52007PC0477(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali /* KUMM/2007/0477 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.8.2007

KUMM(2007) 477 finali

2007/0171 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonċerna l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-parteċipazzjoni fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, kif indikat fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm[1], hija miftuħa għall-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri taż-ŻEE, kif ukoll għall-pajjiżi terzi Ewropej li huma parti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri. Il-ftuħ tal-Programmi għal pajjiżi terzi Ewropej bħal dawn huwa suġġett għal eżami minn qabel dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma' l-acquis Komunitarju, fid-dimensjonijiet interni u esterni tiegħu.

Wara r-riżultati tar-referendum ta’ l-1992, li ċaħdu l-parteċipazzjoni ta’ l-Iżvizzera fil-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżvizzera wriet interess kontinwu li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ l-UE fis-settur awdjoviżiv. F’dikjarazzjoni konġunta dwar negozjati futuri marbuta mas-seba' ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera ffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999, iż-żewġ naħat stqarrew li x-xogħol ta' tħejjija għan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fil-programmi MEDIA tal-Komunità għandu jipproċedi malajr.

Dan il-qasam ta' kooperazzjoni inbeda tassew matul iċ-ċiklu segwenti ta' negozjati bilaterali. Fis-26 ta’ Ottubru 2004 l-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera ffirmaw Ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-Iżvizzera fil-programmi MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ[2]. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006[3].

Malli ntemmu l-programmi MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ, il-ftehim wasal fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2006.

Fit-12 ta’ Frar 2007 il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati ma’ l-Iżvizzera għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programm MEDIA 2007. Fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjar mehmuża mad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, u f’konsultazzjoni mal-kumitat rilevanti maħtur mill-Kunsill, il-Kummissjoni mexxiet negozjati ma’ l-Iżvizzera għal Ftehim ġdid li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħha fil-MEDIA 2007.

L-abbozz ta’ Ftehim u abbozz ta’ l-Att Finali ġew inizjalati fit-2 ta’ Lulju 2007. Iż-żewġ dokumenti huma mehmuża mal-proposti għal deċiżjonijiet tal-Kunsill.

L-Iżvizzera hija l-ewwel, u bħalissa l-uniku, pajjiż Ewropew li mhuwiex membru taż-ŻEE u lanqas pajjiż kandidat u se jieħu sehem f’dan il-programm.

Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fl-abbozz ta’ Ftehim huma dawn li ġejjin:

- B’konformità mal-prerekwiżiti għall-parteċipazzjoni stipulati fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm, il-Ftehim jiddefinixxi, fl-Anness I, il-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu mill-qafas regolatorju tax-xandir Żvizzeru, kif ukoll arranġamenti oħra rilevanti, li għandhom ikunu fis-seħħ hekk kif jidħol fis-seħħ il-Ftehim. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet li huma diġà inklużi fil-ftehim preċedenti ġew riveduti u kompluti biex ikun hemm kompatibbiltà aktar mill-qrib tal-leġiżlazzjoni Żvizzera ma’ l-acquis: L-Artikoli 1 u 4 fl-Anness I jippermettu approssimazzjoni akbar tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta' riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir u l-Artikolu 2 fl-istess Anness I jiggarantixxi l-konformità Żvizzera mad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar miżuri li ttieħdu għas-salvagwardja tax-xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà – Artikolu 3a tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’ . Il-Komunità se toffri trattament identiku lill-Iżvizzera permezz ta’ dikjarazzjoni tal-Kunsill inkluża fl-Att Finali.

- Il-proġetti u l-inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Iżvizzera se jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri marbuta ma' dawn il-programmi kif inhuma applikati għall-Istati Membri, b’mod partikolari rigward il-preżentazzjoni, il-valutazzjoni u l-għażla ta’ applikazzjonijiet u proġetti, ir-responsabbiltajiet ta’ l-istrutturi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programm, u l-attivitajiet marbuta mal-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm.

- Kull sena l-Iżvizzera se tħallas kontribuzzjoni lill-programm, kif stabbilit fl-Anness II tal-Ftehim.

- Fir-rigward ta’ kontroll finanzjarju u kwistjonijiet ta’ verifika, l-Iżvizzera għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inklużi l-kontrolli minn korpi Komunitarji, kif stabbilit fl-Anness III.

- Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju sa mid-data ta’ l-iffirmar tiegħu u għandu jkompli japplika sa tmiem il-programm, jew sa meta waħda min-naħat tinnotifika lin-naħa l-oħra bix-xewqa tagħha li ttemm il-Ftehim.

- Il-Ftehim se jkun immexxi minn kumitat konġunt, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet.

Fit-30 ta’ Mejju 2007, l-Iżvizzera bagħtet ittra lill-Kummissjoni (il-Kunsillier Federali Couchepin lill-Kummissarju Reding) fejn saħqet li l-pożizzjonijiet Żvizzeri dwar id-dimensjoni esterna tal-politika awdjoviżiva huma konformi ma' dawk ta' l-Unjoni Ewropea, pożizzjonijiet li l-Iżvizzera żżomm fin-negozjati internazzjonali rilevanti. F’din il-linja, l-ittra indikat li l-Iżvizzera bħalissa tinsab fil-proċess li tirratifika l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali.

Fl-istess spirtu ta’ l-ittra, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni soda tal-Ftehim u msaħħa l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika awdjoviżiva, fl-Att Finali ġiet inkluża Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi djalogu ta’ benefiċċju reċiproku dwar dawn il-kwistjonijiet.

It-tieni Dikjarazzjoni Konġunta hija sinjal ta’ l-impenn tal-Partijiet li jadattaw il-Ftehim, permezz tal-Kumitat Konġunt, ladarba tidħol fis-seħħ ir-reviżjoni tad-Direttiva attwali “Televiżjoni mingħajr Fruntieri”.

B’analoġija ma’ l-arranġamenti li twettqu mal-firma tal-Ftehim preċedenti fl-20 ta’ Ottubru 2004, id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tkopri mistoqsijiet dwar l-attendenza tar-rappreżentanti ta’ l-Iżvizzera fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Programm bħala osservaturi, għall-punti li jikkonċernaw l-Iżvizzera.

Qed tiġi proposta t-tieni Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Anness I, sabiex l-Iżvizzera tingħata trattament identiku bi qbil ma’ l-impenji meħuda mill-Iżvizzera dwar avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà .

Il-Kummissjoni ġġudikat ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u titlob lill-Kunsill biex jawtorizza l-firma f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali.

Id-deċiżjoni proposta dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja timplimenta d-dispożizzjoni ta’ l-abbozz ta’ Ftehim dwar l-applikazzjoni provviżorja sa mill-jum tal-firma. Id-dispożizzjoni se tippermetti lill-parteċipanti mill-Iżvizzera li jieħdu sehem xorta f’għadd sinifikanti ta’ sejħiet.

L-Iżvizzera se tikkontribwixxi finanzjarjament għall-programm MEDIA 2007 bħallikieku pparteċipat mill-ewwel jum.

Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tistabbilixxi rabta politika bejn dan il-Ftehim u s-seba’ ftehimiet iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999, b’mod partikolari l-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni li għalih l-Iżvizzera għandha tiddeċiedi fl-2009 dwar it-tkomplija tiegħu, deċiżjoni li x’aktarx se tkun is-suġġett ta’ referendum.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonċerna l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 150 (4) u 157 (3), flimkien ma’ l-Artikolu 300 (2), l-ewwel sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, P. 12), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, tipprevedi li l-programm ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li huma partijiet fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri minbarra l-pajjiżi ta’ l-EFTA li huma parti mill-Ftehim taż-ŻEE u l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ approprjazzjonijiet supplimentari, skond il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati.

(2) Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem il-Komunità Ewropea, Ftehim biex tippermetti lill-Konfederazzjoni Żvizzera li tipparteċipa f’dan il-programm u Att Finali għal dak il-Ftehim.

(3) In-negozjati ġew konklużi fit-2 ta’ Lulju 2007 billi ġie inizjalat abbozz ta’ Ftehim.

(4) L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprevedi li għandu jiġi applikat b’mod provviżorju sa mid-data tal-firma.

(5) Dan il-Ftehim u l-Att Finali għandhom jiġu ffirmati,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex torbot/jorbtu l-Komunità, u l-Att Finali.

Artikolu 2

Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju sa mid-data tal-firma.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Dan il-Ftehim huwa marbut mas-seba’ ftehimiet iffirmati ma’ l-Iżvizzera fil-21 ta’ Ġunju 1999 u konklużi mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2002.

Dan il-Ftehim mhux se jiġi mġedded jew innegozjat mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tiegħu f’każ li l-ftehimiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew mitmuma.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

It-testi tal-Ftehim u ta' l-Att Finali huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2007/0171 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att Finali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 150 (4) u 157 (3), flimkien ma' l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità Ewropea, ftehim biex tippermetti lill-Konfederazzjoni Żvizzera li tipparteċipa fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, u Att finali.

(2) Il-Ftehim u l-Att Finali ġew iffirmati f'isem il-Komunità fil-………….2007, suġġett għal konklużjoni f'data ulterjuri, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill .../.../2007[5].

(3) Dan il-ftehim għandu jkun approvat,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam Awdjoviżiv, li jadotta t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, hu hawnhekk approvat f'isem il-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem il-Komunità, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 13 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Dan il-Ftehim huwa marbut mas-seba’ ftehimiet iffirmati ma’ l-Iżvizzera fil-21 ta’ Ġunju 1999 u konklużi mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2002.

Dan il-Ftehim mhux se jiġi mġedded jew innegozjat mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tiegħu f’każ li l-ftehimiet imsemmija fil-Paragrafu 1 ikunu ġew mitmuma.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Komunità’,

min-naħa l-waħda,

u L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘Żvizzera’,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem it-tnejn flimkien imsejħa ‘il-Partijiet Kontraenti’,

BILLI l-Komunità, skond id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006[6], stabbiliet programm ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (minn hawn ’il quddiem ‘id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007’);

BILLI l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007 jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li huma parti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri, minbarra l-pajjiżi ta’ l-EFTA li huma parti mill-Ftehim taż-ŻEE u l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ approprjazzjonijiet supplimentari u proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati;

BILLI minħabba d-dispożizzjoni msemmija hawn fuq il-ftuħ tal-programm għal dawn il-pajjiżi terzi huwa suġġett għal eżami minn qabel tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħhom ma’ l- acquis communautaire rilevanti;

BILLI l-Iżvizzera ħadet sehem fil-programmi MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ li waslu fi tmiemhom fil-31 ta’ Diċembru 2006;

BILLI l-Iżvizzera impenjat ruħha li tlesti l-qafas leġiżlattiv tagħha biex tiżgura l-livell meħtieġ ta' kompatibbiltà ma’ l- acquis communautaire ; billi, għaldaqstant, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Iżvizzera tilħaq il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007;

BILLI, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Iżvizzera, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ffissati għall-programm MEDIA 2007, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali li jinvolvu l-Komunità u l-Iżvizzera, min-natura tagħha ttejjeb l-impatt ta’ l-azzjonijiet differenti meħuda skond dan il-programm u ssaħħaħ il-livelli ta’ ħila tar-riżorsi umani fil-Komunità u fl-Iżvizzera;

BILLI l-Partijiet Kontraenti għandhom interess komuni fl-iżvilupp ta’ l-industrija Ewropea tal-programmi awdjoviżivi fil-kuntest ta’ kooperazzjoni aktar estensiva;

BILLI l-Partijiet Kontraenti konsegwentement jippretendu li jiksbu benefiċċji reċiproċi mill-parteċipazzjoni ta' l-Iżvizzera fil-programm MEDIA 2007,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

L-għan tal-kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Iżvizzera stabbilita b’dan il-Ftehim huwa s-sehem ta' l-Iżvizzera fl-azzjonijiet kollha taħt il-programm MEDIA 2007. Sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix mod ieħor, dan għandu jseħħ bir-rispett dovut għall-objettivi, il-kriterji, il-proċeduri u l-iskadenzi stipulati mid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007.

Artikolu 2

Kompatibbiltà ta’ l-oqsfa leġiżlattivi

Sabiex tkun kapaċi tilħaq il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni stipulati mid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007 fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Iżvizzera se timplimenta l-miżuri deskritti fl-Anness I, bl-għan li tlesti l-qafas leġiżlattiv tagħha biex tiżgura l-livell meħtieġ ta' kompatibbiltà ma’ l- acquis communautaire .

Artikolu 3

Eliġibbiltà

Sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix mod ieħor:

1. Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u individwi mill-Iżvizzera f’kull waħda mill-azzjonijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għal organizzazzjonijiet u individwi mill-Istati Membri tal-Komunità.

2. L-eliġibbiltà ta’ istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi mill-Iżvizzera għandha tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007.

3. Sabiex tkun żgurata d-dimensjoni Komunitarja tal-programm, il-proġetti u l-attivitajiet kollha li jinneċessitaw sħubija Ewropea għandhom, biex ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Komunità, jinkludu għall-inqas imsieħeb wieħed minn wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità. Proġetti u azzjonijiet oħrajn għandhom jippreżentaw dimensjoni Ewropea u Komunitarja ċara.

Artikolu 4

Proċeduri

1. It-termini u l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni, il-valutazzjoni u l-għażla ta' applikazzjonijiet minn istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi mill-Iżvizzera għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għal istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi eliġibbli mill-Istati Membri tal-Komunità.

2. Skond id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm MEDIA 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Kummissjoni’) tista' tikkunsidra esperti Żvizzeri meta taħtar esperti indipendenti biex jgħinuha fl-evalwazzjoni tal-proġetti.

3. Il-lingwa li għandha tintuża fil-kuntatti kollha mal-Kummissjoni, rigward il-proċess ta’ applikazzjoni, il-kuntratti, ir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati u aspetti amministrattivi oħra tal-programm, għandha tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 5

Strutturi nazzjonali

1. L-Iżvizzera għandha tistabbilixxi l-istrutturi u l-mekkaniżmi xierqa fil-livell nazzjonali u għandha tadotta l-miżuri l-oħra meħtieġa għall-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni nazzjonali ta' l-attivitajiet biex timplimenta l-programm MEDIA 2007 skond id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi dan il-programm. B’mod partikolari, l-Iżvizzera impenjat ruħha li tistabbilixxi MEDIA Desk b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

2. L-ammont massimu ta’ appoġġ finanzjarju li għandu jiġi allokat mill-programm għall-attivitajiet tal-MEDIA Desk m’għandux jaqbeż il-50 % tal-baġit totali għal dawn l-attivitajiet.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħha fil-programm MEDIA 2007, l-Iżvizzera kull sena se tħallas kontribuzzjoni lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea skond it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 7

Kontroll finanzjarju

Ir-regoli dwar il-kontroll finanzjarju marbut mal-parteċipanti Żvizzeri fil-programm MEDIA 2007 huma stipulati fl-Anness III.

Artikolu 8

Kumitat Konġunt

1. Kumitat Konġunt huwa hawnhekk stabbilit.

2. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u rappreżentanti ta' l-Iżvizzera. Għandu jaġixxi bi ftehim reċiproku.

3. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim.

4. Fuq talba ta’ xi ħadd minnhom, il-Partijiet Kontraenti għandhom jaqsmu l-informazzjoni u jwettqu konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-attivitajiet koperti minn dan il-Ftehim u marbuta ma' l-aspetti finanzjarji.

5. Sabiex jiddiskuti t-tħaddim xieraq ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti. Għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura u jista’ joħloq gruppi ta’ ħidma biex jgħinuh fix-xogħol tiegħu.

6. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jressqu xi tilwim marbut ma’ l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim lill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jista’ jsolvi dan it-tilwim u għandu jingħata kull informazzjoni li tista' tkun utli għal eżami fil-fond tas-sitwazzjoni bl-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina l-possibbiltajiet kollha biex jinżamm it-tħaddim xieraq ta' dan il-Ftehim.

7. Il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina perjodikament l-Annessi ta’ dan il-Ftehim. Fuq proposta minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, hu jista’ jiddeċiedi li jemendahom.

Artikolu 9

Monitoraġġ, evalwazzjoni u rapporti

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Komunità fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm skond id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Deċiżjoni li tisabbilixxi l-programm MEDIA 2007, il-parteċipazzjoni ta’ l-Iżvizzera fil-programm MEDIA 2007 għandha tiġi mmonitorjata kontinwament fil-kuntest ta’ sħubija bejn il-Komunità u l-Iżvizzera. Sabiex tgħinha fit-tħejjija tar-rapporti dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-programm, l-Iżvizzera għandha tippreżenta kontribuzzjoni lill-Kummissjoni fejn tiddeskrivi l-miżuri nazzjonali meħuda mill-Iżvizzera f’dan ir-rigward. Hi għandha tieħu sehem f’kull attività speċifika oħra proposta mill-Komunità għal dan l-għan.

Artikolu 10

Annessi

L-Annessi ta' dan il-Ftehim se jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 11

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, u għat-territorju ta’ l-Iżvizzera.

Artikolu 12

Tul u terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim huwa konkluż għat-tul tal-programm MEDIA 2007.

2. Jekk il-Komunità tadotta programm ġdid multiannwali ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew, dan il-Ftehim jista’ jiġi estiż jew innegozjat mill-ġdid skond kundizzjonijiet maqbula reċiprokament.

3. Kemm il-Komunità kif ukoll l-Iżvizzera jistgħu jtemmu dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf japplika 12-il xahar wara d-data ta' din in-notifika. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu fis-seħħ fil-waqt tat-terminazzjoni għandhom jissoktaw sakemm jitlestew skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet Kontraenti għandhom isolvu bi ftehim reċiproku xi kwistjonijiet oħra dwar it-terminazzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara n-notifika mill-Partijiet Kontraenti li jkunu temmew il-proċeduri rispettivi tagħhom. Għandu jiġi applikat b’mod provviżorju sa mid-data meta jkun iffirmat.

Artikolu 14

Użu tal-lingwi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, u Ungeriża, b'kull test ikun ugwalment awtentiku.

Magħmul fi ……….. fi…….

Għall-Komunità Ewropea | Għall-Konfederazzjoni Żvizzera |

ANNESS I

Artikolu 1

Libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir

1. L-Iżvizzera għandha tiżgura l-libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni fit-territorju tagħha fir-rigward tax-xandir televiżiv taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità (kif stabbilit skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv[7], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘id-Direttiva Televiżjoni mingħajr Fruntieri’, kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), skond il-proċeduri li ġejjin:

L-Iżvizzera għandha żżomm id-dritt li

(a) tissospendi r-ritrażmissjoni tax-xandir minn organizzazzjoni ta’ xandir televiżiv, taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità, li b’mod ċar, serju u gravi kisret ir-regoli dwar il-ħarsien tal-minuri u tad-dinjità umana stipulati fl-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’;

(b) tieħu azzjoni kontra organizzazzjoni ta’ xandir televiżiv li hi stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Komunità iżda li l-attività tagħha hija indirizzata kompletament jew primarjament lejn it-territorju Żvizzeru, jekk il-post ta’ stabbiliment intgħażel bl-għan li jiġu evażi r-regoli li kienu jkunu applikabbli għall-organizzazzjoni li kieku kienet stabbilita fit-territorju Żvizzeru. Dawn il-kundizzjonijiet se jiġu interpretati fid-dawl tal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tittieħed azzjoni wara skambju ta’ fehmiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skond dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà

1. L-Iżvizzera għandha tiżgura li x-xandara fil-ġuriżdizzjoni tagħha ma jeżerċitawx drittijiet esklussivi fuq avvenimenti ta’ importanza kbira skond il-lista ta’ Stat Membru tal-Komunità b’tali mod li proporzjon sostanzjali tal-pubbliku ta’ dan l-Istat Membru jkun mċaħħad milli jsegwi dawn l-avvenimenti, skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’.

2. Skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3a tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’, l-Iżvizzera għandha tgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward.

Artikolu 3

Promozzjoni tad-distribuzzjoni u l-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej

Għall-għan ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri dwar il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, id-definizzjoni ta’ xogħol Ewropew għandha tkun dik stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

L-Artikolu 1 f’dan l-Anness se japplika mit-30 ta’ Novembru 2009.

Qabel it-30 ta’ Novembru 2009, id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 ta’ l-Anness II tal-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programmi tal-Komunità MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ se jibqgħu japplikaw.

ANNESS II

Kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżvizzera lill-MEDIA 2007

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha ssir mill-Iżvizzera lill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa fil-programm MEDIA 2007 għandha tkun kif ġej (f’euro):

2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 |

4 205 000 | 5 805 677 | 5 921 591 | 6 039 823 | 6 160 419 | 6 283 427 | 6 408 897 |

2. Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[8] u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu[9] għandhom japplikaw, b’mod partikolari għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni ta’ l-Iżvizzera.

3. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien tar-rappreżentanti u ta’ l-esperti mill-Iżvizzera f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat organizzati mill-Kummissjoni b’rabta ma’ l-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni fuq l-istess bażi u skond il-proċeduri li bħalissa huma fis-seħħ għal esperti mill-Istati Membri tal-Komunità.

4. Wara l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim, u fil-bidu ta’ kull sena sussegwenti, il-Kummissjoni se tibgħat talba lill-Iżvizzera għal fondi li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħha lill-baġit għall-programm, skond dan il-Ftehim. Din il-kontribuzzjoni għandha tiġi espressa f'euro u mħallsa ġo kont bankarju ta’ l-euro tal-Kummissjoni.

5. L-Iżvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha sa l-1 ta’ April, jekk it-talba għall-fondi tintbagħat mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Marzu, jew mhux aktar tard minn 30 jum wara t-talba għall-fondi jekk din tintbagħat mill-Kummissjoni wara dik id-data. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni se jimplika l-ħlas ta' imgħax mill-Iżvizzera fuq l-ammont pendenti mid-data dovuta. Ir-rata ta' l-interessi għandha tikkorrispondi għar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, fid-data dovuta, għall-operazzjonijiet tiegħu f'euro, b’żieda ta' 3.5 punti perċentwali.

ANNESS III

Kontroll finanzjarju tal-parteċipanti Żvizzeri fil-programm MEDIA 2007

Artikolu 1

Komunikazzjoni diretta

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti tal-programm stabbiliti fl-Iżvizzera u mas-sottokuntratturi tagħhom. Dawn jistgħu jippreżentaw direttament lill-Kummissjoni l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma obbligati li jipprovdu fuq il-bażi ta’ l-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim u tal-kuntratti konklużi biex jiġu implimentati.

Artikolu 2

Verifiki

1. Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat l-aħħar bir-Regolament Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007, u skond id-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan il-Ftehim, id-deċiżjonijiet dwar ftehim ta’ għotja li jinvolvu l-parteċipanti tal-programm stabbiliti fl-Iżvizzera jistgħu jipprevedu verifiki xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi jew verifiki oħra li għandhom jitmexxew f’kull ħin fl-istabbilimenti tal-parteċipanti jew tas-sottokuntratturi tagħhom mill-istaff tal-Kummissjoni jew persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni.

2. L-istaff tal-Kummissjoni u persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, xogħlijiet u dokumenti u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu t-tali verifiki, inkluż informazzjoni fil-forma elettronika. Dan id-dritt ta' aċċess għandu jiġi ddikjarat b’mod espliċitu fil-kuntratti konklużi biex jiġu implimentati l-istrumenti msemmija f'dan il-ftehim.

3. Il-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni.

4. Il-verifiki jistgħu jsiru wara li jiskadi l-programm jew dan il-Ftehim, skond it-termini stabbiliti fil-kuntratti kkonċernati.

5. L-Uffiċċju Federali tal-Verifika Żvizzeru għandu jiġi mgħarraf minn qabel bil-verifiki li għandhom isiru fit-territorju Żvizzeru. Din l-informazzjoni mhijiex kundizzjoni legali għat-twettiq tal-verifiki.

Artikolu 3

Kontrolli fuq il-post

1. Fi ħdan il-Qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni (u l-OLAF) hija awtorizzata li twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju Żvizzeru, skond it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolarijiet oħra.

2. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitmexxew mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Uffiċċju Federali tal-Verifika Żvizzeru jew ma' l-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri oħra nnominati mill-Uffiċċju Federali tal-Verifika Żvizzeru, li għandhom jiġu nnotifikati fi żmien xieraq dwar l-iskop, l-għan u l-bażi legali tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

3. Jekk l-awtoritajiet Żvizzeri kkonċernati jkunu jixtiequ hekk, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mill-Kummissjoni u minnhom.

4. Jekk il-parteċipanti fil-programm MEDIA 2007 jopponu għal kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Żvizzeri, b'konformità mar-regoli nazzjonali, għandhom jagħtu l-assistenza meħtieġa lill-ispetturi tal-Kummissjoni biex jaqdu dmirijiethom ta' kontroll u spezzjoni fuq il-post.

5. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport malajr kemm jista' jkun lill-Uffiċċju Federali tal-Verifika Żvizzeru dwar xi fatt jew suspett marbut ma’ xi irregolarità li tkun waslet għan-notifika tagħha waqt li jkunu qed isiru l-kontrolli jew l-ispezzjonijiet fuq il-post. F’kull każ, il-Kummissjoni hija obbligata li tgħarraf lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultat ta' tali kontrolli u spezzjonijiet.

Artikolu 4

Informazzjoni u konsultazzjoni

1. Għall-għanijiet ta' implimentazzjoni korretta ta' dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri u Komunitarji għandhom jaqsmu l-informazzjoni b’mod regolari u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, għandhom iwettqu konsultazzjonijiet.

2. L-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kull informazzjoni li tkun waslet għan-notifika tagħhom li tindika xi irregolarità b'rabta mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ kuntratti jew ftehim konklużi biex ikunu implimentati l-istrumenti msemmija f’dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba f’kull għamla skond dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u mħarsa bl-istess mod bħalma tkun imħarsa informazzjoni simili mill-liġi Żvizzera u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità. Tali informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata għajr lil persuni fl-istituzzjonijiet tal-Komunità, fl-Istati Membri jew fl-Iżvizzera, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafu biha, l-anqas ma tista’ tintuża għal għanijiet oħra ħlief dawk biex ikun żgurat il-ħarsien effettiv ta' l-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6

Miżuri amministrattivi u penali

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Żvizzera, jistgħu jiġu imposti miżuri amministrattivi u penali mill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni taħt il-programm MEDIA 2007 fl-ambitu ta' dan il-Ftehim li jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ flus fuq persuni oħra li mhumiex Stati, għandhom jiġu infurzati fl-Iżvizzera. L-ordni għall-infurzar għandu jinħareġ, mingħajr ebda kontroll iehor ħlief il-verifika ta' l-awtentiċità ta' l-att, mill-awtorità nnominata mill-gvern Żvizzeru, li għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien żejjed. L-infurzar għandu jseħħ b'konformità mar-regoli ta’ proċedura Żvizzeri. Il-legalità tad-deċiżjoni ta’ l-infurzar għandha tkun soġġetta għal kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti tal-Prim Istanza sussegwenti għal klawsola ta' arbitraġġ huma infurzabbli bl-istess termini.

ATT FINALI

Il-plenipotenzjari tal-KOMUNITÀ EWROPEA u tal-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, li ltaqgħu fi ……..fi ……….. 2007, għall-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, adottaw id-dikjarazzjonijiet konġunti li ġejjin, li jinsabu mehmuża ma' dan l-Att Finali:

Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar l-iżvilupp ta’ djalogu ta’ benefiċċju reċiproku dwar il-politika awdjoviżiva.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar l-adattament tal-Ftehim għad-Direttiva ġdida tal-Komunità.

Huma ħadu nota wkoll tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin, li jinsabu mehmuża ma' dan l-Att Finali:

Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fil-kumitati.

Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Anness I tal-Ftehim.

Magħmul fi …….. fi……………………

Għall-Konfederazzjoni Żvizzera | Għall-Komunità Ewropea |

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

mill-Partijiet Kontraenti dwar l-iżvilupp ta’ djalogu ta’ benefiċċju reċiproku dwar il-politika awdjoviżiva

Iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw li, bl-għan li tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim u jkun ikkonsolidat l-ispirtu ta' kooperazzjoni fi kwistjonijiet marbuta mal-politika awdjoviżiva, l-iżvilupp ta' djalogu dwar dawn is-suġġetti huwa kwistjoni ta’ interess komuni. Iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw li dan id-djalogu se jseħħ kemm fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skond il-Ftehim u f’areni oħra, fejn ikun xieraq u kull meta jkun meħtieġ. Iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw li, b’dan il-ħsieb, ir-rappreżentanti ta’ l-Iżvizzera jistgħu jiġu mistiedna għal laqgħat li jsiru fil-marġinu tal-laqgħat tal-‘Kumitat ta' Kuntatt’ stabbilit bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

mill-Partijiet Kontraenti dwar l-adattament tal-Ftehim għad-Direttiva ġdida tal-Komunità

Il-Partijiet jiddikjaraw li meta tiġi adottata Direttiva ġdida fuq il-bażi tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (COM/2005/0646 finali), il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni fl-Artikolu 1 ta’ l-Anness I, tar-referenza għad-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’referenza għad-direttiva l-ġdida.

DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fil-kumitati

Il-Kunsill jaqbel li r-rappreżentanti ta' l-Iżvizzera għandhom, sakemm il-kwistjonijiet jikkonċernawhom, jattendu l-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi ta' esperti tal-programm MEDIA bħala osservaturi. Dawn il-kumitati u gruppi ta’ esperti għandhom jiltaqgħu mingħajr ir-rappreżentanti Żvizzeri meta ssir il-votazzjoni.

DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-Anness I tal-Ftehim

Għat-tħaddim tajjeb tal-Ftehim,

i) bi qbil ma’ l-impenn ta’ l-Iżvizzera dwar il-libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir, ix-xandiriet televiżivi taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ l-Iżvizzera għandhom jingħataw l-istess trattament li l-Iżvizzera tapplika għal xandiriet televiżivi taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità, kif stabbilit fl-Artikolu 1 f’dan l-Anness.

ii) bi qbil ma’ l-impenn ta’ l-Iżvizzera biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex ikun żgurat ix-xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, trattament ugwali għal dak mogħti lill-miżuri ta' l-Istati Membri previsti skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva ‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri', għandu jingħata lil miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu mill-Iżvizzera f'dan ir-rigward.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. ISEM TAL-PROPOSTA

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qasam Awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programmi tal-Komunità MEDIA 2007, u Att finali.

2. QAFAS ABM / ABB

Qasam ta’ politika: Soċjetà Informatika u Mezzi tax-Xandir

3. LINJI TAL-BAĠIT

4. Il-linji tal-baġit (linji operattivi u linji relatati ta’ għajnuna teknika u amministrattiva (eż-linji B.A) inklużi l-intestaturi:

5. Il-parteċipazzjoni ta’ l-imsieħba Żvizzeri f’attivitajiet tal-programm, kif ukoll l-ispejjeż marbuta ma' l-implimentazzjoni tal-Ftehim (spejjeż ta' l-ivvjaġġar ta' esperti Ewropej u uffiċjali tal-Kummissjoni fuq missjonijiet, sessjonijiet ta' ħidma, seminars u laqgħat) se jiġu ddebitati lil intestaturi baġitarji speċifiċi għall-programm MEDIA 2007 u linji baġitarji relatati:09 06 01 Media 200709 01 04 05 MEDIA 2007 Nefqa fuq ġestjoni Amministrattiva09 01 04 30 L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżwali u l-Kultura – Sussidju għall-programmi taħt l-intestatura 3B

6. Il-parteċipazzjoni Żvizzera

7. Linja baġitarja 6033 (dħul).

8. It-tul ta' żmien ta' l-azzjoni u ta' l-impatt finanzjarju:

Mid-data ta’ l-iffirmar tagħha għat-tul tal-programm MEDIA 2007, kif stabbilit fl-Artikoli 12 u 13 tal-Ftehim.

9. Karatteristiċi tal-baġit (żid ir-ringieli jekk meħtieġ):

Linja baġitarja | Tip ta' nefqa | Ġdid | Kontribuzzjoni mill-EFTA | Kontribuzzjoni mill-pajjiżi applikanti | Intestatura fil-perspettiva finanzjarja |

06 06 01 09 01 04 05 09 01 04 30 | Mhux obblig. Mhux obblig. Mhux obblig. | Diff[10] Mhux diff[11] Mhux diff | Le Le Le | Iva Iva Iva | Iva Iva Iva | Nru 3B Nru 3B Nru 3B |

10. TAQSIRA TAR-RIŻORSI

11. Riżorsi Finanzjarji

12. Taqsira ta’ l-approprjazzonijiet ta’ impenn (CA) u l-approprjazzjonijiet ta’ ħlas (PA)

f |

TOTAL ta’ CA inkluż il-kofinanzjament | a+c+d+e+f |

13. Il-kompatibbiltà ma' l-Ipprogrammar Finanzjarju

x Il-proposta hija kompatibbli ma' l-ipprogrammar finanzjarju eżistenti.

( Il-proposta se tikkonsisti fl-ipprogrammar mill-ġdid ta’ l-intestatura rilevanti fil-perspettiva finanzjarja.

( Il-proposta tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali[15] (jiġifieri strument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja).

14. L-impatt finanzjarju fuq id-Dħul

( Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji fuq id-dħul

x Il-proposta tħalli impatt finanzjarju – l-effett fuq id-dħul hu kif ġej:

Qabel l-azzjoni [Sena n - 1] | Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni |

B*, C*/AST |

12 360 | 8 missjonijiet ta’ jumejn |

24 720 | Kumpens għall-ivvjaġġar u kumpens għall-għajxien għal 16-il parteċipant f’laqgħat li jdumu jumejn |

(8 240+ 6 180) =14 420 | Kumpens għall-ivvjaġġar u kumpens għall-għajxien għal tliet parteċipanti f’laqgħat li jdumu jumejn Kumpens għall-ivvjaġġar u kumpens għall-għajxien għal żewġ esperti Żvizzeri f’żewġ laqgħat li jdumu medja ta' ħamest ijiem |

15. Spiża finanzjarja ta’ riżorsi umani u spejjeż assoċjati mhux inklużi fl-ammont ta’ referenza

Tip ta’ riżorsi umani |2007 |2008 |2009 |2010 |2011 |2012 |2013 |Total | |Uffiċjali u persunal temporanju (XX 01 01) | | | | | | | | | |Persunal iffinanzjat mill-Artikolu XX 01 02 (awżiljarju, END, persunal b'kuntratt, eċċ.)

(speċifika l-linja baġitarja) |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | Spiża totali fuq Riżorsi Umani u spejjeż assoċjati (MHUX inklużi fl-ammont ta’ referenza) | | | | | | | | | | Kalkolu – Uffiċjali u aġenti Temporanji - NA

Għandha ssir referenza għall-Punt 8.2.1, jekk applikabbli Kalkolu – Persunal iffinanzjat taħt l-Art. XX 01 02 - NA

Għandha ssir referenza għall-Punt 8.2.1, jekk applikabbli

16. Nefqa amministrattiva oħra mhux inkluża fl-ammont ta' referenza

| 2007 |2008 |2009 |2010 |2011 |2012 |2013 |TOTAL | |XX 01 02 11 01 – Missjonijiet | | | | | | | | | |XX 01 02 11 02 – Laqgħat u Konferenzi | | | | | | | | | |XX 01 02 11 03[22] – Kumitati

| | | | | | | | | |XX 01 02 11 04 – Studji u konsultazzjonijiet | | | | | | | | | |XX 01 02 11 05 – Sistemi ta' informazzjoni | | | | | | | | | | 2. Total ta' Nefqiet Oħrajn ta' Ġestjoni (XX 01 02 11) | | | | | | | | | | 3. Nefqa oħra ta’ natura amministrattiva (speċifika billi tindika r-referenza għall-linja baġitarja) | | | | | | | | | | Total ta’ nefqa Amministrattiva, għajr riżorsi umani u nefqiet assoċjati (li MHUMIEX inklużi fl-ammont ta’ referenza) |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | |Kalkolu – Nefqa amministrattiva oħra mhux inkluża fl-ammont ta' referenza

ANNESS METODU TA’ KALKOLU TA' L-EFFETT FUQ ID-DĦUL

Il-kontribuzzjoni ta’ l-Iżvizzera lill-baġit tal-programm MEDIA 2007 tqis żewġ elementi:

- l-ispejjeż operattivi prevedibbli, li ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-baġits tal-programm u l-kapaċità stmata ta’ assorbiment tal-pajjiż,

- l-ispejjeż amministrattivi prevedibbli, li jikkorrispondu għal-laqgħat, għall-missjonijiet u għal impjegat A temporanju wieħed.

*****

[1] Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12).

2 ĠU L 90, tat-28.3.2006, p. 23.

3 ĠU L 90, tat-28.3.2006, p. 35.

4 ĠU C..., ... p. ....

5 ĠU L … ta’ …, p….

6 Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12).

7 Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri rigward it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23).

8 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248 tas-16.9.2002, p.1), kif immodifikat mir-Regolament Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390 tat-30.12.2006, p.1).

9 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 357 tal-31.12.2002, p.1), kif immodifikat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007 (ĠU L 111 tat-28.04.2007, p.13-45).

[2] Approprjazzjonijiet differenzjati.

[3] Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

[4] Nefqa li ma taqax taħt il-Kapitolu xx 01 tat-Titolu xx ikkonċernat.

[5] Nefqa skond l-Artikolu xx 01 04 tat-Titolu xx.

[6] Nefqa skond l-Kapitolu xx 01 minbarra l-Artikoli xx 01 04 jew xx 01 05.

[7] Ara l-punti 19 u 24 tal-ftehim Interistituzzjonali.

[8] Jekk jiġi indikat aktar minn metodu wieħed, jekk jogħġbok agħti dettalji addizzjonali fit-taqsima "Kummenti rilevanti" ta' dan il-punt.

[9] Kif imfisser fit-Taqsima 5.3.

[10] In-nefqa tiegħu MHIX koperta mill-ammont ta’ referenza.

[11] In-nefqa tiegħu MHIX koperta mill-ammont ta’ referenza.

[12] In-nefqa tiegħu inkluża fi ħdan l-ammont ta’ referenza.

[13] Kumitati għall-ġestjoni tal-programmi u eventwalment kumitati għall-għażla ta’ proġetti

[14] Speċifika t-tip ta’ kumitat u l-grupp li għalih jappartjeni.