħhom mill-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd rilevanti. 2. Il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena, malli tkun irċeviet il-listi ta’ bastimenti presunti u kkonfermati bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd IUU mingħand Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, tinnotifikahom lill-Istati Membri. 3. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika fil-pront lill-Istati Membri b’kull addizzjoni, qtugħ u/jew modifika fil-listi msemmija fil-paragrafu 2 kull meta jkun hemm dawn il-bidliet. L-Artikolu 36 għandu japplika fir-rigward tal-bastimenti li jidhru fil-listi IUU ta’ RFMO skond kif ikunu ġew immodifikati sa dakinhar tan-notifika tagħhom lill-Istati Membri. Kapitolu VI L-Istati terzi li ma jikkooperawx Artikolu 30 – Identifikazzjoni ta’ Stati terzi li ma jikkooperawx 1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52, għandha tidentifika l-Istati terzi li hija tikkunsidra bħala Stati li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ sajd IUU. 2. Din l-identifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-eżaminar ta’ kull informazzjoni miksuba konformament mal-kapitoli II, III, IV, V, VIII, X u XII jew, kif ikun xieraq, kull informazzjoni rilevanti oħra, bħalma hija d-data dwar il-qabda tal-ħut, l-informazzjoni dwar il-kummerċ miksuba minn Statistika Nazzjonali u sorsi affidabbli oħrajn, ir-reġistri u d-databases tal-bastimenti, il-programmi ta’ dokumenti ta’ qabda tal-ħut jew id-dokumenti ta’ statistika ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-listi ta’ bastimenti IUU adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd kif ukoll kull informazzjoni oħra miksuba fil-portijiet u fiż-żonitas-sajd. 3. Stat jista’ jiġi identifikat bħala Stat li ma jikkooperax jekk dan jonqos milli jaqdi dawk li huma d-doveri tiegħu skond il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, port, kostali jew tas-suq, milli jieħu azzjoni biex jimpedixxi, jiskoraġġixxi jew jelimina l-attivitajiet ta’ sajd IUU. 4. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha primarjament toqgħod fuq eżami tal-miżuri meħuda mill-Istat ikkonċernat fir-rigward: a) ta’ attivitajiet rikorrenti ta’ sajd IUU li jkunu ddokumentati b’mod idoneu li jkunu twettqu jew ġew appoġġjati minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha, jew minn bastimenti li jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet tagħha jew ikunu qegħdin jużaw il-portijiet tagħha, jew b) ta’ aċċess għas-suq tagħha minn prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn attivitajiet ta’ sajd IUU. 5. Għal din il-fini, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra: a) jekk l-Istat ikkonċernat jikkooperax b’mod effettiv mal-Komunità, billi jagħti widen għat-talbiet li tagħmel il-Kummissjoni biex jinvestiga, jipprovdi informazzjoni lura jew isegwi biex jikkontrolla sajd IUU u attivitajiet relatati; b) jekk l-Istat ikkonċernat ikunx ħa miżuri ta’ infurzar effettivi fir-rigward ta’ l-operaturi responsabbli minn attivitajiet ta’ sajd IUU, u b’mod partikolari jekk ġewx applikati sanzjonijiet ta’ severità suffiċjenti li jċaħħdu t-trasgressuri mill-benefiċċji li jirrendu dawn l-attivitajiet; c) l-istorja, in-natura, iċ-ċirkostanzi, id-dimensjoni u l-gravità tal-manifestazzjonijiet ta’ l-attivitajiet ta’ sajd IUU li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati; d) għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-kapaċità eżistenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom. 6. L-elementi li ġejjin għandhom ikunu kkunsidrati wkoll: a) ir-ratifikazzjoni ta’ l-Istati kkonċernati ta’ l-istrumenti internazzjonali tas-sajd jew l-aċċettazzjoni formali tagħhom, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982, il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti 1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju u l-Ftehim tal-FAO ta’ l-1993 li jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u maniġġjar minn bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali; b) l-istatus ta’ l-Istat ikkonċernat bħala msieħeb jew mhux imsieħeb f’kooperazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, jew il-ftehim tiegħu li japplika l-miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar stabbiliti minn dawn l-organizzazzjonijiet; c) kull att jew ommissjoni mill-Istat ikkonċernat li seta’ naqqas l-effikaċja tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri internazzjonali għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar applikabbli. 7. Fejn ikun xieraq, restrizzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikolari fejn jidħol monitoraġġ, kontroll u sorveljanza ta’ l-attivitajiet tas-sajd, għandhom ikunu kkunsidrati b’mod korrett fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Artikolu 31 – Proċeduri politiċi fir-rigward ta’ Stati identifikati bħala Stati terzi li ma jikkooperawx 1. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika lill-Istati li jistgħu jiġu identifikati bħala Stati li ma jikkooperawx skond il-kriterji istitwiti fl-Artikolu 30, anke f’din in-notifika: a) Ir-raġuni jew ir-raġunijiet għall-identifikazzjoni b’kull evidenza ta’ konferma disponibbli; b) L-opportunità ta’ tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-identifikazzjoni u informazzjoni rilevanti oħra, pereżempju, evidenza li tirribatti l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, pjan ta’ azzjoni għal titjib u l-passi li ttieħdu biex tiġi rrettifikata s-sitwazzjoni; c) Il-konsegwenzi ta’ l-identifikazzjoni tagħhom bħala Stati li ma jikkooperawx, kif previst fl-Artikolu 37. 2. Il-Kummissjoni tista’ tinkludi wkoll fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1a talba biex l-Istat ikkonċernat jieħu kull miżura meħtieġa għall-waqfien ta’ l-attivitajiet ta’ sajd IUU msemmija u l-impediment ta’ kull attività futura bħal din, u jirrettifika kull att jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 30, il-paragrafu 6, is-subparagrafu c). 3. Il-Kummissjoni għandha, b’aktar minn mezz ta’ komunikazzjoni wieħed, tittrażmetti n-notifika u t-talba tagħha lill-Istat ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tikseb konferma mit-tali Stat li jkun irċieva n-notifika. Artikolu 32 – Stabbiliment ta’ lista ta’ Stati li ma jikkooperawx 1. Fid-dawl tar-riżultati tal-proċeduri politiċi istitwiti fl-Artikolu 31, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52, lista ta’ Stati li ma jikkooperawx. 2. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-Istat ikkonċernat bl-identifikazzjoni tiegħu bħala Stat li ma jikkooperax u l-miżuri applikati skond l-Artikolu 37 u titolbu biex jirrettifika s-sitwazzjoni kurrenti u twissi dwar il-miżuri li jridu jittieħdu biex tkun żgurata l-osservanza tal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar mill-bastimenti tiegħu. 3. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll mingħajr dewmien lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha u titlobhom jiżguraw l-implimentazzjoni immedjata tal-miżuri deċiżi fl-Artikolu 37. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura li jkunu ħadu b’reazzjoni għal din it-talba. Artikolu 33 – Tneħħija mil-lista ta’ Stati li ma jikkooperawx 1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52, għandha tneħħi Stat mil-lista ta’ Stati li ma jikkooperawx jekk l-Istat ikkonċernat juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-elenkar tiegħu tkun ġiet irrettifikata. Fid-deċiżjoni għat-tneħħija għandu jiġi kkunsidrat jekk l-Istati identifikati kkonċernati ħadux miżuri konkreti li jkunu jistgħu jiksbu titjieb dejjiemi tas-sitwazzjoni. 2. Wara deċiżjoni li tittieħed konformament mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-Istati membri dwar it-tneħħija tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 37 fir-rigward ta’ l-Istat ikkonċernat. Artikolu 34 – Pubbliċità tal-lista ta’ Stati li ma jikkooperawx Il-Kummissjoni għandha tieħu kull miżura meħtieġa biex tiżgura l-pubbliċità tal-lista ta’ Stati li ma jikkooperawx, b’manjiera konsistenti ma’ kull rekwiżit applikabbli dwar ir-riżervatezza, inkluż it-tqegħid tagħha fuq il-websajt tad-DĠ Sajd. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment u l-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema awtomatika ta’ notifika ta’ l-aġġornamenti għall-Istati Membri, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u kull membru tas-soċjetà ċivili li jista’ jitlobha. Barra dan, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-lista ta’ Stati li ma jikkooperawx lill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd bl-iskop li titkattar il-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u dawn l-organizzazzjonijiet immirati li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU. Artikolu 35 – Miżuri ta’ emerġenza 1. Jekk ikun hemm evidenza li l-miżuri adottati minn xi Stat ikunu qed jimminaw l-isforz għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar li jkun qiegħed jitmexxa minn Organizzazzjoni tal-Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, il-Kummissjoni tkun intitolata li tadotta miżuri ta’ emerġenza għal mhux aktar minn sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex testendi l-miżuri għal mhux aktar minn sitt xhur. 2. Il-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jinkludu, fost oħrajn, li: a) bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat ikkonċernat ma jingħatawx aċċess għall-portijiet ta’ l-Istati Membri, ħlief f’każ ta’ xi forza maġġuri; b) bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ma jitħallewx jidħlu f’operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat ikkonċernat; c) bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ma jitħallewx jistadu f’ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ikkonċernat; d) il-provvista ta’ ħut ħaj għall-akkwakultura fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ikkonċernat ma jkunux awtorizzati; e) il-ħut ħaj maqbud minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat ikkonċernat ma jkunux aċċettati għall-iskop ta’ akkwakultura fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru. 3. Il-miżuri ta’ emerġenza għandu jkollhom effett immedjat. Dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Membri u lill-Istat ikkonċernat u ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Kapitolu VII Il-miżuri fir-rigward ta’ bastimenti u Stati involuti f’attivitajiet IUU Artikolu 36 – Azzjoni fir-rigward ta’ bastimenti inklużi fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Komunità Ewropea Il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw għall-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26: a) l-Istati Membri tal-bandiera m’għandhomx jibagħtu talbiet lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjonijiet għal sajd fir-rigward ta’ bastimenti IUU; b) l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd kurrenti jew permessi speċjali għal sajd maħruġin mill-Istati Membri tal-bandiera fir-rigward ta’ bastimenti IUU għandhom jiġu rtirati; c) bastimenti IUU li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz ma jkunux awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet Komunitarji u jkunu pprojbiti li jinkrew; d) bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru m’għandhom bl-ebda mod jassistu, jidħlu għal operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ ħut jew jipparteċipaw f’xi trasbord jew operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma’ bastimenti fuq il-lista IUU; e) bastimenti IUU li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jkunu awtorizzati biss jidħlu fil-portijiet fejn ikunu stazzjonati u f’ebda port Komunitarju ieħor, ħlief f’każ ta’ xi forza maġġuri. Bastimenti IUU li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz ma jkunux awtorizzati jidħlu f’port ta’ Stat Membru, ħlief f’każ ta’ xi forza maġġuri. Alternattivament, Stat Membru jista’ jawtorizza d-dħul fil-portijiet tiegħu bil-kundizzjoni li l-qabdiet tal-ħut abbord u, jekk ikun il-każ, tagħmir ipprojbit tas-sajd konformament mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, jiġu kkonfiskati. L-Istati Membri għandhom jikkonfiskaw ukoll qabdiet ta’ ħut u, jekk ikun il-każ, tagħmir ipprojbit tas-sajd, konformament mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, abbord bastimenti IUU li jkunu ġew awtorizzati jidħlu fil-portijiet tagħhom għal raġuni ta’ xi forza maġġuri jew emerġenza; f) bastimenti IUU li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz m’għandhomx jiġu fornuti bi provvisti, fjuwil jew servizzi oħrajn fil-portijiet, ħlief f’każ ta’ xi forza maġġuri; g) bastimenti IUU li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz ma jkunux awtorizzati li jibdlu l-ekwipaġġ, ħlief skond il-ħtieġa f’każ ta’ xi forza maġġuri; h) l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jikkonċedu l-bandiera tagħhom lil bastimenti IUU; i) l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn dawn il-bastimenti għandha tkun ipprojbita, u minħabba f’hekk iċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut fl-akkumpanjament ta’ dawn il-prodotti m’għandhomx jiġu aċċettati jew ikkonvalidati; j) l-esportazzjoni u r-rijesportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd minn bastimenti IUU għall-ipproċessar għandhom ikunu pprojbiti. Artikolu 37 – Azzjoni fir-rigward ta’ Stati li ma jikkooperawx Il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw għall-Istati msemmija fl-Artikolu 32: a) l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jkunu qegħdin itajru l-bandiera ta’ dawn l-Istati għandha tiġi pprojbita, u minħabba f’hekk iċ-ċertifikati fl-akkumpanjament ta’ dawn il-prodotti m’għandhomx jiġu aċċettati; fil-każ fejn l-identifikazzjoni ta’ Stat li ma jikkooperax konformament ma’ l-Artikolu 30 tkun iġġustifikata min-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati minn dan l-Istat fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ sajd IUU li jaffettwaw stokk jew speċi partikolari, il-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni tista’ tiġi applikata biss fir-rigward ta’ dan l-istokk jew speċi; b) ix-xiri minn operaturi Komunitarji ta’ bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ dawn l-Istati għandu jkun ipprojbit; c) bandiera ġdida għal bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru għandha tkun ipprojbita; d) l-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw li jintlaħaq ftehim ta’ kiri ta’ bastimenti ma’ dawn l-Istati għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom; e) l-esportazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji lil dawn l-Istati għandha tkun ipprojbita; f) ftehim kummerċjali privat bejn ċittadini ta’ Stat Membru u dawn l-Istati sabiex bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltajiet ta’ sajd ta’ dawn l-Istati għandu jkun ipprojbit; g) operazzjonijiet konġunti tas-sajd li jinvolvu bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ma’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dawn l-Istati għandhom ikunu pprojbiti; h) l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-importaturi, t-trasbordaturi, ix-xerrejja, il-fornituri ta’ tagħmir, il-banek, u l-operaturi li joffru servizzi oħrajn, bir-riskji assoċjati mat-tmexxija ta’ operazzjonijiet kummerċjali marbutin ma’ attivitajiet ta’ sajd ma’ ċittadini minn dawn l-Istati; i) il-Kummissjoni għandha tipproponi l-kundanna fil-pubbliku ta’ kull ftehim ta’ sajd bilaterali eżistenti jew ftehim ta’ sħubija ta’ sajd ma’ dawn l-Istati; j) il-Kummissjoni m’għandhiex tidħol f’negozjati biex tilħaq xi ftehim bilaterali ta’ sajd jew ftehim ta’ sħubija ta’ sajd ma’ dawn l-Istati. Kapitolu VIII Iċ-ċittadini Artikolu 38 – Ċittadini li jidħlu għal sajd IUU jew jappoġġjawh 1. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom u ma’ pajjiżi terzi, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, bl-intenzjoni li: a) jiżguraw li ċ-ċittadini soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jappoġġjawx sajd IUU jew jidħlu għalih, inkluż l-involviment abbord bastimenti msemmija fl-Artikolu 26. b) jidentifikaw lil dawk iċ-ċittadini li huma operaturi jew sidien użufruttwarji ta’ bastimenti involuti f’attivitajiet ta’ sajd IUU. 2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja ta’ l-Istat tal-bandiera, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom u b’konformità magħhom: a) biex jivverifikaw jekk persuni naturali jew legali soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom humiex imdaħħlin f’attivitajiet ta’ sajd IUU; b) biex jieħdu azzjoni xierqa b’reazzjoni għal kull attività vverifikata msemmija fis-subparagrafu a). 3. F’kull wieħed mill-Istati Membri, awtorità waħda għandha tkun responsabbli mill-koordinament tal-ġbir u l-verifika ta’ l-informazzjoni dwar attivitajiet taċ-ċittadini msemmija f’dan l-Artikolu u mir-rapportar lill-Kummissjoni u l-kooperazzjoni magħha. Artikolu 39 – Impediment u sanzjonijiet 1. Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom b’kull informazzjoni li tkun tikkonċerna interessi legali, użufruttwarji jew finanzjarji f’bastimenti tas-sajd b’bandiera ta’ pajjiż terz, jew il-kontroll tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqas li tiġi pprovduta din in-notifika huwa ssanzjonat adegwatament bil-liġi domestika tagħhom. 2. Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru m’għandhom ibiegħu jew jesportaw ebda bastiment lil operaturi li jkunu involuti fl-operazzjoni, it-tmexxija jew is-sjieda ta’ bastimenti msemmija fl-Artikolu 26. 3. Importaturi, trasbordaturi, xerrejja, konsumaturi, fornituri ta’ tagħmir, banek, kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni, u oħrajn li jkunu qegħdin joffru xi servizz m’għandhomx jidħlu f’negozju mal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26 jew jinneogzjaw ħut jew prodotti ta’ ħut li jkunu ġejjin minn sajd IUU. 4. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra istitwiti fil-liġi Komunitarja li jikkonċernaw il-fondi pubbliċi, l-Istati Membri m’għandhom jagħtu ebda għajnuna pubblika taħt l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali jew minn fondi Komunitarji lill-operaturi li jkunu involuti fl-operazzjoni, it-tmexxija jew is-sjieda tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 26. 5. L-Istati Membri għandhom jiksbu l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ xi arranġament bejn iċ-ċittadini tagħhom u pajjiż terz li jkun jippermetti bandiera ġdida għall-bastimenti tas-sajd b’bandiera ta’ dan il-pajjiż terz. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan billi jibagħtu lista tal-bastimenti kkonċernati. Kapitolu IX Il-miżuri, is-sanzjonijiet u s-sanzjonijiet komplementari ta’ infurzar immedjat Artikolu 40 – Ambitu Dan il-Kapitolu għandu japplika fir-rigward ta’: a) trasgressjonijiet serji mwettqa fit-territorju jew fl-ilmijiet marittimi soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri, u b) trasgressjonijiet serji mwettqa minn bastimenti tas-sajd Komunitarji jew ċittadini Komunitarji. Artikolu 41 – Trasgressjonijiet serji Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, trasgressjoni serja tfisser: a) l-attivitajiet ikkunsidrati li jikkostitwixxu attivitajiet ta’ sajd IUU skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3; b) it-tmexxija intenzjonata ta’ negozju ma’ bastimenti li jkunu mdaħħlin f’sajd IUU kif imsemmi fl-Artikolu 26; c) il-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU; d) l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd fil-Komunità b’kontravenzjoni ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 42 – Miżuri ta’ infurzar immedjat 1. Fejn persuna naturali jew legali tkun issuspettata li tkun wettqet jew tinqabad waqt il-fatt meta tkun qed twettaq xi trasgressjoni serja kif imsemmi fl-Artikolu 41, l-Istati Membri għandhom jagħtu bidu għal investigazzjoni sħiħa tat-trasgressjoni u, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom u skond il-gravità tat-trasgressjoni, jieħdu miżuri ta’ infurzar immedjat bħalma huma b’mod partikolari: a) il-waqfien immedjat ta’ l-attivitajiet tas-sajd; b) ir-rotta lura lejn il-port tal-bastiment; c) ir-rotta lejn post ieħor ta’ l-inġenji tat-trasport għal spezzjoni; d) it-talba ta’ garanzija; e) il-konfiska tat-tagħmir tas-sajd, qabdiet ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut illegali; f) l-immobilizzazzjoni temporanja tal-bastiment jew inġenji tat-trasport ikkonċernati; g) is-sospensjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għas-sajd. 2. Il-miżuri ta’ infurzar għandhom ikunu ta’ dimensjoni li jimpedixxu t-tkomplija tat-trasgressjoni u li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jġibu fi tmiemha l-investigazzjoni tat-trasgressjoni serja kkonċernata. Artikolu 43 – Sanzjonijiet għal trasgressjonijiet serji 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna naturali li tkun wettqet trasgressjoni serja jew li għaliha persuna ġuridika tinstab ħatja tkun ippenalizzata b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jkunu jinkludu multi ta’ massimu ta’ mill-anqas EUR 300 000 għal persuni naturali u ta’ mill-anqas EUR 500 000 għal persuni ġuridiċi. 2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema li biha tingħata l-multa li tkun proporzjonali għall-ħsara kkaġunata lir-riżorsi tas-sajd jew l-ambjent tal-baħar ikkonċernat, għall-vantaġġ finanzjarju miksub jew previst bit-twettiq ta’ l-offiża, jew għal kull valur ieħor li jindika s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna naturali jew legali, sakemm sistema bħal din tkun tippermetti l-multi massimi, li huma mill-anqas ekwivalenti għal EUR 300 000 għal persuni naturali u mill-anqas EUR 500 000 għal persuni ġuridiċi. 3. Fl-Istati Membri fejn ma ġiex adottat l-Euro għandha tkun applikata r-rata tal-kambju bejn l-Euro u l-munita tagħhom kif ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi […]. Artikolu 44 – Livell ġenerali ta’ sanzjonijiet u sanzjonijiet komplementari Il-livell ġenerali ta’ sanzjonijiet u sanzjonijiet komplementari għandu jkun ikkalkulat b’tali mod li tkun aċċertata ċ-ċaħda b’mod effettiv lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mit-trasgressjonijiet serji tagħhom. Għal dan l-iskop, għandhom jitqiesu wkoll il-miżuri li jkunu ttieħdu konformament ma’ l-Artikolu 42. Artikolu 45 – Sanzjonijiet komplementari Is-sanzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu jistgħu jkunu kkomplementati b’sanzjonijiet u miżuri oħrajn, b’mod partikolari: a) is-sekwestru tal-bastiment involut fit-trasgressjoni; b) l-immobilizzazzjoni temporanja tal-bastiment; c) il-konfiska tat-tagħmir tas-sajd, il-qabdiet ta’ ħut, il-prodotti; d) is-sospensjoni jew l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni għas-sajd; e) it-tnaqqis fid-drittijiet tas-sajd jew l-irtirar tagħhom; f) l-esklużjoni temporanja jew permanenti tad-dritt għall-ksib ta’ drittijiet tas-sajd ġodda; g) interdizzjoni temporanja jew permanenti ta’ l-aċċess għal assistenza pubblika jew sussidji. Artikolu 46 – Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għat-trasgressjonijiet serji msemmija fl-Artikolu 41 fejn dawn it-trasgressjonijiet ikunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn xi ħadd, li jkun aġixxa jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u kellu pożizzjoni determinanti fi ħdan il-persuna ġuridika, fuq bażi ta’: a) il-poter tar-rappreżentanza tal-persuna ġuridika, jew b) l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew c) l-awtorità li jamministra l-kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamilha possibbli li titwettaq l-offiża msemmija fl-Artikolu 41 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha. 3. Il-ħtija ta’ persuna ġuridika m’għandhiex teskludi proċedimenti kontra persuni naturali meta jkunu l-ħatja, il-provokaturi jew l-aċċessorji fit-trasgressjonijiet ikkonċernati. Kapitolu X L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati f’ċerti Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li jikkonċernaw lemħ ta’ bastimenti Artikolu 47 – Lemħ fuq il-baħar 1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-attivitajiet ta’ sajd li jkunu soġġetti għar-regoli dwar il-lemħ fuq il-baħar adottati fl-ICCAT, CCAMLR u IOTC. L-ambitu ta’ dan il-Kapitolu għandu jiġi rivedut sa l-2012. 2. Fl-eventwalità li bastiment, ajruplan jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru responsabbli mill-ispezzjonar fuq il-baħar tilmaħ bastiment tas-sajd, involut f’attivitajiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ sajd IUU, din għandha minnufih toħroġ rapport ta’ dan il-lemħ. Dawn ir-rapporti u r-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet li jsiru fuq dawn il-bastimenti tas-sajd mill-Istati Membri jkunu kkunsidrati bħala evidenza għall-użu fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi differenti ta’ identifikazzjoni u infurzar previsti f’dan ir-Regolament. 3. Fl-eventwalità li l-kaptan ta’ bastiment Komunitarju tas-sajd jilmaħ bastiment tas-sajd involut fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-kaptan għandu jiddokumenta l-informazzjoni kollha possibbli dwar dan il-lemħ, inklużi: a) l-isem u d-deskrizzjoni tal-bastiment tas-sajd; b) is-sinjal tas-sejħa tal-bastiment tas-sajd; c) in-numru ta’ reġistrazzjoni u, skond il-każ, in-numru ta’ Lloyds IMO tal-bastiment tas-sajd; d) l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd; e) il-pożizzjoni (latitudni, lonġitudni) fil-ħin li jkun ġie identifikat l-ewwel darba; f) id-data/il-ħin UTC meta jkun ġie identifikat l-ewwel darba; g) ritratt jew ritratti tal-bastiment tas-sajd b’evidenza tal-lemħ; h) kull informazzjoni rilevanti oħra rigward l-attivitajiet osservati tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat. 4. Ir-rapporti tal-lemħ għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tal-lemħ, li għandu jittrażmettihom immedjatament lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha mbagħad għandu jinforma immedjatament lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd milmuħ. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandu sewwasew wara jittrażmetti r-rapport tal-lemħ lill-Istati Membri kollha u, skond il-każ, lis-Segretarju Eżekuttiv ta’ l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd rilevanti għal aktar azzjoni skond il-miżuri adottati minn dawk l-organizzazzjonijiet. 5. Stat Membru li jkun irċieva rapport ta’ lemħ mill-awtorità kompetenti ta’ parti kontraenti ta’ Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li jkun jirrapporta l-attivitajiet ta’ bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha bir-rapport u l-informazzjoni rilevanti kollha, li għandu sewwasew wara jgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv ta’ l-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd ikkonċernata għal aktar azzjoni skond il-miżuri adottati minn din l-organizzazzjoni, skond il-każ. 6. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar stretti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li magħhom il-Komunità hija Parti Kontraenti jew Parti Mhux Kontraenti f’Kooperazzjoni. Artikolu 48 – Preżentazzjoni ta’ informazzjoni rigward bastimenti tas-sajd milmuħa 1. Stati Membri li jiksbu informazzjoni ddokumentata b’mod idoneu rigward bastimenti tas-sajd milmuħa għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien din l-informazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha. 2. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandu jeżamina wkoll informazzjoni ddokumentata b’mod idoneu rigward bastimenti tas-sajd milmuħa li tkun intbagħtet minn ċittadini individwali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet ambjentali, kif ukoll rappreżentanti ta’ interessi ta’ partijiet interessati fis-sajd jew kummerċ tal-ħut. Artikolu 49 – Investigazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd milmuħa 1. L-Istati Membri għandhom jinvestigaw immedjatament u kompletament l-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu ntlemħu skond l-Artikolu 47. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha bid-dettalji ta’ kull azzjoni li tittieħed jew intenzjonata fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd milmuħa li jtajru l-bandiera tagħhom, malli jkun prattikabbli u jkun x’ikun il-każ fi żmien xahrejn min-notifika tar-rapport tal-lemħ f'konformità ma’ l-Artikolu 47 paragrafu 4. Rapporti dwar il-progress ta’ l-investigazzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-bastiment tas-sajd milmuħ għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha f’intervalli regolari xierqa. Rapport finali dwar l-eżitu meta jintemmu l-investigazzjonijiet għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha. 3. L-Istati Membri l-oħrajn barra l-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandhom jivverifikaw jekk il-bastimenti milmuħa li jkunu ġew rrapportati jkunux wettqu attivitajiet fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jew jekk il-prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn dawk il-bastimenti kinux żbarkati jew importati fit-territorju tagħhom u għandhom jinvestigaw ir-rekord tal-konformità tagħhom mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar rilevanti. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, u lill-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat bl-eżitu tal-verifiki u l-investigazzjonijiet tagħhom. 4. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandu jinnotifika lill-Istati Membri kollha bl-informazzjoni li jkun irċieva skond il-paragrafi 2 u 3. 5. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u għad-dispożizzjonijiet adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li magħhom il-Komunità hija Parti Kontraenti jew Parti Mhux Kontraenti f’Kooperazzjoni. Kapitolu XI L-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, ma’ Stati terzi u mal-Kummissjoni u s-sistema ta’ informazzjoni dwar sajd IUU Artikolu 50 1. L-awtoritajiet amministrattivi responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, ma’ l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stati terzi u mal-Kummissjoni bl-intenzjoni li tkun żgurata l-osservanza ta’ dan ir-regolament. 2. Għal din il-fini, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ assistenza reċiproka, li tkun tinkludi sistema komputerizzata ta’ l-informazzjoni, is-"sistema ta’ informazzjoni dwar sajd IUU" biex tassisti l-awtoritajiet kompetenti fl-impediment, investigazzjonijiet u prosekuzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ sajd IUU. 3. Ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura istitwita fl-Artikolu 52. Kapitolu XII Id-dispożizzjonijiet finali Artikolu 51 – Implimentazzjoni Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52. Artikolu 52 – Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. 2. Fejn tkun qiegħda ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. 3. Il-perjodu istitwit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE qiegħed ikun iffissat għal xahar. 4. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Artikolu 53 – Obbligi ta’ rrapportar 1. Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. 2. Fuq bażi tar-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri u l-osservazzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport kull tliet snin biex jiġi ppreżentat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. 3. Għandha ssir valutazzjoni ta’ l-impatt mill-Kummissjoni ta’ dan ir-regolament fuq l-attivitajiet ta’ sajd IUU 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Artikolu 54 – Revoka L-Artikoli 28b(2), 28e, 28f u 28g tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2847/93, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1093/1994, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999, l-Artikoli 8, 19a, 19b, 19c, 21, 21b, 21c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001 u l-Artikoli 26a, 28, 29, 30 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004 hawnhekk qed jiġu rrevokati. Ir-referenzi għar-Regolamenti rrevokati għandhom jitqiesu bħala r-referenzi għar-Regolament preżenti. Artikolu 55 – Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Il-Kapitolu III għandu japplika għal sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President ANNESS I – Ċertifikat ta’ Qabda tal-Ħut tal-Komunità Ewropea ĊERTIFIKAT TA’ QABDA TAL-ĦUT TAL-KOMUNITÀ EWROPEA | Numru tad-dokument | TAQSIMA TAL-PRODUZZJONI 1. Awtorità ta’ Konvalidazzjoni | Isem | Indirizz | Tel. Faks | 2. Isem il-Bastiment tas-Sajd | Bandiera - Port ta’ l-Istazzjonar & Numru ta’ Reġistrazzjoni | Sinjal tas-Sejħa | Numru ta’ IMO/Lloyd’s (jekk maħruġ) | Nru tal-liċenzja tas-sajd – Valida sa | Nru Inmarsat Nru tat-Telefax Nru tat-Telefon Indirizz elettroniku (jekk maħruġ) | 3. Deskrizzjoni tal-Prodott | Tip ta’ pproċessar awtorizzat: | 4. Referenzi ta’ miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar | Speċi | Kodiċi tal-Prodott | Dati taż-żon(a/i) tal-qabdiet | Piż stmat ħaj (kg) | Piż stmat għall-iżbark (kg) | Piż Żbarkat Ivverifikat (kg) | 5. Dikjarazzjoni mill-kaptan tal-bastiment tas-Sajd: Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta u li l-qabdiet saru b’manjiera konsistenti mal-miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar. Isem - Firma - Siġill: | 6. Projbizzjoni tat-Trasbord fuq il-Baħar Il-Kaptan tal-bastiment tas-Sajd | Firma u Data | Trasbord Data/Żona/Pożizzjoni | Piż stmat (kg) | Isem | Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta. | Kaptan tal-Bastiment Riċevitur | Firma | Isem il-Bastiment | Sinjal tas-Sejħa | Numru ta’ l-IMO/Lloyd’s (jekk maħruġ) | Isem | Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta. | 7. Awtorizzazzjoni għat-trasbord f’Żona ta’ Port: | Isem | Awtorità | Firma | Siġill (Timbru) | Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta | Isem | Awtorità | Firma | Indirizz | Tel. | Port ta’ l-Iżbark | Data ta’ l-Iżbark | Siġill (Timbru) | 8. Taqsima tat-trasport: Pajjiż ta’ l-esportazzjoni Port/ajruport/post ieħor tat-tluq | 7. Dikjarazzjoni ta’ l-Esportatur: Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta. | Isem u bandiera tal-bastiment Numru tat-titjira numru tal-fattura tal-passaġġ bl-ajru Nazzjonalità tat-trakk u numru ta’ reġistrazzjoni Numru tal-fattura tal-passaġġ bil-ferrovija Dokument ieħor ta’ trasport: | Numr(u/i) tal-kontejner(s): lista mehmuża | Isem | Indirizz | Firma | 9. Validazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ l-Istat tal-Bandiera: Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta | Isem/Titlu | Firma | Data | Siġill (Timbru) | 10. Dikjarazzjoni ta’ l-Importatur: | Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta. | Isem tad-Destinatarju/Importatur | Indirizz | Belt | Data | Firma | Kodiċi NM tal-prodott | Dokument ta’ ħelsien minn manipulazzjoni | Referenzi | 11. Kontroll fuq l-importazzjoni | Awtorità | Post | Importazzjoni awtorizzata * | Importazzjoni sospiża* | Verifika mitluba – data | dikjarazzjoni tad-dwana (jekk maħruġa) | Numru | Data | Post | * Immarka skond kif applikabbli ANNESS II – Ċertifikat ta’ Rijesportazzjoni tal-Komunità Ewropea Ċertifikat ta’ Rijesportazzjoni tal-Komunità Ewropea ĊERTIFIKAT TA’ RIJESPORTAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA | Numru taċ-Ċertifikat | Data | Stat Membru | 1. Deskrizzjoni tal-prodott rijesportat: | Deskrizzjoni tal-prodott importat: | Speċi | Kodiċi NM tal-prodott | Piż nett esportat (kg) | Speċi | Kodiċi NM tal-prodott | Piż nett importat (Kg) | Ċertifikat tal-qabda tal-ħut numru data | 2. Ċertifikazzjoni tar-Rijesportatur Niċċertifika li l-informazzjoni t’hawn fuq hija kompleta, vera u korretta u li l-prodott t’hawn fuq ġej mill-prodott importat maċ-Ċertifikat ta’ Qabda tal-Ħut mehmuż. | Isem | Indirizz | Firma | Data | 3. Awtorità | Isem/Titlu | Firma | Data | Siġill (Timbru) | 4. Kontroll fuq ir-rijesportazzjoni | Post: | Rijesportazzjoni awtorizzata * | Rijesportazzjoni sospiża * | Verifika mitluba – data * | Dikjarazzjoni ta’ rijesportazzjoni numru u data | ANNESS III – Notifiki ta’ l-Istati tal-Bandiera, Arranġamenti ta’ Verifika u Kooperazzjoni 1. Il-kontenut tan-notifiki ta’ l-Istati tal-bandiera konformament ma’ l-Artikolu 19 Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati tal-bandiera biex jinnotifikaw l-ismijiet, l-indirizzi u l-marki tas-siġill uffiċjali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom li jkollhom il-poter li: - jirreġistraw bastimenti taħt il-bandiera tagħhom; - jagħtu, jissospendu, jirtiraw liċenzji tas-sajd lill-bastimenti tagħhom; - jikkomunikaw kampjuni tal-forom taċ-ċertifikat ta’ qabda tal-ħut tagħhom skond il-mudell fl-Anness 1; - jaffermaw il-veraċità ta’ l-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut imsemmija fl-Artikolu 13 u jikkonvalidaw dawn iċ-ċertifikati; - jimplimentaw, jikkontrollaw u jinfurzaw liġijiet, regolamenti u miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar li jridu jkunu osservati mill-bastimenti tagħhom; - iwettqu l-verifiki ta’ dawn iċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut biex jassistu l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri bis-saħħa tal-kooperazzjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 19, paragrafu 2; u jaġġornaw dawn in-notifiki. 2. Skemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. - Fejn skema għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut adottata minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd tkun ġiet irrikonoxxuta bħala skema ta’ ċertifikazzjoni ta’ qabda tal-ħut għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, notifiki ta’ l-Istati tal-bandiera magħmula skond dawn l-iskemi għad-dokumentazzjoni ta’ qabda tal-ħut jitqiesu li jkunu saru skond id-dispożizzjonijiet istitwiti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness u d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom jitqiesu li japplikaw mutatis mutandis. 3. L-arranġamenti kooperattivi ma’ l-Istati tal-bandiera msemmija fl-Artikolu 19 Il-Kummissjoni tkun intitolata li tidħol f’negozjati ma’ l-Istati tal-bandiera msemmija fl-Artikolu 19 bl-intenzjoni li tilħaq arranġamenti li jkunu jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ qabda tal-ħut li jidhru f’dan il-Regolament. Dawn l-arranġamenti għandhom jirrispondu għall-prinċipji li ġejjin: - Dawn għandhom jistabbilixxu mezzi kooperattivi biex jiżguraw li l-prodotti tas-sajd importati fil-Komunità Ewropea joriġinaw minn qbid li jkun qed isir b’osservanza tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri applikabbli għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar. - Dawn għandhom jiffaċilitaw it-twettiq mill-Istati tal-bandiera tal-formalitajiet marbutin mad-dħul ta’ bastimenti tas-sajd fil-portijiet, l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u r-rekwiżiti ta’ verifika taċ-ċertifikati tal-qabda tal-ħut stabbiliti fil-Kapitoli II u III. - Dawn għandhom jipprovdu t-tmexxija ta’ verifika fil-post mill-Kummissjoni jew korp maħtur minnha biex jivverifika l-implimentazzjoni effettiva ta’ l-arranġament. - Dawn għandhom jipprovdu l-formazzjoni ta’ qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ naħat b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-arranġament. [1] ĠU C […], […], p. […]. [2] ĠU C […], […], p. […]. [3] ĠU C […], […], p. […]. [4] ĠU C […], […], p. […].